KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fit-18 ta’ Lulju 2007 1(1)
Kawża C-167/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Renju ta’ l-Iżvezja
“Xorb alkoħoliku – Trattament ta’ taxxa differenti ta’ l-inbid u tal-birra”
1. Din il-kawża għandha bħala suġġett rikors imressaq, skond l-Artikolu 226 KE, mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra r-Renju ta’ l-Iżvezja u bil-għan li jiġi kkonstatat li meta applika sistema ta’ dispożizzjonijiet interni ta’ natura li jipproteġu indirettament il-birra, li hija prodott essenzjalment nazzjonali, fil-konfront ta’ l-inbid, prinċipalment importat minn Stati Membri oħra, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE.
I – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata
2. Fl-Iżvezja, it-taxxa fuq ix-xorb alkoħoliku(2) tiġi ddeterminata abbażi tal-qawwa alkoħolika skond il-volum effettiv (livell ta’ alkoħol) tax-xorb.
3. Mill-atti jirriżulta li, fi-mument ta’ l-adeżjoni tar-Renju ta’ l-Iżvezja fl-Unjoni Ewropea fl-1995, il-birra b’qawwa alkoħolika ta’ iktar minn 3.5 % vol. (li tissejjaħ birra qawwija)(3) kienet suġġetta għal taxxa sostanzjalment ekwivalenti għal dik applikata fuq inbid b’qawwa alkoħolika ta’ madwar 11 % vol.
4. Fl-1 ta’ Jannar 1997, il-Parlament Żvediż iddeċieda li jnaqqas is-sisa fuq il-birra. Skond affermazzjonijiet li jinsabu fir-risposta tal-Gvern Żvediż, din id-deċiżjoni kienet iġġustifikata mill-ħtieġa, sussegwentement għad-dħul ta’ l-Iżvezja fl-Unjoni Ewropea, li tittieħed azzjoni kontra l-kummerċ fuq il-fruntieri dejjem jikber tal-birra mad-Danimarka, ikkawżat mil-livell differenti ta’ tassazzjoni preżenti fiż-żewġ pajjiżi.
5. Fuq pressjoni tal-Kummissjoni, li kienet qajmet dubji dwar il-kompatibbiltà mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE tas-sistema ta’ tassazzjoni tal-birra u ta’ l-inbid li rriżultat mill-bidla introdotta fl-1997, il-Parlament Żvediż iddeċieda li jnaqqas is-sisa fuq l-inbid b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2001.
6. Skond is-sistema attwalment fis-seħħ skond l-Artikoli 2 u 3 tal-lagen (1994:1564) om alkoholskatt(4), it-taxxa fuq il-produzzjoni u fuq il-konsum tal-birra u ta’ l-inbid hija ffissata kif ġej.
7. Id-dazji għas-sisa għal kull litru ta’ birra huma dovuti għal ammont ta’ 1.47 krona Żvediża (SEK) għal kull volum ta’ alkoħol. Il-birer li għandhom grad ta’ alkoħol li ma jaqbiżx it-2.8 % vol. huma eżentati [l-Artikolu 2 tal-lagen (1994:1564) om alkoholskatt].
8. Id-dazji tas-sisa għal kull litru inbid jitħallsu skond ammont fiss, li jiżdied skond il-grad ta’ alkoħol tax-xarba u stabbilit kif ġej:
7.58 SEK għal qawwa akoħolika li taqbeż 2.25 % vol. iżda li hija inqas minn jew daqs 4.5 % vol.;
11.20 SEK għal qawwa alkoħolika li taqbeż 4.5 % vol. iżda li hija inqas minn jew daqs 7 % vol.;
15.41 SEK għal qawwa alkoħolika li taqbeż 7 % vol. iżda li hija inqas minn jew daqs 8.5 % vol.;
22.08 SEK għal qawwa alkoħolika li taqbeż 8.5 % vol. iżda li hija inqas minn jew daqs 15 % vol.;
45.17 SEK għal qawwa alkoħolika li taqbeż 15 % vol. iżda li hija inqas minn jew daqs 18 % vol.
9. L-inbejjed li l-grad ta’ alkoħol tagħhom ma jaqbiżx 2.25 % vol. huma eżenti mit-taxxa [l-Artikolu 2 tal-lagen (1994:1564) om alkoholskatt].
10. Fl-Iżvezja, il-bejgħ bl-imnut ta’ l-inbid, tal-birra qawwija u ta’ l-ispirti huwa suġġett għal monopolju legali. Il-ġestjoni tal-monopolju ġiet fdata lis-Systembolaget Aktiebolag (iktar ‘il quddiem: “Systembolaget”), kumpanija għal kollox proprjetà ta’ l-Istat.
II – Il-proċedura prekontenzjuża
11. Wara ilmenti dwar in-natura diskriminatorja tas-sistema Żvediża tad-dazji tas-sisa fuq l-inbid u fuq il-birra, fit-28 ta’ Frar 2000 il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju ta’ l-Iżvezja permezz ta’ l-ewwel ittra ta’ intimazzjoni fejn ġie affermat li, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni fil-pussess tal-Kummissjoni, din is-sistema kienet tidher li tmur kontra l-Artikolu 90 KE, peress, li meta l-inbid kien qed jiġi suġġett għal tassazzjoni akbar minn dik tal-birra, kemm f’termini assoluti kif ukoll f’termini ta’ perċentwali fuq il-prezz finali tal-prodott, kien qed iwassal biex id-drawwiet tal-konsum jiqbgħu l-istess, fejn jiġi msaħħaħ il-vantaġġ tal-birra – prodott nazzjonali – għad-dannu tal-potenzjal kummerċjali ta’ l-inbid – prodott importat minn Stat Membri oħra.
12. Ir-Renju ta’ l-Iżvezja rrisponda permezz ta’ żewġ ittri li kienu jġibu d-dati ta’ l-10 ta’ Mejju u ta’ l-20 ta’ Novembru 2000, fejn osserva li sistema fiskali fejn id-dazji tas-sisa fuq ix-xorb alkoħoliku huma stabbiliti skond il-qawwa alkoħolika tax-xorb ma tmurx kontra l-Artikolu 90 KE. Madankollu, dan l-Istat iddikjara li kien lest li jnaqqas is-sisa fuq l-inbid skond il-volum ta’ l-alkoħol, u jġibha f’livell sostanzjalment ekwivalenti għal dik tas-sisa fuq il-birra, b’tali mod li terġa’ tiġi stabbilita r-relazzjoni ta’ tassazzjoni bejn iż-żewġ prodotti li kienet teżisti qabel l-1 ta’ Jannar 1997.
13. Fid-19 ta’ Ġunju 2001, opinjoni movtivata ġiet innotifikata lill-Gvern Żvediż li rrisponda għaliha b’żewġ ittri, l-ewwel waħda tat-13 ta’ Lulju 2001 u l-oħra tas-17 ta’ Diċembru 2001, li permezz tagħha informa lill-Kummissjoni bit-tnaqqis ta’ 18.8 % tas-sisa fuq l-inbid b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2001.
14. Billi kkunsidrat li l-emenda li saret ma eliminatx in-natura diskriminatorja tas-sistema fiskali Żvediża, fl-1 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju ta’ l-Iżvezja ittra oħra ta’ intimazzjoni. Dan ta’ l-aħħar rrisponda b’ittra li kienet iġġib id-data ta’ l-24 ta’ Settembru 2002.
15. Fid-9 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Gvern Żvediż opinjoni motivata oħra, fejn stednitu biex fi żmien xahrejn jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonforma lilu nnifsu.
16. Wara li talab proroga ta’ terminu ta’ żmien, li ngħatalu mill-Kummissjoni, il-Gvern Żvediz rrisponda b’ittra tas-7 ta’ Otturbu 2004 fejn ikkontesta kull ilment magħmul kontra tiegħu.
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
17. B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ April 2005, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.
18. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2005, ir-Repubblika tal-Latvja ġiet ammessa sabiex tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-konvenut.
19. Skond l-Artikolu 44(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kawża ġiet assenjata quddiem l-Awla Manja wara t-talba f’dan ir-rigward, li ġiet ippreżentata mir-Renju ta’ l-Iżvezja permezz ta’ ittra ta’ l-4 ta’ April 2006.
20. Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ l-Iżvezja nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2007.
21. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tikkonstata li r-Renju ta’ l-Iżvezja, meta applika s-sistema ta’ tassazzjoni interna li kienet ta’ natura li tipproteġi indirettament il-birra, li essenzjalment tiġi prodotta fl-Iżvezja, fil-konfront ta’ l-inbid, li prinċipalment jiġi importat minn Stat Membri oħra, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE;
– tikkundanna lir-Renju ta’ l-Iżvezja għall-ispejjeż.
22. Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
23. Ir-Repubblika tal-Latvja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors.
IV – Analiżi ġuridika
A – L-argumenti tal-partijiet
24. Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet fiskali Żvediżi kkontestati huma diskriminatorji u għandhom effett protezzjonista fir-rigward tal-kummerċ tal-birra, prodott prinċipalment lokali, għad-dannu tal-kummerċ ta’ l-inbid, li essenzjalment jiġi importat minn Stati Membri oħra. Għal din ir-raġuni, dawn jiksru t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE.
25. Il-Kummissjoni tosserva li s-sisa għal kull volum ta’ alkoħol impost fuq inbid b’qawwa alkoħolika medja hija ta’ madwar 20 % iktar mis-sisa imposta fuq il-birra. Barra minn hekk, l-impatt ta’ din id-differenza fuq il-prezz finali tal-prodotti titkabbar minħabba l-effett ta’ l-applikazzjoni tal-VAT ta’ 25 %, li tiġi kkalkulata fuq il-prezz ta’ bażi, bis-sisa inkluża.
26. Skond il-Kummissjoni, teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-birra qawwija (b’qawwa alkoħolika li taqbeż it-3.5 % vol.) u l-inbid tal-kategorija intermedja, ta’ qawwa alkoħolika bejn 8.5 % u 15 % vol(5) u bi prezz li jvarja bejn SEK 49 u SEK 70(6). Peress li l-bejgħ bl-imnut taż-żewġ prodotti huwa suġġett għal monopolju ta’ l-Istat, dawn ta’ l-aħħar jikkompetu ma’ xulxin fl-istess punti ta’ bejgħ, li jappartjenu għall-istruttura tas-Systembolaget, jiġifieri fir-restoranti li għandhom liċenzja speċjali. Il-Kummissjoni tqis li ċ-ċirkustanza fejn il-konsumaturi jridu jirrikorru għas-Systembolaget biex jakkwistaw il-prodotti in kwistjoni ssaħħaħ is-sostitwibbiltà tagħhom.
27. L-istituzzjoni rikorrenti tqis li s-sistema fiskali li għaliha huma suġġetti l-inbid u l-birra tiddetermina limitazzjoni tal-konsum potenzjali ta’ l-inbid u għandha bħala effett li tipproteġi, għallinqas indirettament, il-kummerċ tal-birra.
28. L-istatistika li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni(7) turu li l-livell ta’ tassazzjoni tal-prodotti in kwistjoni jikkundizzjona l-imġieba tal-konsumaturi. B’mod partikolari, minn din l-istatistika jirriżulta li fl-1997, is-sena meta tnaqqset is-sisa fuq il-birra, il-bejgħ ta’ din ix-xarba żdied, filwaqt li dak ta’ l-inbid issubixxa flessjoni. Bl-istess mod, fl-2002, wara t-tnaqqis tas-sisa fuq l-inbid, il-bejgħ ta’ dan il-prodott irreġistra l-akbar żieda bejn l-1995 u l-2004.
29. Il-Kummissjoni tosserva li l-impatt tas-sisa fuq il-prezz finali ta’ l-inbejjed li l-qawwa alkoħolika tagħhom hija bejn it-8.5 % u l-15 % vol. huwa akbar fejn il-prezzijiet ivarjaw bejn il-41 u s-70 krona Żvediżi, li jikkorrispondu għall-kategorija ta’ prodott fejn ikun hemm madwar it-80 % tal-bejgħ totali. Barra minn hekk, dan l-impatt huwa ferm akbar minn dak li ġie osservat għall-birra tal-kategorija l-iktar mibjugħa, indipendentement mill-kwantità tal-prodott meħuda bħala riferiment għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni(8).
30. Ir-Renju ta’ l-Iżvezja mhux qed jikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-karatteristika tal-l-birra bħala prodott essenzjalment nazzjonali fil-konfront ta’ l-inbid bħala prodott prinċipalment importat, rigward id-differenza fil-modi kif jiġu ddeterminati d-dazji tas-sisa li għalihom huma suġġetti ż-żewġ prodotti u, fl-aħħar nett, rigward l-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ kompetizzjoni bejn iż-żewġ prodotti(9), għalkemm, skond l-imsemmi Stat Membru, bejn dawn il-prodotti ma teżistix sostitwibbiltà sħiħa u ma jidhirx ċar liema kategoriji ta’ inbid u ta’ birra qed jikkompetu ma’ xulxin, fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE(10).
31. Madankollu, il-Gvern Żvediż, sostnut mir-Repubblika tal-Latvja, iqis li d-dispożizzjonijiet fiskali kkontestati m’għandhomx bħala għan jew effett li jipproteġu indirettament il-produzzjoni tal-birra mill-kompetizzjoni ta’ l-inbid u konsegwentement ma jistax jiġi akkużat bi ksur tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE.
32. Skond dan il-Gvern, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sabiex ksur bħal dan jista’ jitqies bħala konkret jeħtieġ li jintwera li t-taxxa kkontestata għandha effett fuq ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti in kwistjoni, billi tnaqqas il-konsum potenzjali tal-prodott importat favur il-prodott nazzjonali li qed jikkompeti miegħu. Din id-dimostrazzjoni ma tistax ma tqisx id-differenza bejn il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-prodotti u l-impatt tat-taxxa fuqhom sabiex jiġi evalwat jekk l-imposta fiskali differenti li hemm fuq l-imsemmija prodotti hijiex ta’ natura li tinfluwenza l-għażla tal-konsumaturi.
33. F’dan il-każ, ix-xebh bejn il-prezz medju finali ta’ litru birra qawwija tal-kategorija l-iktar mibjugħa u ta’ litru nbid (11) ta’ qawwa alkoħolika ta’ madwar 11 % tal-kategorija l-iktar mibjugħa u li hija l-irħas juri li d-differenza f’termini ta’ tassazzjoni bejn iż-żewġ prodotti mhijiex tali li tinfluwenza l-imġieba tal-konsumaturi. Fil-fatt, anki kieku fuq l-inbid jiġu imposti l-istess dazji tas-sisa li hemm fuq il-birra, il-prezz tiegħu jkun madwar id-doppju ta’ dak tal-birra. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, il-Gvern konvenut u dak intervjenenti, iqisu li l-Kummissjoni ma wrietx li s-sistema fiskali Żvediża għandha bħala effett li tipproteġi l-produzzjoni tal-birra mill-kompetizzjoni ta’ l-inbid. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Latvja tosserva li mill-istatistika jirriżulta li, fil-perijodu 1997‑2004, il-konsum ta’ l-inbid fl-Iżvezja żdied iktar meta mqabbel ma’ dak tal-birra.
34. Il-Gvern konvenut jaqbel mal-Kummissjoni meta jqis li l-konsumatur Żvediż ta’ xorb alkoħoliku huwa attent għall-varajzzjonijiet fil-prezzijiet tal-prodotti. Madankollu, iċ-ċirkustanza li dan jirreaġixxi għal tnaqqis fil-prezzijiet b’żieda fil-konsum ma jimplikax, skond l-imsemmi Gvern, li jkun hemm bidla anki fl-imġieba rigward l-għażla bejn id-diversi kategoriji ta’ xorb alkoħoliku. Dwar dan il-punt, il-Gvern tal-Latvja josserva li t-talba għall-prodotti in kwistjoni hija relattivament mhux elastika fir-rigward tal-varjazzjonijiet fil-prezz, li ma jidhirx li huwa fattur determinanti fl-għażla tal-konsumaturi.
35. Barra minn hekk, il-Gvern Żvediż jikkontesta kemm fil-fatt hija kompluta l-istatistika dwar il-bejgħ tas-Systembolaget li ġiet ippreżentata mill-istituzzjoni rikorrenti, peress, minn naħa, dawn ma jqisux il-bejgħ li sar permezz ta’ l-istruttura tar-restoranti, u min-naħa l-oħra, ma jippermettux li l-informazzjoni dwar il-bejgħ ta’ l-inbejjed tal-kategorija li qed tikkompeti mal-birra qawwija tiġi identifikata separatament. Fir-risposta tiegħu, l-Istat Membru konvenut jirriproduċi tabella dwar il-bejgħ tal-prodotti in kwistjoni fil-perijodu 1996‑2004, li tgħaqqad l-informazzjoni mill-istatistika tas-Systembolaget, tas-Skatteverket (l-amministrazzjoni Żvediża tal-kontribuzzjonijiet diretti u indiretti) u tas-Svenska Bryggareföreningen (il-Federazzjoni Żvediża li tiġbor il-produtturi tal-birra, tas-sidru, tas-soda u ta’ l-ilma)(12).
36. Fl-aħħar nett, il-Gvern Żvediż, sostnut mill-Gvern tal-Latvja, iqis li l-Kummissjoni ma tatx prova li s-sistema fiskali in kwistjoni għandha effett protezzjonist u konsegwentement, ma tatx prova tal-ksur tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE, li qed jiġi akkużat lilu f’din il-kawża.
B – Evalwazzjoni
37. Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90 KE:
“Ebda Stat Membru ma għandu japplika, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni, ta’ kull deskrizzjoni, ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali”.
38. It-tieni paragrafu jaqra:
“Barra dan, ebda Stat Membru m’għandu japplika fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ta’ tali natura li jagħtu protezzjoni indiretta lill-produzzjoni ta’ merkanzija oħra”.
39. Skond ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 90 KE, kollu kemm hu, għandu l-għan li jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, billi jelimina kwalunkwe forma ta’ protezzjoni li tista’ tiġi mill-applikazzjoni ta’ tassazzjoni interna diskriminatorja fil-konfront ta’ prodotti ta’ l-Istati Membri l-oħra, u jiggarantixxi n-newtralità perfetta tat-tassazzjoni interna fil-konfront tal-kompetizzjoni bejn il-prodotti nazzjonali u dawk importati(13). Għal dan il-għan, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu jipprojbixxi kwalunkwe regola fiskali li għandha bħala effett li, permezz ta’ kwalunkwe procedura fiskali, tintaxxa l-prodotti importati iktar mill-prodotti nazzjonali simili, filwaqt li t-tieni paragrafu, skond kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu l-għan li jimpedixxi kull forma ta’ protezzjoniżmu fiskali indirett fil-każ ta’ prodotti importati li, mingħajr ma jkunu simili għall-prodotti nazzjonali skond l-ewwel subparagrafu, madankollu isibu lilhom infushom, ma’ uħud minn dawn, f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni, anki jekk parzjali, indiretta jew potenzjali(14).
40. Il-verifika tal-kompatibbiltà ta’ sistema fiskali nazzjonali partikolari mal-projbizzjoni ta’ tassazzjoni interna diskriminatorja, skond l-Artikolu 90 KE, teħtieġ evalwazzjoni kumplessa li tinkludi diversi stadji.
41. Evalwazzjoni bħal din timplika, l-ewwel nett, stħarriġ bil-għan li tiġi ddefinita r-relazzjoni li hemm bejn il-prodotti, nazzjonali u importati, li għalihom tapplika s-sistema in kwistjoni.
42. Fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90 KE, l-imsemmija relazzjoni tiġi espressa f’termini ta’ similarità bejn il-prodotti, filwaqt li l-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tirrikjedi, abbażi ta’ dak li ġie spjegat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni, li tista’ tkun anki biss parzjali, indiretta jew potenzjali, sakemm tkun relazzjoni ta’ kompetizzjoni mhux purament okkażjonali, iżda fit-tul u ddettaljata(15).
43. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE, jeħtieġ li jitqies “mhux biss l-istat attwali tas-suq, iżda wkoll il-possibbiltajiet ta’ evoluzzjoni fil-kuntest tal-moviment liberu tal-merkanzija fuq livell Komunitarju u l-potenzjalitajiet il-ġodda ta’ sostituzzjoni bejn il-prodotti li l-intensifikazzjoni ta’ l-iskambji jistgħu jiżvelaw, b’mod li titqies b’mod sħiħ il-komplementarjetà bejn l-ekonomiji ta’ l-Istati Membri”(16).
44. Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ “grad partikolari ta’ sostitwibbiltà” bejn l-inbid u l-birra, minħabba, skond kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, li t-tnejn huma fil-pożizzjoni biex jissodisfaw, sa ċertu punt, bżonnijiet identiċi(17). Din l-evalwazzjoni, meta titqies fil-kuntest ta’ kawża fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tas-sistema fiskali ta’ l-inbid fis-seħħ fir-Renju Unit, ġiet ikkonfermata f’sentenza sussegwenti, rigward ir-rati tal-VAT fuq l-inbid u fuq il-birra li jiġu applikati fil-Belġju(18).
45. Meta affermat l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-inbid u l-birra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma naqsitx milli tirrileva d-differenzi sinjifikattivi bejn iż-żewġ prodotti f’termini ta’ karatteristiċi kwalitattivi (in primis, il-grad ta’ alkoħol differenti), il-metodi ta’ produzzjoni (l-inbid huwa prodott essenzjalment agrikolu u bħala tali huwa suġġett għall-inċertezzi klimatiċi, filwaqt li l-birra hija prodott prinċipalment industrijali) u l-istruttura tal-prezzijiet. B’kunsiderazzjoni ta’ dawn id-differenzi, minbarra l-varjetà kbira ta’ l-inbejjed, fir-rigward tal-karatteristiċi, il-kwalitajiet u l-prezzijiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tillimita r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn ix-xorb in kwistjoni, li huma rilevanti għall-finijiet tax-xebh fiskali, billi ammettiet din ir-relazzjoni biss għal “l-inbejjed l-iktar aċċessibbli għall-pubbliku wiesgħa, li ġeneralment huma l-eħfef u l-inqas għoljin”(19).
46. F’dan il-każ, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-inbid jikkostitwixxi prodott essenzjalment importat, filwaqt li l-birra hija prodott prinċipalment nazzjonali.
47. Minbarra dan, il-Gvern konvenut mhux qed jikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li s-suq Żvediż ma jurix karatteristiċi li ma jippermettux li tiġi rrikonoxxuta relazzjoni ta’ kompetizzjoni, bħal dik diġà ammessa mill-Qorti tal-Ġustizzja, bejn l-inbejjed li jinbiegħu bil-prezzijiet l-iktar irħas, u l-birra qawwija, prodotti li għandhom l-ogħla perċentwali tas-swieq rispettivi. Għalkemm jirriżultaw xi differenzi fl-opinjonijiet bejn il-partijiet fejn għandha x’taqsam l-inidividwalizzazzjoni tal-kategorija ta’ nbejjed li fis-suq Żvediż effettivament tikkompeti mal-birra, li għandha tiġi identifikata abbażi tal-qawwa alkoħolika (8.5 % ‑ 15 % vol. għall-Kummissjoni u 11 % vol. għall-Gvern Żvediż) jew skond il-varzjazzjoni fil-prezzijiet, madankollu jeżisti qbil sostanzjali bħala prinċipju rigward il-fatt li l-prodotti in kwistjoni huma kkaratterizzati minn ċertu grad ta’ sostitwibbiltà.
48. L-ewwel rekwiżit ta’ applikabbiltà tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE għalhekk huwa sodisfatt.
49. It-tieni nett, il-verifika tal-kompatibbiltà ta’ dispożittiv fiskali nazzjonali partikolari ma’ l-Artikolu 90 KE teħtieġ xebh bejn is-sistemi ta’ tassazzjoni li għalihom huma suġġetti l-prodotti in kwistjoni, sabiex tiġi ddeterminata d-differenza eventwali fit-taxxi li huma suġġetti għalihom u l-ammont tagħhom.
50. Jekk, bħal f’dan il-każ, is-suġġett ta’ dan ix-xebh huma prodotti li jippreżentaw karatteristiċi li jagħmluhom sostanzjalment differenti minn xulxin, bla ħsara għas-sostitwibbiltà parzjali tagħhom, f’każi partikolari jista’ jirriżulta partikolarment diffiċli li jiġu ddeterminati l-kriterji li jippermettu li jsir xebh ġust.
51. Fis-sentenza dwar is-sistema fiskali ta’ l-inbid fir-Renju Unit, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-metodoloġija l-iktar adattata biex tiġi evalwata r-relazzjoni ta’ tassazzjoni bejn il-birra u l-inbid hija bbażata fuq xebh bejn l-imposta fiskali fir-rigward ta’ tliet fatturi differenti: il-volum, il-grad ta’ alkoħol u l-prezz tal-prodotti(20).
52. Jekk f’dan il-każ napplikaw din il-metodoloġija, ikollna r-riżultati li ġejjin.
53. F’dak li jikkonċerna x-xebh bejn il-livelli ta’ tassazzjoni fir-rigward tal-volum(21), peress li s-sisa fuq litru birra bi grad ta’ alkoħol medju (5.2 %-vol.)(22) hija ta’ SEK 7.64(23) u dik li tiġi applikata għal litru nbid ta’ qawwa alkoħolika li taqbeż it-8.5 % iżda li ma tkunx iktar minn 15 % vol. hija ta’ 22.08 krona Żvediża, jirriżulta li t-tassazzjoni fuq l-inbid skond il-volum hija madwar tliet(24) darbiet iktar minn dik fuq il-birra. F’dan il-każ, madankollu, dan ir-riżultat mhuwiex partikolarment sinjifikattiv, peress li differenza fit-tassazzjoni rigward il-volum hija normali fil-każ ta’ sistema fiskali li tuża’ l-grad ta’ alkoħol bħala bażi għat-taxxi.
54. F’każ tad-differenza fis-sisa fir-rigward il-grad ta’ alkoħol, inbid b’qawwa alkoħolika ta’ 12.5 % vol. jiġi ntaxxat skond il-volum ta’ alkoħol madwar 20 % iktar mill-birra (1.77 krona Żvediżi kontra 1.47) u inbid b’qawwa alkoħolika ta’ 11 % vol. madwar 36 % iktar (2 krona Żvediżi kontra 1.47). Inbid saħansitra eħfef, b’qawwa alkoħolika ta’ 10 % vol., jiġi ntaxxat skond il-volum ta’ alkoħol kważi 50 % iktar meta mqabbel mal-birra. Għandu jiġi rrilevat li l-grad ta’ alkoħol jikkostitwixxi l-parametru ta’ evalwazzjoni ċertament l-iktar rilevanti f’dan il-każ, peress li huwa meħud bħala bażi taxxabbli sabiex tiġi ddeterminata s-sisa.
55. L-evalwazzjoni komparattiva ta’ l-impatt tat-tassazzjoni fuq il-prezz finali tal-prodotti in kwistjoni hija iktar problematika. Id-diffikultà hija essenzjalement minħabba n-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet rigward il-prezzijiet li għandhom jiġu meħuda bħala bażi tal-kalkolu. Skond il-Kummissjoni, li qed tibbaża ruħha fuq l-istatistika uffiċjali tas-Systembolaget, il-firxa ta’ prezzijiet rilevanti, li fiha jsir bejn wieħed u ieħor 79 % tal-bejgħ ta’ l-inbid, tvarja bejn SEK 41 u SEK 70 għal kull flixkun ta’ 75 cl (bejn SEK 55 u SEK 93 SEK għal kull litru). Il-prezz medju għall-konsumatur ta’ litru nbid ta’ qawwa alkoħolika ta’ 12.5 % vol. huwa ta’ SEK 65.33, filwaqt li l-prezz medju għall-konsumatur ta’ litru birra b’qawwa alkoħolika ta’ 5.2 % vol. huwa ta’ SEK 30.33. Minflok, il-Gvern Żvediż iqis li huwa iktar eżatt li prezz medju ta’ bejgħ ta’ litru nbid bi grad ta’ alkoħol ta’ 12.5 % vol. jiġi kkunsidrat bħala li huwa SEK 69.58(25). Jekk bħala bażi tal-kalkolu tittieħed l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, is-sisa tirrappreżenta 33.8 % tal-prezz finali u l-prezz bażi ta’ l-inbid (30.18 SEK/l) jiżdied b’madwar 73 % wara l-applikazzjoni tas-sisa u b’madwar 116 % wara l-applikazzjoni tal-VAT. Jekk minflok nieħdu l-informazzjoni tal-Gvern Żvediż, bi prezz bażi ta’ l-inbid ta’ 33.584 SEK/l, dawn il-valuri huma rispettivament 31.7 %, 54.7 % u 107 %. F’dak li jikkonċerna l-birra, skond l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, u li ma kinitx ikkontestata mir-Renju ta’ l-Iżvezja(26), is-sisa tirrappreżenta madwar il-25.2 % tal-prezz finali u l-prezz bażi ta’ litru birra (SEK 16.62) jiżdied b’45.9 % wara l-applikazzjoni tas-sisa u bi 82.4 % wara l-applikazzjoni tal-VAT. B’mod ċar, fil-kategorija ta’ nbejjed intaxxati b’22.08 SEK/l (bejn it-8.5 % u l-15 % ta’ volum ta’ alkoħol), l-impatt tat-taxxi fuq l-istruttura tal-prezzijiet hija perċentwalment ogħla għal inbejjed li huma irħas u bi grad ta’ alkoħol iktar baxx.
56. L-informazzjoni msemmija iktar ‘il fuq turi, indipendentement mill-parametru ta’ xebh meħud in kunsiderazzjoni, li l-kategoriji ta’ l-inbid li jikkompetu mal-birra huma suġġetti għal sisa ferm ogħla minn dik li tiġi applikata għall-birra.
57. Fl-aħħar nett, il-verifika tal-kompatibbiltà ta’ sistema fiskali nazzjonali mal-projbizzjoni fl-Artikolu 90 KE titlob il-prova tan-natura diskriminatorja ta’ din is-sistema.
58. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, f’dak li jirrigwarda l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90 KE, in-natura diskriminatorja tirriżulta mill-istess differenza fit-trattament fiskali, peress li dawn huma prodotti simili u li jixxiebħu sew, il-projbizzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni tiġi applikata mill-mument meta sistema ta’ taxxa tolqot prodott importat iktar milli tolqot il-prodott nazzjonali. Min-naħa l-oħra, fil-każ tat-tieni paragrafu, b’kunsiderazzjoni tad-diffikultajiet sabiex jiġi stabbilit xebh biżżejjed preċiż bejn il-prodotti in kwistjoni, l-evalwazzjoni għandha ssir, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi ta’ kriterju iktar globali, jiġifieri n-natura indirettament protezzjonista tas-sistema fiskali kkunsidrata(27).
59. Din l-evalwazzjoni hija definittivament l-iktar waħda sensittiva fost dawk li jridu jitwettqu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 90 KE u, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tista’ timplika oneru tal-prova li l-Kummissjoni ssib diffiċli li tissodisfa.
60. Bil-għan li tnaqqas dan l-oneru, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE huwa biżżejjed li jiġi aċċertat li sistema fiskali partikolari “meta jitqiesu l-karatteristiċi tagħha stess, tista’ tikkawża l-effett protezzjonist li jirreferi għalih it-Trattat”(28). Żiedet tgħid ukoll li “mingħajr ma tiġi traskurata (…) l-importanza ta’ l-elementi ta’ evalwazzjoni li wieħed jista’ jieħu mill-istatistika li tippermetti li jitkejjel l-effett ta’ dispożittiv fiskali partikolari, wieħed ma jistax jeżiġi mill-Kummissjoni li tipprovdi indikazzjonijiet f’ċifri dwar il-konsistenza konkreta ta’ l-effett protezzjonist tas-sistema fiskali kkritikata”(29).
61. Fis-sentenza dwar is-sistema fiskali ta’ l-inbid u tal-birra fil-Belġju, madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li, ladarba tiġi aċċertata r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn iż-żewġ prodotti, kwalunkwe differenza fir-rati ta’ taxxa li jiġu applikati fuq l-istess bażi taxxabbli tkun inkompatibbli mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE, u ppreċiżat li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ oneru fiskali partikolari ma’ l-imsemmija dispożizzjoni “għandha sseħħ fid-dawl ta’ l-impatt ta’ dan l-oneru fuq ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn id-diversi prodotti [in kwistjoni]”(30). Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, “għalhekk huwa essenzjali li jiġi stabbilit jekk l-imsemmi oneru huwiex tali li jinfluwenza s-suq in kwistjoni billi jnaqqas il-konsum potenzjali tal-prodotti importati b’vantaġġ għall-prodotti nazzjonali li qed jikompetu magħhom”(31). Fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat ukoll li “fl-evalwazzjoni tan-natura vera ta’ l-effett protezzjonist ma tistax ma tiġix ikkunsidrata d-differenza li hemm bejn il-prezzijiet ta’ bejgħ effettivi tal-birra u ta’ l-inbid”.
62. Abbażi ta’ dan il-preċedent, f’din il-kawża r-Renju ta’ l-Iżvezja qed isostni li l-Kummissjoni ma ssodisfattx l-oneru tal-prova li kellha, peress li naqset milli tikkunsidra d-differenza sinjifikattiva fil-prezzijiet li jeżistu bejn iż-żewġ prodotti in kwistjoni, differenza li kienet wasslitha sabiex teskludi influwenza possibbli tad-differenza fit-tassazzjoni li għaliha huma suġġetti l-imsemmija prodotti fuq l-għażliet tal-konsumatur.
63. Peress li dan huwa l-argument prinċipali li ġie żviluppat mill-Gvern konvenut, li fuqu dan ta’ l-aħħar qed jibbaża l-element essenzjali tad-difiża tiegħu, inqis li minnufih għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan l-argument qabel ma eventwalment nipproċedi iktar fl-analiżi tiegħi. Għaldaqstant jeħtieġ li jitfakkar fil-qosor il-kuntest tas-sentenza li fuqha huwa bbażat l-ilment issollevat mir-Renju ta’ l-Iżvezja kif ukoll għad-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għaliha f’dik l-okkażjoni.
64. Fil-każ partikolari li huwa s-suġġett tal-proċedura li tat lok għal din is-sentenza, il-Kummissjoni akkużat lir-Renju tal-Belġju li kienet qed tapplika rata tal-VAT fuq l-inbid ogħla b’madwar 6 % dik stabbilita għall-birra. Fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-differenza fit-trattament fiskali in kwistjoni ma kinitx tali li tinfluwenza l-għażla tal-konsumatur. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx ippruvat li d-differenza bejn il-prezzijiet rispettivi tal-birra u ta’ l-inbid f’kompetizzjoni ma’ xulxin kienet tant baxxa li d-differenza ta’ 6 % li kien hemm bejn ir-rati tal-VAT li ġew applikati għaż-żewġ prodotti tista’ tinfluwenza l-imġieba tal-konsumatur u, konsegwentement, ikollha effett protezzjonist favur il-birra(32).
65. Eżami iktar iddettaljat ta’ l-informazzjoni tal-kawża jippermetti li tinftiehem aħjar il-portata tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja u li jiġi evalwat jekk, kif qed jissuġġerixxi r-Renju ta’ l-Iżvezja, hux korrett li s-soluzzjoni adottata f’dik il-kawża tiġi trasposta għal dan il-każ.
66. Il-Gvern Belġjan kien sostna li l-prezz ta’ litru birra, bit-taxxi inklużi, kien jammonta għal BFR 29.75 u dak ta’ litru inbid ta’ kwalità simili kien ta’ BFR 125. Peress li l-argumenti tal-Kummissjoni sabiex tiġi kkontestata din l-informazzjoni ġew għal kollox miċħuda, wieħed irid jiddeduċi li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-analiżi tagħha fuq dik l-informazzjoni. Il-prezz ta’ bejgħ lill-konsumatur ta’ l-inbid fil-Belġju, bil-VAT inkluża, għalhekk kien ta’ madwar erba’ darbiet (33) dak tal-birra filwaqt li d-differenza bejn ir-rati tal-VAT li ġew applikati rispettivament għall-inbid u għall-birra kienet, kif intwera iktar ‘il fuq, ta’ 6 % (25 % għall-inbid u 19 % għall-birra).
67. Fil-konklużjonijiet tiegħu(34), li, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet sostanzjalment, l-Avukat Ġenerali Vilaça osserva kif, kieku intużat l-istess ta’ rata ta’ VAT ta’ 25 %, fejn b’hekk ir-rata li tiġi applikata għall-birra kienet tiżdied b’6 punti perċentwali, id-differenza fil-prezz bejn iż-żewġ prodotti kienet mall-ewwel tonqos b’ BFR 1.5 (minn BFR 95.25 għal BFR 93.75), filwaqt li kieku ġiet stabbilita r-rata għal 19 %, jiġifieri titnaqqas ir-rata applikata għall-inbid, dan it-tnaqqis kien ikun ta’ BFR 6 (minn BFR 95.25 għal BFR 89.25). Fiż-żewġ każi, ir-relazzjoni ta’ prezz bejn l-inbid u l-birra ma ġietx wisq mibdula (-1.5 % fil-każ ta’ r-rata stabbli ta’ 25 % u -6.3 % fil-każ ta’ rata li tiġi stabbilita għal 19 %). Fl-ewwel każ, li għandu jiġi kkunsidrat bħala l-iktar probabbli meta naraw id-dikjarazzjonijiet li għamel il-Gvern Belġjan matul il-kawża, il-prezz ta’ litru birra kien żdied b’5 %, filwaqt li fit-tieni każ, il-prezz ta’ litru nbid kien naqas b’4.8 %(35).
68. F’dan il-punt, jeħtieġ li tiġi mqabbla l-informazzjoni li għandna f’din il-kawża ma’ dik imsemmija iktar ‘il fuq, sabiex jiġi evalwat jekk hux permess li f’dan il-każ li l-Qorti tasal għall-istess konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju.
69. Jekk nibdew mill-informazzjoni pprovduta jew mhux ikkontestata mir-Renju ta’ l-Iżvezja (36) u jekk għal litru nbid ta’ qawwa alkoħolika ta’ 12.5 % vol. tiġi applikata r-rata tas-sisa prevista għall-birra, jiġifieri ta’ SEK 1.47 SEK għal kull volum ta’ alkoħol, bħala riżultat niksbu tnaqqis fil-prezz, f’termini assoluti, ta’ 4.63 SEK/l (EUR 0.50)(37) u f’termini ta’ perċentwali ta’ 6.65 %. Ir-relazzjoni fil-prezz bejn l-inbid u l-birra tonqos bi 11.8 %, anki jekk tibqa’ bi proporzjon ta’ 2 għal 1(38).
70. Quddiem din l-informazzjoni, huwa possibbli li jiġi konkluż, b’mod analogu għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza msemmija iktar ‘il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, li d-differenza fil-prezzijiet tal-birra u ta’ l-inbid fl-Iżvezja hija tant rilevanti li d-differenza ta’ 20 %(39) li teżisti bejn ir-rati tas-sisa li jiġu applikati għaż-żewġ xarbiet mhix tali li tinfluwenza l-imġieba tal-konsumatur?
71. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għandha tkun waħda negattiva. Ix-xebh bejn l-informazzjoni relatata ma’ din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju fil-fatt ma tippermettix li ż-żewġ każi jiġu kkunsidrati bħala li jixxiebħu. Jekk fl-imsemmija sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet issostni li, skond il-proporzjon ta’ 1 għal 4 bejn il-prezz tal-birra u dak ta’ l-inbid, tnaqqis eventwali fil-prezz ta’ l-inbid qrib 5 % ma jidhirx tali li jinfluwenza l-għażliet tal-konsumatur, mhux l-istess jista’ jingħad b’ċertezza, mingħajr ma jiġu kkunsidrati fatturi oħra, fejn l-imsemmi proporzjon ikun ta’ 1 għal 2 u t-tnaqqis eventwali fil-prezz ta’ l-inbid huwa ta’ 6.5 %(40). Fil-prinċipju, iktar ma tonqos ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ żewġ prodotti li qed jikkompetu ma’ xulxin iktar se jiżdied il-grad ta’ sostitwibbiltà bejniethom stess u konsegwentement titnaqqas il-firxa tal-varjazzjoni fil-prezz li tista’ tiddetermina effett ta’ sostituzzjoni.
72. Abbażi ta’ dak li ntqal iktar ‘il fuq, inqis li l-argument tar-Renju ta’ l-Iżvezja, jiġifieri li jekk titqies biss id-differenza fil-prezzijiet li teżisti bejn l-inbid u l-birra huwa possibbli li jiġi eskluż li d-differenza bejn ir-rati tas-sisa applikati għaż-żewġ prodotti tista’ jkollha kwalunkwe impatt fuq l-għażla tal-konsumatur għandu jiġi miċħud.
73. Peress li wasalt għal din il-konklużjoni billi ħadt kunsiderazzjoni ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern konvenut, mhux ser indum fuq il-kwistjoni, li ġiet diskussa sew bejn il-partijiet matul il-proċedura bil-mitkub, dwar kemm kien korrett il-metodu ta’ xebh li adotta l-Gvern Żvediż, fejn qabbel il-prezzijiet ta’ litru nbid u ta’ litru birra. F’dan ir-rigward, se ngħid biss li l-metodu ssuġġerit mill-Kummissjoni, jiġifieri li jiġu mqabbla l-prezzijiet ta’ tazza nbid u ta’ magg birra ta’ volumi differenti, ma jidhirx li huwa l-iktar adattat u dan jekk nikkunsidraw b’mod partikolari l-metodi kif jiġu kkumerċjalizzati l-prodotti in kwistjoni. Dawn ta’ l-aħħar fil-fatt jinbiegħu l-iktar fil-punti ta’ bejgħ tas-Systembolaget(41), f’kundizzjonijiet li jagħmlu definittivament iktar immedjat xebh fil-prezzijiet tax-xorb b’kull litru, anki minħabba t-tendenza tal-konsumatur medju Żvediż, msemmija mill-Gvern konvenut fir-risposti tiegħi, li jixtru inbejjed f’dawk li jissejħu Bag in Box(42). Madankollu, il-Kummissjoni ma pprovdietx elementi li jippermettu li l-metodu ta’ xebh tagħha jiġi kkunsidrat bħala iktar rilevanti, meta jiġu kkunsidrati d-drawwiet tal-konsumatur Żvediż u l-karatteristiċi tas-suq, minn dak issuġġerit mill-Gvern konvenut.
74. Issa jeħtieġ li jiġi evalwat jekk l-elementi mressqa mill-Kummissjoni humiex biżżejjed biex juru jekk is-sistema fiskali in kwistjoni hijiex adattata biex tipproduċi effett protezzjonist fir-rigward tal-birra b’dannu għall-inbid.
75. Skond il-Kummissjoni, mill-istatistika tas-Systembolaget jirriżulta b’mod ċar li l-imġieba tal-konsumaturi hija influwenzata mill-varjazzjonijiet fil-prezz ikkawżati mill-varjazzjonijiet fir-rata tas-sisa tal-prodotti in kwistjoni. Il-Kummissjoni tosserva li l-istatistika għall-1997, is-sena meta daħlet fis-seħħ ir-riforma fiskali li naqset ir-rata tas-sisa fuq il-birra b’madwar 40 punt perċentwali, fejn min-naħa l-waħda, juru li l-bejgħ ta’ din ix-xarba rreġistra żieda ta’ 8.9 %, fejn iddawret it-tendenza tas-snin ta’ qabel, li fihom kien seħħ flessjoni sinjifikattiv, u min-naħa l-oħra, li l-bejgħ ta’ l-inbid naqas bi 3.7 %. Fl-2002, is-sena li fiha r-rata tas-sisa fuq l-inbid tnaqqset bi 18.8 %, il-bejgħ ta’ dan il-prodott kien bil-kontra żdied bi 11 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li, jekk fil-perijodu bejn l-1997 u l-2001, il-bejgħ ta’ l-inbid b’kollox kien jirreġistra żieda, il-bejgħ tal-birra żdied f’termini ta’ perċentwali b’mod ferm akbar. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrileva li, filwaqt li fl-1995, il-bejgħ ta’ l-inbid skond il-volum kien sostanzjalment ekwivalenti għal dak tal-birra (madwar 103 miljun ta’ litri għal kull xarba), il-volum ta’ birra mibjugħ fl-2004 (madwar 173 miljun ta’ litri) kien jaqbeż b’20 % dak ta’ l-inbid (madwar 139 miljun ta’ litri). Din id-differenza, li nħolqot wara r-riforma fiskali ta’ l-1997, skond il-Kummissjoni, għandha tiġi attribwita għad-differenza bejn ir-rati taż-żewġ xarbiet li ġiet introdotta mill-imsemmija riforma.
76. L-informazzjoni li ġiet ippreżentata mir-rikorrenti ma jidhirlix li hija partikolarment sinjifikattiva, iktar u iktar, peress li tirreferi b’mod ġeneriku għall-bejgħ ta’ l-inbid u tal-birra, u għalhekk ma tippermettix li jitqies l-iżvolġiment tal-bejgħ tal-kategoriji f’kompetizzjoni bejniethom b’mod iżolat. It-tieni nett, jekk huwa minnu li mill-istatistika invokata mill-Kummissjoni jirriżulta li, mill-1997 sa l-2003, il-bejgħ tal-birra kompla jiżdied, dan il-progress ma kienx madankollu wieħed kostanti. Fl-1998, is-sena wara t-tnaqqis tar-rata, iż-żieda fil-bejgħ kienet biss ta’ 2.8 %, li tirrappreżenta l-valur minimu fil-perijodu 1997‑2003, filwaqt li fl-1999 ġiet irreġistrata żieda fil-bejgħ ta’ 15.4 %, li hija ferm akbar minn dik li nkisbet fl-1997, b’mod korrispondenti mat-tnaqqis fir-rata tas-sisa. Is-snin wara l-1999, ħlief l-2003, juru żieda fil-bejgħ kważi kostanti, ta’ madwar 10 %. Fil-fehma tiegħi, din l-informazzjoni tippermetti li wieħed jissuponi li fatturi oħra, minbarra dak fiskali, influwenzaw iż-żieda fil-bejgħ tal-birra fil-perijodu ta’ referenza u konsegwentement id-differenza bejn il-volumi tal-bejgħ ta’ l-inbid u tal-birra li nħolqot matul l-imsemmi perijodu. Fejn għandu x’jaqsam l-inbid, l-istatistika tal-bejgħ tas-Systembolaget turi tabilħaqq flessjoni fl-1997, is-sena meta ġiet applikata r-rata mnaqqsa tas-sisa għall-birra, iżda fis-sena ta’ wara l-bejgħ żdied mill-ġdid b’rata ta’ żieda ta’ 2.7 %, li hija kważi identika għal dik li ġiet irreġistrata fl-istess sena għall-birra (2.8 %). Mill-1998 ‘il quddiem, il-bejgħ ta’ l-inbid żdied anki jekk mhux b’mod kostanti.
77. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew iktar ‘il fuq, jiena tal-fehma li l-informazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni tippermetti l-iktar li tiġi ppruvata l-attenzjoni tal-konsumatur Żvediż għall-bidliet fil-prezzijiet ikkawżati minn tibdiliet fis-sistema fiskali tax-xorb in kwistjoni, attenzjoni li b’mod koerenti mad-drawwiet tal-konsum lokali, li tradizzjonalment jiffavorixxu l-birra, hija dejjem akbar fil-każ ta’ l-inbid(43). Barra minn hekk jirriżulta li l-effett ta’ l-espansjoni tal-bejgħ minħabba tnaqqis fir-rata tas-sisa għandu perijodu ta’ żmien limitat u fil-verità spiċċa fix-xejn fl-ewwel sena wara d-dħul fis-seħħ tal-bidla fiskali.
78. Jekk mill-istatistika ppreżentata mill-Kummissjoni wieħed jista’ jiddeduċi ċerta elastiċità fit-talba għall-prodotti in kwistjoni fir-rigward tal-prezz, fattur li mill-bqija mhux ikkontestat mir-Renju ta’ l-Iżvezja(44), fil-fehma tiegħi mhux possibbli li tinkiseb informazzjoni biżżejjed rilevanti rigward l-impatt tal-varjazzjonijiet tal-prezz fuq ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-imsemmija prodotti, b’mod li jkun jista’ jiġi aċċertat li ż-żidiet fil-bejgħ rispettivament ta’ birra u ta’ inbid fl-1997 u fl-2002 kienu parzjalment ikkawżati minn effett ta’ sostituzzjoni. Impatt bħal dan jiddependi mill-grad ta’ kompetizzjoni eżistenti bejn il-prodotti u għalhekk mill-koeffiċjent ta’ elastiċità flimkien mat-talba, fatturi li dwarhom il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda element ta’ evalwazzjoni.
79. Għaldaqstant, issa jeħtieġ li nistaqsu liema huwa konkretament l-oneru ta’ prova li għandha l-Kummissjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ proċedura ta’ ksur skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE.
80. Diġà ntqal li l-Qorti tal-Ġustizzja ma titlobx li jiġi aċċertat, permezz ta’ statistika jew ta’ studji ekonometriċi, effett protezzjonist veru tas-sistema fiskali kkontestata, u raġonevolment il-Kummissjoni lanqas ma tista’ titlob dimostrazzjoni bħal din, (45) iżda l-prova ta’ kemm din is-sistema hija adatta biex tipproduċi effett bħal dan. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li twettaq eżami tal-karatteristiċi oġġettivi kollha tas-sistema fiskali in kwistjoni, sabiex tevalwa jekk, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni fiskali li kienet eżistenti qabel l-introduzzjoni tagħha u l-karatteristiċi tas-suq, jeżistux biżżejjed elementi sabiex wieħed jippreżumi impatt ta’ din is-sistema fuq konsum potenzjali tal-prodotti li ġejjin minn Stati Membri oħra u fuq ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti in kwistjoni (46). Quddiem ħjiel li huwa tali li jsostni l-argument tal-Kummissjoni, huwa l-obbligu tal-gvern ikkonċernat li jiġġustifika d-differenza fit-trattament fiskali in kwistjoni (47) u/jew jipprovdi elementi sabiex jiġi ekluż li nkiser it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90(48).
81. Dan it-tqassim fl-oneru tal-prova ma jidhirx li barra minn hekk tneħħa permezz tas-sentenza Il-Kummissjoni vs. Il-Belġju, iċċitata iktar’il fuq, fejn l-informazzjoni ppreżentata mill-Gvern Belġjan, li kienet ikkontestata mingħajr suċċess mill-Kummissjoni, ippermettiet li tiġi sostnuta n-newtralità sostanzjali tar-rata differenzjata tal-VAT applikata għall-inbid u għall-birra rigward ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn dawn il-prodotti, billi ġie invalidat l-argument tal-Kummissjoni rigward effett protezzjonist possibbli tas-sistema fiskali li għaliha kienu suġġetti.
82. F’dan il-każ jeżisti ħjiel biżżejjed sabiex wieħed jippreżumi n-natura protezzjonista tas-sistema fiskali kkontestata?
83. Nibdew b’eżami tal-karatteristiċi ta’ din is-sistema. Kif ammetta l-istess Gvern Żvediż, ir-riforma fiskali ta’ l-1997, li permezz tagħha r-rata tas-sisa fuq il-birra tnaqqset b’40 %, biddlet l-ugwaljanza fiskali li preċedentement kienet teżisti bejn il-birra qawwija u l-inbid bi grad ta’ alkoħol ta’ madwar il-11 % vol(49). Skond is-sistema attwalment fis-seħħ bħalissa, anki jekk is-sisa tiġi ffissata għall-birra bħall-inbid skond il-qawwa alkoħolika f’termini ta’ volum, u għaldaqstant, skond kriterju oġġettiv li jirrifletti l-karatteristiċi tal-prodotti, madankollu l-metodu ta’ kalkolu huwa wieħed differenti(50). Is-sisa fuq il-birra fil-fatt tiġi ddeterminata billi ammont fiss jiġi mmoltiplikat bil-qawwa alkoħolika skond il-volum tax-xarba, b’mod li t-tassazzjoni skond il-volum ta’ alkoħol tibqa’ identika indipendentement mill-grad ta’ alkoħol tax-xarba, filwaqt li l-inbid jinqasam f’5 kategoriji skond il-grad ta’ alkoħol u, f’kull kategorija, it-tassazzjoni skond il-volum ta’ alkoħol tvarja minn massimu, għall-inbejjed b’inqas grad ta’ alkoħol, għal minimu, għall-inbejjed bi grad ogħla ta’ alkoħol. Fir-raba’ kategorija, li tinkludi l-inbejjed li jikkompetu mal-birra qawwija, din it-tassazzjoni tvarja minn SEK 2.45 skond il-volum ta’ l-alkoħol, għall-inbejjed b’qawwa alkoħolika ta’ 9 % vol., għal SEK 1.47 għall-inbejjed b’qawwa alkoħolika ta’ 15 % vol. L-impatt tat-taxxi għalhekk huwa iktar qawwi għal inbejjed li huma eħfef, li huma wkoll dawk li huma l-orħos, li jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni l-iktar diretta mal-birra.
84. It-tieni nett, għandha tiġi evalwata d-differenza fit-tassazzjoni tal-prodotti in kwistjoni li twassal għall-applikazzjoni tas-sistema li ġiet deskritta iktar ‘il fuq. Madankollu, kif diġà ġie osservat preċedentement(51), xebh ta’ l-imposta fiskali li għaliha huma suġġetti rispettivament l-inbid u l-birra juri, indipendentement mill-parametru ta’ xebh meħud in kunsiderazzjoni (volum, grad ta’ alkoħol jew prezz tal-prodotti), li l-kategoriji ta’ l-inbid li jinsabu f’kompetizzjoni mal-birra huma suġġetti għal sisa b’mod sinjifikattiv ogħla minn dik li tiġi applikata għal din ix-xarba.
85. Rigward il-karatteristiċi tas-suq, l-attenzjoni tal-konsumatur Żvediż rigward il-varjazzjonijiet fil-prezz ikkawżati mit-tidbil fis-sistema fiskali li għaliha huma suġġetti l-prodotti in kwistjoni ma ġietx sostanzjalment ikkontestata. Barra minn hekk, ix-xebh bejn il-prezzijiet tax-xorb in kwistjoni, imwettq abbażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Żvediż, ma ppermettix li jiġi eskluż impatt possibbli fuq il-kompetizzjoni tad-differenza fit-tassazzjoni li huwa suġġett għaliha dan ix-xorb(52). Lanqas l-istatistika ppreżentata mill-Gvern Żvediż, minfejn jirriżulta li bejn l-1996 u l-2003 il-bejgħ ta’ l-inbid żdied iktar, f’termini ta’ perċentwali, minn dak tal-birra, ma jikkostitwixu minnhom infushom prova tan-nuqqas ta’ effett protezzjonist, tas-sistema fiskali kkunsidrata(53).
86. F’dawn iċ-ċirkonstanzi nqis li f’dan il-każ hemm elementi biżżejjed sabiex is-sistema fiskali in kwistjoni titqies bħala adattata biex ikollha impatt fuq il-konsum potenzjali ta’ l-inbid u sabiex tqiegħed fi żvantaġġ dan il-prodott, prinċipalment importat minn Stat Membri oħra, fil-konfront tal-birra, li hija produzzjoni essenzjalment nazzjonali, peress li din ta’ l-aħħar, “tikkostitwixxi l-eqreb [punt ta’ referenza] mil-lat tal-kompetizzjoni”(54). L-argumenti li żviluppa r-Renju ta’ l-Iżvezja, fil-fehma tiegħi, mhumiex tali li jinvalidaw din il-konklużjoni. Għaldaqstant inqis li r-rikors għandu jiġi milqugħ.
V – Fuq l-ispejjeż
87. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li wasalna għall-konklużjoni li r-Renju ta’ l-Iżvezja tilef, inqis li hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, hekk kif mitlub mill-Kummissjoni.
88. Ir-Repubblika tal-Latvja, li intervjeniet f’din il-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura.
VI – Konklużjoni
89. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tikkonstata li, meta applika għall-inbejjed f’kompetizzjoni mal-birra, sisa relattivament ogħla minn dik imposta fuq il-birra, ir-Renju ta’ l-Iżvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE;
– tikkundanna lir-Renju ta’ l-Iżvezja għall-ispejjeż;
– tiddikjara li r-Repubblika tal-Latvja tbati l-ispejjeż tagħha.
1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.
2 – Skond l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 1 ta’ l-Alkohollag (1994:1738, liġi dwar ix-xorb alkoħoliku), xarba alkoħolika tfisser xarba ta’ qawwa alkoħolika li taqbeż it-2.25 % vol. Ix-xorb alkoħoliku huwa diviż fi spirti, inbid, birra qawwija u birra.
3 – Skond id-definizzjoni inkluża fl-Artikolu 6 tal-Kapitolu 1 ta’ l-Alkohollag, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.
4 – Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1994, dwar id-dazji tas-sisa fuq ix-xorb alkoħoliku.
5 – Fil-kalkoli li għandhom l-għan li juru il-fondatezza ta’ l-allegazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tieħu bħala eżempju inbid b’qawwa alkoħolika ta’ 12.5 % vol.
6 – L-informazzjoni relatata mal-firxa ta’ prezzijiet tidher espressament biss fir-risposta. Fir-rikors, il-Kummissjoni tirreferi b’mod iktar ġeneriku għal “inbejjed ħfief bi prezz irħis” jew għal “inbejjed tal-mejda bi prezz irħis”.
7 – Il-Kummissjoni qed tibbaża ruħha prinċipalment fuq l-istatistika ta’ bejgħ tas-Systembolaget li ġew ippubblikati fuq is-sit ta’ l-Internet ta’ din ta’ l-aħħar.
8 – Fir-rikors, il-Kummissjoni tqabbel l-impatt tas-sisa fuq il-prezz finali ta’ flixkun (ta’ 75 cl għall-inbid u ta’ 33 cl għall-birra), ta’ litru u ta’ tazza tal-prodott (ta’ 15 cl għall-inbid u ta’ 33 cl għall-birra).
9 – Il-Gvern konvenut iqis li din ir-relazzjoni teżisti bejn il-birer qawwija l-iktar mibjugħa u l-inbejjed l-iktar popolari u l-orħas b’qawwa alkoħolika ta’ madwar 11 % vol.
10 – Fil-kontroreplika, ir-Renju ta’ l-Iżvezja jistaqsi dwar l-intensità u n-natura mhux ekwivoka tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn iż-żewġ prodotti.
11 – Fir-replika, il-Kummissjoni ssostni li l-metodu ta’ xebh tal-prezzijiet l-iktar xieraq mill-perspettiva tal-konsumatur huwa dak li, bħala kwantità ta’ referenza, juża’ tazza nbid u tazza birra u tikkontesta l-metodu tal-Gvern Żvediż li ħa in kunsiderazzjoni l-prezzijiet skond litru ta’ prodott. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Żvediż iqis li l-metodu indikat mill-Kummissjoni ma jwassalx għal riżultati ċari.
12 – L-informazzjoni mhux aċċessibbli għall-pubbliku li fuqha hija bbażata din l-istatistika ġiet ippreżentata mill-Gvern Żvediż fil-kontroreplika tiegħu.
13 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (356/85, Ġabra, p. 3299, punt 6) u tal-11 ta’ Lulju 1989, Il-Kummissjoni vs L-Italja (323/87, Ġabra, p. 2275, punt 7).
14 – F’dan is-sens, ara s-sentenza ta’ l-4 ta’ April 1968, Fink‑Frucht (27/67, Ġabra, p. 327); ara wkoll, fost l-oħrajn, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Franza (168/78, Ġabra 1980 p. 347, punt 6) u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7.
15 – Sentenza Fink‑Frucht, iċċitata iktar ’il fuq. Madankollu, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżisti tendenza li ma tiġix rikonoxxuta bħala wisq rilevanti d-distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ “similarità” u ta’ “kompetizzjoni” u sabiex “tigglobalizza” l-evalwazzjoni li għandha ssir skond l-Artikolu 90 KE”. F’diversi sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja naqset mili tikkwalifika l-prodotti in kwistjoni bħala simili jew kompetittivi, u limitat ruħha li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejniethom, mill-inqas potenzjali jew indiretta. F’dan is-sens, ara s-sentenzi tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Franza (168/78, iċċitata iktar ’il fuq); Il-Kummissjoni vs L-Italja (169/79, Ġabra, p. 385), u Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (171/78, Ġabra, p. 447). Iktar reċentement, ara, per eżempju, is-sentenza tat-18 ta’ April 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-230/89, Ġabra p. I-1909).
16 – Sentenza tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (170/78, Ġabra, p. 417, punt 6).
17 – Sentenza tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14.
18 – Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-karatteristiċi tas-suq Belġjan ma kinux tali li jippermettu li jqiegħdu f’dubju l-evalwazzjoni li saret b’referenza għas-suq Britanniku. Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11.
19 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1983, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (170/78, Ġabra, p. 2265, punt 12). Ara wkoll is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Socridis (C-166/98, Ġabra, p. I-3791).
20 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18.
21 – Jekk wieħed jassumi volum identifiku għaż-żewġ xarbiet.
22 – Din hija l-qawwa alkoħolika li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Żvediż jirreferu għaliha rigward il-birra.
23 – Il-birra hija ntaxxa b’rata ta’ 1.47 krona Żvediż għal kull litru skond il-volum ta’ alkoħol: 1.47 x 5.2 = 7.64.
24 – 2.89.
25 – Dan il-prezz jirriżulta mill-medja tal-prezzijiet ta’ 22 inbid, li jinbiegħu fi fliexken jew f’pakketti tal-kartun, li jinbiegħu l-iktar fil-firxa ta’ prezzijiet ta’ bejn 61 u 70 krona Żvediżi, fejn hemm l-akbar ammont ta’ bejgħ.
26 – Il-prezz medju għall-konsumaturi ta’ litru birra b’qawwa alkoħolika ta’ 5.2 % huwa ta’ SEK 30.33.
27 – Sentenza tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9. Ara, preċedentement, is-sentenza Fink-Frucht, iċċitata iktar ’il fuq. Madankollu, it-tendenza tal-ġurisprudenza li “tigglobalizza” l-evalwazzjoni skond l-Artikolu 90 KE, mingħajr ma tagħmel distinzjoni ċara bejn l-applikazzjoni ta’ l-ewwel u tat-tieni paragrafu (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq) twassal biex l-effett protezzjonist tas-sistema fiskali in kwistjoni jiġi kkunsidrat bħala kriterju prevalenti sabiex jiġi rrikonoxxut l-eżistenza ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni.
28 – Sentenza tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10. Il-korsiv huwa tiegħi.
29 – Sentenza tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10.
30 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15.
31 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16. Il-korsiv huwa tiegħi.
32 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18.
33 – 4.2 darbiet. Meta jitqiesu l-prezzijiet netti tal-VAT (BFR 100 BFR għall-inbid u 25 BFR għall-birra), id-differenza kienet eżattament ta’ 1 għal 4.
34 – Ippreżentati fis-26 ta’ Frar 1987 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq (Ġabra, p. 3299, paragrafi 102 u segwenti).
35 – Ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Vilaça, iċċitati iktar ’il fuq, punt 109.
36 – Il-paragun sar b’referenza għall-prezz medju ta’ litru inbid bi grad ta’ alkoħol ta’ 12.5 %. Għandu jiġi rrilevat li fejn ġew ikkunsidrati inbejjed iktar ħfief u irħas, inklużi fil-kategorija tat-taxxi in kwistjoni, id-differenza fil-prezzijiet rigward il-birra hija inqas sinjifikattiva, filwaqt li, kif intwera qabel, id-differenza fit-tassazzjoni bi żvantaġġ għall-inbid hija iktar għolja.
37 – Il-kalkolu jieħu in kunsiderazzjoni anki l-applikazzjoni tal-VAT ta’ 25 %.
38 – Tgħaddi minn 2.3 għal 2.1.
39 – Meta tiġi ppargunata s-sisa skond il-volum ta’ l-alkoħol u jekk jiġi kkunsidrat inbid bi grad ta’ alkoħol ta’ 12.5 % vol.
40 – Iżda dan jiżdied fejn jiġu kkunsidrati inbejjed li għandhom grad inqas ta’ alkoħol u li huma irħas fil-prezz.
41 – Il-bejgħ mir-ristoranti awtorizzati jidher li ma jaqbżux l-10 % tat-total.
42 – Is-sistema Bag in Box hija metodu ta’ ppakkjar tal-likwidi fejn il-materja prima tkun magħluqa f’borża li tista’ tkun kemm tal-plastik jew ta’ l-aluminju u, li min-naħa tagħha l-borża tiddaħħal ġewwa kaxxa tal-kartun bil-għan li jkun iffaċilitat iċ-ċaqliq u l-ħżin. Ir-raġunijiet għas-suċċess ta’ ppakkjar ta’ din it-tip huma marbuta mal-konvenjenza u mal-karatteristika tiegħu li jżomm il-likwidi friski billi jillimita d-dħul ta’ l-arja. Normalment, għall-ibid, dawn it-tipi ta’ ppakkjar jesgħu 3, 5, 10 jew 20 litru.
43 – L-istatistika ppreżentata mill-Kummisjoni turi żieda fil-bejgħ ta’ l-inbid fl-2002 akbar minn dak li ġie rreġistrat fl-1997 għall-birra, minkejja li t-tnaqqis tar-rata tas-sisa fuq l-inbid kienet ta’ madwar nofs dik li qabel kienet applikata għall-birra.
44 – Iż-żieda fil-bejgħ ta’ l-inbid fl-2002, wara t-tnaqqis fis-sisa, tirriżulta wkoll mill-istatistika ppreżentata mir-Renju ta’ l-Iżvezja. Min-noti tal-Gvern konvenut jirriżulta wkoll li hija propju l-elastiċità, ftit jew wisq kbira, iżda dejjem apprezzabbli, tad-domanda għal xorb alkoħoliku b’mod ġenerali li ppermettiet li l-Iżvezja tuża’ tradizzjonalment l-istrument fiskali biex tintervjeni fuq il-prezzijiet u b’hekk fuq id-drawwiet tal-konsum. Fl-imgħoddi, iż-żieda fir-rata tas-superalkoħoliċi flimkien ma’ miżuri oħra mhux fiskali, per eżempju ppermettiet li l-Gvern jorjenta lill-konsumaturi ta’ dan ix-xorb lejn prodotti bi grad inqas ta’ alkoħol, b’mod partikolari l-inbid.
45 – Din il-prova tista’ tkun partikolarment diffiċli li titressaq, meta dawn huma prodotti li huma biss parzjalment sostitwibbli.
46 – Jidher ċar li l-oneru tal-prova li għandha l-Kummissjoni ser jkun inqas strett daqskemm hija diretta r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti in kwistjoni sakemm ikun hemm koinċidenza sostanzjali mal-konstatazzjoni ta’ differenza fit-taxxi fil-każ fejn qed jiġu kkunsidrati prodotti prattikament simili.
47 – Ara, per eżempju, il-kawża rigward it-trattament fiskali ta’ l-alkoħol żnaturat fl-Italja (sentenza ta’ l-14 ta’ Jannar 1981, Vinal, 46/80, Ġabra, p. 77).
48 – Nixtieq nippreċiża li dan ma jimplikax tidwir ta’ l-oneru tal-prova, peress li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tipprovdi biżżejjed elementi ta’ provi suffiċjenti biex issostni dimostrazzjoni prima facie ta’ l-eżistenza ta’ effett protezzjonist.
49 – Skond dak li ddeskriva l-istess Gvern konvenut.
50 – Mill-atti ma jirriżultax jekk qabel it-tidbil introdott fl-1997, il-metodu ta’ kalkolu tas-sisa għall-inbid u għall-birra kien l-istess.
51 – Ara punti 52-56 iktar ’il fuq.
52 – Ara, iktar ’il fuq, il-punti 63-73.
53 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, kawża 168/78, iċċitata iktar ’il fuq.
54 – F’dan is-sens, ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1983, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27.
Full & Egal Universal Law Academy