KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
M. POIARES MADURO
ippreżentati fl-10 ta’ Jannar 2007 1(1)
Kawża C-307/05
Yolanda Del Cerro Alonso
vs
Osakidetza (Servicio Vasco de Salud)
[talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Social de San Sebastián (Spanja)]
“Ftehim qafas CES, UNICE u CEEP – Xogħol għal terminu fiss – Kundizzjonijiet tax-xogħol – Allowance għall-anzjanità fl-impjieg – Nuqqas ta’ ġbir minħabba ftehim bejn rappreżentanza sindakali tal-persunal u ta’ l-amministrazzjoni – Raġunijiet oġġettivi suffiċjenti”
1. B’deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2005, il-Juzgado de lo Social de San Sebastián (Spanja) ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 234 KE li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal terminu fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), implementata mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 175, p. 43).
I – Il-kuntest ġuridiku u fattwali
2. Il-fatti tal-kawża li taw lok għal din it-talba huma dawn li ġejjin. Y. Del Cerro Alonso hija impjegata fi sptar pubbliku li jagħmel parti mid-Dipartiment tas-saħħa pubblika tal-Komunità Awtonoma Spanjola tal-Pajjiż Bask. Peress li tgawdi minn pożizzjoni ta’ persunal statutorju permanenti, hija talbet li tibbenefika minn allowances għall-perijodi preċedenti li fihom hija kellha pożizzjoni ta’ persunal statutorja temporanju.
3. Dawn l-allowances għall-anzjanità fl-impjieg jingħataw minħabba t-twettiq ta’ tliet snin ta’ xogħol effettiv. Għaldaqstant, id-digriet 231/2000 li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-persunal tas-Servicio Vasco de Salud kif ukoll il-liġi 55/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2003 dwar statut qafas tal-persunal statutorju tad-dipartimenti tas-saħħa, li dan id-digriet jimplementa fil-Komunità Awtonoma Spanjola tal-Pajjiż Bask, jipprovdu li l-allowances huma għad-dispożizzjoni tal-persunal li għandu pożizzjoni permanenti.
4. Peress li t-talba tagħha baqgħet mingħajr tweġiba, Y. Del Cerro Alonso ressqet talba lill-qorti tar-rinviju. Biex topponi l-allegazzjonijiet tagħha, id-Dipartiment tas-saħħa pubblika jsostni li, peress li ma kinitx tgawdi mill-pożizzjoni ta’ impjegata permanenti fid-data li tirrigwarda t-talba tagħha, ir-rikorrenti ma tistax tibbenefika mit-tali allowances.
5. Id-dibattitu li seħħ quddiem il-qorti tar-rinviju ppermetta li titqajjem kwistjoni relatata ma’ l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. Deher li r-rifjut lir-rikorrenti kien tali li jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra impjegati għal terminu fiss. Il-klawżola 4 tal-ftehim qafas tipprovdi f’dan ir-rigward li “f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ impjieg, il-ħaddiema b’terminu fiss m’għandhomx jiġu ttrattati inqas favorevolment mill-impjegati b’terminu mhux fiss minħabba l-unika raġuni li dawn jaħdmu għal terminu fiss, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi”. Għaldaqstant għandu jiġi mistoqsi jekk l-għoti ta’ allowances bħal dawk ikkonċernati jistgħux jiġu deskritti bħala “kundizzjonijiet ta’ iimpjieg” fis-sens tad-Direttiva 1999/70. Dawn huma d-domandi magħmula mill-Juzgado de lo Social de San Sebastián:
1) Meta d-Direttiva 1999/70/KE tgħid li l-ħaddiema għal terminu fiss mhumiex ittrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema b’terminu mhux fiss, din tirreferi wkoll għall-kundizzjonijiet ekonomiċi?
Jekk iva:
2) Il-fatt li l-Artikolu 44 tal-[liġi] 55/2003 […] jgħid li huwa impossibbli li jinġabar benefiċċju ekonomiku relatat ma’ l-anzjanità fl-impjieg li jingħata lil ħaddiema għal terminu fiss jikkostitwixxi raġuni oġġettiva suffiċjenti?
3) Il-ftehim iffirmati bejn ir-rappreżentanti sindakali tal-persunal u l-amministrazzjoni jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi suffiċjenti biex ma tingħatax l-allowance għall-anzjanità fl-impjieg lill-persunal temporanju?”
II – Analiżi
A – Kunsiderazzjonijiet preliminari
6. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressaq kwistjoni preċedenti relatata ma’ l-applikabbiltà tad-direttiva 1999/70 għas-sitwazzjoni in kwistjoni. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, hija m’għandhiex dubju li l-persunal statutorju jagħmel parti mill-kategorija ta’ ħaddiema li jaqgħu taħt din id-direttiva. Hija tevita wkoll milli ssemmi din il-kwistjoni fit-talba tagħha. Il-partijiet intervenjenti kollha m’għandhomx dawn iċ-ċertezzi. Huwa għaldaqstant b’mod partikolari r-Renju ta’ Spanja li jqis li d-direttiva 1999/70 mhijiex applikabbli fil-kawża prinċipali. Huwa jinvoka l-innammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
7. Qabel ma twieġeb għad-domandi magħmula, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-direttiva 1999/70 hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni in kwistjoni safejn din tikkonċerna aġent statutorju tal-persunal li jibbenefika minn statut tad-dritt pubbliku.
B – Fuq l-applikabbiltà tad-direttiva 1999/70 għas-sitwazzjoni kkonċernata
8. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva huwa ddefinit mill-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas. Dan jgħid li “dan l-akkordju huwa applikabbli għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol iddefinit mil-leġiżlazzjoni, il-ftehimijiet kollettivi jew il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru”.
9. Il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tittratta din id-dispożizzjoni. (2) Jirriżulta minn dan li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim qafas huma tali li japplikaw għall-kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss konklużi ma’ l-amministrazzjonijiet u entitajiet oħra tas-settur pubbliku. Ġie stabbilit, fil-fatt, li l-kunċett ta’ “ħaddiema għal terminu fiss” fis-sens tal-ftehim qafas jiġbor fih il-ħaddiema kollha, mingħajr ma jagħmel distinzjoni tal-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega li miegħu huma marbutin. Jibqa’ għaldaqstant li jsir magħruf jekk għandhiex issir distinzjoni skond il-kwalità u n-natura tar-relazzjoni li torbot l-amministrazzjonijiet u l-entitajiet pubbliċi mal-persunal tagħhom. Id-direttiva 1999/70 hija applikabbli għal uffiċjali kuntrattwali ta’ l-amministrazzjonijiet pubbliċi. Iżda din hija applikabbli wkoll għall-uffiċjali statutorji ta’ dawn l-istess entitajiet? Din hija d-domanda magħmula f’din il-kawża.
10. Biex twieġeb b’mod pożittiv, il-qorti tar-rinviju tinvoka, fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, id-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “ħaddiema” li ħarġet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u bbażata fuq id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40). Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkontesta r-rilevanza ta’ dan ir-riferiment fil-kuntest ta’ din il-kawża.
11. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tgħidilna li d-definizzjoni ta’ ħaddiem mhijiex univoku fid-dritt Komunitarju iżda jvarja skond kif inhu meħtieġ minn kif għandha tiġi applikata (3). Għaldaqstant, ġie stabbilit li, fil-qasam ta’ trattament ugwali bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa, id-definizzjoni ta’ ħaddiem hija waħda awtonoma tad-dritt Komunitarju li għandha tiġi interpretata b’mod wiesgħa. B’hekk, m’għandux jiġi eskluż li l-uffiċjali jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu kategorija partikolari ta’ ħaddiema (4). Min-naħa l-oħra, jidher li, fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, fejn id-direttiva adottata tirrikjedi biss armonizzazzjoni parzjali tas-suġġett in kwistjoni, għandu jsir riferiment għad-definizzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tad-dritt tax-xogħol. B’hekk, jekk, skond din il-leġiżlazzjoni, aġent tad-dritt pubbliku mhuwiex suġġett għad-dritt tax-xogħol, ma jistax jitqies bħala impjegat fis-sens tad-dritt Komunitarju fuq it-trasferimenti ta’ impriżi (5).
12. Huwa veru li d-Direttiva 1999/70 topera espressament rinviju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, jidher li l-ġurisprudenza ma tqisx li t-tali proċedura hija determinanti għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni. Fil-fatt, jenħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, fil-kuntest tad-direttiva li tikkonċerna ċerti aspetti ta’ ħinijiet flessibbli tax-xogħol , li d-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” tikkostitwixxi kunċett tad-dritt Komunitarju awtonomu li għandu jiġi ddefinit skond karatteristiċi oġġettivi, minħabba l-fatt li kienet is-suġġett fl-imsemmija direttiva ta’ rinviju espress għal-leġiżlazzjoni nazzjonali (6). Bil-kontra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’suġġett simili għal dik fil-kawża kkonċernata, irregolata mill-ftehim qafas fl-impjieg b’ħin parziali (part-time), li ħaddiem jagħmel parti mil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim meta jkollu kuntratt jew relazzjoni ta' impjieg definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettivi jew mill-prassi fis-seħħ fl-Istat Membru (7).
13. Jidher li din id-differenza fit-trattament tar-rinviji fil-qasam soċjali tipprova titratta l-kwistjoni, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprivileġa l-intenzjoni jew is-sistema ta’ leġiżlazzjoni suġġetta għal interpretazzjoni. Fil-qasam tal-ħinijiet flessibbli tax-xogħol, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li d-direttiva ssegwi għan soċjali fundamentali, li huwa li tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema. B’hekk, minkejja li l-imsemija direttiva tipprova tistabbilixxi preskrizzjonijiet minimi f’dan ir-rigward, interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ ħin tax-xogħol li tiggarantixxi applikazzjoni uniformi biss, hija tali li tiżgura li din id-direttiva tkun kompletament effettiva. Bil-kontra, fil-qasam tat-trasferiment ta’ l-impriżi bħal fil-qasam tax-xogħol b’ħin parzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja (8) ssostni essenzjalment li d-direttiva kkonċernata mhijiex intiża li ddaħħal livell ta’ protezzjoni uniformi fil-Komunità jew li tħalli ċertu diskrezzjoni għall-Istati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jingħad li d-definizzjoni ta’ ħaddiem hija esklużivament iddeterminata b’riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.
14. F’din il-kawża, nipproponi li jiġi adottat metodu kemmxejn differenti. L-ewwel nett, jenħtieġ li tiġi rrispettata l-ittra tal-ftehim qafas li tirrinvija lid-dritt nazzjonali l-attenzjoni li tiddefinixxi l-kategorija ta’ ħaddiema li jaqgħu taħt il-ftehim. F’dan il-każ, jidher li jirriżulta mill-inkartament li Y. Del Cerro Alonso, peress li mhijiex suġġetta għal-leġiżlazzjoni tax-xogħol, ma tibbenefikax minn stat ta’ ħaddiema skond id-dritt nazzjonali kkonċernat. Hija l-qorti nazzjonali li għandha taċċerta dan. Din l-evalwazzjoni m’għandhiex, madankollu, issir barra minn kull kunsiderazzjoni tad-dritt Komunitarju. Għandu jiġi mfakkar li s-sistema stabbilita mill-ftehim qafas hija intiża biex tipprevjeni b’mod ġenerali l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessiv. Jista’ jiġi dedott minn dan li l-Istat membru għandu jiddefinixxi u jinterpreta d-definizzjoni ta’ “ħaddiema” li għalihom qed jirreferi dan il-ftehim f’kundizzjonijiet li jirrispettaw kemm l-għanijiet segwiti mid-direttiva 1999/70 kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipju fundamentali tat-trattament ugwali.
15. Dan ir-rinviju kkundizzjonat jidhirli li huwa d-dokument li jirrifletti kemm l-ittra kif ukoll l-ispirtu tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Minn dan jirriżulta li l-Istat membru kkonċernat m’għandux jissoddisfa ruħhu billi jibbaża fuq in-natura formali jew speċjali tar-regoli applikabbli għal ċerti relazzjonijiet tax-xogħol biex dawn jitneħħew mill-benefiċċju tal-protezzjoni mogħtija mill-ftehim qafas. Jekk dan kien il-każ, hemm lok biex jitqies li dan l-aħħar huwa nieqes minn kull effett utili. Jekk għaldaqstant kien hekk, huwa possibbli li kull Stat membru jissuġġetta l-aġenti kuntrattwali ta’ l-entitajiet pubbliċi għal regoli speċjali sabiex jiġu kkontestati s-soluzzjonjiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Adeneler et, Marrosu u Vassalo. B’hekk, l-esklużjoni ta’ l-aġenti pubbliċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva 1999/70 jista’ jiġi biss ammess jekk jiġi ppruvat li n-natura tar-relazzjoni tax-xogħol li torbothom ma’ l-amministrazzjoni hija sostanzjalment differenti minn dik li torbot ma’ min iħaddimhom l-impjegati li skond id-dritt nazzjonali jaqgħu taħt il-kategorija ta’ ħaddiema. Jidher li jirriżulta mill-inkartament li t-Tribunal Supremo kellu l-opportunità jiddeċiedi fuq il-kontenut tar-relazzjoni speċjali li tikkaratterizza r-rabta bejn l-uffiċjal u l-amministrazzjoni fil-qasam li jikkonċerna din il-kawża, li mhijiex kumparabbli mas-sitwazzjoni tal-ħaddiema li m’għandhomx l-istat ta’ uffiċjali. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa safejn din l-evalwazzjoni hija konformi mal-kundizzjonijiet magħmula mid-dritt Komunitarju.
C – Fuq il-kunċett ta’ kundizzjonijiet ta’ impjieg fis-sens tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas
16. L-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju sostanzjalment tibbaża fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kundizzjonjiet ta’ impjieg” fis-sens tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas. Preċiżament, hija tixtieq issir taf jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi u b’mod partikolari l-għoti ta’ allowances bħal dawk previsti mil-liġi 55/2003 jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ non diskriminazzjoni prevista mill-imsemi ftehim qafas.
17. Skond il-Kummissjoni, it-tweġiba mhijiex dubjuża. L-ewwel nett, hija tagħmel użu mis-sens komun biex tikseb l-ammissjoni li l-paga hija l-ewwel u l-iżjed kundizzjoni importanti mill-kundizzjonijiet tax-xogħol. Hija tfakkar, sussegwentement, li m’hemmx la fil-ftehim u wisq iżjed fil-kuntest legali li fiha tinsab, indikazzjoni intiża sabiex teskludi l-paga mill-kundizzjonijiet ta’ impjieg. Hija ċertament tirrikonoxxi li l-Artikolu 139 KE li fuqha hija bbażata tirreferi għall-Artikolu 137 KE, li fil-punt 6 jgħid li “d-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw għall-paga”. Għaldaqstant, dispożizzjoni tali ma tostakolax l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li għandha effetti indiretti fuq il-pagi.
18. Bħall-Istati Membri intervenjenti f’din il-kawża, ma naqsamx din l-opinjoni.
19. Kemm l-intestatura kif ukoll l-għan tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva 1999/70 jidhru li qed jindikaw li din mhijiex applikabbli għall-pagi. Skond l-erbatax-il premessa tagħha, il-partijiet firmatarji tal-ftehim urew “ir-rieda tagħhom li jtejbu l-kwalità tax-xogħol għal terminu fiss filwaqt li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni”. Barra minn hekk, b’differenza minn direttivi oħra bbażati fuql-Artikoli 13 KE (9) 57(2)(ċ) KE u 66 KE (10) jew 141 KE (11), din ma tagħmilx riferiment għall-kundizzjonijiet tal-pagi. Bl-istess mod, kif ifakkar ukoll il-Gvern tar-Renju Unit, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li l-frażi “kundizzjonijiet tax-xogħol” imsemmija fid-direttiva 76/207 fuq it-trattament ugwali bejn irġiel u nisa ma tinkludix il-pagi. B’mod partikolari, fil-kawża McKenna (12), hemm argument tal-Kummissjoni li jgħid li s-sistema ta’ leave fil-każ ta’ mard f’dan il-każ jirriżulta mill-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 76/207 fil-verżjoni preċedenti għal dik li tirriżulta mill-emenda tagħha mid-Direttiva 2002/73, peress li l-effetti fuq il-paga kienu biss indiretti, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li, “paga fis-sens ta’ l-Artikolu 141 KE u tad-Direttiva 75/117 ma tirriżultax ukoll mid-Direttiva 76/207”.
20. Għaldaqstant, skond il-Kummissjoni, il-fatt biss li d-direttiva kkonċernata ma ssemmix pagi m’għandux jeskludihom mill-portata tagħha. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttivi 76/207 u 75/117 li tibbaża fuq it-trattament ugwali bejn irġiel u nisa, invokata mill-Gvern tar-Renju Unit, mhijiex rilevanti f’dan il-każ. Jekk, b’din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni tagħti interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tax-xogħol”, huwa minħabba li, f’dan il-qasam, teżisti diviżjoni ċara bejn il-qasam irregolat mid-Direttiva 75/117, ibbażata speċifikament fuq il-pagi, u l-qasam kopert mid-Direttiva 76/207 iktar tardiva u iktar ġenerali. Dan m’huwiex il-każ fil-qasam kopert mid-direttiva 1999/70.
21. Huwa veru li, f’ċerti każijiet, minħaba indikazzjonijiet li juru l-kontra, il-frażi “kundizzjonijiet tax-xogħol” tista’ tiġbor fiha l-pagi wkoll. Minħabba dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-qasam tad-difiża tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment ta’impriżi, li tnaqqis fil-paga tal-ħaddiema kkonċernati mit-trasferiment setgħet tiġi analizzata bħala “bdil sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol” fis-sens tad-Direttiva 77/187 (13). Għandna nippreċiżaw, madankollu, li din l-aħħar direttiva ġiet adottata abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE relatati mat-twaqqif tas-suq komuni. Bil-kontra, fil-bidu tad-direttivi relatati mat-trattament ugwali bejn irġiel u nisa, id-direttiva kkonċernata f’dan il-każ torbot mad-dispożizzjonijiet soċjali tat-Trattat. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, ladarba test tad-dritt Komunitarju dderivat jeħtieġ interpretazzjoni, dan għandu jiġi interpretat fis-sens tal-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat (14).
22. Il-bażi ġuridika tad-Direttiva 1999/70/KE tinsab fl-Artikolu 139(2) KE. Skond din id-dispożizzjoni, “[i]l-ftehim konklużi fil-livell Komunitarju għandhom ikunu implementati skond (…) materji li huma koperti mill-Artikolu 137, fuq talba konġunta mill-partijiet firmatarji, b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.” (nenfasizza). Għaldaqstant, jirriżulta kjarament mill-Artikolu 137(5) KE li l-Kunsill mhuwiex kompetenti li addotta, abbażi tiegħu, miżuri relatati mal-pagi (15). F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ kull riferiment għall-pagi fid-direttiva 1999/70 għandha tiġi interpretata bħala xewqa espressa li dawn jiġu esklużi mill-portata tagħha.
23. Il-Kummissjoni tikkontesta madankollu din l-interpretazzjoni. Skond hi, jenħtieġ li jiġi interpretat it-Trattat fis-sens li l-atti bbażati fuq l-Artikolu 137 KE m’għandhomx jiffissaw direttament il-livell jew in-natura tal-pagi. Min-naħa l-oħra, huwa kompletament ammissibbli li l-leġiżlatur jaddotta leġiżlazzjoni bħal dik ikkonċernata li għandha biss effetti indiretti jew ta’ rilevanza żgħira fuq il-pagi. Hija biss taħt din il-kundizzjoni li jista jiġi ppreżervat l-effett utli ta’ l-Artikolu 137 KE. Għaldaqstant, l-Istati membri huma kompletament liberi li jgħażlu l-metodi ta’ determinazzjoni u l-livell tal-pagi, iżda m’għandhomx jippermetu li l-ħaddiema għal terminu fiss ikunu suġġetti għal diskriminazzjoni f’dak li jirrigwarda l-pagi.
24. Din l-interpretazzjoni hija ċertament interessanti. Madankollu hija ma tirċievi l-ebda sostenn serju fit-test interpretat. Barra minn hekk, li kieku kellha tiġi segwita, probabbilment kienet tannulla kull sens mill-Artikolu 137 (5) KE. Skond din l-interpretazzjoni, huwa possibbli, billi jiġu stabbiliti regoli fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tal-pagi. Issa, huwa f’kull każ evidenti li l-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet tal-paġi hija tali li jista’ jkollha effett dirett fuq il-livell u n-natura tagħhom. Konsegwenza tali hija manifestament kontra x-xewqat espressi mill-kittieba tat-Trattat fl-Artikolu 137(5) KE. Tkun liema tkun l-importanza li wieħed jista’ jattribbwixxi lill-għan ta’ kundizzjonijiet ugwali ta’ pagi tal-ħaddiema għal terminu fiss, mingħajr dubju l-Artikolu 139(2) KE, marbut ma’ l-Artikolu 137 KE, ma jistax jikkostitwixxi bażi approprjata f’dan ir-rigward.
25. Għaldaqstant, anki jekk huwa veru li l-pagi jirrappreżentaw, fil-fehma ta’ kull ħaddiem, kundizzjoni essenzjali ta’impjieg, id-Direttiva 1999/70 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-klawżola 4 tal-ftehim qafas li hija timplementa teskludi mill-portata tagħha l-kundizzjonijiet ekonomiċi u kull tip ta’ pagi.
D – Fuq it-tieni u t-tielet domandi
26. Peress li dawn id-domandi tressqu għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ fejn tingħata tweġiba affermativa għall-ewwel domanda, m’hemmx lok li tingħata tweġiba għalihom.
III – Konklużjoni
27. Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb b’dan il-mod għad-domandi magħmula mill-Juzgado de lo Social de San Sebastián:
“Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li:
– jagħmlu parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas anness ma’ l-imsemmija direttiva l-ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt jew relazzjoni tax-xogħol bħal dawk iddefiniti mil-liġi, minn ftehim kollettiv jew mill-prattiċi fis-seħħ fl-Istat membru kkonċernat. Madankollu hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk din il-kwalifika saritx fid-dirtt nazzjonali f’kundizzjonijiet li jirrispettaw l-għanijiet segwiti mid-direttiva 1999/70 u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipju tat-trattament ugwali. L-esklużjoni ta’ kategorija tal-persunal mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva mhijiex iġġustifikata biss miċ-ċirkustanza li din il-kategorija hija rregolata minn regoli partikolari. Bil-kontra, l-esklużjoni għandha tiġi ġġustifikata bl-eżistenza ta’ tip ta’ relazzjonijiet ta’impjieg li ma jistax jiġi kkumparat mar-relazzjonijiet tax-xogħol li skond id-dritt nazzjonali huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-ftehim qafas;
– Il-klawżola 4 tal-ftehim qafas annessa mad-direttiva 1999/70 hija applikabbli biss għall-kundizzjonijiet, minbarra l-paga.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Portugiż.
2 – Ara s-sentenzi ta’ l-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C-212/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 54 sa 57); tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C-53/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 39 sa 41) ; u tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo (C-180/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32).
3 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C-85/96, Ġabra P. I-2691, punt 31).
4 – Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar (C-366/99, Ġabra p. I‑9383, punt 31); tat-12 ta’ Settembru 2002, Niemi (C-351/00, Ġabra p. I‑7007, punt 48); tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker (C-4/02 u C-5/02, Ġabra p. I‑12575, punt 60) ; u tat-30 ta’ Settembru 2004, Briheche (C-319/03, Ġabra p. I‑8807, punt 18).
5 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Danmols Inventar (105/84, Ġabra p. 2639, punti 26 sa 28), u ta’ l-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero (C-343/98, Ġabra p. I‑6659, punti 36 sa 39).
6 – Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C-151/02, Ġabra p. I‑8389, punti 58 u 59), u ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C-14/04, Ġabra p. I-10253, punti 44 u 45).
7 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wippel (C-313/02, Ġabra p. I‑9483, punt 40).
8 – Kontra l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Alber li, billi kien isostni l-għan li jinżammu d-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi skond id-direttiva, irrakkomanda interpretazzjoni estensiva li tiġbor ukoll l-uffiċjali (ara l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Collino u Chiappero, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 sa 79).
9 – Ara l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, p. 22); ara wkoll l-Artikolu 3 tad-Direttiva Tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, p. 16).
10 – Ara l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71/KE tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU 1997, L 18, p. 1). Għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, wieħed jista jirreferi għas-sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-341/02, Ġabra p. I-2733).
11 – Ara d-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE ta’ l-10 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa; ara wkoll l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 30, p. 40), kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU L 269, p. 15).
12 – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005 (C-191/03, Ġabra p. I-7631, punt 30); ara preċedentement fl-istess sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et (C-342/93, Ġabra p. I-475, punt 24).
13 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Delahaye (C-425/02, Ġabra p. I‑10823, punt 33).
14 – Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-135/93, Ġabra p. I‑1651, punt 37); jew, ta’ l-inqas, f’sens mhux kuntrarju, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1992 Delhaize u Le Lion (C-47/90, Ġabra p. I‑3669, punt 26).
15 – Kif, wara kollox, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat: ara s-sentenza Dellas et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39).
Full & Egal Universal Law Academy