KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
J. MAZÁK
ippreżentati fit-22 ta’ Marzu 2007 1(1)
Kawża C-194/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Taljana
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 75/442 kif emendata mid-Direttiva 91/156/KEE – Kunċett ta’ ‘skart’ – Ħamrija u ġebel mit-tħaffir”
I – Daħla
1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju dwar l-iskart, (2) kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat-18 ta’ Marzu 1991 (3) (“Direttiva 75/442” jew id-“Direttiva”), billi l-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 93 ta’ l-2001 u l-Artikolu 1(17) u (19) tal-Liġi Nru 443 ta’ l-2001 jeskludu, mill-ambitu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-iskart, ħamrija u ġebel mit-tħaffir intiżi għall-użu tal-mili mill-ġdid, ta’ l-irdim, ta’ l-imbankar u tat-titħin, ħlief materjal minn siti mniġġsa u art irreklamata b’konċentrazzjoni ta’ tniġġis ogħla mil-limiti aċċettabbli kif ipprovdut mil-legiżlazzjoni applikabbli.
2. Din hija għal darb’oħra kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tittratta l-kunċett komunitarju ta’ skart. Ladarba mhemmx, u lanqas jista’ jkun hemm, definizzjoni komprensiva tal-kunċett ta’ skart u, għaldaqstant, il-kwistjoni jekk ċerta tip ta’ sustanza tingħadd bħala skart trid tiġi ddeterminata b’eżami każ b’każ fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, ċertament il-Qorti se jkollha opportunitajiet suffiċjenti sabiex tqis is-sinjifikat ta’ dan it-terminu.
3. L-aspett ċentrali tal-kawża preżenti jikkonċerna safejn, u taħt liema ċirkustanzi, sustanza li ntużat mill-ġdid għal ċertu finijiet tista’ titqies li taqa’ barra mid-definizzjoni ta’ skart skond id-Direttiva. Għaldaqstant, dan il-każ jikkonċerna d-distinzjoni li trid issir bejn l-irkupru ta’ skart u trattament normali u industrijali ta’ prodott, jew – iktar preċiżament - ta’ prodott sekondarju, li mhuwiex skart.
4. F’dan ir-rigward, il-każ preżenti huwa konness mill-qrib mal-Kawża C‑195/05, li l-konklużjonijiet tagħha se nagħtiha llum u liema konklużjonijiet se nirreferi għalihom hawnhekk meta ż-żewġ każijiet jikkoinċidu. (4)
II – Il-kuntest legali
A – Direttiva 75/442
5. L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva jipprovdi kif ġej:
“(a) ‘skart’ għandu jfisser kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-possessur jarmi jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel li jarmi.
Il-Kummissjoni, hija u taġixxi b’mod konformi mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 18, se tfassal, mhux iktar tard mill-1 ta’ April 1993, lista ta’ l-iskartijiet li jappartjienu għall-kategoriji mniżżla fil-lista fl-Anness I. Din il-lista trid tiġi riveduta perjodikament u, jekk jekk meħtieġ, riveduta bl-istess proċedura.”
6. L-Anness I tad-Direttiva 75/442, intitolat “Kategoriji ta’ Skart”, jinkludi, bħala kategorija Q16 “[k]ull materjal, sustanza jew prodott li ma jkunux inklużi fil-kategoriji ta’ hawn fuq”.
7. Il-lista preżenti ta’ l-iskart, adottata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 (5), tirreferi, fil-Kapitolu 17 – wieħed mill-Kapitoli li jelenka sorsi li jiġġeneraw skart u li jikkonċernaw “skart ta’ kostruzzjoni u twaqqigħ (inkluż bini ta’ toroq)” – għal “Ħamrija u skart tat-tħammil” (kap 1705) u, iktar speċifikament, għall-“Hamrija u ġebel li jkun fihom sustanzi perikolużi” (kodiċi 17 05 03*) u “Hamrija u ġebel minbarra dawk imsemmija fi 17 05 03” (kodiċi 17 05 04).
B – Il-Leġiżlazzjoni Nazzjonali
8. Fl-Italja, ir-rimi ta’ l-iskart huwa rregolat mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 22 tal-5 ta’ Frar 1997 (6) (“DL 22/97”).
9. L-Artikolu 6(1)(a) tad-DL 22/97 jiddefinixxi skart kif ġej:
“Għall-finijiet ta’ dan id-Digriet:
(a) ‘skart’ tfisser kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness A li l-pussessur iwarrab jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel jarmi.”
10. L-Artikolu 8(1) tad-DL 22/97 jeskludi ċerti sustanzi jew materjali mill-iskop tad-digriet, sa fejn ikunu koperti minn leġiżlazzjoni speċifika, inkluż, taħt il-punt (b), “skart li jirriżulta mit-tfittxija, l-estrazzjoni, it-trattament u l-ħażna ta’ riżorsi minerali u t-tħaddim tal-barrieri.”
11. L-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 93 tat-23 ta’ Marzu 2001, li jikkonċerna “dispożizzjonijiet dwar l-ambjent” (il-“Liġi 93”) żied punt ġdid (fbis) fl-Artikolu 8(1) tad-DL 22/97. Skond dan, is-sustanzi li ġejjin, li huma mniżżla f’dak il-punt, huma, inter alia, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet:
“ħamrija u ġebel mit-tħaffir intiżi għall-użu tal-mili mill-ġdid, ta’ l-irdim, ta’ l-imbankar u tat-titħin, ħlief materjal minn siti mniġġsa u art irreklamata b’konċentrazzjoni ta’ tniġġis ogħla mil-limiti aċċettabbli kif ipprovdut mil-legiżlazzjoni applikabbli.”
12. L-Artikolu 1(17) tal-Liġi Nru 443 tal-21 ta’ Diċembru 2001 intitolat “delega tal-Gvern rigward infrastruttura u installazzjonijiet ta’ produzzjoni strateġika […]” (“Liġi 443”) kien jipprovdi li l-Artikolu 8(1)(f‑a) tad-DL 22/97 għandu jiġi interpretat:
“fis-sens li jfisser li ħamrija u ġebel mit-tħaffir, inklużi dak minn mini, mhumiex skart u, għaldaqstant, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-digriet leġiżlattiv, anki jekk huma jiġu kkontaminati, matul iċ-ċiklu tal-produzzjoni, minn sustanzi li jniġġsu minħabba attivitajiet ta’ tħaffir, titqib u kostruzzjoni, sa fejn il-kompożizzjoni medja tal-massa totali ma jkollhiex konċentrazzjoni ta’ tniġġis ogħla mil-limiti massimi kif previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli.”
13. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(19) tal-Liġi 443 jipprovdi li:
“[g]ħall-materjali previsti fil-paragrafu 17, użu mill-ġdid għal mili mill-ġdid, ta’ l-irdim, ta’ l-imbankar u tat-titħin għandhom ifissru wkoll użu fiċ-ċikli differenti tal-produzzjoni industrijali, inkluż l-irdim ta’ barrieri kkultivati u r-rimi f’sit ieħor, li jkun ġie awtorizzat mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti għal kwalunkwe raġuni, dejjem jekk il-limiti mniżżla fil-paragrafu 18 ikunu osservati u li r-rimi jkun sar skond ir-regoli dettaljati dwar żvilupp mill-ġdid ta’ l-ambjent tas-sit ikkonċernat.”
14. L-Artikoli 1(17) u (19) tal-Liġi 443 ġew emendati bl-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 306 tal-31 ta’ Ottubru 2003 (il-“Liġi 306”).
III – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura ġudizzjarja
15. Permezz ta’ ittra mibgħuta qabel l-azzjoni tas-27 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni infurmat lill-Gvern Taljan illi, fil-fehma tagħha, billi jeskludi l-ħamrija u ġebel mit-tħaffir intiżi għall-użu mill-ġdid mill-ambitu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar skart, l-Artikolu 10 tal-Liġi 93, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 1(17) u (19) tal-Liġi 443, jikser id-Direttiva 75/442.16.Billi l-awtoritajiet Taljani ma rrispondewx għal-din l-ittra, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fid-19 Diċembru 2002, li fiha talbet ir-Repubblika Taljana tikkonforma mad-Direttiva f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri min-notifika ta’ l-opinjoni motivata.
17. Fir-risposta għall-opinjoni motivata tal-5 ta’ Marzu 2003, l-awtoritajiet Taljani bagħtu abbozz ta’ emendi tal-leġiżlazzjoni dwar ħamrija mit-tħaffir. F’laqgħa konġunta tal-25 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni sostniet illi dan l-abbozz ta’ emendi baqa' jimplika interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ skart, u li għaldaqstant, kien jikser id-Direttiva. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2004, l-awtoritajiet Taljani bagħtu lill-Kummissjoni kopja tat-test il-ġdid tal-liġi kif emendat, jiġifieri l-Liġi 306, kif ikkomunikat lill-Kummissjoni fl-ittra tal-5 ta’ Marzu 2003.
18. Fid-dawl ta’ l-opinjoni tagħha li s-sitwazzjoni baqgħet insodisfaċenti, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti fit-2 ta’ Mejju 2005.
IV – Analiżi ta’ l-allegat ksur
A – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
19. Il-Kummissjoni tilmenta li l-leġiżlazzjoni Taljana dwar l-iskart, b’mod partikolari l-Artikolu 10 tal-Liġi 93, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 1(17) u (19) tal-Liġi 443, jikser – anke jekk jittieħdu in kunsiderazzjoni l-emendi permezz tal-Liġi 306 – id-Direttiva 75/442, fis-sens li jeskludi a priori, u b’mod ġenerali, ħamrija u ġebel mit-tħaffir intiżi għall-użu mill-ġdid mill-ambitu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-iskart, bil-konsegwenza li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar immaniġġjar ta’ l-iskart ma jkunux applikabbli ġewwa l-Italja għal dan il-materjal.
20. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-materjali in kwistjoni, li huwa inkluż fil-Katalogu Ewropew ta’ l-Iskart, huma materjali li l-possessur jixtieq jarmi u li għalhekk għandu jitqies li jaqa' taħt id-definizzjoni ta’ skart skond id-Direttiva 75/442. Skond il-Kummissjoni, il-fatt illi dan il-materjal huwa eskluż biss mil-leġiżlazzjoni Taljana dwar l-iskart, sa fejn dan ikun intiż għall-użu mill-ġdid, għal mili mill-ġdid, ta’ l-irdim, ta’ l-imbankar u tat-titħin, huwa irrilevanti.
21. Il-Kummissjoni ssostni illi l-kunċett ta’ skart fil-leġiżlazzjoni Taljana huwa iktar ristrett mill-kunċett ta’ skart skond id-Direttiva, u kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skond din il-ġurisprudenza, (7) biex fdal ma jitqiesx li huwa skart iżda prodott sekondarju li l-possessur ma jarmix, huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-probabbiltà li l-fdal se jiġi użat mill-ġdid, imma fuq kollox, irid jiġi eżaminat jekk dan il-fdal huwiex ser jiġi użat mill-ġdid fl-istess proċess ta’ produzzjoni.
22. Kontra din il-ġurisprudenza, l-esklużjoni fil-preżent tapplika wkoll f’dawk il-każijiet fejn dan il-fdal jiġi użat mill-ġdid f’ċikli differenti tal-produzzjoni, inkluż l-irdim ta’ barrieri kkultivati u r-rimi f’sit ieħor, li jkun ġie awtorizzat mill-awtorità nazzjonali kompetenti.
23. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-emendi li saru permezz tal-Liġi 306 ma bidlux, essenzjalment, il-ksur allegat.
24. Il-Gvern Taljan isostni, l-ewwel nett, li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li, skond hu, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-emendi li saru permezz tal-Liġi 306, li ġew adottati fil-31 ta’ Ottubru 2003, jiġifieri matul il-proċeduri ta’ ksur.
25. Fir-rigward tal-kontenut, il-Gvern isostni li l-leġiżlazzjoni Taljana hija konformi mal-kunċett ta’ skart skond id-Direttiva 75/442.
26. Filwaqt li jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti, (8) il-Gvern Taljan isostni li l-kunċett Komunitarju ta’ 'skart' huwa suġġett għal eċċezzjonijiet raġonevoli fil-każ ta’ prodotti sekondarji li l-impriża ma tkunx trid 'tarmi' bħala skart.
27. Fl-opinjoni tiegħu, qari diliġenti ta’ din il-ġurisprudenza turi li r-rekwiżiti neċessarji għall-klassifikazzjoni ta’ fdal bħala prodott sekondarju, minflok skart, mhuwiex l-użu mill-ġdid ta’ dak il-materjal fl-istess proċess tal-produzzjoni minn fejn ġej dak l-istess materjal, imma ċ-ċertezza li dak il-materjal ser jintuża mill-ġdid mingħajr ma jiġi pproċessat minn qabel. Fdal li ċertament ser jintuża, u mingħajr ipproċessar minn qabel, fi proċess ta’ produzzjoni li mhux fil-forma li joriġina minnu – imma f’kull każ li jseħħ fl-istess żmien bħal dan ta’ l-aħħar, jew almenu fi żmien propizju sabiex l-użu mill-ġdid jiġi assigurat fil-ħin – għandu jitqies li huwa prodott sekondarju.
28. Il-Gvern Taljan isostni li, fil-kawża preżenti, l-iskop ewlieni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kien li twettaq xogħlijiet pubbliċi u li ċ-ċaqliq ta’ ħamrija u l-użu intiż tal-ħamrija mit-tħaffir probabbilment jikkostitwixxu l-iktar parti importanti ta’ dawn il-proġetti. Huwa għalhekk il-fatt li dawk li jaħdmu dawn il-proġetti għandhom l-obbligu li jwettquhom li jiggarantixxi l-użu mill-ġdid tal-ħamrija mit-tħaffir jew ta’ materjal għall-imbankar.
29. Il-leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward, iktar milli tipprovdi għal esklużjoni ġenerali, tiddetermina strettament – fl-istadju ta’ pjanifikazzjoni u kontroll ta’ l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet – dawk il-każijiet fejn il-ħamrija u l-ġebel mit-tħaffir huma eżenti mil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, sa fejn huma materjali li jistgħu jerġgħu jintużaw mill-ġdid skond pjan koerenti bbażat fuq evalwazzjoni minn qabel u speċifika ta’ l-effetti fuq l-ambjent u s-saħħa.
B – Kunsiderazzjonijiet
30. Fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ l-oġġezzjoni preliminari dwar l-ammissibbiltà mqajma mill-Gvern Taljan fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-emendi magħmula permezz tal-Liġi 306 li ġiet adotta fil-31 ta’ Ottubru 2003 – jiġifieri, wara li skada l-perijodu preskritt fl-opinjoni motivata – għandu jiġi mfakkar, skond ġurisprudenza kostanti, illi l-kwistjoni jekk Stat Membru naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ riferiment għas-sitwazzjoni kurrenti fl-Istat Membru meta jkun skada t-terminu fl-opinjoni motivata, u li l-Qorti ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni bidliet sussegwenti. (9)
31. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellha ebda obbligu fil-proċeduri preżenti li tieħu in kunsiderazzjoni l-emendi magħmula permezz tal-Liġi 306; lanqas hija din l-istess liġi suġġetta għal skrutinju fil-kawża preżenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat illi t-talba magħmula ma tagħmilx riferiment għal-Liġi 306 u għalkemm il-Kummissjoni qalet li l-liġi ma bidlitx l-ksur allegat, hija enfasizzat kemm fir-risposta kif ukoll waqt is-seduta, li ma kinitx qiegħda tikkontesta l-Liġi fil-kuntest tal-proċeduri preżenti.
32. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Taljana dwar l-iskart in kwistjoni, jiġifieri l-Liġi 93 u l-Liġi 443, tillimitax illegalment il-kunċett ta’ skart skond id-Direttiva 75/442 billi teskludi, mill-ambitu tagħha, il-ħamrija u ġebel mit-tħaffir intiżi għal ċerti skopijiet ta’ użu mill-ġdid.
33. Nibda billi nindika fl-qosor il-fatturi prinċipali tal-kunċett ta’ skart skond id-Direttiva, kif irfinat mill-Qorti. (10)
34. L-ewwel nett, isegwi, skond ġurisprudenza kostanti, b’mod partikolari, li l-kwistjoni dwar jekk materjal jew prodott għandux jitqies li huwa skart skond id-Direttiva jiddependi minn jekk il-possessur jarmihx, jew ikollux l-intenzjoni li jarmi, jew ikunx imġiegħel jarmi. Dan il-fattur irid jiġi stabbilit fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha. Fir-rigward ta’ dan in-punt, il-Qorti pprovdiet numru ta’ kriterji u linji gwida li minnhom jista’ jiġi ddeterminat l-att tar-rimi jew l-intenzjoni korrispondenti. Għalhekk, il-fatt li l-materjal użat huwa fdal tal-produzzjoni – jiġifieri, prodott li mhuwiex imfittex primarjament mill-produttur u bħala tali – huwa, bħala regola, evidenza li l-pussessur ħeles minn dak il-materjal jew għandu l-intenzjoni li jeħles minnu. (11)
35. Madankollu, prodotti, materjal jew materja prima li jirriżultaw minn proċess ta’ manifattura jew estrazzjoni li l-intenzjoni ewlenija tagħhom mhijiex li tipproduċi dak l-oġġett jista’ ma jikkostitwixxix fdal iżda prodott sekondarju li l-impriża għandha l-intenzjoni li tuża jew tikkummerċjalizza, taħt kundizzjonijiet li huma vantaġġjużi għaliha, fi proċess sussegwenti, mingħajr proċess qabel użu mill-ġdid. Ladarba hemm l-obbligu ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ skart, l-użu mill-ġdid ta’ l-oġġetti, materjal jew materja prima għandu, skond il-ġurisprudenza, ikun ċert u jifforma parti mill-proċess kontinwu tal-produzzjoni jew ta’ l-użu. Madankollu, huwa possibli li sustanza ma titqiesx li hija skart jekk ikun ċert li ser tintuza biex taqdi l-bżonnijiet ta’ l-operaturi ekonomiċi barra dak l-operatur li jkun ipproduċieha. (12)
36. Kif diġà rrilevajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑195/05, dak li huwa finalment deċisiv fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala prodott sekondarju huwa jekk hemmx evidenza li s-sustanza kkonċernata tirrappreżentax valur ekonomiku lill-possessur – iktar milli piż li jixtieq jeħles minnu – kemm jekk f’termini ta’ sfruttament ulterjuri jew użu għall-attività prinċipali jew minħabba li l-possessur jikkummerċjalizzaha taħt kundizzjonijiet li huma vantaġġjużi għalih. (13)
37. Finalment, huwa dejjem importanti li jittieħed in kunsiderazzjoni li, fid-dawl ta’ l-iskopijiet tad-Direttiva, il-kunċett ta’ skart ma jistax jiġi interpretat b’mod strett. (14)
38. Fir-rigward issa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-proċeduri preżenti, dawn ta’ l-aħħar jeskludu l-ħamrija u l-ġebel mill-iskop tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart bil-kundizzjoni li dawn il-materjali jkunu intiżi għall-użu tal-mili mill-ġdid, ta’ l-irdim, ta’ l-imbankar u tat-titħin.
39. F’dan ir-rigward, irid jiġi nnotat li, anke jekk il-materjal in kwistjoni huwa fil-fatt intiż għall-użu mill-ġdid, ma jistax, kif issottomettiet ġustament il-Kummissjoni, jiġi awtomatikament u b’mod ġenerali preżunt, minn dan il-fatt biss, li dak il-materjal mhuwiex skart.
40. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 1(19) tal-Liġi 443, ċertament tipprevedi firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet, inklużi dawk il-każijiet fejn ħamrija jew ġebel jintramew f’sit ieħor.
41. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti li fil-fatt jikkonċernaw użu mill-ġdid jidher li jinsabu, jew ġejjin minn, diversi kuntesti legali bħal dispożizzjonijiet nazzjonali dwar xogħlijiet pubbliċi – liema dispożizzjonijiet ma ġewx iċċitati mill-Gvern Taljan f’forma ta’ sett speċifiku ta’ regolamenti – jew il-kontenut ta’ proġetti speċifiċi li jinvolvu l-ħamrija u l-ġebel mit-tħaffir. Konsegwentement, hemm firxa wiesgħa ta’ possibiltajiet ta’ ċirkustanzi u kundizzjonijiet ta’ użu mill-ġdid ikkonċernat. Dan iqajjem dubji serji dwar iċ-ċertezza ta’ użu mill-ġdid fi kwalunkwe każ.
42. B’mod partikolari, kif osserva l-Gvern Taljan matul is-seduta, anke jekk il-Gvern preċedenti kien ħa miżuri biex jgħaġġel ix-xogħlijiet pubbliċi fl-Italja b’mod ġenerali, ma hemm l-ebda regola fil-leġiżlazzjoni in kwistjoni li tipprovdi li f’każ partikolari materjal minn tħaffir irid jiġi użat f’perijodu stabbilit ta’ żmien. F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li f’Palin Granit, fejn fdal ta’ ġebel minn barrieri ntqies li kien fdal ta’ tħaffir u, għaldaqstant, skart, il-Qorti tat importanza għat-tul taż-żmien tal-ħażna u sostniet li operazzjonijiet ta’ ħażna fit-tul ta’ żmien jikkostitwixxu piż fuq il-pussessur u li huma potenzjalment il-kawża ta’ dak l-istess tniġġis ta’ l-ambjent li d-Direttiva tfittex li tnaqqas. (15)
43. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, ma jistax jiġi preżunt b’mod ġenerali u a priori – anke jekk ikun il-każ f’ċerti sitwazzjonijiet – li, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista fil-Liġi 93 u fil-Liġi 443, il-ħamrija u l-ġebel mit-tħaffir jikkostitwixxu, minħabba l-intenzjoni ta’ użu mill-ġdid, valur ekonomiku jew vantaġġjuż lill-pussessur bħala prodott sekondarju iktar milli piż li jixtieq jeħles minnu. Fil-fatt, ma hemm l-ebda ħtieġa partikolari, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni u l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Taljan, li wieħed iqis li, bħala regola, il-vantaġġ tal-possessur jikkonsisti f’iktar milli l-fatt li jista’ jelimina l-ħamrija jew ġebel ikkonċernat, jiġifieri, li huwa jkun kapaċi jeħles minnhom. F’dan is-sens, dawk il-każijiet ta’ operazzjonijiet ta’ użu mill-ġdid għandhom fil-fatt jitqiesu li huma operazzjonijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru fis-sens tad-Direttiva.
44. Jirriżulta għalhekk li l-leġiżlazzjoni Taljana dwar l-iskart in kwistjoni twassal, kif issottomettiet il-Kummissjoni, għall-esklużjoni tal-klassifikazzjoni ta’ skart ta’ fdal ta’ produzzjoni li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ skart kif previst fid-Direttiva 75/442.
45. Sa fejn l-eżenzjoni taħt il-liġi Taljana dwar ħamrija u ġebel li huma intiżi għal ċerti operazzjonijiet ta’ użu mill-ġdid tammonta effettivament għal preżunzjoni li dan il-materjal mhuwiex skart skond id-Direttiva, għandu jiġi nnotat li l-effettività ta’ l-Artikolu 174 tat-Trattat u tad-Direttiva tiġi ppreġudikata jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kellha tagħmel użu minn metodi ta’ evidenza, bħal preżunzjonijiet statutorji, li jkollhom l-effett li jillimitaw l-iskop tad-Direttiva sabiex ma jkoprux materjali, sustanzi jew prodotti li mingħajr dubju jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ skart skond id-Direttiva. (16)
46. Sussegwentement, fi-rigward ta’ l-istqarrija tal-Gvern Taljan matul is-seduta, li l-operazzjonijiet in kwistjoni – li huma primarjament xogħlijiet pubbliċi bħal ma huma l-kostruzzjoni ta’ mollijiet jew mini – huma suġġetti għal pletora ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, għandu jiġi nnotat li dan jista’ jwassal biss li dan il-materjal jiġi eskluż mill-iskop tad-Direttiva jekk jaqa' taħt wieħed mill-kategoriji ta’ skart skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva. Madankollu, dan manifestament mhuwiex il-każ, għaliex il-ħamrija u l-ġebel li huma r-riżultat ta’ dawn l-operazzjonijiet ma jikkostitwixxux skart “li jirriżulta mit-tfittxija, l-estrazzjoni, it-trattament u l-ħażna ta’ riżorsi minerali” jew “mit-tħaddim tal-barrieri” skond l-Artikolu 2(1)(b)(ii).
47. Barra minn hekk, il-Gvern Taljan ma qalx safejn huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet varji tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-proġetti jew ix-xogħlijiet in kwistjoni jirrelataw, kif inhu meħtieġ mill-ġurisprudenza, għall-immaniġġjar ta’ l-iskart innifsu u jirriżulta f’livell ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent almenu ekwivalenti għal dak li hu mixtieq mid-Direttiva.(17)
48. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument imressaq mill-Gvern Taljan li l-applikazzjoni tar-reġim ta’ l-iskart ikun ifisser li dawk l-impriżi li jarmu l-iskart jew impriżi li huma awtorizzati jittrasportaw jew jiġbru skart għandhom ikunu involuti fix-xogħlijiet u li dan jista’ jfisser żieda kunsiderevoli fl-ispejjeż, il-Kummissjoni ġustament sostniet li din il-problema toriġina mil-leġiżlazzjoni Taljana iktar milli mid-Direttiva. Skond ir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni, jew, skond il-każ, il-ksib ta’ permess, il-produttur jew il-pussessur ta’ l-iskart jista’ jirkuprah jew jiddisponi minnu huwa stess skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. (18)
49. Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, nasal għall-konklużjoni li l-ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.
V – Konklużjoni
50. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti għandha
(1) tiddikjara li sa fejn l-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 93 ta’ l-2001 u l-Artikolu 1(17) u (19) tal-Liġi Nru 443 ta’ l-2001 jeskludu mill-ambitu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-iskart, ħamrija u ġebel mit-tħaffir intiżi għall-użu ta’ mili mill-ġdid, ta’ l-irdim, ta’ l-imbankar u tat-titħin, salv materjal minn siti mniġġsa u art irreklamata b’konċentrazzjoni ta’ tniġġis ogħla mil-limiti massimi kif ipprovdut mil-legiżlazzjoni applikabbli, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill dwar l-iskart, 91/156/KEE; u
(2) tikkundanna lir-Repubblika Taljana tbati l-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU 1975 L 194, p. 39.
3 – ĠU 1991 L 78, p. 32.
4 – Konklużjonijiet tat-22 ta’ Marzu 2007 fil-kawża C‑195/05 Il-Kummissjoni v L-Italja, pendenti quddiem il-Qorti.
5 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta’ Mejju 2000, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart, u d-Deciżjoni tal-Kunsill 94/904/KE, li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE, dwar skart perikoluż (ĠU 2000 L 226, p. 3) (”il-Katalogu Ewropew ta’ l-Iskart’ jew ”KES”).
6 – GURI Nru 38 tal-15 ta’ Frar 1997, Supplement Ordinarju, Nru 33.
7 – F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħmel riferiment, b’mod partikolari għall-Kawżi C‑457/02, Niselli [2004] Ġabra I‑10853, C‑9/00, Palin Granit [2002] Ġabra I‑3533, u C‑114/01, AvestaPolarit [2003] Ġabra I‑8725.
8 – B’mod partikolari, il-kawżi Palin Granit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7; AvestaPolarit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7; u Niselli, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.
9 – Ara, inter alia, il-Kawża C‑177/03 Il-Kummissjoni v Franza [2004] Ġabra I‑11671, punt 19, u l-Kawża C‑104/06 Il-Kummissjoni v L-Iżvezja [2007] Ġabra I‑0000, punt 28.
10 – Għall deskrizzjoni iżjed dettaljata u għall sorsi, nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C‑195/05, punti 36 sa 55.
11 – Ara, fir-rigward ta’ dawn il-punti, inter alia, Palin Granit, iċċitat fin-nota tal-qiegħ il-paġna 7, punti 22 sa 25, u l-kawżi magħquda C‑418/97 u C‑419/97, ARCO Chemie Nederland et [2000] Ġabra I‑4475, punti 83 sa 84; ara wkoll il-punti 36 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C‑195/05.
12 – Ara, fir-rigward ta’ dawk il-punti, inter alia, Niselli, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 44, 45 u 52, u l-kawża C‑416/02, Il-Kummissjoni v Spanja [2005] Ġabra I‑7487, punt 90; ara wkoll il-punti 46 sa 54 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C‑195/05.
13 – Ara b’mod partikolari, il-punti 52 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża C‑195/05.
14 – Ara, inter alia, Palin Granit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 23.
15 – Ara, f’dan ir-rigward Palin Granit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 38 u 39.
16 – Ara f’dak ir-rigward ARCO Chemie, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 42.
17 – Inter alia, AvestaPolarit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 61.
18 – Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442. Fir-rigward ta’ l-obbligu tar-reġistrazzjoni imposta fuq stabbilimenti jew impriżi li, matul l-attivitajiet tagħhom, normalment jew regolarment jittrasportaw skart, kemm jekk l-iskart jipproduċuh huma kif ukoll jekk jipproduċih xi ħadd ieħor, ara l-kawża C‑270/03Il-Kummissjoni v l-Italja [2005] Ġabra I‑5233.
Full & Egal Universal Law Academy