KONKLUŻJONIJIET TA' L-AVUKAT ĠENERALI
PAOLO MENGOZZI
ippreżentati fil-11 ta' Jannar 2007 1(1)
Kawża C-54/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika tal-Finlandja
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 28 KE u 30 KE – Importazzjoni u dħul fiċ-ċirkulazzjoni ta' vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor – Obbligu li tinkiseb liċenzja ta' trasferiment fil-fruntiera – Effikaċja tal-kontroll fiskali – Sigurtà fit-toroq – Proporzjonalità"
Werrej
I – Introduzzjoni
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
B – Il-leġiżlazzjoni Finlandiża
III – Il-proċedura prekontenzjuża
IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
V – Fuq in-nuqqas
A – Sommarju ta’ l-argumenti tal-partijiet.
B – Kunsiderazzjonijiet
1. Fuq il-bżonn tal-liċenzja ta' trasferiment
a) Osservazzjonijiet preliminari.
b) Fuq l-eżistenza ta' ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanzija
c) Fuq il-ġustifikazzjonijiet eventwali ta' l-ostaklu
i) Fuq is-sigurtà fit-toroq
ii) Fuq l-effikaċja tal-kontroll fiskali
2. Fuq il-perijodu ta' validità tal-liċenzja ta' trasferiment
VI – Fuq l-ispejjeż
VII – Konklużjoni
I – Introduzzjoni
1. F’din il-kawża, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, permezz tar-rikors tagħha li ġie ppreżentat fid-9 ta' Frar 2005, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li peress li tirrikjedi liċenzja tat-trasferiment ("siirtolupa") għall-importazzjoni u d-dħul fiċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi irreġistrati u użati legalment fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
2. L-Artikolu 28 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri.
3. Skond l-Artikolu 30 KE, il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet għall-importazzjoni bejn l-Istati Membri li huma ġġustifikati, b'mod partikolari, abbażi ta' raġunijiet ta' sigurtà pubblika u tal-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni huma permessi, sakemm dawn ma jikkostitwixxux la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.
B – Il-leġiżlazzjoni Finlandiża
4. L-Artikolu 8 tal-liġi tal-11 ta’ Diċembru 2002 dwar il-vetturi (ajoneuvoverolaki 1090/2002) jimponi obbligu ġenerali ta' reġistrazzjoni u ta' soġġettar għal kontrolli tekniċi, ħlief għall-eċċezzjonijiet previsti minn, jew skond il-liġi in kwistjoni. Skond l-Artikolu 64 tal-liġi msemmija, eċċezzjonijiet għall-obbligu tar-reġistrazzjoni jistgħu jsiru permezz ta' digriet leġiżlattiv fil-każ ta' vetturi rreġistrati f'pajjiż ieħor u li m’għandhomx jiċċirkulaw fuq in-netwerk tat-toroq fil-Finlandja ħlief b'mod okkażjonali jew temporanju(2).
5. L-ewwel Artikolu tal-liġi tad-29 ta' Diċembru 1994 dwar it-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (autoverolaki 1482/1994), jimponi regola ġenerali skond liema din it-taxxa ("autovero") għandha titħallas qabel ir-reġistrazzjoni jew il-bidu ta' l-użu tal-vetturi ġewwa l-Finlandja. L-Artikolu 35 ta' din il-liġi jsemmi xi eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni ġenerali tat-taxxa tar-reġistrazzjoni fir-rigward tal-vetturi użati b'mod temporanju u tal-vetturi użati b’liċenzja ta' trasferiment.
6. L-eċċezzjonijiet għall-obbligu tar-reġistrazzjoni ġew stabbiliti fid-digriet leġiżlattiv, tat-18 ta' Diċembru 1995, dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (asetus ajoneuvojen rekisteröinnistä 1598/1995) (iktar 'il-quddiem id-"digriet leġiżlattiv 1598/1995"), fejn l-Artikolu 8(2) jgħid li vettura rreġistrata f'pajjiż barrani jew vettura li għandha pjanċja tan-numru ta' reġistrazzjoni proviżorja tista’ tiddaħħal fiċ-ċirkulazzjoni fil-Finlandja mingħajr dikjarazzjoni ta' reġistrazzjoni taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 46 sa 48, 48a, 49 sa 51, 51a, 51b u 52 sa 56 ta' l-istess digriet leġiżlattiv. L-istess jgħodd għaċ-ċirkulazzjoni ta' vettura li fil-konfront tagħha tkun inħarġet liċenzja ta' trasferiment.
7. L-Artikolu 48 tad-digriet leġiżlattiv 1598/1995 jgħid:
"1. L-awtorità inkarigata bir-reġistrazzjoni u l-amministrazzjoni tad-dwana jistgħu, biex jissuġġettaw vettura għall-kontroll tekniku, għall-finijiet tat-trasferiment, ta' l-espożizzjoni, tal-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni jew tal-wiri fil-Finlandja ta' vettura li mhijiex irreġistrata f'dan il-pajjiż, jew għal raġuni oħra partikolari għall-finijiet tat-trasferiment ta' vettura, joħorġu liċenzja ta' trasferiment bil-miktub, wara li ssir applikazzjoni, li tawtoriżża li din il-vettura tiġi misjuqa. In-numri (liċenzji adeżivi) ta' trasferiment jingħataw mal-ħruġ tal-liċenzja ta' trasferiment.
2. Din il-liċenzja ta' trasferiment tinħareġ sakemm il-vettura hija koperta minn assigurazzjoni tal-karozzi valida u sakemm it-taxxa annwali […] tkun ġiet imħallsa.
3. Il-liċenzja ta' trasferiment tinħareġ għaż-żmien neċessarju għaċ-ċirkulazzjoni tal-vettura. Fin-nuqqas ta' raġuni partikolarment serja, liċenzja ma tistax tinħareġ għal perijodu ta' iktar minn sebat ijiem. Il-parteċipazzjoni f'kompetizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala raġuni serja.
4. Vettura ma tistax tintuża b'liċenzja ta' trasferiment jekk mhijiex fi stat li tiċċirkola minħabba l-kundizzjoni tagħha, id-daqs tagħha jew it-toqol tagħha."
8. Fl-2003, iddaħħal il-ħames paragrafu f'dan l-Artikolu li sar effettiv fl-1 ta' Jannar 2004. Dan jipprovdi għal liċenzja ta' trasferiment għal perijodu itwal li tippermetti lil persuna tuża b'mod proviżorju, għal perijodu ta’ mhux iktar minn tliet xhur, qabel l-ewwel reġistrazzjoni, għall-ħtiġijiet personali, vettura li tkun importat. Din id-dispożizzjoni kienet fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2005.
9. L-Artikolu 48a tad-digriet leġiżlattiv 1598/1995 juri l-metodi relattivi għat-twaħħil tan-numri (liċenzji adeżivi) ta' trasferiment fuq il-vetturi.
10. L-Artikolu 49 ta' l-istess digriet leġiżlattiv jgħid li s-sewwieq għandu jkollu fil-pussess tiegħu ċ-ċertifikat tal-liċenzja tat-trasferiment meta l-vettura tkun qed tiċċirkola.
11. L-Artikolu 21(2) tad-digriet leġiżlattiv tat-18 ta' Diċembru 2003, dwar l-informazzjonijiet miżmuma fir-reġistru tal-vetturi (valtioneuvoston asetus ajoneuvoliikennerekisterin tiedoista 1116/2003), jelenka l-informazzjoni dwar il-liċenzja ta' trasferiment li hija riprodotta fir-reġistru tal-vetturi, jiġifieri "l-isem, l-indirizz, in-numru personali jew in-numru ta' l-impriża jew assoċjazzjoni tal-pussessur tal-liċenzja, il-marka tal-vettura, il-mudell, in-numru tal-kostruttur, in-numru tar-reġistrazzjoni, l-assigurazzjoni, id-data tal-ħruġ tal-liċenzja u l-awtorità li ħarġitha, il-perijodu ta' validità tagħha, l-iskop tal-vettura, il-pagamenti relatati mal-liċenzja u, jekk jagħti l-każ, l-itinerarju".
12. Fl-aħħar, l-Artikolu 65 tad-digriet leġiżlattiv 1598/1995 jispeċifika l-penalitajiet f'każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-istess digriet leġiżlattiv. Dan jgħid li uffiċjal tal-pulizija, tad-dwana jew tal-gwardji tal-fruntieri jista’ jikkonfiska l-pjanċi tan-numru ta' reġistrazzjoni tal-vettura kif ukoll il-liċenzja ta' trasferiment u l-liċenzja adeżiva, u b’hekk jimmobilizza l-vettura. Fuq awtorizzazzjoni bil-miktub mingħand il-pulizija, mill-amministrazzjoni tad-dwana jew mis-servizz tal-gwardji tal-fruntieri, il-vettura li fil-konfront tagħha tkun saret din il-konfiska tista’ tiġi misjuqa f'post għat-tiswija jew għal kontroll tekniku.
13. Fil-qosor, għad-dħul fiċ-ċirkulazzjoni ta' vettura rreġistrata u użata fi Stat Membru differenti mir-Repubblika tal-Finlandja jew li għadha mhijiex irreġistrata, resident Finlandiż għandu jew jirreġistra l-vettura tiegħu fil-Finlandja qabel ma jkun jista’ jagħmel użu minnha, jew japplika, ma' l-awtoritajiet kompetenti Finlandiżi, għal liċenzja ta' trasferiment li, ladarba maħruġa minn dawn l-awtoritajiet, tawtorizzah biex jiċċirkola għal sebat ijiem f'dan l-Istat qabel ma l-vettura tiġi rreġistrata u li teħilsu, għal dan il-perijodu, mill-obbligu tal-ħlas tat-taxxa relatata magħha. Il-ħtieġa tal-liċenzja ta' trasferiment tapplika wkoll fil-każ fejn vettura ta' resident Finlandiż tgħaddi mill-Finlandja biex tmur lejn Stat Membru ieħor. Jekk ma tinkisibx l-imsemmija liċenzja jew wara li jiskadi l-perijodu ta' validità tagħha, il-vettura ma tistax tintuża.
III – Il-proċedura prekontenzjuża
14. Wara li rċiviet diversi lmenti dwar il-leġiżlazzjoni Finlandiża u l-prassi ta' l-awtoritajiet Finlandiżi relattiva għall-ħruġ tal-liċenzja ta' trasferiment mitluba għall-importazzjoni ta' vettura rreġistrata f'pajjiż barrani, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Gvern Finlandiż fis-17 ta' Mejju 2002, fejn talbet għal kjarifiki dwar il-leġiżlazzjoni in kwistjoni.
15. Il-Kummissjoni kkunsidrat bħala insodisfaċenti r-risposti mogħtija mir-Repubblika tal-Finlandja, u bagħtet lil din ta' l-aħħar ittra ta' intimazzjoni fid-9 ta' April 2003, fejn qalet li l-obbligu impost fuq il-persuni, residenti fil-Finlandjia, li jixtiequ jimportaw vettura li hi rreġistrata f'pajjiż ieħor, li japplikaw għal liċenzja ta' trasferiment meta jaqbżu l-fruntiera Finlandiża, flimkien ma’ l-obbligu li jassiguraw mill-ġdid il-vettura fil-Finlandja, jostakolaw il-moviment liberu tal-merkanzija, u għalhekk, imorru kontra l-Artikolu 28 KE. Il-Kummissjoni indikat ukoll li l-perijodu ta' validità tal-liċenzja ta' trasferiment ta' sebat ijiem huwa qasir wisq, u bħala konsegwenza, imur kontra l-Artikolu 28 KE.
16. Wara li eżaminat ir-risposta tar-Repubblika tal-Finlandja għall-ittra ta' intimazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata, permezz ta' ittra tas-16 ta' Diċembru 2003, b'mod konformi ma l-Artikolu 226 KE.
17. Wara li l-Kummissjoni rrilevat li r-Repubblika Finlandiża rrepetiet l-osservazzjonijiet inizjali tagħha u ma kinitx adottat il-miżuri sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-opinjoni motivata fil-perijodu ta' żmien li ġie mogħti lilha, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
18. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiddikjara li, bir-rekwiżit ta' liċenzja ta' trasferiment għall-vetturi legalment irreġistrati u użati fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE;
– tordna li r-Repubblika tal-Finlandja tbati l-ispejjeż.
19. Ir-Repubblika tal-Finlandja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
20. Wara li l-partijiet ippreżentaw is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, instemgħet it-trattazzjoni orali tagħhom matul is-seduta tad-9 ta' Novembru 2006.
V – Fuq in-nuqqas
A – Sommarju ta’ l-argumenti tal-partijiet.
21. Il-Kummissjoni ssostni, b'mod prinċipali, li l-Artikoli 28 KE u 30 KE ma jippermettux is-sistema ta' liċenzja ta' trasferiment stabbilita mid-digriet leġiżlattiv 1598/1995.
22. Il-Kummissjoni tikkunsidra l-proċedura tal-liċenzja ta' trasferiment bħala stadju amministrattiv regolatorju li jippreċedi l-proċedura ta' reġistrazzjoni proprja tal-vettura, meta persuna li tirrisjedi fil-Finlandja tkun trid timporta vettura li tkun legalment irreġistrata fi Stat Membru ieħor.
23. Skond il-Kummissjoni, il-kreazzjoni ta' din il-liċenzja għandha l-karatteristiċi ta' restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni jew ta' miżura b'effett ekwivalenti skond l-Artikolu 28 KE, inkwantu persuna li tirrisjedi fil-Finlandja ma għandha l-ebda garanzija legali li tista’ ddaħħal fiċ-ċirkulazzjoni hemmhekk vettura rreġistrata legalment fi Stat Membru ieħor li tkun importat hi stess fil-Finlandja jew li tittrasferixxi lejn Stat ieħor billi tgħaddi mill-Finlandja.
24. Fil-fehma tagħha, jirriżulta b'mod partikolari mill-kliem ta' l-Artikolu 48 tad-digriet leġiżlattiv 1598/1995 li l-ħruġ tal-liċenzja ta' trasferiment huwa fid-diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr, konsegwentament, ma l-applikant għandu garanzija li tinħariġlu. Hu wkoll impossibli li jiġu stabbiliti b'ċertezza l-kriterji skond liema tinħareġ din il-liċenzja.
25. Hija tenfasizza wkoll li l-pussessur tal-vettura għandu ġeneralment jieqaf meta jasal fil-fruntiera Finlandiża sabiex jitlob il-liċenzja ta' trasferiment u li, fi kwalunkwe każ, it-talba għal din il-liċenzja timplika, anki jekk din tkun ġiet mitluba bil-quddiem qabel il-qsim tal-frutiera, li l-persuna li tkun tixtieq timporta l-vettura jkollha tmur sa l-uffiċju tad-dwana u dan jikkawża l-ispejjeż.
26. Il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 28 KE ma jippermettix li liġi nazzjonali tirrikjedi, anki jekk b'mod purament formali, liċenzji ta' importazzjoni jew kull proċedura oħra simili.
27. Barra minn hekk, b'risposta għall-argumenti mressqa mill-Gvern Finlandiż bl-iskop li jiġġustifika l-ħruġ tal-liċenzja ta' trasferiment ma raġunijiet marbuta ma l-effikaċja tal-kontroll fiskali, mas-sigurtà fit-toroq u ma' l-aġġornar tar-reġistru tal-vetturi, il-Kummissjoni tgħid, minn naħa, li l-effikaċja tal-kontroll fiskali tista' tiġi ggarantita b'meżżi inqas restrittivi tal-moviment liberu tal-merkanzija, u min-naħa l-oħra, li s-sistema tal-liċenzja ta' trasferiment lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet marbuta mas-sigurtà fit-toroq, b'mod partikolari għaliex din il-liċenzja hija mitluba biss għall-vetturi rreġistrati f'pajjiż barrani li jappartjenu għall-persuni residenti fil-Finlandja. Rigward l-argument tar-Repubblika tal-Finlandja dwar in-neċessità li jkunu magħrufa l-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi li ma jkunux irreġistrati fil-Finlandja, il-Kummissjoni żżid li l-użu tal-mezzi msemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta' April 1999, dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għall-vetturi(3), jippermetti li din il-ħtieġa tiġi sodisfatta fuq il-bażi tar-reġistrazzjoni magħmula minn Stat Membru ieħor.
28. Fl-aħħar, sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja teskludi n-nuqqas relattiv għall-ħruġ tal-liċenzja ta' trasferiment, il-perijodu ta' validità ta' sebat ijiem ta' l-imsemmija liċenzja huwa, minnu nnifsu, kuntrarju għall-Artikoli 28 KE u 30 KE, meta jitqies kemm huwa qasir dan il-perijodu. Hija tibbaża din l-evalwazzjoni fuq is-sentenza Cura Anlagen(4).
29. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza fir-replika tagħha, li perijodu ta' sebat ijiem mhuwiex biżżejjed sabiex isiru l-formalitajiet kollha neċessarji għar-reġistrazzjoni ta' vettura fil-Finlandja u għall-ħlas tat-taxxa relatata magħha.
30. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tifhimx ir-raġunijiet għalfejn l-awtoritajiet Finlandiżi ma jistgħux ibiddlu l-leġiżlazzjoni preżenti b'mod illi jissostitwixxu s-sistema tal-liċenzja ta' trasferiment tal-perijodu ta' validità ta' sebat ijiem bid-dritt li l-vettura tintuża għal tliet xhur qabel ma tiġi rreġistrata fil-Finlandja.
31. B'mod preliminari, ir-Repubblika tal-Finlandja tosserva li hi aderiet għal tliet konvenzjonijiet internazzjonali dwar it-trasport [Pariġi (1923), Ġinevra (1949) u Vjenna (1968)] u li dawn il-konvenzjonijiet jgħidu li vettura użata fil-Finlandja għandha tkun irreġistrata fil-Finlandja. Hija tirrileva wkoll li, jekk persuna li tirresjedi b'mod permanenti fil-Finlandja tixtieq tuża f'dan l-Istat vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor, din għandha tikseb għal dan l-iskop, liċenzja ta' trasferiment li tawtorizza l-importazzjoni ta' din il-vettura u l-liċenzji adeżivi relatati; il-pjanċi tan-numru ta' reġistrazzjoni barranin proviżorji jew permanenti mhumiex aċċettati bħala sostituti għal-liċenzja ta' trasferiment.
32. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Finlandja tqis, b'mod prinċipali, li s-sistema tal-liċenzja ta' trasferiment, li hija differenti mill-proċedura ta' reġistrazzjoni tal-vetturi proprja, ma tikkostitwixxix restrizzjoni għall-importazzjonijiet skond l-Artikolu 28 KE.
33. Hi tinsisti dwar il-fatt li, kuntrarjament għal dak li tgħid il-Kummissjoni, il-ħruġ tal-liċenzja ta' trasferiment ma għandu l-ebda konnessjoni diretta mal-qsim tal-fruntiera. Il-fatt li jwassal għall-obbliġu li tinkiseb liċenzja huwa, min-naħa l-oħra, id-dħul fiċ-ċirkulazzjoni tal-vettura. Għalhekk, in-neċessità tal-liċenzja ta' trasferiment tapplika mingħajr distinzjoni għall-vetturi kollha li għadhom mhumiex irreġistrati fil-Finlandja.
34. Hija tenfasizza, minbarra l-prezz aċċessibbli tal-liċenzja ta' trasferiment(5), ir-rapidità u s-sempliċità tal-proċedura għall-ksib ta' din il-liċenzja, li tinħareġ mingħajr ma jsir kontroll tekniku tal-vettura minn qabel, billi mhuwiex meħtieġ li l-applikant ikollu l-pussess tal-vettura meta japplika għal din il-liċenzja.
35. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Finlandja tindika li d-diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-ħruġ tal-liċenzja ta' trasferiment hija marbuta mal-kundizzjonijiet ta' l-għoti ta' din ta' l-aħħar u li d-deċiżjoni ta' l-imsemmija awtoritajiet għalhekk ma tibbażax ruħha fuq evalwazzjoni arbitrarja, b'mod kuntrarju għal dak li tagħti x'tifhem il-Kummissjoni.
36. B'mod sussidjarju, ir-Repubblika tal-Finlandja tikkunsidra li l-proċedura tal-liċenzja ta' trasferiment hi, fi kwalunkwe każ, ġustifikata, peress illi hi l-iktar mezz sempliċi sabiex tiġi ggarantita l-kisba ta' l-għanijiet ta' effikaċja tal-kontroll fiskali, ta' l-aġġornar tar-reġistru tal-vetturi u tal-manteniment tas-sigurtà fit-toroq.
37. F'dan ir-rigward, hi ssostni, minn naħa waħda, li, meta vettura mhux irreġistrata (fil-Finlandja) tiċċirkola fit-territorju Finlandiż, għandu jkun jista’ jiġi vverifikat mingħajr periklu li jsir żball jekk din tkunx vettura eżenti mit-taxxa ta' reġistrazzjoni jew vettura li fil-konfront tagħha din it-taxxa kellha titħallas. L-eżistenza tal-liċenzja ta' trasferiment tippermetti li jiġi stabbilit b'mod affidabbli, għall-vetturi li jappartjenu lil residenti Finlandiżi, id-data ta' meta bdiet tiċċirkola l-vettura, li hi d-data minn meta jibda jiġi kkalkolat il-perijodu ta' użu mingħajr ħlas ta’ taxxa, u tevita l-bżonn li jsiru ħafna kontrolli fit-toroq tal-vetturi li għandhom pjanċi tan-numru ta' reġistrazzjoni barranin li jkunu neċessarji fin-nuqqas tal-liċenzja ta' trasferiment.
38. Min-naħa l-oħra, hi tgħid li s-sistema tal-liċenzja ta' trasferiment tiggarantixxi li l-informazzjoni relattiva għall-vettura użata u għall-pussessur ta’ l-imsemmija liċenzja jkunu mniżżla fir-reġistru tal-vetturi, li hi ħaġa essenzjali fir-rigward ta' l-għan tas-sigurtà fit-toroq. Hi żżid li l-informazzjoni mniżżla fir-reġistru hija neċessarja f'każ ta' ksur tal-kodiċi tat-triq jew ta' inċident, kif ukoll għall-finijiet tal-kontroll tal-karatteristiċi tekniċi tal-vettura li għandhom effett fuq is-sigurtà fit-toroq. Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni b'riferenza għad-Direttiva 1999/37, din l-informazzjoni ma tistax tinġabar b'mod effettiv unikament billi tkun ibbażata fuq ir-reġistru tal-vetturi ta' l-Istat Membru fejn il-vettura kienet diġà rreġistrata. Għalkemm l-Artikolu 9 ta' din id-Direttiva jsemmi l-użu ta' mezzi elettroniċi interkonnessi bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, fil-Komunità ma jeżistix reġistru komuni li jippermetti li tinkiseb malajr u b'mod affidabbli informazzjoni dwar il-vetturi.
39. Fl-aħħar, ir-Repubblika tal-Finlandja tqis li l-perijodu ta' validità tal-liċenzja ta' trasferiment huwa konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità u għaldaqstant ma jmurx kontra l-Artikoli 28 KE u 30 KE, meta jitqies, b'mod partikolari, il-mod flessibbli u sempliċi kif tinħareġ l-imsemmija liċenzja, billi ma jsirx kontroll tekniku tal-vettura minn qabel. Barra minn hekk, il-perijodu ta' validità jista jiġi mtawwal fuq talba.
40. Hi żżid li l-perijodu ta' validità ta' sebat ijiem jirrigwarda b'mod speċjali dawk il-vetturi li jkunu importati bl-iskop illi jinbiegħu, il-vetturi li jkunu għaddejjin mill-Finlandja jew dawk il-vetturi li jiċċirkulaw fil-Finlandja għal żmien qasir biss. Għall-każijiet l-oħra, ir-Repubblika tal-Finlandja tindika li b'mod ġenerali, tinħareġ liċenzja ta' trasferiment li l-perijodu ta' validità tagħha ġie estiż għal tliet xhur, b'mod konformi ma' l-Artikolu 48(5) tad-digriet leġiżlattiv 1598/1995. Hi tirrileva madankollu li din il-liċenzja ta' trasferiment b'perijodu mtawwal ma tiffurmax parti mis-suġġett ta’ dan ir-rikors.
B – Kunsiderazzjonijiet
1. Fuq il-bżonn tal-liċenzja ta' trasferiment
a) Osservazzjonijiet preliminari.
41. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tallega, b'mod priċipali, li r-Repubblika tal-Finlandja naqset milli tosserva l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE peress illi tirrikjedi li, għall-vetturi legalment irreġistrati u użati fi Stat Membru ieħor, il-pussessuri jew il-proprjetarji tagħhom jitolbu li tinħarġilhom liċenzja ta' trasferiment sabiex jiddaħħlu fiċ-ċirkulazzjoni fil-Finlandja.
42. Fir-rigward tal-proċedura prekontenzjuża u ta' l-argumenti mressqa mill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom isiru erba’ rimarki preliminari qabel ma jiġi evalwat jekk in-nuqqas allegat jeżistix jew le.
43. Fl-ewwel lok, nixtieq nippreċiża li din il-proċedura ma taffettwax il-kompetenza tar-Repubblika tal-Finlandja, kif rikonoxxuta mill-konvenzjonijiet internazzjonali msemmija minn din ta' l-aħħar, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja(6), li tissoġġetta l-vetturi li huma ntiżi li jiċċirkulaw b'mod permanenti fit-territorju ta' dan l-Istat Membru għall-obbligu ta' reġistrazzjoni u għat-taxxa relativa. Il-proċedura mibdija mill-Kummissjoni għandha bħala għan biss li tinkiseb dikjarazzjoni li tikkonstata li l-ħtieġa ta' liċenzja ta' trasferiment, safejn hija distinta mill-ħtieġa relativa għar-reġistrazzjoni tal-vetturi, tmur kontra l-moviment liberu tal-merkanzija.
44. Fit-tieni lok, għandu jingħad li, matul il-fażi prekontenzjuża, il-Kummissjoni kkontestat ukoll il-fatt li l-Gvern Finlandiż jissuġġetta l-vetturi milquta mill-proċedura ta' ħruġ ta' liċenzja ta' trasferiment, għall-obbligu vinkolanti li jiġu assigurati mill-ġdid fil-Finlandja. Madankollu, meta ppreżentat ir-rikors tagħha, hija limitat is-suġġett tal-kawża biss għall-problema dwar il-ħruġ tal-liċenzja ta' trasferiment u għall-perijodu ta' żmien ta’ validità tagħha.
45. Fit-tielet lok, għandu jiġi speċifikat li l-leġiżlazzjoni Finlandiża kkontestata, hekk kif interpretata mill-partijiet, ma tissuġġettax għall-ħruġ tal-liċenzja ta' trasferiment il-vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor li jkunu użati b'mod temporanju fil-Finlandja għal skopijiet turistiċi minn ċittadini ta' Stati Membri oħra. Din tapplika biss, fil-fatt, għall-vetturi rreġistrati u użati fi Stat Membru ieħor, meta l-proprjetarju tagħhom huwa resident Finlandiż, skond id-dispożizzjonijiet tad-digriet leġiżlattiv 1598/1995.
46. Fir-raba’ lok, għandu jiġi osservat li t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/37, dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għall-vetturi, invokata mill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kien għadu ma skadiex fi tmiem il-limitu ta' żmien mogħti lir-Repubblika tal-Finlandja sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-opinjoni motivata mibgħuta lilha mill-Kummissjoni(7). Huwa magħruf li, l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru f'għeluq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata(8). F'dan il-każ, sa dak iż-żmien, jiġifieri d-19 ta' Frar 2004, ma kienet teżisti ebda liġi komuni jew armonizzata fuq livell Komunitarju li tirregola d-dħul fiċ-ċirkulazzjoni fl-Istati Membri tal-vetturi rreġistrati u użati fi Stat Membru ieħor li l-Kummissjoni setgħet takkuża lir-Repubblika tal-Finlandja bil-ksur tagħha.
47. Minkejja dan, u fin-nuqqas ta' liġijiet komuni jew armonizzati, l-Istati Membri jibqgħu obbligati li jirrispettaw il-libertajiet fundamentali msemmija fit-Trattat KE, fosthom il-moviment liberu tal-merkanzija(9).
48. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun meta qalet li r-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE billi tirrikjedi liċenzja ta' trasferiment għall-vetturi rreġistrati u użati fi Stat Membru ieħor taħt il-kundizzjonijiet esposti fid-digriet leġiżlattiv 1598/1995.
49. Dan l-eżami jwassal għal analiżi dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni tikkostitwixxix ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanziji pprojbit mill-Artikolu 28 KE u, jekk dan huwa l-każ, jekk din tistax tiġi ġġustifikata.
b) Fuq l-eżistenza ta' ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanzija
50. B'mod konformi mal-ġurisprudenza, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva pprojbita mill-Artikolu 28 KE kull miżura ta' l-Istat li tista' xxekkel, direttament jew indirettament, realment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju(10).
51. Għalhekk, għalkemm miżura nazzjonali ma jkollhiex l-objettiv li tirregola l-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, dak li hu determinanti huwa l-effett tagħha fuq il-kummerċ intrakomunitarju, attwali jew potenzjali.
52. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri, jistgħu jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti dawk il-liġijiet nazzjonali li japplikaw b'mod indistint għall-prodotti kollha, sakemm ma jaffetwawx bl-istess mod, kemm fil-fatt u fid-dritt, il-prodotti nazzjonali u dawk li ġejjin minn Stati Membri oħrajn(11).
53. F'dan il-każ, fl-opinjoni tiegħi, id-dispożizzjonijiet tad-digriet leġiżlattiv 1598/1995 jaffetwaw b'mod distint, fil-fatt u fid-dritt, id-dħul fiċ-ċirkulazzjoni u, konsegwentement, il-kummerċjalizzazzjoni tal-vetturi li ġejjin minn Stati Membri oħrajn.
54. Ċertament, qari ta' dawn id-dispożizzjonijiet juri li l-fatt li joħloq l-obbligu li tinkiseb il-liċenzja ta' trasferiment mhuwiex il-qsim tal-fruntiera Finlandiża, iżda d-dħul fiċ-ċirkulazzjoni fil-Finlandja. Għaldaqstant, jista’ jiġi kkunsidrat, kif isostni l-Gvern Finlandiż, li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw, prinċipalment, b'mod indistint għall-vetturi kollha (tar-residenti Finlandiżi) li għandhom mhux irreġistrati fil-Finlandja.
55. Madankollu, fid-dritt, dawn jissuġġettaw għall-ħtieġa tal-liċenzja ta' trasferiment, jiġifieri għall-istess proċedura ta' awtorizzazzjoni bil-quddiem, id-dħul fiċ-ċirkulazzjoni ta' vetturi li jinsabu f'sitwazzjonijiet differenti.
56. F'dan ir-rigward, infakkar li, skond il-kliem tad-digriet leġiżlattiv 1598/1995, il-ħtieġa tal-liċenzja ta' trasferiment tapplika kemm għall-vetturi kkumerċjalizzati fil-Finlandja li għadhom ma kisbu l-ebda reġistrazzjoni kif ukoll għal dawk li diġà ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor.
57. Għalkemm wieħed jista’ jifhem din il-ħtieġa, għall-vetturi kkumerċjalizzati fil-Finlandja li għadhom ma ġew irreġistrati bl-ebda mod, partikolarment bl-iskop li jingħataw ċertifikat tekniku u sabiex jiġi permess lilhom li jiċċirkulaw b'mod temporanju fuq in-netwerk tat-toroq Finlandiżi, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi aċċettat, mingħajr ġustifikazzjoni, li jiġi impost l-obbligu tal-ksib ta' din il-liċenzja fir-rigward tal-vetturi li jkunu diġà rreġistrati u użati fi Stat Membru ieħor, peress li dan huwa rekwiżit żejjed billi r-reġistrazzjoni tagħhom diġà tikkostitwixxi garanzija li l-vetturi għandhom il-karatteristiċi tekniċi rikjesti u huma kapaċi jiċċirkolaw liberament fil-Komunità, għall-anqas b'mod temporanju.
58. Din is-sitwazzjoni hi, fl-opinjoni tiegħi, fl-aħħar mill-aħħar, paragunabbli ma’ dawk fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjonijiet nazzjonali, li jimponu li l-prodotti legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fi Stat Membru jiġu suġġettati għall-istess kontrolli bħal prodotti li jkunu ġew introdotti għall-ewwel darba fis-suq ta' Stat Membru ieħor u jkunu approvati minn qabel f'dan ta' l-aħħar, jikkostitwixxu miżuri b'effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitativa għall-importazzjoni skond l-Artikolu 28 KE(12).
59. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-digriet leġiżlattiv 1598/1995 jistgħu jiddisswadu lir-residenti Finlandiżi milli jixtru vetturi fl-Istati Membri l-oħra bil-għan li jimportawhom u li jużawhom fil-Finlandja, minħabba l-passi marbuta mal-ħruġ tal-liċenzja ta' trasferiment u ta’ l-immobilizzar tal-vettura meta tiskadi din il-liċenzja.
60. Barra minn hekk, il-fatt li l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikoli 48 tad-digriet leġiżlattiv 1598/1995 għandhom poter, ċertament mhux arbitrarju, imma fi kwalunkwe każ diskrezzjonali fir-rigward tal-ħruġ ta' l-imsemmija liċenzja, jiġġustifika iktar il-kwalifika tal-liċenzja ta' trasferiment bħala miżura b'effett ekwivalenti skond l-Artikolu 28 KE, peress li, kif tgħid il-Kummissjoni, il-vetturi li huma diġà rreġistrati fi Stat Membru ieħor ma għandhom l-ebda garanzija li jiksbu l-imsemmija liċenzja.
61. Fil-fehma tiegħi, dawn il-konstatazzjonijiet jgħoddu a fortiori għall-vetturi li huma intenzjonati biss li jgħaddu mit-territorju Finlandiż u li l-proprjetarji tagħhom huma wkoll suġġetti għall-ħtieġa li jiksbu l-liċenzja ta' trasferiment,
62. Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena naħseb li l-Kummissjoni għandha raġun meta tgħid li s-sistema Finlandiża tal-liċenzja ta' trasferiment toħloq ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanzija kif projbit mill-Artikolu 28 KE.
c) Fuq il-ġustifikazzjonijiet eventwali ta' l-ostaklu
63. Għandu jiġi vverifikat jekk din il-miżura, minkejja l-effetti restrittivi tagħha fuq il-kummerċ intrakomunitarju, tistax tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess pubbliku elenkati fl-Artikolu 30 KE jew minn waħda mir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
64. Il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta b'mod strett id-derogi stipulati mill-Artikolu 30 KE, li lkoll jirrigwardaw interessi mhux ekonomiċi(13), u tippreċiża li, sabiex ġustifikazzjoni tkun ammissibbli, huwa neċessarju li jiġi vverifikat li l-miżura in kwistjoni tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità(14).
65. Fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni Komunitarja, imiss lill-Istati Membri li jiddeterminaw il-livelli tagħhom stess ta' protezzjoni ta' l-interessi mhux ekonomiċi li għandhom l-intenzjoni li jiksbu. Madankollu, għandhom juru, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex jinkiseb l-għan imsemmi u, min-naħa l-oħra, li hi wkoll proporzjonata fir-rigward ta' l-imsemmi għan.
66. F'dan il-każ, ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li s-sistema tal-liċenzja ta' trasferiment hija ġġustifikata minħabba raġunijiet marbuta mas-sigurtà fit-toroq u għall-effikaċja tal-kontroll fiskali. Hi tirreferi wkoll għaż-żamma u għall-aġġornar tar-reġistru tal-vetturi, mingħajr ma tippreċiża jekk dan huwiex ġustifikazzjoni awtonoma jew jekk hijiex inkorporata fir-raġunijiet msemmija qabel.
67. Għandu jingħad li, fir-rigward tas-sigurtà fit-toroq, il-Qorti tal-Ġuustizzja diġà aċċettat li ġustifikazzjoni bħal din taqa’ taħt l-Artikolu 30 KE(15) u li din tikkostitwixxi wkoll raġuni imperattiva ta' interess pubbliku, skond il-ġurisprudenza(16). Rigward l-effikaċja tal-kontroll fiskali, din ir-raġuni ta' ġustifikazzjoni kienet ikkunsidrata li taqa’ taħt ir-rekwiżiti imperattivi rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja(17). Fir-rigward taż-żamma u ta' l-aġġornar tar-reġistru tal-vetturi, ma jidhirlix li dan il-għan għandu funzjoni awtonoma kapaċi li tiġġustifika, minnha nfisha, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija. Madankollu, jista’ jiġi eżaminat flimkien ma’ l-analiżi taż-żewġ raġunijiet ta' ġustifikazzjoni l-oħra allegati mir-Repubblika tal-Finlandja.
68. Fil-kuntest ta' din l-analiżi, għandu jiġi vverifikat jekk l-Istat Membru weriex li r-restrizzjonijiet huma adatti sabiex jiggarantixxu l-ksib ta' l-għanijiet mixtieqa, u li ma jmorrux oltri dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu(18).
i) Fuq is-sigurtà fit-toroq
69. Ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni, b'mod ġenerali, li l-ħtieġa tal-liċenzja ta' trasferiment tippermetti li tinġabar l-informazzjoni relattiva partikolarment għall-karatteristiċi tekniċi tal-vettura u għall-proprjetarju tagħha, li, irreġistrati fir-reġistru Finlandiż tal-vetturi, huma indispensabbli sabiex jilħqu l-għan tas-sigurtà fit-toroq.
70. Dan l-argument ma jikkonvinċinix.
71. Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Finlandja tagħmel użu mill-ġustifikazzjoni tas-sigurtà fit-toroq billi tirreferi esklużivament għall-importanza tar-reġistrazzjoni ta' l-informazzjoni relattiva għall-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi u tal-proprjetarji tagħhom fir-reġistru maħsub għal dan l-iskop, mingħajr ma turi l-karattru indispensabbli tal-proċedura tal-ħruġ tal-liċenzja ta' trasferiment sabiex takkwista din l-informazzjoni.
72. Huwa ċar illi ż-żamma tar-reġistru tal-vetturi u l-aġġornar ta' l-informazzjoni li hija rreġistrata fih jistgħu jiġu disassoċjati mill-proċedura tal-ħruġ tal-liċenzja ta' trasferiment. Ma teżisti għalhekk l-ebda konnessjoni bejn din il-proċedura u l-għan allegat tal-kontroll tas-sigurtà fit-toroq. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat, fil-kuntest ta' l-invokazzjoni mir-Repubblika tal-Finlandja, tas-sigurtà fit-toroq bħala ġistifikazzjoni tal-fatt li l-moviment liberu tal-ħaddiema jiġi ppreġudikat, li, sakemm l-Istati Membri kollha jiddisponu minn sistema ta' reġistrazzjoni tal-vetturi, jidher li huwa possibli li jiġu identifikati kemm il-proprjetarju ta' vettura kif ukoll il-karatteristiċi tekniċi ta' din ta' l-aħħar, indipendentement mill-Istat Membru fejn ġiet irreġistrata(19).
73. Fit-tieni lok, jidhirli li, sabiex tiġi aċċettata l-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-preservazzjoni tas-sigurtà fit-toroq, hemm bżonn li l-ħruġ tal-liċenzja ta' trasferiment ikun marbut ma’ kontroll tekniku tal-vettura. Għandu jingħad l-ewwel nett f'dan ir-rigward li r-Repubblika tal-Finlandja ma turi l-ebda rabta bħal din(20). It-tieni nett, dan il-kontroll jista’, fil-fatt, ikun meħtieġ biss bil-kundizzjoni li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE ta' l-20 ta' Diċembru 1996 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-testijiet dwar jekk il-vetturi u l-karrijiet tagħhom humiex tajba għat-triq(21). Din id-Direttiva tirreferi għall-proċedura ta' reġistrazzjoni u tistipula, b'mod partikolari, li ladarba vettura tkun ġiet suġġettata għal kontroll tekniku fi Stat Membru, l-Istati Membri l-oħra kollha għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikat maħruġ f'din l-okkażjoni, mingħajr ma dan iċaħħadhom milli jeżiġu testijiet addizzjonali għall-finijiet tar-reġistrazzjoni fit-territorju tagħhom, sakemm dawn it-testijiet mhumiex diġà koperti mill-imsemmi ċertifikat(22).
74. Fit-tielet lok, għandu jingħad li l-vetturi li jappartjenu lil persuni mhux residenti fil-Finlandja jistgħu liberament jiċċirkolaw fit-territorju ta' dan l-Istat, mingħajr ma jkunu ssoġġettati bil-quddiem għall-ħruġ ta' liċenzja ta' trasferiment. Dan juri li l-miżura in kwistjoni mhijiex adattata biex jintlaħaq il-għan intiż biex tiġi ggarantita s-sigurtà fit-toroq, sakemm ma jingħadx li huma perikolużi biss dawk il-vetturi li huma rreġistrati fl-Istat Membri l-oħra u li jappartjenu lir-residenti Finlandiżi(23), ħaġa li tidher inverosimili u li mhijiex sostnuta mill-Gvern Finlandiż
75. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, naħseb li l-liċenzja ta' trasferiment prevista fil-liġi Finlandiża in kwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet marbuta mas-sigurtà fit-toroq.
ii) Fuq l-effikaċja tal-kontroll fiskali
76. Ir-Repubblika tal-Finlandja tgħid li hija tapplika l-prinċipju li ġie aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Cura Anlagen, iċċitata iktar ’il fuq, tal-kompetenza ta' l-Istat ta’ residenza fir-rigward tat-tassazzjoni tal-vetturi, u minnha hija tiddeduċi wkoll il-kompetenza li jiġu adottati eċċezzjonijiet għal din it-tassazzjoni. Peress li l-ħtieġa ta' liċenzja ta' trasferiment, ġiet maħsuba bħala eċċezzjoni temporanja għall-obbligu li titħallas it-taxxa ta' reġistrazzjoni, hija għandha tkun, għaldaqstant, ikkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-kompetenza fiskali tar-Repubblika tal-Finlandja.
77. Din l-argumentazzjoni tippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet għalfejn il-Gvern Finlandiż isostni li l-ostakli eventwali maħluqa mil-liċenzja ta' trasferiment huma ġġustifikati minn raġunijiet ta' effikaċja tal-kontroll fiskali. Din tispjega li l-liċenzja ta' trasferiment isservi sabiex tiddistingwi dawk il-vetturi użati mingħajr ħlas ta' taxxa minn dawk li għandhom it-taxxa ta' reġistrazzjoni mħallsa, safejn l-informazzjoni li tirrigwarda lill-proprjetarju ta' l-imsemmija liċenzja u l-vettura huma mniżżla fir-reġistru tal-vetturi u dawn għandhom il-liċenzji adeżivi.
78. Kif diġà enfasizzajt, l-effikaċja tal-kontroll fiskali jidher fost ir-rekwiżiti imperattivi ta' interess pubbliku aċċettati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għandu madankollu jiġi stabbilit jekk l-eżiġenza tal-liċenzja ta' trasferiment hijiex neċessarja u proporzjonata sabiex jintlaħaq dan il-għan.
79. F'dak li jirrigwarda l-analiżi tan-neċessità tal-miżura in kwistjoni, jiġifieri l-kapaċità ta' din li tissodisfa l-għan mixtieq, jidhirli li jkun opportun li ssir distinzjoni bejn, minn naħa waħda, l-ipoteżi tal-vetturi li jappartjenu lil residenti Finlandiżi li huma intenzjonati li jiċċirkulaw b'mod permanenti fil-Finlandja u, konsegwentement, li jiġu suġġettati għar-reġistrazzjoni f'dan l-Istat u, min-naħa l-oħra, dik tal-vetturi ta' residenti Finlandiżi li jgħaddu biss mill-Finlandja lejn Stat Membru ieħor.
80. Fl-ewwel ipoteżi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni tista’ tkun soluzzjoni għal problemi relatati mal-kontroll fiskali, peress illi tippermetti li jiġu vverifikati, permezz tar-reġistru tal-vetturi u tal-liċenzji adeżivi mwaħħla fuqhom, liema huma l-vetturi temporarjament eżenti mill-ħlas tat-taxxa ta' reġistrazzjoni, li l-proprjetarji tagħhom jkollhom, wara li jiskadi l-perijodu ta' validità tal-liċenzja ta' trasferiment, iħallsu t-taxxa ta' reġistrazzjoni.
81. Min-naħa l-oħra, fit-tieni ipoteżi, jidhirli li l-ħtieġa tal-liċenzja ta' trasferiment mhijiex soluzzjoni għall-objettiv ta' l-effikaċja tal-kontroll fiskali, safejn din tapplika għal vetturi li mhumiex intenzjonati li jkunu rreġistrati fil-Finlandja.
82. Fir-rigward tan-natura proporzjonata ta' l-imsemmija miżura meta mqabbla ma’ l-għan mixtieq, kwistjoni li għandha tiġi eżaminata biss fil-kuntest ta' l-ewwel ipoteżi msemmija fil-punt 80, inqis bl-istess mod li dan l-għan jista’ jiġi milqugħ permezz ta' miżura ta' natura inqas restrittiva għan-negozju ħieles bejn l-Istati Membri.
83. Fil-fatt, naħseb li jista' jingħad, bħalma qalet il-Kummissjoni, li l-għan tal-kontroll fiskali jista’ jintlaħaq, per eżempju, b'sistema ta' dikjarazzjoni obbligatorja bil-quddiem fuq inizjattiva tal-persuna, taħt piena ta' penalitajiet approprjati f’każ tan-nuqqas li ssir din il-formalità amministrattiva. L-informazzjoni li tingħata lill-awtoritajiet Finlandiżi fid-dikjarazzjoni bil-quddiem tippermettilhom li jżommu aġġornat reġistru ta' vetturi kollegat ma’ netwerk elettronika u li jiddeterminaw mingħajr ekwivoku d-data meta beda l-użu mingħajr ħlas ta' taxxa. Madankollu, din id-dikjarazzjoni bil-quddiem ma tippreġudikax il-possibiltà li l-awtoritajiet Finlandiżi jistipulaw terminu ta' żmien raġjonevoli għall-użu tal-vettura mingħajr ħlas ta' taxxa, li jibda jiddekorri minn dakinhar li tkun saret id-dikjarazzjoni bil-quddiem tad-dħul fiċ-ċirkulazzjoni.
84. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-pass individwali tal-persuni sabiex jagħmlu din id-dikjarazzjoni minn jeddhom hija konformi mal-prassi attwali li liċenzja ta' trasferiment tintalab mill-persuni kkonċernati. Madankollu, b'mod kuntrarju għal dak li sostna l-Gvern Finlandiż waqt is-seduta, dikjarazzjoni bil-quddiem ma tistax tiġi mqabbla mal-liċenzja ta' trasferiment. Minn naħa waħda, dikjarazzjoni bħal din mhijiex ta’ dannu għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-vetturi, filwaqt li l-loġika tal-liċenzja ta' trasferiment hija bbażata fuq sistema ta' awtorizzazzjoni li tingħata qabel iċ-ċirkulazzjoni, fin-nuqqas ta' liema l-vettura tkun ipprojbita milli tiċċirkula. Min-naħa l-oħra, kif diġà enfasizzajt fil-punt 60 ta' dawn il-konklużjonijiet, il-liċenzja ta' trasferiment tinħareġ skond id-diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti Finlandiżi, filwaqt li, fil-kuntest ta' sistema ta' dikjarazzjoni bil-quddiem, kulma jkollhom jagħmlu hu li jniżżlu l-informazzjoni li tirrigwarda l-vettura u l-proprjetarju jew il-pussessur tagħha fir-reġistru li jkun previst għal dan l-iskop.
85. Dwar l-oġġezzjonijiet mqajma mill-Gvern Finlandiż fuq xi diffikultajiet possibbli marbuta ma’ l-introduzzjoni ta' ħafna kontrolli fit-toroq li jirriżultaw minħabba t-tneħħija tal-ħtieġa tal-liċenzja ta' trasferiment, għandu, l-ewwel nett, jingħad li xi problemi eventwali ta' organizzazzjoni interna ta' Stat Membru ma jiġġustifikawx l-adozzjoni ta' miżuri iktar ristrettivi għall-kummerċ intrakomunitarju. Għandu jiġi osservat ukoll li l-kreazzjoni ta' netwerk elettroniku tar-reġistru tal-vetturi fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti kollha tista’ tissodisfa l-ħtieġa li jiġu individwalizzati l-vetturi li jkollhom jiġu rreġistrati fil-Finlandja, mingħajr ma l-awtoritajiet ikollhom jirrikorru għal ħafna kontrolli fuq dawk irreġistrati f’pajjiż barrani. Barra minn hekk, din in-netwerk diġà teżisti, kif ikkonfermat ir-Repubblika tal-Finlandja waqt is-seduta.
86. Fl-aħħar, għandu jingħad ukoll li l-problema tal-kontrolli tat-toroq msemmija mir-Repubblika tal-Finlandja diġà teżisti fil-kuntest tas-sistema preżenti tal-liċenzja ta' trasferiment, u tirrigwarda l-każijiet ta’ residenti Finlandiżi li ma applikawx għal din il-liċenzja. F'dan ir-rigward, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li s-sistema tad-dikjarazzjoni bil-quddiem, li hija inqas impenjattiva mis-sistema tal-liċenzja ta' trasferiment, hija kapaċi żżid in-numru ta' residenti li jirreġistraw l-informazzjoni meħtieġa ma’ l-awtoritajiet Finlandiżi u, b'mod korrelattiv, tnaqqas il-każijiet eventwali ta' evażjoni tas-sistema, li jibqgħu l-uniċi li jkunu suġġetti għall-kontrolli tat-toroq.
87. Fid-dawl ta' dak li ntqal, jiena ta' l-opinjoni li l-liċenzja ta' trasferiment, kif prevista mid-digriet leġiżlattiv 1598/1995, ma tikkostitwixxix miżura proporzjonata għall-objettiv ta' l-effikaċja tal-kontroll fiskali mfittex mir-Repubblika tal-Finlandja.
88. Bħala konsegwenza, b'mod prinċipali, jiena nipproponi li r-rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni jiġi milqugħ.
2. Fuq il-perijodu ta' validità tal-liċenzja ta' trasferiment
89. Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni tikkunsidra, b'mod sussidjarju u fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li l-ħtieġa tal-liċenzja ta' trasferiment hi ġġustifikata, li l-perijodu ta' validità ta' sebat ijiem tal-liċenzja ta' trasferiment minnha nfisha tikser l-Artikoli 28 KE u 30 KE, minħabba l-qosor ta' dan il-perijodu.
90. Ir-Repubblika tal-Finlandja topponi ruħa għal din l-argumentazzjoni, billi tgħid li l-perijodu ta' validità ta' sebat ijiem tal-liċenzja ta' trasferiment huwa suffiċjenti sabiex jippermetti lill-proprjetarji tal-vetturi in kwistjoni jieħdu l-passi meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-vettura.
91. Safejn, kif diġà għidt qabel, jien nikkunsidra li l-ħtieġa tal-liċenzja ta' trasferiment hi, minnha nfisha, ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanzija li ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għanijiet imsemmija mir-Repubblika tal-Finlandja, huwa evidenti li l-kwistjoni relattiva għall-perijodu ta' validità ta' l-imsemmija liċenzja ta' trasferiment issir superfluwa. Huwa għalhekk b'mod sussidjarju u f’każ li l-Qorti ma taqbilx mal-proposti fformulati qabel li jien se nitratta din il-problema.
92. F'dan ir-rigward, l-analiżi għandha tikkonċnetra fuq il-perijodu ta' sebat ijiem li jikkostitwixxi, skond il-kliem ta' l-Artikolu 48(3) tad-digriet leġiżlattiv 1598/1995, il-perijodu prinċipali ta' validità tal-liċenzja ta' trasferiment, mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-perijodu ta' tliet xhur, ta' natura derogatorja, stipulat fil-ħames paragrafu ta' l-istess Artikolu, li ma jiffurmax parti mis-suġġett tar-rikors tal-Kummissjoni.
93. Għandu jiġi mfakkar li, meta jiskadi l-perijodu ta' validità ta' sebat ijiem tal-liċenzja ta' trasferiment, il-proprjetarju tal-vettura jkollu jirreġistraha jew, fin-nuqqas, jimmobilizza l-vettura tiegħu.
94. Din il-kunsiderazzjoni tippermetti li l-perijodu ta' validità tal-liċenzja ta' trasferiment jiġi assimilat mal-perijodu ta' żmien li fih il-persuna jkollha tirreġistra l-vettura tagħha.
95. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-suġġett, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu perijodu ta' żmien tant qasir li jirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli r-rispett ta' l-obbligi imposti, fid-dawl tal-formalitajiet li għandhom isiru(24).
96. F'dan il-każ, meta jiġu kkunsidrati l-formalitajiet neċessarji għall-ksib tar-reġistrazzjoni ta' vettura fil-Finlandja, inkluża d-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet fiskali Finlandiżi fir-rigward ta' l-ammont ta' taxxa ta' reġistrazzjoni li għandha titħallas, li, kif ammettiet ir-Repubblika tal-Finlandja stess, ma jistax ġeneralment jiġi stabbilit f'perijodu ta' sebat ijiem, il-perijodu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 48(3) tad-digriet leġiżlattiv 1598/1995 jidher eżaġeratament qasir u jmur oltri, b'mod manifest, dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa mil-leġiżlazzjoni Finlandiża.
97. F'dan ir-rigward, il-fatt li r-Repubblika tal-Finlandja introduċiet, b'mod temporanju, sa mill-1 ta' Jannar 2004, paragrafu 5 ġdid fl-Artikolu 48 tad-digriet leġiżlattiv 1598/1995 bl-iskop li jtawwal, b'mod derogatorju, il-perijodu ta' sebat ijiem għal tliet xhur juri li hi tikkunsidra li perijodu ta' żmien itwal minn sebat ijiem jista’ jilħaq b'mod effikaċi l-għanijiet li tixtieq tilħaq.
98. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, jiena nipproponi li jiġi ddikjarat li l-perijodu ta' validità ta' sebat ijiem tal-liċenzja ta' trasferiment mhuwiex proporzjonat.
99. Jiena għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod sussidjarju, u f’każ li hi tqis li l-ħtieġa tal-liċenzja ta' trasferiment hija ġġustifikata, li tikkonstata li r-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 28 KE, billi stipulat, permezz tad-digriet leġiżlattiv 1598/1995, perijodu ta' validità ta' sebat ijiem għall-imsemmija liċenzja.
VI – Fuq l-ispejjeż
100. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika tal-Finlandja tbati l-ispejjeż, u peress li din ta' l-aħħar għandha, fil-fehma tiegħi, titlef, jien għaldaqstant nikkunsidra li hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.
VII – Konklużjoni
101. Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
– tikkonstata li r-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 28 KE, peress li tirrikjedi liċenzja ta' trasferiment għad-dħul fiċ-ċirkulazzjoni ta' vetturi legalment irreġistrati u użati fi Stat Membru ieħor, hekk kif stipulat fid-digriet leġiżlattiv tat-18 ta' Diċembru 1995, dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (asetus ajoneuvojen rekisteröinnistä 1598/1995).
– tordna lir-Repubblika tal-Finlandja tbati l-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Skond l-Artikolu 12(10) tal-liġi tat-30 ta' Diċembru 2003 dwar it-taxxa annwali fuq il-vetturi (ajoneuvoverolaki 2003/1281), vettura użata b’liċenzja ta' trasferiment hija wkoll eżenti mit-taxxa annwali ("ajoneuvovero").
3 – ĠU L 138, p. 57.
4 – Sentenza tal-21 ta' Marzu 2002 (C-451/99, Ġabra. p. I-3193).
5 – Skond id-dokumenti tal-proċess, il-prezz tal-liċenzja ta' trasferiment huwa ta' EUR 14 għal kull vettura.
6 – Ara, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, is-sentenzi Cura Anlagen, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 41 u 42, kif ukoll tal-15 ta' Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-464/02, Ġabra p. I-7929, punti 75 sa 78); ara wkoll, dwar il-libertà ta' stabbiliment, is-sentenza tal-15 ta' Diċembru 2005, Nadin u Nadin-Lux (C-151/04 u C-152/04, Ġabra. p. I-11203, punti 41 sa 43).
7 – Fil-fatt, b'mod konformi ma l-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/37, l-Istati Membri kellhom żmien sa l-1 ta' Ġunju 2004 sabiex jaddottaw il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva filwaqt li t-terminu ta' żmien mogħti lir-Repubblika tal-Finlandja sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-opinjoni motivata, speċifikat fiha stess, kien jiskadi fid-19 ta' Frar 2004.
8 – Ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Ottubru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-110/00, Ġabra. p. I‑7545, punt 13); tat-2 ta' Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-266/03, Ġabra. p. I‑4805, punt 36), u tat-28 ta' Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑49/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 6).
9 – Ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta' Mejju 2003, ATRAL (C‑14/02, Ġabra. p. I‑4431, punt 58).
10 – Ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Lulju 1974, Dassonville (8/74, Ġabra. p. 837, punt 5); ta' l-24 ta' Novembru 1993, Keck u Mithouard (C-267/91 u C-268/91, Ġabra. p. I-6097, punt 16) u ta' l-14 ta' Settembru 2006, Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour Marinopoulos (C-158/04 u C-159/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 15).
11– Ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-20 ta' Frar 1979, Rewe-Zentral, magħrufa bħala "Cassis de Dijon" (120/78, Ġabra. p. 649, punti 6, 14 u 15), kif ukoll Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, punti 15 u 16.
12 – Ara s-sentenza ATRAL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata.
13 – Ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta' April 1998, Decker (C‑120/95, Ġabra. p. I‑1831, punt 39).
14 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza tat-12 ta' Ottubru 2000, Snellers (C-314/98, Ġabra. p. I-8633, punti 55, 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 – Sentenza tal-11 ta' Ġunju 1987, Gofette et Gilliard (406/85, Ġabra. p. 2525, punt 7).
16 – Sentenzi Cura Anlagen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, u tat-23 ta' Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-232/03, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 52).
17 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cassis de Dijon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8, u tat-12 ta' Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (176/84, Ġab. p. 1193, punt 25).
18 – Ara, b'mod partikolari, is-sentenza ATRAL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata.
19 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51.
20 – Ara r-replika tar-Repubblika tal-Finlandja, punt 16.
21 – ĠU 1997, L 46, p. 1.
22 – Ara, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 96/96. Ara wkoll is-sentenzi ċcitati iktar ’il fuq, Cura Anlagen, punt 62, u Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punt 52.
23 – Jiġifieri l-vetturi li huma intenzjonati biex jiċċirkolaw b'mod permanenti fil-Finlandja u dawk li sempliċiment jgħaddu mill-Finlandja lejn Stat Membru ieħor.
24 – Sentenza Cura Anlagen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46.
Full & Egal Universal Law Academy