KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
DÁMASO RUIZ-JARABO COLOMER
ippreżentati fit-30 ta’ Novembru 20061(1)
Kawża C-326/05 P
Industrias Químicas del Vallés, SA
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Direttiva 91/414/KEE – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanzi attivi – Proċedura ta’ evalwazzjoni għall-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva – Metalaxyl”
1. Industrias Químicas del Valles S.A ikkontestat is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005(2) tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza li kienet ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej 2003/308/KE(3) li tikkonċerna n-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ metalaxyl fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill(4) 91/414/KEE u t-tneħħija ta’ l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva.
2. Minn ammont diżorganizzat ta’ motivi tinħass tensjoni bejn l-osservanza tat-termini stabbiliti mill-Kummissjoni sabiex tiġi rregolata l-inklużjoni ta’ sustanzi attivi fl-Anness I ta’ l-imsemmija Direttiva u l-iskop essenzjali tal-leġiżlazzjoni li, minkejja aspetti oħrajn, għandha l-għan li tiggarantixxi r-reġistrazzjoni tas-sustanzi kollha li jiffavorixxu l-iżvilupp ta’ l-industrija kimika mingħajr ma tagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew lill-ambjent.
I – Il-kuntest ġuridiku rilevanti
A – Id-Direttiva 91/414
3. Din id-Direttiva tirrigwarda l-awtorizzazzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-użu u l-kontroll ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (Artikolu 1(1), u tammetti l-awtorizzazzjoni biss tal-prodotti li fihom sustanzi attivi(5) li huma msemmija fl-Anness I (Artikolu 4(1)), u tipprovdi li jistgħu jiġu inklużi f’dan ta’ l-aħħar, is-sustanzi li fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, jirriżulta li m’għandhomx effetti ta’ ħsara għas-saħħa u li m’għandhomx influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent (Artikolu 5(1)).(6)
4. Madankollu, id-Direttiva tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà, matul perijodu ta’ mhux iktar minn tnax-il sena, li jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li mhumiex imsemmija fl-Anness I li jkunu diġà fis-suq sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva (Artikolu 8(2) l-ewwel paragrafu) kif huwa fil-fatt il-każ tal-Metalaxyl. L-imsemmi terminu, li skada fis-26 ta’ Ġunju 2003, ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2005, ħlief għall-każijiet fejn qabel tali data, kienet diġà ttieħdet deċiżjoni dwar l-inklużjoni jew le tas-sustanza attiva fl-imsemmi Anness I(7).
5. Waqt din il-fażi tranżitorja, il-Kummissjoni bdiet programm ta’ xogħol, sabiex teffettwa eżami progressiv ta’ tali sustanzi attivi (Artikolu 8(2) it-tieni paragrafu tad-Direttiva) u għaldaqstant sabiex tkun tista’ tiddeċiedi, wara tali eżami, dwar l-inklużjoni tas-sustanza eżaminata fl-Anness I, jew, fil-każ fejn l-eżiġenzi msemmija fl-Artikolu 5 ma jkunux sodisfatti jew it-tagħrif u l-informazzjoni ma jkunux ġew mogħtija fil-perijodu preskritt li tiċħad tali inklużjoni (Artikolu 8(2) ir-raba’ paragrafu).
B – Ir-Regolament (KEE) tal-Kummissjoni Nru 3600/92
1. In-notifika inizjali
6. Il-metodi ta’ implementazzjoni ta’ l-imsemmi programm ta’ xogħol huma deskritti f’dan ir-Regolament(8). Il-proċedura tibda’ b’manifestazzjoni ta’ interess li l-produttur li għandu interess li jinkludi sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għandu jibgħat lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (Artikolu 4(1)). Sabiex jiġi evitat xogħol doppju, u b’mod partikolari r-ripetizzjoni ta’ esperimenti li jinvolvu annimali vertebrati, id-dikjarazzjoni tista’ tintbagħat kollettivament ukoll (id-disa’ premessa)(9).
7. Wara li jiġu eżaminati d-domandi, Stat Membru jiġi nnominat bħala relatur; id-domandi li jirrigwardaw il-metalaxyl ingħataw lir-Repubblika Portugiża(10), li fdat dan il-kompitu lid-Direcço-Geral de Protecço das Culturas (Dipartiment Ġenerali għall-protezzjoni tal-prodotti agrikoli).
2. Il-proċedura quddiem l-Istat Membru relatur
8. Huwa l-obbligu ta’ min jagħmel in-notifiki li jipprova li s-sustanza in kwistjoni ma tagħmilx ħsara lis-saħħa u lill-ambjent (Artikolu 6(2)(b)(11) moqri flimkien ma’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414). Għal dan il-għan huma kellhom, sal-31 ta’ Ottubru 1995(12), jibgħatu lill-Istat Membru relatur, individwalment, jew kollettivament, l-inkartament fil-qosor u l-inkartament komplet; huma kellhom jibgħatu wkoll kopja ta’ tali dokumentazzjoni lill-esperti ta’ Stati Membri oħra magħżula mill-Kummissjoni bil-għan ta’ konsultazzjoni ulterjuri, u jekk ikun il-każ, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (Artikolu 6(1) moqri flimkien ma’ l-Artikolu 7(2(13)). L-Artikolu 6(2) u (3) jispeċifikaw il-kontenut ta’ tali informazzjoni.
9. Il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru relatur, tista’, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 tiddeċiedi li ma tinkludix is-sustanza eżaminata, fil-każ li l-inkartament jintbagħat wara t-termini previsti jew ma jissodisfax l-eżiġenzi stabbiliti; madankollu, hija ammessa estensjoni fil-każ fejn id-dewmien ikun dovut għal tentattivi li jiġu ppreżentati inkartamenti kollettivi u għal raġunijiet ta’ forza maġġuri (Artikolu 6(4) u (5), l-ewwel paragrafu u l-ewwel inċiż(14)).
10. Jekk il-proċedura titkompla, l-Istat Membru relatur jeżamina l-inkartament, u jiżgura li n-notifikanti jippreżentaw l-inkartament imqassar u aġġornat lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni (Artikolu 7(1)(a) u (b)); l-Istat Membru relatur jista’ jistieden lin-notifikanti sabiex itejbu l-inkartament, jew sabiex iżidu miegħu kif ukoll jitlob lil Stati Membri oħra informazzjoni teknika jew xjentifika supplementari (Artikolu 7(2)(15)).
11. Fl-aħħar nett, l-Istat Membru relatur jelabora u jibgħat lill-Kummissjoni, mill-iktar fis u mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara li jkun irċieva l-inkartamenti msemmija, evalwazzjoni ta’ l-inkartament, inkluża rakkomandazzjoni (1) sabiex tiġi inkluża s-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva (2) sabiex tiġi rtirata s-sustanza attiva mis-suq, (3) sabiex jiġi sospiż it-tqegħid tagħha fis-suq, bil-possibiltà ta’ għażla li tiġi kkunsidrata għal darb’oħra l-inklużjoni fid-dawl ta’ riżultati ta’ iżjed provi jew ta’ iżjed informazzjoni speċifikata fir-rapport, jew, fl-aħħar nett (4) sabiex tipposponi kwalunkwe deċiżjoni dwar inklużjoni possibli ta’ tali sustanza sakemm jingħataw ir-riżultati ta’ iżjed provi jew informazzjoni speċifikata fir-rapport (Artikolu 7(1)(ċ)).
3. L-eżami mill-Kumitat permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti u l-proposta tal-Kummissjoni
12. Wara, il-Kummissjoni għandha tibgħat l-inkartament u r-rapport lill-Kumitat permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti għall-eżami(16); madankollu qabel ma tibgħat l-inkartament, jekk tqis li huwa xieraq, il-Kummissjoni tista’ torganizza konsultazzjoni ta’ esperti nazzjonali (“reviżjoni bejn il-pari” jew “peer review”) u tikkonsulta lil xi wħud min-notifikanti jew lin-notifikanti kollha dwar il-kontenut tar-rapport (Artikolu 7(3)(17)).
13. Ladarba jiġi kkompletat l-imsemmi eżami, il-Kummissjoni, tippreżenta quddiem l-istess Kumitat: i) abbozz ta’ deċiżjoni li tirtira l-awtorizzazzjoni tal-prodotti ta’ protezzjoni għall-pjanti li jinkludu sustanza attiva jew ii) abbozz ta’ direttiva maħsub sabiex tinkludi s-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva. Barra minn hekk, jista’ jkun il-każ li l-Kummissjoni tipproponi s-sospensjoni temporanja tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti ta’ protezzjoni għall-pjanti li jinkludu s-sustanza attiva in kwistjoni jew li d-deċiżjoni finali tiġi ddifferita, sakemm jiġu ppreżentati riżultati ta’ provi addizzjonali jew ta’ informazzjoni ulterjuri (Artikolu 7(3A)(18)).
14. F’dan il-każ ta’ l-aħħar, il-Kummissjoni tindika terminu – li skada fil-25 ta’ Mejju 2002 - ħlief terminu antiċipat ma jiġix stabbilit għal xi sustanza attiva partikolari, bl-eċċezzjoni ta’ l-istudji għal żmien twil, meqjusa bħala neċessarji mill-Istat Membru relatur u mill-Kummissjoni matul l-eżami ta’ l-inkartament u li ma jistgħux jitlestew sat-terminu stabbilit, dejjem jekk mit-tagħrif mogħti jkun hemm evidenza li dawn l-istudji ġew ikkommissjunati u li r-riżultati tagħhom ikunu se jingħataw mhux iktar tard mill-25 ta’ Mejju 2003. F’każijiet eċċezzjonali, jekk l-Istat Membru relatur u l-Kummissjoni ma setgħux jeżaminaw dawn l-istudji sal-25 ta’ Mejju 2001, tista’ tiġi stabbilita data oħra għat-tlestija ta’ dawn l-istudji, bil-kundizzjoni li n-notifikant jagħti lill-Istat Membru relatur prova li dawn l-istudji ġew ikkommissjunati fi żmien tliet xhur mit-talba, u b’minuti u rapport ta’ progress dwar l-istudju qabel il-25 ta’ Mejju 2002. Wara tali data, il-preżentazzjoni ta’ studji ġodda mhijiex ammessa (Artikolu 7(4)(19)).
15. Fil-każ li ma jiġux rispettati t-termini stabbiliti, il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, tippreżenta lill-Kumitat abbozz ta’ deċiżjoni li tiċħad l-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva (Artikolu 7(5)).
16. Jekk il-persuna kkonċernata hija diliġenti u twettaq l-obbligi tiegħu fit-termini previsti, tapplika proċedura simili għal dik preċedenti, deskritta fl-Artikolu 8 tar-Regolament 3600/92(20), li tiġi konkluża bid-deċiżjoni dwar l-inklużjoni tas-sustanza eżaminata fl-Anness I tad-Direttiva, jew, fil-każ ta’ risposta negattiva, l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet korrispondenti.
C – Dwar l-ekonomija tal-proċedura u l-protezzjoni tad-data
17. Fir-regolament ta’ l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq, id-Direttiva 91/414 tipprovdi li Stat Membru li jirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jkun diġà awtorizzat fi Stat Membru ieħor, għandu jevita r-repetizzjoni tat-testijiet u ta’ l-analiżi li jkunu diġà ġew imwettqa jekk il-kundizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti jew ta’ l-ambjent u dawk klimatiċi relevanti għall-użu tal-prodott ikunu komparabbli (Artikolu 10(1) tad-Direttiva).
18. Madankollu, l-awtur tan-notifika għandu jipprovdi d-dokumenti li juru l-osservanza ta’ l-eżiġenzi stabbiliti; peress li l-Istati Membri ma jistgħux jużaw din l-informazzjoni għall-benefiċċju ta’ applikanti oħrajn, kemm-il darba l-applikant ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għall-użu ta’ tali informazzjoni (Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva moqri flimkien mat-tielet paragrafu (a) ta’ l-istess dispożizzjoni).
19. F’kull każ, id-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet preċedenti u l-applikant il-ġdid għandhom jaslu għal qbil dwar l-iskambju ta’ tagħrif sabiex jevitaw ir-repetizzjoni tat-testijiet fuq annimali vertebrati. Bl-istess intenzjoni, meta jintalab xi tagħrif sabiex tiġi inkluża fl-Anness I sustanza attiva li tkun diġà fis-suq sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom iħeġġu lid-detenturi ta’ l-imsemmija informazzjoni sabiex jikkooperaw. Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim, l-Istati Membri jobbligaw lill-persuni kkonċernati – jekk huma jinsabu fit-territorju tagħhom - sabiex jaqsmu bejniethom l-informazzjoni billi tiġi stabbilita l-proċedura għall-użu ta’ l-informazzjoni kif ukoll il-bilanċ raġjonevoli bejn l-interessi tal-partijiet interessati (Artikolu 13(7) l-aħħar tliet paragrafi).
20. Id-Direttiva 91/414 tobbliga lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jaċċertaw ruħhom li l-informazzjoni mogħtija mill-applikanti li tkun tinvolvi sigrieti industrijali u kummerċjali tiġi, fuq talba ġġustifikata ta’ l-applikant, ittrattata b’mod kunfidenzjali kemm fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti kif ukoll għall-fini ta’ inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I (Artikolu 14, l-ewwel paragrafu); tali kunfidenzjalità m’għandhiex tapplika għall-punti msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-istess dispożizzjoni.
II – Il-preċedenti ta’ l-appell
A – Il-fatti tal-kawża li huma rilevanti għall-fini ta’ l-appell
21. Mis-sentenza appellata (punti 20 sa 50) u mill-informazzjoni annessa ma’ l-appell jirriżultaw il-fatti li ġejjin.
22. Industrias Químicas del Vallés, li għandha s-sede tagħha fi Spanja ilha timporta l-metalaxyl u tikkummerċjalizzah f’dan il-pajjiż, kif ukoll fl-Italja, fil-Greċja u fil-Portugall minn Frar 1994. Ciba Geigy AG (li wara saret Novartis AG, iktar ’il quddiem Syngenta SA) ukoll kienet tbigħ prodotti li jinkludu din is-sustanza attiva (punti 20 u 21).
23. Dawn iż-żewġ impriżi għarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jibdew proċeduri sabiex din is-sustanza tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414; minħabba li t-tentattiv li jiftiehmu sabiex jippreżentaw inkartament kollettiv falla, huma ppreżentaw inkartamenti separati fid-19 u fis-26 ta’ April 1995 lid- Direcção-Geral de Protecção das Culturas (punti 21 u 22).
24. Wara l-ewwel eżami tad-dokumenti ppreżentati mill-imsemmija impriżi, l-awtoritajiet Portugiżi ddeċidew li kuntrarjament għall-inkartament ippreżentat minn Syngenta, l-inkartament ippreżentat minn Industrias Químicas del Vallés ma kienx komplet, riżultat li ġie ikkomunikat lil din ta’ l-aħħar fit-22 ta’ Marzu 1996. Sussegwentement, l-awtoritajiet Portugiżi ppreċiżaw liema studji kienu neqsin u l-imsemmija kumpannija impenjat ruħha li tipprovdi l-informazzjoni mitluba sax-xahar ta’ Ġunju 1998 (punti 23 sa 25).
25. Fil-11 ta’ Mejju 1998, Syngenta infurmat lill-Istat Membru relatur li hija kellha l-intenzjoni li tirtira mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-metalaxyl, u talbet ukoll li jingħatawlha lura kemm l-inkartament fil-qosor kif ukoll l-inkartament komplet li hija kienet ippreżentat matul il-proċedura (punt 26)(21).
26. Fil-15 ta’ Jannar 1999, Industrias Químicas del Vallés, li sfat waħedha fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-metalaxyl, indikat lid-Direcção-Geral de Protecção das Culturas li, fl-opinjoni tagħha, kellha tiġi użata l-informazzjoni ppreżentata minn Syngenta, u talbet li, fil-każ li ma kienx possibbli li tuża tali informazzjoni, u li tiġi mitluba tagħti inkartament komplet, hija tingħata terminu addizzjonali. Permezz ta’ ittri tal-5 ta’ Frar u tal-15 ta’ Marzu 1999 rispettivament, l-impriża rikorrenti u d-Direcção-Geral talbu lill-Kummissjoni tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-użu ta’ studji kkomunikati minn notifikant li jkun irtira mill-proċedura; il-Kummissjoni ġiet infurmata wkoll li l-inkartament ta’ Industrias Químicas del Vallés ma kienx komplet, u li, għalhekk kellha tingħata estensjoni sabiex il-kumpannija interessata tkun tista’ tikkompletah (punti 28 u 29).
27. Permezz ta’ l-ittra tad-19 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni wieġbet lid-Direcção-Geral de Protecção das Culturas, u annettiet parir tas-servizz legali tagħha, li sostna (punt 30 u l-anness VI tar-rikors)(22):
“[…]
2. […] M’hemmx dubju li Novartis [Syngenta] ċediet id-drittijiet tagħha fuq l-istudji lill-Istat Membru relatur sabiex dan ikun jista’ jużahom b’mod konformi mar-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, il-kwistjoni li għandha tiġi stabbilita tikkonċerna l-fatt jekk l-imsemmija regoli jippermettux lill-Istat relatur li juża informazzjoni nnotifikata, wara li l-awtur tan-notifika li jipprovdiha jkun irtira ruħu mill-proċedura.
3. Ma jidhirx li d-dispożizzjonijiet joffru soluzzjoni espliċita ħafna […]
4. Kemm id-Direttiva kif ukoll ir-Regolament iħeġġu parteċipazzjoni konġunta tad-diversi produtturi fil-proċedura ta’ evalwazzjoni (ara b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tar-Regolament). Madankollu diversi notifikanti jistgħu jieħdu sehem f’tali proċedura anki jekk ma jkunux laħqu ftehim. F’każ bħal dan, l-Istat Membru relatur għandu jikkunsidra l-istudji kollha ppreżentati. Għaldaqstant, is-sustanza attiva tista’ tiġi nkluża (fl-Anness I tad-Direttiva) anki jekk l-informazzjoni pprovduta minn produttur tirriżulta inkompleta, minħabba li l-istudji li jsiru minn wieħed min-notifikanti jintużaw b’vantaġġ għall-produtturi kollha, anki fin-nuqqas ta’ ftehim.
5. Skond is-sistema mwaqqfa mid-Direttiva 91/414, l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I mhijiex marbuta esklużivament mal-produttur li japplika għaliha, u tista’ saħansitra tiġi mitluba independentement minn Stat Membru. L-isforzi magħmula mill-impriża li għamlet l-istudji xjentifiċi huma fil-fatt ikkumpensati bi dritt esklużiv fuq l-użu ta’ tali informazzjoni mill-Istati Membri għall-fini ta’ l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jinkludu s-sustanza attiva. L-imsemmija regoli, imsejħa ta’ ‘protezzjoni tad-data’ jinkludu kemm l-informazzjoni li tirrigwarda s-sustanzi attivi (inklużi fl-Anness II) kif ukoll dik li tirrigwarda l-prodott (imsemmija fl-Anness III). Għaldaqstant jidher li, minkejja li kull produttur jibbenefika mill-inklużjoni ta’ sustanza attiva permezz ta’ l-istudji magħmula mill-kompetituri tiegħu, madankollu, huwa ma jistax jikseb l-awtorizzazzjoni ta’ prodott li jinkludi l-imsemmija sustanza, sakemm hu ma jeffettwax mill-ġdid l-istudji neċessarji jew jikseb il-permess li jużahom minn min ikun għamilhom.
Għaldaqstant jidher stramb li japplikaw regoli u drittijiet differenti meta notifikant jirtira mill-proċedura. Jidher kważi paradossali li tingħata protezzjoni ikbar lil produttur meta jirtira mis-suq ta’ sustanza attiva milli meta jikkompeti man-notifikanti l-oħra. Barra minn hekk, it-testi ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn il-protezzjoni mogħtija lill-istudji pprovduti mill-produtturi fiż-żewġ każijiet. B’hekk jidher li tapplika l-istess sistema.
6. Madankollu, in-notifikant għandu jagħti ċertu numru ta’ garanziji lill-Istat Membru relatur:
– huwa jassumi r-responsabbiltà li jippreżenta lill-Istat Membru relatur, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-esperti msemmija fl-Artikolu 7(2) (“peer review”), inkartament fil-qosor u, jekk ikun il-każ, inkartament komplet, skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 3600/92;
– huwa għandu jwieġeb kif xieraq għat-talbiet ta’ l-Istat Membru relatur li jtejjeb l-inkartament jew li jżid miegħu meta l-Istat Membru relatur ikun qed iħejji r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu u sussegwentement, fil-mument li jiġi eżaminat tali rapport mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 3600/92.
Minn dak li ntqal jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li titwaqqaf sistema ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-Istat Membru relatur u n-notifikant, li fiha, s-sostenn tekniku […] u l-possibbiltà li tinkiseb l-informazzjoni utli kollha […] għandhom jiġu assigurati min-notifikant.
7. Bħala konklużjoni, […] l-evalwazzjoni tal-kwistjoni donnha turi lis-servizzi tal-Kummissjoni li, jekk wieħed min-notifikanti jirtira l-parteċipazzjoni tiegħu mill-programm ta’ xogħol, dan m’għandux iwaqqaf lill-Istat Membru relatur milli jeżamina l-informazzjoni ppreżentata u li jifformula r-rapport ta’ l-evalwazzjoni, b’mod partikolari meta notifikant ieħor għall-istess sustanza esprima interess li jikkompleta din l-evalwazzjoni.
Madankollu, jidher xieraq u leġittimu li, qabel ma jibda (jew, jekk ikun il-każ, ikompli) l-evalwazzjoni, l-Istat Membru relatur jeżamina man-notifikant interessat, għall-fini ta’ ekonomija tar-riżorsi mitluba miż-żewġ partijiet, il-garanziji li dan ta’ l-aħħar huwa kapaċi jagħti sabiex jwettaq l-obbligu tiegħu li jipprovdi kontribut tekniku u amministrattiv fit-termini deskritti fil-punt preċedenti 6, li huma neċessarji sabiex titkompla l-evalwazzjoni u tittieħed deċiżjoni fuq il-livell Komunitarju”.
28. Industrias Químicas del Vallés ma ġietx infurmata bl-imsemmi dokument. Fit-28 ta’ Ottubru 1999, l-awtoritajiet Portugiżi, filwaqt li bbażaw ruħhom fuq tali test, infurmaw lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħhom li jippreparaw ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-metalaxyl fid-dawl ta’ l-informazzjoni kollha disponibbli inkluża dik mogħtija fl-inkartament ippreżentat minn Sygenta. Huma ppreċiżaw li, jekk waqt li tkun għaddejja l-evalwazzjoni jitqajmu mistoqsijiet addizzjonali jew tiġi mitluba informazzjoni addizzjonali, huma kienu se jikkuntattjaw direttament lil Industrias Químicas del Vallés. Fis-26 ta’ Jannar 2001, l-awtoritajiet Portugiżi bagħtu l-imsemmi rapport ta’ evalwazzjoni lill-Kummissjoni u indikaw li kellhom bżonn ta’ ċerta informazzjoni ulterjuri sabiex issir l-evalwazzjoni, u għal din ir-raġuni, f’dan l-istadju ma kienx possibbli għalihom li jipproponu li l-imsemmija sustanza tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva (punti 31 u 32 tas-sentenza kkuntestata).
29. Fi Frar 2001, id-Direcção-Geral de Protecção das Culturas talab lil Industrias Químicas del Vallés li tibgħat lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, qabel il-15 ta’ Marzu, inkartament imqassar u aġġornat u, f’każ li tiġi hekk mitluba, tieni inkartament komplet. Suċċessivament, il-Kummissjoni infurmat lill-kumpannija interessata li, peress illi tali inkartament imqassar u aġġornat ma ntbagħatx, ma kienx possibbli li jsir eżami utli u li tittieħed konklużjoni dwar il-metalaxyl, u li, għal din ir-raġuni, hija kienet se tipproponi li l-metalaxyl ma jiġix inkluż fl-imsemmi Anness (punti 34 u 35).
30. Minn dan il-mument, il-kumpannija rikorrenti kkunsidrat il-possibbiltà li tirrepeti ċerti studji jew li tiksibhom direttament mingħand Syngenta; madankollu, it-tentattiv li tikseb tali informazzjoni falla. Għaldaqstant, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni jekk ir-Repubblika Portugiża kinitx se tkun inkarigata li tqassam id-dokumentazzjoni lill-Istati Membri, possibiltà li ma kinitx qed tiġi eskluża mill-Kummissjoni, iżda li l-awtoritajiet Portugiżi rrifjutaw. Fl-aħħar nett, f’Ottubru 2001, il-Kummissjoni indikat lill-kumpannija rikorrenti li, fid-dawl tar-rifjut doppju, rispettivament minn Syngenta u mill-awtoritajiet Portugiżi, il-Kummissjoni kienet tinsab fl-impossibiltà li tikkonsulta lill-esperti nazzjonali dwar il-metalaxyl (punti 36 u 42).
31. F’Marzu 2002, beda skambju ta’ ittri, fejn minn naħa l-Kumissjoni infurmat lil Industrias Químicas del Vallés li, mhux biss id-diffikultà li tikseb inkartament komplet sal-31 ta’ Diċembru 2003, iżda wkoll in-nuqqas ta’ ċirkustanzi li jiġġustifikaw estensjoni, kienu qed iġiegħluha tipproponi li l-metalaxyl ma jiġix inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414(23), u min-naħa l-oħra, il-kumpannija interessata fakkret li hija kienet lesta li tagħmel l-istudji neċessarji, bil-kundizzjoni li tingħata perijodu tranżitorju ġdid (punti 43 - 47).
32. Waqt il-laqgħa li saret fit-18 u d-19 ta’ Ottubru 2002, il-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti approva abbozz ta’ deċiżjoni li l-metalaxyl ma jiġix inkluż fl-imsemmi Anness, u spjega li l-inkartament ta’ Industrias Químicas del Vallés ma kellux d-dokumentazzjoni essenzjali kollha sabiex issir evalwazzjoni ddettaljata u sabiex tingħata tweġiba lill-Istati Membri. Fit-2 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/308/KE (punti 49 u 50).
33. Din id-deċiżjoni tiċħad l-inklużjoni tal-metalaxyl fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (Artikolu 1) u tirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex dawn la jagħtu u lanqas iġeddu l-awtorizzazzjonijiet korrispondenti, kif ukoll sabiex jirtiraw dawk fis-seħħ (Artikolu 2). Fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni, jiġi spjegat li Industrias Químicas del Vallés ma setgħetx tippreżenta inkartament sħiħ f’terminu raġonevoli, u li ma kellhiex aċċess għall-inkartament ta’ Syngenta, u għalhekk ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta l-informazzjoni meħtieġa għal evalwazzjoni rilevanti. Għaldaqstant, f’tali sitwazzjoni ma kienx possibbli li ssir konklużjoni li, fil-kundizzjonijiet ta’ użu proposti, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metalaxyl ma kinux perikolużi għas-saħħa u għall-ambjent (is-seba’ premessa).
B – Il-konklużjonijiet u l-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza
34. Fid-9 ta’ Mejju 2003 Industrias Químicas del Vallés ippreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għall-annullament tad-Deċiżjoni 2003/308/KE.
35. Ir-rikorrenti invokat tliet motivi sabiex issostni r-rikors tagħha: bl-ewwel motiv hija attribwit lid-deċiżjoni kkontestata interpretazzjoni żbaljata u kontradittorja tad-Direttiva 91/414 u tar-Regolament Nru 3600/92; bit-tieni motiv hija invokat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u t-tielet motiv, li mhuwiex rilevanti f’dan l-appell, jirreferi għall-abbuż ta’ poter.
36. Fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv ġew diskussi l-argumenti li ġejjin: (1) l-eżiġenza ta’ inkartament komplet min-notifikanti kollha; (2) l-obbligu li jiġi ppreżentat tali inkartament fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament 3600/92; (3) l-inkoerenza ta’ l-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 1999 u fl-aħħar nett (4) id-djufija tal-preżunzjoni li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li twieġeb il-mistoqsijiet ta’ l-esperti waqt ir-reviżjoni mill-pari.
37. L-istituzzjoni konvenuta opponiet ruħu kontra din it-talba, li ġiet miċħuda fl-intier tagħha mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
C – Il-motivi tas-sentenza appellata
1. Rigward l-eżiġenza ta’ inkartament komplet minn kull wieħed min-notifikanti (punti 71 sa 78)
38. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li kkonstatat li Industrias Químicas del Vallés u Syngenta aġixxew separatament, iddikjarat li l-eżistenza ta’ żewġ notifiki individwali timplika d-depożitu ta’ inkartament komplet mingħand kull notifikant. Mill-Artikoli 6(1) u (2)(b) u 7(1)(b) tar-Regolament Nru 3600/92 jirriżulta li kull notifikant għandu l-obbligu li jhejji inkartament fil-qosor u inkartament komplet; u l-fatt li Syngenta rtirat ruħha mill-proċedura ma jbiddilx l-obbligi ta’ Industrias Químicas del Vallés. Din l-evalwazzjoni mhijiet ikkontestata mill-fatt li l-istess Regolament juri preferenza għall-preżentazzjoni ta’ inkartamenti kollettivi. Barra minn hekk l-Artikolu 13(7) tad-Direttiva 91/414 jikkonċerna biss l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-oneru tal-prova tan-nuqqas ta’ ħsara kkawżata mis-sustanza attiva taqa’ fuq in-notifikant.
2. Dwar l-obbligu li jiġi ppreżentat inkartament komplet fit-terminu stabbilit (punti 88 sa 100)
39. Il-leġiżlazzjoni applikabbli tistabbilixxi termini preċiżi għall-preżentazzjoni tad-dokumentazzjoni neċessarja u għall-implementazzjoni tal-proċedura, li ma jistgħux jiġu estiżi mill-Kummissjoni, ħlief f’każijiet “eċċezzjonali”. Dan l-aġġettiv mhuwiex applikabbli għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, li kienet taf, almenu mit-3 ta’ Mejju 1997, bil-fatt li l-inkartament tagħha ma kienx komplet u, minn Lulju 1998, li Syngenta rtirat ruħha. L-argument tar-rikorrenti dwar id-diffikultajiet li ma ppermetteliex li tirrispetta l-imsemmija termini mhuwiex rilevanti; fil-fatt fl-ittra tad-19 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni tgħid b’mod ċar li n-notifikant “għandu jassumi r-responsabbiltà li jissottometti lill-Istat Membru relatur, lill-Istati Membri l-oħra u lill-esperti (...) inkartament fil-qosor u, jekk ikun il-każ, inkartament komplet” u minkejja li l-ittra tad-Direcção-Geral de Protecção das Culturas tat-28 ta’ Ottubru 1999 ma rrepetietx din is-silta, “huwa ċar li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma nbidlitx.”
40. Il-Kummissjoni ma qabżitx manifestament il-limiti tad-diskrezzjoni tagħha meta rrifjutat l-estensjoni. Estensjoni indefinita tmur kontra l-għan tad-Direttiva 91/414, li huwa l-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u ta’ l-ambjent. Huwa minnu li fil-passat ingħataw estensjonijiet għall-evalwazzjoni ta’ ċerti sustanzi attivi, iżda l-estensjoni qatt ma qabżet il-31 ta’ Diċembru 2003, filwaqt li xi studji ta’ Industrias Químicas del Vallés tlestew biss f’Settembru 2004.
3. Dwar l-inkoerenza ta’ l-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 1999 (punti 104 u 105)
41. Il-Kummissjoni ma kkontradixxietx lilha nnifisha meta talbet inkartament komplet fl-2001, peress illi, f’Lulju 1999, il-parir legali mibgħut lid-Direcção-Geral de Protecção das Culturas semma dan l-obbligu, b’mod konformi mar-Regolament Nru 3600/92.
4. Dwar l-inkapaċità li tirrispondi d-domandi (punti 110-115)
42. Il-Kummissjoni ġustament osservat li billi Industrias Químicas del Vallés ma kellhiex aċċess għall-istudji li saru minn Syngenta, hija ma kinitx f’pożizzjoni li twieġeb il-mistoqsijiet ta’ l-esperti dwar dawn l-istudji. Is-seba’ premessa tad-Deċiżjoni 2003/38 tirreferi għall-insuffiċjenza ta’ informazzjoni sabiex twettaq l-evalwazzjoni.
43. F’numru ta’ okkażjonijiet, il-kumpannija rikorrenti ma osservatx it-termini li fihom kellha tispiċċa l-inkartament tagħha, u għalhekk kompliet tikkomprometti s-sitwazzjoni tagħha. Għandu jingħad ukoll li mhux l-istudji essenzjali kollha li kienu neqsin mill-inkartament tal-kumpannija rikorrenti kienu fl-inkartament ta’ Syngenta. L-istess rikorrenti fl-ittra ta’ l-4 ta’ Mejju 2001 irrikonoxxiet li kellha xi diffikultajiet sabiex twieġeb il-mistoqsijiet ta’ l-Istati Membri mingħajr ma tikkonsulta l-istudji tal-kumpannija l-oħra.
5. Dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità (punti 133-139)
44. L-għan tad-Direttiva 91/414 jikkonsisti fil-protezzjoni tas-saħħa u l-ambjent b’mod konformi mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, u mal-ġurisprudenza li tirregola s-supremazija tal-protezzjoni tas-saħħa u ta’ l-ambjent fuq l-interessi ekonomiċi. Id-deċiżjoni kkontestata mhijiex manifestament mhux adattata għat-twettiq ta’ tali għan, minħabba li, la ma kellhiex aċċess għall-istudji ta’ Syngenta, Industrias Químicas del Valles ma kinitx f’pożizzjoni li telimina d-dubji li ġew imqajma fir-reviżjoni mill-pari u għaldaqstant lanqas li turi li l-metalaxyl ma kienx jikkawża ħsara.
45. Ir-rikorrenti ddikjarat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kienu neqsin biss żewġ analiżi mill-istudji tagħha u minn dawk li saru minn Syngenta (ippreżentati fil-mument meta ġiet addottata d-deċiżjoni kkontestata); madankollu, waqt is-seduta, hija rrikonoxxiet li f’dak iż-żmien, f’Mejju 2003, kienu tlestew biss abbozzi ta’ rapporti u mhux l-istudji definittivi.
III – L-appell
46. Sabiex issostni r-rikors tagħha Industrias Químicas del Vallés tinvoka seba’ aggravji.
47. Fl-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-imħallfin tal-Prim’Istanza evalwaw b’mod żbaljat l-ittra tad-19 ta’ Lulju 1999, mibgħuta mill-Kummissjoni lid-Direcção-Geral de Protecção das Culturas, billi ddikjaraw fil-punt 94 tas-sentenza (kif ukoll fil-punt 104, b’referenza) li f’dan id-dokument, l-imsemmija istituzzjoni sosniet b’mod ċar l-obbligu tan-notifikant li jippreżenta inkartament fil-qosor u inkartament komplet. Din l-analiżi tindika interpretazzjoni frammentarja ta’ l-ittra, li twarrab il-kuntest u tinjora elementi ulterjuri, li juru li, f’fażi inizjali, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi kienu aċċettaw li jipproċedu għall-evalwazzjoni tal-metalaxyl fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni kollha disponibbli, inklużi l-istudji ta’ Syngenta. Kien biss iktar tard li l-imsemmija istituzzjoni biddlet fehmtha u, filwaqt li biddlet il-pożizzjoni li kienet ħadet fil-bidu, talbet inkartament komplet, fatt li għamilha impossibbli li dan isir fit-terminu stabbilit.
48. Bit-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball fid-dritt, minħabba li ċaħdet l-argumenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ ftehim li kien jippermettiha li tipprepara inkartament komplet, u bbażat ruħha fuq parti mill-ittra tad-19 ta’ Lulju 1999, li kif ammettiet il-Qorti tal-Prim’Istanza infisha fis-sentenza, ma ġietx ikkwotata mill-awtoritajiet Portugiżi fir-replika lill-Industrias Químicas del Valles. Skond ir-rikorrenti, dan l-aġir jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jobbliga lill-Kummissjoni li tikkunsidra d-deċiżjoni tal-korp delegat, u, barra minn hekk, jagħti lil tali istituzzjoni s-setgħa li tadotta miżuri restrittivi tad-drittijiet, peress li huwa bbażat fuq dokumenti mhux magħrufa mid-destinatarju.
49. Bit-tielet motiv, ir-rikorrenti tosserva ksur tal-ġurisprudenza Komunitarja dwar il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ proporzjonalità, li, sabiex tipprevjeni riskji potenzjali għas-saħħa, teżiġi l-eżistenza ta’ elementi serji li jippermettu li jitqiegħed raġjonevolment fid-dubju l-karattru innokwu ta’ sustanza. Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tifhem li d-deċiżjoni li l-metalaxyl ma jiġix inkluż fl-Anness I tad-Direttiva ma kinitx meħuda fuq il-bażi ta’ tali elementi, iżda fuq il-bażi ta’ raġunijiet natura formali, b’mod partikolari, ir-rieda li tintemm malajr il-proċedura ta’ evalwazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħsara kkawżata minn tali aġir lid-drittijiet individwali tar-rikorrenti jeċċedu kunsiderevolment il-vantaġġi għall-interess ġenerali.
50. Ir-raba’ aggravju ta’ l-appell jirreferi għal żbalji oħra fid-dritt li jirrigwardaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti:
1) Skond Industrias Químicas del Valles, il-Qorti tal-Prim’Istanza fixklet il-kunċetti ta’ “inkartament komplet” u ta’ “informazzjoni addizzjonali” li minflok huma indipendenti, minħabba li japplikaw għal stadji differenti tal-proċedura ta’ evalwazzjoni.
2) Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkunsidra żbaljata t-teżi li ssostni li fil-każ li jkun hemm iktar minn notifikant wieħed għall-istess sustanza, kull wieħed irid jippreżenta inkartament komplet, minħabba li tali rekwiżit imur kontra s-seba’ premessa u l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 3600/92, kif ukoll ix-xewqa li tiġi evitata r-ripetizzjoni ta’ testijiet fuq annimali vertebrati.
3) Barra minn hekk, ir-rikorrenti tiċħad l-idea li l-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva 91/414 ma japplikawx għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tas-sustanzi attivi.
4) Fl-aħħar, hija tikkontesta r-rwol ristrett mogħti mis-sentenza appellata lill-Istat Membru relatur wara t-thejjija tar-rapport, minħabba li tali Stat għandu r-reponsabbiltà li jiċċirkola l-informazzjoni li għandu u li jassisti b’mod tekniku lil dawk ikkonċernati sabiex ikunu jistgħu jwieġbu għad-domandi tal-Kummissjoni.
51. Il-ħames aggravju jikkritika s-sentenza appellata għall-fatt li kkunsidrat ir-rifjut mill-Kummissjoni li tagħti estensjoni tat-terminu għall-evalwazzjoni tal-metalaxyl bħala leġittimu. Fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq żewġ presupposti żbaljati: (1) it-talba mir-rikorrenti għal estensjoni indefinita, meta, fil-fatt hija kienet diġà intrabet li tispiċċa l-istudji fuq medda twila ta’ żmien f’Settembru 2004, u (2) l-osservanza tad-data limitu tal-31 ta’ Diċembru 2003 għal estensjonijiet li jirrigwardaw prinċipji attivi oħra, affermazzjoni li tikkontradixxi l-punt 90 ta’ l-istess sentenza, fejn jingħad li l-perijodu tranżitorju għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti abbażi ta’ sustanzi attivi kien ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2005.
52. Is-sitt aggravju jirreferi għall-punti 110 et seq tas-sentenza appellata, li jinkludu spjegazzjoni eċċessiva, u saħansitra kontradittorja, fuq l-allegata inkapaċità ta’ Industrias Químicas del Vallés sabiex twieġeb il-mistoqsijiet ta’ l-esperti dwar l-istudji ta’ Syngenta. Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza l-istudji essenzjali li kienu neqsin mill-inkartament tar-rikorrenti kienu neqsin ukoll mill-inkartament ta’ Syngenta, li kien inkomplet ukoll, ċirkustanza li ma tissemmix fid-deċiżjoni kkontestata u li ssostni “l-evalwazzjoni tal-metalaxyl tista’ għalhekk issir biss fuq il-bażi ta’ l-inkartament ippreżentat minn Syngenta”.
53. Bl-aħħar aggravju ta’ l-appell, ir-rikorrenti takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza b’irregolarità fl-evalwazzjoni ta’ l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rapport ta’ l-imħallef relatur; fil-fatt is-sentenza appellata allegatament injorat il-parti l-kbira ta’ dawn l-osservazzjonijiet mingħajr ma spjegat ir-raġuni għal dan. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tiddikjara li kien hemm differenza fit-trattament, minħabba li, filwaqt li l-Kummissjoni kellha l-possibiltà li twieġeb għal tali osservazzjonijiet bil-miktub, wara li saret is-seduta, Industrias Químicas del Vallés ma ġietx awtorizzata tagħti r-replika tagħha(24).
IV – Analiżi tar-rikors
54. Sabiex issostni l-appell, ir-rikorrenti ssemmi seba’ aggravji, xi wħud ta’ natura formali u oħrajn fuq il-mertu. L-ewwel grupp jinkludu l-ewwel, is-sitt u s-seba’ aggravji; it-tieni grupp jinkludi l-aggravji l-oħra.
A – L-aggravji ta’ natura formali
55. It-tliet argumenti mressqa minn Industrias Químicas del Vallés fir-rigward ta’ l-aġir ta’ l-imħallfin tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirreferu għal mumenti differenti tal-proċedura: l-evalwazzjoni tal-provi (l-ewwel motiv), il-proċedura u l-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza (is-sitt u s-seba’ aggravji).
1. Is-sitt motiv
56. Bis-sitt motiv, Industrias Químicas del Vallés tosserva kontradizzjoni fil-punt 110 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonferma li r-rikorrenti ma setgħetx twieġeb il-mistoqsijiet ta’ l-esperti minħabba li ma kellhiex l-inkartament ta’ Syngenta, filwaqt li fil-punt suċċessiv 112 jiġi kkonstatat li f’dan l-aħħar inkartament kien hemm xi studji essenzjali neqsin, konstatazzjoni li ma tidher imkien fid-Deċiżjoni 2003/308.
57. Madankollu l-allegata kontradizzjoni ma teżistix, u għaldaqstant ir-raġuni hija infondata u għandha tiġi miċħuda.
58. Iċ-ċirkustanza li Industrias Químicas del Vallés ma setgħetx tuża l-istudji ta’ l-impriża konkorrenti ma timplikax li l-inkartament ta’ din ta’ l-aħħar kien komplet; jekk huwa veru li tali studji kienu indispensabbli għall-evalwazzjoni tal-metalaxyl, dan ifisser li l-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti kienet tirriżulta bħala insuffiċċjenti, u mhux li dik mogħtija minn Syngenta kienet perfetta.
59. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, fi proċedura ġudizzjarja intiża sabiex tivverifika l-fatti tal-kawża u tiddetermina d-dritt applikabbli, billi tiġi riżolta l-kawża fuq il-bażi ta’ raġuni, xejn ma waqqaf lill-Qorti tal-Prim’Istanza milli tbiddel ċerti evalwazzjonijiet tal-fatti magħmula mill-Kummissjoni, minħabba li tali fakoltà tagħmel parti mill-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja tagħha f’rikors għal annullament.
2. Is-seba’ motiv
60. B’dan il-motiv, Industrias Químicas del Valles tilmenta li ħafna mill-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fir-rigward tar-rapport tas-seduta magħmul mill-Imħallef Relatur ma ġewx ikkunsidrati, mingħajr ma l-Qorti tal-Prim’Istanza tat raġuni għal dan. Hija żżid ukoll li, bi ksur tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza ta’ l-armi (equality of arms) bejn il-partijiet fil-proċedura, il-Kummissjoni ngħatat il-possibiltà li tiċħad l-imsemmija osservazzjonijiet bil-miktub minflok milli bil-fomm waqt is-seduta, u b’hekk ċaħħdet lir-rikorrenti mill-possibiltà li tiċħad l-argumenti esposti minn tali istituzzjoni.
61. Din it-tieni parti ta’ l-aggravju hija inammissibbli, għaliex hija sempliċement tenfasizza irregolarità proċedurali mingħajr ma tispjega fl-liema sens din qiegħdet lil Industrias Químicas del Vallés f’kundizzjoni ta’ żvantaġġ fil-konfront tal-Kummissjoni, billi ma ħallithiex tiddefendi ruħha b’mod effettiv. Din hija protesta retorika, barra min-natura ta’ din il-proċedura, li mhijiex intiża sabiex tiftaħ diskussjoni proċesswali ġdida bl-iskop li tfisser il-portata tal-proċedura wara li, waqt is-seduta ġie ppreżentat ir-rapport(25) iżda li tinforma lill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar eventwali impreċiżjonijiet jew ineżattezzi, sabiex turi li s-sens tad-diskussjoni ma ġiex mifhum b’mod korrett mill-imħallfin imsejħa sabiex jieħdu deċiżjoni dwarha.
62. Din l-osservazzjoni tagħti l-impressjoni li l-ewwel parti tas-seba’ aggravju hija infondata. Ir-rapport tas-seduta huwa dokument intiż esklużivament għall-membri l-oħra tal-kulleġġ ġudikanti, li m’għandux ikollu deskrizzjoni sħiħa tal-fatti u ta’ l-argumenti, peress li hija biżżejjed sinteżi tagħhom. Min-natura tagħhom, eventwali lakuni jew żbalji fir-rapport tas-seduta ma jistgħux jikkostitwixxu sors awtonomu ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża; l-istess jgħodd fir-rigward ta’ nuqqas ta’ kunsiderazzjoni, fis-sentenza, ta’ l-osservazzjonijiet relatati ma’ dan it-test, minħabba li din ta’ l-aħħar ma tiġix imdaħħla fid-deċiżjoni ġudizzjarja. Fil-fatt, il-partijiet ma jintervjenux f’tali proċedura interna sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tad-difiża, iżda sabiex jikkooperaw ma’ korp multilingwali bl-iskop li jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.
3. L-ewwel motiv
63. Mingħajr dubju, għandu iktar importanza l-ewwel aggravju ta’ l-appell, li bih ir-rikorrenti takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza b’interpretazzjoni żbaljata u parzjali ta’ l-opinjoni mogħtija mis-servizz legali tal-Kummissjoni annessa ma’ l-ittra tad-19 ta’ Lulju 1999, li skond ir-rikorrenti, jiżnatura l-kontentut tagħha.
64. Industrias Químicas del Vallés issostni li ma kienx possibbli li jiġu rispettati t-termini għaliex il-Kummissjoni biddlet il-kriterju, u talbitha tippreżenta inkartament komplet, filwaqt li sentejn qabel, fl-imsemmija opinjoni, kienet adottat pożizzjoni distinta.
65. B’risposta għal dan l-argument, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva (punti 94 u 104) li ma kien hemm l-ebda bidla fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni, minħabba li t-test ta’ l-imsemmija ittra jindika b’mod ċar li n-notifikant jassumi r-responsabbiltà li jippreżenta inkartament fil-qosor u, jekk ikun il-każ, inkartament komplet. Madankollu, tali affermazzjoni ma taqbilx għal kollox mal-fatti u ma tikkunsidrax, kif huwa indikat fir-rikors, il-kuntest lingwistiku li fih ġie redatt l-imsemmi dokument, u b’hekk tinjora fatti sussegwenti.
66. Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni elaborat din l-opinjoni sabiex telimina eventwali dubji fuq il-possibiltà ta’ użu, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni, ta’ l-analiżi li saru minn impriża notifikanti li wara tirtira ruħha. Issa, skond din l-opinjoni, id-dispożizzjonijiet applikabbli ma jipprovdux soluzzjoni espliċita għall-problema (punt 3) minkejja li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni konġunta u jammettu li l-istudji li saru minn wieħed min-notifikanti jistgħu jibbenefikaw lill-kompetituri tiegħu, anki fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-interessati, u għalhekk huwa possibbli li sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I minkejja l-fatt li l-inkartament ta’ produttur jirriżulta li mhux komplet (punt 4). Barra minn hekk, skond is-sistema mwaqqfa mid-Direttiva 91/414, tali inklużjoni mhijiex marbuta esklużivament mal-persuna li titlobha, iżda hija permessa l-inklużjoni fl-Anness I fuq talba ta’ l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali fin-nuqqas ta’ impriżi interessati (punt 5). Huwa wkoll minnu li kull notifikant jassumi r-responsabbiltà li jippreżenta inkartament fil-qosor u inkartament komplet u jikkollabora ma’ l-Istat Membru relatur (punt 6), iżda jibqa’ l-fatt li meta wieħed min-notifikanti jirtira ruħu mill-programm ta’ xogħol dan ma jwaqqafx l-Istat Membru relatur milli juża r-riżultati tar-riċerki li saru minn dan ta’ l-aħħar sabiex iħejji r-rapport ta’ evalwazzjoni dwar is-sustanza in eżami, fil-każ li notifikanti oħra jkomplu bl-operazzjoni, mingħajr ħsara għall-evalwazzjoni tal-garanziji offruti minn dawn ta’ l-aħħar fir-rigward ta’ l-obbligu li jipprovdu għas-sostenn tekniku u amministrattiv (punt 7).
67. Eżami dettaljat ta’ l-imsemmija opinjoni ma jippermettix li jiġi konkluż, kif issostni l-Qorti tal-Prim’Istanza li, għall-Kummissjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma kienx hemm dubji dwar l-obbligu impost fuq l-awtur tan-notifika li jixtieq ikompli l-proċedura ta’ reġistrazzjoni billi jirriproduċi, jekk hemm bżonn, l-inkartament ippreżentat mill-impriża li tirtira ruħha. Is-sentenza appellata interpretat b’mod żbaljat l-imsemmija opinjoni u ħarġet mill-kuntest tagħha sentenza iżolata sabiex tiddeduċi korollarju li jiġi kontradett minn qari iktar fil-fond tat-test, u b’hekk biddlet it-tifsira vera tiegħu.
68. Tali interpretazzjoni ta’ l-opinjoni tal-Kummissjoni, li Industrias Químicas del Vallés ma kinitx taf biha, hija koerenti mas-sens ta’ l-ittra mibgħuta mid-Direcção-Geral de Protecção das Culturas lir-rikorrenti f’Ottubru 1999 fejn l-awtoritajiet Portugiżi għarrfu lill-impriża interessata bl-intenzjoni li jhejju l-evalwazzjoni tal-metalaxyl billi jużaw l-elementi kollha disponibbli, inklużi dawk li kienu jinsabu fl-inkartament ta’ Syngenta, mingħajr ħsara għall-ksib ta’ informazzjoni addizzjonali rilevanti.
69. Ma ninjorax il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-inkompetenza tagħha sabiex tintervjeni fl-evalwazzjoni tal-fatti(26), eżami li huwa fil-kompetenza esklużiva ta’ l-Imħallef tal-Prim’Istanza(27). Issa fil-każ ta’ ineżattezza materjali fl-aċċertament tal-fatti, li tirriżulta mill-informazzjoni inkluża fl-inkartament tal-kawża, li hija “evidenti u faċilment aċċertabbli(28)”, jew jekk jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza biddlet (“żnaturament”) it-tifsira ċara u preċiża ta’ l-elementi ta’ prova mressqa quddiemha(29), l-imħallfin ta’ l-appell għandhom il-kompetenza sabiex jintervjenu, minħabba li l-Qorti tal-Prim’Istanza marret lil ‘hinn mis-setgħa tagħha fl-aċċertament tal-fatti li għalihom għandu japplika d-dritt.
70. Dan l-iżball, kif nispjega iktar ’il quddiem, ivvizzja l-motivazzjoni tas-sentenza appellata, u b’hekk wassal għal konklużjonijiet żbaljati. Għaldaqstant għandu jiġi milqugħ l-ewwel aggravju ta’ l-appell, fil-limiti li ser nindika fil-mument opportun.
B – L-aggravji fuq il-mertu
71. Il-parti l-oħra ta’ l-appell, li, minħabba li m’għandhiex il-koerenza neċessarja, hija f’ċertu diżordni, hija magħmula minn erba’ aggravji (mit-tieni sal-ħames wieħed), li fihom Industrias Químicas del Vallés tuża argumenti differenti, li jistgħu jingħataw fi kwistjoni waħda. Fil-fatt, id-dibattitu jirrigwarda, fl-aħħar mill-aħħar, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 91/414 u tad-dispożizzjonijiet konnessi, mill-Qorti tal-Prim’Istanza li aċċettat ir-rifjut tal-Kummissjoni li tinkludi l-metalaxyl fl-Anness I tad-Direttiva, minħabba li r-rikorrenti ma ppreżentatx inkartament komplet fit-terminu mogħti u minħabba li ma kienx possibbli li tuża l-istudji ta’ Syngenta. Għaldaqstant, fl-att ta’ l-appell, ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti esposti fis-sentenza tal-Prim’Istanza fir-rigward ta’ tali impediment (ir-raba’ motiv), li jaċċettaw il-pożizzjoni meħuda f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni mingħajr ma kkunsidrat l-opinjoni tad-19 ta’ Lulju 1999 u tar-reazzjoni sussegwenti ta’ l-awtoritajiet Portugiżi (it-tieni motiv), sabiex tadotta deċiżjoni bbażata fuq kriterji għal kollox formali, li huma iktar attenti għad-dewmien tal-proċedura milli sabiex jivverifikaw jekk il-metalaxyl jimplikax effettivament riskju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent (it-tielet u r-raba’ aggravji)
1. Dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni tas-sustanzi attivi
72. Id-Direttiva 91/414 tista’ tiġi rrappreżentata bħala l-labra ta’ miżien li fuq il-platti tiegħu jitqiegħdu żewġ għanijiet tipikament Komunitarji: minn naħa, l-għan li jiġu eliminati l-ostakoli għall-iskambji intrakomunitarji ta’ prodotti veġetali u li tittejjeb il-produzzjoni veġetali; min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimal, kif ukoll il-protezzjoni ta’ l-ambjent(30). L-Artikolu 4(1)(a tad-Direttiva) huwa intiż għal dan l-għan ta’ l-aħħar li jawtorizza għat-tqegħid fis-suq biss prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sustanzi mniżżla fl-Anness I ta’ l-istess Direttiva, filwaqt l-Artikolu 8(2) huwa ntiż għat-tieni għan, li jippermetti lill-Istati Membri li jawtorizzaw matul perijodu tranżitorju, il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti abbażi ta’ prinċipji attivi li, minkejja li mhumiex inklużi fl-imsemmi Anness, huma diġà fis-suq. It-tielet u r-raba’ paragrafi ta’ l-Artikolu 8(2) huma intiżi sabiex jikkonċiljaw tali għanijiet(31), billi jelaboraw programm ta’ xogħol sabiex jiġu eżaminati s-sustanzi attivi (id-dettalji proċedurali tagħhom huma ddefiniti fir-Regolament Nru 3600/92), li tiġi konkluża bl-inklużjoni tas-sustanza eżaminata fl-Anness I, jew bir-rifjut ta’ l-inklużjoni, fil-każ fejn ma ġewx ppreżentati l-istudji u l-informazzjoni neċessarja, jew, ukoll fil-każ fejn dawn jiġu ppreżentati, jew ma tiġix ipprovata n-nuqqas ta’ ħsara kkawżata mis-sustanza in kwistjoni.(32).
73. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Regolament u b’mod partikolari, ir-regoli li jobbligaw l-impriżi interessati sabiex jippreżentaw l-informazzjoni adattata biex jiġi pprovat in-nuqqas ta’ ħsara kkawżata mis-sustanza kkunsidrata għandhom jiġu interpretati f’dan is-sens.
74. Id-Direttiva 91/414 (Artikolu 8(2), it-tieni u r-raba’ paragrafu) u r-Regolament Nru 3600/92 (Artikoli 6(1) u 7(2)) jimponu fuq il-produtturi li jixtiequ jinkludu sustanza fl-Anness I, l-obbligu li jippreżentaw l-informazzjoni neċessarja, b’tali mod li, fil-każ li l-persuni kkonċernati ma jissodisfawx dan l-obbligu, huma għandhom ibatu l-konsegwenzi ta’ dan. Iżda m’għandniex nitilfu minn quddiem għajnejna sens ta’ perspettiva, u naħsbu awtomatikament li tali konsegwenzi jqumu kull darba li n-notifikant ma jkunx jista’ jippreżenta l-informazzjoni mitluba kollha. Dan ikun ir-riżultat naturali fi proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ attività suġġetta għal awtorizzazzjoni, bħall-bejgħ ta’ materjal għall-ħarsien tal-pjanti. Madankollu, dan mhuwiex daqshekk ovvju fil-kuntest ta’ proċedura li, pjuttost milli tagħti drittijiet individwali, għandha interess ġenerali li jikkonsisti fiż-żamma ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u tas-saħħa. Għaldaqstant mhux qed jingħata vantaġġ dirett lill-impriżi li jipproduċu ċerti prinċipji attivi, iżda qed tingħata garanzija liċ-ċittadini li tali sustanzi ma jikkawżawx ħsara, permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ proċedura formali, li fiha l-impriżi li bi ħsiebhom jiksbu vantaġġ, fil-każ ta’ eżitu favorevoli, jikkollaboraw fil-miftuħ.
75. Din il-perspettiva tispjega għaliex, meta diversi kumpanniji jitolbu l-inklużjoni ta’ l-istess sustanza attiva, il-leġiżlazzjoni Komunitarja tistedinhom sabiex jaġixxu b’mod konġunt (id-disa’ premessa u l-Artikolu 6(1), (2)(a) u (5) l-ewwel inċiż) u għaliex, fil-każ li jaġixxu separatament, l-Istat Membru relatur jipprepara r-rapport billi jibbaża ruħu fuq l-informazzjoni kollha disponibbli, indipendentement minn min jipprovdiha (is-sitt premessa u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 3600/92) anki jekk ikun Stat Membru ieħor (Artikolu 7(2) ta’ l-istess Regolament). Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tispjega l-opinjoni tas-servizz legali tal-Kummissjoni fid-19 ta’ Lulju 1999, li tammetti l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fuq talba ta’ l-awtoritajiet ta’ Stat Membru mingħajr il-medjazzjoni tal-produttur (Artikolu 6(5) it-tieni inċiż tar-Regolament Nru 3600/92), u tagħti effett sħiħ lill-osservazzjonijiet mogħtija fl-istess dokument rigward l-użu ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-impriża li, wara li bdiet l-inkartament għall-inklużjoni tas-sustanza attiva, irtirat ruħha mill-proċedura – mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli rigward il-protezzjoni ta’ din l-informazzjoni(33) u dejjem jekk l-obbligu tan-notifikanti li jkomplu jikkontribwixxu b’support tekniku u amministrattiv għat-tmiem tal-proċedura – sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni tal-prinċipju attiv ikkunsidrat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.
76. Għaldaqstant, mhuwiex straordinarju l-fatt li, tliet xhur wara li rċieva l-opinjoni legali tad-19 ta’ Lulju 1999, id-Direcção-Geral de Protecção das Culturas, informa lil Industrias Químicas del Vallés dwar l-intenzjoni tiegħu li jagħmel l-evalwazzjoni tiegħu billi juża l-informazzjoni kollha li kellu disponibbli, inkluża dik mogħtija minn Syngenta, u stieden lir-rikorrenti sabiex tipprepara sabiex taffronta l-eventwalità li jsirulha domandi ulterjuri u li tiġi mitluba studji addizzjonali. Lanqas ma huwa sorprendenti l-fatt li l-impriża rikorrenti, minħabba li fdat din l-informazzjoni, ma kkompletatx l-inkartament tagħha, li l-insuffiċjenza tiegħu kienet magħrufa, u llimitat ruħha li tistenna, jekk ikun il-każ, li tiġi mitluba kooperazzjoni supplementari.
2. Dwar it-termini imposti fuq in-notifikanti għall-preżentazzjoni ta’ l-inkartamenti
77. Id-Direttiva 91/414 tipprovdi għal diversi termini, iżda l-ebda wieħed minnhom ma għandu natura perentorja. L-estensjonijiet numerużi f’dan ir-rigward mogħtija mill-leġiżlatur Komunitarja jsostnu din it-teżi.
78. B’mod preliminari, il-perijodu tranżitorju li matulu l-Istati Membri setgħu jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux inklużi fl-Anness I tad-Direttiva, u li inizjalment kien jiskadi fis-26 ta’ Lulju 2003, ġie estiż, għall-ewwel sal-31 ta’ Diċembru 2005 u suċċessivament għall-istess ġurnata ta’ l-2006 (34).
79. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ l-imsemmija sustanzi, it-terminu għall-preżentata ta’ l-inkartamenti fil-qosor u l-inkartamenti kompleti li jirrigwardaw xi wħud minnhom, fosthom il-metalaxyl, kien jiskadi fit-30 ta’ April 1995, iżda ġie estiż għall-31 ta’ Ottubru ta’ l-istess sena(35). L-istess jgħodd għat-terminu li matulu l-persuni kkonċernati kellhom iġibu informazzjoni ġdida jew jipprovdu provi addizzjonali, li l-Artikolu 7(4) l-ewwel inċiż tar-Regolament Nru 3600/92 kien jindika fil-25 ta’ Mejju 2002, u li seta’ f’ċerti każijiet, jiġi estiż sal-25 ta’ Mejju 2003(36).
80. Barra minn hekk, ir-Regolament innifsu (Artikolu 6(5) l-ewwel inċiż), jipprovdi li, fil-każ fejn l-imsemmi inkartament ma jiġix ippreżentat fit-termini stabbiliti, tingħata estensjoni taż-żmien, jekk id-dewmien ikun dovut għal sforzi sabiex jiġu ppreżentati inkartamenti kollettivi jew minħabba forza maġġuri.
81. L-imsemmija dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati b’mod differenti, minħabba li, kif diġà spjegajt, mhumiex maħsuba sabiex iħarsu l-interess suġġettiv ta’ l-impriżi li jitolbu l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva, iżda huma ta’ interess ġenerali li jeżiġi l-moviment liberu ta’ tali sustanzi u tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti fit-territorju tal-Komunità, mingħajr ma ssir ħsara għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali. B’hekk jekk fil-mument tan-notifika tad-Direttiva, prodott ta’ din in-natura, li fih sustanza li mhix inkluża fl-Anness I, kien diġà preżenti, bl-awtorizzazzjonijiet neċessarji, fis-suq ta’ Stat Membru, il-verifika li hija ma tikkawżax ħsara ssir essenzjali u mhux il-mument li fih din issir. Għaldaqstant, fil-każ li ma jiġix rispettat it-terminu mogħti, mingħajr tort min-naħa tan-notifikant (forza maġġuri) jew sabiex isegwi l-proċedura li l-leġiżlazzjoni tippreferi (inkartamenti kollettivi), għandha tingħata moratorja.
82. B’mod partikolari, nikkunsidra li proprju fil-każ preżenti ż-żewġ kundizzjonijiet huma preżenti. Qabel xejn, fil-fażi tal-bidu tal-proċedura ta’ inklużjoni, Industrias Químicas del Vallés ipprovat tilħaq ftehim sabiex tippreżenta inkartament kollettiv, iżda ma rnexxilhiex, minħabba li Syngenta rtirat ruħha; għaldaqstant ipprovat tikseb l-istudji ta’ din ta’ l-aħħar mingħajr ma rnexxielha. Barra minn hekk, skond il-komunikazzjoni li bagħtilha l-Istat Membru relatur f’Ottubru 1999, ir-rikorrenti setgħet b’mod leġittimu temmen li ma kinitx se tiġi mitluba tkompli l-inkartament tagħha(37) iżda li tipprovdi l-istudji u l-informazzjoni addizzjonali indispensabbli għall-evalwazzjoni, wara l-eżami tad-dokumentazzjoni kollha disponibbli fil-proċedura, inkluż il-materjal ipprovdut minn Syngenta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba li ntbagħtet lir-rikorrenti fi Frar 2001, fejn ġiet mitluba tippreżenta lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, sal-15 ta’ Marzu ta’ l-istess sena, inkartament fil-qosor, bl-aġġornamenti neċessarji u jekk ikun il-każ, fuq talba speċifika, inkartament komplet, tikkostitwixxi fatt li, minkejja li ma jaqax eżattament taħt il-kunċett ta’ forza maġġuri, huwa simili, għaliex kien imprevedibbli u barra mis-setgħa ta’ deċiżjoni ta’ Industrias Químicas del Vallés, u għamlet it-twettiq ta’ tali obbligu impossibbli.
83. Bħala konklużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet il-ksur allegat fl-appell, billi ċaħdet ir-rilevanza tar-risposta li d-Direcção-Geral de Protecção das Culturas, alter ego tal-Kummissjoni, kien bagħat lir-rikorrenti f’Ottubru 1999 (it-tieni raġuni) u billi tat importanza ikbar lill-eżiġenza li jiġu rispettati b’mod rigoruż it-termini ta’ preżentata ta’ l-inkartament milli lit-twettieq ta’ l-għanijiet tad-Direttiva 91/414 (it-tielet aggravju), għanijiet li hija tinjora b’interpretazzjoni tal-proċeduri rregolati mir-Regolament 3600/92, li ma tirreflettix mhux biss l-ittra iżda anki l-ispirtu tar-Regolament innifsu (ir-raba’ motiv) u fl-aħħar nett, ikkunsidrat bħala ġustifikat ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikkonċedi estensjoni lil Industrias Químicas del Vallés (il-ħames motiv).
84. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-aggravji fuq il-mertu u l-ewwel aggravju eżaminati jissuġġerixxu l-annullament tas-sentenza appellata, minħabba li, billi żnaturaw l-opinjoni tad-19 ta’ Lulju 19999 (l-ewwel raġuni), l-imħallfin tal-Qorti tal-Prim’Istanza jneħħu kull effett mid-deċiżjoni ta’ l-Istat Membru relatur (it-tieni motiv); jiġġustifikaw b’mod illeġittimu r-rifjut tal-Kummissjoni għat-talba ta’ l-estensjoni; jiżbaljaw meta jiċħdu li hija l-imsemmija istituzzjoni Komunitarja li qiegħdet lil Industrias Químicas del Vallés f’kundizzjoni li ma setgħetx tirrispetta t-termini (il-ħames motiv) u, fl-aħħar nett, b’dan il-mod, imorru kontra l-għanijiet tal-leġiżlatur Ewropew (it-tielet motiv).
V – Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kawża
85. Ladarba tiġi annullata s-sentenza appellata, skond l-Artikolu 61(1), ta’ l-Istatut KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża jekk, kif fil-każ preżenti, l-istat tal-proċedimenti jippermetti dan.
86. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinkludi, kif titlob Industrias Químicas del Vallés, l-ammissjoni tal-mertu ta’ l-appell u l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu m’għandhiex tinkludi b’mod impliċitu l-inklużjoni tal-metalaxyl fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, u għandha tillimita ruħha, minħabba ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw is-suċċess ta’ l-appell, li tordna l-annullament ta’ l-imsemmija deċiżjoni, u l-qbid mill-ġdid tal-proċedura amministrattiva mill-mument fejn kellha tingħata lir-rikorrenti estensjoni ulterjuri sabiex tipprovdi l-informazzjoni addizzjonali, neċessarji għall-ikkompletar ta’ l-inkartament tagħha u ta’ dak ta’ Syngenta, li kienu jirriżultaw bħala indispensabbli għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-metalaxyl.
VI – Fuq l-ispejjeż taż-żewġ istanzi
87. Is-soluzzjoni li nipproponi tissuġġerixxi li l-Kummissjoni tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta’ l-ewwel istanza, kif jindika l-Artikolu 87(2), l-ewwel inċiż tar-Regolament tal-proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
88. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta’ dan l-appell, skond l-Artikolu 122(1) flimkien ma’ l-Artikolu 69(2) l-ewwel inċiż, tar-Regolament tal-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
VII – Konklużjoni
89. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
1) tilqa’ l-ewwel ħames aggravji ta’ l-appell imressaq minn Industrias Químicas del Vallés kontra s-sentenza mogħtija fit-28 ta’ Ġunju 2005 tat-Tieni Sezzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża T-158/03.
2) tannulla s-sentenza appellata.
3) tilqa’ t-talba ta’ Industrias Químicas del Vallés u għalhekk tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej 2003/308/KE li tikkonċerna n-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ metalaxyl fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KE u t-tneħħija ta’ l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva, u terġa’ taqbad il-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ l-imsemmija sustanza mill-mument li fih kellu jingħata lill-kumpannija msemmija terminu addizjonali sabiex tipprovdi l-informazzjoni addizjonali sabiex tikkompleta l-inkartament tagħha u dak ta’ Syngenta, li kienu jirriżultaw indispensabbli għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-partikular.
4) tordna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewopej tbati l-ispejjeż ta’ l-ewwel żewġ istanzi.
1 – Lingwa oriġinali tal-kawża : l-Ispanjol.
2 – Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (T-158/03, Ġabra p. II-2425) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).
3 – ĠU L 113, p. 8, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”.
4 – Direttiva tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, p. 1).
5 – Is-“sustanzi attivi” huma komposti mill-elementi kimiċi, il-komposti tagħhom, il-mikrorganiżmi inklużi l-virus, li għandhom azzjoni ġenerali jew speċifika kontra organiżmi li jagħmlu l-ħsara jew fuq pjanti, partijiet minn pjanti jew prodotti mill-pjanti (Artikolu 2(3) u (4)).
6 – Il-protezzjoni tas-saħħa u ta’ l-ambjent ispiraw it-test tad-Direttiva, kemm fil-preambolu (id-disa’ u l-għaxar premessa) kif ukoll fl-artikoli (Artikolu 5(1) u Artikolu 4(1)(6)(iv) u (v)).
7 – L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076 ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, jestendi l-perijodu ta’ żmien msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE tal-Kunsill u li jikkonċerna n-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ xi sustanzi attivi fl-Anness I ta’ l-imsemmija Direttiva u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi (ĠU L 319, p.3). Ġiet mogħtija estensjoni ġdida sal-31 ta’ Diċembru 2006 permezz tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1335 tat-12 ta’ Awissu 2005 (ĠU L 211, p. 6).
8 – Regolament tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8 (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li jittratta dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 366, p. 10).
9 – L-Artikolu 6(1), (2)(a) u 5 l-ewwel paragrafu, isemmu b’mod inċidentali din il-possibbiltà.
10 – L-Anness I tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 933 tas-27 ta’ April 1994 li jistabbilixxi l-lista tas-sustanzi attivi ta’ prodotti ta’ protezzjoni ta’ pjanti u jindika l-Istati Membri relaturi għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92 (ĠU L 107, p. 8).
11 – Skond ir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2000 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3600/92 (ĠU L 259, p. 27).
12 – Terminu ffissat bis-saħħa ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92 tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 2230, tal-21 ta’ Settembru 1995, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 933/94 (ĠU L 225, p.1) fejn kien indikat it-30 ta’ April 1995 (Artikolu 2).
13 – Il-kliem ta’ l-Artikolu 7(2) jirriżulta mir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1199 tas-27 ta’ Ġunju 1997, li emenda r-Regolament Nru 3600/92 (ĠU L 170, p. 19).
14 – Dan l-ewwel inċiż jirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 491/95, tat-3 ta’ Marzu 1995, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3600/92 u (KE) Nru 933/94 (ĠU L 49, p. 50).
15 – Kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1197/97.
16 – Dan il-Kumitat ġie ssostitwit mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali (Artikolu 62(2), it-tieni paragrafu tar-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 178 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU L 31, p. 1)).
17 – Kif emendat mir- Regolament (KE) Nru 1199/97, iċċitat.
18 – Introdott bir-Regolament (KE) Nru 1199/97.
19 – Skond ir-Regolament (KE) Nru 2266/2000.
20 – Emendat bir-Regolament (KE) Nru 2266/2000.
21 – Syngenta rtirat mill-proċedura għaliex kienet qed tipprova tikseb l-inklużjoni ta’ sustanza oħra, il-metalaxil-M, b’karatteristiċi simili ħafna għal dawk tal-metalaxil.
22 – Traduzzjoni mhux uffiċjali
23 – Bla ħsara għall-possibbiltà li tippreżenta inkartament sabiex il-metalaxil jiġi rreġistrat bħala sustanza attiva ġdida (punti 46 u 47).
24 – Ir-rikorrenti ttemm ir-rikors b’osservazzjoni, mingħajr ma fformulatha bħala aggravju ta’ appell, li tirrigwarda l-punti 137 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Dan il-punt jinkludi affermazzjoni (“waqt is-seduta (ir-rikorrenti) ammettiet li kienu biss abbozzi ta’ rapporti u mhux studji definittivi li kienu tlestew fid-data meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, f’Mejju 2003”) li, skond ir-rikorrenti, tirriżulta minn żball ta’ kitba jew ta’ interpretazzjoni, minħabba li, f’dak iż-żmien l-imsemmija eżamijiet kienu twettqu. Sabiex issostni tali affermazzjoni, ir-rikorrenti pproponiet żewġ miżuri istruttorji: l-inklużjoni ta’ tali studji fl-inkartament u l-verbal tas-seduta li saret quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Diċembru 2004. Madankollu minħabba li dan il-verbal akkredita l-verità ta’ l-estratt tas-sentenza appellata, waqt is-seduta li saret fil-proċedura preżenti, b’risposta għal domanda tiegħi, ir-rappreżentanti ta’ Industrias Químicas del Vallés irtiraw l-ilment.
25 – Is-sentenza tat-22 ta’ April 1999, Kernkraftwerke Lippe-Ems vs Il-Kummissjoni, C-161/97 P, (Ġabra p. I-2057), fakkret li r-rapport ta’ l-imħallef relatur huwa maħsub sabiex jippreżenta fil-qosor l-elementi tal-fatt u tad-dritt tal-kawża kif ukoll ir-raġunijiet u l-argumenti tal-partijiet, u dawn ta’ l-aħħar għandhom l-għażla li jitolbu, qabel jew waqt is-seduta, li jsiru emendi jew li jifformulaw riservi (punt 58).
26 – Is-sentenza ta’ l-1 ta’ Ottubru 1991, (C-238/90 P, Ġabra p. I-4339, punti 10 u 11), hija l-ewwel waħda minn serje ta’ deċiżjonijiet fejn jiġi mfakkar li l-appell huwa limitat għall-kontroll ta’ l-interpretazzjoni u ta’ l-applikazzjoni ta’ regoli ġuridiċi, filwaqt li teskludi kull deċiżjoni fuq kwistjonijiet ta’ fatt.
27 – Kif indikat fis-sentenza ta’ l-1 ta’ ġunju 1994, C‑136/92, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et. (Ġabra p. I-1981, punt 49).
28 – Biex nuża l-kliem ta’ l-Avukat Ġenerali La Pergola fil-konklużjonijiet tal-kawża EFMA vs Il-Kunsill (is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2000 C-46/98,P, Ġabra p. I-7079, punt 11).
29 – Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000, C-237/98 P, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (Ġabra p. I‑4549, punti 35 u 36)
30 – Is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, C-‑174/05, Zuid-Hollandse Milieufederatie u Natuur en Milieu (Ġabra p. I-2443, punt 30) tirrifletti ż-żewġ għanijiet.
31 – Naqbel ma’ l-Avukat Ġenerali Sharpston meta, fil-konklużjonijiet għall-kawża li tat lok għas-sentenza ta’ l-14 ta’ Settembru 2006, C-138/05, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie (Ġabra p. I-0000), issostni li l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri bis-sistema tranżitorja msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414, ma tistax taffettwa l-imsemmi għan ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u tas-saħħa (punti 46 u 76).
32 – Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni tista’ twassal għall-irtirar jew għall-modifika ta’ l-awtorizzazzjonijiet maħruġa skond l-Artikolu 8(2) l-ewwel paragrafu, fil-każ ta’ riskji li jopponu l-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I, kif jindika r-raba’ paragrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, ara s-sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 (punt 22).
33 – L-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva 91/414 jirregolaw l-informazzjoni mitluba, il-protezzjoni ta’ l-informazzjoni u l-kunfidenzjalità. Huma japplikaw għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tas-sustanzi attivi, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 3600/92. Issa, mill-interpretazzjoni konġunta ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, jirriżulta li d-detenturi ta’ informazzjoni utli għall-fini ta’ l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva jistgħu jiġu msejjħa sabiex jipprovdu tali informazzjoni (Artikolu 13(7), il-paragrafu ta’ qabel ta’ l-aħħar), ħlief fil-każ fejn għandhom jaqgħu taħt is-sistema ta’ kunfidenzjalità skond l-Artikolu 14.
34 – Punt 4 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
35 – Kif indikajt iktar ’il fuq, fil-punt 8 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.
36 – Kif jirriżulta mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 3600/92, fil-verżjoni li tirriżulta mill-emenda introdotta bir-Regolament Nru 2266/2000, li irraportajt b’mod parzjali fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
37 – Fuq kollox għaliex, kif tammetti l-istess Qorti tal-Prim’Istanza (punt 94 tas-sentenza appellata) l-unika parti ta’ l-opinjoni fejn jissemma l-obbligu li jiġi ppreżentat inkartament fil-qosor u komplet (punt 6) ma ġietx riprodotta fl-ittra ta’ l-awtoritajiet Portugiżi.
Full & Egal Universal Law Academy