23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/7
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta' Diċembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-195/05) (1)
(Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Ambjent - Direttivi 75/442/KEE u 91/156/KEE - Kunċett ta' “skart’ - Fdal ta' ikel li ġej mill-industrija agroalimentari intiż għall-produzzjoni ta' l-għalf - Fdal li ġej minn preparazzjonijiet ta' kċejjen intiżi għal faċilitajiet ta' kenn għal annimali domestiċi)
(2008/C 51/12)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Konstantinidis, aġent, u G. Bambara, avukat)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: I. M. Braguglia, aġent u G. Fiengo, avukat)
Suġġett
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu — Ksur ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill, 75/442 tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194 p. 39) kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta' Marzu 1991 (ĠU L 78 p. 32) — Liġi nazzjonali li teskludi ċertu skart mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva
Dispożittiv
1)
Ir-Repubblika Taljana,
—
billi adottat struzzjonijiet operattivi li huma validi ghat-territorju nazzjonali kollu, stabbiliti b'mod partikolari fiċ-ċirkulari tal-Ministeru għall-Ambjent tat-28 ta' Ġunju 1999 li għandha gwida ta' interpretazzjoni f'dak li jikkonċerna l-kunċett ta' skart, u ċ-ċirkulari tal-Ministeru għas-Saħħa li għandu linji gwida dwar ir-rekwiżiti ta' saħħa u iġjene dwar l-użu fl-għalf ta' l-annimali ta' materjali u ta' prodotti sekondarji li ġejjin miċ-ċiklu produttiv u kummerċjali ta' l-industrija agroalimentari, tat-22 ta' Lulju 2002, li jeskludu mill-ambitu tar-regoli fuq l-iskart prodotti ta' l-ikel mormija mill-industrija agroalimentari li huma intiżi ghall-produzzjoni ta' l-għalf; u
—
billi eskludiet, permezz ta' l-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 179 tal-31 ta' Lulju 2002, mill-ambitu tar-regoli fuq l-iskart, fdal mill-preparazzjoni fi kċejjen tat-tipi kollha ta' ikel solidu, imsajjar jew nej, li ma daħalx fil-katina ta' tqassim u li huwa intiż ghal faċilitajiet ta' kenn għal annimali domestiċi,
naqset li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat-18 ta' Marzu 1991.
2)
Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata tbati l-ispejjeż.
(1) ĠU C 182, 23.7.2005.
Full & Egal Universal Law Academy