KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fit-22 ta’ Marzu 2007 1(1)
Kawża C‑195/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Taljana
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent –Direttiva 75/442/KEE kif emendata mid-Direttiva 91/156/KE– Kunċett ta’ ‘skart’ – Fdal ta’ l-ikel”
I – Introduzzjoni
1. F’din il-kawża, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Taljana naqset li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (2), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE (3) (“Direttiva 75/442” jew id-“Direttiva”), billi
– adottat struzzjonijiet operazzjonali li huma validi ghat-territorju nazzjonali kollu, stabbiliti b’mod partikolari fiċ-ċirkulari tal-Ministeru għall-Ambjent tat-28 ta’ Lulju 1998 u ċ-ċirkulari tal-Ministeru għas-Saħħa tat-22 ta’ Lulju 2002, li jeskludu mill-ambitu tar-regoli fuq l-iskart prodotti ta’ l-ikel mormija mill-industrija agroalimentari li huma intiżi ghall-produzzjoni ta’ għalf għall-annimali; u
– eskludiet, permezz ta’ l-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 179 tal-31 ta’ Lulju 2002, mill-ambitu tar-regoli fuq l-iskart fdal mill-preparazzjoni fi kċejjen tat-tipi kollha ta’ ikel solidu msajjar jew nej, li ma daħlux fil-katina ta’ tqassim u li huma intiżi ghal faċilitajiet ta’ kenn ghal annimali domestiċi.
2. Din hija kawża oħra mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-kunċett Komunitarju ta’ skart. Ladarba ma teżistix, u lanqas tista’ teżisti, definizzjoni komprensiva ta’ skart u ladarba, għaldaqstant, il-kwistjoni jekk sustanza partikolari hijiex skart għandha tiġi stabbilita fuq bażi individwali fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja żgur se jkollha oppurtunitajiet suffiċjenti sabiex tirrifletti fuq it-tifsira ta’ dan it-terminu.
3. Din il-kawża hija konnessa mill-qrib mal-Kawża C‑194/05 – li dwarha ser ser nagħti wkoll il-konklużjonijiet tiegħi llum – inkwantu ż-żewġ kawżi jqajmu l-kwistjoni dwar il-miżura u ċ-ċirkustanzi li fihom sustanza intiża għal ċerti operazzjonijiet ta’ użu mill-ġdid tista’ titqies li ma taqax taħt id-definizzjoni ta’ skart fis-sens tad-Direttiva. Għaldaqstant, iż-żewġ każijiet jikkonċernaw id-distinzjoni li għandha ssir bejn irkupru ta’ skart u t-trattament industrijali normali ta’ prodott, jew – iktar preċiżament – prodott sekondarju, li mhuwiex skart.
II – Il-kuntest legali
A – Id-Direttiva 75/442
4. L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 jipprovdi kif ġej:
“‘skart’ għandu jfisser kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-possessur jarmi jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel li jarmi.
Il-Kummissjoni, hija u taġixxi b’mod konformi mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 18, għandha tfassal, mhux iktar tard mill-1 ta’ April 1993, lista ta’ l-iskartijiet li jappartjienu għall-kategoriji mniżżla fil-lista fl-Anness I. Din il-lista trid tiġi riveduta perjodikament u, jekk meħtieġ, riveduta bl-istess proċedura”.
L-Anness I tad-Direttiva 75/442, intitolat “Il-Kategoriji ta’ L-Iskart”, jinkludi, fil-kategorija Q14, “[i]Il-prodotti li għalihom il-pussessur ma jkollux iktar użu (p.e. l-iskart mill-biedja, mid-djar, mill-uffiċċji, mill-kummerċ u mill-ħwienet, eċċ.)” u, fil-kategorija Q16 “[k]ull materjal, sustanza jew prodott li ma jkunux inklużi fil-kategoriji ta’ hawn fuq”.
5. Il-lista preżenti ta’ l-iskart, adottatta mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442(4), tirrferi fil-Kapitlu 2 (wieħed mill-Kapitoli li jelenka sorsi li jiġġeneraw skart) għal “Skart minn produzzjoni primarja agrikola, ortikulturali, tal-kaċċa, tas-sajd u akwakulturali, kif ukoll mill-preparazzjoni u ta’ proċessar ta’ ikel”.
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6. Fl-Italja, ir-rimi ta’ l-iskart huwa rregolat mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 22 tal-5 ta’ Frar 1997 (5) (“DL 22/97”).
7. L-Artikolu 6(1)(a) tad-DL 22/97 jiddefinixxi l-kunċett ta’ skart kif ġej:
“Għall-għanijiet ta’ dan id-digriet:
(a) ‘skart’ ifisser kull sustanza jew oġġett li jaqa’ taħt il-kategoriji indikati fl-Anness 1 li l-possessur jarmi jew ikun meħtieġ li jarmi”.
8. L-Artikolu 8(1) tad-DL 22/97 jeskludi ċerti sustanzi jew materjali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-digriet, safejn huma rregolati minn leġiżlazzjoni speċifika, fosthom, taħt il-punt (ċ), “karkassi ta’ annimali u l-iskart agrikolu li ġej minn: ħmieġ ta’ l-annimali u sustanzi naturali mhux perikolużi oħra użati fil-biedja”.
9. L-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 179 tal-31 ta’ Lulju 2002 (iktar ’il quddiem il-“Liġi 179”) daħħlet punt ġdid (ċ‑a) fl-Artikolu 8(1) tal-LD 22/97. Skond dan, is-sustanzi li ġejjin, li huma mniżżla f’dak il-punt, huma b’mod partikolari esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet:
“ir-residwu u l-ikel żejjed li ġej mill-preparazzjoni fi kċejjen ta’ ikel solidu ta’ kull tip, imsajjar jew nej, li ma daħalx fis-sistema ta’ tqassim, intiż ghal faċilitajiet ta’ kenn għal annimali domestiċi kif imsemmija mil-Liġi Nru 281 ta’ l-14 ta’ Awwissu 1991 kif emendata iktar tard, skond il-leġizlazzjoni fid-seħħ”.
10. Iċ-ċirkulari Nru 3402/V/IMIN tal-Ministeru ta’ l-Ambjent tat-28 ta’ Ġunju 1999 (iċ-“ċirkulari ta’ Ġunju 1999”) tiddefinixxi l-kelma “skart” li tinsab fl-Artikolu 6 tal-liġi Nru 22/97 b’mod iktar preċiż u tgħid fil-punt (b) ta’ l-aħħar paragrafu tagħha li:
“il-matarjali, is-sustanzi u l-oġġetti li ġejjin minn ċikli produttivi jew ta’ konsum minn qabel, li ma jiġux mormija mid-detentur tagħhom, li mhuwiex obbligat li jarmi u li mhux behsiebu jarmi u li għaldaqstant, id-detentur ma jagħtix għas-sistemi ta’ ġbir jew ta’ trasport ta’ l-iskart, ta’ immaniġġjar ta’ l-iskart sabiex ikun hemm rkupru jew rimi, huma suġġetti ghar-regoli ta’ materja prima, mhux għas-sistema ta’ l-iskart, sakemm ikollhom il-karatteristiċi ta’ materja prima sekondarja kif imsemmi fid-digriet Ministerjali tal-5 ta’ Frar 1998 u sakemm huma intiżi direttament b’mod oġġettiv u ġenwin għal użu f’ċiklu ta’ produzzjoni”.
11. Barra minn hekk, din iċ-ċirkulari Ministerjali tgħid fil-punt (ċ) ta’ l-aħħar paragrafu tagħha
“oġġetti ta’ konsum li ma jintremewx mid-detentur, li mhuwiex obbligat li jarmi u li mhux beħsiebu jarmi m'għandhomx ikunu suġġetti ghas-sistema ta’ skart, inkwantu jkunu jistgħu jintużaw ghall-għan oriġinali tagħhom u jiġu użati b’dan il-mod”.
12. Dispożizzjonijiet oħrajn dwar id-definizzjoni tal-kelma skart imsemmija fid-DL Nru 22/97 ġew imdaħħla bl-Artikolu 14 tad-digriet leġiżlattiv Nru 138 tat-8 ta’ Lulju 2002, li sar il-liġi Nru 178 tat-8 ta’ Awwissu 2002 (“Liġi 178”). Barra minn hekk, linji gwida relatati ġew imfassla fiċ-ċirkulari tal-Ministeru tas-Saħħa tat-22 ta’ Lulju 2002 (iċ-“ċirkulari ta’ l-2002”).
13. Iċ-ċirkulari ta’ l-2002 tgħid, fost l-oħrajn:
“Sakemm ir-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ iġjene jiġu sodisfatti, materjali u prodotti sekondarji li ġejjin mill-ipproċessar fl-industrija agroalimentari huma “materja prima għal għalf” fejn il-produttur jixtieq jużahom fiċ-ċiklu ta’ l-ikel żootekniku.
F’każ bħal dan, dawn il-materjali mhumiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, iżda għad-dispożizzjonijiet dwar il-produzzjoni u l-marketing ta’ għalf u, fil-każ ta’ prodotti li ġejjin minn annimali, għal-leġiżlazzjoni tas-saħħa rilevanti li hija fis-seħħ.
[…]
Fin-nuqqas tal-garanziji msemmija [fil-punt preċedenti] rigward id-destinazzjoni effettiva tagħhom għall-għalf għall-annimali, il-materjali u l-prodotti sekondarji li ġejjin miċ-ċiklu produttiv u kummerċjali ta’ l-industrija agroalimentari għandhom jiġu suġġetti ghas-sistema legali dwar l-iskart”.
III – Il-proċedura prekontenżjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
14. Permezz ta’ ittri tal-11 u tad-19 ta’ Ġunju 2001, tat-28 ta’ Awwissu 2001, tas-6 ta’ Novembru 2001 u ta’ l-10 ta’ April 2002, l-awtoritajiet Taljani wieġbu għall-ittra ta’ intimazzjoni li l-Kummissjoni bagħtet lill-Italja fit-22 ta’ Ottubru 1999 u għall-opinjoni mmotivata tal-11 ta’ April 2001. F’dawn id-dokumenti, il-Kummisjoni sostniet li, billi adottat struzzjonijiet operazzjonali vinkolanti rigward l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana fuq l-iskart li kienu jeskludu ċertu fdal ta’ l-ikel u ikel żejjed – li ġej mill-industrija agroalimenatari, minn canteens u minn ristoranti u intiżi ghall-għalf ta’ l-annimali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq l-iskart, ir-Repubblika Taljana kisret id-Direttiva 75/442.
15. Fid-dawl ta’ l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-adattament tal-leġiżlazzjoni Taljana għar-rekwiżiti ta’ l-opinjoni motivata kien jeħtieġ bdil fil-forma pjuttost milli bdil sostanzjali.
16. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Taljani fid-19 ta’ Diċembru 2002, u dawn ta’ l-aħħar ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha b’ittra tat-13 ta’ Frar 2003. Imbagħad il-Kummissjoni ħarġet, fil-11 ta’ Lulju 2003, opinjoni mmotivata ġdida u tat lill-Italja terminu ta’ xahrejn sabiex tikkonforma ruħha magħha.
17. Peress li, b’ittra ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, l-awtoritajiet Taljani baqgħu jikkontestaw il-validità ta’ l-argument tal-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar ressqet dan ir-rikors permezz ta’ applikazzjoni ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Mejju 2005.
IV – Analiżi tal-ksur allegat
A – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
18. Bl-ilment tagħha, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, il-Kummissjoni essenzjalment ssostni li l-leġiżlazzjoni Taljana dwar l-iskart teskludi a priori ċertu skart ta’ ikel mill-ambitu tagħha fuq il-bażi ta’ ċerti suppożizzjonijiet. B’hekk, taħt il-liġi Taljana, ċerti materjali li ġejjin minn proċess ta’ produzzjoni mhumiex meqjusa bħala skart għalkemm huma għandhom jitqiesu bħala skart, skond applikazzjoni korretta tal-kunċett – kunċett li għandu jingħata jinftiehem f’sens wiesa' – skond l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
19. L-ilment jirreferi l-ewwel nett għall-fatt li ċerti struzzjonijiet ministerjali effettivament jeskludu mis-sistema ta’ regoli dwar l-iskart ikel mormi mill-industrija agroalimentari li huwa intiż ghall-produzzjoni ta’ l-għalf. Skond dawn l-istruzzjonijiet, biżżejjed li dan il-fdal ikun intiż għall-produzzjoni ta’ għalf skond kif muri mill-volontà manifesta tad-detentur u li jkollu ċerti karatteristiċi sabiex jiġi eskluż b’mod permanenti mis-sistema ta’ l-iskart.
20. Madankollu, skond il-Kummissjoni, il-fatt li fdal ta’ produzzjoni jista’ jerġa' jintuża mingħajr ipproċessar minn qabel ma jistax jitqies li jipprekludi lill-produttur/lid-detentur milli jarmih jew milli jkollu l-ħsieb jew l-obbligu li jarmih. .
21. Il-Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari li, skond ġurisprudenza stabbilita, materjali jew materja prima li jirriżultaw minn proċess ta’ manifattura jew ta’ estrazzjoni, li l-għan prinċipali tiegħu mhuwiex il-produzzjoni ta’ dan l-oġġett, jistgħu jitqiesu mhux bħala skart iżda bħala prodotti sekondarji li d-detentur ma jixtieqx jarmihom fis-sens tad-Direttiva 75/442 biss jekk l-użu tagħhom mill-ġdid ikun ċert, mingħajr ipproċessar minn qabel, u parti integrali mill-proċess ta’ produzzjoni(6).
22. Għaldaqstant għandha tiġi evalwata l-probabbiltà li materjal jerġa' jintuża u, fuq kollox, għandu jiġi stabbilit jekk huwa għandux jerġa' jintuża fl-istess proċess ta’ produzzjoni. Il-fatt li l-fdal ta’ l-ikel huwa ttrasferit mill-produttur ta’ l-ikel lill-utent ta’ dak il-fdal jippresupponi serje ta’ tranżazzjonijiet li sservi ta’ prova ta’ l-eżistenza ta’ numru ta’ proċessi differenti, li d-Direttiva hija intiża speċifikatament li tikkontrolla.
23. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-liġi Nru 178 teskludi wkoll mis-sistema Taljana dwar l-iskart il-fdal ta’ produzzjoni, meta huwa jew jista’ jerġa' jiġi użat fl-istess ċiklu ta’ produzzjoni jew f’ċiklu ieħor.
24. B’risposta għall-argument tal-gvern Taljan li l-iskart in kwistjoni huwa kopert minn numru ta’ regolamenti Taljani fuq l-ikel, il-Kummissjoni tenfasizza li ebda wieħed minn dawn ir-regolamenti m'għandu l-għan li jħares l-ambjent, peress li huma jirreferu biss għall-ħarsien tas-saħħa pubblika. Huma lanqas ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu kkunsidrati bħala “leġiżlazzjoni oħra” fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 75/442.
25. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li l-Artikolu 23 tal-Liġi 179 għandu l-effett li jeskludi mill-ambitu tal-leġiżlazzjoni Taljan dwar l-iskart, kif tinsab fil-DL 22/97, fdal ta’ l-ikel u ikel żejjed li ġej mill-preparazzjoni fil-kċejjen ta’ ikel solidu ta’ kull tip, imsajjar u nej, li ma daħlux fis-sistema ta’ tqassim u li huma intiżi għal faċilitajiet ta’ kenn għal annimali domestiċi. Il-Kummissjoni ssostni li b’dan il-mod l-Artikolu 23 tal-Liġi 179 jestendi l-esklużjoni għal materjali li ma jistgħux jiġu esklużi awtomatikament mid-definizzjoni ta’ skart kif prevista mid-Direttiva.
26. Il-Kummissjoni tiċħad l-argument tal-gvern Taljan li jekk l-interpretazzjoni ssuġġerita mill-Kummissjoni kellha tiġi applikata, hija twassal għal żjieda fil-produzzjoni u r-rimi ta’ l-iskart ta’ l-ikel billi timpedixxi l-użu mill-ġdid ta’ oġġetti ta’ l-ikel in kwistjoni. Skond il-Kummissjoni, il-problema relatata man-neċessità li l-ikel jiġi ttrasportat f’vettura awtorizzata għall-iskart inħolqot mil-liġi Taljana.
27. Il-gvern Taljan isostni li, sakemm ir-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ iġjene rilevanti jiġu sodisfatti, materjali u prodotti sekondarji li ġejjin minn iproċessar fl-industrija agroalimentari huma “materja prima għall-għalf” f’każijiet fejn il-produttur għandu l-intenzjoni li jużahom fiċ-ċiklu żootekniku ta’ l-ikel. Din l-intenzjoni, flimkien maċ-ċertezza li dawn il-prodotti sekondarji ser jerġgħu jintużaw mingħajr il-bżonn ta’ proċessar minn qabel – jew suġġett biss għall-ipproċessar previst fil-leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali fis-seħħ – tikkostitwixxi prova suffiċjenti li l-produttur jew id-detentur mhuwiex beħsiebu jeħles mill-materjal in kwistjoni.
28. Fil-fehma tal-gvern Taljan, f’din il-kawża mhijiex kwistjoni ta’ esklużjoni “a priori”, peress li din l-esklużjoni fil-fatt hija suġġetta, mhux biss fuq l-intenzjoni manifesta tad-detentur li juża l-materja prima in kwistjoni fiċ-ċiklu żootekniku ta’ l-ikel, iżda wkoll fuq l-użu mill-ġdid ċert tal-prodotti sekondarji.
29. Il-gvern Taljan jenfasizza li l-materjali in kwistjoni huma suġġetti mhux għal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, iżda għad-dispożizzjonijiet dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ l-għalf. F’dan ir-rigward, il-gvern Taljan jirreferi għal diversi Regolamenti Komunitarji u nazzjonali(7). Dawn ir-regolamenti dwar l-ikel huma intiżi, bħad-Direttiva, sabiex jikkontrollaw operazzjonijiet ta’ ħażna, ta’ pproċessar u ta’ transport u, billi jiggarantixxu ħarsien xieraq tas-saħħa, huma tali li jħarsu l-ambjent. B’mod partikolari, ir-regoli nazzjonali dwar l-oġġetti ta’ l-ikel u l-għalf jippermettu li jiġu rintraċċjati prodotti u materja prima għall-għalf mill-metodu ta’ produzzjoni u matul l-istadji kollha ta’ trasport.
30. Barra minn dan, il-gvern Taljan jenfasizza li, kuntrarjament għall-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-kunċett ta’ skart, il-katina ta’ produzzjoni in kwistjoni tikkostitwixxi fil-fatt proċess wieħed ta’ produzzjoni. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għall-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li huwa possibbli li sustanza ma titqiesx bħala skart fis-sens tad-Direttiva 75/442 jekk huwa ċert li hija tintuża sabiex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ operaturi ekonomiċi barra mill-operatur li pproduċiha(8).
31. Il-gvern Taljan isostni li, paradossalment, l-applikazzjoni ta’ l-approċċ tal-Kummissjoni jkollha bħala konsegwenza l-prevenzjoni ta’ l-użu ta’ prodotti sekondarji ta’ l-ikel fil-produzzjoni ta’ l-għalf għar-raġuni li, taħt il-leġiżlazzjoni Taljana, ma jistgħux jiġu kkunsinjati f’postijiet użati għall-produzzjoni ta’ għalf, preċiżament għaliex ikunu ġew ittrasportati f’vettura awtorizzata għall-iskart. B’hekk, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni żżid il-produzzjoni u r-rimi ta’ skart ta’ l-ikel billi timpedixxi l-użu mill-ġdid tagħhom bħala oġġetti ta’ l-ikel.
32. Rigward it-tieni parti ta’ l-ilment tal-Kummissjoni, il-gvern Taljan isostni li d-detentur jew il-prodottur għandu juri lill-awtoritajiet kompetenti– billi jġib provi ta’ l-użu effettiv intiż, bħall-kuntratt konkluż bejn id-detentur u l-utent tal-materjali jew, jekk ikun il-każ, dokumenti fiskali, – li l-intenzjoni tiegħu mhijiex li jarmi l-fdal ta’ porzjonijiet jew ikel żejjed, iżda li jerġa' jużahom bil-mod awtorizzat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, id-destinazzjoni effettiva tal-prodotti sekondarji hija ggarantita mir-regoli tas-sigurtà ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel u ta’ l-għalf.
33. Fl-aħħar nett, il-gvern Taljan jenfasizza li din il-kawża tirrigwarda effettivament ikel żejjed u mhux “fdal” ta’ produzzjoni.
B – Evalwazzjoni
34. L-oġġezzjoni tal-Kummissjoni kontra l-leġiżlazzjoni Taljana dwar l-iskart – kif għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ numru ta’ struzzjonijiet ministerjali – hija essenzjalment li hija tipprovdi eżenzjoni ġenerali wisq mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha fil-każ ta’ ċerti sustanzi, jiġifieri oġġetti ta’ l-ikel mormija mill-industrija agroalimentari u fdal/ikel żejjed mill-preparazzjoni ta’ l-ikel fil-kċejjen, li ma daħlux fil-katina ta’ tqassim u li huma intiżi li jiġu użati għall-produzzjoni ta’ għalf jew direttament għall-għalf f’faċilitajiet ta’ kenn għal annimali domestiċi.
35. In-nuqqas ta’ ftehim bejn il-Kummissjoni u l-gvern Taljan jirrigwarda kemm l-interpretazzjoni korretta tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘skart’ fid-Direttiva nfisha kif ukoll il-kwistjoni jekk, fir-rigward tas-sustanzi in kwistjoni f’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni Taljana hijiex konformi ma' din id-definizzjoni. Għalhekk, fl-ewwel lok ser nispjega b’mod ġenerali l-kwistjoni ta’ l-interpetazzjoni tal-kelma ‘skart’ sabiex neżamina, imbagħad, jekk l-ilment tal-Kummissjoni f’dawn il-proċeduri bbażat fuq il-ksur tad-Direttiva huwiex fondat.
1. Osservazzjonijiet preliminari fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ skart fid-Direttiva 75/442 kif ġie ppreċiżat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
36. Il-problema marbuta ma' kull tentattiv ta’ definizzjoni tal-kelma ‘skart' tqum mill-fatt li dan huwa kunċett relattiv ħafna. B’mod ġenerali, nistgħu nqisu bħala “skart” sustanzi jew materjali li ma rridux iktar għaliex huma tilfu l-utilità tagħhom, jew, b’mod iktar ġenerali, il-valur tagħhom jew għaliex qatt ma kellhom valur għalina għal xi raġuni. F’kull każ, peress li l-valur ta’ materjali jew ta’ oġġetti mhuwiex ‘intrinsiku’ għalihom iżda qiegħed, biex ngħidu hekk, f’għajnejn l-osservatur, fil-prattika ma teżisti l-ebda sustanza li ġeneralament u fiċ-ċirkustanzi kollha tista’ tiġi kkunsidrata bħala skart.
37. In-natura suġġettiva tiegħu tidher ukoll mill-mod kif id-Direttiva 75/442 tibni d-definizzjoni tagħha tal-kunċett ta’ skart, inkwantu hija tiddefinixxi skart bħala “kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-possessur jarmi jew ikun beħsiebu jew ikunimġiegħel li jarmi” (enfażi miżjuda).
38. Għaldaqstant huwa l-fatt li d-detentur jarmi, jew għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmi ċerti sustanzi jew oġġetti li jagħtihom in-natura ta’ skart, peress li huwa mifhum li ebda materjal ma huwa minnu nnifsu skart. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet li l-Anness I tad-Direttiva u l-Katalgu Ewropew ta’ l-Iskart jippreċiżaw u jispjegaw din id-definizzjoni billi jagħtu listi ta’ sustanzi u ta’ oġġetti li jistgħu jiġi kklassifikati bħala skart; madankollu dawn il-listi ma jistabbilixxux b’mod deċiżiv li sustanza speċifika tikkostitwixxi skart fis-sens tad-Direttiva(9).
39. Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-implementazzjoni ta’ operazzjoni msemmija fl-Anness II A jew Anness II B tad-Direttiva ma tippermettix, minnha nnifisha, li sustanza jew oġġett jiġi kklassifikat bħala skart, u min-naħa l-oħra, li l-kunċettt ta’ skart ma jeskludix sustanzi jew oġġetti li għandhom valur kummerċjali jew li huma kapaċi għal użu ekonomiku mill-ġdid(10)
40. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kelma “skart” tiddependi fl-aħħar mill-aħħar fuq it-tifsira tal-kelma “jarmi”(11), li għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ l-għan tad-Direttiva, jiġifieri l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent mill-effetti dannużi kkawżati mill-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar, il-ħażna u d-depożitu ta’ l-iskart, kif ukoll ta’ l-Artikolu 174(2) KE, li jipprovdi li l-politika tal-Komunità fuq l-ambjent timmira għal livell għoli ta’ ħarsien u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva. Barra minn dan, minn dawn l-għanijiet jirriżulta li l-kunċett ta’ skart ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv(12).
41. Huwa ovvju li sabiex jiġi stabbilit ir-rimi mid-detentur, jew intenzjoni korrispondenti tad-detentur, mhuwiex possibbli, għal skopijiet legali, li jsir użu mill-“volontà effettiva” tad-detentur jew li ssir referenza għad-dikjarazzjonijiet tiegħu rigward l-intenzjonijiet tiegħu(13) Bil-kontra ta’ dan, il-kwistjoni jekk sustanza speċifika hijiex skart għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-għan tad-Direttiva imsemmi iktar ’il fuq u l-bżonn li jiġi assigurat li ma ssirx ħsara għall-effettività tagħha(14).
42. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet numru ta’ kriterji u indikazzjonijiet li minnhom tista’ tiġi dedotta l-intenzjoni tad-detentur. (15) B’dan il-mod, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żvelat ukoll in-natura ġenwinament “skolastika” tal-kunċett ta’ skart inkwantu, għalkemm iċ-ċirkustanzi li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi jistgħu jindikaw li d-detentur ħeles minn sustanza jew oġġett, jew għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jeħles minnhom fis-sens tad-Direttiva, minnhom infushom huma mhumiex deċiżivi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ skart(16).
43. Fl-aħħar nett, għalhekk, id-deskrizzjoni ta’ sustanza jew ta’ oġġett bħala skart hija kwistjoni ta’ prova indizzjarja. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppruvat, fil-ġurisprudenza tagħha, tiddefinixxi ċ-ċikustanzi fejn huwa leġittimu li jiġi preżunt li teżisti intenzjoni ta’ rimi fi ħdan id-detentur.
44. Intenzjoni bħal din hija partikolarment diffiċli sabiex tiġi stabbilita fil-każijiet fejn il-prodotti, il-materjali jew il-materja prima li jirriżultaw minn proċess ta’ produzzjoni jew ta’ estrazzjoni, b’xi mod, jiġu użati mill-ġdid fi proċess sussegwenti. Bħala regola ġenerali, dawn il-materjali jistgħu jiġi kkunsidrati bħala fdal ta’ produzzjoni li wara jiġu rkuprati bħala skart permezz ta’ użu mill-ġdid fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1)(b) u ta’ l-Anness II B tad-Direttiva, jew bħala prodotti ġenwini li mhumiex skart u li huma suġġetti għal trattament industrijali normali(17).
45. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li sustanza użata hija fdal ta’ produzzjoni – jiġifieri, prodott li mhuwiex imfittex prinċipalment bħala tali mill-produttur – jikkostitwixxi, bħala regola, indizju li d-detentur ta’ din is-sustanza ħeles minnha jew għandu l-intenzjoni li jeħles minnha(18). L-istess evalwazzjoni għandha ssir fir-rigward tal-fdal tal-konsum(19).
46. Madankollu, skond ġurisprudenza stabbilita, huwa wkoll ammissibbli li jingħad li oġġetti, materjali jew materja prima li ġejjin minn proċess ta’ produzzjoni jew ta’ estrazzjoni li mhuwiex intiż prinċipalment sabiex jippruduċi dawn l-oġġetti jistgħu jikkostitwixxu mhux fdal iżda prodotti sekondarji li l-impriża ma tixtieqx “tarmi”, fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva, iżda li hija beħsiebha tisfrutta jew tikkummerċjalizza taħt kundizzjonijiet li huma ta’ vantaġġ għaliha, fi proċess sussegwenti, mingħajr ipproċessar minn qabel(20).
47. B’kunsiderazzjoni ta’ l-obbligu li tinterpeta l-kunċett ta’ skart b’mod wiesa' sabiex tillimita l-effetti mhux mixtieqa jew dannużi, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat l-użu ta’ din l-argumentazzjoni fir-rigward ta’ prodotti sekondarji għal sitwazzjonijiet li fihom l-użu mill-ġdid ta’ l-oġġetti, materjali jew materja prima mhuwiex sempliċement possibbiltà iżda ċertezza, mingħajr ipproċessar minn qabel u bħala parti integrali mill-proċess ta’ produzzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk kkunsidrat il-livell ta’ probabbiltà li s-sustanza in kwistjoni tiġi użata mill-ġdid bħala kriterju rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk is-sustanza hijiex skart(21).
48. Sabiex tispjega l-implikazzjonijiet ta’ dan il-metodu, għandhom jiġu mfakkra l-kawżi l-iktar rilevanti f’dan ir-rigward.
49. Fis-sentenza AvestaPolarit, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn fdal minn minjieri li huwa użat mingħajr ipproċessar minn qabel fil-proċess ta’ produzzjoni sabiex jiġi assigurat il-mili meħtieġ tal-mini taħt l-art, minn naħa, u l-fdal l-ieħor, min-naħa l-oħra. Meta kklassifikat l-fdal ta’ l-ewwel bħala prodotti sekondarji li d-detentur ma jarmix jew m'għandux l-intenzjoni li jarmi, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza tal-fatt li l-mili tal-mini taħt l-art kien pass meħtieġ fil-proċess industrijali effettiv ta’ minjieri u li d-detentur ta’ dan il-fdal għaldaqstant kellu bżonnu għall-attività prinċipali tiegħu(22).
50. Fis-sentenza Saetti u Frediani, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li kokk ta’ żejt mhux raffinat li huwa prodott intezjonalment, jew li jirriżulta mill-produzzjoni simultanja ta’ sustanzi kombustibbli taż-żejt mhux raffinat oħrajn, f’raffinerija taż-żejt u li jiġu użati b’ċertezza bħala kombustibbli għall-bżonnijiet ta’ enerġija tar-raffinerija u dawk ta’ industriji oħrajn ma jikostitwixxix skart(23). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-produzzjoni ta’ kokk hija r-riżultat ta’ għażla teknika, speċifikament intiż għal użu bħala karburant(24).
51. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet fil-kawżi C-416/01 u C-121/03 li demel tal-bhejjem jista’ ma jaqax taħt id-definizzjoni ta’ skart jekk jintuża bħala fertilizzant għall-ħamrija fil-kuntest ta’ prassi legali ta’ fertilizzazzjoni ta’ artijiet identifikati b’mod ċar u jekk il-ħażna tiegħu hija ristretta għall-bżonnijiet ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ fertilizzazzjoni(25). F’dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet milll-fatt li, skond l-inkartament tal-kawża, id-demel likwidu huwa użat bħala fertilizzant agrikolu, li l-operatur tar-razzett mhux qed ifittex li jarmih(26).
52. Il-karatteristika prinċipali komuni f’dawn il-kawżi hija l-eżistenza ta’ indizji marbuta maċ-ċirkustanzi bażi li jissuġġerixxu li l-materjal in kwistjoni jirrapreżenta għad-detentur vantaġġ jew valur ekonomiku pjuttost milli piż li huwa jrid jeħles minnu, f’termini tan-neċessità jew almenu utilità tal-prodott għall-attività prinċipali, kemm jekk huwa per eżempju bħala materjal għall-mili, fertilizzant jew karburant sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ta’ enerġija ta’ raffinerija(27).
53. Għandu jiġi osservat, f’dan il-kuntest, li l-ġurisprudenza teżiġi li prodotti sekondarji jerġgħu jintużaw bħala parti mill-proċess kontinwu ta’ produzzjoni jew ta’ użu(28).
54. Madankollu, fil-kawżi Saetti u Frediani, C‑416/02 u C‑121/03, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, filwaqt li kkonfermat dan ir-rekwiżit, li huwa possibbli għal sustanza li ma tiġix ikkunsidrata bħala skart jekk ikun ċert li hija tintuża għall-bżonnijiet ta’ operaturi ekonomiċi oħra barra l-operatur li jipproduċiha. (29) Għaldaqstant jidher li, sabiex jiġi stabbilit ir-rekwiżit ta’ ċertezza ta’ użu mill-ġdid, huwa essenzjali li s-sustanza terġa tiġi użata mid-detentur tagħha bħala parti minn proċess kontinwu ta’ produzzjoni mingħajr ipproċessar minn qabel, iżda mhux neċessarjament li terġa' tintuża – bħal fis-sentenza AvestaPolarit (30), per eżempju – sabiex tissodisfa l-bżonnijiet tal-produttur innifsu.
55. Huwa minnu li fil-prattika jista’ jirriżulta diffiċli li jiġu ddefiniti l-limiti tal-kunċetti ta’ “proċess kontinwu” ta’ produzzjoni u ta’ użu. Madankollu fl-aħħar nett, nirrepeti, wara dawn il-kunċetti tqum il-kwistjoni jekk jeżistix ħjiel li d-detentur beħsiebu jisfrutta jew jikummerċjalizza s-sustanza in kwistjoni taħt kundizzjonijiet ta’ vantaġġ għalih fi proċess li jiġi wara l-produzzjoni ta’ dik is-sustanza, b’tali mod li jirrapreżenta valur ekonomiku għalih, pjuttost milli piż li huwa jrid jeħles minnu.
2. L-eżistenza tal-ksur allegat
56. Rigward il-materjali in kwistjoni f’din il-kawża, jidhirli, l-ewwel nett, li taħt eżami iktar dettaljat, mhux l-oġġetti ta’ l-ikel kollha in kwistjoni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “fdal ta’ produzzjoni”. Fdal ta’ l-ikel mill-industrija agro-alimnetari, minn canteens jew minn ristoranti jikkostitwixxu b’mod ċar, almenu parzjalment, fdal tal-konsum, jiġifieri fdal li, bħala tali, ma jirriżultax minn proċess ta’ manifattura jew produzzjoni, iżda jirriżultaw mill-fatt li l-prodott primarju ma ġiex ikkonsmat kollu kemm hu. Dan ir-raġunament huwa b’mod partikolari validu fejn l-Artikolu 23 tal-Liġi 179 jirreferi ghal “żejjed” li ġej minn preparazzjoni ta’ ikel fi kċejjen.
57. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat fis-sentenza Niselli li l-analiżi dwar il-prodotti sekondarji li d-detentur tagħhom ma jixtieqx jarmihom “ma tapplikax fir-rigward tal-fdalijiet minn konsum li ma jistgħux jitqiesu bħala 'prodotti sekondarji' ta’ proċess ta’ fabrikazzjoni jew ta’ estrazzjoni li jistgħu jiġu użati mill-ġdid bħala parti integrali mill-proċess ta’ produzzjoni”(31).
58. Għaldaqstant insibha diffiċli, mill-bidu, li nikkunsidra dawn il-materjali bħala “prodotti sekondarji” ta’ proċess ta’ fabrikazzjoni jew ta’ estrazzjoni.
59. F’kull każ, kemm jekk il-fdal ta’ l-ikel in kwistjoni huwa fdal tal-konsum jew, jekk ikun il-każ, rimi tal-kċina “klassiku”, jibqa' l-fatt, li kif jidher mill-kontenut ta’ l-inkartament, dan il-fdal jirriżulta mill-preparazzjoni ta’ ikel – jew ta’ ikel lest – għall-konsum uman. Dan il-fdal huwa mbagħad użat sabiex jiġi prodott għalf jew direttament sabiex jiġu mitmugħa annimali f’faċilitajiet ta’ kenn għal annimali domestiċi.
60. Naqbel mal-Kummissjoni li din is-sitwazzjoni għandha tiġi distinta mis-sitwazzjonijiet deskritti iktar ’il fuq(32), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-analiżi li materjal li ġej minn proċess ta’ fabbrikazzjoni jew ta’ estrazzjoni huwa prodott sekondarju li d-detentur m'għandux l-intenzjoni li jarmi.
61. Huwa ċar li, b’mod ġenerali, ma jistax jiġi sostnut li l-fdal ta’ l-ikel in kwistjoni huwa intiż bħala tali, jew almenu bħala prodott sekondarju, jew li huwa b’xi mod meħtieġ jew utli għall-attività prinċipali, li tikkonsisti prinċipalment fil-produzzjoni u l-preparazzjoni ta’ ikel għall-konsum uman.
62. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi ma jistax jiġi dedott awtomatikament mill-fatt li d-derogi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Taljana in kwistjoni jirrigwardaw fdal ta’ l-ikel jew ikel żejjed li jerġgħu jintużaw – anki fuq bażi kuntrattwali –bħala għalf jew sabiex jipproduċu għalf li d-detentur jikkumerċjalizza dawn is-sustanzi bħala “materja prima għal għalf” taħt kundizzjonijiet li huma vantaġġjużi għalih. Fil-fatt, mhuwiex ċar minn dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jew mill-inkartament li l-vantaġġ ta’ l-użu mill-ġdid jikkonsisti f’iktar mill-fatt li d-detentur b’hekk jista’ jeħles mis-sustanzi in kwistjoni.
63. B’mod iktar realistiku, għaldaqstant, l-analiżi l-iktar adattata hija, fil-fehma tiegħi, li f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, bħala regola ġenerali, id-detentur ta’ fdal ta’ l-ikel jarmih jew għandu l-intenzjoni li jarmih, u li sussegwentement dan il-fdal jiġi rkuprat bħala skart permezz ta’ riċiklaġġ jew użu mill-ġdid fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 75/442. Jista’ jingħad ukoll li l-Anness II B tad-Direttiva li jelenka l-operazzjonijiet ta’ rkupru isemmi fost l-oħrajn riċiklaġġ u rkupru ta’ sustanzi organiċi.
64. Din l-analiżi tidher ukoll li hija iktar konsistenti ma' l-obbligu ta’ interpretazzjoni wiesa' tal-kunċett ta’ skart taħt id-Direttiva(33).
65. F’kull każ, anki jekk f’ċerti każijiet il-fdal ta’ l-ikel imsemmi mill-istruzzjonijiet ministerjali u mill-Artikolu 23 tal-liġi 179 għandu jitqies bħala prodott sekondarju pjuttost milli sustanzi li d-detentur jarmi jew għandu l-intenzjoni li jarmi, jibqa' l-fatt li – hekk kif sostniet il-Kummissjoni - ma jistax jiġi preżunt b’mod ġenerali u a priori li dan huwa l-każ.
66. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni Taljan fuq l-iskart twassal għall-esklużjoni mill-klassifika ta’ skart il-fdal ta’ produzzjoni jew ta’ konsum li, madankollu, jaqa' taħt il-kunċett ta’ “skart” hekk kif huwa ddefinit fid-Direttiva 75/442.
67. Safejn id-derogi fil-liġi Taljana rigward il-fdal ta’ l-ikel intiż sabiex jiġi użat mill-ġdid jammontaw għal preżunzjoni li dawn il-materjali mhumiex skart fis-sens tad-Direttiva, għandu jiġi osservat li l-effikaċja ta’ l-Artikolu 174 tat-Trattat u tad-Direttiva tiġi kompromessa jekk il-leġiżlatur nazzjonali juża metodi ta’ prova, bħal preżunzjonijiet legali, li għandhom l-effett li inaqqsu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u li ma jkoprux materjali, sustanzi jew prodotti li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ skart fis-sens tad-Direttiva(34).
68. Il-gvern Taljan sostna, minbarra dan, li l-fdal ta’ l-ikel intiż sabiex jerġa jiġi użat għall-produzzjoni jew għall-preparazzjoni ta’ l-għalf huwa diġà kopert b’numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali, u ta’ dritt Komunitarj rigward is-sigurtà ta’ l-ikel u rigward il-produzzjoni u l-marketing ta’ għalf(35).
69. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li dan il-fdal jista’ jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jekk huwa jaqa' taħt waħda mill-kategoriji ta’ skart imsemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva.
70. Fil-fehma tiegħi, dan mhuwiex il-każ. Fost il-materjali msemmija f’din id-dispożizzjoni, dawk li jixbhu l-iktar fdal ta’ l-ikel in kwistjoni huma “karkassi ta’ annimali” imsemmija fil-punt (b)(iii). Iżda anki jekk il-fdal ta’ l-ikel in kwistjoni jinkludi sustanzi li ġejjin minn annimali, ma jistax jiġi sostnut b’mod serju li huwa jikkostitwixxi “karkassi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
71. It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-espressjoni “liġijiet oħra” fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva tirreferi għal liġijiet Komunitarji jew nazzjonali safejn dawn il-liġijiet jirrigwardaw l-immaniġġjar ta’ l-iskart bħala tali u jwasslu għal livell ta’ ħarsien ta’ l-ambjent li huwa almenu ekwivalenti għal dak mixtieq mid-Direttiva(36).
72. Id-diversi regolamenti msemmija mill-gvern Taljan, bil-kontra, m'għandhomx manifestament bħala għan l-immaniġġjar ta’ l-iskart bħala tali iżda pjuttost is-sigurtà ta’ l-ikel, u b’mod partikolari, ċerti livelli ta’ kwalità fil-qasam tall-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ l-għalf. Għaldaqstant, għalkemm l-għanijiet segiwti minn dawn id-dispożizzjonijiet u l-interessi legali mħarsa jistgħu jkopru parzjalment l-istess affarijiet bħad-Direttiva, huma jibqgħu kunsiderevolment differenti.
73. Barra minn hekk u preċiżament għal din ir-raġuni, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ kontroll u ta’ ħarsien stabbilita mid-Direttiva 75/442 u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà ta’ l-ikel u l-għalf, fil-fehma tiegħi, ma jeskludux reċiprokament lil xulxin, b’mod ġenerali: bil-kontra, dawn ir-regoli jistgħu jiġu applikati b’mod kumulattiv.
74. Fir-rigward ta’ l-argument tal-gvern Taljan li jgħid li l-użu mill-ġdid ta’ fdal mill-ikel bħala għalf huwa ostakolat għaliex dan il-fdal għandu jiġi ttrasportat f’vetturi awtorizzati għat-trasport ta’ skart li ma jissodisfawx il-livelli meħtieġa ta’ iġjene, il-Kumissjoni enfasizzatb ġustament li din il-problema tqum mil-leġiżlazzjoni Taljana, mhux mid-Direttiva.
75. Id-Direttiva ma teżiġix li l-iskart kollu jiġi ttrasportat mill-istess vetturi; bil-kontra, l-istabbilimenti jew l-impriżi li jiġbru u jittrasportaw l-iskart għandhom jiġu awtorizzati jew irreġistrati u l-operazzjonijiet ta’ rimi u ta’ rkupru ta’ l-iskart għandhom isiru b’mod konformi mad-Direttiva. B’mod partikolari, fdal ta’ l-ikel jista’ jiġi ttrasportat mid-detentur jew mill-produttur preċedenti, jew mill-impriża li tirkupra dan l-iskart, sakemm min jittrasporta jkun irreġistrat jew, jekk ikun il-każ, ikun kiseb awtorizzazzjoni(37).
76. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nasal għall-konklużjoni li l-ilment tal-Kummissjoni huwa ġġustifikat.
V – Konklużjoni
77. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
(1) tiddikajra li, billi adottat struzzjonijiet operazzjonali li huma validi ghat-territorju nazzjonali kollu, stabbiliti b’mod partikolari fiċ-ċirkulari tal-Ministeru għall-Ambjent tat-28 ta’ Lulju 1998 u ċ-ċirkulari tal-Ministeru għas-Saħħa tat-22 ta’ Lulju 2002, li jeskludu mill-ambitu tar-regoli fuq l-iskart prodotti ta’ l-ikel mormija mill-industrija agroalimentari li huma intiżi ghall-produzzjoni ta’ għalf għall-annimali u billi eskludiet, permezz ta’ l-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 179 tal-31 ta’ Lulju 2002, mill-ambitu tar-regoli fuq l-iskart fdal mill-preparazzjoni fi kċejjen tat-tipi kollha ta’ ikel solidu msajjar jew nej, li ma daħlux fil-katina ta’ tqassim u li huma intiżi ghal faċilitajiet ta’ kenn ghal annimali domestiċi, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 fuq l-iskart, kif emendata bid-Direttiva 91/156/KE; u
(2) tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU 1975 L 194, p. 39.
3 – ĠU 1991 L 78, p. 32.
4 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE, tat-3 ta’ Mejju 2000, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabilixxi lista ta’ skart skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabilixxi lista ta’ skart perikoluż skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU 2000 L 226, p. 3) (il-“Katalgu Ewropew ta’ l-Iskart” jew “KEI”).
5 – GURI Nru 38 tal-15 ta’ Frar 1997, Suppliment Ordinarju Nru 33.
6 – B’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit (C-9/00, Ġabra p. I‑3533), u tal-11 ta’ Novembru 2004, Niselli (C-457/02, Ġabra p. I‑10853).
7 – B’mod partikolari, ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU 2002 L 31, p. 1); ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1774/2002, tat-3 ta’ Ottubru 2002, li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (ĠU 2002 L 273, p. 1) u d-dispożizzjonijiet ta’ l-HACCP (“analiżi tal-periklu u punti kritiċi ta’ kontroll”) stabbiliti mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 852/2004, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU 2004 L 139, p. 1); ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 853/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU 2004 L 139, p. 55); u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 854/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU 2004 L 139, p. 206); ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 183/2005, tat-12 ta’ Jannar 2005, li jistabbilixxi l-ħtiġiet għall-iġjene ta’ l-għalf (ĠU 2005 L 35, p. 1); u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 882/2004, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali (ĠU 2004 L 165, p. 1).
8 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-416/02, Ġabra I‑7487; C‑121/03, Ġabra I‑7569).
9 – Ara, b’mod partikolari, Palin Granit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 22.
10 – Ara, b’mod partikolari, Palin Granit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 27 u 29.
11 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Palin Granit, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 22, u Il-Kummissjoni vs Spanja ,(C-121/03) iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 57.
12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, Palin Granit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 22 u 23, u Niselli, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 33.
13 – Ara, f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Alber fil-Kawżi Magħquda C‑418/97 u C‑419/97 ARCO Chemie Nederland et (Ġabra 2000, p. I‑4475, punt 59).
14 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza, Palin Granit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 24.
15 – Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, Palin Granit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 25.
16 – Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 2004, Saetti u Frediani (C-235/02, Ġabra I‑1005, punt 40).
17 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C-129/96, Ġabra I‑7411, punt 33).
18 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi ARCO Chemie, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 3 u 84, u Palin Granit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 32.
19 – Ara s-sentenza Niselli, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 43.
20 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza mogħtija fil-kawża C‑121/03, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 58.
21 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Saetti u Frediani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 36, u Niselli, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 45 u 46.
22 – Is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003 (C‑114/01 Ġabra I‑8725, punti 35 sa 37).
23 – Saettiu Frediani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 47.
24 – Ara Saetti u Frediani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 45.
25 – Is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 8), punti 89 u 60, rispettivament.
26 – Is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 94 u 65, rispettivament.
27 – Fis-sentenza Palin Granit, min-naħa l-oħra, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet fdal ta’ ġebel li ġej minn qtugħ ta’ ġebel minn barriera bħala fdal ta’ estrazzjoni u għalhekk bħala skart, hija enfasizzat li l--operazzjonijiet ta’ ħażna fit-tul jikkostitwixxu piż għad-detentur u potenzjalment huma l-kawża ta’ tniġġis ta’ l-ambjent li d-direttiva għandha preċiżament l-għan li tnaqqas. Ara s-sentenza Palin Granit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 38 u 39.
28 – Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari s-sentenzi Niselli, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 47 u 52, u Il-Kummissjoni vs Spanja, (C-416/02) iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 87.
29 – Id-digriet mogħti fil-kawża Saetti u Frediani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16; is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja, (C-416/02) iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 90; u Il-Kummissjoni vs Spanja, (C-121/03) iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 61. Fil-kawża Saetti u Frediani, il-kokk kien użat bħala kombustibbli fil-proċess tra' produzzjoni sabiex jiġġenera l-eletettriku u l-elettriku żejjed li rriżulta nbiegħ lil industriji oħrajn jew lil kumpannija ta’ l-elettriku. F’dawn iż-żewġ kawżi ta’ l-aħħar, id-demel tal-bhejjem ġie mifrux mill-bidwi fuq art li ma kinitx parti mill-istess razzett li ġġenera d-demel.
30 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.
31 – Ara s-sentenza Niselli, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 48.
32 – Ara iktar ’il fuq, punti 49 sa 52.
33 – Ara, inter alia, Niselli, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 45.
34 – Ara f’dan is-sens ARCO Chemie, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 42.
35 – Ara iktar ’il fuq, punt 29 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.
36 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza AvestaPolarit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 61. Ara barra minn hekk, għal interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ karkassi ta’ l-annimali fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1)(b)(iii) tad-direttiva, is-sentenza C-176/05 KVC retec, Ġabra p.I-1721, b’mod partikolari l-punt 46.
37 – Ara, dwar l-obbligu ta’ reġistrazzjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-270/03, Ġabra p. I‑5233).
Full & Egal Universal Law Academy