KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fl-10 ta’ Lulju 20071(1)
Kawża C‑137/05
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq
vs
Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea
“Regolament tal-Kunsill (KE) tat-13 ta’ Diċembru 2004 Nru 2252 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri – Passaporti u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar – Standards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri – Rikors għal annullament – Validità tar-Regolament Nru 2252/2004 – Kooperazzjoni msaħħa – Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea – Acquis ta’ Schengen – Kooperazzjoni tar-Renju Unit – Ċaħda ta’ ammissjoni għall-kooperazzjoni – Ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali”
I – Introduzzjoni
1. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (iktar ’il quddiem: ir-“Renju Unit”) ressaq, skond l-Artikolu 230 KE, rikors għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (iktar ’il quddiem: ir-“Regolament 2252/2004”)(2).
2. Il-kawża preżenti hija konnessa mal-kawża C-77/05, fejn ir-Renju Unit ressaq rikors simili għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem: ir-“Regolament Nru 2007/2004”(3)). Il-Qorti tal-Ġustizzja m’għaqditx dawn iż-żewġ kawżi, u limitat li tittrattahom bħala kawżi li jikkonċernaw l-istess problematika. Iż-żewġ kawżi ġew diskussi waqt is-seduta komuni li saret fit 13 ta’ Marzu 2007.
3. Fiż-żewġ kawżi tiġi diskussa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett l-interpretazzjoni tal-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea li huwa parti mill-Protokolli annessi mat-Trattat UE u mat-Trattat KE. Minbarra din il-kwestjoni, tqum il-problema iktar wiesgħa, dwar il-portata tas-sistema ta’ kooperazzjoni msaħħa fi ħdan l-istruttura ta’ l-Unjoni Ewropea.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – It-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea
4. L-Artikoli 61 KE sa 69 KE, li jaqgħu taħt it-Tielet Parti, Titolu IV, tat-Trattat, huma intitolati “Il-visa, l-asil, l-immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu ta’ persuni”.
5. L-Artikolu 62 KE jipprovdi: “Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 67, għandu, f’terminu ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, jaddotta:
(…)
(2) miżuri dwar il-qsim ta’ fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu:
(a) standards u proċeduri li għandhom ikunu segwiti minn Stati Membri fit-twettieq ta’ kontrolli fuq persuni f’dawn il-fruntieri; (…)”
6. L-Artikolu 69 KE jipprovdi dan li ġej: “L-applikazzjoni ta’ dan it-titolu għandha tkun soġġetta għad-disposizzjonijiet tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda u tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka u mingħajr preġudizzju għall-Protokoll dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ l-Artikolu 14 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda.”
7. L-Artikolu 311 KE jipprovdi: “Il-Protokolli annessi ma’ dan it-Trattat bi ftehim bejn l-Istati Membri għandhom jifformaw parti integrali mill-istess Trattat”.
B – Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea
8. Il-Protokoll (Nru 2) li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem: il-“Protokoll ta’ Schengen”) jinsab fost il-Protokolli annessi mat-Trattati UE u KE u ġie introdott fid-dritt prinċipali permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam.
9. Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll ta’ Schengen, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta’ l-Isvezja, firmatarji tal-ftehim ta’ Schengen, huma awtorizzati li jistabilixxu kooperazzjoni iktar mill-qrib bejniethom fl-ambitu ta’ dawk il-ftehim u disposizzjonijiet relattivi, kif inhuma elenkati fl- Anness ta’ dan il-Protokoll, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsemmi bħala l-“Acquis ta’ Schengen”. Din il-kooperazzjoni għandha titwettaq fil-qafas istituzzjonali u legali ta’ l-Unjoni Ewropea u f’dak li għandu x’jaqsam mad-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
10. L-Artikolu 2(1) tal-Protokoll ta’ Schengen jipprovdi dan li ġej: “[m]id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-Acquis ta' Schengen, inklużi d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv li kien ġie mistabilixxi bil-ftehim ta’ Schengen li kienu ġew adottati qabel din id-data, għandhom japplikaw immedjetament għat-tlettax-il Stat Membru li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Minn dik l-istess data, il-Kunsill għandu jissostitwixxi lilu nnifsu minflok l-imsemmi Kumitat Eżekuttiv.”
11. L-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Schengen jipprovdi dan li ġej: “[w]ara d-determinazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 (1), it-tieni subparagrafu, id-Danimarka tibqa' żżomm l-istess drittijiet u obbligi vis-a-vis l-firmatarji l-oħra tal-ftehim ta’ Schengen, kif qabel l-imsemmija determinazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma' dawk il-partijiet ta' l-Acquis ta’ Schengen li jkun stabbilit li jkollhom bażi legali fit-Titolu IIIa tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea.”.
12. L-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen jipprovdi hekk:
“L-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li ma humiex marbuta bl-Acquis Schengen, jistgħu fi kwalunkwe żmien jitolbu li jieħdu sehem f’parti jew fid-disposizzjonijiet kollha ta’ dan l-Acquis".
Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-talba bl-unanimità tal-membri tiegħu msemmija fl-Artikolu 1 u tar-rappreżentant tal-Gvern ta' l-Istat konċernat.”
13. L-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen jipprovdi hekk:
“1. Il-proposti u l-inizjattivi għall-iżvilupp ta' l-Acquis ta’ Schengen għandhom ikunu soġġetti għad-disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattati.
F’dan il-kuntest, jekk la l-Irlanda u lanqas ir-Renju Unit jew it-tnejn ma jkunu għarrfu bil-kitba lill-president tal-Kunsill fi żmien perjodu raġjonevoli li huma jkunu jixtiequ jieħdu sehem, l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5a tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea jew l-Artikolu K.12 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandhom jitqiesu li jkunu ġew mogħtija lill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1 u lill-Irlanda jew lir-Renju Unit meta xi wieħed minnhom ikun jixtieq jieħu sehem fl-oqsma ta’ kooperazzjoni in kwistjoni.
2. Id-disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattati msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw anke jekk il-Kunsill ma jkunx adotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(1), it-tieni subparagrafu.”
14. L-Artikolu 6 tal-Protokoll ta’ Schengen jipprovdi li “[i]r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja għandhom ikunu assoċjati fl-implementazzjoni ta' l-Acquis ta’ Schengen u l-iżvilupp ulterjuri tiegħu fuq il-bażi tal-Ftehim iff[i]rmat fil-Lussemburgu fid-19 ta’ Diċembru 1996 (...)”.
15. L-Artikolu 8 ta’ l-istess Protokoll jipprovdi li, [g]ħall-iskopijiet tan-negozjati għall-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fl-Unjoni Ewropea, l-Acquis ta’ Schengen u miżuri oħra meħud[a] mill-istituzzjonijiet f'dan l-ambitu tiegħu, għandhom jitqiesu bħala Acquis li għandu jiġi aċċettat kollu kemm hu mill-Istati kollha kandidati għall-adeżjoni..
16. L-Acquis ta’ Schengen huwa mfisser fl-Anness tal-Protokoll ta’ Schengen. Skond dan l-anness, l-imsemmi Acquis jinkludi: il-Ftehim, iffermat f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franciża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom; il-Konvenzjoni, iffermata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990, bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta’ l-Olanda, li timplementa l-Ftehim dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985, bl-Atti Finali u d-dikjarazzjonijiet komuni relattivi; il-Protokolli u l-Ftehim ta’ Adeżjoni għall-Ftehim ta’ l-1985 u l-Konvenzjoni ta’ l-Implementazzjoni ta’ l-1990 ma’ l-Italja, Spanja u l-Portugall, il-Greċja, l-Awstrija u d-Danimarka, l-Finlandja u l-Iżvezja, bl-Atti Finali u d-dikjarazzjonijiet relativi; fl-aħħar id-deċiżjonijiet u d-dikjarazzjonijiet adottati mill-Kumitat Eżekuttiv stabbilit bil-Konvenzjoni ta’ l-Implementazzjoni ta’ l-1990, kif ukoll l-atti adottati għall-implementazzjoni tal-Konvenzjoni mill-organi li fuqhom il-Kumitat Eżekuttiv għadda poteri biex jittieħdu d-deċiżjonijiet.
C – Il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda
17. Il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda (iktar ’il quddiem: il-“Protokoll dwar Titolu IV”), li huwa wkoll anness mat-Trattat KE u t-Trattat UE, jirregola l-kooperazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri fil-każ ta’ proposti ppreżentati fil-kuntest tat-Titolu IV tat-Trattat KE.
18. Skond l-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll “soġġett għall-Artikolu 3, ir-Renju Unit u l-Irlanda m’għandhomx jieħdu parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (...)”.
19. L-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar Titolu 4 jipprovdi hekk:
“B’konsegwanza ta’ l-Artikolu 1 u soġġett għall-Artikoli 3, 4 u 6, l-ebda waħda mid-disposizzjonijiet tat-Titolu IIIa tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda disposizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta xi disposizzjoni jew miżura bħal dawn m’għandhom ikunu jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda jew japplikaw għalihom; u l-ebda waħda minn dawn id-disposizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b'xi mod taffetwa l-kompetenza, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk l-Istati; u l-ebda waħda minn dawk id-disposizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b' xi mod taffettwa l-Acquis communautaire u lanqas tifforma parti mil-liġijiet tal-Komunità kif dawn japplikaw għar-Renju Unit jew l-Irlanda.”
20. L-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar Titolu IV jipprovdi dan li ġej:
“1. Ir-Renju Unit jew l-Irlanda jistgħu jinnotifikaw lill-President tal-Kunsill bil-miktub, fi żmien tlett xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet ippreżentata lill-Kunsill skond it-Titolu IIIa tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, li huma jkunu jixtiequ li jieħdu parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ xi uħud minn dawk il-miżuri proposti, meta allura dak l-Istat ikun intitolat li jagħmel hekk. (...).
2. Jekk wara perijodu ta’ żmien raġonevoli xi miżura msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx tista' tiġi adottata bil-parteċipazzjoni tar-Renju Unit jew ta' l-Irlanda , il-Kunsill jista' jadotta dawk il-miżuri skond l-Artikolu 1 mingħajr il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit jew ta' l-Irlanda. F’dak il-każ japplika l-Artikolu 2.”
21. L-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV jiddisponi hekk:
“Ir-Renju Unit jew l-Irlanda jistgħu f’kull żmien wara l-adozzjoni ta’ xi miżura mill-Kunsill skond it-Titoli IIIa tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni l-intenzjoni tagħhom li jaċċettaw dik il-miżura. F’dak il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu 5a(3) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea tapplika mutatis mutandis.”
22. L-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar Titolu IV jipprovdi li l-Artikoli 3 u 4 għandhom ikunu bla ħsara għall-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea.
D – Il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka
23. L-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, li huwa wkoll anness mat-Trattat KE u mat-Trattat UE, jipprovdi dan li ġej:
“1. Id-Danimarka għandha tiddeċiedi f' perjodu ta’ 6 xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda fuq proposta jew inizjattiva li jiżviluppa fuq l-Acquis ta’ Schengen skond id-disposizzjonijiet tat-Titolu IIIa tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, jekk timplimentax din id-deċiżjoni fil-liġi nazzjonali tagħha. Jekk tiddeċiedi li tagħmel hekk, din id-deċiżjoni toħloq obbligu skond il-ligi internazzjonali bejn id-Danimarka u l-Istati Membri l-oħra msemmija fl-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Irlanda jew r-Renju Unit jekk dawk l-Istati jieħdu sehem fl-oqsma ta’ kooperazzjoni in kwistjoni.
2. Jekk id-Danimarka tiddeċiedi li ma timplimentax xi deċiżjoni tal-Kunsill kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri msemmija f’Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea għandhom jikkunsidraw l-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu.”
E – Dikjarazzjonijiet annessi mat-Trattat ta’ Amsterdam
24. Id-Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar l-integrazzjoni ta’ l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea (Dikjarazzjoni 45) jipprovdi hekk:
“Il-Partijiet Kontraenti Għolja jistiednu lill-Kunsill li jfittex l-opinjoni tal-Kummissjoni qabel ma jiddeċiedi dwar xi talba magħmula skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea mill-Irlanda u r-Renji Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li jieħdu sehem f’uħud minn jew fid-disposizzjonijiet kollha ta’ l-Acquis ta’ Schengen. Għandhom ukoll jimpenjaw rwieħhom biex jgħamlu l-aħjar sforzi bl-iskop li jippermettu lill-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, jekk hekk jixtiequ, jużaw id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 ta' l-imsemmi Protokoll sabiex il-Kunsill jista' jkun f’qagħda li jieħu d-deċiżjonijiet imsemmija f’dak l-Artikolu mad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak il-Protokoll jew fi kwalunkwe żmien ieħor.”
25. Id-Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea (Dikjarazzjoni Nru 46) tipprovdi hekk:
“Il-Partijiet Kontraenti Għolja jimpenjaw irwieħhom li jagħmlu l-isforzi kollha sabiex jagħmlu l-azzjoni bejn l-Istati Membri kollha possibbli fl-oqsma ta' l-Acquis ta’ Schengen, partikolarment meta l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jkunu aċċettaw uħud jew id-disposizzjonijiet kollha ta’ dak l-Acquis skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea.”
F – Ir-Regolament 2252/2004
26. It-tieni ‘premessa’ tar-Regolament Nru 2252/2004 tipprovdi dan li ġej:
“Standards minimi ta’ sigurtà għall-passaporti kienu introdotti b’Riżoluzzjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, mlaqqgħin fil-Kunsill, fis-17 ta’ Ottubru 2000 (...). Issa huwa xieraq li din ir-Riżoluzzjoni tiġi aġġornata b’miżura Komunitarja sabiex jinkisbu standards ta’ sigurtà armonizzati u msaħħa għal passaporti u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar biex ikun hemm protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni. Fl-istess ħin identifikaturi bijometriċi għandhom jiġu integrati fil-passaport jew id-dokument ta’ l-ivvjaġġar sabiex tiġi stabbilita rabta affidabbli bejn id-detentur ġenwin u d-dokument.”
27. It-tielet ‘premessa’ tar-Regolament Nru 2252/2004 tipprovdi dan li ġej:
“L-armonizzazzjoni ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà u l-integrazzjoni ta’ identifikaturi bijometriċi huma pass importanti lejn l-użu ta’ elementi ġodda fil-perspettiva ta’ żviluppi fil-ġejjieni fuq livell Ewropew, li jagħmlu d-dokument ta’ l-ivvjaġġar iktar sigur u jistabbilixxu rabta iktar affidabbli bejn id-detentur u l-passaport u d-dokument ta’ l-ivvjaġġar bħala kontribut importanti biex jiġi żgurat li hu protett kontra l-użu bi frodi. Għandu jittieħed kont ta’ l-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), u b’mod partikolari dawk stabbiliti fid-Dokument 9303 dwar dokumenti ta’ l-ivvjaġġar li jistgħu jinqraw minn magna.”
28. Ir-raba’ ‘premessa’ tar-Regolament Nru 2252/2004 tipprovdi hekk:
“Dan ir-Regolament huwa limitat għall-armonizzazzjoni tal-karatteristiċi ta’ sigurtà inklużi identifikaturi bijometriċi għall-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ l-Istati Membri. L-għażla ta’ l-awtoritajiet u l-korpi awtorizzati li jkollhom aċċess għad-data li tinsab fil-mezz ta’ ħażna tad-dokumenti hija kwistjoni ta’ leġislazzjoni nazzjonali, bla ħsara għal kwalunkwe disposizzjonijiet rilevanti ta’ liġi Komunitarja, liġi ta’ l-Unjoni Ewropea jew ftehim internazzjonali.”
29. Il-ħdax-il ‛premessa’ tar-Regolament Nru 2252/2004 tipprovdi:
“Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u [ta’ l-]Irlanda ta’ Fuq biex jieħu sehem f’xi wħud mid-dispo[ż]izzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen (...). Għalhekk ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.”
30. L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2252/2004 jipprovdi dan li ġej:
“1. Il-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu konformi ma’ l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fl-Anness.
2. Il-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar għandhom jinkludu mezz ta’ ħażna li għandu jkun fih xbieha tal-wiċċ. L-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll il-marki tas-swaba f’format interoperabbli. Id-data għandha tiġi protetta u l-mezz ta’ ħażna għandu jkun jesa’ u jkollu kapaċita biżżejjed biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data.
3. Dan ir-Regolament japplika għall-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri. Ma japplikax għall-karti ta’ l-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom jew għal passaporti u dokumenti ta’ l-ivvjaġġar temporanji b’validità ta’ 12-il xahar jew inqas.”
31. L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2252/2004 jipprovdi dan li ġej:
“L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali għall-passaporti u għad-dokumenti ta’ l-ivvjġġar, relatati ma’ dan li ġej, għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2):
(a) karatteristiċi u ħtiġiet oħra ta’ sigurtà inklużi standards imsaħħa ta’ protezzjoni kontra l-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni;
(b) speċifikazzjonijiet tekniċi għall-mezz ta’ ħażna tal-karatteristiċi bijometriċi u s-sigurtà tiegħu, inkluż il-prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat;
(c) rekwiżiti għall-kwalità u standards komuni għax-xbieha tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’.”
32. L-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi dan li ġej:
“1. Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2) jista’ jiġi deċiż li l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 għandhom ikunu sigrieti u ma għandhomx jiġu ppubblikati. F’dak il-każ, għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni biss tal-korpi magħżula mill-Istati Membri bħala responsabbli għall-istampar u tal-persuni awtorizzati kif dovut minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni.”
2. Kull Stat Membru għandu jagħżel korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà għall-istampar tal-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar. Għandu jikkomunika l-isem ta’ dak il-korp lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. L-istess korp jista’ jiġi magħżul minn żewġ Stati Membri jew iktar. Kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jbiddel il-korp magħżul tiegħu. Għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan.”
III – Fatti u proċedura
33. Fit-18 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill il-proposta għal Regolament Nru 2252/2004.
34. Fid-19 ta’ Frar 2004, ir-Renju Unit innotifika bil-miktub lill-Kunsill li kellu l-intenzjoni li jipparteċipa fl-adozzjoni tar-Regolament abbażi ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen.
35. Minkejja n-notifika tar-Renju Unit, fit-13 ta’ Diċembru 2004 il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 2252/2004, wara li kkunsidra li l-proposta tar-Regolament 2252/2004 kienet taqa’ taħt il-proposti u l-inizjattivi bbażati fuq dik il-parti ta’ l-Acquis ta’ Schengen li għaliha r-Renju Unit ma kellux jipparteċipa skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE(4).
36. Ir-Renju Unit isostni li l-fatt li ma setax jieħu sehem fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004 jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen u għalhekk, fis-17 ta’ Frar 2005 ippreżenta r-rikors għal annullament in kwistjoni f’din il-kawża.
37. In sostenn tar-Renju Unit, intervenew fil-proċedura fil-kawża C-137/05 ir-Repubblika ta’ l-Irlanda u r-Repubblika Slovakka.
38. Il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja u l-Olanda intervenew in sostenn tal-Kunsill.
39. Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla r-Regolament Nru 2252/2004;
– tiddeċiedi, skond l-Artikolu 231 KE, li, wara l-annullament tar-Regolament Nru 2252/2004 u fl-istennija ta’ l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida f’dan il-qasam, id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Regolament jibqgħu jiġu applikati, iżda dan m’għandux ikollu l-effett li jeskludi l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit mill-applikazzjoni tar-Regolament in kwistjoni;
– tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.
40. Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-Renju Unit ibati l-ispejjeż.
41. It-talbiet tar-Repubblika ta’ l-Irlanda u tar-Repubblika Slovakka huma simili għal dawk tar-Renju Unit.
42. It-talbiet tal-Kummissjoni u tar-Renju ta’ Spanja huma simili għal dawk tal-Kunsill.
43. Waqt is-seduta tat-13 ta’ Marzu 2007, flimkien mas-seduta fil-kawża C-77/05, instemgħu l-argumenti esposti mir-Renju Unit, mill-Kunsill, mir-Repubblika ta’ l-Irlanda, mir-Repubblika Slovakka, mill-Kummissjoni, mir-Renju ta’ l-Olanda u mir-Renju ta’ Spanja, kif ukoll ir-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.
IV – L-argumenti tal-partijiet
A – Renju Unit
44. Ir-Renju Unit jibbaża l-pożizzjoni tiegħu fuq id-differenza bejn żewġ tipi ta’ miżuri li huma bbażati fuq l-Acquis ta’ Schengen. L-ewwel tip huma l-miżuri li jirriżultaw integralment mill-Acquis ta’ Schengen (Schengen-integral measures; iktar ’il quddiem il-“miżuri integrali”), it-tieni huma l-miżuri konnessi ma’ l-Acquis ta’ Schengen (Schengen linked measures, iktar ’il quddiem il-“miżuri konnessi”). Fid-dikjarazzjoni ta’ l-imsemmi Stat Membru, il-miżuri integrali huma indissolubilment konnessi ma’ l-Acquis ta’ Schengen, bħal per eżempju fil-każ tal-miżuri li jemendaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Acquis u li għalihom ir-Renju Unit ma jikkooperax. Bil-kontra ta’ dan, it-tieni tip ta’ miżuri, mhumiex indissolubilment konnessi ma’ l-Acquis ta’ Schengen iżda jistgħu jiġu adottati għat-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ dan l-Acquis. L-integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen ma tkunx mhedda fil-każ li r-Renju Unit jieħu sehem fl-adozzjoni tat-tieni tip ta’ miżuri. Ir-Regolamenti Nru 2007/2004 u 2252/2004 jagħmlu parti mit-tieni tip ta’ miżuri. F’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 2252/2004, ir-Renju Unit isostni li dawn huma miżura konnessa, li la tissostitwixxi u lanqas ma temenda xi dispożizzjoni.
45. Skond l-argument prinċipali tar-Renju Unit, il-Kunsill aġixxa illegalment minħabba li dan waqqfu milli jieħu sehem fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004. Ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill, skond l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen u skond l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll dwar it-Titolu IV, li xtaq jieħu sehem fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004. Skond ir-Renju Unit, l-aġir tal-Kunsill jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.
46. Ir-Renju Unit josserva li l-Artikolu 10 KE li jaqa’ taħt l-ewwel pilastru u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni fil-kuntest tat-Titolu VI UE(5) jikkostitwixxu protezzjoni suffiċjenti ta’ l-integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen kontra kull abbuż eventwali. Il-Kunsill ipproċeda b’mod partikolarment formalistiku, jekk wieħed jikkunsidra li l-miżuri preċedenti ġew adottati fil-forma ta’ kooperazzjoni intergovernattiva u mhux fuq livell Komunitarju. Ir-Renju Unit huwa interessat fil-kontroll komuni tal-fruntieri esterni maż-żona Schengen.
47. Ir-Renju Unit jikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kunsill li tgħid li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen hija suġġetta għall-applikazzjoni preċedenti ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-istess Protokoll. Il-Kunsill interpreta ħażin l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen fis-sens li dan l-Artikolu seta’ jiġi applikat biss għal dik il-parti ta’ l-Acquis ta’ Schengen fis-seħħ fil-konfront tar-Renju Unit skond id-Deċiżjoni adottata abbażi ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-istess Protokoll. Ir-Renju Unit isejjaħ din l-interpretazzjoni bħala “teorija tas-subordinazzjoni”. Hija tikkuntrasta mal-kontenut litterali tal-Protokoll ta’ Schengen, man-natura ta’ l-Artikolu 5 u mad-Dikjarazzjoni Nru 46 annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam. Minflok it-teorija ta’ subordinazzjoni, ir-Renju Unit jipproponi l-applikazzjoni tat-“teorija ta’ l-indipendenza”, li tgħid li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 hija indipendenti minn dik ta’ l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen, minħabba li dawn iż-żewġ Artikoli m’għandhomx relazzjoni reċiproka ta’ superjorità jew subordinazzjoni.
48. Il-kontenut litterali ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen jixhed f’sens kuntrarju għat-teorija tas-subordinazzjoni, li jsostni li l-atti adottati abbażi ta’ din il-bażi legali japplikaw għall-Istati Membri kollha. Għaldaqstant l-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen huwa regolat mid-dispożizzjonijiet rilevanti tat-trattati. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen ma jirregolax il-mekkaniżmu ta’ “opting out”, iżda dak tal-kooperazzjoni msaħħa. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li s-sehem tar-Renju Unit ma jiddependix mill-kunsens ta’ l-Istati Membri l-oħra li jikkooperaw fl-Acquis ta’ Schengen (iktar ’il quddiem: l-“Istati Schengen”). L-argumenti li bihom qed jipprova jintwera li l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen, dwar id-dritt ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit li jieħdu sehem, la huma ċari u lanqas kompleti u għaldaqstant mhumiex konvinċenti. Ir-Renju Unit m’għandux bżonn il-kunsens ta’ l-Istati Schengen l-oħra peress li n-notifika bil-miktub mill-imsemmi Stat Membru teskludi (titfi) l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni msaħħa.
49. Ir-Renju Unit isostni li t-teorija ta’ indipendenza hija konformi ma’ l-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV. Essenzjalment dan l-Artikolu għandu l-għan li jiċċara li, abbażi tal-Protokoll dwar it-Titolu IV, ir-Renju Unit u l-Irlanda m’għandhomx id-dritt li jissieħbu f’partijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen li, abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/436 (6), li l-bażi legali tagħhom tinsab fit-Titolu IV. Iżda jekk ir-Renju Unit jinforma bil-miktub lill-Kunsill, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen, u jekk il-bażi legali tal-proposta li għaliha huwa għandu l-intenzjoni li jipparteċipa hija t-Titolu IV KE, il-Protokoll dwar it-Titolu IV huwa applikabbli. Barra minn hekk, it-teorija ta’ l-indipendenza hija konformi wkoll mar-rekwiżit ta’ l-integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen. Il-kooperazzjoni tar-Renju Unit fl-imsemmi Acquis, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, ma theddidx l-integrità ta’ Schengen ġaladarba din ta’ l-aħħar hija ggarantita biżżejjed mill-Artikolu 10 KE u mill-Artikoli 3(2) tal-Protokoll dwar it-Titolu IV, li jippermettu, skond ċertu kundizzjonijiet, l-adozzjoni ta’ ċerti miżuri mingħajr il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit.
50. Skond ir-Renju Unit, il-Protokoll ta’ Schengen jipprevedi żewġ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni msaħħa. L-ewwel wieħed huwa rregolat mill-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll u jiġi applikat għall-integrazzjoni ta’ l-Acquis ta’ Schengen fid-dritt ta’ l-Unjoni u tal-Komunità. It-tieni wieħed, irregolat mill-Artikolu 5 ta’ l-istess Protokoll, min-naħa l-oħra jirrigwarda l-iżvilupp ta’ l-imsemmi Acquis. L-Artikoli 4 u 5 tal-Protokoll ta’ Schengen jipprevedu proċeduri differenti skond jekk ikunx il-każ ta’ adeżjoni ma’ l-Acquis ta’ Schengen jew inkella kooperazzjoni fil-miżuri adottati għall-iżvilupp ta’ dan ta’ l-aħħar.
51. Fl-opinjoni tar-Renju Unit, l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen jista’ jiġi interpretat biss fis-sens li japplika biss għall-miżuri li jiżviluppaw l-Acquis ta’ Schengen u li għalihom ma jieħux sehem l-imsemmi Stat Membru. Li kieku dan l-Artikolu kien jirreferi għall-miżuri li għalihom jieħu sehem ir-Renju Unit, dan kellu jinkludi – bħal per eżempju l-Artikolu 5(2) tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka – dispożizzjonijiet għall-każ fejn ir-Renju Unit jiddeċiedi li ma jiħux sehem fl-adozzjoni tal-miżuri nfushom.
52. Ir-Renju Unit isostni wkoll li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5 proposta mill-Kunsill b’mod konformi mat-teorija tas-subordinazjoni, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-Renju Unit u l-Irlanda f’ħafna każijiet ħadu sehem fl-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen, għalkemm ma użawx il-proċedura prevista mill-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen. F’ħafna każijiet eċċezzjonali, fejn kienet possibbli l-parteċipazzjoni mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura prevista mill-Artikolu 4 tal-Protokoll, juru li l-integrità ta’ Acquis ta’ Schengen ma kinitx mhedda.
53. L-interpretazzjoni wiesgħa u vaga tal-kunċett ta’ miżura bbażata fuq l-Acquis ta’ Schengen, kif tirriżulta mill-prattika tal-Kunsill, hija wkoll f’kuntrast mal-prinċipju taċ-ċertezza legali. Il-verifika f’żewġ fażijiet li l-Kunsill juża sabiex jaċċerta jekk dawn humiex miżuri li huma bbażati fuq l-Acquis ta’ Schengen hija għalhekk inkompatibbli ma’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen. It-tieni fażi tal-verifika, intiża sabiex taċċerta jekk din hijiex kwistjoni essenzjali għall-moviment liberu tal-persuni f’kuntest fejn ġie abolit il-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri komuni, hija vaga wisq biex tkun kompatibbli mal-ħtiġijiet taċ-ċertezza legali.
54. Huwa minnu li r-Renju Unit m’għandux l-intenzjoni li jippersegwi l-abolizzjoni tal-fruntieri interni bħal dik mwettqa mill-Istati Schengen. Iżda tali intenzjoni, teoretikament ma timplikax riskju, għall-Istati Schengen, li l-integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen tiġi mhedda.
55. Fl-aħħar, dejjem skond ir-Renju Unit, il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn iċ-ċittadini Komunitarji b’referenza għall-kontrolli tal-passaporti li jsiru fuq il-fruntieri esterni jimplika n-neċessità li r-Renju Unit u l-Irlanda jikkooperaw fir-Regolament Nru 2252/2004. Jekk l-apparat intiż għar-rikonoxximent tal-passaporti fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni ta’ l-Unjoni Ewropea ma jkunx jista’ jaqra l-passaporti taċ-ċittadini tar-Renju Unit u l-Irlanda, dawn jiġu, mingħajr ebda raġuni, ttrattati b’mod differenti meta mqabbla maċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri l-oħra.
56. Sussidjarjament, ir-Renju Unit josserva li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha taċċerta l-fondatezza tat-teorija ta’ l-indipendenza, hija għandha tikkonkludi li l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen ma japplikax għall-miżuri konnessi. Dan l-Artikolu japplika biss għall-miżuri integrali. Issa, peress li r-Regolament ikkontestat ma jaqax taħt dawn ta’ l-aħħar, ir-Renju Unit kellu jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu.
B – Intervenjenti in sostenn tar-Renju Unit
57. Filwaqt li tirreferi għad-dispożizzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tat-trattati internazzjonali li jinsabu fl-Artikoli 31 u 32 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ta’ l-1969 dwar id-dritt tat-Trattati Internazzjonali, l-Irlanda ssostni li m’hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jitlaq mill-kontenut litterali ċar ta’ l-Artikoli 4 u 5 tal-Protokoll ta’ Schengen. L-Irlanda taqbel mat-teżi tar-Renju Unit dwar ir-relazjoni ta’ indipendenza bejn l-Artikoli 4 u 5 ta’ l-imsemmi Protokoll, u tirreferi għall-Artikolu 8 ta’ dan ta’ l-aħħar u għall-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE(7). Il-fatt li din id-Deċiżjoni ssemmi wkoll il-miżuri li jagħmlu parti mill-Acquis ta’ Schengen u li ġew adottati wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta’ Schengen ma jfissirx li tista’ ssir interpretazzjoni dinamika ta’ dan il-Protokoll. Fil-fatt, il-Kunsill ma jistax ibiddel, permezz ta’ deċiżjoni tiegħu, d-dritt prinċipali. Barra minn hekk, il-prattika tal-Kunsill tostakola b’mod sproporzjonat il-kooperazzjoni ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit.
58. Ir-Repubblika Slovakka ssostni lir-Renju Unit. Il-fatt li Stat Membru ma jiħux sehem fl-Acquis ta’ Schengen ma jistax jikkostitwixxi kriterju sabiex tiġi eskluża l-parteċipazzjoni tiegħu abbażi ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen u ta’ l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll dwar it-Titolu IV. Fl-opinjoni tagħha, il-verifika titlob elementi addizzjonali; għalhekk hija tipproponi li, għall-Artikoli 4 u 5 tal-Protokoll ta’ Schengen, għandha tiġi applikata analiżi ta’ tip differenti. Wara tali analiżi, il-kooperazzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen tista’ tiġi miċħuda biss jekk ikun hemm dubju raġonevoli dwar l-eżistenza ta’ theddida għall-integrità u għall-koerenza ta’ l-Acquis ta’ Schengen. Skond ir-Repubblika Slovakka, il-kooperazzjoni ta’ Stat Membru li mhux parti mis-sistema ta’ Schengen għandha tkun b’mod ċar u direttament f’kuntrast ma’ l-għanijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen, u dan ifisser li fil-prattika din tkun tillimita effettivament il-funzjonament u l-effiċjenza tal-miżuri li jagħmlu parti mill-Acquis ta’ Schengen.
59. 65. Ir-Repubblika Slovakka ssostni wkoll li l-pożizzjoni tal-Kunsill, li tgħid li l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen huwa vinkolanti fir-rigward tal-kooperazzjoni għal miżuri ta’ żvilupp, timplika li l-Artikolu 5 ta’ l-imsemmi Protokoll mhuwiex neċessarju.
C – Il-Kunsill
60. Skond il-Kunsill, it-teorija ta’ l-indipendenza sostnuta mir-Renju Unit mhijiex konformi mal-prinċipju ta’ integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen u hija f’kuntrast ma’ l-istruttura u l-loġika tal-Protokoll ta’ Schengen u l-Protokoll dwar Titolu IV. It-teorija ta’ l-indipendenza thedded il-prinċipju ta’ l-integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen, prinċipalment, jekk applikata flimkien mar-restrizzjonijiet għall-miżuri integrali. Il-Kunsill jikkontesta li l-għan ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll huwa li jiggarantixxi drittijiet lir-Renju Unit u lill-Irlanda. Dan huwa pjuttost intiż sabiex iħares l-attività ta’ l-Istati Schengen mill-ostakli għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni msaħħa min-naħa ta' Stat jew Stati. Dan l-għan ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen jirriżulta mid-differenza ma’ l-Artikolu 4. Konsegwentement, ma jistax jiġi aċċettat l-argument li jgħid li, la darba ssir in-notifika lill-Kunsill, ir-Renju Unit u l-Irlanda jikkooperaw awtomatikament.
61. Il-Kunsill isostni li l-protezzjoni ta’ l-integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen tikkostitwixxi r-ratio legis ta’ l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen. Teżisti rabta kawżali ċara bejn l-abolizzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni u l-miżuri ta’ akkumpanjament.
62. Barra minn hekk, il-miżuri adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni msaħħa fil-kuntest ta’ Schengen huma konnessi u jiddependu fuq xulxin. Għaldaqstant, l-integrità tista’ tiġi ppreġudikata anke fil-każ fejn din ma tkunx miżura definita bħala integrali mir-Renju Unit, iżda jiġi aċċertat, wara verifika f’żewġ fażijiet, li din hija kwistjoni konnessa mal-moviment liberu tal-persuni f’territorju fejn tneħħew il-fruntieri interni.
63. Filwaqt li jirreferi għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ integrità u ta’ koerenza ta’ l-Acquis ta’ Schengen, il-Kunsill isostni wkoll li, wara l-eventwali dikjarazzjoni u l-applikazzjoni tal-proċedura prevista mill-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen, ir-Renju Unit ma jistax jibqa’ jirrinunċja unilateralment (opt-out) li jieħu sehem fl-iżvilupp ta’ dan l-Acquis. Bħala eżempju ta’ l-inkoerenza possibbli ta’ l-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen, il-Kunsill isemmi l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-miżuri ta’ rimpatriju u n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tiegħu fil-miżuri fil-qasam ta’ ċaħda ta’ dħul ġdid fl-UE.
64. Ir-relazzjoni ta’ suborodinazzjoni jew superjorità bejn l-Artikolu 5 u l-Artikolu 6 tal-Protokoll ta’ Schengen hija neċessarju wkoll biex jiġi evitat il-mekkaniżmu ta’ l-Artikolu 4 fi proċedura skond l-Artikolu 5. Għal dan il-għan, l-Artikolu 10 KE u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni mhumiex protezzjonijiet biżżejjed kontra preġudizzju għall-integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen. Ir-referenza għall-Artikolu 3(2) tal-Protokoll dwar it-Titolu IV hija żbaljata, minħabba li l-Artikolu 7 ta’ l-istess Protokoll jillimita l-kuntest ta’ applikabiltà ta’ dan ta’ l-aħħar, fis-sens li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, il-Protokoll ta’ Schengen jassumi l-karattru ta’ lex specialis fil-konfront tal-Protokoll dwar it-Titolu IV. Il-mekkaniżmu ta’ l-opt-in imsemmi fl-Artikolu 3(1) tal-Protokoll dwar it-Titolu IV jirrigwarda biss il-miżuri adottati abbażi tat-Titolu IV KE, u mhux il-miżuri ta’ żvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen. Kieku kellha tiġi milqugħa t-teorija ta’ l-indipendenza sostnuta mir-Renju Unit, l-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV ma jkollux sens. Ir-Renju Unit jista’ sempliċement japplika l-Artikolu 3(1) u jikkomunika li għandu l-intenzjoni jieħu sehem fil-miżuri msemmija fit-Titolu IV li huma fl-istess ħin miżuri ta’ żvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen. B’dan il-mod però tiġi ppreġudikata l-protezzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen.
65. Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-Renju Unit dwar l-interpretazzjoni wiesgħa u vaga tal-kunċett ta’ miżura bbażata fuq l-Acquis ta’ Schengen u jsostni li verifika sempliċi f’żewġ fażijiet tippermetti li jiġi stabbilit jekk din tikkostitwixxix jew le tali miżura. F’din il-verifika jiġi determinat kemm għandha tkun stretta r-rabta bejn il-miżura proposta u t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni sabiex il-miżura in kwistjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala miżura ta’ żvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen. Fl-ewwel fażi ta’ l-imsemmi eżami jiġi vverifikat jekk din il-miżura tapplikax għall-Acquis ta’ Schengen. Il-portata ta’ dan l-Acquis tista’ tiġi konkluża mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati ma’ l-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen(8). It-tieni fażi tal-verifika tikkonsisti f’li ssir il-mistoqsija, li tinsab fin-nota tal-Presidenza tat-22 ta’ Ottubru 1999, eżaminata u approvata mill-COREPER, jekk din hijiex kwistjoni essenzjali (essential) fil-kuntest tal-moviment liberu tal-persuni fi spazju fejn tneħħew il-kontrolli tal-persuni fuq il-fruntieri interni u fejn inħolqot sistema komuni ta’ kontroll fuq il-fruntieri esterni, li għalhekk torbot ukoll l-Iżlanda u n-Norveġja. Għall-Kunsill l-għan ta’ din il-verifika kien jikkonsisti f’li tiġi ggarantita koerenza akbar fit-trattament ta’ l-atti legali fil-qasam tal-kooperazzjoni ta’ Schengen. L-imsemmija verifika tikkostitwixxi għajnuna importanti għall-għażla tal-proċedura adegwata. L-oġġezzjoni li tgħid li dan l-eżami ġie żviluppat għall-kumitat imħallat għan-Norveġja u l-Iżlanda mhux fondata. M’hemmx differenzi ta’ kontenut bejn il-miżuri adottati minn dan il-kumitat imħallat u dawk adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen.
66. F’dak li jirrigwarda d-differenza bejn il-miżuri konnessi u l-miżuri integrali invokata mir-Renju Unit, din mhijiex rikonoxxuta mid-dritt Komunitarju. Il-Protokoll ta’ Schengen jittratta l-Acquis ta’ Schengen bħal ħaġa waħda. Fl-okkażjoni ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 1999/435(9) il-Kunsill seta’ jikkunsidra l-pożizzjoni tar-Renju Unit, iżda m’għamilx dan.
67. F’dak li jirrigwarda l-argument tar-Renju Unit dwar il-kooperazzjoni fil-miżuri ta’ l-Acquis ta’ Schengen, il-Kunsill isostni li l-pożizzjoni tar-Renju Unit tista’ tiġi determinata fuq il-bażi ta’ eżami partikolari. Jekk din tkun proposta li għandha l-bażi legali tagħha fit-Titolu IV u li ma timplikax żvilupp ulterjuri ta’ l-imsemmi Acquis, ir-Renju Unit jista’ jieħu sehem (opt-in) skond l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll dwar it-Titolu IV. Jekk minflok din tkun proposta li timplika żvilupp ulterjuri ta’ l-Acquis ta’ Schengen, il-Kunsill jiddetermina l-pożizzjoni tar-Renju Unit abbażi ta’ l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen. Jekk ir-Renju Unit jikkoopera fil-partijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen imsemmija mid-Deċiżjoni 2000/365, huwa jista’ jikkoopera fl-adozzjoni ta’ l-atti mingħajr notifika speċjali preċedenti. Jekk minflok mill-imsemmija Deċiżjoni jirriżulta li r-Renju Unit ma jikkooperax fl-imsemmija partijiet ta’ l-Acquis, huwa għandu jipproċedi, sabiex ikun jista’ jikkoopera, skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen.
68. Il-kooperazzjoni tar-Renju Unit fl-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt l-Acquis ta’ Schengen hija spjegata, skond il-Kunsill, mill-ispeċifiċità tal-kooperazzjoni fil-każ individwali. Fil-fatt, per eżempju, ir-Regolament Nru 334/2002(10) ġie adottat fuq il-bażi leġiżlattiva ta’ l-ex Artikolu 100 C tat-Trattat KE, qabel l-integrazzjoni ta’ Acquis ta’ Schengen fil-kuntest tad-dritt ta’ l-Unjoni. F’dak li jirrigwarda l-atti legali l-oħra, dawn iktar huma miżuri eżekuttivi milli atti leġiżlattivi, jiġifieri atti kkaratterizzati mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, bħal per eżempju d-Deċiżjoni 2004/573(11). Fir-rigward tad-Direttiva 2001/40(12) u tad-Deċiżjoni 2004/191(13) il-Kunsill isostni li dawn huma miżuri li huma bbażati fuq l-Acquis ta’ Schengen, li fihom ma jiħux sehem ir-Renju Unit. Il-kooperazzjoni fl-adozzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti hija bbażata fuq il-fatt li l-imsemmija Direttiva tirregola biss ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ espulsjoni tal-barranin. Għalhekk hija marbuta ma’ l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ Stati terzi, li jistgħu faċilment jaħarbu mill-espulsjoni u jidħlu fir-Renju Unit.
69. Dejjem skond il-Kunsill, il-miżuri marbuta mal-kontroll fuq il-persuni fuq il-fruntieri esterni jaqgħu taħt l-Acquis ta’ Schengen. Fosthom huwa inkluż ukoll ir-Regolament Nru 2252/2004, minħabba li l-kontroll tal-passaporti titwettaq effettivament fuq il-fruntieri esterni. L-Artikolu 62(2)(a) KE li jikkostitwixxi l-bażi legali tar-Regolament Nru 2252/2004 jaġixxi bħala kollegament bejn dan ir-Regolament u l-fruntieri esterni. Il-kontroll tal-passaporti hija kwistjoni fundamentali għall-moviment liberu tal-persuni fi spazju fejn il-kontroll fuq il-persuni fuq il-fruntieri interni ġie eliminat. Ir-Renju Unit ma talabx li jieħu sehem fil-kooperazzjoni f’dan il-qasam ta’ l-Acquis ta’ Schengen. Konsegwentement, id-Deċiżjoni 2000/365 ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar il-kooperazzjoni tar-Renju Unit f’dak li jirrigwarda din il-parti ta’ l-Acquis ta’ Schengen
D – Internvenjenti in sostenn tal-Kunsill
70. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen hija korretta. Għalkemm ma taqbilx mal-pożizzjoni tar-Renju Unit dwar id-differenza bejn il-miżuri integrali u dawk konnessi, hija ssostni li r-Regolament Nru 2252/2004 huwa miżura integrali minħabba li marbut b’mod indissolubbli ma’ dik il-parti ta’ l-Acquis ta’ Schengen li fiha r-Renju Unit ma jiħux sehem.
71. Skond il-Kummissjoni, il-karatteristika essenzjali tal-kooperazzjoni msaħħa u ta’ l-Acquis ta' Schengen hija rappreżentata mill-prinċipju ta' integrità. Konsegwentement l-għan fundamentali jikkonsisti fil-ħarsien ta' din l-integrità u tal-koerenza ta’ l-Acquis ta' Schengen. Fl-opinjoni tagħha, huwa veru li l-Protokoll ta’ Schengen jipprevedi kooperazzjoni parzjali għall-Istati Membri individwali li mhumiex parti mis-sistema ta’ Schengen; madankollu, huwa ma jagħtix lil dawn l-Istati l-fakoltà li jagħżlu fl-liema parti ta’ l-Acquis jikkooperaw, u dan iwassal għall-ħolqien ta’ taħlita (patchwork) ta' kooperazzjonijiet u ta’ obbligi.
72. L-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen ma jistax jiġi kkunsidrat separatament, jiġifieri barra mill-kuntest tal-Protokoll kollu. Konsegwentement, it-teorija ta’ l-indipendenza fir-relazzjoni ta' bejn l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5 ta’ l-imsemmi Protokoll hija żbaljata. Il-Kummissjoni tosserva li l-kunċett ta’ miżuri “bbażati fuq l-Acquis ta’ Schengen” li għalihom jirreferi l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen, la huwa vag u lanqas mhuwa impreċiż. L-adozzjoni ta’ atti abbażi tal-bażi legali ta’dan l-artikolu, jekk magħmulha fil-kuntest ta’ l-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen, ma tkunx differenti mid-determinazzjoni tal-bażi legali neċessarja għall-adozzjoni ta’ att tad-dritt Komunitarju. Il-verifika f’żewġ fażijiet min-naħa tal-Kunsill bil-għan li jiġi aċċertat jekk din hijiex miżura għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen hija korretta u suffiċjenti.
73. Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li l-iskop tar-Regolament Nru 2252/2004 huwa dak li jiġu stabbiliti l-istandards minimi ta’ sigurtà tal-passaporti u tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar. B’dan il-mod huwa possibbli li jiġi stabbilit permezz tal-bijometrija, kollegament iktar preċiż bejn id-detentur tal-passaport u l-passaport innifsu. Dan l-għan huwa marbut b’mod indissolubbli mal-kontroll fuq il-fruntieri esterni li jirrappreżenta l-essenza tal-kooperazzjoni ta’ Schengen. Iċ-ċittadini tar-Renju Unit għaldaqstant ma jiġux diskriminati minħabba l-fatt li r-Renju Unit ma jikkooperax għar-Regolament Nru 2252/2004. L-Irlanda u r-Renju Unit jistgħu jinkludu fil-passaporti tagħhom l-elementi bijometriċi anke fuq il-bażi ta’ l-istandards ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).
74. Ir-Renju ta' Spanja jsostni li l-interpretazzjoni tal-Protokoll ta’ Schengen proposta mir-Renju Unit, tikkostitwixxi periklu għall-miżuri diġà adottati fil-qasam ta’ kooperazzjoni msaħħa u tippreġudika għalhekk il-prinċipju ta’ integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen. Fl-opinjoni tiegħu, minn interpretazzjoni sistematika, teleoloġika u storika ta' l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen ma jirriżultax dritt tar-Renju Unit għall-kooperazzjoni. F’dak li jirrigwarda l-argumenti sussidjarji invokati mir-Renju Unit, il-Gvern Spanjol isostni li huwa l-obbligu tal-kunsill li jiddeċiedi liema miżuri huma bbażati fuq l-Acquis ta' Schengen.
75. L-Olanda, filwaqt li ssostni l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar ir-relazzjoni ta’ dipendenza bejn l-Artikoli 5 u 4 tal-Protokoll ta’ Schengen, affermat waqt is-seduta li l-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll jirrikjedi deċiżjoni meħuha bl-unanimità ta’ l-Istati Schengen u tar-Renju Unit. Ir-rekwiżit ta’ l-unanimità jevita li l-Istati Membri jkunu jistgħu jesprimu, skond id-diskrezzjoni tagħhom, deċiżjoni dwar il-kooperazzjoni f’parti waħda biss ta’ l-Acquis ta’ Schengen, u b’dan il-mod jipproteġi l-unità ta’ dan l-Acquis. Li kieku l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen jiġi interpretat fis-sens propost mir-Renju Unit, dan ikun ifisser li l-Istati Membri għandhom id-dritt li ma jikkooperawx fil-miżuri ta’ żvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen, anke jekk dawn jikkooperaw fl-Acquis ta’ Schengen.
V – Evalwazzjoni ta’ l-Avukat Ġenerali
76. It-Trattat ta’ Amsterdam fetaħ dimensjoni ġdida ta’ l-integrazzjoni Ewropea(14). Permezz ta’ dan it-Trattat inħoloq spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja(15). Id-duttrina tenfasizza li l-kunċett ta' kooperazzjoni msaħħa tapplika anke għall-iżvilupp u għall-konsolidazzjoni ta’ dan l-ispazju(16), fli, fid-dawl ta' l-Artikolu 1 tal-Protokoll ta' Schegen jinkludi wkoll l-Acquis ta' Schengen(17), L-imsemmi Acquis għall-ewwel ġie kkonċepit bħala parti mid-dritt pubbliku internazzjonali u ġie introdott fid-dritt ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Komunità skond l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll ta’ Schengen(18).
77. Fil-kawżi C-137/05 u C-77/05, il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tinterpreta l-protokolli li jirrigwardaw b’mod partikolari l-kooperazzjoni msaħħa(19). Il-kunċett tradizzjonali ta’ l-integrazzjoni Ewropea toħroġ mill-kunċett ta’ unità ta’ l-integrazzjoni, jiġifieri mill-ħolqien ta’ drittijiet omoġeneji, validi fl-Istati Membri kollha(20). Wara li ġew emendati t-trattati istituttivi, li bihom ġiet estiża l-kompetenza tal-Komunità Ewropea u ta’ l-Unjoni Ewropea, u wara l-aħħar tkabbir ta’ l-Unjoni, li ġab miegħu eteroġenità akbar ta’ l-istrutturi u ta’ l-interessi, il-kunċett ta’ integrazzjoni unitarja ma jistax jiġi applikat kif kien jiġi applikat fil-perijodu fejn il-Komunità Ekonomika Ewropea kienet iffurmata minn 6 jew 9 membri(21). Il-kooperazzjoni msaħħa tikkostitwixxi l-espressjoni, f’termini legali, tal-medjazzjoni bejn it-tkabbir u l-approfondiment ta’ l-Unjoni(22). Skond id-duttrina, l-Acquis ta’ Schengen jikkostitwixxi forma partikolari u modifikata tal-kooperazzjoni msaħħa, maħluqa minn xi Stati Membri permezz ta’ trattati internazzjonali(23), permezz tal-ftehim dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli mal-fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985 mill-Gvernijiet ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża (iktar ’il quddiem: il-“ftehim ta’ Schengen”) u permezz tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplementa l-Ftehim dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli mal-fruntieri komuni tagħhom, iffermat f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985 (iktar ’il quddiem: il-“CAA”), barra mill-kuntest istituzzjonali ta’ dik li dak iż-żmien kienet l-Komunità, illum l-Unjoni(24). Fir-rigward ta’ atti awtonomi ta’ dritt internazzjonali, dawn iż-żewġ ftehim waqfu jeżistu mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.(25)
78. Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, d-dritt prinċipali ma jagħmilx distinzjoni bejn miżuri integrali (Schengen-integral measures) u miżuri konnessi (Schengen linked measures). Dan huwa rikonoxxut mir-Renju Unit ukoll, fejn fir-replika tiegħu jsostni li din id-distinzjoni hija strument analitiku biex jiġu deċiżi dawk il-ftit każijiet fejn tkun iġġustifikata l-esklużjoni tal-kooperazzjoni ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit fl-adozzjoni ta’ miżuri li huma bbażati fuq l-Acquis ta’ Schengen(26).
79. L-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen isemmi l-proposti u l-inizjattivi li huma bbażati fuq l-Acquis ta’ Schengen.(27) Però, waqt is-seduta, il-partijiet kollha tkellmu dwar “żvilupp” ta’ l-Acquis ta’ Schengen. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-kunċett ta’ miżuri li “huma bbażati fuq l-Acquis ta’ Schengen” u dak ta’ miżuri “ta’ żvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen”, ifissrux l-istess.
80. Fid-dritt sekondarju, per eżempju, is-sitt ‘premessa’ tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat-28 ta’ Ġunju 2001 li tissupplimenta d-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva 2001/51”)(28) tuża, fil-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż, l-istess kliem użati fl-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen, iżda dan mhuwiex il-każ fil-verżjonijiet bl-Isloven, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bit-Taljan(29). It-tlettax il-‛premessa’ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 tad-19 ta’ Frar 2004 dwar il-ħolqien ta’ netwerk bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (iktar ’il quddiem: ir-“Regolament Nru 377/2004”)(30) juża l-istess kliem tal-Protokoll ta’ Schengen fil-verżjoni Ingliża, Franċiża, Taljana, u Spanjola, iżda mhux fil-verżjoni Slovena u Ġermaniża(31). It-tnax il-‛premessa’ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2005/267/KE tas-16 ta’ Marzu 2005 li tistabbilixxi netwerk sigur bbażat fuq il-web dwar l-informazzjoni u l-koordinazzjoni għas-servizzi ta’ amministrazzjoni tal-migrazzjoni ta’ l-Istati Membri (iktar ’il quddiem: id-“Deċiżjoni 2005/267”)(32) issemmi l-miżuri ta’ din id-Deċiżjoni li jiżviluppaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen li għandhom l-għan li jiġġieldu l-organizzazzjoni ta’ l-immigrazzjoni illegali(33). Fil-verżjonijiet bl-Ingliż, bil-Franċiż, bit-Taljan u bl-Ispanjol jintużaw l-istess kliem ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll, iżda mhux fil-verżjoni Slovena u lanqas f’dik Ġermaniża.
81. Barra minn hekk, nixtieq niġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-kontenut tal-verżjonijiet lingwistiċi fejn id-dritt sekondarju adottat abbażi ta’ l-Acquis ta’ Schengen ma fihx l-istess kliem – bħal per eżempju fit-test Taljan u Ġermaniż tal-Protokoll ta’ Schengen u ta’ l-atti tad-dritt sekondarju ċċitati fil-punt 80 – huwa eżattament identiku għall-kontenut tal-verżjonijiet lingwistiċi fejn jintużaw l-istess kliem, bħal per eżempju fil-każ tal-verżjoni Ingliża ta’ dawn l-atti. Fejn, minħabba l-użu ta’ kliem differenti fl-imsemmija atti, il-kontenut fil-lingwi differenti kellu jkun differenti, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju jkun jeħtieġ li jiġu kkonfrontati l-verżjonijiet lingwistiċi differenti tagħha(34). Jekk il-kontenut ivarja minħabba l-użu, f’dawn l-atti, ta’ kliem differenti fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti, għandu, sabiex tiġi interpretata d-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, isir paragun bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti(35). L-għan ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen jikkonsisti f’li tiġi prevista proċedura speċjali għall-kooperazzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda għall-atti ġodda li jibbażaw ruħhom fuq l-Acquis ta’ Schengen u li għalhekk jikkostitwixxu żvilupp ta’ l-istess.
82. Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li l-kawża preżenti tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-protokolli u tad-dikjarazzjonijiet annessi mat-Trattati UE u KE. F’dawn il-protokolli u dikjarazzjonijiet id-duttrina tindividwa żewġ kategoriji tradizzjonali ta’ annessi mat-Trattati istitutivi(36). Skond l-Artikolu 311 KE, il-protokolli(37), li, bi ftehim komuni fost l-Istati Membri, huma annessi mat-Trattat KE, jiffurmaw parti integranti minnu u għandhom l-istess valur legali tat-trattati istitutivi(38). F’dan ir-rigward, fil-kawża Miraglia(39) il-Qorti tal-Ġustizzja applikat l-Artikolu 2 tal-Protokoll ta’ Schengen bħala parti mid-dritt prinċipali. Bil-kontra ta' dan, id-dikjarazzjonijiet annessi mat-Trattati KE u UE ma jistgħux jiġu kkunsidrati fuq l-istess livell tal-protokolli(40), minħabba li huma nieqsa minn valur vinkolanti(41) Id-dikjarazzjonijiet adotati mill-konferenza intergovernattiva ma jikkostitwixxux parti integrali mit-trattati istitutivi iżda jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward ta’ interpretazzjoni ta’ dawn it-Trattati skond l-Artikolu 31(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar id-dritt tat-trattati(42). Id-differenza bejn il-protokolli u d-dikjarazzjonijiet hija partikolarment importanti minħabba li l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-protokolli fl-eżerċizzju ta’ l-attività leġiżlattiva tagħhom(43).
A – Ammissibbiltà tar-rikors
83. Ir-rikors għall-annullament ġie ppreżentat fil-ħin, skond l-Artikolu 230 KE, mir-Renju Unit fil-kwalità tiegħu ta’ Stat Membru kontra r-Regolament Nru 2252/2004, att addottat mill-Kunsill. Fid-dawl tal-kliem użat fl-Artikolu 230 KE, ir-rikors huwa ammissibbli(44).
B – Pożizzjoni ġuridika ta’ xi Stati Membri fil-kuntest ta’ l-Acquis ta’ Schengen
84. Qabel ma ngħaddi għall-analiżi tal-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fil-kuntest ta’ l-Acquis ta’ Schengen, jeħtieġ li fil-qosor, nikkunsidra l-pożizzjoni ta’ xi Stati oħra. Fil-fatt l-Acquis ta’ Schengen jagħraf forom differenti ta’ kooperazzjoni, li japplikaw biss fil-konfronti ta’ xi Stati.
1. Danimarka
85. Id-Danimarka taċċetta l-prinċipju ta’ l-eliminazzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, iżda mhux dak li jgħid li ma’ l-Acquis ta’ Schengen għandu japplika l-hekk imsemmi metodu Komunitarju fil-qasam tal-ġustizzja u ta’ l-affarijiet interni(45). Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll ta’ Schengen, ir-Renju tad-Danimarka jagħmel parti mis-sistema ta’ Schengen, iżda l-Artikolu 3 ta’ l-istess Protokoll jirregola, a titolu ta’ lex specialis, il-pożizzjoni partikolari ta’ dan l-Istat Membru.
86. Mat-Trattat ta’ Amsterdam huwa anness ukoll Protokoll speċjali dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka. Skond l-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll, l-Acquis ta’ Schengen jirrappreżenta għad-Danimarka, parti mid-dritt internazzjonali pubbliku(46). Abbażi tal-prinċipju ta’ integrità, l-Artikolu 5(2) ta’ l-imsemmi Protokoll jippermetti b’mod partikolari lill-Istati Schengen l-oħra li jinvokaw l-eċċezzjoni ta’ reċiproċità (tu quoque), fil-każ fejn id-Danimarka tiddeċiedi li ma tapplikax deċiżjoni tal-Kunsill adottata wara proposta jew inizjattiva bil-għan li tiżviluppa l-Acquis ta’ Schengen.
2. Stati Membri ġodda
87. Minħabba li r-rikors ġie ppreżentat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma’ l-Unjoni Ewropea, skond il-prinċipju tempus regit actum, l-analiżi ser tkun limitata għall-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Lettonja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika ta’ l-Islovenja u tar-Repubblika Slovakka ma’ l-Unjoni Ewropea, Mill-bqija, il-pożizzjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija essenzjalment tikkorrispondi mal-pożizzjoni ta’ l-Istati Membri li ingħaqdu fl-2004(47).
88. Il-pożizzjoni ta’ l-Istati Membri l-ġodda hija regolata b’mod ġenerali mill-Artikolu 8 tal-Protokoll ta’ Schengen, li jgħid li “għall-iskopijiet tan-negozjati relattivi għall-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fl-Unjoni Ewropea, l-Acquis ta’ Schengen u miżuri oħra meħuda mill-istituzzjonijiet f’dan l-ambitu tiegħu, għandhom jitqiesu bħala Acquis li għandu jiġi aċċettat kollu kemm hu mill-Istati kollha kandidati għall-adeżjoni”(48).
89. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen li mhumiex kontemplati mill-Artikolu 3(1) ta’ l-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni huma vinkolanti għall-Istati Membri ġodda d’effett mid-data ta’ meta saru membri, madankollu jiġu applikati biss permezz ta’ deċiżjoni adottata mill-Kunsill għal dan l-iskop, wara li jiġi vverifikat, konformement mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli, ir-rispett min-naħa ta’ l-imsemmija Stati l-ġodda tar-rekwiżiti neċessarji għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha ta’ l-Acquis in kwistjoni, u wara li jiġi kkonsultat il-Parlament Ewropew(49). B’dan il-mod id-dritt prinċipali jistabbilixxi li l-Istati Membri l-ġodda għandhom isiru Stati Schengen meta r-rekwiżiti msemmija fil-proċeduri ta’ evalwazzjoni Schengen jiġu ssoddisfati(50) Għaldaqstant, il-pożizzjoni ta l-Istati Membri l-ġodda tista’ iktar proprjament tiġi definita bħala tip ta’ perijodu tranżitorju. F’din il-perspettiva, ma tistax tiġi milqugħa l-opinjoni espressa mill-Polonja, li f’dan tara d-diversità u l-eteroġeneità tal-kooperazzjoni.
3. Iżlanda u Norveġja
90. L-Iżlanda u n-Norveġja, flimkien ma’ l-Iżvezja, il-Finlandja u d-Danimarka, jiffurmaw l-Unjoni Nordika tal-passaporti, li fil-qafas tagħha ġew eliminati l-kontrolli fuq il-fruntieri interni diġà sa mill-1957(51). L-Iżvezja, il-Finlandja u d-Danimarka mbagħad saru wkoll Stati Schengen wara li ngħaqdu ma’ l-Unjoni Ewropea.
91. B’effett mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, il-pożizzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stat ġiet regolata mill-Artikolu 6 tal-Protokoll ta’ Schengen li jippermetti li l-Iżlanda u n-Norveġja, għalkemm mhumiex Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, jikkooperaw fl-Acquis ta’ Schengen. Għal din ir-raġuni, id-dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 6 ta’ l-imsemmi Protokoll għandha tiġi kkunsidrata bħala dispożizzjoni tad-dritt internazzjonali li tirregola r-relazjoni bejn l-Unjoni u ż-żewġ Pajjiżi terzi qabel ma tiġi kkunsidrata bħala dispożizzjoni ġuridika tal-Komunità jew ta’ l-Unjoni Ewropea.
C – Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fl-Acquis ta’ Schengen
92. Ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jikkooperawx fil-politika ta’ eliminazzjoni tal-kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni, u ma jridux ikunu marbutin mid-dixxiplina legali Komunitarja li tirrigwarda ċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi.(52) Konsegwentement, il-Protokoll ta’ Schengen jistabbilixxi li r-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex marbutin mill-Acquis ta’ Schengen(53). Madankollu, abbażi ta’ l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen, ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu, f’kull mument, jitolbu li jipparteċipaw, kompletament jew parzjalment, fid-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Acquis.
93. Il-Protokoll dwar it-Titolu IV jippermetti lir-Renju Unit u lill-Irlanda li ma jiħdux sehem (opt-out) f’dawk l-atti leġiżlattivi adottati abbażi tat-Titolu IV KE(54). Il-miżuri addottati abbażi tat-Titolu IV KE ma jorbtux lil dawn l-Istati(55).
94. Ir-Renju Unit u l-Irlanda jikkooperaw fil-kuntest ta’ l-hekk imsemmija miżuri kompensattivi ta’ l-Acquis ta’ Schengen (mesures compensatoires) u fil-kuntest ta’ l-iżvilupp futur ta’ l-istess(56). Id-duttrina tiddeskrivi l-pożizzjoni tar-Renju Unit daqs li kieku dan l-Istat jirrifjuta kompletament il-moviment liberu tal-persuni mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, iżda fl-istess ħin jixtiequ jikkooperaw fil-parti repressiva tas-sistema ġuridika li tirrigwarda l-moviment liberu(57).
95. Il-Kunsill ħa in kunsiderazzjoni r-rieda tar-Renju Unit u stabbilixxa, bid-Deċiżjoni 2000/365, f’liema partijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen dan l-Istat jista’ jipparteċipa. L-Artikolu 8(2) ta’ l-imsemmija Deċiżjoni jistabbilixxi b’mod ċar, li r-Renju Unit huwa kkunsidrat bħala li, irrevokabilment, innotifika lill-President tal-Kunsill, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen, l-intenzjoni tiegħu li jieħu sehem fil-proposti u l-inizjattivi kollha bbażati fuq l-Acquis ta’ Schengen imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2000/365(58).
D – Relazzjoni bejn l-Artikoli 4 u 5 tal-Protokoll ta’ Schengen
96. Fil-kawża preżenti tqum il-kwistjoni dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikoli 4 u 5 tal-Protokoll ta’ Schengen, li jirreferu, it-tnejn li huma għall-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda. L-Artikolu 5(1) fih tip ta’ ius variandi, jiġifieri dritt ta’ għażla li r-Renju Unit u l-Irlanda għandhom fir-rigward ta’ l-atti legali l-ġodda ta’ l-Acquis ta’ Schengen(59). Bil-kontra ta’ dak li jiġri għall-aċċettazzjoni ta’ l-atti li diġà jeżistu f’dan il-qasam, għall-finijiet tal-kooperazzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, abbażi ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen, mhuwiex meħtieġ il-kunsens ta’ l-Istati Membri parteċipanti l-oħra, u lanqas tal-Kummissjoni. L-Artikolu 5(1) tal-Protokoll jitlob sempliċement notifika bil-miktub mir-Renju Unit jew mill-Irlanda tal-fatt li jixtiequ jieħdu sehem fil-proposti u fl-inizjattivi intiżi sabiex jiżviluppaw l-Acquis ta’ Schengen. Wara n-notifika uffiċjali, ir-Renju Unit u l-Irlanda għandhom l-istess drittijiet u l-istess obbligi tal-bqija ta’ l-Istati Schengen, u jistgħu jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ l-atti in kwistjoni. Dan ifisser f’analiżi aħħarija, li bl-imġiba tagħhom, dawn iż-żewġ Stati jistgħu jdewmu jew inkella jimblukkaw kompletament l-adozzjoni ta’ kull miżura Schengen(60).
97. Fid-duttrina u fil-ġurisprudenza għadha ma ttiħditx pożizzjoni fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen, bil-mekkaniżmu tad-dikjarazzjoni unilaterali ta’ volontà, jistax jiġi applikat ukoll għal dawk l-atti legali li jiżviluppaw l-Acquis ta’ Schengen li diġà jeżisti, iżda li miegħu ma ngħaqdux ir-Renju Unit u l-Irlanda skond l-Artikolu 4 ta’ l-imsemmi Protokoll. Id-duttrina titlaq mill-kunċett li, abbażi ta’ interpretazzjoni loġika-sistematika, għandha tiġi miċħuda l-possibiltà li r-Renju Unit u l-Irlanda jikkooperaw fil-miżuri li jiżviluppaw l-Acquis ta’ Schengen abbażi ta’ l-Artikolu 5 ta’ l-istess Protokoll, fil-każijiet fejn dan l-iżvilupp ma jistax jeżisti b’mod awtonomu. Din is-sitwazzjoni teżisti fil-każ fejn il-miżura li tiżviluppa l-Acquis ma tistax tiġi implementata mingħajr l-applikazzjoni fl-istess żmien ta’ miżuri u atti li ma’ japplikawx għall-Irlanda u għar-Renju Unit(61).
98. Minn naħa, fid-duttrina tiġi sostnuta t-teżi li tgħid li r-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jikkooperaw fl-imsemmija atti legali biss jekk josservaw preliminarjament il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen(62). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li mhuwiex ċar jekk, għall-finijiet ta’ l-adozzjoni ta’ l-atti li jiżviluppaw l-Acquis ta’ Schengen, jistax jiġi applikat l-Artikolu 4, minħabba li mill-perspettiva strutturali, huwa jiġi qabel l-Artikolu 5, li jirregola l-possibiltà ta’ żvilupp(63). B’mod partikolari, id-duttrina Ingliża ssostni li l-kooperazzjoni tar-Renju Unit fil-miżuri li jiżviluppaw l-Acquis ta’ Schengen ma teħtieġx il-kunsens ta’ l-Istati Schengen(64), kunsens li bil-kontra ta’ dan jikkaratterizza l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen.
99. Madankollu, wara analiżi fil-fond, il-kuntest ta’ applikazzjoni ta’ l-ius variandi, li r-Renju Unit għandu skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen jirriżulta iktar limitat minn dak li jidher prima facie.
100. Huwa ċar li r-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jikkooperaw fl-iżvilupp ta’ miżura ta’ l-Acquis ta’ Schengen, u dan abbażi ta’ l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen.
101. Jekk madankollu, r-Renju Unit jew l-Irlanda ma jikkooperawx abbażi ta’ l-Artikolu 4 fil-qasam li huwa s-suġġett ta’ żvilupp, is-sitwazzjoni tkun differenti. L-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen mingħajr l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-istess Protokoll hija possibbli biss jekk dan ikun att ta’ żvilupp ta’ l-imsemmi Acquis li jista’ jiġi applikat b’mod awtonomu. Il-ius variandi hija limitata biss għall-proposti u l-inizjattivi li jibbażaw ruħhom fuq l-Acquis ta’ Schengen li jistgħu jiġu applikati awtonomament(65). Li kieku r-Renju Unit jew l-Irlanda jkunu jistgħu, biss abbażi tal-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen, jaċċedu għall-kooperazzjoni Schengen f’qasam fejn, għall-finijiet tal-kooperazzjoni, hija mitluba minn qabel l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll, il-konsegwenza tkun li jonqos l-effet utile ta’ din l-aħħar dispożizzjoni(66). Il-Kummissjoni kkunsidrat din il-problema fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Fl-opinjoni tagħha, dan ikun iffisser li parti mill-Acquis ta’ Schengen tkun tapplika għar-Renju Unit mingħajr ma dan l-Istat, madankollu, ma jkun aderixxa ma’ dan l-Acquis. Għalhekk, il-kooperazzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fl-iżvilupp ta’ parti ta’ l-Acquis hija, bħala regola, suġġetta għall-osservanza minn qabel tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen(67). Anke d-Deċiżjoni 2000/365 hija bbażata fuq interpretazzjoni simili tar-relazjoni ta’ bejn l-Artikoli 4 u 5 tal-Protokoll in kwistjoni. Din id-Deċiżjoni ġiet adottata fuq il-bażi legali ta’ l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen(68). Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen huma msemmija biss mill-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2000/365. Għalhekk, dan ifisser li l-bażi legali tad-dixxiplina li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen hija rrappreżentata esklużivament mill-Artikolu 4 ta’ l-istess Protokoll. Barra minn hekk, dan juri b’mod ċar li hemm prattika li tikkonsisti fl-implementazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 4 qabel il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen.
102. Għalhekk għandu jiġi stabbilit jekk ir-Regolament Nru 2252/2004 jirrappreżentax miżura li tibbaża ruħha fuq l-Acquis ta’ Schengen li tista’ tiġi applikata b’mod awtonomu. Kif diġà osservajt, l-eliminazzjoni tal-kontrolli fuq il-persuni fuq il-fruntieri interni tirrappreżenta parti essenzjali ta’ l-Acquis ta’ Schengen. L-eliminazzjoni tal-fruntieri interni hija madankollu neċessarjament marbuta ma’ l-unifikazzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri esterni(69). Għalhekk anke l-kontrolli fuq il-fruntieri esterni jagħmlu parti mill-Acquis ta’ Schengen(70).
103. L-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2252/2004 jipprovdi li “dan ir-Regolament japplika għall-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri”. Il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar kienet ġiet imnedija storikament bl-iskop ewlieni li jsir kontroll fuq iċ-ċittadini proprji meta dawn kienu jivvjaġġaw barra mill-pajjiż. It-tieni nett, hija tirrappreżenta sal-lum strument ta’ kontroll fuq id-dħul tal-barranin fl-istat(71). Il-passaport huwa strument legali rikonoxxut fuq livell internazzjonali, li huwa essenzjali, skond id-duttrina, sabiex jippermetti l-moviment liberu tal-persuni bejn l-Istati(72). Minħabba r-regolament partikolari ta’ l-Acquis ta’ Schengen li elimina l-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri interni, iċ-ċirkolazzjoni internazzjonali tal-persuni li għalihom huwa previst il-kontroll tal-passaporti ssir fil-fruntieri esterni ta’ l-Istati Schengen(73).
104. Għalkemm ir-Regolament Nru 2252/2004 jirregola biss l-istandards minimi ta’ sigurtà, fost dawn jaqgħu, skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament, anke elementi ta’ kontroll li jiġu vverifikati mal-qsim tal-fruntieri esterni, bħal per eżempju x-xbiha tal-wiċċ u l-marki tas-swaba. Dawn l-elementi ta’ kontroll jagħmlu possibbli l-implementazzjoni korretta ta’ l-imsemmi Regolament. Il-kontroll ta’ dawn l-elementi, u b’mod partikolari dak tax-xbieha tal-wiċċ, jirrappreżentaw il-parti essenzjali tal-kontroll fuq il-persuni ma’ l-att tal-qsim tal-fruntieri esterni taż-żona ta’ Schengen. Fi kliem ieħor dawn l-elementi ta’ kontroll, bħax-xbieha tal-wiċċ, jiġu użati għall-kontroll tal-persuni mal-qsim tal-fruntieri. Konsegwentement, ir-Regolament Nru 2252/2004 ma jistax jiġi applikat b’mod awtonomu.
105. Skond id-definizzjoni pprovduta iktar ’il fuq fil-punt 97, dan ifisser li r-Regolament Nru 2252/2004 ma jistax jiġi applikat mingħajr eżekuzzjoni simultanja ta’ l-atti legali l-oħra ta’ l-Acquis ta’ Schengen(74). B’dan jiġi ppruvat, fil-każ konkret, li t-teorija ta’ subordinazzjoni ta’ l-Artikolu 5 fir-rigward ta’ l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen, sostnuta b’mod partikolari mill-Kunsill u mill-Kummissjoni tirrappreżenta l-interpretazzjoni korretta tal-Protokoll innifsu.
106. Din il-konklużjoni lanqas mhija kkontestata mir-referenza għad-Dikjarazzjonijiet Nru 45 u 46 annessi mat-Trattat ta’ Amsterdam. Id-Dikjarazzjoni Nru 45 annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam tirreferi espressament għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 4 u mhux għal dik imsemmija fl-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen
107. Jiena ta’ l-opinjoni li mid-Dikjarazzjoni Nru 46 annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam jirriżulta li l-azzjoni ta’ l-Istati Schengen marbuta ma’ l-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen hija suġġetta għar-rispett tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen. Mhux possibbli li l-imsemmija Dikjarazzjoni tiġi interpretata f’sens li jhedded il-prinċipju ta’ integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen.
E – Prinċipju ta’ integrità
108. It-tieni ‛premessa’ tad-Deċiżjoni 2000/365, li tirrigwarda l-pożizzjoni tar-Renju Unit, tenfasizza s-sinjifikat tal-prinċipju ta’ l-integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen u turi “l-Acquis ta' Schengen kien maħsub u jopera bħala ensemble koerenti li jrid ikun pjenament aċċettat u applikat mill-Istati kollha li jappoġġjaw il-prinċipju ta' l-abolizzjoni ta' spezzjonar ta' persuni fil-fruntieri komuni.”(75)
109. L-imsemmi prinċipju huwa ggarantit ukoll mill-Artikolu 8 tal-Protokoll ta’ Schengen, li jistabbilixxi li l-Istati kandidati sabiex jingħaqdu għandhom jaċċettaw l-Acquis ta’ Schengen kollu kemm hu.
110. Il-prinċipju ta’ l-integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen jirrappreżenta konkretizzazzjoni tal-prinċipju legali ġenerali qui habet commoda ferre debet onera et contra, rikonoxxut mid-dritt internazzjonali pubbliku wkoll. Fil-kuntest ta’ l-ewwel pilastru, f’dak li jirrigwarda l-imsemmi prinċipju legali, id-duttrina(76) tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża 39/72(77), fejn jiġi affermat li “huwa (....) inammissibbli li Stat Membru japplika b’mod inkomplet jew selettiv regolament tal-Komunità, b’mod li jipparalizza partijiet determinati tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li fil-konfronti tagħha huwa diġà wera l-oppożizzjoni tiegħu, jiġifieri li huwa jikkunsidra bħala li tikkuntrasta ma determinati interessi nazzjonali. Il-fatt li Stat, b’kunsiderazzjoni ta’ l-interessi nazzjonali tiegħu, jikser unilateralment l-ekwilibriju bejn il-vantaġġi u l-obbligi li jirriżultaw mill-appartenenza tiegħu fil-Komunità, jippreġudika l-ugwaljanza ta’ l-Istati Membri quddiem id-dritt Komunitarju u joħloq diskriminazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini tagħhom (...)”. Dan l-argument jista’ faċilment jiġi applikat għall-Acquis ta’ Schengen.
111. Il-prinċipju ta’ l-integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen jipproteġi mhux biss l-ekwilibriju bejn l-Istati Schengen f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ l-Acquis ta’ Schengen, iżda anke l-Acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu(78). Dan il-prinċipju huwa l-espressjoni ta’ l-interess ġenerali ta’ l-Istati Schengen sabiex iħarsu l-Acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu.
112. Il-kooperazzjoni fir-rigward ta’ parti mill-Acquis ta’ Schengen teħtieġ, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ integrità, li l-Istat Membru li qed jieħu sehem f’miżura ta’ l-Acquis ta’ Schengen jassumi l-vantaġġi u l-obbligi li jirriżultaw mill-kooperazzjoni għall-imsemmija parti ta’ l-Acquis. Huwa għal din ir-raġuni li l-prinċipju ta’ integrità ma jippermettix li ssir għażla ħielsa ta’ kooperazzjoni, abbażi ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen, fir-rigward ta’ att ta’ żvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen, fil-każijiet fejn ma jkunx possibbli li dan l-att jiġi applikat awtonomament. Mill-argumenti esposti fil-punti 97-102 madankollu jirriżulta li r-Regolament Nru 2252/2004 ma jistax jiġi applikat awtonomament. Il-vantaġġ li jinkiseb, f’dan il-każ, mill-kooperazzjoni tar-Renju Unit għar-Regolament Nru 2252/2004 jikkonsisti fl-istandard minimu komuni u fir-rekwiżiti tekniċi li jirregolaw il-leġibbiltà tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar permezz ta’ tgħammir elettroniku. Min-naħa l-oħra, l-obbligu jikkonsisti fil-kooperazzjoni fil-parti ta’ l-Acquis ta’ Schengen li tagħha r-Regolament Nru 2252/2004 jirrapreżenta żvilupp.
F – Preżunta mġiba kuntradittorja tal-Kunsill fl-aċċertament ta’ jekk din hijiex’ miżura bbażata fuq l-Acquis ta’ Schengen
113. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u matul is-seduta r-Renju Unit espressament irrefera għall-fatt li hu kien awtorizzat mill-Kunsill, f’ċerti każijiet, sabiex jikkoopera f’miżuri speċifiċi bbażati fuq l-Acquis ta’ Schengen. F’dan ir-rigward r-Renju Unit jirreferi fost affarijiet oħra għad-Direttiva 2001/51, għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/463KE tat-13 ta’ Ġunju 2002, li tadotta programm ta’ azzjoni għall-kooperazzjoni amministrattiva fl-oqsma tal-fruntieri esterni, il-viżi, l-asil u l-immigrazzjoni (programm ARGO) (iktar ’il quddiem “id-Deċiżjoni 2002/463”)(79), għar-Regolament Nru 377/2004 u għad-Deċiżjoni 2005/267, u jenfasizza li l-kunċett ta’ “miżura bbażata fuq l-Acquis ta’ Schengen” jirriżulta ġeneriku wisq u vag.
114. Sabiex jiġi stabbilit jekk din hijiex miżura bbażata fuq l-Acquis ta’ Schengen, il-Kunsill jagħmel analiżi f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi jivverifika hijiex miżura ordinarja fil-kuntest tat-Titolu IV KE jew hijiex miżura li taqa’ fl-oqsma ta’ applikazzjoni ta’ l-Acquis ta’ Schengen(80). Min-naħa l-oħra, fit-tieni fażi jaċċerta hijiex kwistjoni essenzjali (essential) għall-finijiet tal-moviment liberu tal-persuni fi spazju fejn ġew eliminati l-kontrolli tal-persuni fuq il-fruntieri interni. Il-verifika deskritta f’żewġ fażijiet tista’ tiġi pparagunata mal-verifika li ssir fil-kuntest ta’ l-ewwel pilastru għall-finijiet ta’ l-għażla tal-bażi legali xierqa ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet. Mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tas-sistema ta’ kompetenzi tal-Komunità Ewropea, l-għażla tal-bażi legali ta’ att għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Fost tali elementi jidhru b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ l-att”(81).
115. L-imsemmija analiżi f’żewġ fażijiet magħmula mill-Kunsill tippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika, abbażi ta’ elementi oġġettivi, jekk din hijiex miżura bbażata fuq l-Acquis ta’ Schengen. Fost l-elementi oġġettivi li fuqhom hija bbażata l-analiżi, hemm, fost l-oħrajn, l-aċċertament ta’ jekk din hijiex, ratione materiae, miżura li taqa’ taħt l-Acquis ta’ Schengen, kif ukoll il-verifika ta’ jekk din hijiex kwestjoni essenzjali fil-kuntest tal-moviment liberu tal-persuni fi’spazju fejn ġew eliminati l-fruntieri interni.
116. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li “l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni Komunitarja jkunu kapaċi li jilħqu l-għan intiż u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħqu dan”(82). “Fir-rigward ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn il-kundizzjonijiet msemmija (...), għandu jiġi mfakkar li l-leġiżlatur Komunitarju għandha tingħatalu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam bħal dak tal-każ in eżami, li tinvolvi, min-naħa tiegħu, għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li dwarhom huwa msejjaħ jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura stabbilita f’dan il-qasam, meta mqabbla ma’ l-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom intenzjoni jilħqu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura.”(83)
117. L-analiżi f’żewġ fażijiet magħmula mill-Kunsill m’għandhiex dan il-karattru manifestament sproporzjonat, minħabba li hija adatta sabiex tilħaq l-għan persegwit, jiġifieri dak li tistabbilixxi jekk att propost jikkostitwixxix miżura bbażata fuq l-Acquis ta’ Schengen. Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet li jsostnu li l-kunċett ta’ l-Acquis ta’ Schengen huwa eċċessivament vag mhumiex fondati.
118. Ir-Regolament Nru 377/2004 jirregola l-ħolqien ta’ netwerk bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni. L-għaxar ‘premessa’ ta’ l-imsemmi Regolament tistabbilixxi li r-Renju Unit qiegħed jieħu sehem f’dan ir-Regolament, abbażi ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen u ta’ l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE. L-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE jikkonferma li r-Renju Unit jikkoopera f’dan il-qasam ta’ l-Acquis ta’ Schengen u jdaħħal l-preżunzjoni(84), li tgħid li huwa kkunsidrat li saret in-notifika msemmija fl-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen. It-tnax il-‘premessa’ tad-Deċiżjoni 2005/267 ukoll tistabbilixxi network protett ibbażat fuq il-web dwar l-informazzjoni u l-koordinazzjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ flussi migratorji irregolari, dħul u immigrazzjoni ta’ klandestini u rimpatriju ta’ persuni li qegħdin f’pajjiż illegalment, jenfasizza l-fatt li ġiet osservata l-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen. Fl-imsemmija ‘premessa’ jiġi enfasizzat li ġie applikat l-Artikolu 8(2), tad-Deċiżjoni 2000/365, fejn il-miżuri tad-Deċiżjoni 2005/267 jiżviluppaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen li għandhom l-għan li jiġġieldu l-organizzazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali li fihom jieħu sehem ir-Renju Unit(85). Konsegwentement, għal dan l-att legali ġie applikat korrettament l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen skond l-awtorizzazzjoni li għandha l-bażi legali tagħha fl-Artikolu 4 ta’ l-istess Protokoll.
119. Id-Direttiva 2001/51 tintegra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 26 CAA f’dak li jirrigwarda l-obbligi tal-vetturi li jittrasportaw ċittadini barranin fit-territorju ta’ l-Istati Membri. Id-Direttiva in kwistjoni hija eżempju ta’ miżura adottata abbażi tat-Titolu IV, u li fiha r-Renju Unit jikkoopera bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2000/365. Is-seba’ ‘premessa’ ta’ din id-Direttiva tispjega li “skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit ta avviż (...) dwar ix-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”. Madankollu, l-għaxar ‘premessa’ ta’ l-istess Direttiva tistabbilixxi, fir-rigward ta’ l-Iżlanda u n-Norveġja, li “din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen (...)”(86). Id-Direttiva in eżami għalhekk tirrappreżenta żvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen u mhux miżura normali skond it-Titolu IV. Għaldaqstant l-eventwali applikazzjoni tal-Protokoll dwar it-Titolu IV kienet tkun żbaljata.
120. Id-Direttiva 2001/40 tirregola l-kwistjoni tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u għaldaqstant ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ espulsjoni adottata minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Is-sitt ‘premessa’ ta’ l-imsemmija Direttiva tindika li, skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Id-duttrina tipprovdi li f’dak li jikkonċerna d-Direttiva in kwistjoni, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV hija żbaljata, minħabba li mingħajr dubju, din hija miżura li tibbaża ruħha fuq l-Acquis ta’ Schengen. Madankollu, fl-istess waqt tipprovdi li d-Direttiva in kwistjoni tirrappreżenta miżura bbażata fuq l-Acquis ta’ Schengen li tista’ tiġi applikata b’mod awtonomu u li hija tirrappreżenta għalhekk eżempju tipiku ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen(87).
121. Id-Deċiżjoni 2004/573 tikkoordina l-organizzazzjoni ta’ titjiriet konġunti għat-tneħħija mit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma d-destinatarji ta’ ordnijiet individwali ta’ tneħħija. Il-ħdax u t-tnax-il ‘premessa’ ta’ l-imsemmija Deċiżjoni jiċċaraw li din hija miżura li għandha l-għan li tiżviluppa l-Acquis ta’ Schengen. Ir-raba’ ‘premessa’ tad-Deċiżjoni in kwistjoni tistabbilixxi b’mod ċar li l-Komunità għandha tevita nuqqas ta’ azzjoni fil-qasam ta’ l-organizzazzjoni ta’ titjiriet konġunti. Il-kunċett ta’ nuqqas ta’ azzjoni jagħmilha evidenti li d-Deċiżjoni in kwistjoni tista’ tiġi applikata b’mod awtonomu. Għaldaqstant, anke d-Deċiżjoni 2004/573 tikkostitwixxi miżura bbażata fuq l-Acquis ta’ Schengen li tista’ tiġi applikata b’mod awtonomu. Dan ifisser li r-Renju Unit jista’ jaderixxi magħha skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen.
122. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/463 (programm ARGO) hija intiża sabiex tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istati Membri, sabiex tippromwovi l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, sabiex ittejjeb l-effiċjenza komplessiva ta’ l-awtoritajiet nazzjonali amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istati Membri fl-implementazzjoni tal-funzjonijiet tagħhom meta dawn jimplementaw id-dispożizzjonijiet Komunitarji, kif ukoll sabiex tippromwovi t-trasparenza ta’ l-azzjonijiet mibdija mill-awtoritajiet nazzjonali amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istati Membri u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ l-organizzazzjonijiet kompetenti nazzjonali u internazzjonali, governattivi u non-governattivi l-oħra. Fit-tnax il-‛premessa’ tad-Deċiżjoni 2002/463 jiġi ddikjarat bl-istess mod, li skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV, ir-Renju Unit għamel notifika fejn wera x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kunsill, meta ddefinixxa r-relazzjoni ta’ bejn id-Deċiżjoni 2002/463 u l-eliminazzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, qies li din id-Deċiżjoni ma tikkostitwixxix att ibbażat fuq l-Acquis ta’ Schengen. Jekk jiġu analizzati l-għanijiet ta’ l-Artikolu 3 u l-azzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu II, kif ukoll b’mod partikolari t-tipi ta’ azzjonijiet deskritti fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2002/463(88), għandu jiġi osservat li dawn mhumiex essenzjali għall-finijiet tal-moviment liberu tal-persuni. Dan huwa, fil-verità, att legali ordinarju bbażat fuq it-Titolu IV KE. Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Kunsill li tgħid li din mhijiex miżura bbażata fuq l-Acquis ta’ Schengen hija korretta.
123. Ir-Regolament Nru 334/2002(89) joħloq mudell uniformi għall-viżi. Din hija miżura bbażata fuq it-Titolu IV KE u, abbażi tad-Deċiżjoni 2000/365, tifforma parti mill-Acquis ta’ Schengen li fiha r-Renju Unit ma jiħux sehem. Il-Kunsill iċċara li r-Regolament in kwistjoni jirrappreżenta modifika tar-Regolament 1683/95(90), li ġie adottat bħala att ta’ l-ewwel pilastru, saħansitra qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, abbażi ta’ dak li dak iż-żmien kien l-Artikolu 100(3) tat-Trattat KE. Skond il-Kunsill dawn huma ċirkustanzi partikolari li ppermettew lir-Renju Unit ikun jista’ jikkoopera fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 334/2002. Fil-verità huwa diffiċli li wieħed jifhem, prima facie, għaliex il-Kunsill, meta adotta dan ir-Regolament, ikkunsidra li jeżistu ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw il-fatt li r-Renju Unit jikkoopera fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1683/95 u minflok ma rrikonoxxiex l-eżistenza ta’ ċirkustanzi simili fil-mument ta’ l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2252/2004. Il-mudell uniformi għall-viżi u d-dispożizzjonijiet dwar il-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-passaporti u tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar jirrappreżentaw żewġ oqsma simili, li fil-fatt huma konnessi mal-kontroll fuq il-fruntieri esterni. Il-mudell uniformi għall-viżi jirregola l-kontroll taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi ma’ l-att tal-qsim tal-fruntieri esterni. Id-dispożizzjonijiet tekniċi minimi tal-passaporti u tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar min-naħa l-oħra jirrigwardaw esklużivament iċ-ċittadini tal-pajjiżi Schengen, tan-Norveġja, ta’ l-Iżlanda u ta’ l-Iżvizzera. Il-mudell uniformi għall-viżi u d-dispożizzjonijiet fuq il-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-passaporti u tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar għandhom l-istess għan, jiġifieri l-kontroll fuq il-fruntieri esterni. Għaldaqstant jiena ta’ l-opinjoni li l-Kunsill tratta sitwazzjonijiet simili b’mod disugwali.
124. Għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-prassi tal-Kunsill li ppermettiet li r-Renju Unit jikkoopera fl-adozzjoni ta’ atti speċifiċi abbażi tat-Titolu IV KE jew abbażi ta’ l-Acquis ta’ Schengen kienet korretta, madankollu din m’għandhiex valur legali ta’ preċedent u ma tistax isservi bħala bażi sabiex ir-Renju Unit jingħata dritt ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen. Skond ġurisprudenza stabbilita tipprovdi li “sempliċi prassi tal-Kunsill ma tiswiex sabiex tidderoga minn regoli tat-Trattat KE u għaldaqstant ma tistax toħloq preċedent li jorbot l-istituzzjonijiet tal-Komunità fir-rigward tal-bażi legali korretta.”(91)
G – L-allegat trattament disugwali taċ-ċittadini Irlandiżi u Brittanniċi fuq il-fruntieri esterni
125. Il-fatt li r-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex marbutin joħorġu passaporti konformi ma’ l-istandards minimi ta’ sigurtà ma jfissirx li ċ-ċittadini tagħhom jiġu diskriminati minħabba eventwali trattament differenti fuq il-fruntieri esterni. L-obbligu ta’ l-Istati Schengen li joħorġu passaporti skond l-istandards minimi ta’ sigurtà jirriżulta mill-parteċipazzjoni fl-Acquis ta’ Schengen, li fih ir-Renju Unit ma jikkooperax. Għaldaqstant, ir-Renju Unit ma jinsabx fl-istess pożizzjoni ta’ l-Istati Schengen l-oħra bħan-Norveġja, l-Iżlanda u l-Iżvizzera. Għal din ir-raġuni, il-fatt li l-passaporti Brittanniċi u Irlandiżi jistgħu jkunu differenti, mill-aspett ta’ l-istandards minimi ta’ sigurtà, minn dawk ta’ l-Istati Schengen, ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni fil-konfronti tad-detenturi ta’ passaporti Brittanniċi jew Irlandiżi(92).
126. Nixtieq ukoll niġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li r-Regolament Nru 2252/2004 jista’ jippreżenta xi problema mill-aspett tad-drittijiet fundamentali, fuq kollox f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali(93) u fir-rigward ta’ l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea(94), kif osservat b’mod partikolari mid-duttrina Ġermaniża(95). Madankollu r-Renju Unit ma kkontestax ir-Regolament preżenti minħabba l-ksur tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni ta’ l-informazzjoni personali.
127. Min dak li ġie espost iktar ’il fuq, jirriżulta li r-rikors tar-Renju Unit huwa infondat.
H – Fuq l-ispejjeż
128. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill.
129. Skond l-Artikolu 69(4), l-ewwel paragrafu, tar-Regoli ta’ Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
VI – Konklużjonijiet
130. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi li:
1. Ir-rikors huwa miċħud.
2. Ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż.
3. Il-partijiet intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
1 – Lingwa tal-kawża: Is-Sloven.
2 – ĠU L 385, p. 1.
3 – ĠU L 349, p. 1.
4 – Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u [ta’ l]-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispo[ż]izzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, p. 43).
5 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C-105/03, Ġabra p. I-5285, punt 42).
6 – Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/436/KE ta’ l-20 ta’ Mejju 1999, li tiddetermina, b’konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat li jistabbilxxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-Acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, p. 17).
7 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba ta’ l-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, p. 20).
8 ‑ ĠU, L 176, p. 31
9 – Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE ta’ l-20 ta’ Mejju 1999 dwar id-definizzjoni ta’ l-Acquis ta’ Schengen sabiex jiġi determinat, b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-Acquis (ĠU L 176, p.1).
10 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 334/2002, tat-18 ta’ Frar 2002, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viżi (ĠU L 53, p. 7).
11 – Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2004/573/KE tad-29 ta’ April 2004, dwar l-organizzazzjoni ta’ titjiriet konġunti għat-tneħħija mit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġetti ta’ ordnijiet individwali ta’ tneħħija (ĠU L 261, p. 5).
12 – Direttiva tal-Kunsill Nru 2001/40/KE, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 149, p. 34).
13 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE tat-23 ta’ Frar 2004, li tistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti prattiċi għall-kumpens ta’ l-iżbilanċi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar it-tkeċċija ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz (ĠU L 60, p. 55).
14 – Thym, Daniel, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, Baden-Baden, 2004, p. 79. Skond l-awtur, huwa l-każ ta’ fażi ġdida ta’ l-integrazzjoni wara r-realizzazzjoni tas-suq intern u ta’ l-Unjoni Monetarja.
15 – Jeħtieġ li jiġi rilevat li, fid-dawl tal-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, it-Trattat ta’ Amsterdam immodifika t-Titolu VI UE u żied it-Titolu IV KE l-ġdid.
16 – Bribosia, Hérvé, Différenciation et avant-gardes au sein de l’Union européenne, Bilan et perspectives du Traité d’Amsterdam, Cahiers de droit européen, nru 1-2/2000, p. 57(88). Għal dak li jirrigwarda t-tifsira ta’ kooperazzjoni msaħħa, nixtieq insemmi wkoll id-diskors magħmul mill-ex-President tal-Kummissjoni Ewropea Jacques Delors quddiem is-Senat tar-Renju tal-Belġju f’Marzu 2007, u li taqsira minnu ġie ppublikat fl-Agence Europe nru 9407 tas-17 ta’ April 2007.
17 – Thym, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, p. 83. L-awtur jirreferi wkoll għall-Artikolu 43, punt (i), UE, li jipprevedi li l-kooperazzjoni msaħħa proposta ma tippreġudikax id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-integrazzjoni ta’ l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea.
18 – Boer den, Monica, Not Merely a Matter of Moving House: Police Co-operation from Schengen to the TEU, Maastricht Journal of European and Comparative Law, 7(2000), p. 336(337); Bender, Tobias, Die verstärkte Zusammenarbeit nach Nizza, ZaöRV 2001, p. 730(743); Gautier, Marie, Accords de Schengen, vnos 2630 enciklopedije JurisClasseur Europe Traité, punt 38; Thym, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, p. 82. Dan l-aħħar awtur isostni li l-Protokoll ta’ Schengen japplika għall-ewwel u t-tielet pilastru, u għal din ir-raġuni ġie adottat bħala anness għat-Trattat UE u għat-Trattat KE.
19 – Fis-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-503/03, Ġabra p. I-1097, punt 34), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “d-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen huma applikabbli biss jekk u sakemm dawn huma kompatibbli mad-dritt ta’ l-Unjoni u tal-Komunità”. L-Artikolu 1 tal-Protokoll ta’ Schengen jispeċifika li “l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam ta’ l-Acquis ta’ Schengen għandha titmexxa fi ħdan il-qafas istituzzjonali u legali ta’ l-Unjoni u billi jiġu osservati t-Trattati. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju li joħroġ mill-Artikolu 43(1) UE, li jsostni li l-kooperazzjoni msaħħa għandha tirrispetta l-imsemmija Trattati u l-qafas istituzzjonali ta’ l-Unjoni kif ukoll tad-dritt tal-Komunità.”
20 – Bender, Die verstärkte Zusammenarbeit nach Nizza, p. 730, 731 u 767.
21 – Jacqué, Jean – Paul, Droit institutionnel de l’Union européenne, 3 ed. Pariġi, 2004, p. 161, isostni li l-kooperazzjoni msaħħa toħroġ mill-kunsiderazzjoni li ssostni li huwa impossibbli li l-Istati Membri jipproċedu bl-istess ritmu fuq it-triq ta’ l-integrazzjoni.
22 Blanke, Titlu VII, Bestimmungen über eine Verstärkte Zusammenarbeit, f’Grabitz vs Hilf, punt 1.
23 – B’referenza għall-Artikolu 134 CAA, id-duttrina tfakkar li, diġà mill-bidu ta’ l-Acquis ta’ Schengen, dan ta’ l-aħħar fil-verità ma kienx f’kuntradizzjoni mad-dritt Komunitarju (Van Simaeys, Benoit, Carlier, Jean-Yves, Le nouvel espace de liberté, de sécurité et de justice, v Lejeune, Yves (ed.): Le traité d’Amsterdam, Espoirs et déceptions, Brussel, 1999, p. 250).
24 – Blanke, Titel VII, Bestimmungen über eine Verstärkte Zusammenarbeit, f’Grabitz vs Hilf, punt 9, Gautier, Accords de Schengen, punti 1 u 2. Wasalna għal żvilupp barra mit-trattat istituttiv minħabba li l-Komunità, għalkemm kompetenti fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni, kien għadu ma kienx kompetenti biex jirregola l-pożizzjoni ġuridika taċ-ċittadini ta’ l-Istati terzi.
25 – Gautier, Accords de Schengen, punt 3. Skond l-awtriċi, it-Trattat ta’ Amsterdam integra fil-qafas istituzzjonali ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Acquis li ħareġ fuq il-bażi tal-Ftehim ta’ Schengen.
26 – Replika fil-kawża C-137/05, punt 72.
27 – Fil-verżjoni Ingliża ta’ dan il-Protokoll intużat l-espressjoni “Proposals and initiatives to build upon the Schengen Acquis”, f’dik Franċiża “Les propositions et initiatives fondés sur l’Acquis de Schengen”, bil-Ġermaniż “Vorschläge und Initiativen auf der Grundlage des Schengen-Besitzstands”, bit-Taljan “Le proposte e le iniziative che si baseranno sull’Acquis di Schengen”, bl-Ispanjol “Las propuestas e iniciativas para desarrollar el acervo de Schengen”.
28 – ĠU L 187, p. 45
29 – Fil-verżjoni bl-Isloven “Ta direktiva pomeni nadaljnji razvoj schengenskega pravnega reda […]”, f’dik bl-Ingliż “This Directive builds on the Schengen Acquis […]”, bil-Franċiż “La présente directive constitue un développement de l’Acquis de Schengen […]”, bil-Ġermaniż “Diese Richtlinie stellt eine Weiterentwicklung des Schengen-Besitzstands […]”, bit-Taljan “Il presente strumento rappresenta uno sviluppo dell’Acquis di Schengen […]” u bl-Ispanjol “La presente Directiva constituye un desarrollo del acervo de Schengen […]”.
30 – ĠU L 64, p. 1.
31 – Fil-verżjoni bl-Isloven “Ta uredba je akt, ki temelji na schengenskem pravnem redu […]”, bl-Ingliż “This Regulation constitutes an act building on the Schengen Acquis[…]”, bil-Franċiż “Le présent règlement constitue un acte fondé sur l’Acquis de Schengen […]”, bil-Ġermaniż “Diese Verordnung stellt einen auf dem Schengen-Besitzstand aufbauenden […] Rechtsakt […]”, bit-Taljan “Il presente regolamento costituisce un atto basato sull’Acquis di Schengen […]”, bl-Ispanjol “El presente Reglamento constituye un acto que desarrolla el acervo de Schengen […]”.
32 – ĠU L 83, p. 48.
33 – Fil-verżjoni bl-Ingliż “[…]to the extent that its measures develop provisions of the Schengen Acquis against the organisation of illegal immigration[…]”, bil-Franċiż “[…]pour autant que ses mesures développent les dispositions de l’Acquis de Schengen afin de lutter contre l’organisation de l’immigration illégale[…]”, bil-Ġermaniż “[…]deren Maßnahmen eine Weiterentwicklung des Schengen-Besitzstands zur Bekämpfung der illegalen Einwanderung darstellen[…]”, bit-Taljan “[…]nella misura in cui le sue misure sviluppano le disposizioni dell’Acquis di Schengen volte a combattere l’organizzazione di immigrazione illegale[…]”, bl-Ispanjol “[…]en la medida en que desarrolla las disposiciones del acervo de Schengen en materia de lucha contra la organización de la inmigración ilegal[…]”.
34 – Hawnhekk nixtieq infakkar is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et. (C-296/95, Ġabra p. I-1605, punt 36), fejn relattivament għad-differenza bejn il-verżjoni Daniża u dik Griega tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, iċ-ċaqliq u mmonitjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU L 76, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/108/KEE ta’ l-14 ta’ Diċembru 1992 (ĠU L 390, p. 124) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “fejn jiġu ttraskurati ż-żewġ verżjonijiet lingwistiċi, kif jipproponu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tinħoloq kontradizzjoni mal-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssostni li, minħabba n-neċessità li r-regolamenti Komunitarji jiġu interpretati b’mod uniformi, fil-każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat waħdu, iżda għandu jiġi interpretat u applikat fid-dawl tat-testi redatti fil-lingwi l-uffiċċjali l-oħra (...). Fl-aħħar, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha għandu jiġi rikonoxxut, bħala prinċipju, l-istess valur, li ma jistax ivarja f’relazzjoni man-numru taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri fejn tintuża ċerta lingwa.”
35 – Sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (C-30/77, Ġabra p. 1999, punt 14) u tas- 7 ta’ Diċembru 1995, Rockfon (C-449/93, Ġabra p. I-4291, punt 28). Il-kawża Rockfon kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE tas-17 ta’ Frar 1975 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri fil-qasam ta’ liċenzjamenti kollettivi (ĠU L 48, p. 29). Kienet teħtieġ l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “stabbiliment” kontenut f’dan l-Artikolu, “establishment” kontenuta fil-verżjoni Ingliża, “établissement” f’dik Franċiża u “obrat” f’dik Slovena. Wara eżami tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “f’konfront tat-termini (eżaminati), jidher ċar li hemm varjazzjonijiet ta’ sinjifikat: dawn it-termini, fil-fatt jikkorrispondu, skond il-każijiet, għall-kunċetti ta’ stabbiliment, impriża, ċentru tax-xogħol, unità lokali jew post tax-xogħol” (punt 27).
36 – Michel, Valérie, Actes annexés au traité, paragrafu 150 ta’ l-enċiklopedija JurisClasseur Europe Traité, punt 3.
37 – Skond id-duttrina Ġermaniża, id-dritt Komunitarju ma fihx tifsira ta’ protokoll imsemmija fl-Artikolu 311 KE (Weber, v von den Groeben vs Schwarze, Art. 311, punt 1).
38 – Michel, Actes annexés au traité, punt 36. Skond l-awtriċi, il-protokolli għandhom eżattament l-istess valur legali tat-trattati istituttivi.
39 – Sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 2005, Miraglia (C-469/03Ġabra p. I-2009).
40 – Weber, f’von den Groeben/Schwarze, Art. 311, punt 2
41 – Lenaerts, Koen, Van Nuffel Piet, Bray Robert, Constitutional Law of the European Union, 2 ed., Londra, 2005, p. 710; Blumann, Claude, Dubois, Louis, Droit institutionnel de l’Union européenne, 2 ed., Pariġi, 2005, p. 394.
42 – Weber, f’von den Groeben vs Schwarze, Art. 311, punt 3; Michel, Actes annexés au traité, punt 42. Fis-sentenza tat-30 ta’ April 1996, L-Olanda vs Il-Kunsill (, C-58/94, Ġabra p. 2169), fejn l-Olanda talbet, fost l-oħrajn, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill 93/731/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar l-aċċess mill-pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill (ĠU L 340, p. 43), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet referenza għad-dikjarazzjoni nru 17 dwar id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni, annessa ma’ l-att finali tal-konferenza tal-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri li addottaw it-Trattat UE.
43 – Michel, Actes annexés au traité, punt 37.
44 – Thym, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, p. 222, ifakkar opinjoni dottrinali oħra, li ssostni li jekk att leġiżlattiv fil-qasam tal-kooperazzjoni msaħħa mhux validu fil-konfronti ta’ Stat Membru, dan ta’ l-aħħar jista’ jikkontestah biss fil-każ li jkun ġie maqbuż il-kuntest leġiżlattiv tal-kooperazzjoni msaħħa, minħabba li l-att tad-dritt sekondarju ġie addottat ultra vires, u jiġifieri fil-każ fejn ġew miksura d-drittijiet, l-obbligi jew il-kompetenzi ta’ l-Istati Membri li ma jiħdux sehem fil-kooperazzjoni msaħħa. Din it-teżi ma tistax tiġi kondiviża, minħabba li tmur kontra l-kontenut litterali ċar ta’ l-Artikolu 230 KE.
45 – Thym, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, p. 103; Gautier, Accords de Schengen, punt 39. Dawn l-awturi josservaw li r-Renju tad-Danimarka ma jaċċettax il-fatt li l-Acquis ta’ Schengen kollu jsir parti mid-dritt Komunitarju, meta jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi ta’ dan ta’ l-aħħar. B’konsegwenza. huwa ma jaqbilx mal-metodu sovranazzjonali ta’ l-ewwel pilastru u jippreferi l-metodu intergovernattiv tat-tielet pilastru.
46 – Jacqué, Droit institutionnel de l’Union européenne, p. 163.
47 – Gautier, Accords de Schengen, punt 36.
48 – Gautier, Accords de Schengen, punt 36. Fi kliem ieħor, l-għaxar Stati ġodda li fl-2004 qablu, jikkooperaw fl-Acquis ta’ Schengen mill-ġurnata ta’ adeżjoni, minħabba li din tirrapreżenta parti mill-Acquis communautaire, li huma kellhom jilqgħu. Ara bl-istess mod, l-Artikolu 3(1) ta’ l-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Lettonja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika ta’ l-Islovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-addattamenti tat-trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea.
49 – Hekk huwa stabbilit mill-Artikolu 3(2) l-ewwel paragrafu, ta’ l-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Lettonja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika ta’ l-Islovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-addattament tat-trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea.
50 Mariani, T., Rapport d’information déposé par la Délégation de l’Assemblée nationale pour l’Union européenne, sur la politique européenne des visas (dokumenti E 2811, E 3023, E 3159 u E 3208), Pariġi, 2007, p. 20.
51 – Van Simaeys, Benoit, Carlier, Jean-Yves, Le nouvel espace de liberté, de sécurité et de justice, p. 258. L-Unjoni Nordika tal-passaporti hija federazzjoni tal-Pajjiżi Nordiċi għall-qsim tal-fruntieri komuni mingħajr passaporti.
52 – Gautier, Accords de Schengen, punt 31, li jagħmel ukoll referenza għall-Protokoll dwar l-applikazzjoni ta’ xi aspetti ta’ l-Artikolu 14 tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, li jistabbilixxi li r-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jżommu l-kontrolli fuq il-persuni li jaqsmu l-fruntieri.
53 – Gautier, Accords de Schengen, punti 30 u 32.
54 – Artikolu 1 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV.
55 – Artikolu 2 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV. Abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Amsterdam, ir-Renju Unit huwa f’pożizzjoni li permezz tagħha mhux biss jikkoopera fl-Acquis ta’ Schengen, iżda għandu wkoll id-dritt ta’ opt-out b’referenza għall-qasam kollu tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja (Thym, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, p. 90).
56 – Thym, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, p. 82, jiċċara li l-kontenut ta’ l-Acquis ta’ Schengen mhux limitat biss għall-eliminazzjoni tal-fruntieri interni u għar-regolamentazzjoni komuni tal-fruntieri esterni, iżda jinkludi wkoll il-miżuri kompensattivi fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija, tal-politika tal-viżi, ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tas-SIS u tan-netwerk Sirene, li fihom informazzjoni relattivi ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Parti oħra tad-duttrini tirrimarka li f’oqsma determinati, il-miżuri kompensattivi jirrappreżentaw fenomenu akbar, li dawn jirrigwardaw l-Unjoni fl-intier tagħha u li għalhekk ma jirreferux biss għall-Acquis ta’ Schengen (Gautier, Accords de Schengen, punt 84, li f’dan is-sens jirreferi per eżempju għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ l-Istati Membri).
57 – Gautier, Accords de Schengen, punt 32.
58 – L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2000/365 jelenka d-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen li japplikaw għar-Renju Unit. Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/926/KE tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar id-dħul b’effett ta’ partijiet ta’ l- Acquis ta’ Schengen mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
59 – Thym, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, p. 96.
60 – Thym, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, p. 96. L-awtur javża li b’raġuni ta’ l-ispeċjalità tal-Protokoll ta’ Schengen, garantita mill-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV, id-divjet ta’ ostruzzjoniżmu, li japplika bħala regola fl-oqsma l-oħra tal-kooperazzjoni ġuridika fil-qasam ta’ libertà, sigurtà u tad-drittijiet, ma japplikax għall-Acquis ta’ Schengen.
61 – Thym, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, p. 97. L-awtur jirreferi wkoll għat-teżi li tipprova testendi r-rekwiżit tal-kunsens ta’ l-Istati Schengen, imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen, għall-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll. Dan ifisser, f’analiżi aħħarija, li l-Artikoli 4 u 5 għandhom kuntesti applikattivi separati, b’konformità mat-teorija ta’ indipendenza.
62 – Thym, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, p. 98.
63 – Schauer, Martin, Schengen – Maastricht – Amsterdam, Auf dem Weg zu einer flexiblen Union, Dunaj, 2000, p. 215. L-awtur ta’ l-istudju ċċitat jibbaża fuq kunsiderazzjoni li ssostni li l-Artikolu 5 jirrappreżenta lex specialis fir-rigward ta’ l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen.
64 – Dougan Michael, Union Competences, f’Arnull Anthony, Dashwood Alan, Dougan Michael, Ross Malcolm, Spaventa Eleanor, Wyatt Derrick, Wyatt and Dashwood’s European Union Law, 5 ed. Londra, 2006, p. 115. L-awtur jaffronta l-kwistjoni tal-pożizzjoni tar-Renju Unit fil-kuntest ta’ l-Acquis ta’ Schegen bħala parti mill-prinċipju organizzattiv ta’ flessibiltà (flexibility) l-ġdid ta’ l-Unjoni. Fil-Protokoll ta’ Schengen huwa jara fenomenu ta’ flessibiltà primarja, minħabba li din hija flessibbiltà regolata mit-trattati istituttivi.
65 – Thym, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, p. 98.
66 – Fir-rigward tal-prinċipju ta’ l-effet utile fl-interpretazzjoni tat-trattati internazzjonali, fid-duttrina hija sostnuta t-teżi li tgħid li dan il-prinċipju huwa strettament kollegat ma’ l-interpretazzjoni teleoloġika tat-trattat internazzjonali li tittratta (Stein Torstenm, von Buttlar Christian, Völkerrecht, 11. ed. Kompletament rielaborata, Kolonja, 2005, p. 28).
67 – Thym, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, p. 98. L-awtur jirrimarka, li b’dan il-mod id-dikjarazzjoni unilaterali ta’ volontà fuq il-bażi ta’ apprezzament diskrezzjonali ta’ l-opportunità tal-kooperazzjoni, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen, ma jkollux tifsira kbira għall-iżvilupp ta’ miżuri jew kuntesti li mhumiex suxxettibbli għall-applikazzjoni b’mod awtonomu.
68 – Il-parti li tindividwa l-bażi legali tad-Deċiżjoni 2000/365 hija fformulata fil-kliem li ġejjin: “wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tal-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, (minn issa msejjaħ il-‘Protokoll ta’ Schengen’) (...)”
69 – Opermann, Thomas, Europarecht, München, 2005, p. 504.
70 – Fl-2006 ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1). Is-sebgħa u għoxrin ‘premessa’ ta’ dan ir-regolament jipprovdi b’mod ċar li “Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux parti, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen. Ir-Renju Unit għaldaqstant mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu”. Skond l-Artikolu 1 tiegħu dan ir-Regolament għandu bħala oġġett żewġ aspetti ekwivalenti, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-prinċipju ta’ l-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, u, fit-tieni lok, ir-regoli li jirregolaw il-kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-imsemmija Istati Membri.
71 – Graßhof, Malte, Melderecht, Reisepassrecht, Namensrecht, Staatsangehörigkeits- und Einbürgerungsrecht, v Bergmann, Jan in Kenntner, Markus (ur.), Deutsches Verwaltungsrecht unter europäischem Einfluss, Stuttgart, 2002, p. 301, 307 u 310, isostni li l-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar huwa mezzi ta’ kontroll għall-verifika ta’ l-identità u taċ-ċittadinanza tal-persuni.
72 – Graßhof, Melderecht, Reisepassrecht, Namensrecht, Staatsangehörigkeits- und Einbürgerungsrecht, p. 309.
73 – Opermann, Europarecht, p. 505; Harms, Karsten, Ausländerrecht, v Bergmann, Kenntner, Deutsches Verwaltungsrecht unter europäischem Einfluss, p. 166, jiġbed l-attenzjoni fuq l-Artikolu 61(a) KE, li jipprovdi li fi żmien ħames snin mid-data ta’ dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, il-Kunsill jadotta miżuri intiżi biex jiżguraw iċ-ċirkolazzjoni libera tal-persuni (…) flimkien mal-miżuri ta’ akkumpanjament kollegati direttament, fil-qasam ta’ kontrolli fuq il-fruntieri esterni, asil u immigrazzjoni.
74 – Biex jiġi stabbilit ma’ liema parti ta’ l-ordinament ġuridiku jappartjeni r-Regolament Nru 2252/2004, nistgħu niċċitaw bħala eżempju l-Artikolu 1 punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati ma’ l-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, p. 31). Dan l-Artikolu jipprovdi li huma parti mill-Acquis ta’ Schengen id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-“(t)al-qsim minn persuni tal-fruntieri esterni ta’ dawk l-Istati li jkunu ddeċidew li jabolixxu l-verifiki fil-fruntieri interni tagħhom, inklużi r-regoli u l-arranġamenti li magħhom dawk l-Istati għandhom jikkonformaw meta jwettqu verifiki fuq persuni fil-fruntieri esterni, sorveljanza ta’ l-area tal-fruntieri u koperazzjoni mas-servizzi responsabbli għall-kontroll tal-fruntiera.”
75 – B’mod simili, anke t-tieni ‘premessa’ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba ta’ l-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, p. 20) tafferma li “l-Acquis ta’ Schengen ġie maħluq u jiffunzjona bħala kombinazzjoni koerenti li jrid jiġi aċċettat totalment u applikat mill-Istati kollha li jappoġġjaw il-prinċipju ta’ l-abolizzjoni ta’ spezzjonijiet fuq persuni fil-limiti tal-pajjiż komuni tagħhom.”
76 – Kolb Robert, La maxime “qui habet commoda, ferre debet onera et contra” (celui qui jouit des avantages doit supporter aussi les charges et vice versa) en droit international public, Revue Belge de Droit International, 2004, p. 12(23).
77 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1973, Il-Kummissjoni vs L-Italja (39/72, Ġabra p. 101, punti 21 u 24).
78 – de Kerchove d’Ousselghem, Gilles, Un espace de liberté, de sécurité et de justice aux dimensions incertaines. Quelques réflexions sur le recours aux coopérations renforcées en matière de justice et d’affaires intérieures, f’Lejeune, Yves (editur): Le traité d’Amsterdam, Espoirs et déceptions, Brussel, 1999, p. 290. L-awtur jirrimarka li r-riċerka ta’ koerenza akbar (cohérence) fil-kooperazzjoni Schengen kienet l-ewwel raġuni ta’ l-integrazzjoni ta’ l-Acquis ta’ Schengen fil-kuntest ta’ l-Unjoni Ewropea.
79 – ĠU L 161, p. 11.
80 – Fid-duttrina tiġi sostnuta t-teżi li tgħid li l-atti li jbiddlu l-Acquis ta’ Schengen eżistenti jikkostitwixxu mingħajr dubju parti ta’ l-iżvilupp ta’ l-Acquis innifsu. Meta, minflok, ikun il-każ ta’ miżuri li ma jbiddlux l-Acquis ta’ Schengen eżistenti, is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti (Bracke, Niels, Flexibility, Justice Cooperation and the Treaty of Amsterdam, f’Marinho, Clotilde, Asylum, Immigration and Schengen Post-Amsterdam, Maastricht, 2001, p. 65).
81 – Sentenzi ta’ l-4 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, (C-269/97, Ġabra p. I-2257, punt 43); tat-30 ta’ Jannar 2001, Spanja vs Il-Kunsill, (C-36/98, Ġabra p. I-779, punt 58), u tas-6 ta’ Diċembru 2005, kawżi magħquda ABNA (C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, Ġabra p. I-10423, punt 54).
82 – Sentenza ABNA (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punt 68).
83 – Sentenza ABNA (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punt 69).
84 – Din il-preżunzjoni tiġi stabbilita fil-frażi li ġejja: “ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq ikunu meqjusa revokabilment li nnotifikaw il-President tal-Kunsill taħt l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen li tixtieq tipparteċipa fil-proposti kollha u inizjattivi li jsaħħu l-Acquis ta’ Schengen imsemmi fl-Artikolu 1.”
85 – Għandu jiġi rilevat li l-iċċitata ‘premessa’ ssemmi wkoll il-fatt li ġie applikat l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV, minħabba li huwa l-każ ta’ miżura bbażata fuq it-Titolu IV KE
86 – Thym, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, p. 98, javża li f’dawn l-atti, minħabba l-formulazzjoni tad-dikjarazzjonijiet rigwardanti n-Norveġja u l-Iżlanda, jirriżulta b’ċertezza li huwa l-każ ta’ żvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen. Għaldaqstant mhix ċara r-raġuni għaliex dawn jirreferu għall-Protokoll dwar it-Titolu IV.
87 – Thym, Ungleichzeitigkeit und europäisches Verfassungsrecht, p. 98.
88 – L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2002/463 jelenka t-tipi li ġejjin ta’ azzjonijiet: azzjonijiet ta’ taħriġ, bdil ta’ ħaddiema bejn l-aġenziji, azzjonijiet li jippromovu, minn naħa, it-trattament kompjuterizzat tal-fajls u tal-proċeduri, inkluż l-użu ta’ teknika l-aktar reċenti għat-tibdil ta’ data elettronika, evalwazzjoni ta’ l-impatt tar-regoli u proċeduri komuni bbażati fuq l-Artikoli 62 KE u 63 KE, azzjonijiet intiżi sabiex jippromovu l-iżvilupp ta’ l-aħjar prassi bil-ħsieb li jitjiebu l-metodi tax-xogħol u ta’ l-apparat, jiġu simplifikati l-proċeduri u jiqsaru t-termini perentorji, attivitajiet operazzjonali li jistgħu jinkludu t-twaqqif ta’ ċentri ta’ ħidma komuni u ta’ skwadri komuni, studji, riċerka, konferenzi, u seminars, mekkaniżmi għal konsultazzjoni u assoċjazzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet governattivi u non-governattivi nazzjonali u internazzjonali, l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri f’pajjiżi terzi, missjonijiet għat-tfittxija ta’ informazzjoni fil-pajjiżi ta’ l-oriġini u ta’ tranżitu u l-ġlieda kontra frodi dokumentali.
89 – Regolament tal-Kunsill Nru 334/02 tat-18 ta’ Frar 2002 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viżi (ĠU L 534, p. 7).
90 – Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1638/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jwaqqaf mudell uniformi għall-viżi (ĠU L 164, p. 1).
91 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Novembru 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-414/04, Ġabra p. I-0000, punt 37). F’din is-sentenza ġiet iċċarata n-nullità tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri ta’ l-enerġija elettrika (ĠU L 176, p. 1).
92 – Il-Kunsill osserva, fil-kontroreplika tiegħu fil-kawża C-137/05, li l-kontroll ta’ l-identità taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri fil-qsim ta’ fruntiera esterna jsir fuq il-bażi tal-preżentazzjoni ta’ dokument ta’ l-ivvjaġġar, bil-mod li l-kontroll fuq iċ-ċittadini ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit ser ikun identiku għal dak li jsir fil-każ fejn ikun hemm ċittadini ta’ Stati Membri oħra, anke jekk id-dokumenti Irlandiżi u Brittanniċi ma jippreżentawx l-istess karatteristiċi ta’ sigurtà.
93 – Dan l-Artikolu jirregola “d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja” u jipprovdi: “1. Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.
2. Ma għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.”
94 – L-Artikolu 8(1) ta’ dan id-dokument jipprovdi dan li ġej: “Kull individwu għandu d-dritt għall-protezzjoni ta’ l-informazzjoni ta’ karattru personali li jirrigwardawh.”
95 – Roßnagel, Alexander, Hornung, Gerrit, Reisepässe mit elektronischem Gesichtsbild und Fingerabdruck: die EG-Verordnung 2252/2004 über Normen für Sicherheitsmerkmale und biometrische Daten in von den Mitgliedstaaten ausgestellten Pässen und Reisedokumenten, Die öffentliche Verwaltung, 58 (2005), p. 983 (896 u 897). F’dan il-punt nerila še na to, da teorija ob sklicevanju na sodno prakso Evropskega sodišča za človekove pravice v zadevi Leander proti Švedski (Series A, no. 116, paragrafu 48) meni, da shranjevanje (la mémorisation) in sporočanje (la communication) osebnih podatkov pomenita poseg v pravico do spoštovanja zasebnega življenja na podlagi člena 8(1) Konvencije o varstvu človekovih pravic in temeljnih svoboščin (Sudre, Frédéric, Droit européen et international des droits de l’homme, 8. predelana in razširjena izdaja, Pariġi, 2006, p. 439).
Full & Egal Universal Law Academy