KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
M. POIARES MADURO
ippreżentati fl-14 ta’ Diċembru 2006 1(1)
Kawża C‑134/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Taljana
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 43 KE u 49 KE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dritt ta’ stabbiliment – Irkupru extraġudizzjarju ta’ djun”
1. Ir-rikors preżenti, li ġie ppreżentat abbażi ta’ l-Artikolu 226 KE, huwa intiż sabiex jiġi ddikjarat li r-Repubblika ta’ l-Italja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE meta ssuġġettat għal ċerta kundizzjonijiet ix-xogħol ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun, inkluż meta dan ix-xogħol isir minn impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.
I – Il-kuntest ġuridiku u l-proċedura prekontenzjuża
2. Il-liġi Taljana dwar is-sigurtà pubblika, li ġiet adottata permezz tad-Digriet Irjali Nru 773 tat-18 ta’ Ġunju 1931 (supplement ordinarju għal GURI Nru 146, tas-26 ta’ Ġunju 1931), u li ġiet interpretata u kkompletata b’ċirkulari tal-Ministeru ta’ l-Intern tat-2 ta’ Lulju 1996 (aktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni Taljana”), tiddisponi essenzjalment li:
– it-twettiq tax-xogħol ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun huwa suġġett għall-ksib ta’ liċenzja mill-Questore, l-awtorità tal-pulizija lokali;
– il-liċenzja tapplika esklużivament għall-postijiet li huma indikati hemmhekk;
– ix-xogħol awtorizzat għandu jiġi limitat għall-provinċja li fiha tingħata l-liċenzja;
– il-Questore jista’ jissuġġetta l-għoti tal-liċenzja għal ċerti rekwiżiti addizzjonali minbarra dawk previsti mil-liġi msemmija, sabiex jiżgura r-rispett tal-fiduċja pubblika;
– it-titolari ta’ liċenzja għandu, fil-postijiet tiegħu, iwaħħal b’mod permanenti u viżibbli tabella ta’ l-operazzjonijiet li huwa jwettaq u t-tariffa tal-prezzijiet relatati, u ma jistax iwettaq operazzjonijiet oħrajn apparti dawk imsemmijin fit-tabella msemmija;
– huwa meħtieġ li jiġu ffissati parametri oġġettivi u omoġenji, sabiex jiġi evitat li t-tariffi mitlubin fl-istess provinċja jvarjaw ħafna;
– l-aġenziji ta’ rkupru extraġudizzjarju tad-djun ma jistgħux iwettqu l-operazzjonijiet finanzjarji regolati mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 385/93, ta’ l-1 ta’ Settembru 1993, dwar l-attività bankarja u krediti (supplement ordinarju għall-GURI Nru 92, tat-30 ta’ Settembru 1993), li huma rriżervati esklużivament għall-intermedjarji finanzjarji rreġistrati fit-tabella relattiva tal-ministeru tat-Teżor.
3. Peress li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kienet tal-fehma li l-parti l-kbira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kienu inkompatibbli ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE, hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika ta’ l-Italja fil-21 ta’ Marzu 2002. Filwaqt li kkontestaw l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tat-Trattat KE, l-awtoritajiet Taljani rrispondew li huma kienu waqqfu grupp inkarigat sabiex jaħseb fuq kif ser tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni in kwistjoni u bagħtu lill-Kummissjoni ittra li tħabbar il-preparazzjoni ta’ proġett ta’ liġi f’dan is-sens. Iżda, peress li la t-test u lanqas iż-żmien għall-adozzjoni ta’ dan il-proġett ta’ liġi ma ġew mgħarrfa lilha, il-Kummissjoni ħarġet l-opinjoni motivata tagħha fis-7 ta’ Lulju 2004. Peress li din ma ġabet l-ebda riżultat, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta Marzu 2005.
II – Analiżi
4. L-irkupru extraġudizzjarju tad-djun jista’ jiġi ddefinit bħala “kull att jew prattika li hija maħsuba sabiex tistimola lid-debitur sabiex jaqta’ xi dejn li ma jkunx ġie mħallas, bl-eċċezzjoni ta’ dak l-irkupru li jsir abbażi ta’ xi titolu eżekuttiv”(2). Id-diversi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Taljana qegħdin proprju biex jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan ix-xogħol. Skond il-Kummissjoni, din il-leġiżlazzjoni hija f’diversi aspetti inkompatibbli ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni ssemmi tmien ilmenti kontra din; imma ċerti minnhom tant jidhru li huma marbutin strettament li, għall-finijiet ta’ kjarezza ta’ din l-analiżi, l-argument tal-Kummissjoni jista’ jiġi maqsum f’ħames punti.
5. Dan ir-rikors tal-Kummissjoni jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża għal darba oħra x’poter għandhom l-Istati Membri sabiex jirregolaw it-twettiq ta’ xogħol ekonomiku li għadu ma ġiex irregolat fuq livell Komunitarju.
6. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar immedjatament li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni ta’ xi attività professjonali, l-Istati Membri, fil-prinċipju, jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu l-eżerċizzju ta’ din l-attività, imma għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam in osservanza tal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat”(3). Ċertament, il-libertà tal-moviment, bħalma hu d-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mhumiex maħsubin biex jilliberalizzaw l-ekonomiji nazzjonali billi jostakolaw kull regolamentazzjoni Statali li taffettwa l-libertà ekonomika u kummerċjali; altrimenti, huma jkunu qegħdin joqtlu l-poter ta’ l-Istati Membri biex jirregolaw l-ekonomija. Iżda huma maħsubin sabiex jippromwovu l-għeluq tas-swieq nazzjonali, billi jiffaċilitaw l-eżerċizzju min-naħa ta’ l-operaturi tax-xogħol tagħhom fuq livell transnazzjonali. Għal dan il-għan, huma maħsubin sabiex jaqbdu kull sitwazzjoni transnazzjonali u sabiex jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjonijiet kollha diretti jew indiretti minħabba n-nazzjonalità maħluqin mill-Istati Membri, imma wkoll kull miżura nazzjonali li twassal sabiex jiġu ttrattati s-sitwazzjonijiet transnazzjonali b’mod inqas favorevoli mis-sitwazzjonijiet purament nazzjonali(4). Fi kliem ieħor, skond il-loġika tas-suq intern, dan jinvolvi li jiġu mfittxija d-diskriminazzjonijiet imwettqa fil-konfront ta’ l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment. Din il-qawwa tal-libertajiet ta’ moviment tobbliga għalhekk lill-Istati Membri sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni l-effett tal-miżuri tar-regolamentazzjoni ta’ l-ekonomiji nazzjonali tagħhom fuq il-pożizzjoni taċ-ċittadini Komunitarji li jkunu jixtiequ jagħmlu użu mid-dritt tagħhom għall-moviment liberu.
7. B’mod iktar preċiż, it-trattament inqas favorevoli tas-sitwazzjonijiet transnazzjonali li huwa pprojbit mill-prinċipju tal-moviment liberu jista’ jieħu diversi forom. Jista’ tabilħaqq ikun l-effett ta’ diskriminazzjoni li jagħti vantaġġ liċ-ċittadini nazzjonali. Jista’ wkoll jirriżulta mit-tneħħija ta’ l-aċċess għas-suq, kemm jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali jkollha l-effett li tipproteġi l-pożizzjonijiet miksuba mill-operaturi ekonomiċi stabbiliti fis-suq nazzjonali(5), kif ukoll jekk hija tagħmilha iktar diffiċli sabiex jitwettaq ix-xogħol transnazzjonali(6) jew il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
8. Huwa fid-dawl ta’ dan il-qafas ta’ analiżi li wieħed għandu janalizza r-rilevanza ta’ l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni.
9. Kif ser turi l-analiżi segwenti, dawn l-ilmenti huma fondati. Dan ma jfissirx li Stat Membru jista’ jirregola x-xogħol ta’ l-irkupru extraġudizzjarju tad-djun. Bla dubju li huwa mixtieq li l-pożizzjoni tkun fil-fatt hekk. Iżda l-kundizzjonijiet li għalihom ir-Repubblika ta’ l-Italja ssuġġettat it-twettiq ta’ l-istess xogħol huma wisq restrittivi fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
A – Il-ħtieġa ta’ liċenzja u l-kundizzjonijiet addizzjonali imposti fuq l-għoti tagħha
10. Il-Kummissjoni tiddiskuti l-ewwel nett il-kundizzjoni, li l-leġiżlazzjoni Taljana timponi fuq ix-xogħol ta’ l-irkupru extraġudizzjarju tad-djun, ta’ l-għoti minn qabel ta’ permess amministrattiv mill-awtorità tal-pulizija lokali, il-Questore. In kwantu dan ir-rekwiżit huwa impost ukoll fuq il-prestatarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, mingħajr teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-osservanza min-naħa ta’ dawn l-istess prestatarji ta’ l-obbligi eventwalment previsti mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ stabbiliment għall-finijiet tal-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku kkontemplat mil-leġiżlazzjoni Taljana, dan jikser il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dan japplika iktar u iktar in kwantu l-leġiżlazzjoni Taljana tirrikonoxxi l-poter tal-Questore biex jimponi kundizzjonijiet oħrajn minbarra dawk previsti espressament fl-istess leġiżlazzjoni, sabiex jiżgura l-fiduċja pubblika.
11. Dan l-ilment u l-argument żviluppat mill-Kummissjoni in sostenn tiegħu jidhirli għal kollox fondat.
12. Sabiex jiddefendu ruħhom, huwa veru li l-awtoritajiet Taljani jikkontestaw fl-ewwel lok li din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tikkostitwixxi la direttament u lanqas indirettament id-diskriminazzjoni għad-detriment tal-prestatarji li jaqsmu l-fruntieri, billi l-ħtieġa ta’ liċenzja tapplika kemm għall-operaturi Taljani u/jew għall-operaturi stabbiliti fl-Italja. Iżda kulħadd jaf li, b’referenza mill-ġdid għas-soluzzjoni mogħtija inizjalment fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ġiet progressivament interpretata bħala li tipprojbixxi mhux biss ir-restrizzjonijiet li huma diskriminatorji direttament jew indirettament, imma wkoll l-ostakli li japplikaw mingħajr distinzjoni. Skond il-formula stabbilita wara l-kawża Säger(7), “l-Artikolu 59 tat-Trattat [li wara l-emenda sar l-Artikolu 49 KE] jeżiġi, mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta’ servizzi minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anke jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, tostakola jew tirrendi anqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi legalment servizzi simili”. Huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li l-awtorizzazzjoni minn qabel hija ta’ natura li tipprojbixxi jew tirrendi anqas attraenti l-provvista tas-servizzi u tikkostitwixxi, konsegwentement, restrizzjoni għall-moviment liberu ta’ l-imsemmi fornitur(8). Hija tikkostitwixxi restrizzjoni fuq l-aċċess tal-fornitur li jaqsam il-fruntieri għas-suq ta’ l-Istat ospitanti.
13. L-awtoritajiet Taljani jsemmu fit-tieni lok ir-raġunijiet marbuta ma’ l-ordni pubblika u ċ-ċertezza pubblika, bħalma huma l-ħtieġa li tiġi miġġielda l-infiltrazzjoni kriminali, il-ġlieda kontra l-użura u l-protezzjoni tad-debituri, sabiex jiġġustifikaw l-implementazzjoni tal-kontroll ex ante li l-ħtieġa tal-liċenzja tirrappreżenta. Dan jinvolvi, b’mod partikolari, li jiġi evitat li x-xogħol ta’ rkupru extraġudizzjarju tad-djun jiġi eżerċitat minn individwi li jkunu jistgħu jwettqu ksur gravi fil-konfront tal-persuna u tal-beni tad-debituri.
14. Dawn l-interessi jikkostitwixxu, bla dubju, raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li huma suxxettibbli, fil-prinċipju, li jiġġustifikaw l-ostakli li jiġu applikati mingħajr distinzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
15. Madankollu jibqa’ meħtieġ li l-miżura ostakolanti in kwistjoni tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri tkun adattata biex tiggarantixxi r-realizzazzjoni ta’ l-objettiv leġittimu tagħha u ma teċċedix dak li hu meħtieġ biex dan jintlaħaq(9).
16. Jiena ta’ l-istess fehma bħall-Kummissjoni fejn tgħid li l-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni teċċedi dak li hu meħtieġ sabiex jiġi sodisfatt l-għan imfittex, li huwa li jiġi assigurat il-kontroll strett tax-xogħol ta’ rkupru extraġudizzjarju tad-djun għall-finijiet ta’ ordni pubblika. L-awtorizzazzjoni minn qabel taħt l-istess kundizzjonijiet hija, fil-fatt, imposta, mingħajr distinzjoni minħabba n-nazzjonalità, bla differenza bejn il-fornituri li jaqsmu l-fruntieri u għall-operaturi stabbiliti fl-Italja. Għalkemm bħala prinċipju impriża hija suġġetta, f’każ ta’ stabbiliment fi Stat Membru ieħor, għal-liġi tal-pajjiż ospitanti, li jista’ jimponi fuqha l-istess kundizzjonijiet u kontrolli li huwa japplika għaċ-ċittadini tiegħu stess, ma jistax jintalab l-istess mingħand il-fornitur tas-servizz li ma jeżerċitax l-attività tiegħu ħlief okkażjonalment fi Stat Membru ieħor u li jibqa’ suġġett għar-regoli u l-kontrolli fis-seħħ fil-pajjiż ta’ l-oriġini tiegħu. Tali sitwazzjoni tirrendi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ineffettiva għal kollox billi tissuġġetta tali libertà għall-kundizzjonijiet kollha rikjesti għall-istabbiliment(10). Dan ifisser ukoll li jiġu żvantaġġati l-fornituri li jaqsmu l-fruntieri fil-konfront tal-fornituri stabbiliti fit-territorju ta’ l-Istat ospitanti(11). Il-Qorti tal-Ġustizzja ilha minn żmien twil li ddeċidiet li, bħala prinċipju, mhuwiex konformi mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li l-fornitur ikun suġġett għal restrizzjonijiet biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi ġenerali, sa fejn dawn l-interessi huma diġà ssalvagwardjati mir-regoli li għalihom il-fornitur huwa suġġett fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit(12). L-Istat Membru ospitanti għandu għalhekk jieħu in kunsiderazzjoni dawn ir-regoli u l-kontrolli għall-osservanza tagħhom li għalihom il-fornitur ikun suġġett fil-pajjiż ta’ stabbliment tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-miżura introdotta mill-Istat Membru li tirdoppja l-kontrolli magħmula għall-istess skop li jkunu diġà saru minn Stati Membri oħrajn ma tistax titqies bħala meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan intiż(13). Fi kliem ieħor, it-test tan-neċessità inerenti għall-prinċipju tal-proporzjonalità jimponi fuq l-Istat Membru tad-destinazzjoni l-obbligu li jivverifika jekk l-eżiġenzi li għandhom l-istess għan ta’ interess ġenerali humiex imposti wkoll fl-Istat Membru ta’ l-oriġini u, jekk ikun il-każ, li jqis l-ekwivalenza għall-finijiet tas-sodisfazzjoni ta’ l-istess eżiġenzi; f’każ ta’ risposta pożittiva, huwa jkollu l-obbligu li jirrikonoxxi l-eżiġenza ekwivalenti li tkun sodisfatta diġà fl-Istat Membru ta’ stabbiliment.
17. Sabiex jiċħdu l-applikabbiltà fil-kawża preżenti ta’ dan l-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku, l-awtoritajiet Taljani ma jistgħux legalment jargumentaw fuq l-assenza ta’ armonizzazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ l-irkupru extraġudizzjarju tad-djun bl-implementazzjoni ta’ sistema ta’ rikonoxximent reċiproku. Jeħtieġ li jiġi ripetut li, għalkemm, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni ta’ attività professjonali, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, kompetenti sabiex jiddefinixxu l-eżerċizzju ta’ dik l-attività, huma għall-inqas għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam in osservanza tal-libertaijet fundamentali garantiti mit-Trattat(14). Diġà ġie deċiż li, minkejja l-fatt li d-Direttivi ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-attività ta’ avukat u ta’ rikonoxximent reċiproku tad-diplomi li jagħtu aċċess għal din il-professjoni, previsti espressament fl-Artikolu 57 KEE (li sar l-Artikolu 47 KE), ma kinux għadhom daħlu fis-seħħ, il-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment jimponi fuq l-Istat Membru li ġie ppreżentat b’talba għall-awtorizzazzjoni li tiġi eżerċitata professjoni li l-aċċess għaliha hija, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, suġġetta għall-pussess ta’ diploma jew ta’ kwalifika professjonali, l-obbligu li jieħu in kunsiderazzjoni d-diplomi, iċ-ċertifikati u t-titoli oħra li l-persuna kkonċernata kisbet bl-iskop li teżerċita din l-istess professjoni fi Stat Membru ieħor billi jagħmel paragun bejn il-kompetenzi attestati b’dawn id-diplomi u t-tagħrif u l-kwalifiki meħtieġa mir-regoli nazzjonali; jekk dan l-eżami komparattiv tad-diplomi jwassal għall-konstatazzjoni li t-titoli u kwalifiki attestati bid-diploma barranija jikkorrispondu għal dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, l-Istat Membru jkun obbligat li jaċċetta li dik id-diploma tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti minnu(15).
18. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, huwa dan it-test tan-neċessità li ma jissodisfax il-kundizzjoni ta’ liċenzja imposta mil-leġiżlazzjoni Taljana in kwistjoni. Dan ir-rekwiżit huwa fil-fatt impost b’mod ġenerali fuq l-operaturi kollha li jkunu jixtiequ jeżerċitaw fl-Italja attività ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun u l-għoti tagħha hija suġġetta għall-istess kundizzjonijiet, kif ir-Repubblika Taljana ammettiet fir-risposta tagħha.
19. Għaldaqstant, l-istess kundizzjonijiet japplikaw għall-fornituri li l-attività tagħhom kienet diġà s-suġġett, fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, ta’ awtorizzazzjoni għall-kundizzjonijiet li, jekk mhux identiċi, jiggarantixxu għall-inqas l-istess livell ta’ protezzjoni ta’ l-ordni pubblika bħal-leġiżlazzjoni Taljana. Madankollu, Stati Membri oħra, bħalma huma r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew ir-Repubblika tal-Finlandja, jissuġġettaw ukoll l-eżerċizzju ta’ l-attività extraġudizzjarja ta’ rkupru ta’ djun għall-permess intiż sabiex jassigura, inter alia, l-affidabbiltà ta’ l-operatur permezz ta’ verifika tal-passat ġudizzjarju tiegħu. Il-fatt li l-awtoritajiet Taljani jimponu l-obbligu li tinsikeb liċenzja anki f’dawn il-każijiet jikkostitwixxi għalhekk kontroll doppju li jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja fl-1979 diġà kienet iddediċidet li l-ħtieġa ta’ liċenzja sabiex tiġi eżerċitata, fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, attività ta’ aġenzija tax-xogħol mhijiex oġġettivament meħtieġa meta l-fornitur, li jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor, jkollu liċenzja mogħtija taħt kundizzjonijiet simili għal dawk imposti mill-Istat Membru fejn ser jingħata s-servizz(16).
20. Kif sostniet il-konvenuta waqt is-seduta, il-fatt li l-formola tat-talba għall-awtorizzazzjoni tkun qasira, il-provi li jkunu jridu jiġu prodotti in sostenn tat-talba jkunu kważi ineżistenti u t-terminu għall-ipproċessar ta’ l-istess jiġi limitat għal 30 ġurnata mhuwiex tali li jevita l-applikazzjoni ta’ dawn is-soluzzjonijiet. Il-ġurisprudenza ma stabbilixxietx regoli de minimis fil-qasam tal-libertajiet ta’ moviment. Il-formola li trid tintela mhijiex sempliċi dikjarazzjoni li, sa mill-preżentata tagħha, tippermetti lill-operatur jeżerċita l-attività tiegħu. Hija talba għall-awtorizzazzjoni li ssir qabel ir-risposta diskrezzjonali, liema risposta tista’ tieħu 30 ġurnata u li fuqha jiddependi l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ l-operatur. Il-ħtieġa tat-tieni awtorizzazzjoni hija ta’ natura, anke jekk b’mod limitat, li tittardja inutilment l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li żżid l-ispejjeż(17) u tikkostitwixxi għalhekk restrizzjoni sproporzjonata.
21. Fir-rigward ta’ l-awtorizzazzjonijiet li fl-Istat Membru ta’ stabbiliment ma jkunux suġġetti għal kundizzjonijiet daqshekk protettivi ta’ l-ordni pubblika, l-awtoritajiet Taljani, f’dan il-każ, huma ċertament intitolati li jżommu r-rekwiżit tal-liċenzja. Madankollu, għall-finijiet ta’ l-għoti tagħha, huma għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-obbligi li l-fornitur kien diġà obbligat jissodisfa fl-Istat Membru fejn huwa jkun stabbilit(18).
22. Huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjonijiet imposti fuq l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni rikjesta għall-eżerċizzju ta’ xi attività ta’ l-assigurazzjoni “ma jistgħux jirdoppjaw il-kundizzjonijiet legali ekwivalenti li jkunu diġà ġew sodisfatti fl-Istat ta’ stabbiliment u l-awtorità tal-kontroll ta’ l-Istat destinatarju għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-kontrolli u l-verifiki li jkunu diġà saru fl-Istat Membru ta’ stabbiliment”(19). Mis-sentenza Cura Anlagen(20) jirriżulta wkoll li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tistax tissuġġetta r-reġistrazzjoni ta’ vettura meħuda b’leasing mingħand kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor għall-obbligu ta’ kontroll tekniku, meta l-vettura tkun diġà ġiet sottoposta għall-kontroll tekniku fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-kumpannija tal-leasing, ħlief jekk dan l-obbligu jkun intiż sabiex jivverifika li l-vettura kienet issodisfat il-kundizzjonijiet imposti fuq il-vetturi rreġistrati fl-Istat Membru fejn ikunu qegħdin jiġu użati li mhumiex koperti mill-kontrolli mwettqa fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-kumpannija tal-leasing. Bl-istess mod, kien ġie ddeterminat li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li, billi talbet li l-impriżi kollha ta’ l-għassa u s-sigurtà kellhom jissodisfaw l-istess kundizzjonijiet għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ permess minn qabel, il-leġiżlazzjoni tal-Belġju ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-obbligi li għalihom il-fornitur jkun diġà ġie sottomess fl-Istat Membru fejn huwa jkun stabbilit(21). L-istess ġie deċiż fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Portugiża li kellha l-istess għan(22). Għalkemm fis-sentenza Webb, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, għall-finijiet tal-preżervazzjoni tar-relazzjonijiet tajba fis-suq ta’ l-impjieg u l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-ħaddiema, l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob li l-impriżi li jqabbdu ħaddiema sabiex jagħtu xi servizz jiksbu awtorizzazzjoni, anke meta dawn jkunu diġà titolari ta’ liċenzja mogħtija mill-Istat ta’ stabbiliment tagħhom, dan sar biss wara li sar enfasi fuq id-diversità tal-kriterji ta’ analiżi applikabbli għal dan il-ġeneru ta’ attivitajiet minn Stat Membru għall-ieħor u b’riżerva espressa li l-Istat Membru ospitanti jkollu jieħu in kunsiderazzjoni l-ġustifikazzjonijiet u garanziji li jkunu diġà ġew ippreżentati mill-fornitur għall-eżerċizzju ta’ l-attività tiegħu fl-Istat Membru ta’ stabbiliment.
23. Fil-kawża preżenti, il-leġiżlazzjoni Taljana ma tikkontemplax it-teħid in kunsiderazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet u garanziji ppreżentati diġà mill-fornitur għall-eżerċizzju ta’ l-attività tiegħu fl-Istat Membru ta’ stabbiliment. L-għoti tal-liċenzja hija suġġetta fil-każijiet kollha għall-istess kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward hija irrilevanti l-affermazzjoni ta’ l-awtoritajiet Taljani li jgħidu li, sabiex jiġi evalwat jekk l-awtorizzazzjoni tistax tiġi mogħtija jew le, l-amministrazzjoni nazzjonali għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-obbligi li għalihom huma suġġetti l-fornituri li jaqsmu l-fruntieri fil-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom. Dak li hu rilevanti huwa li l-leġiżlazzjoni Taljana nnifisha ma fiha ebda dispożizzjoni partikolari li timponi espliċitament l-obbligu tat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-eżiġenzi ekwivalenti previsti fl-Istat ta’ stabbiliment. Fil-fatt, hija ġurisprudenza kostanti li prattiċi sempliċi amministrattivi, li min-natura tagħhom jiġu mmodifikati skond il-volontà ta’ l-amministrazzjoni u ma jingħatawx pubbliċità adegwata, m’għandhomx jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu l-implementazzjoni valida ta’ l-obbligi tat-Trattat KE(23). F’dan ir-rigward ukoll, il-leġiżlazzjoni Taljana tikser il-prinċipju tal-proporzjonalità.
24. Ir-rekwiżit ta’ liċenzja jirriżulta li huwa iktar sproporzjonat għall-għan leġittimu mixtieq billi l-leġiżlazzjoni Taljana tirriżerva għall-Questore il-poter li jissuġġetta l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet addizzjonali intiżi sabiex jassiguraw ir-rispett tal-fiduċja pubblika. Skond ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ l-awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel mhijiex kompatibbli mar-regoli tat-Trattat jekk ma tistrieħx fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u magħrufa minn qabel mill-impriżi kkonċernati, b’mod li jiġi evitat l-eżerċizzju arbitrarju tal-poter diskrezzjonali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali li jneħħi kull effett utli li jista’ jkollhom id-dispożizzjonijiet Komunitarji relattivi għal-libertà fundamentali(24). Madankollu, il-leġiżlazzjoni Taljana bl-ebda mod ma tippreċiża l-kontenut tal-kundizzjonijiet li jista’ jiżdied. L-inċertezza legali li tirriżulta minn dan għall-operaturi fir-rigward tal-kriterji li għandhom jiġu sodisfatti hija tali li tiskoraġġixxihom milli jipprovdu s-servizzi tagħhom(25).
25. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja li tilqa’ l-ilment dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 49 KE li jirriżulta mill-fatt li l-attività ta’ l-irkupru extraġudizzjarju tad-djun hija suġġetta għall-għoti ta’ liċenzja.
B – Id-delimitazzjoni territorjali tal-liċenzja
26. Il-Kummissjoni ssostni li l-limitazzjoni tal-validità tal-liċenzja għat-territorju tal-provinċja li fuqu għandu l-Questore li ħariġha għandu l-awtorità, ħlief meta tagħti mandat lir-rappreżentant awtorizzat sabiex jeżerċita l-attività fi provinċja li għaliha l-operatur ma jkollux liċenzja, tikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata kemm għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll għal-libertà ta’ stabbiliment.
27. Peress li l-Italja hija maqsuma f’103 provinċji, din il-limitazzjoni ġeografika tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liċenzja tikkostitwixxi bla dubju restrizzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fundamentali. Operatur li jkun jixtieq jestendi l-attività tiegħu fuq parti kbira tat-territorju Taljan għall-finijiet ta’ l-eżerċizzju okkażjonali jew stabbli u kontinwu, għandu jagħmel daqstant talbiet għal-liċenzja daqs kemm ikun hemm provinċji li huwa jkun irid ikopri u 103 talbiet jekk huwa jkun irid jeżerċita l-attività tiegħu fuq it-territorju Taljan kollu.
28. B’kuntrast ma’ dak li jsostni l-Gvern Taljan, f’dan ir-rigward huwa irrilevanti li l-istess rekwiżit jiġi impost fuq l-operaturi stabbiliti fl-Italja, peress li, fi kwalunkwe każ, l-ostakli li japplikaw mingħajr distinzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, l-istess bħal dawk fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huma pprojbiti(26). Fil-kawża preżenti mhuwiex meħtieġ li terġa tinfetaħ id-diskussjoni, li diġà saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja(27), fuq il-punt dwar jekk il-projbizzjoni ta’ l-ostakli għal-libertà ta’ stabbiliment li japplikaw mingħajr distinzjoni jikkonċernawx biss il-miżuri nazzjonali li jirrestrinġu direttament l-aċċess għall-attività jew jikkontemplawx ukoll dawk li jirrendu iktar diffiċli l-eżerċizzju tagħha, peress li l-limitazzjoni tal-portata territorjali tal-liċenzja ma taffettwax biss il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju tad-djun imma l-aċċess stess għal dik l-attività li għandha tiġi rregolata minnha.
29. Għad irid jiġi stabbilit jekk din ir-restrizzjoni hijiex approprjata u meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti l-motivi leġittimi taċ-ċertezza pubblika li qajmet il-konvenuta, jiġifieri sabiex tilqa’ kontra r-riskju ta’ l-infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata. Fil-fehma ta’ l-istess konvenuta, dan huwa fil-fatt il-każ hawnhekk, peress li hija l-provinċja li tikkostitwixxi l-portata territorjali l-iktar rilevanti sabiex wieħed janalizza l-impatt fuq l-ordni pubblika ta’ l-intervent ta’ operatur addizzjonali ta’ l-irkupru extraġudizzjarju tad-djun u sabiex jeżerċita l-kontroll fuq l-operaturi eżistenti.
30. Din id-difiża ma tikkonvinċinix.
31. Il-limitazzjoni tal-portata territorjali tal-liċenzja, fil-fehma tiegħi, tikkostitwixxi l-ewwel nett restrizzjoni inġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Jekk, kif issuġġerejt qabel, il-ħtieġa ġenerali u assoluta ta’ liċenzja tikser il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-istess jista’ jingħad għal sistema li timponi fuq il-fornitur li jaqsam il-fruntieri l-obbligu li jżid in-numru tat-talbiet ta’ awtorizzazzjoni skond il-portata taż-żona ġeografika ta’ l-Istat Membru ospitanti li huwa jkun jixtieq ikopri. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qajmet in kwistjoni l-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru professjonali ta’ kull provinċja fejn perit ikun irid joffri s-servizzi tiegħu, billi qieset li din il-limitazzjoni tal-portata territorjali tar-reġistrazzjoni “tagħmilha iktar ikkumplikata” li wieħed jeżerċita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li hija diġà ristretta b’dak l-obbligu bħala tali(28).
32. Is-sistema Taljana tal-liċenzji territorjali tikkostitwixxi wkoll restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà ta’ stabbiliment. Billi hija miżura ta’ natura li taqsam is-suq Taljan fi provinċji, hemm bżonn li din tkun verament l-unika mezz adattat sabiex tiżgura kontroll effettiv ta’ l-aġenziji ta’ rkupru extraġudizzjarju ta’ djun sabiex din tkun ammissibbli fir-rigward tad-dritt Komunitarju. Nammetti li ma nistax nara għaliex l-awtorizzazzjoni mogħtija fuq livell nazzjonali mhijiex adegwata u suffiċjenti għal dan il-għan. Wieħed għandu jiftakar li huma l-Istati Membri li jkunu qegħdin jikkunsidraw ir-restrizzjoni għal-libertà fundamentali li huma jkunu imponew bħala ġustifikata, li għandhom l-obbligu li juru li l-istess restrizzjoni għandha għan leġittimu u li hija xierqa u meħtieġa għal dak l-għan(29). Ir-rabta li l-awtoritajiet Taljani għamlu bejn in-neċessità tal-kontroll ex post fuq il-livell lokali ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ rkurpu ta’ djun u l-kontroll ex ante li jiggarantixxi l-awtorizzazzjoni mhijiex prova ta’ dan. Jekk wieħed kellu jassumi li l-kontrolli fuq l-eżerċizzju ta’ l-attività għandhom isiru mill-awtoritajiet tal-pulizija provinċjali iktar milli mill-awtorità tal-pulizija nazzjonali, jiena ma narax kif, u l-konvenuta ma turix b’mod konvinċenti, l-effikaċità tagħhom tista’ tkun ippreġudikata bil-fatt li l-liċenzja tingħata mill-poter ċentrali u jkollha portata nazzjonali. L-argument ta’ l-attenzjoni iktar mill-qrib, jew wieħed jista’ jgħid ta’ “traċċabbiltà aħjar” ma jreġġix, in kwantu l-koordinazzjoni fuq livell ċentrali tal-kontrolli lokali tal-pulizija ta’ l-attività ta’ l-operaturi titolari ta’ liċenzja ta’ portata nazzjonali kienet tidher suffiċjenti għal dan il-għan u inqas restrittiva fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress illi l-amministrazzjoni tal-pulizija taqa’ taħt il-Ministeru ta’ l-Intern fl-Italja. Min-naħa l-oħra, wieħed ikun ġustifikat ukoll li jsostni li l-prova ta’ komportament illeċitu waqt xi kontroll lokali u l-irtirar konsegwenti tal-liċenzja jkollhom il-konsegwenza li jipprojbixxu lill-operatur milli jeżerċita l-attività tiegħu fuq it-territorju nazzjonali kollu fil-każ ta’ liċenzja ta’ portata nazzjonali, filwaqt li din ma twaqqfux milli jeżerċita l-attività tiegħu fil-provinċji l-oħrajn li għalihom huwa jkollu liċenzja f’każ ta’ liċenzja ta’ portata lokali.
33. Skond il-gvern Taljan, in-natura relattiva li għandha l-projbizzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ l-attività barra l-provinċja ma tistax tikkoreġi l-isproporzjonalità tar-restrizzjoni u dan peress li hemm possibbiltà li wieħed jirrikorri għal mandatarju li għandu liċenzja valida għall-provinċja li fiha l-operatur ikollu l-intenzjoni li jistabbilixxi l-attività tiegħu. Din il-possibbiltà, fil-fatt, torbot lill-istess operatur sabiex jirrikorri għal aġenzija li magħha huwa jkun intenzjonat jikkompeti u għalhekk twassal biss sabiex jiġi kkonsolidat it-taqsim tas-suq Taljan fi provinċji u biex iżżomm is-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni.
34. Jiena nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li, billi limitat il-validità tal-liċenzja għall-ġurisdizzjoni provinċjali ta’ l-awtorità tal-pulizija li tkun ħarġitha u billi tobbliga li jingħata mandat lil rappreżentant awtorizzat sabiex jeżerċita l-attività fi provinċja li għaliha l-operatur ma jkollux liċenzja, l-istess Repubblika ta’ l-Italja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li joħorġu mill-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
C – Il-kundizzjoni li l-operatur irid ikollu uffiċċju fejn jeżerċita l-attività
35. Skond il-Kummissjoni, mil-leġiżlazzjoni Taljana in kwistjoni jirriżulta li hemm obbligu li wieħed ikollu uffiċċju minn fejn jeżerċita l-attività ta’ rkupru tad-djun u dan f’kull provinċja li għaliha l-operatur ikollu liċenzja. Dan ir-rekwiżit jikser kemm il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
36. Fil-fatt, diversi dispożizzjonijiet nazzjonali jimponu fuq l-aġenzija ta’ rkurpru tad-djun li jkollha uffiċċju f’kull provinċja li għalih ikollha liċenzja. Għaldaqstant, l-Artikolu 115 tal-liġi fuq iċ-ċertezza pubblika jindika li “il-liċenzja tapplika esklużivament għall-postijiet li huma hemm indikati”. L-Artikolu 16 tal-liġi msemmija jipprovdi li l-aġenti tal-forza pubblika “għandhom il-fakultà li jaċċedu fi kwalunkwe ħin fil-postijiet fejn issir l-attività suġġetta għal xi awtorizzazzjoni tal-pulizija”. L-Artikolu 120 jimponi fuq id-diriġenti ta’ l-aġenziji ta’ rkupru tad-djun l-obbligu li jesponu “b’mod permanenti fl-uffiċċji ta’ l-aġenzija, b’mod viżibbli, it-tabella ta’ l-operazzjonijiet li huma jagħmlu” u ċ-ċirkulari tal-Ministeru ta’ l-Intern ta’ l-1996 jippreċiża, jekk huwa meħtieġ, li l-attività ta’ rkupru tad-djun tista’ “tiġi eżerċitata esklużivament fil-postijiet indikati fil-liċenzja bil-konsegwenza li l-postijiet l-oħrajn kollha għandhom jiġu awtorizzati f’kull każ”. Bl-istess mod, il-konvenuta tammetti li minn dan jirriżulta l-obbligu fuq l-operaturi awtorizzati sabiex jindikaw il-post fil-provinċja fejn iżommu d-dokumenti tagħhom, sabiex jippermettu t-twettiq tal-kontrolli tal-pulizija.
37. Għal dak li jirrigwarda l-vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 43 KE li jirriżulta minn dan, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-ħtieġa li wieħed ikollu uffiċċju, li b’xi mod jifforma parti integrali mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, iżda l-obbligu impost fuq l-operatur li jkun jixtieq jistabbilixxi ruħu fl-Italja li jkollu uffiċċju f’kull provinċja li għaliha huwa jkun kiseb liċenzja. Dan huwa għalhekk obbligu li huwa marbut strettament mal-limitazzjoni tal-validità ta’ l-awtorizzazzjoni għat-territorju ta’ xi provinċja. Diġà tajt ir-raġunijiet għalfejn limitazzjoni simili għall-portata ġeografika tal-liċenzja tikser il-libertà ta’ stabbiliment.
38. Fir-rigward ta’ l-ilment dwar il-vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar ripetutament li r-rekwiżit ta’ stabbiliment stabbli jew ta’ sede għan-negozju jikkostitwixxi ċ-ċaħda stess tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, in kwantu dan jirrendi impossibbli l-provvista, fl-Istat Membru destinatarju, tas-servizzi minn impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn(30). Din ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tistax, għaldaqstant, tiġi aċċettata ħlief jekk ma jiġix stabbilit li hija tikkostitwixxi kundizzjoni indispensabbli sabiex jintlaħaq l-obbjettiv leġittimu intiż(31).
39. Madankollu, kien biss b’mod eċċezzjonali li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li dan kien il-każ. Kważi l-uniku eżempju li jista’ jingħata huwa dak tal-provvista ta’ servizzi ta’ avukati li jirrappreżentaw xi klijent quddiem qorti. F’dan il-każ u qabel ma seħħet l-armonizzazzjoni Komunitarja, ir-rekwiżit ta’ stabbiliment professjonali stabbli fiż-żona tal-qorti stess kien ġie, fil-fatt, fil-kawża Van Binsbergen(32), iddikjarat bħala li huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li din ir-restrizzjoni kienet oġġettivament meħtieġa sa biex tassigura l-osservanza tar-regoli professjonali marbutin, b’mod partikolari, ma’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u r-rispett ta’ l-etika professjonali. Fl-istess sentenza(33), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet żiedet madankollu li, għalkemm l-eżerċizzju ta’ attività professjonali, fi ħdan l-Istat Membru, tirriżulta minn sistema ta’ libertà totali, li mhijiex suġġetta għall-ebda kwalifika jew dixxiplina professjonali, ir-rekwiżit ta’ residenza fit-territorju ta’ dak l-Istat jikkostitwixxi restrizzjoni li hija inkompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, meta l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tkun tista’ tiġi milħuqa b’miżuri inqas onerużi, bħalma hija l-għażla ta’ indirizz għan-notifika ta’ atti ġudizzjarji.
40. Il-Gvern Taljan waqt is-seduta invoka, in sostenn tad-difiża, proprju din il-ġurisprudenza dwar l-indirizz għan-notifika ta’ atti ġudizzjarji ta’ l-avukati li jipprovdu xi servizz. Biex jiġġustifika l-applikazzjoni tagħha b’analoġija, huwa sostna li wieħed ma jistax ixebbah fil-każ preżenti l-ħtieġa li wieħed ikollu uffiċċju fi stabbiliment stabbli. Il-leġiżlazzjoni Taljana pjuttost għandha tiġi miftehma bħala li timponi l-obbligu li jiġi indikat il-post fejn tkun miġbura d-dokumentazzjoni li tirrigwarda l-eżerċizzju ta’ l-attività eżerċitata, sabiex l-awtorità tal-pulizija tkun tista’ faċilment taċċedi għalih biex tagħmel il-kontrolli neċessarji; għal dan il-għan, l-operatur li jipprovdi s-servizz jkun jista’ jillimita ruħu billi jagħti indirizz ta’ aġenzija li tkun stabbilita diġà fit-territorju Taljan.
41. Kieku wieħed kellu jassumi li l-leġiżlazzjoni Taljana għandha tiġi hekk estiża, jirriżulta li l-fatt li mhux tippermetti iżda li timponi b’mod sistematiku l-lokalizzazzjoni territorjali, anke jekk minima, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dan jirrendi l-eżerċizzju ta’ l-attività iktar diffiċli minn dak tal-provvista purament interna, in kwantu, anke fit-teorija stess, il-fornituri nazzjonali diġà jkollhom, għall-inqas, uffiċċju. L-ammissibbiltà tagħha hija għalhekk suġġetta għall-proporzjonalità tagħha meta mqabbla ma’ l-għan intiż. Għall-awtoritajiet Taljani, ir-risposta hija ċara, peress li n-nuqqas ta’ uffiċċju jippreżenta r-riskju li jitneħħa l-aċċess għad-dokumenti u jimpedixxi konsegwentement kontrolli ex post effikaċji ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attività.
42. Jien ma naqbilx ma’ din l-analiżi. Jidhirli li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-għażla ta’ indirizz għan-notifika ġudizzjarja ta’ l-avukati mhijiex faċli li tiġi trasposta, in kwantu r-rekwiżit ta’ l-għażla ta’ l-indirizz f’dak ta’ avukat stabbilit fl-Istat ospitanti hija meħtieġa minħabba ħtiġijiet speċifiċi marbutin ma’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jiġifieri li jiġi indikat indirizz li fih ikunu jistgħu jsiru b’mod validu n-notifiki provenjenti mill-qorti. Fil-kawża preżenti, jidhirli li l-interess li jiġu ggarantiti l-kontrolli ex post effikaċji jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni b’mod korrett b’miżuri inqas onerużi. L-obbligu li persuna tipproduċi perjodikament id-dokumenti relatati mas-servizzi pprovduti, jew kopja tagħhom, tkun biżżejjed għal dan il-għan, speċjalment bl-iżvilupp tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Ir-rekwiżit li wieħed ikollu uffiċċju sabiex titwaħħal fih tabella dwar is-servizzi li jistgħu jingħataw lill-klijenti hija wkoll sproporzjonata, u dan peress li l-impriża għall-irkupru tad-djun tista’ tinforma lill-klijent b’mezzi oħrajn, permezz ta’ sit fuq l-internet per eżempju.
43. Il-ġurisprudenza ssegwi l-istess raġunament. F’dan ir-rigward jistgħu jissemmew żewġ kawżi, fejn il-kwistjoni kienet tirrigwarda r-rekwiżit li għall-finijiet tal-kontroll jeħtieġ li jkun hemm stabbiliment stabbli, imma fejn il-motivi qishom jagħtu x’jifhmu li anke r-rekwiżit ta’ sempliċi uffiċċju kien sproporzjonat. Fil-kawża tas-servizzi ta’ assigurazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “dan il-kontroll jista’ jiġi eżerċitat billi wieħed jara kopji tal-karta tal-bilanċ, tal-kontijiet u dokumenti kummerċjali, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni u l-programmi ta’ attività, mibgħuta mill-Istat ta’ stabbiliment u debitament iċċertifikati mill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru”(34). Bl-istess mod, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa ta’ sede għall-kummerċ imposta fuq il-laboratorji ta’ anliżi medika li jkunu jixtiequ joffru s-servizzi fi Franza kienet teċċedi l-miżura neċessarja, peress li “għalkemm wieħed ma jistax jitlob lill-awtoritajiet kompetenti Franċiżi sabiex jagħmlu verifiki fuq il-post fi Stati Membri oħrajn, partikolarment spezzjonijiet maħsuba sabiex jaraw li qegħdin jiġu osservati l-kundizzjonijiet għall-funzjonament tal-laboratorji, jibqa’ madankollu possibbli li l-laboratorji stabbiliti fi Stat Membru ieħor jiġu mitluba juru, għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtoritajiet Franċiżi, li l-kontrolli li għalihom huma suġġetti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tas-sede kummerċjali tagħhom mhumiex inqas ħarxa minn dawk li huma fis-seħħ fi Franza u jirrigwardaw ir-rispett tad-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu għall-inqas l-istess livell ta’ protezzjoni tas-saħħa bħal-liġi Franċiża”(35).
44. Għaldaqstant, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li, billi imponiet fuq l-operaturi r-rekwiżit li jkollhom uffiċċju f’kull provinċja li għaliha jkunu kisbu liċenzja, ir-Repubblika ta’ l-Italja kisret l-Artikoli 43 KE u 49 KE u li billi imponiet l-obbligu li titwaħħal, fl-uffiċċji, tabella li turi s-servizzi li jistgħu jingħataw lill-klijenti, hija kisret l-Artikolu 49 KE.
D – Il-limitazzjoni fuq il-libertà ta’ l-iffissar tat-tariffi
45. Il-Kummissjoni takkuża wkoll lir-Repubblika ta’ l-Italja li rrestrinġiet b’mod inġustifikat il-libertajiet ta’ stabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi billi rrakkomandat lill-Questore, permezz taċ-ċirkulari tal-Ministeru ta’ l-Intern ta’ l-1996, li jikkontrolla t-tariffi billi jiffissa parametri oġġettivi u omoġenji, sabiex jiġi evitat li dawn it-tariffi jvarjaw wisq fiż-żona ta’ l-istess provinċja.
46. Jiena naqbel mal-Kummissjoni fejn tgħid li din ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi analizzata bħala limitazzjoni fuq il-libertà ta’ l-iffissar tat-tariffi, minkejja l-kontestazzjoni ta’ l-awtoritajiet Taljani, li jgħidu li din ir-rakkomandazzjoni tissuġġerixxi sempliċiment lill-Questore sabiex jindika lill-operaturi l-listi tat-tariffi bbażati fuq elementi oġġettivi (spejjeż, rabta bejn il-provvista u d-domanda tas-servizzi, eċċ.). Madankollu, in-natura vinkolanti ta’ din l-indikazzjoni tirriżulta mill-ammissjoni stess tal-konvenuta li tgħid li l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni eċċessiva fuq il-prezzijiet tista’ twassal lill-awtorità taċ-ċertezza pubblika sabiex tissospendi, jew anki tirrevoka l-liċenzji ta’ l-operaturi responsabbli.
47. L-istess bħal ma tgħid l-Kummissjoni, jiena nsostni li din il-limitazzjoni fuq il-libertà ta’ l-iffissar tat-tariffi hija ta’ natura li tostakola jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tikkostitwixxi għalhekk ostakolu għal dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali(36). Anke jekk mhijiex diskriminatorja, hija fil-fatt ta’ natura li tirrestrinġi l-aċċess għas-suq Taljan ta’ l-attività ta’ l-irkupru extraġudizzjarju tad-djun minn operaturi li jkunu jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fl-Italja jew jipprovdu s-servizzi tagħhom f’dan l-Istat. Kif uriet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq(37), il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet spiss hija l-aħjar mezz biex wieħed jattira l-klijenti u għalhekk biex jidħol fis-suq, b’mod partikolari għall-operaturi li għadhom mhumiex preżenti fuq l-istess suq u li għalhekk ma jkunux magħrufa. Għaldaqstant, kull miżura nazzjonali maħsuba bħala limitazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ stabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi.
48. Għaldaqstant, għall-motivi li għadna kif rajna, huwa ċar li dan ikun il-każ jekk il-miżura nazzjonali tkun intiża sabiex timponi prezzijiet minimi. Fil-kawża preżenti, ir-rakkomandazzjoni indirizzata lill-Questore sabiex jistabbilixxi parametri oġġettivi u omoġenji għall-iffissar tat-tariffi tidher pjuttost li għandha dan l-għan, peress li l-għan ta’ din ir-rakkomandazzjoni, kif ammettew l-awtoritajiet Taljani, huwa li jipprevjenu l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni mhux ikkontrollata fuq il-prezzijiet tal-provvisti, li tkun tali li tqajjem xi inkwiet għall-ordni pubblika. Dan jista’ jkun il-każ ukoll jekk il-miżura nazzjonali jkollha l-effett li timponi prezzijiet massimi(38). Limitazzjoni simili tista’ fil-fatt tostakola fornitur, u twaqqfu milli jinkludi fit-tariffa tal-provvista tiegħu ċerti spejjeż, partikolarment spejjeż ta’ vvjaġġar, li l-operaturi tal-post ma jkollhomx. Hija tista’ wkoll tostakola lill-operatur li jkun jixtieq jistabbilixxi ruħu, billi twaqqfu milli jinkludi l-ispejjeż marbuta mal-bidu tan-negozju, liema spejjeż l-operaturi diġà stabbiliti jkunu ilhom li rkupraw.
49. Biex jiġġustifika l-leġittimità ta’ din ir-restrizzjoni, il-Gvern Taljan, waqt is-seduta, invoka l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva Nru 2000/35/KE tal-Parlament u tal-Kunsill(39), li tawtorizza lill-Istati Membri sabiex, in osservanza tal-prinċipji tat-trasparenza u tal-proporzjonalità, jiffissaw kumpens massimu għall-ispejjeż ta’ l-irkupru li l-kredituri jistgħu jitolbu mingħand id-debitur f’każ ta’ ħlas tardiv min-naħa ta’ l-istess debitur. Dan l-argument testwali mhuwiex rilevanti. Anke jekk id-Direttiva Nru 2000/35 tittratta l-irkupru tad-djun, l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Istati Membri tirrigwarda l-ispejjeż massimi marbuta ma’ l-irkupru li jistgħu jintalbu mingħand id-debitur mill-kreditur tiegħu. L-għan huwa li tiġi protetta l-parti dgħajfa li d-debitur jirrappreżenta, filwaqt li jiġi evitat li l-istess debitur japprofitta mill-interessi baxxi kif ukoll mid-dewmien u l-kumplessità tal-proċeduri sabiex jabbuża mill-ħlas tardiv. Fil-kawża preżenti, il-leġiżlazzjoni Taljana tiffissa l-prezzijiet minimi li jistgħu jiġu applikati mill-aġenziji ta’ rkurpru tad-djun għas-servizzi li jingħataw lill-klijenti tagħhom li huma kredituri, sabiex jevitaw li tiżviluppa kompetizzjoni fuq il-prezzijiet.
50. Il-konvenuta tressaq ukoll l-argument sibillin li l-kompetizzjoni li ma tkunx kontrollata fuq il-prezzijiet tal-provvisti tista’ tkun fattur ta’ inkwiet għall-ordni pubblika. Mhemmx dubju li b’dan hija tissuġġerixxi li, biex joffru prezz l-iktar baxx possibbli, l-aġenziji ta’ rkupru tad-djun ikollhom l-inċentiv li jżommu kemm jista’ jkun l-ispejjeż tagħhom baxxi, billi jippruvaw jirkupraw b’kull mezz, inkluż bl-iktar mezz enerġetiku u kemm jista’ jkun malajr, l-ammonti dovuti mid-debituri.
51. Għalkemm dawn l-eċċessi mhumiex esklużi, il-kontroll ta’ l-affidabbiltà ta’ l-operaturi għandha tibda mill-prevenzjoni ta’ l-istess, u t-tfittxija u s-sanzjonijiet penali sabiex dawn jiġu soppressi. Jien ma narax kif il-limitazzjoni tal-libertà ta’ l-iffissar tat-tariffi tal-provvisti tista’ tkun miżura xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan ta’ l-ordni pubblika. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi ripetut li huma l-Istati Membri li għandhom jakkompanjaw ir-raġuni ġustifikattiva li huma jinvokaw “b’analiżi ta’ l-opportunità u l-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata”, ħaġa li l-awtoritajiet Taljani naqsu milli jagħmlu(40). Għaldaqstant, b’risposta għall-Gvern Franċiż li, sabiex jiġġustifika r-regolamentazzjoni tal-prezz tal-karburanti, invoka t-theddida għall-ordni pubblika li tirriżulta mir-reazzjonijiet vjolenti li wieħed jistenna min-naħa tal-ħwienet li jintlaqtu b’kompetizzjoni limitata, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li ma kienx ġie muri li s-sistema tal-libertà fil-prezzijiet kien ikollha xi konsegwenzi fuq l-ordni pubblika u ċ-ċertezza pubblika, liema konsegwenzi ma setgħux jiġu affrontati bil-mezzi disponibbli(41).
52. Il-konvenuta semmiet ukoll it-theddida li tolqot id-drittijiet tal-ħaddiema fir-rigward tal-pagament li jsir min-naħa ta’ l-impriża tagħhom għall-kontribuzzjonijiet soċjali u għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi. Madankollu, filwaqt li l-protezzjoni tal-ħaddiema tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, hemmhekk ukoll, kif ġustament tikkontesta l-Kummissjoni, id-drittijiet tagħhom jinsabu protetti minn regoli b’sanzjonijiet penali tad-dritt tax-xogħol u tad-dritt tas-sigurtà soċjali.
53. Jeħtieġ għalhekk li l-ilment dwar il-ksur ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE li jirriżulta mil-limitazzjoni fuq il-libertà ta’ l-iffissar tat-tariffi jiġi milqugħ.
E – Il-projbizzjoni fuq it-tgħaqqid ta’ l-attività ta’ rkupru tad-djun ma’ l-attivitajiet bankarji u ta’ kreditu
54. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika ta’ l-Italja li hija kisret il-libertajiet ta’ stabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi, in kwantu ċ-ċirkulari tal-Ministeru ta’ l-Intern ta’ l-1996 tistabbilixxi l-inkompatibbiltà bejn l-attività ta’ l-irkupru extraġudizzjarju tad-djun u l-attivitajiet bankarji u ta’ kreditu rregolati mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 385/93.
55. Sa fejn din l-inkompatibbiltà twassal sabiex tipprojbixxi lill-operaturi bankarji ta’ Stati Membri oħrajn li, jekk ikun il-każ, ikunu awtorizzati jgħaqqdu dawn iż-żewġ attivitajiet fil-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom, milli jeżerċitaw l-attività ta’ l-irkupru tad-djun fl-Italja, din tostakola bla dubju ta’ xejn id-dritt tagħhom ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi(42). Huwa diffiċli li wieħed jikkontempla ġustifikazzjoni għall-projbizzjoni daqshekk ġenerali, li hija applikabbli anki meta l-operaturi jissodisfaw il-kundizzjonijiet finanzjarji u ta’ affidabbiltà imposti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom. Barra minn hekk, il-konvenuta ma ppruvat tagħmel xejn minn dan.
56. Mill-banda l-oħra, il-konvenuta tikkontesta bil-qawwa kollha l-interpretazzjoni li tagħti l-Kummissjoni fuq iċ-ċirkulari tal-Ministeru ta’ l-Intern ta’ l-1996. Skond hi dan it-test bl-ebda mod ma jipprojbixxi t-tgħaqqid ta’ l-attivitajiet imsemmija iżda tindika biss li l-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ l-irkupru tad-djun ma tistax tawtorizza wkoll l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ tfaddil u ta’ ġestjoni tal-kreditu rregolati mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 385/93, li għandhom ikunu huma wkoll suġġetti għal awtorizzazzjoni speċifika.
57. Li wieħed jieħu pożizzjoni fuq dan il-punt mhuwiex xi ħaġa faċli, peress li s-silta kkontestata taċ-ċirkulari msemmija huwa diffiċli li jiġi interpretat. Hemm miktub li “għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni ta’ l-inkompatibbiltà tal-ġestjoni ta’ aġenziji għall-irkupru tad-djun ma’ attivitajiet oħrajn […] huwa magħruf li dawn l-aġenziji m’għandhomx id-dritt li jwettqu operazzjonijiet finanzjarji rregolati mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 385/93, liema operazzjonijiet huma rriżervati esklużivament għall-intermedjarji finanzjarji li huma rreġistrati espressament fuq ir-reġistru ad hoc tal-Ministeru tat-Teżor”. It-terminu “inkompatibbiltà” li huwa użat hemmhekk jidher, prima facie, favur l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, peress li jindika l-impossibbiltà legali li wieħed jgħaqqad(43) l-attività ta’ l-irkupru tad-djun ma’ l-attivitajiet bankarji u ta’ kreditu. Anke jekk, kif issostni l-konvenuta, dan it-terminu mhuwiex xieraq, fi kwalunkwe każ huwa ta’ natura li jagħti x’jifhem lill-impriżi bankarji u finanzjarji li jkollhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor li mhuwiex possibbli li huma jeżerċitaw l-attività ta’ rkupru tad-djun fl-Italja u għalhekk jiskoraġġixxihom milli jippreżentaw talba għal-liċenzja mingħand il-pulizija Taljana għal dan il-għan. Madankollu, teżisti ġurisprudenza stabbilita li tgħid li “l-prinċipji taċ-ċertezza ġuridika u tal-protezzjoni ta’ l-individwi jeħtieġu użu ta’ kliem mingħajr ekwivoċi li jippermetti lill-persuni kkonċernati jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom b’mod ċar u preċiż u biex il-qrati jassiguraw li dawn jiġu rispettati”(44). Hija skond din il-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b’mod iktar speċifiku, kontra l-inċertezza leġali fir-rigward tal-kriterji li wieħed għandu jissodisfa li hija ta’ natura li tiskoraġġixxi lill-operaturi milli jipprovdu s-servizzi tagħhom(45).
58. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tilqa’ wkoll l-ilment dwar il-ksur ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE li jirriżulta mill-inkompatibbiltà bejn l-attività ta’ l-irkupru tad-djun u l-attività bankarja u ta’ kreditu.
III – Konklużjoni
59. Bħala konklużjoni, u għall-motivi li huma esposti hawn fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li taqta’ u tiddeċiedi li:
– “Billi ssuġġettat l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ l-irkupru extraġudizzjarju tad-djun għall-għoti ta’ liċenzja, u
– billi awtorizzat lill-Questore jissuġġetta l-għoti tal-liċenzja għal ċerti rekwiżiti addizzjonali minbarra dawk previsti mil-liġi fuq iċ-ċertezza pubblika, sabiex jiżgura r-rispett tal-fiduċja pubblika, adottata permezz tad-Digriet Irjali Nru 773 tat-18 ta’ Ġunju 1931, kif interpretat u kkompletat b’ċirkulari tal-Ministeru ta’ l-Intern tat-2 ta’ Lulju 1996, sabiex jassigura r-rispett tal-fiduċja pubblika,
ir-Repubblika ta’ l-Italja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 49 KE.
– Billi limitat il-portata territorjali tal-liċenzja;
– billi ssuġġettat l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarju tad-djun għall-pussess ta’ uffiċċju f’kull provinċja li għaliha l-operatur ikollu liċenzja u billi imponiet l-obbligu fuq l-istess operatur li jwaħħal b’mod permanenti fl-uffiċċji tiegħu tabella li turi s-servizzi li huwa joffri;
– billi limitat il-libertà ta’ l-iffissar tat-tariffi, u
– billi pprojbixxiet it-tgħaqqid bejn l-attività ta’ rkupru extraġudizzjarji tad-djun u l-attivitajiet bankarji u ta’ kreditu,
ir-Repubblika ta’ l-Italja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikoli 43 u 49 KE.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Portugiż.
2 – Ara, per eżempju, l-Artikolu 2(1)(1) tal-liġi tal-Belġju ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002, dwar l-irkupru amikevoli tad-djun tal-konsumatur (Moniteur belge tad-29 ta’ Jannar 2003 p. 3644).
3 – Kif il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar ripetutament: ara per eżempju, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten (C-58/98, Ġabra p. I-7919, punt 31); tal-11 ta’ Lulju 2002, Gräbner (C‑294/00, Ġabra p. I-6515, punt 26), u tal-11 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑496/01, Ġabra, p. I‑2351, punt 55).
4 – Għal spjegazzjoni iktar iddettaljata ta’ dak li, lil hinn mill-kliem użati, jidhirli li hija l-linja tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Marks & Spencer (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, C‑446/03, Ġabra p. I‑10837, punti 25 sa 40); Alfa Vita Vassilopoulos (sentenza ta’ l-14 ta’ Settembru 2006, C‑158/04 u C‑159/04, li għadhom mhumiex ippubblikati fil-Ġabra, punti 35 sa 51); Cipolla (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, C-94/04 li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 55 sa 59), u Macrino u Capodarte (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, C‑202/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 55 sa 59).
5 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, Ġabra p. I‑8961).
6 – Għal spjegazzjoni dwar il-libertà tal-provvista tas-servizzi, ara s-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-70/99, Ġabra p. I-4845, punti 25 sa 27).
7 – Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991 (C‑76/90, Ġabra p. I‑4221, punt 12); ara wkoll, is-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst (C‑43/93, Ġabra p. I‑3803, punt 14); ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Analir (C‑205/99, Ġabra . p. I‑1271, punt 21); tad-29 ta’ Novembru 2001, De Coster (C‑17/00, Ġabra p. I‑9445, punt 29); tas-26 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑514/03, Ġabra p. I‑963, punt 24); tal-15 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑255/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37); tal-21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑168/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36) u tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑433/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28).
8 – Ara b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (205/84, Ġabra p. I‑3755, punt 28); Säger, iċċitata iktar ’il fuq (punt 14); Vander Elst, iċċitata iktar ’il fuq (punt 15); Analir et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22); tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑439/99, Ġabra p. I‑305, punt 26), u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40). Ara wkoll, f’dak li jikkonċerna l-ġurisprudenza dwar attivitajiet ta’ l-għassa u tas-sigurtà privati, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑355/98, Ġabra p. I‑1221, punt 35); tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑171/02, Ġabra p. I‑5645, punt 60); u tas-7 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑189/03, Ġabra p. I‑9289, punt 17).
9 – Għal sunt ta’ dan ir-rekwiżit, ara per eżempju, is-sentenzi Analir et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25), tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C‑390/99, Ġabra p. I‑607, punt 33); tal-11 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39); tal-15 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44), u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).
10 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitatai iktar ’il fuq Säger, punt 13, u Vander Elst, punt 17.
11 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vander Elst, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15.
12 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1981, Webb (279/80, Ġabra p. 3305, punt 17); tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade (C‑369/96 u C‑376/96, Ġabra p. I‑8453, punt 34), u Canal Satélite Digital, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38.
13 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Canal Satélite Digital, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36.
14 – Ara r-referenzi ċċitati, nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
15 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou (C‑340/89, Ġabra p. I‑2357). Għal sunt, fil-qasam tal-libertà tal-provvista tas-servizzi, tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fin-nuqqas ta’ regoli komuni, wieħed jista’ jirreferi għall-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 43 sa 45).
16 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 1979, van Wesemael (110/78 u 111/78, Ġabra p. 35, punt 30).
17 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Corsten, iċċitata iktar ’il fuq (punt 46 sa 48), kif ukoll il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38).
18 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).
19 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).
20 – Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, (C‑451/99, Ġabra p. I‑3199, punti 57 sa 64).
21 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq (punti 35 sa 38).
22 – Sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq (punti 58 sa 61).
23 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑358/98, Ġabra p. I‑1255, punt 17). L-istess iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Olandiża li kienet tissuġġetta għall-awtorizzazzjoni l-eżerċizzju, fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ta’ l-attività tas-sigurtà privata [ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq (punti 16 sa 20)].
24 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Analir et (punt 38), u Canal Satélite Digital, (punt 35).
25 – Ara s-sentenza Canal Satélite Digital, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41).
26 – Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C‑19/92, Ġabra p. I‑1663, punt 32); tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 37); CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq (punt 11), u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑65/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).
27 – Ara b’mod partikolari, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq; il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq (punti 25 sa 40). Ara, wkoll, Mischo, J., “Les restrictions à la liberté d’établissement: la nécessité d’une clarification”, Mélanges en hommage à F. Schockweiler, Nomos Verlagsgesellschaft Baden-Baden, 1999, p. 445.
28 – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑298/99, Ġabra. p. I‑3129, punt 64).
29 – Għal sunt ta’ dan l-oneru tal-prova, ara s-sentenzi Analir et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35); tat-13 ta’ Novembru 2003, Lindman (C‑42/02, Ġabra p. I‑13519, punt 25), u tal-11 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (punt 73). Ara wkoll, fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-270/02, Ġabra p-I1559, punt 22).
30 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (punt 52); tad-9 ta’ Lulju 1997, Parodi (C-222/95, Ġabra p. I‑3899, punt 31); is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27); tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30); tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33), u tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz (C-452/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46).
31 – Ara s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (punt 52); Parodi (punt 31), u Fidium Finanz (punt 46).
32 – Sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1974 (33/74, Ġabra p. 1299, punt 14). L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU L 78, p. 17) ipprovdiet li “L-attivitajiet relatati mar-rappreżentazzjoni ta’ klijent fi proċeduri legali jew quddiem l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitwettqu f’kull Stat Membru li jospita taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti għall-avukati stabbiliti f’dak l-Istat, bl-eċċezzjoni ta’ xi kondizzjonijiet li jeħtieġu residenza, jew reġistrazzjoni ma’ organizzazzjoni professjonali, f’dak l-Istat”.
33 – Punti 15 u 16. Ara fl-istess sens, inkluż għal dak li jirrigwarda r-rappreżentanza ta’ klijent quddiem qorti wara l-armonizzazzjoni ta’ dan il-qasam, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs Franza (C-249/89, Ġabra p. I-3591).
34 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 55).
35 – Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (punt 74).
36 – Ara, fl-istess sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48).
37 – Infakkar li f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Franċiża li kienet tipprojbixxi r-remunerazzjoni għal kontijiet ta’ depożitu “a vista” kienet tikkostitwixxi “restrizzjoni serja ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet tagħhom (…) li jaffettwa l-aċċess tagħhom għas-suq”, peress li hija ċċaħħad lill-kumpanniji barranin mill-possibbiltà ta “kompetizzjoni iktar effettiva […] ma’ l-istabbilimenti ta’ kreditu tradizzjonalment ibbażati fl-Istat Membru ta’ stabbiliment” (punti 12 u 13). Ara wkoll ir-raġunament tiegħi fir-rigward tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ l-avukati li jipprovdu servizzi permezz ta’ l-iffissar ta’ drittijiet minimi [Konklużjonijiet fil-kawżi Cipolla kif ukoll Macrino u Capodarte, iċċitati iktar ’il fuq (punti 62 sa 65)].
38 – Ara, f’dan is-sens, fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1985, Roelstraete (116/84, Ġabra p. 1705, punt 21), u tad-19 ta’ Marzu 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑249/88, Ġabra p. I‑1275, punt 7). Ara wkoll, fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Cipolla, iċċitata iktar ’il fuq (punti 66 sa 70).
39 – Direttiva tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tardivi fi tranżazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 200, p. 35).
40 – Sentenza Lindman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25.
41 – Ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 1985, Cullet (231/83, Ġabra p. 305, punti 32 u 33).
42 – Għandu jiġi nnutat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu li wieħed jeżerċita l-attività ta’ organizzatur tal-fieri b’mod esklużiv imur kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi [ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32)].
43 – Skond id-definizzjoni stess li jagħti Cornu, G., (taħt id-direzzjoni ta’), Vocabulaire juridique, Quadrige, Ed. Nru 7, PUF, 2005.
44 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑187/98, Ġabra p. I‑7713, p. 54). Ara wkoll, bi kliem daqsxejn differenti, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun (C‑248/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 79).
45 – Ara s-sentenza Canal Satélite Digital, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41.
Full & Egal Universal Law Academy