KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fl-1 ta’ Frar 20071(1)
Kawża C-260/05 P
Sniace SA
vs
Il-Kummissjoni
partijiet intervenjenti oħra
Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija
u
Lenzing Fibres GmbH
“Appell – Artikolu 87(1) KE – Ammissibbiltà – Att li jikkonċerna lir-rikorrent individwalment – Effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni fis-suq – Għajnuna mogħtija mill-Awstrija lil Lenzing Lyocell GmbH & Co. KG għall-bini ta’ fabbrika ġdida – Suq tal-fibri taċ-ċelluloża”
I – Introduzzjoni
1. Meta l-Kummissjoni tawtorizza għajnuna jew ma tqajjimx xi oġġezzjoni kontra tali għajnuna, tqum il-kwistjoni dwar f’liema kundizzjonijiet il-kompetituri eventwali tal-benefiċjarju jistgħu jappellaw minn dik id-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, huwa ġeneralment diffiċli li jiġi stabbilit jekk il-kompetitur huwiex individwalment ikkonċernat mill-approvazzjoni ta’ għajnuna.
2. B’hekk il-partijiet, fl-appell preżenti, ma jaqblux fuq dwar jekk is- Sociedad nacional de Industrias y Aplicaciones de Celulosa Española (iktar ’il quddiem, “Sniace”) hijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/102/KE tad-19 ta’ Lulju 2000 dwar l-għajnuna ta’ l-Istat ta’ l-Awstrija favur Lenzing Lyocell GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem, “Lenzing Lyocell”) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”)(2). Fis-sentenza kkontestata(3), il-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat li tikkunsidra lil Sniace bħala kkonċernata b’mod individwali.
II – Il-fatti u l-proċedura
3. F’punti 1 u 2 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeskriviet l-impriżi kkonċernati bil-mod kif ġej:
“1. Sniace, SA (…), hija kumpannija Spanjola li bħala attivitajiet prinċipali għandha l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ fibri artifiċjali u sintetiċi taċ-ċelluluża, ta’ fibri taċ-ċelluluża (fibri tal-viscose [visk]diskontinwi), spag kontinwu tal-poliamidu, feltru mhux maħdum kif ukoll sulfat tas-sodju, l-isfruttament tal-foresti u l-koproduzzjoni ta’ l-enerġija elettrika.
2 Lenzing Lyocell GmbH & Co. KG (…) hija kumpannija Awstrijaka, sussidjarja tal-kumpannija Awstrijaka Lenzing AG, li, b’mod partikolari, tipproduċi fibri tal-viscose u tal-modal. LLG bħala attivitajiet għandha l-produzzjoni u l-bejgħ tal-lyocell, tip ġdid ta’ fibra prodotta abbażi taċ-ċelluluża naturali pura. Din il-fibra hija prodotta wkoll mill-kumpannija Brittanika Courtaulds plc, li tikkummerċjalizzaha taħt l-isem ‘Tencel’”.
4. Sa mill-1995, l-awtoritajiet Awstrijaċi taw lil Lenzing Lyocell xi għajnuniet għall-bini ta’ fabbrika maħsuba għall-produzzjoni ta’ lyocell fil-Land Burgenland. Wara li inizjalment naqset milli tqajjem xi oġġezzjoni, fl-1998, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ dawn l-għajnuniet mad-dritt Komunitarju. F’din il-proċedura, Sniace ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha f’żewġ skritturi.
5. Fid-19 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontesta(4). Skond it-termini ta’ l-imsemmija deċiżjoni, il-vantaġġi diversi mogħtija lil Lenzing Lyocell inżammu. Il-parti dispożittiva ta’ din id-deċiżjoni hija redatta skond kif ġej:
“Artikolu 1
L-għajnuna li l-Awstrija tat lil […] (LLG) ta’ Heiligenkreuz, permezz ta’ l-għoti ta’ garanziji li jammontaw għal EUR 35,8 miljun [garanzija mingħand konsorzju ta’ banek privati u pubbliċi li tammonta għal EUR 21,8 miljun u tliet garanziji ta’ […](WHS) li jammontaw għal EUR 1,4 miljun, EUR 10,35 miljun u EUR 2,25 miljun], kif ukoll permezz ta’ prezz ta’ EUR 4,4 għal kull metru kwadru għax-xiri ta’ biċċa art industrijali ta’ 120 ettaru, garanziji ta’ prezzijiet fissi tal-Land […] Burgenland għall-provvista ta’ servizzi kollettivi u għajnuna f’ammont mhux magħruf permezz tal-ħolqien ta’ infrastruttura speċifika għall-impriża, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) [KE].
Artikolu 2
L-għajnuna mogħtija mill-Awstrija lil LLG permezz ta’ l-għoti ta’ garanzija ta’ EUR 14,5 miljun mill-WiBAG hija konformi mal-linji gwida dwar il-garanziji li ġew approvati mill-Kummissjoni bin-numru N 542/95..
L-għajnuna ambjentali li tammonta għal EUR 5,37 miljun hija konformi mal-linji gwida dwar il-finanzjament tal-ħarsien ta’ l-ambjent approvati mill-Kummissjoni bin-numru N 93/148.
Artikolu 3
L-għajnuna individwali li l-Awstrija tat fil-forma ta’ għajnuna li tammonta għal EUR 0,4 miljun għax-xiri ta’ l-art u fil-forma ta’ parteċipazzjoni taċita li tammonta għal EUR 21,8 miljun huma kompatibbli mas-suq komuni. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]”
6. Sniace appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kummissjoni, bħala l-parti konvenuta, ġiet sostnuta mill-intervenjenti Lenzing Lyocell, il-Land Burgenland u l-Awstrija.
7. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, minħabba l-fatt li Sniace ma kinitx ikkonċernata individwalment bl-approvazzjoni ta’ l-għajnuna. Sniace kellha biss rwol sekondarju fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża u l-pożizzjoni tagħha fis-suq ma kinitx ser tkun effettwata sostanzjalment, peress li l-lyocell, li jiġi prodott esklużivament minn Lenzing Lyocell, mhuwiex f’kompetizzjoni mal-visk manufatturata minn Sniace.
III – It-Talbiet
8. Fl-appell tagħha, Sniace titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenża mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ April 2005 fil-kawża T-88/01;
– tilqa’ t-talbiet tagħha magħmulin fl-ewwel istanza jew, sussidjarjament, terġa’ tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża;
– tilqa’ t-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura magħmula mir-rikorrenti fis-16 ta’ Ottubru 2001, kif ukoll it-talbiet għad-dehra personali tal-partijiet, u s-smigħ tax-xhieda kif ukoll perizja magħmula mir-rikorrenti fl-20 ta’ April 2001;
– tikkundanna lill-konvenuta fil-Prim’Istanza tbati l-ispejjeż.
9. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha;
– tiċħad l-ewwel tliet talbiet bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondati;
– tiċħad ir-raba’ talba bħala infondata;
– tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż ;
– jew, sussidjarjament, f’każ li jintlaqa’ l-appell, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu.
10. Il-kumpannija Lenzing Fibers GmbH (iktar ’il quddiem, “Lenzing Fibers”), suċċeditriċi ta’ Lenzing Lyocell, u r-Repubblika ta’ l-Awstrija jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fl-intier tiegħu.
IV – Analiżi
11. Sniace tqajjem erba’ argumenti. Skond ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx korretta meta, fl-ewwel lok, ċaħdet li l-pożizzjoni ta’ Sniace fis-suq kienet sostanzjalment effettwata u, fit-tieni lok, ikkunsidrat il-parteċipazzjoni ta’ l-istess Sniace fil-proċedura ta’ eżami bħala limitata. Fit-tielet lok, is-sentenza kkontestata tikser id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fir-raba’ lok, Sniace tinvoka allegata diskriminazzjoni meta mqabbla ma’ Lenzing Lyocell, billi tirrileva li l-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet ir-rikors li sar mill-kumpannija parent Lenzing AG (iktar ’il quddiem, il-“grupp Lenzing”) kontra d-deċiżjoni li jiġu awtorizzati l-għajnuniet favur Sniace(5).
A – Fuq l-interess individwali
12. Qabel ma nidħlu fid-dettall ta’ dawn l-argumenti, hemm bżonn li jsiru xi osservazzjonijiet preliminarji dwar l-interess individwali.
13. Skond ġurisprudenża kostanti, il-persuni li mhumiex destinatarji ta’ xi deċiżjoni ma jistgħux (leġittimament) jippretendu li huma individwalment ikkonċernati fis-sens tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 tat-Trattat KE, ħlief jekk dik id-deċiżjoni tkun tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet personali jew minħabba ċirkustanzi ta’ fatt li jidentifikawhom mill-persuni l-oħrajn kollha u, minħabba dan, jindividwalizzawhom b’mod simili għal dak tad-destinatarju(6).
14. Il-kundizzjonijiet li jikkaratterizzaw l-interess individwali tal-kompetituri fil-qasam ta’ dritt għall-għajnuniet ivarjaw konsiderevolment skond l-istadju tal-proċedura li fiha jiġi ppreżentata ir-rikors u l-għan ta’ l-istess rikors.
15. Fis-sentenza riċenti tagħha ARE, il-Qorti tal-Ġustizzja tat sinteżi tal-kundizzjonijiet li fihom il-kompetituri (potenzjali) tal-benefiċjarji jistgħu jappellaw mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, meta l-istess Kummissjoni tonqos milli tikkontestat l-miżuri nazzjonali mingħajr ma tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE(7). F’dan ir-rigward, hemm żewġ possibbiltajiet: ir-rikors jista’ jkun maħsub biex jinkiseb il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami jew biex jikkontesta d-deċizjoni tal-Kummissjoni fuq il-mertu.
16. Meta r-rikors ikun maħsub sabiex jinkiseb il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami, huwa biżżejjed li r-rikorrenti jkunu persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet li jkunu eventwalment milquta fl-interessi tagħhom, jiġifieri b’mod partikolari l-impriżi kompetituri tal-benefiċjarji ta’ dik l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali(8). Il-kwalità ta’ persuna biex tieħu azzjoni huwa għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, pjuttost wiesa’ sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet proċedurali tal-kompetituri potenzjali, liema drittijiet jinsabu garantiti fl-ambitu tal-proċedura formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE(9).
17. Mill-banda l-oħra, dan ma japplikax meta l-appell mid-deċiżjoni adottata mingħajr il-proċedura formali ta’ eżami jkun maħsub sabiex jikseb l-annullament tagħha fuq il-mertu. F’dan il-każ, mhuwiex biżżejjed is-sempliċi fatt li r-rikorrent jkun jista’ jiġi meqjus bħala potenzjalment interessat fis-sens ta’ l-Artikolu 88(2) KE. Huwa għandu juri li huwa individwalment kkonċernat. Dan jippreżupponi li l-pożizzjoni tiegħu fis-suq tkun sostanzjalment effettwata mill-iskema ta’ għajnuniet li jkunu s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata(10).
18. Dan il-kriterju aktar rigoruż jibqa’ jgħodd ukoll wara l-iżvolġiment tal-proċedura formali ta’ eżami skond l-artikolu 88(2) KE. F’dan il-każ, mis-sentenza Cofaz jirriżulta li l-approvazzjoni ta’ għajnuna bbażata fuq proċedura formali ta’ eżami mibdija skond id-dispożizzjoni iċċitata iktar ’il fuq tikkonċerna individwalment lill-kompetitur rikorrent, meta dan ikun żvolġa rwol attiv fl-ambitu ta’ l-imsemmija proċedura u l-pożizzjoni tiegħu fis-suq tirriżulta sostanzjalment effettwata mill-miżura ta’ għajnuna li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata(11). Dan huwa l-kriterju li jaqbel li jiġi applikat sabiex jiġi meqjus l-interess individwali ta’ Sniace.
B – Fuq l-ewwel argument: effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni fis-suq
19. L-ewwel argument huwa dirett kontra l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fejn jingħad li Sniace ma pprovatx li l-għajnuna kienet effettwatha sostanzjalment. Il-kriterju ta’ l-effett sostanzjali jippermetti li jiġu identifikati l-kompetituri li l-għajnuna awtorizzata tindividwalizza b’mod li jissodisfaw il-kundizzjoniijet għal ammissibbiltà esposti fis-sentenza Plaumann(12). L-għajnuna tindividwalizza għalhekk lill-kompetituri li jkunu leġittimati sabiex jippreżentaw rikors minn persuni oħrajn u tindividwalizzahom b’mod simili għal dak tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-effett ta’ individwalizzazzjoni jistabbilixxi d-distinzjoni bejn effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni fis-suq, effett li, abbażi tas-sentenza Cofaz, jikkonferixxi l-kwalità li wieħed jieħu azzjoni, u effett li, f’dan is-sens, mhuwiex sostanzjali.
20. Fil-prinċipju, kull vantaġġ mogħti b’mod selettiv lil ċerti operaturi jeffettwa l-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri kollha li huma esklużi minn tali benefiċċji. Madankollu, il-pożizzjoni fis-suq tagħhom hija wkoll influwenzata b’mod pożittiv jew negattiv minn diversi fatturi oħrajn. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li att jista’ jeffettwa r-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq rilevanti, ma jistax ikun minnu nnifsu biżżejjed sabiex kull operatur ekonomiku li jkun jinsab b’xi mod f’kompetizzjoni mal-benefiċjarju ta’ l-att jista’ jiġi meqjus bħala individwalment ikkonċernat mill-att (13).
21. Mill-banda l-oħra l-għajnuna tista’ titqies li tipproduċi effett ta’ individwalizzazzjoni biss jekk din tkun tiffavorixxi l-benefiċjarju fir-rigward tal-kompetitur b’mod li dan il-fattur jassumi rwol partikolari. Dan ir-rwol partikolari għandu jippermetti lill-qorti Komunitarja tagħmel id-differenza bejn l-effetti tal-vantaġġ għall-benefiċjarju u ċ-ċirkustanzi l-oħrajn li jinfluwenzaw il-pożizzjoni tal-kompetitur rikorrent fis-suq u tqis l-impatt speċifiku tagħhom fuq dan ta’ l-aħħar. Huwa b’dan il-mod li għandhu jiġi interpretat il-kliem użat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fid-digriet mogħti fil-kawża Deutsche Post u DHL fis-sens li r-rikorrent għandu juri s-sinjifikat tal-ħsara lill-pożizzjoni tiegħu fis-suq(14).
22. Għalhekk il-Kummissjoni hija korretta tenfasizza li l-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni fis-suq ta’ kompetitur rikorrent m’għandhux jiġi mfixxkel mad-distorsjoni – li xi kultant tkun biss potenzjali – tal-kompetizzjoni kkontemplata fl-Artikolu 87 KE li tikkostitwixxi karatteristika ta’ l-għajnuniet projbiti. Fil-fatt, il-projbizzjoni ma tirrigwardax biss l-għajnuniet li, billi jiddistortu l-kompetizzjoni, għandhom l-effett li jindividwalizzaw ċerti kompetituri(15).
23. Konsegwentement wieħed għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-istruttura tas-suq in kwistjoni u l-effett ta’ l-għajnuna preżunta(16). Fil-punt 61 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza titlaq mill-prinċipju li l-għajnuniet jiffavorixxu esklużivament il-fabbrika wżata għall-produzzjoni tal-lyocell u li Sniace ma tipproduċiex din it-tip ta’ fibra u lanqas tikkunsidra li tagħmel dan fil-futur. Sussegwentement, fil-punti 62 sa 78, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li bejn il-lyocell u l-visk manufatturata minn Sniace mhemmx kompetizzjoni, u li l-għajnuna mogħtija lil Lenzing Lyocell għaldaqstant ma tistax teffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni ta’ Sniace fis-suq(17). Il-Qorti tal-Prim’Istanza tibbaża ruħha essenzjalment fuq il-karatteristiċi differenti taż-żewġ fibri, li Sniace m’għadhiex tikkontesta, u b’mod partikolari fuq il-prezz aktar għoli tal-lyocell.
1. Fuq l-evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ prova mill-Qorti tal-Prim’Istanza
24. Madankollu, Sniace, kif diġà kienet għamlet fil-Prim Istanza - issostni li Lenzing Lyocell tbiegħ “lyocell mhux ta’ standard”, prodott ta’ kwalita’ inferjuri, kif ukoll provisk, taħlita ta’ fibri magħmula mil-lyocell u visk. Dawn iż-żewġ prodotti huma f’kompetizzjoni mal-visk manufatturata minn Sniace.
25. Kif tirrikonoxxi espressament Sniace, l-appell madankollu huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ dritt skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 225 KE u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Prim’Istanza hija għalhekk kompetenti b’mod esklużiv biex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll biex tevalwa l-elementi ta’ prova. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u elementi ta’ prova ma tikkostitwixxix, għalhekk, kwistjoni ta’ dritt li bħala tali hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-ambitu ta’ appell, ħlief f’każ li dawn jiġu żnaturati(18).
26. Kif jenfasizzaw kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Awstrija, l-oġġezzjonijiet imressqa minn Sniace li jikkonċernaw il-kompetizzjoni bejn il-lyocell u l-visk jirrigwardaw esklużivament il-konstatazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalhekk dawn huma ammissibbli biss safejn Sniace takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li żnaturat il-fatti jew l-elementi ta’ prova.
27. Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ippreċiżat li tali żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jitqiesu provi ġodda, l-evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ prova eżistenti tirriżulta manifestament żbaljata(19).
28. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, l-ilment sollevat minn Sniace, fejn intqal li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 72, ikkonstatat b’mod żbaljat li l-elementi tal-proċess ma kinux jippermettu li tintlaħaq konklużjoni fuq l-eżistenza tad-diversi kwalitajiet tal-lyocell, huwa rilevanti. Fil-fatt, minn artiklu fuq is-simpożju ta’ Lenzing Lyocell, inkluż fl-Anness 17 tar-rikors minn Sniace, jirriżulta li Lenzing Lyocell żviluppat tipi differenti ta’ fibri tal-lyocell li jippreżentaw karatteristiċi distinti.
29. Madankollu, dan l-iżball mhuwiex determinanti għal dak li għandu x’jaqsam mal-legalità tas-sentenza kkontestata, peress li l-eżistenza tad-diversi tipi ta’ lyocell ma tikkorroborax bl-ebda mod l-affermazzjoni li Lenzing Lyocell kienet tbiegħ fil-fatt lyocell ta’ kwalita’ inferjuri, li għal dak li għandu x’jaqsam mal-prezz huwa in kompetizzjoni mal-visk.
30. Sniace tilmenta ukoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 74 sa 77, ma analizzatx biżżejjed il-kwistjoni tal-kompetizzjoni preżunta bejn il-visk u l-provisk, taħlita ta’ lyocell u visk. L-argument fuq dan il-punt madankollu huwa limitat biex jasserixxi l-eżistenza tal-provisk. Mill-banda l-oħra, Sniace ma pprovatx li l-elementi ta’ prova kif prodotti diġà fil-Prim’Istanza, kienu juru li l-provisk u l-visk huma in kompetizzjoni.
31. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li ġiet ippubblikata f’Marzu ta’ l-2004 waqt proċedura dwar konċentrazzjoni relattiva għall-grupp Lenzing u ċċitata minn Sniace, ma turi ebda prova oħra. Għalkemm huwa minnu li l-grupp Lenzing, waqt il-proċedura ta’ konċentrazzjoni, fittex biex iġib prova li l-lyocell u l-visk jappartjenu lill-istess suq, ma ġiex muri b’mod ċar, bħalma kkonkludiet il-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni, li kien jeżisti suq differenti għall-fibri tal-lyocell li fih grupp wieħed biss, Acordis, kien għadu attiv barra l-grupp Lenzing(20).
32. Fil-proċedura preżenti mhuwiex meħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet magħmulin mill-awtorità ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tar-Renju Unit fl-okkażjoni ta’ l-akkwist ta’ din il-produzzjoni kompetitriċi tal-lyocell, min-naħa tal-grupp Lenzing. L-imsemmija awtorita’ ammettiet, f’mument suċċessiv, li l-lyocell jista’ jiġi sostitwit b’fibri oħra(21). Sniace ma sfruttatx dawn l-argumenti u lanqas użathom biex turi li, fid-dawl tad-diversità ta’ applikazzjonijiet possibbli, il-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet ser tkun effettwata sostanzjalment. Għaldaqstant, dawn ma jidħlux fl-iskop tal-proċedura preżenti.
33. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jikkonkludi li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi ċaħdet milli tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ rapport dirett ta’ kompetizzjoni bejn il-visk u l-lyocell, żnaturat elementi ta’ prova. Din il-parti ta’ l-ewwel argument għandha għalhekk tiġi miċħuda.
2. Dwar ir-rapport ta’ kompetizzjoni eżistenti bejn Sniace u l-grupp Lenzing
34. Barra minn hekk Sniace hija ta’ l-opinjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset totalment milli teżamina d-diversi elementi li jattestaw li l-approvazzjoni ta’ l-għajnuna kienet tikkonċernaha individwalment. L-istess bħall-grupp Lenzing, Sniace tifforma parti minn ċirku ristrett ta’ produtturi ta’ fibri taċ-ċelluloża u hija waħda mit-tliet impriżi kompetituri li kienu pparteċipaw fil-proċedura ta’ l-eżami ta’ l-għajnuniet mogħtija lil Lenzing Lyocell prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Fil-premessa 45 tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni telqet hija stess mill-prinċipju li l-għajnuniet mogħtija lil Lenzing Lyocell jistgħu forsi jeffettwaw lil kompetituri li jinsabu fi Stati Membri oħra. L-istess bħalma rrikonoxxiet il-Kummissjoni, Sniace issostni li dan is-suq isofri minn eċċess ta’ kapaċità(22). Fl-aħħar nett, Sniace, fil-proċedura fil-Prim’Istanza, uriet li hija sofriet telf minħabba l-għajnuniet mogħtija lil Lenzing Lyocell.
35. Madankollu, dan l-argument huwa irrilevanti. Dan minħabba li l-fatt li dawn il-punti ma ġewx eżaminati espressament lanqas ma jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni(23).
36. Hemm bżonn fil-fatt li jiġi mfakkar li l-għajnuna ffavuriet direttament biss il-produzzjoni tal-lyocell, li Sniace ma tipproduċix dan il-prodott imma tipproduċi visk u li l-visk u l-lyocell mhumiex in kompetizzjoni diretta.
37. L-osservazzjonijiet li saru min-naħa ta’ Sniace ma jirrigwardawx is-suq tal-lyocell. Għaldaqstant mhumiex rilevanti ħlief fil-każ fejn l-għajnuna għall-produzzjoni tal-lyocell setgħet teffettwa sostanzjalmant il-pożizzjoni fis-suq ta’ produttur ta’ fibri taċ-ċelluloża destinati għal swieq oħra. Għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna mogħtija f’suq fejn il-kompetitur tal-benefiċjarju mhuwiex attiv tipproduċi, fi swieq oħrajn, effett li, fil-konfront tal-kompetitur, jindividwalizzah b’mod simili għal dak tad-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni.
38. Madankollu, l-argumenti miġjuba minn Sniace ma fihom ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li l-għajnuna favur il-produzzjoni tal-lyocell effettivament effettwat bl-istess mod swieq oħrajn. B’mod partikulari, hija ma rnexxilhiex tipprova li hija sofriet telf fil-bejgħ tal-visk minħabba l-kompetizzjoni mal-lyocell. Kif tenfasizza wkoll il-Kummissjoni, id-dokument ippreżentat minn Sniace għal dan il-għan fil-proċedura tal-Prim’Istanza, jistrieħ fil-fatt fuq il-premessa li ma ġietx ipprovata li l-lyocell huwa effettivament f’kompetizzjoni diretta mal-visk.
39. Sabiex turi li l-għajnuna mogħtija għall-produzzjoni tal-lyocell kienet teffettwaha sostanzjalment bħala kompetitur tal-grupp Lenzing fi swieq oħra, jiġifieri li l-għajnuna kienet tindividwalizzaha, Sniace kellha turi l-effetti li jirriżultaw fuq dawn is-swieq l-oħra. Dawn l-effetti jistgħu jirriżultaw, partikolarment, mis-sussidji reċiproċi – li ċertament huwa diffiċli li tinġieb prova tagħhom – bejn is-settur ta’ attività in kwistjoni u l-attivitajiet l-oħrajn tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna. Għalhekk Sniace ma ġabet l-ebda element ta’ prova f’dan is-sens.
40. L-effett jista’ jirriżulta wkoll mill-portfolio effect(24), in kwantu l-benefiċjarju, fl-istess waqt, ikun qiegħed ibiegħ prodotti li jappartjenu lis-suq ta’ l-attivitajiet li jkunu megħjunin flimkien ma’ prodotti ta’ swieq oħra li fil-konfront tagħhom huwa jinsab f’kompetizzjoni mal-kompetitur rikorrent. Huwa f’dan is-sens li l-argument dwar il-provisk u taħlitiet oħra ta’ fibri, li jinkludu l-lyocell, huwa bbażat. Sniace ma pprovatx la li dawn it-taħlitiet kienu f’kompetizzjoni diretta mal-visk mibjugħa minnha, u lanqas li l-portfolio effect eventwali kienu jaffettwaw il-pożizzjoni kompetittiva tagħha b’kunsiderazzjoni għall-vantaġġi mogħtija lill-manufatturazzjoni tal-lyocell.
41. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-osservazzjonijiet ta’ Sniace li għandhom x’jaqsmu mar-rapport ġenerali ta’ kompetizzjoni eżistenti bejn il-produtturi ta’ fibri taċ-celluloża.
42. Għaldaqstant, anki din il-parti ta’ l-ewwel argument għandha tiġi miċħuda.
C – Fuq it-tieni argument: il-parteċipazzjoni fil-proċedura
43. Bit-tieni argument, Sniace tikkontesta l-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 59 tas-sentenza kkontestata, fejn jingħad li hija kellha biss rwol sekondarju fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża.
44. Madankollu, dan l-argument huwa irrilevanti, safejn mhuwiex idoneu sabiex jintlaħaq l-iskop ta’ l-appell. Għalhekk l-argument huwa infondat.
45. Fil-fatt, mis-sentenza ARE jirriżulta li l-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali mogħtija lill-persuni kkonċernati fl-Artikolu 88(2) KE mhumiex biżżejjed sabiex jindividwalizzawhom b’mod simili għal dak tad-destinatarji ta’ deċiżjoni ta’ għajnuna(25). Għalkemm, permezz tal-parteċipazzjoni f’dik il-proċedura, parti timmanifesta l-interess partikulari tagħha fil-benefiċċju mogħti lill-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, dan l-interess mhuwiex biżżejjed biex jidentifikaha bħala destinatarja tad-deċiżjoni. Konsegwentement, lanqas il-parteċipazzjoni intensiva fil-proċedura ta’ eżami formali mhija biżżejjed.
46. A fortiori m’hemmx bżonn f’dan il-kaz li tiġi solvuta l-kwistjoni bejn Sniace, il-Kummissjoni u Lenzing Fibers, relattiva għall-kwistjoni dwar jekk, fil-każ invers, il-kompetitur rikorrent jistax jiġi individwalizzat mingħajr ma jkun ipparteċipa fil-proċedura ta’ eżami tal-Kummissjoni(26). L-istess japplika għall-kwistjoni dwar jekk wieħed kellux jistenna parteċipazzjoni aktar qawwija fl-imsemmija proċedura da parti ta’ Sniace.
47. Fl-appell tagħha, Sniace ssostni, barra minn hekk, li hija tinsab individwalment identifikata almenu għal dak li għandu x’jaqsam mal-bżonn li jiġu rrispettati d-drittijiet tagħha fl-ambitu tal-proċedura ta’ eżami taħt l-Artikolu 88(2) KE. Il-Kummissjoni, bil-fatt li adottat id-deċiżjoni kkontestata, kisret id-drittijiet proċedurali ta’ Sniace. Fil-fehma tagħha, wara li biddlet kompletament l-evalwazzjoni li hija kienet għamlet fuq il-miżuri eżaminati f’dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni dwar il-ftuħ u l-estensjoni tal-proċedura ta’ eżami għal miżuri oħrajn, il-Kummissjoni kellha tistedinha biex tippreżenta osservazzjonijiet mill-ġdid qabel ma tadotta d-deċiżjoni finali.
48. Madankollu, dan l-argument huwa inammissibbli skond l-Artikolu 133(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Sniace ma invokatx dan l-allegat vizzju fil-proċedura quddiem il-Prim’Istanza. Hija infatti illimitat ruħha biex tikkritika t-tibdil fl-opinjoni tal-Kummissjoni in kwantu din ma kinitx motivata biżżejjed. Madankollu, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u dak ibbażat fuq in-nuqqas ta’ smigħ ġdid tal-persuni kkonċernati huma argumenti distinti. Għaldaqstant, l-eżami ta’ dan l-argument fil-kuntest ta’ l-appell jestendi s-suġġett tal-kawża.
49. Barra minn hekk, l-obbligu li jinstemgħu mill-ġdid il-kompetituri tal-partijiet kkonċernati fil-proċedura taħt l-Artikolu 88(2) KE qatt ma ġie affermat. Skond id-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikoli 6 u 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE(27), id-drittijiet tagħhom huma limitati, għall-kuntrarju, għall-ilmenti dwar l-għajnuniet, għall-osservazzjonijiet wara l-ftuħ tal-proċedura, kif ukoll għal informazzjoni fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
50. Kif tafferma Lenzing Fibers, Sniace kellha barra minn hekk l-okkażjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-bdil fl-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar in-natura differenti tas-swieq tal-visk u tal-lyocell. Fil-fatt, f’korrispondenza addizzjonali fuq il-proċedura ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni kienet diġà indikat li l-visk u l-lyocell kienu żewg prodotti differenti u stiednet lill-partijiet kkonċernati sabiex iressqu osservazzjonijiet ġodda(28).
51. Għaldaqstant, it-tieni argument għandu wkoll jiġi miċħud.
D – Fuq it-tielet argument : il-protezzjoni ġuridika effettiva
52. Permezz tat-tielet argument, Sniace ssostni, subordinatament, li l-inammissibbiltà tar-rikors ser iċċaħħadha minn protezzjoni ġuridika effettiva.
53. Madankollu, safejn Sniace issostni li hija uriet diġà li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors huma sodisfatti, jeħtieġ li wieħed jirreferi għall-osservazzjonijiet li saru sa issa. L-istess Sniace ma rnexxielhiex tistabbilixxi li hija kienet individwalment ikkonċernata. Bl-istess mod, il-pożizzjoni tagħha fil-proċedura quddiem il-Kummissjoni ma tagħtihiex ebda dritt ta’ appell.
54. Anki jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tilledi d-drittijiet ta’ Sniace, minkejja li ma kinitx tindividwaha, dan ma jirrendix ammissibbli r-rikors quddiem il-qrati komunitarji.(29) Għall-kuntrarju, huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu, għal każijiet ta’ din ix-xorta, sistema ta’ rimedji ġudizzjarji u proċeduri maħsubin sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dritt għal protezzjoni ġuridika effettiva(30). F’dan il-kuntest, skond il-prinċipju ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 10 KE, il-qrati nazzjonali għandhom, sakemm huwa possibbli, jinterpretaw u japplikaw ir-regoli proċedurali nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ l-azzjonijiet b’mod li tingħata l-protezzjoni ġuridika dovuta(31).
55. Ċertament, l-individwi ma jistgħux, billi jinvokaw l-Artikolu 87 KE biss, jikkontestaw il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mad-dritt Komunitarju quddiem il-qrati nazzjonali, u lanqas jitolbu lill-istess qarti biex jippronunċjaw irwieħhom, b’mod prinċipali jew inċidentali, fuq l-eventwali inkumpatibbiltà(32). Fil-fatt, skond l-Artikoli 87 u 88 KE, hija l-Kummissjoni biss li tista’ tagħmel din l-evalwazzjoni(33).
56. Madankollu, il-possibbiltà li wieħed jikkontesta quddiem il-qrati nazzjonali l-legalità ta’ xi deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza għajnuna għandha tiġi distinta mill-każ in eżami. Din il-possibbiltà teżisti, fil-prinċipju meta(34) l-pesuna kkonċernata ma kinitx obbligata li tadixxi lill-qrati Komunitarju fit-termini previsti għar-rikorsi(35). Dan bl-ebda mod ma kien il-każ fil-każ preżenti, peress li r-rikors ma kienx ikun ammissibbli. F’dan il-każ, il-qorti nazzjonali għandha titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari fuq il-validità tad-deċiżjoni(36).
57. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors magħmul minn rikorrent quddiem il-qrati Komunitarji kontra deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuniet, ma jiksrux il-prinċipju tal-protezzjoni ġuridika effettiva.
E – Fuq ir-raba’ argument : trattament ugwali
58. Fl-aħħar nett, Sniace issostni li l-fatt li rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali. Il-kompetitur tagħha, il-grupp Lenzing, kien tħalla jippreżenta rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza miżuri adottati favur Sniace.
59. Mingħajr il-bżonn li wieħed jidħol fid-dettalji ta’ dan il-proċediment l-ieħor, fuq dan il-punt huwa biżżejjed li wieħed isemmi li l-għajnuna mogħtija lil Sniace kienet tiffavorixxi wkoll il-produzzjoni tagħha tal-visk u li l-grupp Lenzing ibiegħ ukoll il-visk. Tenut kont ta’ l-effett riżultanti minn din il-kompetizzjoni diretta, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ġustament kkunsidrat il-preżenza ta’ interess individwali(37). Peress li ż-żewġ proċeduri huma differenti, ma jistax jiġi konkluż li kien hemm diskriminazzjoni illegali.
60. Fl-aħħar nett, Sniace ma tistax tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħditilha t-talbiet tagħha għat-teħid ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha dwar il-kawżi li jinstemgħu quddiemha. In-natura probatorja jew le tad-dokumenti tal-proċedura jagħmel parti mill-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li, skond ġurisprudenza kostanti, ma tistax tkun suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ distorsjoni ta’ l-elementi ta’ prova ppreżentati lill-Qorti tal-Prim’Istanza jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tirriżulta mid-dokumenti fil-proċess(38).
61. Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.
F – Konklużjoni
62. L-appell għandu għalhekk jiġi miċħud kollu kemm hu.
V – Fuq l-ispejjeż
63. Skond l-Artikolu 122 kif ukoll l-Artikolu 118 u l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-appell għandu jiġi miċħud, jeħtieġ li Sniace tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.
64. Skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, inklużi dawk relatati mal-proċedura ta’ l-appell. It-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li l-Qorti tista’ tiddeċiedi li parti intervenjenti, barra minn dawk imsemmija fis-subparagrafi preċedenti, għandha tbati l-ispejjeż tagħha(39). Fil-każ preżenti dan jidher li huwa xieraq għal dak li għandu x’jaqsam ma’ Linzeng Fibers. Għalhekk l-Awstrija u Lenzing Fibers għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
VI – Konklużjoni
65. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi skond kif ġej:
1) L-appell huwa micħud.
2) Il-kumpannija Sniace SA hija kkundannata għall-ispejjeż.
3) Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u l-kumpannija Lenzing Fibres GmbH għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – ĠU L 38 tat-8 ta’ Frar 2001, p. 33.
3 – Sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni (T-88/01, Ġabra 2005, p. II-1165).
4 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.
5 – Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, Lenzing AG vs Il-Kummissjoni (T-36/99, Ġabra 2004, p. II-3597), ara fuq dan il-punt il-Konklużjonijiet tiegħi ta’ l-1 ta’ Frar 2007, Spanja vs Lenzing (C-525/04 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).
6 – Sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, Ġabra 1963, p. 211, 238), u tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni (C-198/91, Ġabra 1993, p. I-2487, punt 20).
7 – Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C-78/03 P, Ġabra 2005, p. I-10737, punti 34 et seq).
8 – Sentenza ARE, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 35 et seq).
9 – Sentenza ARE, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 34 et seq).
10 – Sentenza ARE, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 68 et seq, u fformulata b’mod inqas espliċitu fil-punt 37).
11 – Sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni (169/84, Ġabra 1986, p. 391, punt 25).
12 – Sentenzi Plaumann vs Il-Kummissjoni u Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.
13 – Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1969, Eridania et vs Il-Kummissjoni (10/68 u 18/68, Ġabra p. 459, punti 7/8).
14 – Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Mejju 2004 (T-358/02, Ġabra p. II-1565, punt 37).
15 – Ara dwar dan il-punt id-digriet tal-21 ta’ Frar 2006, Deutsche Post u DHL vs Il-Kummissjoni (C-367/04 P, Ġabra p. I-26, punt 47).
16 – Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid et Federacion Catalana de Estaciones vs Il-Kummissjoni (T-146/03, Ġabra p. II-98, punti 50 et seq) fir-rigward ta’ għajnuna mogħtija lil bejjiegħa ta’ stazzjonijiet tal-petrol, lill-kompetituri lokali tan-negozjant ta’ l-istazzjoni tal-petrol benefiċjarju.
17 – Din l-analiżi hija konformi wkoll ma’ l-analiżi tal-Kummissjoni fil-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll fid-deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2001 li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/M.2187 – CVC vs Lenzing, ĠU L 82 tad-19 ta’ Marzu 2004, p. 20, premessi 54 et seq).
18 – Ara dwar dak li għandu x’jaqsam mad-Dritt dwar l-għajnuniet is-sentenza ta’ l-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) vs Il-Kummissjoni u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni (C-442/03 P u C-471/03 P, Ġabra 2006, p. I-4845, punt 60) kif ukoll, fuq skala aktar ġenerali, is-sentenzi tal-11 ta’ Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni (C-390/95 P, Ġabra 1999, p. I-769, punt 29), tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult (C-237/98 P, Ġabra 2000, p. I-4549, punti 35 et seq) u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (kawżi magħquda C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. 2004, I-123, punt 49).
19 – Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punt 37). Ara, għal dak li għandu x’jaqsam mal-formulazzjoni preċedenti, is-sentenzi tat-28 ta’ Mejju 1998, New Holland Ford vs Il-Kummissjoni (C-8/95 P, Ġabra 1998, p. I-3175, punt 72) u tas-6 t’April 2006, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il-Kummissjoni (C-551/03 P, Ġabra 2006, p. I-3173, punt 54).
20 – Sentenza CVC vs Lenzing (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna p. 16, premessi 230 et seq).
21 – Deċizjoni ta’ l-Uffiċċju tal-Kummerċ Ġust tas-6 ta’ Settembru 2004, Lenzing vs Tencel, , punti 10 et seq.
22 – Fuq dan il-punt Sniace tirreferi għall-komunikazzjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami taħt l-Artikolu 88(2) KE u d-deċiżjoni relattiva għall-konċentrazzjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, anki jekk il-Kummissjoni tagħmel ukoll din il-konstatazzjoni fil-premessa 45 tas-sentenza kkontestata.
23 – Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni (C-274/99 P, Ġabra 2001, p. I-1611, punt 121) u tal-11 ta’ Settembru 2003, Repubblika tal-Belġju vs Il-Kummissjoni [Forges de Clabecq] (C-197/99 P, Ġabra 2003, p. I-8461, punt 81) kif ukoll il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża preċitata, punt 68).
24 – Ara dwar dan il-punt is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il-Kummissjoni (T-114/02, Ġabra 2003, p. II-1279, punt 343).
25 – Sentenza ARE (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 58, 69, et seq). Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ġunju 1996, Kahn Scheppvaart vs Il-Kummissjoni (T-398/94, Ġabra 1996, p. II-477, punt 42).
26 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ April 1995, ASPEC et vs Il-Kummissjoni (T-435/93 Ġabra P. II-1281, punt 64), tal-5 ta’ Novenbru 1997, Ducros vs Il-Kummissjoni (T-149/95, Ġabra 1997, p. II-2031, punt 34) u tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni (T-11/95, Ġabra 1998, p. II-3235, punt 72) u ara, fil-każ invers, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société français de production et vs Il-Kummissjoni (C‑106/98 P, Ġabra 2000, p. I-3659, punt 41) kif ukoll id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Deutsche Post u DHL vs Il-Kummissjoni (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 41).
27 – ĠU L 83, p. 1.
28 – Stedina sabiex jiġu preżentati osservazzjonijiet skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE, dwar l-għajnuna C 61/98 (ex NN189/97) – Lenzing Lyocell GmbH & Co. KG, ĠU C 253 ta’ l-4 ta’ Settembru 1999 p. 4 (10).
29 – Digriet ta’ l-1 ta’ Ottubru 2004, Pérez Escolar vs Il-Kummissjoni (C-379/03 P, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 41 et seq) iċċitat mill-Kummissjoni mhuwiex rilevanti f’dan il-każ, peress li r-rikorrent ma kienx ukoll kompetitur ta’ l-impriża li kienet il-preżunta benefiċjarja.
30 – Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C-50/00 P, Ġabra 2002, p. I-6677, punt 41).
31 – Sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 42).
32 – Sentenza tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig (78/76, Ġabra 1977, p. 595, punt 10) u d-digriet ta’ l-24 ta’ Lulju 2003, Sicilcassa u Graci (C-297/01, Ġabra 2003, p. I-7849, punt 47).
33 – Sentenza Steinike & Weinlig (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 6 et seq).
34 – Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano (C-148/04, Ġabra 2005, p. I-11137, punt 43), ara wkoll is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1987, Rau vs BALM (133/85 sa 136/85, Ġabra 1987, p. 2289, punt 11) u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB (C-344/98, Ġabra 2000, p. I-11369, punt 55 et seq).
35 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Roquette Frères (C-441/05, Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2007, Ġabra p. I-1993, punt 33, fost referenzi oħrajn).
36 – Sentenza Masterfoods, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34.
37 – Ara fuq dan il-punt il-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Spanja vs Lenzing (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 29 et seq).
38 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, C-315/99 P, Ġabra p. I-5281, punt 19, u tas-7 ta’ Novembru 2002, Glencore u Compagnie Continentale vs Il-Kummissjoni, C-24/01 P u C-25/01 P, Ġabra p. I-10119, punti 77 u 78) u tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs OHMI (C-136/02 P, Ġabra 2004, p. I-9165, punt 76).
39 – Sentenza ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Falck vs Il-Kummissjoni (C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra 2002, p. I-7869, punt 191).
Full & Egal Universal Law Academy