23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta' Diċembru 2007 (talba għal deċiżjoni preliminari ta' l-Arbetsdomstolen — l-Iżvezja) — Laval un Partneri Ltd vs Svenska Byggnadsarbetarefőrbundet, Svenska Byggnadsarbetarefőrbundets avd. 1, Byggettan, Svenska Eletrikerfőrbundet
(Kawża C-341/05) (1)
(Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Direttiva 96/71/KE - Kollokazzjoni ta' ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa l-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta' l-impjieg li jikkonċernaw is-suġġetti msemmija fis-subparagrafi (a) sa (g) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3(1), bl-eċċezzjoni tar-rati ta' paga minima - Ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni li l-klawżoli tiegħu jiffissaw kundizzjonijiet iktar favorevoli jew li huma relatati ma' suġġetti oħra - Possibbiltà għall-organizzazzjonijiet sindakali li jippruvaw iġiegħlu, permezz ta' azzjonijiet kollettivi, lil impriżi fi Stati Membri oħr li jinnegozjaw każ b'każ sabiex jiddeterminaw ir-rati ta' paga minima li għandhom jitħallsu lill-ħaddiema u sabiex jaderixxu ma' ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni)
(2008/C 51/15)
Lingwa tal-kawża: L-Iżvediż
Qorti tar-rinviju
Arbetsdomstolen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Laval un Partneri Ltd
Konvenuti: Svenska Byggnadsarbetareforbundet, Svenska Byggnadsarbetareforbundets avd. 1, Byggettan, Svenska Eletrikerforbundet
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Arbetsdomstolen — Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 12 u 49 KE kif ukoll ta' l-Artikoli 3(1), 3(7), 3(8), 3(10) u 4 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71/KE tas-16 ta' Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qasam ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU L 18, p. 1) — Azzjoni kollettiva kontra impriża tal-kostruzzjoni li kkolokat ħaddiema impjegati fi Stat Membru li mhuwiex l-istess li fih jinsab l-uffiċju rreġistrat tagħha u li ma ntrabtitx bi ftehim kollettiv ġewwa dan l-Istat.
Dispożittiv
1)
L-Artikoli 49 KE u 3 tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni [provvista] ta' servizzi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, fi Stat Membru li fih il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta' impjieg li jikkonċernaw il-kwistjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta' l-Artikolu 3(1) ta' din id-direttiva jinsabu taħt dispożizzjonijiet leġiżlattivi, ħlief għar-rati ta' paga minima, organizzazzjoni sindakali tista' tipprova ġġiegħel, permezz ta' azzjoni kollettiva li tieħu l-forma ta' imblokk ta' siti tal-kostruzzjoni bħal dak fil-kawża prinċipali, lil fornitur ta' servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor li jibda' jinnegozja magħha fuq ir-rati ta' paga li għandhom jitħallsu lill-ħaddiema kkollokati kif ukoll li jaderixxi ma' ftehim kollettiv li l-klawżoli tiegħu jistabbilixxu, għal uħud minn dawn il-kwistjonijiet, kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti, filwaqt li klawżoli oħra jikkonċernaw kwistjonijiet mhux imsemmija fl-Artikolu 3 ta' l-imsemmija direttiva.
2)
L-Artikoli 49 KE u 50 KE jipprekludu li, fi Stat Membru, il-projbizzjoni magħmula lill-organizzazzjonijiet sindakali milli jniedu azzjoni kollettiva bil-għan li jħassru jew jemendaw ftehim kollettiv konkluż minn terzi persuni jkun suġġett għall-fatt li l-azzjoni tirrigwarda kundizzjonijiet tax-xogħol u ta' impjieg li għalihom il-liġi nazzjonali tkun applikabbli direttament.
(1) ĠU C 281, 12.11.2005.
Full & Egal Universal Law Academy