KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
Geelhoed
ippreżentati fit-28 ta’ Settembru 2006 1(1)
Kawża C-212/05
Gertraud Hartmann
vs
Freistaat Bayern
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundessozialgericht
(il-Ġermanja))
(Interpretazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità – Kunċett ta’ ħaddiem – Uffiċjal Ġermaniż li kien ittrasferixxa r-residenza permanenti fl-Awstrija filwaqt li baqa’ jaħdem fil-Ġermanja – Rifjut li jingħata allowance għat-tfal (Erziehungsgeld) lill-mara tiegħu ta’ nazzjonalità Awstrijaka residenti fl-Awstrija u li ma taħdimx il-Ġermanja – Vantaġġ soċjali)
I – Introduzzjoni
1. Taħt il-Bundeserziehungsgeldgesetz (Liġi Federali dwar allowance għat-tfal, minn hawn ’il quddiem il-“BErzGG”), l-għoti ta’ allowance għat-tfal tiddependi, inter alia, fuq li l-benefiċjarju jirrisjedi fil-Ġermanja. F’din il-kawża, il-Bundessozialgericht tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-rekwiżit tar-residenza huwiex inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari mar-Regolament Nru 1612/68, (2) mar-Regolament Nru 1408/71 (3) jew l-Artikolu 18 KE, sabiex mara Awstrijaka li tgħix flimkien mar-raġel Ġermaniż tagħha li huwa impjegat bħala uffiċjal pubbliku fil-Ġermanja għandu jkun f’pożizzjoni li jagħmel talba għal dan l-allowance.
2. Parallelament ma’ din il-kawża, il-Bundessozialgericht għamlet domanda oħra lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istess Artikolu tal-liġi nazzjonali li tirregola d-dritt għall-allowance għat-tfal, din id-darba fir-rigward ta’ ħaddiem fuq il-fruntiera li jgħix fl-Olanda u jaħdem fil-Ġermanja: Kawża C‑213/05, Geven. Skond dan l-artikolu ħaddiema fuq il-fruntiera kkonċernati jistgħu wkoll jitolbu d-dritt għal dan l-allowance bil-kundizzjoni li jkunu ingaġġjati f’iktar minn impjieg minuri fil-Ġermanja. Għalkemm iż-żewġ każijiet huma marbuta mill-qrib, iċ-ċirkustanzi fattwali li joħorġu minnhom huma kompletament differenti, u għalhekk jien sejjer niddiskuti kull każ f’konlużjonijiet separati li se jiġu ppreżentati flimkien fl-istess ġurnata.
II Artikoli rilevanti
A Dritt Komunitarju
3. L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 jipprovdi kif ġej:
“1. Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun ittrattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rinumerazzjoni, tkeċċija u jekk huwa jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid;
2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”
A – Liġi Nazzjonali
4. Taħt il-Paragrafu 1(1) tal-BErzGG, fil-verżjoni tal-31 ta’ Jannar 1994,(4) kull persuna li hija (1) permanentement jew ordinarjament residenti fil-Ġermanja, (2) għandha wild dipendenti fid-dar tagħha, (3) tieħu ħsieb u trabbi dak il-wild, u (4) m’għandix impjieg jew impjieg full time, hija intitolata għall-allowance għat-tfal.
5. Il-Paragrafu 1(4) tal-BErzGG jipprovdi għad-dritt taċ-ċittadini tal-KE u ħaddiema fuq il-fruntiera mill-pajjiżi immedjatament ġirien bil-kundizzjoni li jkunu ingaġġjati f’iktar minn impjieg minuri fil-Ġermanja. Jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal uffiċjali pubbliċi jew għall-irġiel jew nisa ta’ ħaddiema migrant.
6. Il-Paragrafu 1(7) tal-BErzGG, fil-verżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2000,(5) jestendi d-dritt għall-allowance għat-tfal lill-mara jew ir-raġel ta’ persuna li taħdem f’impjieg taħt il-liġi pubblika jew fis-servizz pubbliku fil-Ġermanja u li tgħix f’xi Stat Membru tal-KE ieħor. Madankollu din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli għal tfal imwielda qabel l-1 ta’ Jannar 2001.
II – Fatti u proċedura
7. Il-kontroversja fil-proċedimenti prinċipali quddiem il-Bundessozialgericht, tirrigwarda r-rifjut mill-Freistaat Bayern li jagħti lill- G. Hartmann allowance għat-tfal għat-tlett itfal tagħha, li twieldu fl-1991, 1993 u l-1997.
8. G. Hartmann hija ċittadina Awstrijaka li tgħix fl-Awstrija flimkien mar-raġel Ġermaniż tagħha u t-tliet itfal tagħha. Qabel iż-żwieġ tiegħu, is-Sur Hartmann għex fil-Ġermanja fejn kien impjegat sa mill-1986 bħala uffiċjal pubbliku mad-Deutsche Bundespost. Wara ż-żwieġ tiegħu s-Sur Hartmann mar l-Awstrija, imma baqa’ jaħdem għad-Deutsche Bundespost u, iktar tard, mill-1995 ’il quddiem, għal Deutsche Telekom AG. G. Hartmann ma twettaq ebda attività bħala impjieg jew xogħol għal rasha.
9. Il-Freistaat Bayern irrifjuta li jagħti lil G. Hartmann l-allowance għat-tfal għall-ewwel żewġ itfal tagħha skond il-BErzGG, billi hi ma kinitx tgħix fil-Ġermanja u lanqas ma kienet impjegata f’dak il-pajjiż. Rikorsi li saru minn G. Hartmann f’Ottubru 1996 ma kellhomx eżitu posittiv, kif kienet l-applikazzjoni tagħha għall-allowance għat-tfal għall-ewwel sena mit-twelid tat-tielet wild tagħha.
10. G. Hartmann ikkontestat dawn id-deċiżjonijiet bla suċċess, l-ewwel, quddiem is-Sozialgericht München (Qorti Soċjali, Munich) u iktar tard, fl-appell, quddiem il-Bayerisches Landessozialgericht (il-Qorti Soċjali Superjuri tal-Bavarja). Hija għaldaqstant appellat quddiem il-Bundessozialgericht li ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Gustizzja skond l-Artikolu 234 KE.
11. Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju l-Bundessozialgericht l-ewwel iddeċidiet li G. Hartmann ma setgħetx titlob l-allowance għat-tfal abbażi tar-Regolament Nru 1408/71. Għalkemm dan il-benefiċċju jaqa’ fl-ambitu ratione materiae ta’ dan ir-Regolament u hija setgħet għalhekk tagħmel talba għalih b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Hoever u Zachow)(6), bħala uffiċjal pubbliku s-Sur Hartmann ma kienx f’dak iż-żmien ‘persuna impjegata’ skond it-tifsira tar-Regolament u kien jaqa’ barra mill-portata tiegħu ratione personae. Il-qorti nazzjonali kompliet tikkunsidra jekk l-intitolament tagħha setax jiġi bbażat fuq l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Din sabet li l-istatus tas-Sur Hartmann bħala uffiċjal pubbliku ma kienx jipprekludih milli jitqies li jkun ħaddiem, imma ddubitat jekk id-drittijiet mogħtija b’dan ir-regolament setgħux jiġu invokati mill-mara ta’ persuna li, mingħajr ma jbiddel ir-relazzjoni tiegħu ta’ l-impjieg, kien ittrasferixxa ruħu fi Stat Membru ieħor li tiegħu martu hija ċittadina. Hija rrimarkat li s’issa l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-għan ewlieni ta’ l-Artikolu 39 KE u r-Regolament Nru 1612/68 huwa li jagħmilha possibbli għal ħaddiem li jgawdi minn moviment liberu fit-territorju ta’ Stati Membri oħra u li jirrisjedi hemmhekk għal għanijiet ta’ impjieg. (7) Madankollu, hija esprimiet ukoll il-fehma li x’iktarx interpretazzjoni inqas stretta tal-moviment liberu issa tista’ tkun possibbli, billi dritt ġenerali ta’ residenza kien ġie rrikonoxxut fl-Artikolu 18 KE. Dawn il-kunsiderazzjonijiet wasslu sabiex il-Bundessozialgericht tagġmel iż-żewġ domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
(a) Jista’ ċittadin Ġermaniz li, filwaqt li kompla r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu bħala uffiċjal tal-posta fil-Ġermanja, ikun ittrasferixxa r-residenza permanenti tiegħu mill-Ġermanja għall-Awstrija fl-1990 u li minn dakinhar kompla bil-kariga tiegħu bħala ħaddiem fuq il-fruntiera, jitqies li huwa ħaddiem migrant skond it-tifsira tar-Regolament Nru 1612/68 […] għall-perijodi bejn ix-xhur ta’ Jannar 1994 u Settembru 1998?
Jekk dan huwa l-każ:
(b) Jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fis-sens tat-tifsira ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jekk il-konjuġi tal-persuna msemmija fl-ewwel domanda li ma tkunx taħdem, residenti fl-Awstrija u li hija ċittadina Awstrijaka, tiġi eskluża milli tirċievi l-allowance fil-Ġermanja għat-tfal fil-perijodu in kwistjoni minħabba li la kellha r-residenza permanenti tagħha u lanqas ir-residenza abitwali tagħha fil-Ġermanja?”
12. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn G. Hartmann, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ Spanja u tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta tat-13 ta’ Lulju 2006, saru osservazzjonijiet oħra minn G. Hartmann, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ l-Olanda u tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni.
III – Sunt tas-sottomissjonijiet
13. Kemm G. Hartmann u l-Gvern Spanjol jissottomettu li l-ewwel domanda li tirrigwarda l-istatus tas-Sur Hartman bħala ħaddiem migrant skond it-tifsira tar-Regolament Nru 1612/68 għandha tiġi mwieġba fl-affermattiv. Il-Gvern Spanjol jirreferi f’dan ir-rigward għall-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1612/68 li b’applikazzjoni tiegħu “[k]ull ċittadin ta’ Stat Membru, għandu, irrispettivament mill-post ta’ residenza tiegħu, ikollu d-dritt li jassumi attività bħala persuna impjegata, u li jsegwi dik l-attività, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor […]” u jisħaq li skond l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament il-benefiċċji mogħtija lill-ħaddiema migrant jestendu wkoll għall-irġiel jew in-nisa ta’ dawn il-ħaddiema. (8) Il-Gvern Spanjol josserva wkoll li s-Sur Hartmann għandu jitqies li huwa ħaddiem fuq il-fruntiera fil-kuntest tat-tifsira ta’ l-Artikolu 1(b) ta’ Regolament Nru 1408/71. (9) Dawn iż-żewġ partijiet jikkunsidraw li minkejja li jista’ jiġi oġġezzjonat li s-Sur Hartmann huwa uffiċjal pubbliku u li uffiċjali pubbliċi ddaħħlu biss fl-ambitu tar-Regolament Nru 1408/71 fir-rigward ta’ l-għoti ta’ benefiċċji għall-familja fl-1999, (10) b’mod parallel ma’ l-għan ratione personae ta’ l-Artikolu 39(4) KE, din ir-restrizzjoni għandha biss titqies li tapplika għal dawk l-uffiċjali pubbliċi li huma involuti fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika. Dawn isostnu li l-organizzazzjoni li għaliha jaħdem is-Sur Hartmann topera b’ċerta awtonomija mill-Istat, u mhijiex involuta fl-eżerċizzju ta’ sovranità, imma għandha funzjoni fl-interess ġenerali.
14. Fir-rigward tat-tieni domanda, G. Hartmann u l-Gvern Spanjol jasserixxu li r-rifjut li G. Hartmann tingħata l-allowance għat-tfal tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bi ksur ta’ l-Artikolu 7(2) ta’ Regolament Nru 1612/68 u l-Artikolu 39 KE. Fejn il-qrati nazzjonali sabu li l-esportabbiltà tal-benefiċċji tiddependi fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg, il-Gvern Spanjol waqt li jibbaża ruħu fuq Hoever u Zachow, (11) josserva li l-fatt li jagħti l-eliġġibiltà għal benefiċċji tal-familja bħala allowance għat-tfal huwa li wieħed mill-ġenituri jiddeċiedi li jiddedika lilu nnifsu għat-tfal, irrispettivament minn jekk dak il-ġenitur huwiex assigurat taħt skema tas-sigurtà soċjali jew huwiex impjegat. F’dan il-każ, ir-raġel ta’ G. Hartmann jintitolaha għall-iskema tas-sigurtà soċjali fil-Ġermanja.
15. Il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tar-Renju Unit jikkunsidraw li persuna li ma eżerċitax id-dritt tagħha ta’ moviment liberu bl-intenzjoni li tokkupa impjieg fi Stat Membru ieħor, imma li sempliċement bidlet il-pajjiż tar-residenza tagħha, ma tistax titqies li hija ħaddiem migrant fil-kuntest tat-tifsira tar-Regolament Nru 1612/68. Alternattivament, fir-rigward tat-tieni domanda dawn il-gvernijiet jinnotaw, li għalkemm ġie stabbilit li s-sussidji għat-tfal jaqgħu fil-portata ratione materiae tar-Regolament Nru 1408/71, bħala uffiċjal pubbliku, is-Sur Hartmann ma kienx fiż-żmien in kwistjoni kopert b’dan ir-regolament ratione personae fir-rigward ta’ l-għoti ta’ benefiċċji tal-familja. Għall-kuntrarju tar-Regolament Nru 1408/71, ir-Regolament Nru 1612/68 ma jipprovdix għall-esportabbiltà tal-benefiċċji soċjali jew għall-prevenzjoni ta’ benefiċċji dduplikati. Peress li l-ewwel Regolament imsemmi għandu jitqies li huwa lex specialis fil-konfront ta’ l-aħħar Regolament imsemmi jew, fil-kliem tal-Gvern tar-Renju Unit jieħu preċedenza relattiva fuq dan ta’ l-aħħar, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 m’għandux jiġi interpretat b’mod li jnaqqas l-effettività tas-sistema stipulata fir-Regolament Nru 1408/71. Il-Gvern Ġermaniż jirrikonoxxi li r-rekwiżit tar-residenza fil-BErzGG jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, imma jikkunsidra li huwa ġġustifikat sabiex jiġi żgurat li jkun hemm rabta effettiva bejn il-benefiċjarju u s-soċjetà Ġermaniża. Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-Istati Membri m’għandhomx jiġu sfurzati jipprovdu ġustifikazzjoni oġġettiva għaliex ma jagħmlux benefiċċji bħall-allowance għat-tfal disponibbli għall-persuni residenti fi Stati Membri oħra.
16. Il-Kummissjoni taqbel mal-Gvernijiet tal-Ġermanja u tar-Renju Unit li r-Regolament Nru 1612/68 u Regolament Nru 1408/71 ma japplikawx għal dan il-każ għall-istess raġunijiet mogħtija minnhom. Madankollu, fid-dawl ta’l-osservazzjoni tal-Bundessozialgericht fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li l-kunċett ta’ libertà tal-moviment iggarantit bir-Regolament Nru 1612/68 jista’ jingħata interpretazzjoni iktar wiesa’ issa li l-Artikolu 18 KE jipprovdi għad-dritt li tiċċaqlaq u li tirrisjedi fi Stati Membri oħrajn indipendentement minn kull intenzjoni ekonomika, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll tindirizza d-domanda dwar jekk G. Hartmann tkunx tista’ tikseb dritt fil-Ġermanja għall-allowance għat-tfal minn din id-dispożizzjoni.
17. Dwar din id-domanda, filwaqt li tagħmel riferiment għall-prinċipji ġenerali dwar iċ-ċittadinanza mqassra mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Pusa, (12) il-Kummissjoni tinnota li leġiżlazzjoni nazzjonali li tiżvantaġġja wħud miċ-ċittadini tagħha sempliċement għax ikunu eżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor tkun tagħti lok għall-inugwaljanza fit-trattament li tista’ biss titqies kompatibbli ma’ l-Artikolu 18 KE jekk tista’ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti minn nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u li tkun proporzjonata ma’ l-għan leġittimu tal-provvedimenti nazzjonali. Fejn ikun ċar li applikazzjoni tar-rekwiżit tar-residenza fil-BErzGG ikun jikkostitwixxi żvantaġġ tali, il-Kummissjoni taqbel mad-dubji espressi mill-Bundessozialgericht in kwantu għall-ġustifikazzjoni tagħha. Hija ssib konferma ta’ dan fil-fatt li sadanittant il-BErzGG ġiet emendata sabiex tippermetti li l-allowance għat-tfal jitħallas lin-nisa jew lill-irġiel ta’ uffiċjali pubbliċi Ġermaniżi residenti fi Stati Membri oħrajn. Skond il-Kummissjoni, b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Bidar, (13) mhux meħtieġ, “għal raġunijiet ovvji”, li jiġi kkunsidrat jekk is-Sur Hartmann bħala uffiċjal pubbliku li jaħdem fil-pajjiż tar-residenza tiegħu, huwiex suffiċjentement integrat fi jew għandux relazzjoni reali mas-soċjetà Ġermaniża.
18. Fis-seduta, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tar-Renju Unit enfasizzaw li hija G. Hartmann u mhux is-Sur Hartmann li qed titlob biex tkun intitolata għall-allowance għat-tfal skond il-BErzGG. Billi G. Hartmann ma teżerċitax hija stess id-drittijiet iggarantiti bl-Artikolu 18 KE, m’hemmx bażi biex hi tinvoka dan l-Artikolu. F’dan ir-rigward il-każ tagħha għandu jiġi distint minn dak ta’ per eżempju D’Hoop(14) u Pusa(15). L-Artikolu 18 KE ma jistax jiġi interpretat b’tali mod li jippermetti li persuna li ma ttrasferitx ruħha fi Stat Membru ieħor li tinvoka d-drittijiet tal-parti konjugali l-oħra li eżerċitat id-dritt ta’ moviment. Id-drittijiet iggarantiti permezz ta’ l-Artikolu 18 KE huma suġġetti għall-limitazzjonijiet. Tali limitazzjonijiet jinsabu fir-Regolament Nru 1408/71 għal dak li jirrigwarda n-natura esportabbli tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali.
19. B’risposta għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 18 KE, il-Gvern Olandiż josserva li għalkemm hemm ċerta xebħ fiċ-ċirkustanzi fattwali bejn din il-kawża u Schempp(16), b’kuntrast ma’ dik il-kawża, l-eżerċizzju mis-Sur Hartmann tad-dritt tiegħu ta’ moviment fi Stat Membru ieħor bl-ebda mod ma kien affettwa d-dritt ta’ G. Hartmann għall-benefiċċji fil-Ġermanja. Ma kien ta’ ebda rilevanza f’dan ir-rigward jekk is-Sur Hartmann għex fil-Ġermanja jew fl-Awstrija. Filwaqt li sostna li, f’din il-kawża, hija l-parti konjuġi l-oħra taċ-ċittadin migrant li qed tasserixxi drittijiet fir-rigward tal-pajjiż ta’ l-oriġini ta’ dan ta’ l-aħħar, il-Gvern Olandiż jiddikjara li, attwalment, id-dritt Komunitarju biss jirrikonoxxi ċerti drittijiet li ġejjin minnu għall-membri tal-familja ta’ ċittadini migrant fl-Istat Membru ospitanti.(17) G. Hartmann ma tistax titlob id-dritt għal allowance għat-tfal skond l-Artikolu 18 KE sempliċement għax hija stess ma eżerċitatx id-dritt ta’ moviment. Is-Sur Hartmann bl-ebda mod ma kien prekluż milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jittrasferixxi ruħu għall-Awstrija.
IV – Evalwazzjoni
A – Rimarki introduttivi
20. L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li G. Hartmann ma tistax tinvoka d-dritt Komunitarju b’mod awtonomu sabiex tikkontesta d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-applikazzjonijiet tagħha għal allowance għat-tfal ġew irrifjutati billi hija ma għamlitx użu mid-drittijiet tagħha ta’ moviment ħieles taħt id-dritt Komunitarju. L-uniku mod kif hija tista’ tikseb dan il-benefiċċju huwa indirettament permezz tar-rabta matrimonjali tagħha mas-Sur Hartmann, li inċidentalment huwa wkoll ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fil-Paragrafu 1(1) tal-BErzGG.
21. Id-domandi maħmula mill-Bundessozialgericht għalhekk jiffukaw fuq l-istatus probabbli tas-Sur Hartmann bħala ħaddiem migrant u l-konsegwenzi li dan jista’ jkollu sabiex G. Hartmann ikollha d-dritt fil-Ġermanja għall-allowance għat-tfal. Il-fatt li s-Sur Hartmann ittrasferixxa ruħu fl-Awstrija biex jirrisjedi hemmhekk flimkien ma’ martu u uliedu filwaqt li żamm l-impjieg tiegħu fil-Ġermanja jfisser li issa għandu jitqies li huwa ħaddiem migrant fis-sens tar-Regolament Nru 1612/68, b’tali mod li joħloq dritt, permezz ta’ l-effett ikkombinat ta’ l-Artikoli 7(2) u 10(1)(a) ta’ dan ir-Regolament, għal G. Hartmann li titlob trattament ugwali fir-rigward ta’ vantaġġi soċjali fis-Stat Membru fejn ir-raġel taghha huwa impjegat, jiġifieri l-Ġermanja?
22. Qabel jiġu diskussi dawn id-domandi għandu jiġi kkunsidrat fil-qosor, għal ġieħ ta’ kompletezza, jekk G. Hartmann setgħetx tikseb dritt għal allowance għat-tfal fil-Ġermanja permezz ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71. Din id-domanda ġiet ikkunsidrata u mwieġba fin-negattiv mill-Bundessozialgericht u, konsegwentement, il-Bundessozialgericht ma ppreżentat ebda domandi dwar din il-kwistjoni. Madanakollu, G. Hartmann u l-Gvern Spanjol qajmu mill-ġdid din il-kwistjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Din ġiet indirizzata wkoll mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni.
B – Ir-Regolament Nru 1408/71
23. Skond l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 ‘persuna […] impjegata suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fir-rigward tal-membri tal-familja tagħhu li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti b’dik il-legiżlazzjoni ta’ l-ewwel Stat, […]’ F’Hoever u Zachow il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dan l-Artikolu fis-sens li “fejn persuna impjegata tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u tgħix flimkien mal-familja tagħha jew tiegħu fi Stat Membru ieħor, il-parti konjugali l-oħra ta’ dik il-persuna hija intitolata, taħt l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, li tirċievi benefiċċju bħala allowance għat-tfal fis-stat ta’ impjieg tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. (18) Fi kliem ieħor, kuntrarjament għad-diċitura preċiża ta’ dan l-Artikolu, il-konjuġi ta’ persuna impjegata għandha dritt awtonomu għal benefiċċji tal-familja fis-Stat Membru fejn din ta’ l-aħħar hija impjegata.
24. Għalkemm din ir-regola tidher li tapplika biss għas-sitwazzjoni ta’
G. Hartmann, il-Bundessozialgericht osservat ġustament li G. Hartmann xorta waħda ma setgħetx titlob id-dritt għal allowance għat-tfal abbażi ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, billi bħala uffiċjal pubbliku s-Sur Hartmann ma kienx fiż-żmien rilevanti jikkwalifika bħala “persuna impjegata” għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament dwar l-għoti ta’ benefiċċji tal-familja. Din ir-restrizzjoni ġiet stipulata fil-Punt I.C ta’ l-Anness I għar-Regolament Nru 1408/71 u ġiet irtirata biss bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1399/1999(19), li ddaħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1999. L-Artikolu 1(7) ta’ dan ir-Regolament estenda t-tifsira ta’ persuna impjegata fil-kuntest tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1408/71 fir-rigward tal-Ġermanja għal “kwalunkwe impjegat fis-servizz ċivili stabbilit salarjat minħabba l-pożizzjoni tiegħu/tagħha fis-servizz ċivili li huwa mill-inqas ekwivalenti għal dak illi fil-każ ta’ persuna impjegata tirriżulta f’assikurazzjoni obbligatorja kontra d-disimpjieg”.
25. Il-fatt li impjegati pubbliċi ġew esklużi mill-ambitu tad-dispożizzjonijiet fir-Regolament Nru 1408/71 dwar benefiċċji tal-familja diġà ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Kulzer,(20) li anki l-Bundessozialgericht għamlet riferiment għaliha. F’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja osservat li t-tifsira ta’ persuna impjegata “ġiet spustjata ħażin bit-tifsira fil-Punt I.C ta’ l-Anness I tar-Regolament meta l-istituzzjoni kompetenti għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja hija, f’applikazzjoni tal-Kapitolu 7 tat-Titlu III tar-Regolament, istituzzjoni Ġermaniża.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (21) Din kompliet tosserva li “biex tippermetti għal uffiċjal pubbliku rtirat, bħar-rikorrenti fil-proċedimenti prinċipali, li jibbaża fuq l-Artikolu 73 sabiex jirċievi allowances għall-familja Ġermaniża għar-raġuni li s-sitwazzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi għandha ġeneralment tiġi ttrattata bl-istess mod bħal dik ta’ persuni impjegati tkun tinvolvi li jiġu injorati t-termini ta’ l-Anness I.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (22)
26. L-allegazzjoni minn G. Hartmann u l-Gvern Spanjol li l-esklużjoni ta’ uffiċjali pubbliċi mill-applikabbiltà tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1408/71 hija ristretta għal dawk l-uffiċjali pubbliċi li jwettqu funzjonijiet kif iddefiniti fl-Artikolu 39(4) KE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li huma involuti fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, mhijiex kredibbli. Il-funzjoni bażika ta’ din id-dispożizzjoni hija li tippermetti lill-Istati Membri li jżommu r-rekwiżiti ta’ nazzjonalità fil-konfront tat-twettiq ta’ ċerti funzjonijiet pubbliċi iżda mhux intiża li tillimita l-kunċett fih innifsu ta’ ħaddiem. Barra minn dan, kuntrarjament għal dak li jirrimarka l-Gvern Spanjol, din tikkostitwixxi biss eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 39(1 sa 3) KE u mhux għad-dispożizzjonijiet l-oħra fit-Titolu III dwar il-moviment ħieles ta’ ħaddiema, b’mod partikolari l-Artikolu 42 KE dwar il-koordinazzjoni ta’ skemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali.
27. Għalhekk il-Bundessozialgericht kienet iġġustifikata li tikkonċentra d-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni li kellha tingħata għall-kunċett ta’ ħaddiem migrant għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1612/68.
C – Ir-Regolament Nru 1612/68: status ta’ ħaddiem
28. Fid-definizzjoni tal-portata tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod konsistenti f’diversi kawżi li “kull ċittadin Komunitarju, indipendentement mir-residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li għamel użu mid-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor minn dak tar-residenza, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [39 KE]”. (23) Hija ddeskriviet ukoll l-għan ta’ l-Artikolu 39 KE, li r-Regolament Nru 1612/68 jfittex li jimplementa, bħala li “jagħti l-fakultà lill-ħaddiem li jiċċaqlaq ġewwa t-territorju ta’ l-Istati Membri l-oħra u li jibqa’ hemmhekk għal għanijiet ta’ impjieg. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”(24).
29. Fid-dawl ta’ din id-deskrizzjoni tal-portata ta’ l-Artikolu 39 KE, u impliċitament dik tar-Regolament Nru 1612/68, jidher li jistgħu jiġu identifikati żewġ sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema. L-ewwel sitwazzjoni hija dik li wieħed jista’ isejjaħ il-mudell klassiku ta’ ċittadin Komunitarju li jmur jgħix fi Stat Membru ieħor biex jimpjega ruħu hemmhekk. It-tieni sitwazzjoni hija dik ta’ ħaddiem fuq il-fruntiera, fejn ċittadin tal-Komunità jkompli joqgħod fl-Istat Membru ta’ residenza, imma jaħdem fi Stat Membru ieħor fuq bażi regolari. Fiż-żewġ deskrizzjonijiet il-fattur primarju huwa li d-dritt tal-libertà tal-ħaddiem ikun ġie eżerċitat u li l-persuna ttrasferixxiet ruħha fi Stat Membru ieħor għar-raġunijiet ta’ impjieg.
30. Ċertament is-Sur Hartmann ma jaqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn il-kategoriji għaliex il-fatt li sar residenti fl-Awstrija ma kienx relatat ma’ skopijiet ta’ impjieg.
31. Madankollu, bħala riżultat ta’ żvilupp reċenti fil-ġurisprudenza jista’ jiġi ddubitat jekk din id-distinzjoni netta għadhiex valida. Fis-sentenza reċenti tagħha Ritter‑Coulais(25), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 39 KE seta’ jiġi invokat minn koppja Ġermaniża(26) impjegata fil-Ġermanja, imma residenti fi Franza bl-iskop li jiġi żgurat li t-telf mid-dħul tal-kera tad-dar privata tagħhom fi Franza għandux jittieħed in kunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tat-taxxa dovuta minnhom fuq id-dħul fil-Ġermanja. Wara li fakkret il-ġurisprudenza li għaliha sar riferiment fil-punt preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet “li s-sitwazzjoni ta’ l-appellanti fil-proċeduri legali prinċipali, li kienu jaħdmu fi Stat Membru differenti mill-post attwali tar-residenza tagħhom, jaqa’ fl-iskop ta’ l-Artikolu [39] KE.” (27)
32. Din il-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja timplika li kif jiġi stabbilit li persuna hija residenti fi Stat Membru wieħed, imma hija impjegata fi Stat ieħor, dan huwa biżżejjed sabiex taħdem l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 39 KE. Fi kliem ieħor b’dan l-approċċ ir-raġunijiet biex ċittadin Komunitarju jittrasferixxi r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor huma irrilevanti. Jekk dan tabilħaqq huwa l-każ, m’hemm l-ebda problema li l-fatti tal-kawża preżenti jiġu inklużi taħt din ir-regola sabiex jiġi kkonstatat li s-Sur Hartmann tabilħaqq kiseb l-istatus ta’ ħaddiem Komunitarju meta ttrasferixxa r-residenza tiegħu fl-Awstrija. Madankollu, huwa dubjuż jekk dan ir-riżultat huwiex konformi mas-sistema Komunitarja tal-moviment ħieles ta’ persuni bejn Stati Membri kif stipulata fit-Trattat KE.
33. Din is-sistema hija bbażata fuq id-distinzjoni bejn erba’ kategoriji ta’ moviment ħieles li tiddependi fuq ir-raġunijiet li għalihom ċittadin Komunitarju jixtieq jittrasferixxi ruħu fi Stat Membru ieħor. Inizjalment, skond it-Trattat tal-KEE, ingħata dritt tal-moviment ħieles għal raġunijiet ekonomiċi biss u ġew stabbiliti reġimi legali separati għal ċittadini ta’ Stati Membri li jixtiequ jittrasferixxu ruħhom fi Stati Membri oħra għar-raġunijiet ta’ impjieg, stabbiliment u l-provvista ta’ servizzi. Iktar tard, bl-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Maastricht, iċ-ċittadini tas-Stati Membri ngħataw ukoll id-dritt ta’ trasferiment fi Stati Membri oħra u ta’ residenza fih għal raġunijiet mhux ekonomiċi.
34. Id-drittijiet li huma relatati ma’ kull kategorija ta’ moviment ħieles jiddifferenzjaw, għalkemm matul is-snin intlaħaq ċertu grad ta’ konverġenza fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar ħaddiema, stabbiliment u servizzi u hemm iktar omogeneità fil-mod kif dawn id-dispożizzjonijiet huma applikati. B’kuntrast ma’ dan, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza, jibqgħu kategorija distinta u d-drittijiet li jistgħu jiġu dedotti minn dan l-istatus, għalkemm qed jevolvu, huma ristretti b’paragun ma’ dawk li jirriżultaw mill-libertajiet ekonomiċi. Sabiex jiġi ddeterminat liema dispożizzjoni fit-Trattat, u għaldaqstant is-sistema legali li hija applikabbli għal sitwazzjoni partikolari, xorta waħda huwa essenzjali li tiġi stabbilita, oġġettivament, ir-raġuni għaliex il-persuna kkonċernata teżerċita d-dritt tagħha ta’ moviment fi Stat Membru ieħor. Dan jikkostitwixxi l-fattur ta’ konnessjoni ma’ waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment ħieles.
35. Skond dan l-approċċ, f’Werner (28) il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li dentist Ġermaniż li kien kiseb il-kwalifiċi professjonali kollha tiegħu fil-Ġermanja, li kien ipprattika l-professjoni tiegħu fil-Ġermanja biss u li kien suġġett għal-legiżlazzjoni taxxabbli Ġermaniża, imma li kien residenti fl-Olanda, ma setax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 43 KE biex joġġezzjona għal piż fiskali iktar oneruż milli kien ikun il-każ kieku kien jirrisjedi fil-Ġermanja. L-uniku fattur li ddistingwa l-każ tas-Sur Werner minn kuntest purament nazzjonali huwa li kien jgħix fi Stat Membru ieħor minn dak fejn ipprattika l-professjoni tiegħu(29). Is-sempliċi fatt li huwa kien mar jgħix l-Olanda ma kienx biżżejjed biex jiġi konkluż li l-attività professjonali tiegħu fil-Ġermanja kienet tammonta għal stabbiliment transkonfinali li tippermettilhu jinvoka l-Artikolu 43 KE.
36. Għandu jiġi osservat li Werner imur qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza. Kieku l-fatti ta’ din il-kawża ġraw f’data iktar tard, l-eżitu seta’ kien differenti, minħabba l-għarfien attwali dwar il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
37. Din l-osservazzjoni tista’ tipprovdi spjegazzjoni għall-approċċ addotat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Ritter‑Coulais. Fejn is-suġġett ta’ din il-kawża kien jaqa’ ratione materiae fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet tal-moviment ħieles tal-kapital (it-tnaqqis tat-telf ta’ dħul mill-kera minn proprjetà immobbli għal skopijiet ta’ taxxa) u, fil-fehma tieghi, ratione personae taħt id-dispożizzjonijiet taċ-ċittadinanza, l-ebda waħda minn dawn ma kienet applikabbli ratione tempore billi l-każ kien relatat mas-sena ta’ taxxa 1987. Fuq is-suġġeriment tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat il-każ taħt l-Artikolu 48 [39] KE u waslet għall-konklużjoni ċċitata fil-punt 31 hawn fuq.
38. Billi l-kuntest fattwali f’Ritter-Coulais kien jixbaħ ħafna dak f’Werner, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja kien messa ħadet l-istess approċċ f’din il-kawża. Jiena konxju li dan kien jipproduċi riżultat li seta’ ġie meqjus bħala mhux sodisfaċenti fid-dawl tal-liġi kurrenti. Dan huwa r-riżultat li kien ikun konsistenti mal-liġi kif kienet fl-1987. Il-konsegwenza ta’ l-approċċ segwit f’Ritter-Coulais hija li d-distinzjoni bejn il-moviment ħieles tal-ħaddiema w il-libertà ta’ moviment abbażi taċ-ċittadinanza Ewropea saret imċajpra. Skond dan l-approċċ, meta ċittadin Ewropew imur fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet mhux ekonomiċi, dan jista’ jirriżulta biex huwa jkun jista’ jitlob drittijiet li fis-sistema preżenti huma riservati għal dawk li jkunu eżerċitaw il-libertà tagħhom għal raġunijiet ta’ impjieg, stabbiliment jew provvista ta’ servizzi.
39. Jeħtieġ f’dan il-kuntest li ssir referenza għall-kawża waħda oħra, Elsen, (30) li ngħatat ċerta attenzjoni mill-Gvernijiet tal-Ġermanja u tar-Renju Unit, billi l-bażi fattwali turi ċertu xebħ ma’ din il-kawża. F’dan il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li mara Ġermaniża, li kienet ħadmet fil-Ġermanja u li kienet ittrasferixxiet ir-residenza tagħha fi Franza filwaqt li kompliet taħdem il-Ġermanja, setgħet, bħala ex ħaddiema fuq il-fruntiera, tibbaża ruħha fuq l-Artikoli 18, 39 and 42 KE sabiex il-perijodu ta’ żmien meħud tal-wild tagħha fi Franza jittieħed in kunsiderazzjoni għall-għanijiet li tiġi kkalkulata l-pensjoni tax-xjuħija fil-Ġermanja.
40. Madankollu, jiena ma nikkunsidrax li jista’ jiġi dedott minn din is-sentenza li persuna f’xogħol b’salarju fi Stat Membru wieħed li tittrasferixxi ruħha fi Stat Membru ieħor għandha awtomatikament titqies bħala ħaddiem għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 39 KE u Regolament Nru 1612/68. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-parti operattiva tas-sentenza tagħha, għamlet riferenza għall-Artikoli 39 u 42 KE, huwa ċar li l-aspett dwar l-istatus preċiż tas-Sinjura Elsen ġie eżaminat u ddeterminat fid-dawl ta’ l-Artikolu 13(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1408/71. Kien minħabba li s-Sinjura Elsen ‘ħadmet esklussivament fil-Ġermanja u kienet suġġetta, bħala ħaddiema fuq il-fruntiera, għal legiżlazzjoni Ġermaniża meta twieldet it-tarbija [li] rabta mill-qrib [setgħet] tiġi stabbilita bejn il-perijodi tat-trobbija tat-tarbija in kwistjoni u l-perijodi ta’ assigurazzjoni kompluti fil-Ġermanja permezz ta’ l-attività okkupazzjonali f’dak l-Istat.’ (31) Konsegwenza ta’ dan, hi kienet suġġetta għal-legiżlazzjoni Ġermaniża għall-għanijiet ta’ kalkolu tal-pensjoni tagħha tax-xjuħija anki wara li waqfet kull attività professjonali f’dak l-Istat Membru. Il-fatt li G. Elsen setgħet titqies li hija ħaddiem fuq il-fruntiera biex jiġi stabbilit li hi kienet suġġetta għal-legiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Ġermaniża ma jfissirx li hija kellha status ta’ ħaddiem f’sens iktar ġenerali għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema. Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’iktar minn okkażjoni waħda, sostniet li ‘it-tifsira ta’ ħaddiem użata fil-kuntest ta’ l-Artikolu [39] tat-Trattat KE u tar-Regolament Nru 1612/68 mhux neċessarjament jikkoinċidi mat-tifsira applikata fir-rigward ta’ l-Artikolu [42] tat-Trattat KE u r-Regolament Nru 1408/71. [traduzzjoni mhux uffiċjali](32)
41. B’mod iktar ġenerali, ikun utli li wieħed jiftakar li minn perspettiva ekonomika r-regoli bażiċi dwar is-suq komuni kienu intiżi biex jilliberalizzaw il-moviment, mhux biss tal-produzzjoni permezz tal-proċess ekonomiku (prodotti u servizzi), imma anki ta’ l-input fil-proċess ekonomiku, jiġifieri l-fatturi tal-produzzjoni (xogħol u kapital) F’dan ir-rigward, huwa possibbli li ċ-ċittadin migrant jiġi distint bħala persuna minn dak li jirrappreżenta f’termini ekonomiċi. Fejn, ħaddiem jittrasferixxi ruħu fi Stat Membru ieħor biex jaħdem u jgħix hemm jew biex jaħdem hemm filwaqt li jibqa’ jgħix fl-Istat Membru ta’ l-oriġini tiegħu, il-fattur tax-xogħol huwa ttrasferit għall-Istat Membru fejn huwa mpjegat. Għall-kuntrarju, fejn, bħal f’dan il-każ, persuna tittrasferixxi ruħha fi Stat Membru ieħor biss bi skopijiet ta’ residenza, imma żżomm ir-relazzjoni ta’ l-impjieg tagħha ma’ l-Istat Membru ta’ oriġini, dan ifisser li l-fattur tax-xogħol ta’ produzzjoni jibqa’ in situ. Ir-relazzjoni ta’ impjieg, u għalhekk il-fattur tax-xogħol, ma jiġix ittrasferit għal Stat Membru ieħor. Għalhekk m’hemmx bażi għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 39 KE billi l-fattur relatat u li jiskatta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa ineżistenti.
42. Fir-rigward tas-sistema Komunitarja li tirregola l-moviment ħieles ta’ persuni, sitwazzjoni bħal dik fil-proċedimenti prinċipali evidentement tagħmel parti mill-portata ta’ l-Artikolu 18 KE dwar iċ-ċittadinanza. Jiena nerġa’ nirreferi għal dan l-aspett iktar ’il quddiem.
43. Dan iwassalni għall-konklużjoni li persuna tista’ biss titqies li hija ħaddiem migrant għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1612/68 fejn tkun ittrasferixxiet ruħha fi Stat Membru ieħor bl-intenzjoni li tfittex jew li tieħu impjieg f’dak l-Istat Membru. Fejn hija tkun ittrasferixxiet ruħha fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet li mhumiex konnessi ma impjieg f’dan l-Istat, id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment ħieles ta’ persuni ma japplikawx għaliha. Persuna li tkun eżerċitat il-libertà ta’ moviment fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet mhux ekonomiċi taqa’ fl-ambitu biss tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza.
44. Minkejja li din il-konklużjoni twieġeb għall-ewwel domanda li ġiet magħmula mill-Bundessozialgericht, u, minħabba n-natura kundizzjonali tat-tieni domanda, m’hemmx bżonn tiġi indirizzata, jien se nkompli bl-analiżi bil-preżuppost li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu ssib li s-Sur Hartmann kiseb l-istatus ta’ ħaddiem. Din tikkonċerna d-domanda dwar jekk ħaddiem migrant fis-sitwazzjoni tiegħu jistax jitlob trattament ugwali fir-rigward ta’ l-għoti ta’ vantaġġi soċjali skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.
D – Ir-Regolament Nru 1612/68: ħaddiema fuq il-fruntiera u vantaġġi soċjali
45. Jekk is-Sur Hartmann għandu jitqies li huwa migrant jew ħaddiem fuq il-fruntiera jew li l-istatus tiegħu huwa analogu għal dak ta’ ħaddiem fuq il-fruntiera, dan ma jfissirx li huwa awtomatikament intitolat għal trattament ugwali fir-rigward tal-vantaġġi soċjali kollha pprovduti fl-Istat Membru fejn huwa mpjegat. Jien nissuġġerixxi li dan id-dritt għandu jiddependi fuq ir-raġuni li għaliha l-Artikolu 7(2) ta’ Regolament Nru 1612/68 jistipula li ħaddiema migrant għandhom igawdu l-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħal ħaddiema nazzjonali.
46. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja f’ġurisprudenza stabbilita affermat li “r-riferiment għal ‘vantaġġi soċjali’ fl-Artikolu 7(2) ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali](33) u li “‘vantaġġi soċjali’ għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru l-vantaġġi kollha li, kemm jekk huma jew mhumiex marbuta ma’ kuntratt ta’ impjieg, jingħataw ġeneralment lill-ħaddiema nazzjonali minħabba l-istatus oġġettiv tagħhom bħala ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u l-estensjoni ta’ dawn il-vantaġġi għal ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra għalhekk tidher probabbli li tiffaċilita l-mobbiltà ta’ dawn il-ħaddiema fi ħdan il-Komunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. (34)
47. Minkejja l-fatt li l-kunċett ta’ vantaġġ soċjali m’għandux jiġi interpretat restrittivament, it-tifsira tal-Qorti tal-Ġustizzja fiha numru ta’ elementi li jimplikaw li lanqas mhija bla ebda restrizzjoni. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-vantaġġ ikkonċernat għandu jingħata minħabba l-istatus oġġettiv bħala ħaddiem jew li jingħata fuq is-sempliċi fatt tar-residenza tal-ħaddiem fit-territorju nazzjonali. Barra minn dan, hemm preżunzjoni li l-aċċessibbiltà ta’ dan il-vantaġġ għal ħaddiem migrant tkun qed tiffaċilita l-mobbiltà tagħhom fi ħdan il-Komunità.
48. Fil-kuntest pjuttost differenti li kellu jistabbilixxi jekk l-għajnuna għall-manteniment ta’ student kellhiex titqies li hija vantaġġ soċjali fil-kuntest tat-tifsira tar-Regolament Nru 1612/68, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll b’mod ġenerali li “it-trattament ugwali li jgawdu minnu l-ħaddiema ta’ Stat Membru li huma impjegati fi Stat Membru ieħor relattivament mal-ħaddiema nazzjonali, fir-rigward ta’ benefiċċji mogħtija lill-membri familjari tagħhom, jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-pajjiż ospitanti, b’applikazzjoni ta’ l-għanijiet tal-moviment ħieles tal-ħaddiema.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. (35)
49. Dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jiffukaw kollha fuq is-sitwazzjoni tal-ħaddiema li ħallew l-Istat ta’ l-oriġini tagħhom għal Stat Membru ieħor biex jgħixu u jaħdmu fl-Istat Membru ospitanti. It-trattament ugwali ta’ din il-kategorija ta’ ħaddiema fir-rigward ta’ l-għoti ta’ benefiċċji soċjali, kif previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, iservi biex isaħħah il-possibbiltajiet tagħhom għall-integrazzjoni soċjali fl-istatus ġdid ta’ residenza tagħhom u sabiex jiżdiedu l-oppurtunitajiet għalihom li jipparteċipaw fis-soċjetà nazzjonali. Ħaddiema fuq il-fruntiera huma evidentement f’pożizzjoni differenti għax iżommu r-residenza tagħhom fl-Istat Membru ta’ l-oriġini tagħhom fejn, wieħed jista’ jippreżumi, huma integrati kompletament. Għalkemm din il-kategorija ta’ ħaddiema tibbenefika wkoll mill-protezzjoni ta’ l-Artikolu 39 KE u minn dispożizzjonijiet varji oħra dwar il-moviment ħieles ta’ ħaddiema, minn kif jidher, mill-perspettiva funzjonali, din il-protezzjoni hija meħtieġa biss biex tiġi evitata l-inugwaljanza ta’ trattament fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ta’ impjieg. M’għandux jitħalla li l-ħaddiema fuq il-fruntiera jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward ta’ per eżempju r-renumerazzjoni tagħhom jew benefiċċji relatati ma’ xogħol speċifiku, unikament minħabba li mhumiex residenti fl-Istat Membru fejn huma impjegati. Fir-rigward tal-benefiċċji li huma marbuta ma’ l-istatus tagħhom ta’ membri tal-Komunità, huwa l-Istat Membru ta’ residenza li huwa kompetenti.
50. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar aspett, kif josservaw kemm il-Bundessozialgericht fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha u kemm il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, m’għandux jiġi eskluż li persuna fil-pożizzjoni tas-Sur Hartmann tista’ tkun eliġibbli għal benefiċċji simili għall-allowance għat-tfal fil-pajjiż tar-residenza tagħha. Peress li r-Regolament Nru 1612/68, b’differenza mir-Regolament Nru 1408/71, m’għandu l-ebda mekkaniżmu intiż li jipprekludi l-għoti doppju ta’ benefiċċji soċjali, wieħed m’għandux jaċċetta malajr li l-benefiċċji soċjali jistgħu jiġu esportati awtomatikament. Jiena naqbel mal-Gvern Ġermaniż li fejn ikun ġie stabbilit li benefiċċju partikolari mhuwiex esportabbli skond ir-Regolament Nru 1408/71 għar-raġuni li l-benefiċjarju potenzjali jaqa’ barra mill-portata ratione personae ta’ dan ir-regolament, bħal fil-każ ta’ dawn il-proċedimenti, dan ir-riżultat m’għandux jiġi kkanċellat billi jiġi ggarantit l-aċċess għall-benefiċċju in kwistjoni permezz tar-regola tat-trattament ugwali ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Dan jidher li huwa l-obbjettiv preċiż ta’ l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 1612/68, li jgħid li dan ir-Regolament ma jinvalidax il-miżuri adottati b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 42 KE, jiġifieri r-Regolament Nru 1408/71. Din id-dispożizzjoni għalhekk tistabbilixxi ġerarkija bejn iż-żewġ regolamenti, li abbażi tagħha r-Regolament Nru 1408/71, li huwa l-iktar speċifiku, għandu jipprevali fuq l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.
51. Il-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 fuq imsemmi tikkonferma l-interpretazzjoni li l-Artikolu 7(2) hija intiża prinċipalment għal ħaddiem migrant li jirrisjedi fl-Istat Membru fejn huwa impjegati u tista’ tiġi invokata minn ħaddiema fuq il-fruntiera biss fir-rigward ta’ benefiċċji li huma direttament marbuta mar-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom. Kif irrileva l-Ġvern Ġermaniż fis-seduta, il-verżjoni bil-Ġermaniż ta’ din id-dispożizzjoni tispeċifika permezz tal-kelma “dort” li l-ħaddiem għandu jgawdi mill-benefiċċji soċjali fit-territorju ta’ l-Istat Membru li qed jimpjegah. L-istess terminloġija ġiet użata fi tnejn mill-verżjonijiet uffiċjali oħra tar-Regolament Nru 1612/68 fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament (Il-Franċiż: Il y bénéficie ...; L-Olandiż: Hij geniet er ...); il-verżjoni Taljana biss ma fihiex riferiment bħal dan.
52. Għalkemm ġie suġġerit li mir-raba’ premessa tal-preambolu tar-Regolament Nru 1612/68 jidher li l-ħaddiema fuq il-fruntiera jaqgħu kompletament fil-kuntest tal-protezzjoni mogħtija b’dan ir-regolament, jidher madankollu li din il-premessa tirreferi b’mod partikolari (“tali dritt”) għad-dritt tal-ħaddiema li jiċċaqilqu għall-għanijiet ta’ impjieg u għad-dritt li jsegwu l-attività ta’ l-għażla tagħhom. (36) Għall-kuntrarju, il-ħames premessa (37) tirrigwarda kwistjonijiet li m’għandhom ebda rilevanza għas-sitwazzjoni tal-ħaddiema fuq il-fruntiera bħall-eliġibbiltà għall-akkomodazzjoni, id-dritt li l-ħaddiem ikun jista’ jingħaqad mal-familja tiegħu u l-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni ta’ dik il-familja fil-pajjiż ospitanti. Dan, ukoll, jissuġġerixxi li l-ħaddiema fuq il-fruntiera jistgħu jgawdu mid-drittijiet stipulati fir-Regolament Nru 1612/68 biss safejn dawn ikollhom relazzjoni funzjonali ma’ l-impjieg tagħhom fl-Istat Membru ospitanti.
53. Ir-restrizzjoni tal-portata ratione materiae ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 fir-rigward ta’ ħaddiema fuq il-fruntiera hija konsistenti mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Meints. (38) Din il-kawża kienet tirrigwarda d-dritt ta’ ħaddiem fuq il-fruntiera ta’ nazzjonalità Ġermaniża li kien ġie impjegat f’razzett fl-Olanda filwaqt li baqa’ jirrisjedi fil-Ġermanja, għal benefiċċju speċjali intiż għal ħaddiema agrikoli li l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom ġie tterminat bħala riżultat tat-teħid ta’ l-art li kienet ta min kien jimpjegahom preċedentement. Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li tali benefiċċju ma setax jitqies li huwa vantaġġ soċjali fil-kuntest tat-tifsira ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 “peress li d-dritt għall-benefiċċju huwa intrinsikament marbut mal-istatus oġġettiv tar-riċevitur”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] (39)
54. Huwa veru li f’Meints il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament irrifjutat l-argumenti tal-Gvernijiet ta’ żewġ Stati Membri li r-Regolament Nru 1612/68 ma jipprevedix il-possibbiltà li jiġu esportati l-vantaġġi soċjali. Għal dan il-għan, il-Qorti Komunitarja rriferiet għar-raba’ premessa tal-preambolu ta’ dan ir-Regolament, iċċitata hawn fuq, u għall-fatt li l-Artikolu 7 jirreferi mingħajr restrizzjoni għal ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru(40). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha b’mod ġeneriku, jidhirli li r-reazzjoni tagħha għal dan il-punt kienet iddeterminata minn natura partikolari tal-vantaġġ soċjali in kwistjoni f’dan il-każ li evidentement kienet relatata ma’ l-impjieg u, għalhekk, seta’ jitqies li huwa esportabbli. Ir-riferiment tiegħu għall-preambolu, fil-fehma tiegħi, ma jimplikax li l-ħaddiema fuq il-fruntiera jgawdu minn trattament ugwali fir-rigward tal-benefiċċji soċjali kollha disponibbli fl-Istat Membru ta’ l-impjieg, kif irrilevajt fil-punt 52 hawn fuq. Jiena naqbel f’dan ir-rigward ma’ l-Avukat Ġenerali Lenz li fil-konklużjonijiet tiegħu f’Meints osserva:
“Il-biża’ […] li, abbażi tagħha minħabba din l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni tal-ħaddiema fuq il-fruntiera, il-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali jsiru esportabbli, riżultat li r-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 1612/68 huma intiżi espressament u impliċitament rispettivament li jevitaw, hija fl-opinjoni tiegħi inġustifikata.
[…] Il-kuntratt speċifiku ta’ impjieg irid ikun il-punt ta’ konnessjoni ma’ l-għoti ta’ vantaġġ soċjali. Sostanzjalment, għall-inqas, dan ir-rekwiżit diġà ttieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja meta rriferit għall-istatus oġġettiv ta’ ħaddiem u għall-kuntratt ta’ xogħol meta ddefinit il-benefiċċji soċjali. Huwa eskluż li fil-futur il-benefiċċji soċjali kollha jitħallsu minn naħa għall-oħra tal-fruntieri skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Hija preċiżament ir-rabta bejn l-istatus ta’ ħaddiem u l-kuntratt ta’ xogħol li teskludi benefiċċji konvenzjonali ta’ għajnuna soċjali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (41)
55. Għalhekk, il-konklużjoni tiegħi fuq dan il-punt hija li fil-kuntest ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, il-ħaddiema fuq il-fruntiera huma intitolati għal trattament ugwali fl-Istat Membru ta’ l-impjieg fir-rigward ta’ l-għoti ta’ benefiċji soċjali biss safejn tali vantaġġi huma direttament u esklużivament relatati ma’ l-impjieg.
E – Allowance għat-tfal u l-impjieg
56. Id-domanda suċċessiva li tqum hija jekk l-allowance għat-tfal prevista taħt il-BErzGG jistax jitqies li huwa vantaġġ soċjali suffiċjentement relatat ma’ l-impjieg biex ikun jista’ jintalab minn ħaddiema fuq il-fruntiera jew minn persuni fis-sitwazzjoni tas-Sur Hartmann u, permezz tagħhom, mill-konjuġi tagħhom. Din hija domanda fiha nnifisha fattwali li għandha tiġi kkunsidrata mill-qorti nazzjonali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà esprimiet ruħha dwar in-natura ta’ l-allowance għat-tfal fil-kuntest ta’ kawża li tikkonċerna ħaddiema residenti fl-Istat Membru ta’ l-impjieg. F’Martínez Sala hija sabet li peress li l-allowance għat-tfal abbażi tal-BErzGG ingħata inter alia lil ħaddiema li jaħdem part-time, għandu jitqies li huwa vantaġġ soċjali fil-kuntest tat-tifsira ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. (42)
57. F’Hoever u Zachow(43), li fiha din id-domanda tqajment fir-rigward ta’ ħaddiema fuq il-fruntiera, ma kellhiex għalfejn twieġeb id-domanda dwar jekk l-allowance għat-tfal huwiex vantaġġ soċjali relatat ma’ l-impjieg għax il-kawża ġiet deċiża abbażi ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71. Madankollu, fis-sentenza tagħha hija kkaraterizzat l-allowance għat-tfal bħala li huwa “intiż li jagħti l-opportunità lil parti waħda mill-ġenituri biex jiddedika lilu nnifsu għat-trobbija ta’ wild żgħir” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “li hi intiża b’mod iktar partikolari biex tikkumpensa s-servizz tat-trobbija tat-tfal, li tagħmel tajjeb għal spejjeż oħra biex tieħu ħsieb u trabbi t-tfal, skond il-każ, u ttaffi l-iżvantaġġi finanzjarji involuti minħabba r-rinunzja ta’ dħul minn impjieg full-time.”[traduzzjoni mhux uffiċjali](44) Din id-deskrizzjoni tissuġġerixxi li, għalkemm ħaddiema part-time huma eliġibbli għal dan il-benefiċċju, ir-relazzjoni ma’ l-impjieg mhix b’saħħitha.
58. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha l-Bundessozialgericht irrilevat li l-BErzGG ma tissuġġettax id-dritt għal benefiċċju fuq relazzjoni ta’ impjieg u li fil-fatt, impjieg bi qligħ estensiv iżżejjed jipprekludi d-dritt għall-allowance għat-tfal. Madankollu, il-qorti nazzjonali tosserva li impjieg kurrenti jew preċedenti jew relazzjoni ta’ servizz pubbliku stabbilita fil-Ġermanja hija importanti preċiżament fejn il-benefiċċji jiġu esportati. Hi u tispjega d-dubji tagħha dwar il-legalità skond id-dritt Komunitarju tar-restrizzjoni fuq l-esportabbiltà ta’ l-allowance għat-tfal għall-ħaddiema fuq il-fruntiera, hija tikkunsidra li r-rekwiżit ta’ iktar minn impjieg minuri fil-Ġermanja huwa intrinsikament pjuttost illoġiku għall-allowance għat-tfal, b’mod partikolari peress li l-benefiċċju huwa intiż mhux l-inqas biex jippermetti l-possibbiltà li wieħed ma jkollux għalfejn jingaġġja ruħu f’attività professjonali. Din tara wkoll diskrepanza evidenti fil-ko-eżistenza ta’ l-esklużjoni ta’ persuni f’impjieg full-time u r-rekwiżit (applikabbli għall-ħaddiema fuq il-fruntiera) li dak li jkun jaqbeż l-għatba ta’ impjieg minuri sabiex ikun eliġibbli għall-allowance għat-tfal.
59. Isegwi mill-karatterizzazzjoni ta’ l-allowance għat-tfal mogħtija kemm mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Hoever u Zachow u mill-Bundessozialgericht fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-iskop essenzjali ta’ dan il-benefiċċju huwa li tiġi ppremjata persuna, li jew qatt ma kienet ingaġġjata f’impjieg bi qligħ jew li tkun irrinunzjat b’mod sħiħ jew parzjali għal relazzjoni ta’ impjieg sabiex trabbi tarbija, għall-inattività ekonomika li din tinvolvi. Din l-allowance hija, għalhekk, intrinsikament pjuttost l-oppost ta’ benefiċċju marbut ma’ impjieg. Huwa veru li l-leġiżlatura Ġermaniża estendiet l-eliġibbiltà għall-allowance għat-tfal għal żewġ kategoriji ta’ persuni li għandhom rabta mas-suq tax-xogħol fil-Ġermanja (b’mod indirett: in-nisa jew l-irġiel ta’ l-impjegati fis-servizz pubbliku mill-2001; b’mod dirett: ħaddiema fuq il-fruntiera f’impjieg iktar minn wieħed minuri). Għalkemm l-introduzzjoni ta’ dan il-kriterju jidher li jikkuntradixxi l-konklużjoni li l-allowance għat-tfal mhuwiex relatata ma’ impjieg, dan il-kriterju sempliċement iservi bħala fattur neċessarju biex jagħmel konnessjoni mas-sistema legali Ġermaniża sabiex jissostitwixxi r-rekwiżit tar-residenza, li ovvjament ma jistax jiġi applikat f’dawn il-każijiet. Il-kundizzjonijiet sostantivi għall-eliġibbiltà stipulati fil-Paragrafi 1(1)(2) u (3) tal-BErzGG jibqgħu mhumiex relatati ma’ impjieg, sabiex l-allowance nnifisha sservi l-istess skop fil-każijiet kollha.
60. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet jiena ma nikkunsidrax li allowance għat-tfal huwa suffiċjentement relatat ma’ impjieg jew l-istatus oġġettiv ta’ ħaddiem sabiex ikun tista’ titqies li hija vantaġġ soċjali li fir-rigward tagħha l-ħaddiema fuq il-fruntiera jistgħu jitolbu trattament ugwali abbażi ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.
61. Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-qorti nazzjonali kellhom jaslu għall-konklużjoni differenti fir-rigward tan-natura ta’ l-allowance għat-tfal, ikun meħtieġ sussegwentement li tiġi kkunsidrata l-kompatibbiltà tar-rekwiżit tar-residenza ma’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.
F – Diskriminazzjoni indiretta: ġustifikata?
62. Mhux ikkontestat, anki mill-Gvern Ġermaniż, li r-rekwiżit tar-residenza stipulat fil-Paragrafu 1(1)(1) tal-BErzGG jiddiskrimina indirettament kontra ħaddiema fuq il-fruntiera peress li ċittadini tal-Ġermanja jistgħu faċilment jissodisfaw din il-kundizzjoni iktar minn ħaddiema barranin. Konsegwentement irid jiġi eżaminat jekk dan ir-rekwiżit jistax jiġi ġġustifikat u jekk hux proporzjonat ma’ l-għan mistenni.
63. L-ewwel nett, wieħed għandu jiftakar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà sabet f’numru ta’ kawżi li rekwiżit ta’ residenza impost fir-rigward ta’ vantaġġi soċjali simili ma setax jiġi ġġustifikat fid-dawl ta’ l-għanijiet li minħabba fihom ġew imposti dawk ir-rekwiżiti. Għalhekk il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma rnexxilhux jikkonvinċi l-Qorti tal-Ġustizzja li r-rekwiżit ta’ sena residenza flimkien mal-obbligu li tgħaddi minn eżamijiet mediċi regolari li ġew imposti bħala kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għal allowance għat-twelid u għall-maternità kien iġġustifikat għar-raġunijiet ta’ saħħa pubblika(45).
64. Anki f’Meints il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li r-rekwiżit ta’ residenza ma kienx la meħtieġ u lanqas xieraq sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu esklużi persuni li sfaw imkeċċija b’riżultat ta’ l-azzjoni tagħhom stess mid-dritt għal benefiċċju agrikolu speċjali. Din ikkunsidrat li l-post tar-residenza tar-rikorrent kien irrilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk ġiex imkeċċi b’riżultat ta’ l-azzjoni tiegħu stess(46).
65. F’din il-kawża, il-Bundessozialgericht għamlet biss domanda fir-rigward tal-kompattibbiltà mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 tar-rekwiżit li applikant għall-allowance għat-tfal irid ikollu r-residenza permanenti tiegħu jew il-post abitwali tiegħu fil-Ġermanja. Id-dubji espressi mill-qorti nazzjonali fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tar-rekwiżiti stipulati fil-BErzGG jikkonċernaw prinċipalment ir-rekwiżiti imposti fuq ħaddiema fuq il-fruntiera fir-rigward ta’ grad minimu ta’ xogħol. Peress li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex epressament is-suġġett tar-rinviju preliminari preżenti, imma tqajmu fil-kuntest tal-kawża C‑213/05, Geven, (47) jien se niddiskutihom fil-konklużjonijiet tiegħi għal dik il-kawża li ser jiġu ppreżentati flimkien ma’ dawn il-konklużjonijiet.
66. Sabiex jiġi stabbilit l-għan għaliex l-allowance għat-tfal huwa disponibbli fil-Ġermanja, għal darba oħra jkun xieraq li jsir riferiment għall-osservazzjonijiet tal-Bundessozialgericht fuq dan il-punt fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha. Abbażi ta’ dan il-memorandum li jservi ta’ spjegazzjoni għall-abbozz ta’ liġi BErzGG u l-ġurisprudenza nazzjonali, il-qorti nazzjonali għamlet ġabra ta’ dawn l-objettivi kif ġej:
“L-għoti ta’ l-allowance għat-tfal huwa intiż li jippermetti jew jiffaċilita lil wieħed mill-ġenituri biex jikkonċentra ħa jieħu ħsieb u jrabbi tarbija fl-ewwel fażijiet tal-ħajja tagħha, li huwa kruċjali għal kull żvilupp sussegwenti […] Dan il-ħlas iservi biex jirrikonoxxi x-xogħol li jsir minn familji żgħażagħ fit-trobbija ta’ l-ulied […] u sabiex tiġi stimulata r-rata tat-twelid, billi jagħmilha iktar faċli li dak li jkun jieħu deċiżjoni biex ikollu tarbija u kontra l-interruzzjoni tat-tqala […] L-objettiv ewlieni huwa li jippermetti l-ġenituri jieħdu ħsieb huma stess lil uliedhom billi jirrinunżjaw jew jillimitaw l-attività professjonali tagħhom […] Il-punt ta’ tluq li kien ta’ motivazzjoni għal-leġiżlatur kienet ukoll li l-fatt ta’ trobbija ta’ tarbija fil-Ġermanja jikkontribwixxi sabiex jiggarantixxi l-futur politiku, ekonomiku u soċjali ta’ dan l-Istat […] Huwa għalhekk li l-leġiżlatur kompla billi rrestrinġa d-dritt għall-allowance għat-tfal lil ċittadini barranin residenti fil-Ġermanja […] għal dawk li jistgħu jkunu mistennija jibqgħu fil-Ġermanja b’mod permanenti […]; bl-istess mod il-Ġermanja ma ħassitx ruħha obbligata li tawtorizza l-għoti tal-benefiċċju meta, fil-każ ta’ residenza barra l-pajjiż, kien hemm nuqqas ta’ konnessjoni komparabbli fil-forma ta’ kontribuzzjoni għas-suq tax-xogħol jew għas-soċjetà nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
67. Huwa ċar minn din id-deskrizzjoni li l-allowance għat-tfal irid jitqies li huwa strument tal-politika nazzjonali tal-familja li jservi objettivi soċjali, ekonomiċi u demografiċi għal żmien twil. Anki l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, li din hija n-natura essenzjali ta’ l-allowance għat-tfal, fejn din tikklassifikah bħala “benefiċċju mhux taxxabbli li jifforma parti minn sensiela ta’ miżuri ta’ politika għall-familja.”[traduzzjoni mhux uffiċjali] (48)
68. Madankollu, din hija kwistjoni ta’ jekk l-Istat Membru jistax jimponi l-kundizzjoni ta’ residenza għall-eliġibbiltà tal-benefiċċji mogħtija bl-għan li jintlaħqu tali obettivi ta’ politika leġittimi. Skond ġurisprudenza kostanti, tali kundizzjoni hija ġustifikata biss jekk tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi indipendentement minn nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u tkun proporzjonali ma’ l-objettivi leġittimi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati. (49)
69. Mhemm ebda dubju li l-Istati Membri huma kompletament ġustifikati li jsegwu politika mmirata lejn il-promozzjoni tat-twelid tat-tfal bl-għan li jiġi ggarantit ċertu grad ta’ stabbiltà fil-kompożizzjoni demografika tal-popolazzjonijiet tagħhom. Minn natura proprja tagħha stess, tali politika għandha tiggarantixxi li l-miżuri adottati jkunu intiżi għal persuni residenti fit-territorji nazzjonali. Bl-istess argument ikun assurd li wieħed jassumi li l-Istati Membri għandhom b’xi mod jikkontribwixxu għall-iżviluppi demografiċi fi Stati Membri oħrajn billi jestendu l-istrumenti tal-politika nazzjonali tagħhom għall-persuni li mhumiex residenti fit-territorju tagħhom. Għalhekk jidher li rekwiżit ta’ residenza jkun xieraq biex jiżgura li l-allowance għat-tfal jibgħata lil persuni li jappartjenu għall-popolazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru, li, ovvjament, jinkludi mhux biss ċittadini Ġermaniżi imma l-persuni kollha li jirrisjedu legalment fil-Ġermanja, irrispettivament minn nazzjonalità tagħhom.
70. F’dan ir-rigward, jiena nara parallel ċar bejn ir-rekwiżiti ta’ residenza li ġew diskussi f’Collins, (50)Bidar (51) u De Cuyper. (52)
71. F’Collins, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li kien “leġittimu għal Stat Membru li jagħti allowance għal minn ifittex ix-xogħol biss wara li jkun ġie stabbilit li teżisti rabta ġenwina bejn il-persuna li qed tfittex ix-xogħol u s-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat.”[traduzzjoni mhux uffiċjali] Sabiex ikun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità l-perijodu ta’ residenza mitlub “m’għandux jeċċedi dak li huwa meħtieġ sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jissodisfaw lilhom innfushom li l-persuna kkonċernata ġenwinament qed tfittex ix-xogħol fis-suq tax-xogħol ta’ l-Istat Membru ospitanti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (53)
72. F’Bidar, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien leġittimu għall-Istati Membri li jirrikjedu li student jagħti prova ta’ ċertu grad ta’ integrazzjoni fi ħdan is-soċjetà ta’ dak l-Istat sabiex ikun eliġibbli għal għajnuna li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment għall-istudenti f’dan l-Istat Membru u li dan seta’ jkun iggarantit b’rekwiżit ta’ tliet snin residenza preċedenti. Madankollu, peress li student kien anki meħtieġ li jipprova li kien stabbilixxa r-residenza tiegħu fir-Renju Unit u li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni kienet tipprekludi ċittadin ta’ Stat Membru ieħor milli jikseb, bħala student, l-istatus ta’ residenti stabbli, din il-leġiżlazzjoni għamlitha impossibbli għal dan iċ-ċittadin, hu x’inhu l-grad ta’ integrazzjoni tiegħu, biex jaċċedi għal dan il-benefiċċju. (54)
73. Reċentement ħafna f’De Cuyper, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien iġġustifikat li Stat Membru jimponi rekwiżit ta’ residenza effettiva fuq diżokkupat ta’ ’l fuq minn 50 sena li huwa eżentat mill-obbligu li jipprova li huwa disponibbli għax-xogħol bħala kundizzjoni biex jibqa’ intitolat għad-dritt tiegħu għal benefiċċji tal-qgħad. Dan ir-rekwiżit kien meħtieġ sabiex tiġi ssorveljata s-sitwazzjoni tax-xogħol u s-sitwazzjoni tal-familja ta’ persuni diżokkupati u biex jittieħed in kunsiderazzjoni bdil fiċ-ċirkustanzi personali li jista’ jkollhom effett fuq il-benefiċċji mogħtija. Peress li miżuri inqas restrittivi kienu jkunu inqas effettivi r-rekwiżit tar-residenza kien ukoll meqjus li kien proporzjonali ma’ dan l-għan. (55)
74. F’dawn il-kawżi kollha kien hemm relazzjoni ċara bejn in-natura tal-benefiċċju u t-tip ta’ rabta ma’ l-Istat Membru li kienet meħtieġa sabiex wieħed ikun eliġibbli għal dan il-benefiċċju.
75. F’dan il-każ, ir-rekwiżit tar-residenza jservi biex jiggarantixxi li l-allowance għat-tfal huwa rċevut minn persuni li preżumibbilment se jagħmlu parti mill-popolazzjoni Ġermaniża fuq bażi dejjiema u huwa għalhekk strument xieraq biex jintlaħqu l-obbjettivi ta’ politika tal-familja li għalihom jingħata dan il-benefiċċju. Il-benefiċċju jingħata irrispettivament minn nazzjonalità u billi ebda kundizzjonijiet oħra rigward it-tul tal-perijodu ta’ residenza ma jidhru li ġew stipulati, jista’ jitqies li huwa proporzjonali ma’ dan l-għan. Nixtieq inżid li l-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni tar-rekwiżit tar-residenza fiha nnifisha għandha ovvjament tiġi distinta minn dik dwar il-metodi ta’ prova ta’ residenza li ġew diskussi f’Martínez Sala.
76. Il-konklużjoni tiegħi fuq dan il-punt, għalhekk, hija li r-rekwiżit tar-residenza stipulat fil-Paragrafu (1)(1) tal- BErzGG huwa ġustifikat.
G – L-Artikolu 18 KE: restrizzjoni tad- drittijiet taċ-ċittadinanza?
77. Il-kwistjoni dwar l-applikazzjoni possibbli ta’ l-Artikolu 18 KE f’din il-kawża ġiet issollevata mill-Kummissjoni b’risposta għar-rimarka li saret mill-Bundessozialgericht fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju li tgħid li interpretazzjoni inqas restrittiva tal-kunċett ta’ moviment liberu skond ir-Regolament Nru 1612/68 illum hija possibbli minħabba l-fatt li l-Artikolu 18 KE jiggarantixxi dritt ġenerali ta’ residenza, indipendentement minn kull attività ekonomika. Għalkemm il-qorti nazzjonali ma kinitx qed tissuġġerixxi li G. Hartmann tista’ tinvoka l-Artikolu 18 KE biex tikkontesta r-rekwiżit tar-residenza fl-BErzGG, din il-kwistjoni għandha madankollu tiġi eżaminata.
78. Peress li G. Hartmann ma eżerċitatx hi stess xi dritt ta’ moviment ħieles fil-Komunità, l-unika domanda rilevanti taħt dan l-ambitu tikkonsisti f’jekk iċ-ċaħda ta’ għoti lil G. Hartmann ta’ l-allowance għat-tfal għar-raġuni li mhijiex residenti fil-Ġermanja kienx ta’ ostaklu għas-Sur Hartmann fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu li jittrasferixxi ruħu l-Awstrija u li jirrisjedi hemm kif inhu ggarantit permezz ta’ l-Artikolu 18 KE.
79. L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li s-Sur Hartmann ittrasferixxa ruħu l-Awstrija fl-1990, jiġifieri tliet snin u nofs qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza, fl-1 ta’ Novembru 1993. Dan ifisser li d-domanda għandha tiġi interpretata fis-sens li r-restrizzjonijiet li jidderivaw mill-applikazzjoni tar-rekwiżit tar-residenza fil-BErzGG għandhom jirreferu għar-residenza kontinwa tiegħu fl-Awstrija wara l-1 ta’ Novembru 1993.
80. Barra minn dan, jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-applikazzjonijiet għall-allowance għat-tfal li ġew miċħuda għat-tlett itfal tal-familja Hartmann kienu jirreferu, fil-każ ta’ l-ewwel tifel, għal perijodu li kien kompletament anteċedenti għall-1993, fir-rigward tat-tieni tifel, għal perijodu li kien jaqa’ parzjalment qabel u parzjalment wara Novembru 1993 u, fil-każ tat-tielet tifel, għal perijodu li ġie kompletament wara Novembru 1993. Konsegwentement, kull possibiltà li jiġi invokat l-Artikolu 18 KE f’dan il-każ setgħet tirriżulta biss f’allowance parzjali għat-tieni tifel u għajuna sħiħa għat-tielet tifel.
81. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat numru ta’ kawżi li jittrattaw restrizzjonijiet imposti minn Stati Membri fuq iċ-ċittadini tagħhom wara li huma kienu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jittrasferixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor f’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 18 KE r, b’mod partikolari f’D’Hoop u f’Pusa. (56) Fis-sentenzi tagħha f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet bħala prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat li “jkun inkompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu li kieku ċittadin [ta’ l-Unjoni], fis-Stat Membru li huwa ċittadin fih, jirċievi trattament inqas favorevoli minn dak li kien iġawdi minnu kieku ma kienx għamel użu mir-rimedji offerti mit-Trattat fir-rigward tal-libertà tal-moviment”.[traduzzjoni mhux uffiċjali] (57) Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li “[l]egiżlazzjoni nazzjonali li tiżvantaġġja wħud miċ-ċittadini tagħha sempliċement għax ikunu eżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor tagħti lok għal trattament mhux ugwali, kuntrarju għall-prinċipji li fuqhom huwa msejjes l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, jiġifieri, il-garanzija ta’ l-istess trattament fil-liġi fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin. Tali leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendentement minn nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u tkun proporzjonata ma’ l-għan leġittimu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (58)
82. Fiż-żewġ kawżi li għadhom kif ġew iċċitati l-partijiet involuti soffrew żvantaġġi tanġibbli bħala riżultat tal-fatt li huma eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ trasferiment fi Stat Membru ieħor. Is-Sinjorina D’Hoop, ċittadina Belġjana li kienet kisbet il-baccalauréat tagħha fi Franza, ma kkwalifikatx, taħt il-liġi nazzjonali fil-Belġju, għal allowance finanzjaru favur żgħażagħ li qed ifittxu l-ewwel impjieg tagħhom, għax ma kinitx lestiet l-edukazzjoni sekondarja tagħha f’dak l-Istat Membru. Is-Sur Pusa, ċittadin Finlandiż li ttrasferixxa ruħu fi Spanja u li l-pensjoni tiegħu kienet issekwestrata kien żvantaġġjat bil-fatt li l-liġi Finlandiża, fil-kalkolu tal-parti sekwestrabbli tal-pensjoni tiegħu, ma ħaditx in kunsiderazzjoni t-taxxa fuq id-dħul pagabbli minnhu fi Spanja, filwaqt li t-taxxa fuq id-dħul pagabbli minnhu fil-Finlandja kienet titnaqqas li kieku baqa’ jgħix fil-Finlandja. Fiż-żewġ kawżi kien ċar li ż-żewġ persuni ġew ristretti fid-drittijiet tagħhom skond il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ l-oriġini u li dan kien direttament attribwibbli għall-fatt li huma kienu ttrasferixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor.
83. Għall-kuntrarju, jidher ċar li f’din il-kawża s-Sur Hartmann ma ġiex żvantaġġjat fir-rigward tad-drittijiet potenzjali tiegħu abbażi tal-BErzGG meta stabbilixxa r-residenza tiegħu l-Awstrija. Tabilħaqq, li kieku huwa kien iddeċieda li jżomm ir-residenza tiegħu fil-Ġermanja, l-Istat Membru ta’ l-impjieg tiegħu, la huwa u lanqas martu ma kienu jikkwalifikaw għall-allowance għat-tfal. Għalhekk it-trasferiment tiegħu l-Awstrija ma kellu ebda effett f’dan ir-rigward.
84. Lanqas G. Hartmann ma tilfet ebda drittijiet bħala riżultat li żewġha ttrasferixxa ruħu l-Awstrija biex jingħaqad magħha. F’dan ir-rigward, tista’ ssir distinzjoni bejn din is-sitwazzjoni u dik f’Schempp. (59) F’dik il-kawża, l-eżerċizzju minn naħa ta’ G. Schempp tad-dritt tagħha bħala ċittadina li tittrasferixxi ruħha fi Stat Membru ieħor kellu effett immedjat fuq il-pożizzjoni legali ta’ l-ex raġel tagħha li baqa’ jirrisjedi l-Ġermanja, billi dan affettwa d-dritt tiegħu li jnaqqas il-pagamenti tal-manteniment li għamel lilha mid-dħul taxxabbli tiegħu fil-Ġermanja.(60) It-trasferiment tas-Sur Hartmann l-Awstrija ma kellux effetti bħal dawn fuq il-possibiltajiet ta’ G. Hartmann li titlob id-dritt għall-allowance għat-tfal fil-Ġermanja.
85. Barra dan, li kieku G. Hartmann kellu jkollha xi dritt dan seta’ biss jiġi eżerċitat kawża tad-drittijiet li kien igawdi żewġha. Fl-assenza ta’ tali dispożizzjoni li tagħti l-possibiltà li jiġu eżerċitati tali drittijiet derivati u minħabba l-fatt li f’kull każ is-Sur Hartmann innifsu apparentement ma jikkwalifikax għall-allowance għat-tfal, m’hemm l-ebda preżuppost biex G. Hartmann titlob tali dritt kawża tiegħu.
86. F’termini iktar ġenerali, għandu jiġi osservat li meta persuna tiddeċiedi li tittrasferixxi ruħha fi Stat Membru ieħor, billi teżerċita d-drittijiet tagħha abbażi ta’ l-Artikolu 18 KE jew xi dispożizzjoni oħra li tiggarantixxi l-moviment ħieles, mhuwiex iggarantit li dan it-trasferiment ta’ residenza jew ta’ attivitajiet se jkun newtrali minn perspettiva fiskali.(61) Kull għażla li wieħed imur fi Stat Membru ieħor tinvolvi kemm li ġġarrab ċerti żvantaggi u li tikseb vantaġġi ġodda bħala riżultat tad-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet bejn l-Istati Membri involuti, partikolarment fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tat-tassazzjoni. Huwa ċ-ċittadin Komunitarju li għandu jiżen dawn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi huwa u jieħu d-deċiżjoni tiegħu, imma dan m’għandux jinvolvi l-aspettattiva li jestendi d-dritt għal xi tip ta’ vantaġġ soċjali li l-Istat Membru ta’ l-oriġini tiegħu jista’ jipprovdi għar-raġunijiet ta’ politika differenti. Kif intwera hawn fuq, dan jiddependi kompletament fuq in-natura tal-benefiċċji involuti. Fejn m’hemmx garanzija ta’ newtralità fiskali fil-bdil ta’ residenza għal Stat Membru ieħor, l-istess prinċipju għandu japplika għall-preżervazzjoni tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali. Wieħed m’għandux jinsa l-fatt li billi wieħed jittrasferixxi r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor forom oħra ta’ drittijiet jistgħu jkunu disponibbli fl-Istat Membru ospitanti. Jekk jiġi rripetut dak li ġie sostnut mill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, fejn Stati Membri huma obbligati li ma jimponu ebda restrizzjonijiet fuq iċ-ċittadini tagħhom li jixtiequ jittrasferixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor, daqshekk ieħor mhumiex meħtieġa li jippremjawhom sabiex jitilqu.
87. Għalhekk, m’hemm ebda preżuppost biex wieħed jassumi li ċ-ċaħda ta’ l-applikazzjonijiet ta’ G. Hartmann għall-allowance għat-tfal fil-Ġermanja għar-raġuni li hija ma kkonformatx mar-rekwiżit tar-residenza tal-Paragrafu 1(1) tal-BErzGG, kien inkompatibbli mal-Artikolu 18 KE. Anki li kellu jiġi stabbilit li din iċ-ċaħda b’xi mod affettwat id-drittijiet tas-Sur Hartmann ta’ moviment u ta’ residenza abbażi ta’ l-Artikolu 18 KE, din ir-restrizzjoni għandha titqies li hija ġġustifikata għar-raġunijiet imsemmija fil-parti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.
V – Konklużjoni
88. Fid-dawl ta’ l-osservazzjonijiet li ntqalu jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti t-tweġibiet li ġejjin għad-domandi prelminari magħmula mill-Bundessozialgericht:
– Ċittadin Ġermaniż li, filwaqt li jkompli bir-relazzjoni ta’ l-impjieg tiegħu bħala uffiċjal tal-posta fil-Ġermanja, ikun ittrasferixxa r-residenza permanenti tiegħu mill-Ġermanja għall-Awstrija fl-1990 u minn dakinhar wettaq l-attività tiegħu tiegħu bħala ħaddiem fuq il-fruntiera ma jistax jitqies li huwa ħaddiem migrant fil-kuntest tat-tifsira tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità […] għal perijodi bejn Jannar 1994 u Settembru 1998.
– Ċittadina Awstrijaka li ma eżerċitatx id-dritt tagħha ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor ma tistax, fil-każ li żewġha jkun ittrasferixxa ruħu fl-Istat Membru tar-residenza tagħha filwaqt li żamm l-impjieg tiegħu fl-Istat Membru ta’ l-oriġini tiegħu, tinvoka l-Artikolu 18 KE sabiex tikkontesta r-rekwiżit tar-residenza li huwa impost bħala kundizzjoni biex tikkwalifika għall-allowance għat-tfal f’dan l-Istat Membru.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2).
3 – Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71 tal-14 ta’ Gunju 1971, dwar l-implementazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, (ĠU L 149, p. 2), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 3095/95 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1995, li jemenda r-Regolament Nru 1408/71, ir-Regolament (KEE) Nru 574/72, li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, ir-Regolament (KEE) Nru 1247/92, li jemenda r-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 1945/93, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1247/92 (ĠU L 335, p. 1, u bir-Regolament (KE) Nru 3096/95 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1995, li jemenda r-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72, li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU L 335), p. 10, (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).
4 – BGBl I, p. 180.
5 – BGBl I, p. 1426.
6 – Sentenza ta’ l-10 ta’ Ottubru 1996, (C‑245/94 u C‑312/94,Ġabra p. I‑4895).
7 – Il-Bundessozialgericht irrefera, f’dan ir-rigward għas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, Uecker u Jacquet ( C‑64/96 u C‑65/96, Ġabra p. I‑3171, punt 21).
8 – Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1987, Lebon, (316/85, Ġabra p. p.2811), u tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini, (C-3/90, Ġabra p. I‑1071)
9 – ‘Ħaddiem fuq il-fruntiera jfisser kull persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru u li tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li bħala regola tirritorna lejh kuljum jew għal inqas darba fil-gimgħa.’
10 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1399/1999 tad-29 ta’ April 1999, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72, li jistipula l-proċedura għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU L 164, p. 1iktar).
11 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
12 – Sentenza tad-29 ta’ April 2004, (C‑224/02, Ġabra p. I‑5763. Punti 16 sa 20).
13 – Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, (C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punti 55 sa 62).
14 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, (C‑224/98, Ġabra p. I‑6191).
15 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.
16 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, (C‑403/03, Ġabra p. I‑6421).
17 – Sar riferiment għad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-dritt taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu u li jirrisjedu liberament fi ħdan t-territorju ta’ l-Istati Membri, li temenda Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tirrevoka d-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, ĠU L 158, p. 77.
18 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 38.
19 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.
20 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Marzu 1998, (C‑194/96, Ġabra p. I‑895).
21 – Punt 35 tas-sentenza.
22 – Punt 37 tas-sentenza. Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1997, Merino García (C-226/95, Ġabra, p. I‑3279, punti 25 u 26).
23 – Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot (C-385/00, Ġabra p. I‑11819, punt 76); tat-13 ta’ Novembru 2003, Schilling u Fleck‑Schilling (C-209/01, Ġabra p. I‑13389, punt 23) u tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter‑Coulais (C-152/03, Ġabra p. I‑1711, punt 31).
24 – Sentenza, Uecker u Jacquet, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.
25 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.
26 – Fil-fatt, biex wieħed ikun preċiż, waqt li s-Sur Ritter‑Coulais kellu biss iċ-ċittadinanza Ġermaniża, is-Sinjura Ritter‑Coulais kellha ċittadinanza doppja Franċiża u Ġermaniża.
27 – Punt 32 tas-sentenza.
28 – Sentenza tas-26 ta’ Jannar 1993, (C‑112/91, Ġabra p. I‑429).
29 – Punt 16 tas-sentenza.
30 – Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2000 (C-135/99, Ġabra. p. I-10409).
31 – Punt 26 tas-sentenza.
32 – Sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C-85/96, Ġabra. p. I-2691, punt 31).
33 – Sentenza tat-30 ta’ Settembru 1975, Cristini (32/75, Ġabra. p. 1085, punt 12), u s-sentenza tas- 27 ta’ Novembru 1997, Meints (C-57/96, Ġabra. p. I-6689, punt 39).
34 – Sentenzi tas-27 ta’ Mejju 1993, Schmid (C-310/91, Ġabra. p. I-3011, punt 18, u Meints, iċċitati fin-nita ta’ qiegħ il-paġna ta’ qabel, punt 39.
35 – Sentenza tal-15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz (389/87 u 390/87, Ġabra. p. 723, punt 20), (enfażi tiegħi).
36 – It-tielet u r-raba’ premessi tal-Preambolu għar-Regolament Nru 1612/68 jistipulaw kif ġej: “Billi l-libertà tal-moviment jikkonstitwixxi dritt fundamentali għall-ħaddiema u l-familji tagħhom; fil-waqt li ċaqliq ta’ xogħol fi ħdan il-Komunità għandha tkun wieħed mill-mezzi li bihom ħaddiem hu garantit il-possibbilità li jtejjeb l-ħajja tiegħu u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u jmexxi 'l quddiem l-avvanz soċjali tiegħu. Waqt li jkompli jgħin biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ l-ekonomiji ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-attività tal-għażla tagħhom fil-Komunità għandha tkun affermata; Billi dritt bħal dan għandu jkun gawdut mingħajr diskriminazzjoni minn ħaddiema permanenti, staġjonali u fuq il-fruntiera u minn dawk li jwettqu l-attivitajiet tagħhom għall-iskop li jipprovdu servizzi”. [enfażi tiegħi]
37 – “Billi d-dritt għall-libertà tal-moviment, sabiex ikun jista’ jiġi eżerċitat, bi standards oġġettivi, bil-libertà u d-dinjità, jeħtieġ li ugwaljanza ta’ trattament għandha tkun assigurata fil-fatt u fil-liġi fir-rigward tal-materji kollha li għandhom x'jaqsmu mat-twettiq attwali ta’ attivitajiet bħala persuni mpjegati u għall-eliġibilità għal dar fejn joqogħodu, u wkoll li ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema għandhom ikunu eliminati, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-ħaddiem li tingħaqad miegħu l-familja tiegħu u l-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni ta’ dik il-familja fil-pajjiż li jospitaha”.
38 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33.
39 – Punt 41 tas-sentenza.
40 – Punti 49 u 50 tas-sentenza.
41 – Punti 57 u 58 tal-konklużjonijiet li ppreżenta fil-kawża Meints (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33).
42 – Sentenza Martínez Sala, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 26 tas-sentenza.
43 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
44 – Punt 25 tas-sentenza.
45 – Sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, (C-111/91, Ġabra. p. I 817, punts 12, 15 u 34).
46 – Sentenza Meints, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 48 tas-sentenza.
47 – Punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
48 – Sentenza Martínez Sala, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 8.
49 – Ara, per, eżempju, is-sentenza tat-23 ta’ Marżu 2004, Collins (C-138/02, Ġabra. p. I 2703, punt 66).
50 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.
51 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.
52 – Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, (C-406/04, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra).
53 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punti 69 u 72.
54 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 57 sa 61.
55 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punti 41 sa 48.
56 – Sentenzi D’Hoop, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, u Pusa, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.
57 – Sentenzi D’Hoop, punt 30, u Pusa, punt 18.
58 – Sentenzi D’Hoop, punti 34 sa 36, u Pusa, punt 20.
59 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.
60 – Punt 24 tas-sentenza.
61 – Sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Lindfors (C-365/02, Ġabra. p. I-7183, punt 34), u Schempp, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 45.
Full & Egal Universal Law Academy