KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2007 1(1)
Kawża C‑152/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ sussidju ta’ l-akkomodazzjoni għall-kostruzzjoni jew l-akkwist ta’ dar – Esklużjoni ta’ persuni mhux residenti li huma suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul –Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE – Ġustifikazzjoni”
1. Dan ir-rikors dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu jwassalna biex neżaminaw jekk liġi Ġermaniża dwar is-sussidju fuq il-proprjetà immobbli tikkostitwixxix ostaklu għall-moviment liberu tal-persuni, il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà ta’ stabbiliment, inkwantu din tissuġġetta l-għoti ta’ dan is-sussidju għall-kundizzjoni li l-proprjetà ssussidjata tkun tinsab fit-territorju Ġermaniż.
2. Barra minn hekk, tqum ukoll il-kwistjoni jekk il-ħtieġa li jiġi żgurat ammont suffiċjenti ta’ djar fil-Ġermanja tistax titqies bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u jekk il-miżura in kwistjoni tistax tiġi ġġustifikata minn dik ir-raġuni.
3. Wara li nispjega li l-Artikolu 18 KE mhuwiex applikabbli għas-sitwazzjonijiet in kwistjoni f’din il-kawża, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 39 KE u 43 KE.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
4. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht, permezz ta’ l-Artikolu 18 KE, kull ċittadin ta’ l-Unjoni ngħata d-dritt li jiċċaqlaq u joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri.
5. Skond ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 18 KE huwa espress b’mod speċifiku fl-Artikolu 39 KE, għal dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema, u fl-Artikolu 43 KE, fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment(2).
6. Skond l-Artikolu 39 KE, il-ħaddiema għandhom id-dritt ta’ moviment liberu fi ħdan il-Komunità. Skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-moviment liberu “jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol”.
7. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-“kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol” iħaddnu firxa wiesgħa ta’ vantaġġi li, anki jekk ma jkunux marbuta direttament max-xogħol, jingħataw lill-persuni li jkollhom l-istatus ta’ ħaddiema(3). Fil-kuntest ta’ dawn il-vantaġġi li mhumiex marbuta direttament max-xogħol, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, b’mod ġenerali, li kull restrizzjoni li ssir mhux biss għad-dritt ta’ aċċess għall-akkomodazzjoni, iżda wkoll għad-diversi faċilitajiet mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali biex jittaffa l-piż finanzjarju, għandha titqies bħala ostaklu għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali (4).
8. Bl-istess mod, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 43 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
B – Id-dritt nazzjonali
9. Fil-Ġermanja, skond l-Artikolu 1 tal-liġi Ġermania dwar is-sussidji fuq il-proprjetà immobbli (Eigenheimzulagengesetz)(5), il-persuni li huma suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, fis-sens tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz)(6), għandhom id-dritt li jibbenefikaw minn sussidju fuq il-proprjetà immobbli għall-akkwist jew il-bini ta’ djar.
10. Skond l-Artikolu 1 ta’ l-EStG, huma meqjusa bħala suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul:
– il-persuni li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja,
– iċ-ċittadini Ġermaniżi li, għalkemm m’għandhomx id-domiċilju jew ir-residenza abitali tagħhom fil-Ġermanja, jaħdmu għal persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku,
– fuq talba tagħhom, il-persuni li, għalkemm m’għandhomx id-domiċilju jew ir-residenza abitali tagħhom fil-Ġermanja, għandhom dħul nazzjonali li ta’ mill-inqas 90 % minnu huwa suġġett għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, jew li d-dħul tagħhom li mhuwiex suġġett għat-taxxa Ġermaniża ma jaqbiżx is-6 136 euro għal kull sena kalendarja.
11. Sabiex tibbenefika mis-sussidju fuq il-proprjetà immobbli, il-proprjetà ssussidjata trid tkun tinsab fit-territorju Ġermaniż u għandha tintuża għal finijiet ta’ abitazzjoni personali. L-okkupazzjoni tal-proprjetà ssussidjata, b’titolu gratwit, minn membru tal-familja titqies bħala użu għal finijiet ta’ abitazzjoni personali.
12. Skond l-Artikolu 2 tal-liġi dwar is-sussidju fuq il-proprjetà immobbli, il-proprjetajiet immobbli li jintużaw bħala post ta’ villeġġatura jew ta’ residenza sekondarja ma jagħtux dritt għal dan is-sussidju.
II – Il-proċedura prekontenzjuza
13. Fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha ta’ l-4 ta’¯ April 2000, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għarrfet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar id-dubji tagħha fir-rigward tal-kumpatibbiltà tal-liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli mad-dritt Komunitarju. Il-Kummissjoni kkunsidrat, effettivament, li l-kundizzjoni li l-proprjetà sussidjata trid tkun tinsab fit-territorju Ġermaniż tmur kontra l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE, peress li persuna li hija għal kollox suġġetta għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul u domiċiljata f’pajjiż barrani ma tistax tibbenefika mis-sussidju għall-akkwist ta’ proprjetà f’pajjiż barrani.
14. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-ittra tagħha ta’ risposta datata t-30 ta’ Mejju 2000, ikkontestat l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni. Hija sostniet li l-liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli m’hijiex diskriminatorja, peress li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ta’ l-Unjoni ukoll setgħu jkunu suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul u b’hekk jibbenefikaw, huma wkoll, mis-sussidju għall-akkwist ta’ proprjetà fit-territorju Ġermaniż.
15. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tal-fehma li l-estensjoni tas-sussidju għal proprjetajiet barra mit-territorju Ġermaniż tmur kontra l-objettiv ta’ dan is-sussidju, li hu li jiġi żgurat li jkun hemm ammont suffiċjenti ta’ djar fil-Ġermanja, fil-kuntest tal-ħtieġa dejjem akbar għal djar.
16. Il-Kummissjoni, li ma kinitx konvinta mir-risposta mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, indirizzat opinjoni motivata lil din ta’ l-aħħar, fis-16 ta’ Diċembru 2003, fejn hija tenniet l-allegazzjonijiet tagħha. Skond il-Kummissjoni, il-liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli jista’ jkollha l-effett li tiskoraġġixxi lill-ħaddiema impjegati jew li jaħdmu għal rashom, li jeżerċitaw l-attività tagħhom fil-Ġermanja, milli jmorru jgħixu fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera.
17. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-objettiv imsemmi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tiġġustifika r-restrizzjoni ta’ l-għoti tas-sussidju m’huwiex validu, peress li, fil-fehma tagħha, is-suq Ġermaniż tad-djar ikun suġġett għal pressjoni inqas kieku l-persuni li jaħdmu fil-Ġermanja jsiru proprjetarji ta’ djar f’pajjiż ieħor.
18. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’ittra tas-17 ta’ Frar 2004, sostniet il-punt tagħha li l-limitazzjoni tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli għal proprjetajiet immobbli li jinsabu fit-territorju Ġermaniż ma tmurx kontra l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE.
19. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kompliet issostni wkoll li l-limitazzjoni li tinsab fil-liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli tindirizza objettiv leġittimu ta’ protezzjoni tas-suq tal-proprjetà immobbli fil-Ġermanja.
20. Il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat li r-risposta mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx tippermettilha tikkonkludi li din ta’ l-aħħar kienet konformi ma’ l-obbligi li jirriżultaw mll-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE, iddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
III – Ir-rikors
21. In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni invokat ilment dwar l-impossibbiltà għal persuna suġġetta għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul u residenti f’pajjiż barrani li tibbenefika mis-sussidju fuq il-proprjetà immobbli għall-akkwist ta’ proprjetà li tkun tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li ma jkunx il-Ġermanja.
22. Fuq il-bażi ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tikkonstata li, billi eskludiet fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli l-proprjetajiet li jinsabu fi Stati Membri oħra mill-benefiċċju tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli mogħti lill-persuni suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE;
– tordna li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tbati l-ispejjeż.
23. Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala infondat u tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
A – Argumenti prinċipali tal-partijiet
24. Il-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar, issostni li l-liġi Ġermaniża, billi tillimita l-għoti tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli għall-proprjetajiet li jinsabu fil-Ġermanja, tisfavorixxi lill-persuni li huma suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul u domiċiljati barra mit-territorju Ġermaniż.
25. Hija ssostni li b’hekk tliet kategoriji ta’ persuni huma esklużi inġustament mill-benefiċċju tas-sussidju. Dawn jikkonsistu fil-persuni ddomiċiljati f’pajjiż barrani li huma impjegati u mħallsa minn persuna ġuridika rregolata mid-dritt Ġermaniż u li huma parzjalment suġġetti għat-taxxa fil-pajjiż tar-residenza tagħhom, il-ħaddiema ta’ mal-fruntiera li ta’ mill-inqas 90 % tad-dħul tagħhom huwa suġġett għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul jew li d-dħul tagħhom mill-pajjiż barrani huwa inqas minn EUR 6 136 għal kull sena kalendarja, u finalment, iċ-ċittadini Ġermaniżi li jaħdmu bħala uffiċjali jew aġenti mal-Komunitajiet Ewropej li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom f’pajjiż barrani.
26. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta dan l-ilment.
27. Hija ssostni, fl-ewwel lok, li r-rikors huwa inammissibbli. Skond hija, il-Kummissjoni estendiet is-suġġett tal-kawża għal ħaddiema ta’ nazzjonalità barranija, minkejja li fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, hija llimitat l-ilment tagħha biss għall-esklużjoni ta’ persuni ta’ nazzjonalità Ġermaniża mill-benefiċċju tas-sussidju. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tibbaża ruħha fuq il-punt 3 ta’ dik l-ittra fejn il-Kummissjoni għamlet referenza għal “persuna taxxabbli Ġermaniża”(7).
28. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li s-sitwazzjonijiet ta’ fatt imsemmija mill-Kummissjoni ma jaqgħux taħt id-dritt Komunitarju, għall-inqas għall-ħaddiema ta’ mal-fruntiera, u li l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Werner(8) huma applikabbli.
29. Hija tirrikonoxxi wkoll li l-Istat ta’ oriġini huwa obbligat jirrispetta l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu. Madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li dan il-prinċipju jgħodd biss għar-restrizzjonijiet li huma tali li jistgħu jillimitaw l-aċċess għall-impjieg. Hija ssostni li effettivament, jirriżulta mis-sentenzi Bosman(9) et Graf (10) li jkun hemm ostakli għall-moviment liberu tal-ħaddiema biss jekk ikun hemm ostaklu għall-aċċess ta’ dawn il-ħaddiema għas-suq tax-xogħol.
30. F’din il-kawża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li s-sussidju fuq il-proprjetà immobbli m’għandu ebda effett fuq l-aċċess tal-ħaddiema għas-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru ieħor.
31. Hija ssostni wkoll li l-liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli ma tiżvantaġġax b’mod aktar partikolari lill-ħaddiema immigranti. Filwaqt li huwa minnu li s-sussidju jingħata biss lill-persuni li huma suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul u li jakkwistaw proprjetà immobbli fit-territorju Ġermaniż, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li ma jistax jiġi implikat li hemm trattament sfavorevoli mis-sempliċi fatt li, naturalment, l-akbar numru ta’ persuni li huma suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul jgħixu fil-Ġermanja.
32. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija tal-fehma li ma teżisti ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità, peress li l-ħaddiema immigranti, li huma suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, għandhom dritt għas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli għal proprjetà li tinsab fil-Ġermanja. Madankollu, kemm fir-rigward ta’ ċittadini Ġermaniżi kif ukoll fir-rigward ta’ ħaddiema immigranti, proprjetà immobbli li tinsab f’pajjiż barrani ma tistax tiġi ssussidjata. B’hekk, skond ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, in-nazzjonalità tal-persuna taxxabbli m’hijiex relevanti, peress li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ l-imsemmi sussidju huma identiċi kemm jekk wieħed ikun ħaddiem immigrant kif ukoll jekk ikun ċittadin Ġermaniż.
33. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssib ksur ta’ l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE, il-limitazzjoni tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.
34. Effettivament, hija ssostni li l-objettiv tas-sussidju hu biex jinkoraġġixxi l-kostruzzjoni ta’ djar fil-Ġermanja. Skond hija, l-estensjoni ta’ l-għoti tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli għal proprjetajiet li jinsabu fi Stat Membru ieħor tmur kontra dan l-objettiv.
35. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li hija biss hija kompetenti biex tiggarantixxi provvista xierqa ta’ djar fit-territorju tagħha, peress li l-politika dwar id-djar taqa’ taħt qasam li m’huwiex armonizzat.
B – Kunsiderazzjonijiet
1. Fuq l-ammissibbiltà
36. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-Kummissjoni, f’dan ir-rikors, estendiet is-suġġett tal-kawża. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-ittra ta’ intimazzjoni fejn il-Kummissjoni tirreferi għas-sitwazzjoni ta’ “persuna taxxabbli Ġermaniża”(11), filwaqt li l-ilment issa ġie estiż għall-esklużjoni ta’ persuni ta’ nazzjonalità barranija mill-benefiċċju tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli.
37. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-iskop li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jikkonforma ma’ l-obbligi tiegħu mnisslin mid-dritt Komunitarju jew li jippreżenta s-sottomissjonijiet tiegħu ta’ difiża kontra l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni(12). B’mod partikolari, l-ittra ta’ intimazzjoni għandha l-iskop, fil-proċedura prekontenzjuża, li tiddefinixxi s-suġġett tat-tilwima u li tindika lill-Istat Membri l-elementi meħtieġa għat-tħejjija tad-difiża tiegħu(13).
38. F’din il-kawża, għalkemm il-Kummissjoni, fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, użat l-espressjoni “persuna taxxabbli Ġermaniża”, madankollu hija kjarament kienet qed tirreferi għall-persuni taxxabbli fil-Ġermanja skond l-Artikolu 1(2) u (3) ta’ l-EStG(14). Skond dak l-Artikolu, il-persuni li huma suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul jistgħu jkunu kemm ta’ nazzjonalità Ġermaniża kif ukoll ta’ nazzjonalità barranija.
39. Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mill-parti operattiva ta’ l-opinjoni motivata li l-Kummissjoni kkritikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talli llimitat l-għoti tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli għall-persuni suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul li jakkwistaw proprjetà fit-territorju Ġermaniż.
40. Kif il-Kummissjoni sostniet korrettament, jiena tal-fehma li l-użu ta’ l-espressjoni “persuna taxxabbli Ġermaniża” kellha l-iskop li tirreferi għall-persuni kollha li huma suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.
41. B’hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet leġittimament tippreżenta l-motivi ta’ difiża tagħha fil-konfront ta’ l-ilment ifformulat.
42. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li r-rikors huwa ammissibbli.
2. Fuq l-ilment li jallega ksur ta’ l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE
43. Fuq bażi preliminari, għandu jissemma’ li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat, fil-11 ta’ Jannar 2006, id-dħul fis-seħħ ta’ liġi tat-22 ta’ Diċembru 2005 (Gesetz zur Abschaffung der Eigenheimzulage) li tirrevoka l-liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli.
44. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata(15).
45. F’din il-kawża, jirriżulta mill-opinjoni motivata li t-terminu mogħti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tikkonforma mad-dritt Komunitarju skada fis-16 ta’ Frar 2004.
46. Għaldaqstant, din l-emenda m’għandha ebda relevanza għall-finijiet ta’ dan ir-rikors.
47. Issa jeħtieġ li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ l-ilment invokat mill-Kummissjoni.
48. Permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE billi eskludiet lill-persuni mhux residenti suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul mill-benefiċċju tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli.
49. Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 18 KE, li jsemmi b’mod ġenerali d-dritt ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, huwa applikat b’mod speċifiku fl-Artikolu 43 KE fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment u fl-Artikolu 39 KE fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema(16).
50. Din hija r-raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel lok għandha teżamina l-kumpatibbiltà tar-regola nazzjonali in kwisjtoni ma’ dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet, u għalfejn huwa biss fil-każ li dawk id-dispożizzjonijiet aktar speċifiċi m’humiex applikabbli li hija għandha teżamina l-kumpatibbiltà ta’ dik ir-regola nazzjonali mal-prinċipju ġenerali tal-moviment liberu taċ-ċittadini.
51. Għaldaqstant, fl-ewwel lok għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ l-ilment fid-dawl ta’ l-Artikoli 39 KE u 43 KE.
52. Fl-ewwel lok, kif tosserva korrettament il-Kummissjoni, l-element determinanti li jagħti dritt għas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli huwa li l-persuna tkun suġġetta għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul. Il-benefiċċju tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli b’hekk jirrigwarda biss lill-persuni suġġetti għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul.
53. Għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza b’mod konformi mad-dritt Komunitarju(17). L-Istati Membri b’hekk ma jistgħux imorru kontra, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE, fosthom il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà ta’ stabbiliment.
54. F’dan ir-rigward, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola ta’ trattament ugwali li tinsab kemm fl-Artikolu 39 KE kif ukoll fl-Artikolu 43 KE tipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni ċara bbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz ta’ l-użu ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal fil-fatt għall-istess riżultat(18).
55. B’hekk, għandhom jiġu kkunsidrati bħala indirettament diskriminatorji l-kundizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, minkejja li huma applikabbli indipendentement min-nazzjonalità, jaffettwaw essenzjalment jew fil-biċċa l-kbira tagħhom lill-ħaddiema immigranti, kif ukoll il-kundizzjonijiet applikabbli mingħajr distinzjoni li jistgħu jiġu sodisfatti iktar faċilment mill-ħaddiema nazzjonali milli mill-ħaddiema immigranti jew inkella li joħolqu riskju li joperaw, b’mod partikolari, għad-detriment ta’ dawn ta’ l-aħħar(19).
56. Dan jgħodd ukoll għad-dispożizzjonijiet li ma jħallux jew li jiddiswadu lil ċittadin ta’ Stat Membru milli jitlaq mill-pajjiż tiegħu ta’ oriġini biex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u l-libertà ta’ stabbiliment(20).
57. Madankollu, diskriminazzjoni tista’ tikkonsisti biss fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet paragunabbli jew inkella fl-applikazzjoni ta’ l-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti(21).
58. Fir-rigward ta’ taxxi diretti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala regola ġenerali, is-sitwazzjoni ta’ persuni mhux residenti u persuni residenti mhijiex paragunabbli, inkwantu d-dħul irċevut fit-territorju ta’ Stat minn persuna li mhijiex residenti jikkostitwixxi biss, fil-biċċa l-kbira, parti mid-dħul globali tagħha, li jkun iċċentralizzat fil-post tar-residenza tagħha, u għaliex il-kapaċità tal-persuna taxxabbli li mhijiex residenti biex tħallas it-taxxa, li tirriżulta mit-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul kollu tagħha u tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, tista’ tiġi evalwata bl-aktar mod faċli fil-post fejn l-iktar jinsabu l-interessi personali u patrimonjali tagħha, li normalment ikun il-post tar-residenza abitwali tagħha(22).
59. Madankollu, l-istess ma jistax jingħad meta l-persuna taxxabbli mhux residenti, li tkun impjegata jew taħdem għal rasha, tirċievi d-dħul tagħha kollu jew kważi kollu fl-Istat fejn teżerċita l-attivitajiet professjonali tagħha(23).
60. F’dak il-każ, il-persuna mhux residenti tinsab oġġettivament fl-istess sitwazzjoni, f’dak li jirrigwarda t-taxxa fuq id-dħul, bħal persuna residenti ta’ dak l-Istat li teżerċita hemmhekk l-istess attivitajiet. It-tnejn li huma jiġu intaxxati biss f’dak l-Istat u l-bażi tat-taxxa tagħhom hija l-istess(24).
61. F’din il-kawża, skond l-Artikolu 1 ta’ l-EStG u l-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej(25), id-dħul tal-persuni mhux residenti, bħal dak tal-persuni residenti, huwa suġġett għal kollox għat-taxxa Ġermaniża.
62. Għaldaqstant, fir-rigward tal-fatt li jagħti lok għas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli, jiġifieri li l-persuna tkun suġġetta għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, il-persuni residenti u mhux residenti Ġermaniżi jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.
63. Madankollu, it-tliet kategoriji ta’ persuni mhux residenti huma ttrattati b’mod differenti mill-persuni residenti fil-Ġermanja.
64. Effettivament, għalkemm huma suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, il-persuni li jkunu ddomiċiljati f’pajjiż barrani u li jkunu impjegati ma’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku Ġermaniż, il-ħaddiema ta’ mal-fruntiera, u l-uffiċjali jew aġenti tal-Komunitajiet Ewropej li jkunu ċittadini Ġermaniżi u residenti f’pajjiż barrani huma mċaħħda mill-benefiċċju tas-sussidju peress li, skond il-liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli, il-proprjetà sussidjata trid tinsab fit-territorju Ġermaniż.
65. Għaldaqstant għandna quddiemna trattament differenzjat li jisfavorixxi lill-persuni mhux residenti li huma suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul.
66. Dan it-trattament differenzjat huwa ta’ natura li jista’ jiddiswadi lil dawn il-persuni mhux residenti milli jużaw il-libertajiet mogħtija lilhom mit-Trattat.
67. Dan huwa l-każ, fl-ewwel lok, tal-persuni mhux residenti impjegati ma’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku Ġermaniż. Dawn il-persuni, minħabba li jgħixu u jaħdmu f’pajjiż barrani, huma mċaħħda minn vantaġġ finanzjarju, jiġifieri s-sussidju fuq il-proprjetà immobbli. Iċ-ċaħda ta’ dan il-vantaġġ għandha l-effett li tiddiswadihom milli jitilqu mill-Istat ta’ oriġini tagħhom, il-Ġermanja, biex jeżerċitaw attività professjonali fi Stat Membru ieħor, li, skond il-ġurisprudenza hawn fuq iċċitata, jikkostitwixxi ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema.
68. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-liġi dwar is-sussidju fuq il-proprjetà immobbli tikkostitwixxi wkoll diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema ta’ mal-fruntjiera.
69. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, f’dan ir-rigward, li s-sitwazzjoni taċ-ċittadini Ġermaniżi mhux residenti, iżda li jaħdmu fil-Ġermanja u huma suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, ma taqax taħt l-Artikoli 39 KE u 43 KE.
70. Għalkemm fis-sentenza Werner hawn fuq iċċitata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 52 tat-Trattat m’huwiex applikabbli għal sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ Stat Membru, li jeżerċita l-attività professjonali tiegħu fit-territorju ta’ dak l-Istat u jirċievi hemmhekk id-dħul tiegħu kollu jew kważi kollu, ikollu r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, l-istess Qorti madankollu abbandunat din l-interpretazzjoni fis-sentenza Ritter‑Coulais(26).
71. Effettivament, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li s-sitwazzjoni ta’ koppja ta’ ċittadini Ġermaniżi, li kienu jaħdmu fil- Ġermanja, kienu suġġetti għat-taxxa f’dak l-Istat, iżda kienu jgħixu fi Stat Membru ieħor, kienet taqa’ taħt l-Artikolu 48 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 48 tat-Trattat KE, li sussegwentement sar, wara l-emendi, l-Artikolu 39 KE). Hija kkunsidrat li “kull ċittadin Komunitarju, indipendentement mir-residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li għamel użu mid-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor minn dak tar-residenza, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat”(27).
72. Fis-sentenza N(28), il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess konklużjoni fi kwistjoni dwar il-libertà ta’ stabbiliment.
73. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li s-sitwazzjoni tal-ħaddiema ta’ mal-fruntjiera Ġermaniżi, mhux residenti fil-Ġermanja, li jaħdmu f’dak l-Istat Membru u li huma suġġetti għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, taqa’ wkoll taħt l-Artikoli 39 KE et 43 KE.
74. Dawn il-ħaddiema ta’ mal-fruntjiera, għalkemm huma suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul u għalkemm jikkontribwixxu wkoll għad-dħul fiskali tal-Ġermanja, huma mċaħħda minn għajnuna finanzjarja ffinanzjata minn dak id-dħul għas-sempliċi raġuni li huma jgħixu fuq in-naħa l-oħra tal-fruntjera.
75. Fil-fehma tiegħi dan l-iżvantaġġ finanzjarju jista’ jkollu l-effett li jiddiswadi lill-imsemmija ħaddiema ta’ mal-fruntiera milli jistabbilixxu r-residenza prinċipali tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li ma jkunx il-Ġermanja.
76. Id-dritt ta’ ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu li jgħix fi Stat Membru ieħor huwa l-korollarju tad-dritt ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni li joqgħod u jgħix fit-territorju ta’ l-Istati Membri, kristalizzat fl-Artikolu 18 KE.
77. Ma narax għalfejn persuna mhux attiva, li s-sitwazzjoni tagħha taqa’ taħt l-Artikolu 18 KE, tista’ tibbenefika minn dan id-dritt li toqgħod u tgħix fit-territorju ta’ l-Istati Membri, filwaqt li ħaddiem, minħabba l-istatus tiegħu, huwa mċaħħad minn dan id-dritt. Id-drittijiet kollha li jirriżultaw mill-Artikolu 18 KE, kif diġà rajna, huma espressi speċifikament fl-Artikoli 39 KE u 43 KE.
78. Kull esklużjoni ta’ vantaġġ finanzjarju għal ħaddiem minħabba l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem, bħas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli, u li tiddiswadih milli jgħix fejn huwa jixtieq fit-territorju tal-Komunità għandha titqies bħala ostaklu għall-Artikoli 39 KE u 43 KE(29).
79. Finalment, l-istess għandu jiġi kkonstatat fir-rigward ta’ l-aġenti jew l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li jkunu ċittadini Ġermaniżi.
80. Dawn il-persuni huma mċaħħda minn vantaġġ finanzjarju minħabba li jgħixu f’pajjiż barrani. Il-kundizzjonijiet imposti mil-liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli b’hekk għandhom l-effett li jiddiswadu lill-aġenti jew uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej milli jitilqu mill-Istat ta’ oriġini tagħhom sabiex jeżerċitaw attività ekonomika fi Stat Membru ieħor, li wkoll jikkostitwixxi ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema.
81. L-applikazzjoni tal-liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli b’hekk kjarament teskludi lill-persuni mhux residenti li huma suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul mill-benefiċċju ta’ vantaġġ finanzjarju u tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, li teoretikament tikser l-Artikoli 39 KE u 43 KE. Għaldaqstant m’hemmx lok li tiġi eżaminata l-kumpatibbiltà ta’ din il-liġi ma’ l-Artikolu 18 KE.
82. Madankollu, din id-diskriminazzjoni hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali?
3. Fuq il-ġustifikazzjoni tal-miżura diskriminatorja
83. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li l-liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli tikkostitwixxi ostaklu għall-moviment liberu kontra l-Artikoli 39 KE u 43 KE, dan l-ostaklu huwa ġġustifikat għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.
84. Effettivament, hija tikkunsidra li l-objettiv innifsu ta’ din il-liġi, jiġifieri, li jiġi żgurat ammont ta’ djar suffiċjenti fil-Ġermanja biex jiġu mħeġġa l-kostruzzjoni u l-akkwist ta’ djar, jiġġustifika li s-sussidju fuq il-proprjetà immobbli jingħata biss lill-persuni residenti. B’dan il-mod, skond ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tista’ tiġi ggarantita provvista suffiċjenti ta’ djar.
85. Skond ġurisprudenza ferm stabbilita jirrriżulta li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu madankollu jkunu ammessi bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta’ interess pubbliku, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan tagħhom, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq(30).
86. Fl-ewwel lok, kif isostnu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-objettiv li jiżdied l-ammont ta’ djar fil-Ġermanja jista’ jitqies bħala imperattiv ta’ interess ġenerali.
87. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi l-problema ta’ l-akkomodazzjoni effettivament tikkonċerna lill-Istati Membri kollha. Din il-problema hija waħda ċentrali għall-politiki nazzjonali kif ukoll Komunitarji kollha. Il-Parlament Ewropew, f’rapport reċenti tal-Kummissjoni ta’ l-Iżvilupp Reġjonali, saħansitra kkunsidra li d-dritt għal akkomodazzjoni adegwata bi prezz raġonevoli huwa dritt essenzjali(31). Il-Parlament fakkar ukoll li dan huwa dritt rikonoxxut f’diversi karti internazzjonali u Kostituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri.
88. Fit-tieni lok, nemmen ukoll li l-liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli hija xierqa biex tiġi ggarantita l-kisba ta’ l-objettiv segwit.
89. Fil-fatt, m’hemm ebda dubju li l-għoti ta’ inċentiv għall-kostruzzjoni ta’ djar, permezz ta’ l-għoti ta’ sussidju, jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur tad-djar fil-Ġermanja, sabiex b’hekk tiġi żgurata provvista suffiċjenti ta’ djar.
90. Fir-rigward tas-sussidju għall-akkwist ta’ djar, nemmen li dan jagħti wkoll spinta indiretta lill-kostruzzjoni. Il-persuni li jibbenefikaw mis-sussidju fuq il-proprjetà immobbli, u li jkunu jixtiequ jakkwistaw dar, iżidu d-domanda u b’hekk jinkoraġġixxu l-kostruzzjoni ta’ immobbli biex tiġi sodisfatta dik id-domanda, li huma mbagħad ikunu jistgħu jakkwistaw.
91. Madankollu, fit-tielet lok, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli, jiena tal-fehma li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet tilħaq dan l-objettiv b’miżura inqas restrittiva.
92. Effettivament, fil-fehma tiegħi, kieku l-benefiċċju tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli ngħata wkoll lit-tliet kategoriji ta’ persuni mhux residenti msemmija mill-Kummissjoni, dan ma kienx ser jikkomprometti l-objettiv li jiżdied l-ammont ta’ djar fil-Ġermanja.
93. Għall-kuntrarju, l-akkwist jew il-bini ta’ djar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minn dawn il-persuni mhux residenti, u b’mod partikolari mill-ħaddiema ta’ mal-fruntjiera, jikkontribwixxi biex inaqqas id-domanda għad-djar fil-Ġermanja. L-imsemmija persuni mhux residenti b’hekk ma kinux ikunu ta’ piż fuq is-suq Ġermaniż ta’ l-immobbli u ma kinux joħolqu pressjoni fuq id-domanda kbira li diġà teżisti.
94. Għaldaqstant, l-objettiv tal-liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit ammont ta’ djar suffiċjenti fil-Ġermanja, jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas żvantaġġużi milli bl-esklużjoni tal-persuni mhux residenti mill-benefiċċju tas-sussidju.
95. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li l-ilment huwa fondat.
96. Għaldaqstant, skond l-Artikolu 69(2)(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.
IV – Konklużjonijiet
97. Fid-dawl tal-fatturi hawn fuq imsemmija, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
1) tikkonstata li, billi eskludiet fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) tal-liġi Ġermaniża dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli l-proprjetajiet li jinsabu fi Stati Membri oħra mill-benefiċċju tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli mogħti lill-persuni suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 39 KE u 43 KE;
2) tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Ara, b’mod partikolari s-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C‑193/94, Ġabra p. I‑929, punt 22); tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal (C‑100/01, Ġabra p. I‑10981, punt 26), u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑345/05, Ġabra p. I‑10633, punt 13).
3 – Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddefinixxiet, fir-rigward tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), il-vantaġġi rikonoxxuti lill-ħaddiema bħala dawk li “huma ġeneralment attribwiti lill-ħaddiema nazzjonali, prinċipalment minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom bħala ħaddiema jew għas-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u li l-estensjoni tagħhom għal ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra b’hekk tidher li hija xierqa biex tiġi ffaċilitata l-mobilità tagħhom fi ħdan il-Komunità” ([traduzzjoni mhux uffiċjali] sentenza tal- 31 ta’ Mejju 1979, Even u ONPTS, 207/78, Ġabra p. 2019, punt 22).
4 – Ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ Jannar 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja (63/86, Ġabra p. 29, punti 16 u 17).
5 – BGBl. 1997 I, p. 734, kif emendata mil-liġi kumplimentari baġitarja ta’ l-2004 [Haushaltsbegleitgesetz (BGBl. 2003 I, pġ 3076)], iktar ’il quddiem il-“liġi dwar is-sussidju fuq proprjetà immobbli”.
6 – BGBl. 2002 I, p. 4210, iktar ’il quddiem l-“EstG”.
7 – Ara l-anness I tar-rikors.
8 – Sentenza tas-26 ta’ Jannar 1993 (C‑112/91, Ġabra p. I‑429, punt 17). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-impożizzjoni, minn Stat Membru, ta’ piż fiskali itqal fuq ċittadin mhux residenti li jeżerċita attività professjonali fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minn fejn huwa jirċievi d-dħul tiegħu kollu jew kważi kollu ma tmurx kontra l-Artikolu 52 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 52 tat-Trattat KE, li sussegwentement sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE).
9 – Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995 (C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 103).
10 – Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000 (C‑190/98, Ġabra p. I‑493, punt 23).
11 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.
12 – Ara s-sentenza tas-26 ta’¯ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑371/04, Ġabra p. I‑10257, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata).
13 – Idem.
14 – Ara l-Anness 1 tar-rikors.
15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑43/05, Ġabra p. I-33, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata).
16 – Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
17 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Schilling u Fleck‑Schilling (C‑209/01, Ġabra p. I‑13389, punt 22).
18 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1996, O’Flynn (C‑237/94, Ġabra p. I‑2617, punt 17); tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC (C‑208/05, Ġabra p. I-181, punt 21), f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema, u tat-22 ta’ Marzu 2007, Talotta (C‑383/05, Ġabra p. I-2555, punt 17), f’dak li jirrigwarda l-libertà ta’ stabbiliment.
19 – Sentenza O’Flynn, hawn fuq iċċitata (punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 – Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, De Groot (C‑385/00, Ġabra p. I‑11819, punti 78 u 79), f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema, u tal-11 ta’ Marzu 2004, De Lasteyrie du Saillant (C‑9/02, Ġabra p. I‑2409, punt 42), f’dak li jirrigwarda l-libertà ta’ stabbiliment.
21 – Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Meindl (C‑329/05, Ġabra p. I-1107, punt 22).
22 – Sentenzi ta’ 14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, Ġabra p. I‑225, punti 31 sa 33), u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse (C‑234/01, Ġabra p. I‑5933, punt 43).
23 – Sentenza Schumacker, hawn fuq iċċitata (punt 36).
24 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Wielockx (C‑80/94, Ġabra p. I‑2493, punt 20).
25 – Protokoll tat-8 ta’¯ April 1965 (ĠU 1967, 152, p. 13).
26 – Sentenza tal-21 ta’ Frar 2006 (C‑152/03, Ġabra p. I‑1711).
27 – Sentenza Ritter‑Coulais, hawn fuq iċċitata (punti 31 u 32).
28 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, (C‑470/04, Ġabra p. I‑7409, punt 28).
29 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.
30 – Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja (C‑104/06, Ġabra p. I-671, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 – Ara r-rapport dwar il-politika ta’ akkomodazzjoni u l-politika reġjonali tat-28 ta’ Marzu 2007 (A6‑0090/2007).
Full & Egal Universal Law Academy