KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
25 ta’ Jannar 2007 1(1)
Kawża C-366/05
Optimus – Telecomunicações SA
v
Fazenda Pública
“Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Żidiet fil-kapital eżenti mit-taxxa kapitali qabel l-adeżjoni – Legalità ta’ l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-kapital sussegwentement”
1. F’din il-kawża, is-Supremo Tribunal Administrativo (Qorti Amministrativa Suprema), tal-Portugall, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335(2), kif emendata bid-direttiva tal-Kunsill 85/303(3), rigward taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital. Din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jeżentaw minn dawn it-taxxi ċerti operazzjonijiet li jinvolvu l-ġbir ta’ kapital. Il-qorti Portugiża tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv u jekk jipprojbixxix lill-Istati Membri milli jerġgħu jintroduċu l-ħlas tal-bolla fuq tip partikolari ta’ tranżazzjoni li minnha kienet eżenti, fl-1 ta’ Lulju 1984, taħt il-liġi nazzjonali.
Il-leġiżlazzjoni rilevanti
Direttiva 69/335
2. L-ewwel premessa tad-Direttiva 69/335 tirreferi għall-objettiv tat-Trattat KEE li jfittex li jippromwovi l-moviment ħieles ta’ kapitali, bil-għan li tinħoloq unjoni ekonomika li għandha karatteristiċi simili għal dawk ta’ suq domestiku.
3. It-tieni premessa tgħid li t-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, li huma fis-seħħ fl-Istati Membri, jagħtu lok għal diskriminazzjoni, taxxa doppja u d-diversitajiet li jfixklu l-moviment ħieles tal-kapital u li għandhom jiġu eliminati b’armonizzazzjoni.
4. Is-sitt u s-seba’ premessi jgħidu li dazju [taxxa] fuq il-ġbir ta’ kapital tista’ tintalab darba biss fis-suq komuni, fuq livell ugwali fl-Istati Membri kollha u li l-istruttura u r-rati tiegħu għandhom ikunu armonizzati. Fl-aħħar nett, it-tmien premessa tipprovdi għat-tneħħija tat-taxxi indiretti l-oħra kollha bl-istess karatteristiċi bħat-taxxa kapitali unika.
5. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-Artikolu 1 jistipula li “l-Istati Membri għandhom jimponu ħlas fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital lil kumpanniji ta’ kapital taxxa armonizzata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 sa 9 iżjed ‘il quddiem imsejħa ‘taxxa kapitali’”.
6. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335 jistabbilixxi lista ta’ operazzjonijiet li huma suġġetti għal taxxa kapitali. Dawn l-operazzjonijiet essenzjalment jirrigwardaw il-formazzjoni ta’ kumpannija kapitali fis-sens tad-Direttiva 69/335 u l-maġġoranza tat-tipi ta’ żieda fil-kapital ta’ tali kumpannija, inkluż, skond l-Artikolu 4(1)(ċ), “żieda fil-kapital ta’ kumpannija kapitali bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip”.
7. L-Artikolu 4(2) jelenka operazzjonijiet oħra li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw għat-taxxa kapitali.(4)
8. Oriġinarjament, l-Artikolu 7 kien jistabbilixxi r-rati li bihom it-taxxa kapitali kellha tiġi imposta. Skond l-Artikolu 7(1)(a) “ir-rata ta’ dazju [taxxa] kapitali m’għandhiex taqbez it-2 % jew tkun inqas minn 1 %”. Madankollu, l-Artikolu 7(1)(b) kien jipprovdi li, fil każ ta’ xi operazzjonijiet ta’ ristrutturar tal-kumpannija li jinvolvu t-trasferiment ta’ l-assi, “din ir-rata għandha tiġi mnaqqsa b’ 50 % jew aktar meta kumpannija kapitali waħda jew aktar jittrasferixxu l-assi u r-responsabbiltajiet kollha, jew parti waħda jew iktar tan-negozju tagħhom lil kumpannija kapitali waħda jew iktar li huma fil-proċess li jiġu ffurmati jew li diġà jeżistu”. Skond l-Artikolu 7(4), fejn Stat Membru eżerċita l-poter skond l-Artikolu 4(2), kif oriġinarjament ippromulgat, it-taxxa kapitali setat tiġi imposta b’rata mnaqqsa.
9. L-Artikolu 8 jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw parzjalment jew totalment mit-taxxa kapitali l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) relattivi għal kumpanniji kapitali li jfornu servizzi pubbliċi, f’każijiet meta l-Istat jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali jippossjedu ta’ l-anqas nofs il-kapital tal-kumpannija, u relattivi għal kumpanniji kapitali li jwettqu esklużivament u direttament objettivi kulturali, karitattevoli, ta’ relief jew edukattivi.
10. L-Artikolu 9 jistipula li “ċerti tipi ta’ operazzjonijiet jew ta’ kumpanniji kapitali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżenzjonijiet, tnaqqis jew żidiet fir-rati sabiex tiġi miksuba imparzjalità fl-intaxxar, jew għal kunsiderazzjonijiet soċjali, jew sabiex Stat Membru jkun jista’ jittratta sitwazzjonijiet speċjali[…].”.
11. L-Artikolu 10 jistipula li “barra d-dazju kapitali, l-Istati Membri m’għandhom jimponu ebda ntaxxar affattu, fir-rigward ta’ kumpanniji, ditti, assoċjazzjonijiet jew persuni ġuridiċi li jaħdmu għal profit:
(a) fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4;
(b) fir-rigward ta’ kontribuzjonijiet, self jew il-provvista ta’ servizzi, li jsiru bħala parti mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4;
(ċ) fir-rigward ta’ reġistrazzjoni jew kull formalità oħra meħtieġa qabel il-bidu ta’ negozju li għalih[a] kumpanija, ditta, assoċjazzjoni, jew persuna ġuridika li taħdem għall-profitt tista’ tkun suġġetta għar-raġuni tal-forma ġuridika tagħha.”
12. L-Artikolu 12(1) jistipula li “minkejja l-Artikoli 10 u 11, l-Istati Membri […] jistgħu jimponu:
(a) dazji fuq it-trasferiment ta’ titoli, kemm jekk imposti b’rata uniformi u kemm jekk le;
(b) dazji ta’ trasferiment, inklużi taxxi fuq ir-reġistrazzjoni ta’ l-art, fuq it-trasferiment, lil kumpannija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li taħdem għal profitt, ta’ negozju jew proprjetà immobbli lokalizzata fit-territorju tagħhom.
(c) dazji ta’ trasferiment fuq assi ta’ kull tip trasferiti lil kumpannija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li topera għal profitt, sa fejn din il-proprjetà hija trasferita għal kunsiderazzjoni ta’ xort’oħra minn ishma fil-kumpannija;
(d) dazji fuq il-ħolqien, ir-reġistrazzjoni jew il-ħlas ta’ ipoteki jew piżijiet oħrajn fuq l-art jew proprjetà oħra;
(e) dazji mħallsa permezz ta’ piżijiet jew drittijiet;
(f) it-taxxa fuq il-valur miżjud.”
Direttiva tal-Kunsill 73/79/KEE (5)
13. Id-Direttiva 73/79/KEE wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 69/335 billi ppermettiet lill-Istati Membri japplikaw ir-rata mnaqqsa ta’ taxxa kapitali għall-operazzjonijiet ta’ akkwist magħmula permezz tat-tpartit ta’ l-ishma. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 73/79 għalhekk daħħal subparagrafu ġdid (bb) fl-Artikolu 7(1)(b) li jgħid:
“(bb) ir-rata ta’ taxxa kapitali tista’ titnaqqas b’50 % jew iktar f’każ li kumpannija tal-kapital li tinsab fil-proċess li tiġi ffurmata jew li diġà teżisti takkwista ishma li jirrappreżentaw mill-inqas 75 % tal-kapital ta’ ishma maħruġin ta’ kumpannija tal-kapital oħra[…].” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
14. Din id-dispożizzjoni tkompli billi timponi ċerti kundizzjonijiet relattivi għall-mod kif għandu jsir l-akkwist sabiex dak it-tnaqqis ikun applikabbli.
Direttiva tal-Kunsill 73/80/EEC (6)
15. Mill-1 ta’ Jannar 1976, id-Direttiva 73/80/KEE naqqset ir-rati ta’ taxxa kapitali komuni sabiex tnaqqas l-ostakli għall-iżviluppar u t-tħaddim ta’ suq komuni għall-kapital. (7) Ir-rata ta’ taxxa kapitali msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 69/335 kellha tkun ta’ 1 %, (8) b’rati mnaqqsa ta’ bejn 0 % u 0,5 % għall-operazzjonijiet ta’ “rikostruzzjoni” li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(1)(b) u (bb). (9)
Direttiva 85/303
16. Id-Direttiva 85/303 daħħlet emendi ulterjuri sostanzjali għad-Direttiva 69/335.
17. Skond il-preambolu tagħha, id-Direttiva 85/303 tfittex li tnaqqas l-impatt ekonomiku negattiv tat-taxxa kapitali fir-ragruppament u l-iżvilupp ta’ impriżi f’kuntest ekonomiku diffiċli.
18. It-tielet premessa tgħid li l-aħjar soluzzjoni sabiex jintlaħaq dan il-għan tkun li titneħħa t-taxxa kapitali. Madankollu, dik is-soluzzjoni kienet inaċċettabbli għal xi Stati Membri minħabba t-telf ta’ dħul mit-taxxi li jirriżulta. L-Istati Membri għalhekk ingħataw l-opportunità li jeżentaw minn jew jissuġġettaw għat-taxxa kapitali l-operazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 69/335 jew parti minnhom. Madankollu, kienu obbligati jeżentaw operazzjonijiet li fl-1 ta’ Lulju 1984 kienu jew eżenti minn jew suġġetti għar-rata mnaqqsa ta’ taxxa kapitali.
19. Il-ħames premessa tispjega li peress li, fl-1 ta’ Lulju 1984, l-ebda taxxa kapitali ma kienet teżisti fil-Greċja, kellhom isiru provvedimenti sabiex ikun hemm il-possibbiltà li din it-taxxa tiġi introdotta fil-Greċja u li xi operazzjonijiet jiġu eżentati minnu.
20. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, id-Direttiva 85/303 emendat id-Direttiva 69/335 kif ġej.
21. Il-frażi introduttorja ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 69/335 issa tgħid:
“2. Is-segwenti transazzjonijiet jistgħu, sakemm kienu ġew intaxxati bir-rata ta’ 1 % sa l-1 ta’ Lulju 1984, jissoktaw ikunu bla ħsara [suġġetti] għad-dazju kapitali:” (10)
22. Is-subparagrafu segwenti ġie miżjud fl-aħħar parti ta’ l-Artikolu 4(2):
“Madankollu, ir-Repubblika Ellenika għandha tistabbilixxi liema mit-transazzjonijiet elenkati hawn fuq għandha tissuġġetta għad-dazju kapitali.” (11)
23. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 69/335 issa jgħid:
“1. L-Istati Membri għandhom jeżentaw mid-dazju kapitali transazzjonijiet … li huma sa l-1 ta’ Lulju 1984, eżenti jew intaxxati b’[…]rata ta’ 0,5 % jew inqas.
L-eżenzjoni għandha tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet li kienu applikabbli, f’dik id-data, għall-għoti ta’ l-eżenzjoni jew, skond kif inhu l-każ, għal impożizzjoni ta’ rata ta’ 0,5 % jew inqas.
Ir-Repubblika Ellenika għandha tistabbilixxi liema transazzjonijiet għandha teżenta mid-dazju kapitali.
2. L-Istati Membri jistgħu jew jeżentaw mid-dazju kapitali kull transazzjoni barra dawk li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1, jew iżżomm dazju fuqhom b’rata waħda li ma taqbiżx il-1 %.
[…].” (12)
24. L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 69/335 ġie mħassar.
25. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/303 kien jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet tagħha sa’ l-1 ta’ Jannar 1986.
It-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Portugall mal-Komunitajiet
26. L-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża u l-emendi għat-Trattati (iktar ‘il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”)(13) huwa anness mat-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall mal-KEE u mal-KEEA.(14) L-uniku tibdil magħmul lid-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303 bħala riżultat ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, sar fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 26 tiegħu, li jipprovdi għall-adattament ta’ l-atti Komunitarji elenkati fl-Anness I, kif speċifikati f’dak l-Anness. Id-Direttiva 69/335 hi elenkata fl-Anness I. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303, li jiddefinixxi liema kumpanniji taħt il-liġi nazzjonali għandhom jiġu kkunsidrati bħala “kumpannija ta’ kapital” għall-iskopijiet tad-Direttiva, ġie emendat sabiex jinkludi l-kumpanniji Spanjoli u Portugiżi rilevanti.
27. L-ebda dispożizzjoni oħra fl-Att ta’ Adeżjoni ma tipprovdi għal xi deroga mid-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303, f’dak li jirrigwarda l-Portugall, jew għal skadenza differenti għall-implementazzjoni tagħha, jew b’mod ieħor tirreferi għall-implementazzjoni fil-Portugall tad-Direttiva 69/335.
28. Il-Portugall ingħaqad mal-KEE fl-1 ta’ Jannar 1986: l-istess data bħad-data sa liema l-Istati Membri kienu obbligati jaderixxu ma’ l-emendi introdotti fid-Direttiva 69/335 mid-Direttiva 85/303. (15)
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
29. Fil-Portugall, ir-regoli dwar it-tassazzjoni ta’ kumpanniji kummerċjali kienu jinsabu fil-“Kodiċi tat-Taxxa tal-Boll”, adottat permezz tad-digriet leġiżlattiv Nru 12 700 ta’ l-20 ta’ Novembru 1926 u f’tabella li fiha kienu mniżżlin ir-rati ta’ taxxa tal-boll (iktar ‘il quddiem il-“Tabella Ġenerali tat-Taxxa tal-Boll”), adottata permezz tad-digriet leġiżlattiv Nru 21 916 tat-28 ta’ Novembru 1932.
30. Skond l-Artikolu 145, kif emendat, żieda fil-kapital ta’ kumpanniji kummerċjali kienet suġġetta għal taxxa ta’ 1 % taż-żieda fil-kapital.
31. Id-digriet leġiżlattiv Nru 154/84 tas-16 ta’ Mejju 1984, li daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Mejju 1984, emenda l-Artikolu 145(2) tat-Tabella Ġenerali tat-Taxxa tal-Boll. Bħala konsegwenza, żidiet fil-kapital ta’ kumpanniji kummerċjali, mħallsa jew ikkontribwiti fi flus kontanti, kienu eżenti mit-taxxa tal-boll fil-Portugall. Fl-1 ta’ Lulju 1984 dawn l-operazzjonijiet kienu għaldaqstant operazzjonijiet eżenti. Dik l-eżenzjoni kienet għadha fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1986.
32. Mill-1 ta’ Jannar 2002, id-digriet leġiżlattiv Nru 322-B/2001 (iktar ‘il quddiem id-“digriet leġiżlattiv ta’ l-2001”) emenda t-Tabella Ġenerali tat-Taxxa tal-Boll u reġa’ introduċa tassazzjoni fuq żidiet tal-kapital f’kumpanniji kummerċjali miksuba bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip. Skond il-paragrafu 26 il-ġdid tat-Tabella Ġenerali tat-Taxxa tal-Boll, dawn iż-żidiet tal-kapital kienu ntaxxati b’rata ta’ 0,40 % tal-valur reali ta’ l-assi kkontribwiti jew li kellhom jiġu kkontribwiti mill-azzjonisti.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
33. Optimus – Telecomunicações SA (iktar ‘il quddiem “Optimus”), kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rreġistrata fil-Portugall kif ukoll “kumpannija ta’ kapital” skond id-Direttiva 69/335, żiedet il-kapital tagħha b’EUR 100 000 000, li kollha tħallsu fi flus kontanti. Fit-12 ta’ Novembru 2002, iż-żieda fil-kapital u l-emendi fl-istatut tal-kumpannija ġew irreġistrati b’mod uffiċċjali permezz ta’ att notarili, kif meħtieġ skond il-liġi. Optimus ħallset it-taxxa tal-boll ta’ 0,40 % (EUR 400 000) fuq dak l-ammont skond il-paragrafu 26(3) tat-Tabella Ġenerali tat-Taxxa tal-Boll, kif emendata bid-digriet leġiżlattiv ta’ l-2001.
34. Optimus ikkontestat l-istima ta’ taxxa tal-boll quddiem it-Tribunal administrativo e fiscal de Porto. Hi sostniet li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303, kien jipprojbixxi t-tassazzjoni taż-żieda fil-kapital in kwistjoni peress li, fl-1 ta’ Lulju 1984, żidiet kapitali f’kumpanniji kummerċjali mħallsa fi flus kontanti kienu eżenti mit-taxxa fuq il-boll taħt il-liġi Portugiża.
35. It-Tribunal administrativo e fiscal de Porto ċaħad ir-rikors fuq il-bażi li l-obbligu ta’ moratorju taħt l-Artikolu 7(1) ma kienx japplika għal operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335, iżda biss għal dawk imsemmija fl-Artikoli 4(2) u 8 tagħha.
36. Optimus appellat minn din id-deċiżjoni quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo li ssospenda l-proċedimenti u għamel is-segwenti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“[1] L-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva 69/335], kif emendata mid-[Direttiva 85/303], għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv sabiex jimponi, bħala kundizzjoni għall-obbligu li jimponi fuq l-Istati Membri li jeżentaw ċerti operazzjonijiet li jinvolvu l-ġbir tal-kapital ir-rekwiżit li l-operazzjonijiet in kwistjoni għandhom ikunu dawk li, skond il-kliem tad-Direttiva qabel l-1985, setgħu jiġu eżentati mit-taxxa jew intaxxati b’rata mnaqqsa – jiġifieri dawk biss li huma msemmija fl-Artikoli 4(2) u 8 – u li, barra minn hekk, kienu f’dik is-sitwazzjoni fl-1 ta’ Lulju 1984?
[2] L-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva 69/335], kif emendata mid-[Direttiva 85/303], u l-Artikolu 10 tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu l-impożizzjoni ta’ taxxa tal-boll, skond liġi nazzjonali bħad-digriet leġiżlattiv Nru 322-B/2001 ta’ l-14 ta’ Diċembru 2001, li daħħal il-paragrafu 26 – taxxa kapitali – fit-Tabella Ġenerali tat-Taxxa tal-Boll, fuq kumpannija b’responsabbiltà limitata regolata mil-liġi Portugiża meta l-kapital tagħha jiżdied permezz ta’ ħlas fi flus kontanti, meta, fl-1 ta’ Lulju 1984, dik l-operazzjoni kienet suġġetta għal dik it-taxxa iżda kienet eżenti minnha?”
Evalwazzjoni
L-ewwel domanda
37. Permezz ta’ l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-eżenzjoni obbligatorja fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303, hijiex limitata għal dawk l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 8 ta’ l-istess Direttiva li fl-1 ta’ Lulju 1984 kienu eżenti jew intaxxati b’rata mnaqqsa ta’ 0,5 % jew inqas.
38. Jidher li hu paċifiku li żidiet fil-kapital imħallsa fi flus kontanti (l-operazzjoni li fuqha Optimus kienet obbligata li tħallas u ħallset it-taxxa tal-boll) għandhom jiġu kkunsidrati bħala “żieda fil-kapital ta’ kumpannija ta’ kapital bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip” skond l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335.
Evalwazzjoni
39. Nibda billi ngħid li d-Direttiva 69/335, kif emendata, hi komplikata ħafna. (16) Id-diffikultajiet sabiex tingħata interpretazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 7(1) huma aggravati minn diversi fatturi. Fl-ewwel lok, it-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina mill-Portugall, li ma kienx Stat Membru fiż-żmien meta d-Direttiva 69/335 oriġinali kienet adottata jew meta kienet sussegwentement ġiet emendata. Fit-tieni lok, id-data ta’ l-iskadenza għall-implementazzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ l-emendi introdotti mid-Direttiva 85/303, jiġifieri, l-1 ta’ Jannar 1986, kienet l-istess bħad-data ta’ l-adeżjoni tal-Portugall ma’ dik li dak iż-żmien kienet il-KEE. Fl-aħħar lok, il-portata tad-Direttiva 69/303, kif emendata mid-Direttiva 85/303, hi espressament iddefinita b’riferenza għas-sitwazzjoni legali fir-rigward tat-taxxa kapitali f’data, l-1 ta’ Lulju 1984, meta l-Portugall, li ma kienx Stat Membru, ma kienx marbut bid-dispożizzjonijiet tagħha.
40. Optimus tikkunsidra li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303, għandu jiġi interpretat b’mod wiesgħa bħala li japplika għal operazzjonijiet li jaqgħu kemm taħt l-Artikolu 4(1) kif ukoll taħt l-Artikolu 4(2) tagħha. Għaldaqstant, jipprojbixxi l-impożizzjoni tat-taxxa kapitali fuq operazzjoni bħal dik fil-proċedimenti prinċipali li kienet hi stess eżenti skond il-liġi nazzjonali fl-1 ta’ Lulju 1984.
41. Optimus issostni li wara li l-emendi introdotti mid-Direttiva 85/303 daħlu fis-seħħ, it-tneħħija ta’ taxxi fuq il-kapital ħadet post is-sempliċi armonizzazzjoni fiskali bħala l-għan prinċipali tas-sistema Komunitarja fuq it-taxxa kapitali. L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335/KEE għandu jiġi interpretat b’mod wiesgħa fid-dawl ta’ dak il-għan.
42. Optimus tgħid li żidiet fil-kapital imħallsa fi flus kontanti kienu eżenti mit-taxxa kapitali fil-Portugall fl-1 ta’ Lulju 1984. B’riżultat ta’ hekk, meta ngħaqad mal-KEE, il-Portugall ma kienx intitolat li jintroduċi t-taxxa fuq il-boll fuq dawk l-operazzjonijiet. La t-Trattat ta’ Adeżjoni u lanqas strument ieħor tal-liġi Komunitarja ma jikkonferixxi dritt simili għal dak li tgawdi l-Greċja taħt l-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303, li tippermetti lill-Portugall li jaġixxi b’dan il-mod.
43. Meta jitqies kollox, jiena naqbel ma Optimus li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fin-negattiv.
44. Il-kliem ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303 hu, kif tgħid il-Kummissjoni stess, ċar. Dan jirrikjedi lill-Istati Membri li jeżentaw mit-taxxa kapitali dawk l-operazzjonijiet li fl-1 ta’ Lulju 1984 kienu eżenti jew intaxxati b’rata ta’ 0,5 % jew inqas. Il-kliem huwa tassattiv. Għaldaqstant, skond interpretazzjoni purament litterali, operazzjonijiet li kienu jissoddisfaw dawk il-kundizzjonijiet kellhom, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja, jiġu eżentati mit-taxxa kapitali b’effett mill-iskadenza għall-implementazzjoni ta’ l-emendi introdotti mid-Direttiva 85/303. Din l-iskadenza kienet taqbel mad-data ta’ l-adeżjoni tal-Portugall mal-Komunità.
45. Fejn il-kliem ta’ liġi Komunitarja huwa ċar u mhuwiex espost għal interpretazzjonijiet kontradittorji fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti, interpretazzjoni litterali hi indikazzjoni b’saħħitha tas-sinjifikat korrett tad-dispożizzjoni. F’dan il-każ, il-kliem ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra li eżaminajt ma jvarjax b’mod sinjifikattiv mit-test Ingliż.(17)Prima facie, għalhekk, il-kliem “l-Istati Membri għandhom jeżentaw” fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 (kif emendata) jfissru dak li qed jgħidu.
46. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li interpretazzjoni purament litterali ta’ dispożizzjoni mhijiex adegwata jekk ma taqbilx ma’ l-intenzjoni tal-leġiżlatur. (18) Il-Kummissjoni u l-Portugall jargumentaw li dan huwa l-każ fil- kawża preżenti. Huma jgħidu li l-intenzjoni reali tal-leġiżlatur (jiġifieri, dik li jirrestrinġi l-iskop ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303, għal dawk l-operazzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4(2)) tista tinftiehem biss fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni ta’ l-evoluzzjoni storika tad-Direttiva 69/335. Skond dan l-approċċ “evoluttiv”, l-aħħar verżjoni għandha tiġi interpretata b’riferiment għall-verżjonijiet preċedenti kollha tad-Direttiva 69/335 bl-għarfien tas-sitwazzjoni ta’ fatt li l-applikazzjoni tal-verżjonijiet preċedenti pproduċiet.
47. Għaldaqstant, għandi neżamina jekk l-approċċ issuġġerit mill-Portugall u l-Kummissjoni huwiex rilevanti biżżejjed sabiex jelimina qari litterali ta’ l-Artikolu 7(1). Peress li l-argumenti tagħhom huma simili ħafna, jaqbel illi jiġu evalwati flimkien.
48. Il-Portugall u l-Kummissjoni jevalwaw l-evoluzzjoni tar-reġim Komunitarju tat-taxxa kapitali f’dettall kunsiderevoli. Huma jgħidu li, safejn hu rilevanti, wara l-emendi introdotti mid-Direttivi 73/79 u 73/80 u qabel l-emendi magħmula mid-Direttiva 85/303, is-sitwazzjoni kienet kif ser jingħad:
– Operazzjonijiet imniżżla taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335 kienu suġġetti għat-taxxa kapitali, jew bir-rata ġenerali ta’ 1 % (19), jew b’rata mnaqqsa ta’ 0,5 % għal każijiet partikolari li jikkonċernaw “operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni” (20). Żidiet fil-kapital ta’ kumpannija ta’ kapital imħallsa fi flus kontanti kienu jaqaw f’din il-kategorija.
– Operazzjonijiet imniżżla taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 69/335 setgħu jkunu suġġetti għat-taxxa kapitali, jew bir-rata ġenerali ta’ 1 % jew b’rata iżgħar li tiġi stabbilita mill-Istat Membru. (21)
49. L-emendi introdotti mid-Direttiva 85/303 jippermettu u/jew jeżiġu lill-Istati Membri li jeżentaw numru kbir ta’ operazzjonijiet li preċedentement kienu suġġetti tassattivament għat-taxxa kapitali.
50. L-Artikolu 4(1) għadu jobbliga lill-Istati Membri jissuġġettaw l-operazzjonijiet imniżżla fih għat-taxxa kapitali.
51. Minn naħa l-oħra, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 69/335, kif emendata, ma għadux jirrikjedi lill-Istati Membri jissuġġettaw l-operazzjonijiet kollha mniżżla fih għat-taxxa kapitali. Minflok, l-Istati Membri setgħu, taħt ir-reġim il-ġdid, ikomplu jintaxxaw biss dawk l-operazzjonijiet li kienu għażlu, taħt ir-reġim preċedenti, għal rata ta’ taxxa ta’ 1 %.
52. L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, kif emendata, issa jobbliga lill-Istati Membri li jeżentaw dawk l-operazzjonijiet kollha li, fl-1 ta’ Lulju 1984, kienu jew eżenti jew intaxxati b’rata ta’ 0,5 % jew inqas. Għaldaqstant, skond il-Kummissjoni, il-kliem preżenti ta’ l-Artikolu 7(1) kien intiż biex “jiffriża” s-sitwazzjoni kif kienet f’dik id-data.
53. L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 69/335, kif emendata, jirregola l-operazzjonijiet kollha li mhumiex koperti mill-Artikolu 7(1) u jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jew jeżentaw dawn l-operazzjonijiet mit-taxxa kapitali jew jimponu taxxa fuqhom b’rata unika li ma teċċedix il-1 %.
54. Hawnhekk, l-opinjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Portugall ivarjaw kemmxejn. Il-Kummissjoni tgħid li l-Artikolu 7(2) għandu jiġi interpretat fis-sens li joffri lill-Istati Membri (u lill-Portugall) għażla unika globali fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet kollha mhux koperti mill-Artikolu 7(1): jew biex jeżentawhom għal kollox mit-taxxa kapitali, jew sabiex jintaxxawhom b’rata unika li ma taqbizx il-1 %. Iż-żewġ partijiet iqisu li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 kif emendata ma jirrikjedix lill-Istati Membri li jeżentaw l-operazzjonijiet li kienu obbligati li jissuġġettaw għat-taxxa kapitali bis-saħħa tar-regoli armonizzati applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-emendi introdotti mid-Direttiva 85/303.
55. Għaldaqstant, il-Portugall u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-obbligu ta’ l-eżenzjoni fl-Artikolu 7(1) huwa applikabbli biss għal operazzjonijiet koperti mill-Artikoli 4(2) u 7(4) tad-Direttiva 69/335 (jiġifieri, dawk l-operazzjonijiet li kienu suġġetti għat-taxxa kapitali skond id-diskrezzjoni ta’ l-Istat Membru). Mhuwiex applikabbli għal “żieda fil-kapital ta’ kumpannija ta’ kapital bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip” skond l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335 li kienet suġġetta għal rata ta’ 1 %. Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 85/303, l-Istati Membri qatt ma kienu jgawdu mill-għażla li jeżentaw dawn l-operazzjonijiet jew li jimponu taxxa fuqhom “b’rata ta’ 0,5 % jew inqas”. B’riżultat ta’ hekk, ma jistgħux jiġu eżentati taħt ir-reġim il-ġdid.
56. Id-“deroga Griega” fl-Artikoli 4(2) u 7(1) tad-Direttiva 69/335 kif emendata mid-Direttiva 85/303, tista tiġi spjegata fuq din il-bażi. Qabel l-1 ta’ Lulju 1984, ma kienet jeżisti l-ebda taxxa kapitali fil-Greċja. Fid-Direttiva 85/303, ġie meqjus neċessarju li l-Greċja tingħata l-għażla li tiddetermina liema mill-operazzjonijiet li jinsabu taħt l-Artikolu 4(2) kienu suġġetti għat-taxxa kapitali u liema operazzjonijiet, fost dawk li setgħu jiġu eżentati jew intaxxati b’rata mnaqqsa, kellhom jibqgħu eżenti. Il-Greċja ngħatat għalhekk kompetenza li Stati Membri oħrajn kienu diġà jgawdu minnha taħt id-Direttiva 69/335.
57. Mhux konvint li, fl-applikazzjoni tad-Direttiva 69/335 kif emendata mid-Direttiva 85/303 għal Stat aderenti, l-approċċ ta’ interpretazzjoni (pjuttost ikkumplikat) issuġġerit mil-Portugall u l-Kummissjoni għandu jipprevali fuq interpretazzjoni li hi kemm litterali kif ukoll teleoloġika.
58. Fl-ewwel lok, fid-Direttiva 69/335 stess, jew id-Direttivi suċċessivi li jemendawha, xejn ma jindika li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li l-għan ta’ l-emendi li introduċew dawk id-Direttivi kellhom ikunu ddefiniti b’riferiment għall-verżjonijiet preċedenti tad-Direttivi jew għas-sitwazzjonijiet ta’ fatt li l-applikazzjoni tagħhom kienet ġabet.
59. Fit-tieni lok, kif ġustament targumenta Optimus, l-interpretazzjoni litterali ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 kif emendata mid-Direttiva 85/303 tikkorrispondi ma’ l-għanijiet imfittxa mid-Direttiva 85/303, u mhux tikkontradiċihom. Il-preambolu ta’ dik id-Direttiva jgħid b’mod ċar li l-għan aħħari tagħha huwa dak li tiżgura l-moviment ħieles tal-kapital – idealment bl-abolizzjoni tat-taxxa kapitali. Kif tosserva l-Kummissjoni, dak il-għan ma setgħax jintlaħaq minħabba l-oppożizzjoni (għal raġunijiet ta’ baġit) (22) ta’ xi wħud mill-Istati Membri. Għaldaqstant, id-Direttiva 85/303 ma tabbandunax b’mod totali armonizzazzjoni (iktar stretta) tar-reġim legali tat-taxxa kapitali. Madankollu, l-għan primarju tagħha jibqa’ dak li tnaqqas l-effetti tat-taxxa kapitali fuq il-moviment ħieles tal-kapital safejn huwa possibbli, idealment permezz ta’ l-abolizzjoni tiegħu għal kollox. Għaldaqstant, il-qari litterali ta’ l-iskop ta’ l-obbligu ta’ eżenzjoni fl-Artikolu 7(1) kif emendat jikkorrispondi ma l-għan primarju tad-Direttiva 85/303. (23)
60. Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hi, kif Optimus ġustament tosserva, konformi mal-ġurisprudenza stabbilita li tirrikjedi li tingħata preferenza għal interpretazzjoni li tiffavorixxi t-twettiq tal-libertajiet fundamentali fit-Trattat KE .(24)
61. Jista jagħti l-każ li l-Kummissjoni u l-Portugall għandhom raġun meta jgħidu li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tar-reġim Komunitarju fuq it-taxxa kapitali fi Stati Membri li kienu suġġetti għal dak ir-reġim sa mill-bidu tiegħu u kienu korrettament implementaw id-Direttiva 69/335 u segwew fedelment il-varji emendi sekwenzjali, żidiet fil-kapital imħallsa fi flus kontanti ma setgħux ikunu eżentati jew suġġetti għal rata mnaqqsa f’xi stadju ta’ dik l-evoluzzjoni qabel id-data għall-implementazzjoni tad-Direttiva 85/303 (1 ta’ Jannar 1986).
62. Madankollu, ma jsegwix awtomatikament li l-iskop ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303, huwa neċessarjament ristrett għall-każijiet imniżżla fl-Artikoli 4(2) u 8 tagħha f’kull ċirkustanza u, b’mod partikolari, fejn Stat ta’ adeżjoni huwa kkonċernat.
63. Primarjament, kif tgħid Optimus, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet f’Bautiaa (25) li l-operazzjoni ta’ amalgamazzjoni in kwistjoni f’dik il-kawża “kienet tikkostitwixxi żieda fil-kapital ta’ kumpannija ta’ kapital bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip, skond l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335 fiċ-ċirkustanzi partikolari msemmija fl-Artikolu 7(1)(b), jiġifieri, meta kumpannija ta’ kapital waħda jew aktar jittrasferixxu l-assi u r-responsabbiltajiet kollha tagħhom lil kumpannija ta’ kapital waħda jew iktar li huma fil-proċess li jiġu ffurmati jew li diġà jeżistu.” (26) Minkejja li stabbiliet b’mod ċar li l-operazzjoni in kwistjoni kienet taqa’ taħt l-Artikolu 4(1)(ċ), madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja pprosegwiet billi applikat l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303. (27) Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “b’effet mill-1 ta’ Jannar 1986, iż-żamma ta’ tali taxxa kienet inkompatibbli mad-Direttiva, peress li l-Artikolu 7(1) kif emendat mid-Direttiva 85/303, jipprevedi b’mod ċar l-eżenzjoni tassattiva ta’ kull taxxa kapitali fil-konfront ta’ żidiet fil-kapital magħmula permezz tal-kontribuzzjoni minn kumpannija waħda ta’ l-assi kollha tagħha lil kumpannija oħra.” (28)
64. Dik is-sentenza tikkonferma li rata mnaqqsa ta’ 0,5 % jew inqas setgħet tapplika wkoll taħt ir-reġimi qabel l-1986 għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) u (bb), u li dawn id-dispożizzjonijiet setgħu jkunu applikabbli wkoll in konnessjoni ma operazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1). Isegwi li hemm għallinqas ftit operazzjonijiet li mhumiex koperti mill-Artikoli 4(2) u 8, iżda jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1), u li huma madankollu rregolati mill-Artikolu 7(1).
65. Fit-tieni lok, jiena nqis (fin-nuqqas ta’ xi indikazzjoni ċara jew espressa li tiddisponi l-kuntrarju jew fid-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303, jew fl-Att ta’ Adeżjoni) li r-raġunament issuġġerit mill-Portugall u l-Kummissjoni ma jgħoddx għal Stat Membru ġdid (bħall-Portugall) li jingħaqad mal-Komunitajiet fl-1 ta’ Jannar 1986 jew wara.
66. Qabel ma ngħaqdu mal-Komunità, dawn l-Istati Membri “futuri” kienu (ovvjament) ħielsa li jirregolaw it-taxxa kapitali kif jixtiequ. Setgħu japplikaw kwalunkwe rata li kienet tidhrilhom xierqa għal kwalunkwe kategorija ta’ operazzjonijiet. Setgħu bl-istess mod jeżentaw kwalunkwe kategorija ta’ operazzjonijiet mit-taxxa kapitali. Madankollu, ma’ l-adeżjoni huma ntrabtu bl-acquis Komunitarju skond it-termini stabbiliti fit-Trattat ta’ Adeżjoni tagħhom u l-Att korrispondenti. Id-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303, hi parti minn dan l-acquis. L-unika modifika għal dik id-Direttiva stipulata fl-Att ta’ Adeżjoni tal-Portugall tikkonċerna l-Artikolu 3, li l-kliem tiegħu kien immodifikat sabiex jinkludi fl-iskop tiegħu kumpanniji ta’ kapital Portugizi (u Spanjoli).
67. Kieku n-negozjaturi ta’ l-adeżjoni xtaqu jawtoriżżaw deroga mir-reġim Komunitarju tat-taxxa kapitali fir-rigward tal-Portugall ma l-adeżjoni tiegħu mal-Komunità, jista jiġi preżunt li kienu jipprovdu għal waħda b’mod espliċitu. It-Trattati ta’ Adeżjoni huma miżgħuda b’dispożizzjonijiet li jippermettu lil Stati Membri ġodda jidderogaw fuq bażi temporanja mill-acquis Komunitarju f’oqsma predefiniti. In-negozjaturi ta’ l-adeżjoni setgħu wkoll jiddisponu (kieku kkunsidrawha neċessarja) li l-Portugall jintroduċi taxxi speċifiċi fuq l-operazzjonijiet kollha mhux espressament imsemmija fl-Artikolu 4(2), 7(4) u 8 tad-Direttiva 69/335, b’mod li jissuperaw l-apparenti klawżola ta’ moratorja fl-Artikolu 7(1) favur l-assigurazzjoni ta’ armonizzazzjoni kompleta (għalkemm kontra l-interess ta’ l-għan primarju tad-Direttiva). Iżda ma sar xejn minn dan.
68. Il-klawżola moratorja fl-Artikolu 7(1) hi ċara u tassattiva. L-approċċ evoluttiv tal-Kummissjoni kien jirrikjedi li l-Istat Membru li qed jingħaqad jirrikostruwixxi l-istorja leġiżlattiva preċedenti tad-Direttiva 69/335 kif emendata sekwenzjalment, sabiex jinsab li klassi partikolari ta’ operazzjonijiet eżenti taħt il-liġi nazzjonali fl-1 ta’ Lulju 1984, kienet taqa’ taħt l-Artikolu 4(1)(ċ) u għaldaqstant kellha tkun issuġġettata għat-taxxa kapitali u jinduna li l-kliem (apparentement obbligatorju) ta’ l-Artikolu 7(1) ma kienx applikabbli għal dawk l-operazzjonijiet iżda li, bħala Stat Membru li qed jingħaqad, kien (b’mod kuntrarju) obbligat taħt il-liġi Komunitarja jintroduċi restrizzjoni ġdida fuq il-moviment ħieles tal-kapital bl-impożizzjoni tat-taxxa kapitali fuq dawn l-operazzjonijiet. Jidhirli li ma jkunx xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal din il-konklużjoni dwar l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju. (29)
69. Din l-opinjoni hi msaħħa bl-eżistenza tad-deroga espliċita fil-konfront tal-Greċja fl-Artikolu 7 (u l-Artikolu 4(2)) introdotta fid-Direttiva 69/335, mid-Direttiva 85/303. Ir-raġuni għal din id-deroga kienet li l-Greċja ma kellha ebda taxxa kapitali fis-seħħ f’Lulju ta’ l-1984 u kellha għaldaqstant (sabiex tistabbilixxi ruha tajjeb ma l-istruttura preeżistenti) tingħata l-opportunità li tintroduċi din it-taxxa u li teżenta ċerti operazzjonijiet minnha. L-istess raġuni setgħet tiġi applikata mutatis mutandis, għall-Portugall. Madankollu, it-Trattat ta’ Adeżjoni ma kienx jinkludi deroga simili għall-Portugall. Jidher raġjonevoli li jingħad li ġara hekk għaliex ma kinitx l-intenzjoni li din issir.
70. Jiena għaldaqstant inqis li l-ewwel domanda għandha tiġi mwieġba kif ġej:
Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, u fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika li tistabbilixxi l-kuntrarju fl-Att ta’ Adeżjoni, l-eżenzjoni tassattiva fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303, għandha tiġi interpretata li hija applikabbli mhux biss fil-konfront ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva iżda wkoll fil-konfront ta’ kull operazzjoni oħra suġġetta għat-taxxa kapitali taħt id-Direttiva li, fl-1 ta’ Lulju 1984, kienet eżenti jew intaxxata b’rata ta’ taxxa kapitali ta’ 0,5 % jew inqas fl-Istat Membru kkonċernat.
It-tieni domanda
71. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi jekk it-taxxa tal-boll fuq żidiet tal-kapital introdotta permezz tad-Digriet Leġiżlattiv ta’ l-2001 tmurx kontra l-Artikolu 7(1) u 10 tad-Direttiva 69/335, kif emendata, meta, fl-1 ta’ Lulju 1984, din l-operazzjoni kienet eżenti minn dik it-taxxa fil-Portugall.
Sottomissjonijiet u evalwazzjoni
72. Il-Gvern Portugiż jargumenta li għalkemm fl-1 ta’ Lulju 1984 żidiet fil-kapital f’kumpanniji ta’ kapital imħallsa fi flus kontanti ma kinux suġġetti għat-taxxa tal-boll, dawn l-operazzjonijiet kienu suġġetti għat-tariffi ta’ reġistrazzjoni u dawk notarili, li kienu effettivament ekwivalenti għal taxxi tal-boll. Dawn it-tariffi kienu imposti b’rata rigressiva li tibda minn 1 % għal operazzjonijiet ta’ valur li ma jeċċedux PTE 200 000 (EUR 997,60) u li tinżel għal 0,30 % għal operazzjonijiet li jeċċedu PTE 1 000 000 (EUR 4 987,98).
73. Peress li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (30), it-tariffi ta’ reġistrazzjoni u t-tariffi notarili Portugiżi għandhom jitqiesu bħala taxxi indiretti skond id-Direttiva 69/335, u peress li l-effett kumulattiv tagħom f’dan il-każ irriżulta f’rata ta’ taxxa ogħla minn 0,5 % (jargumenta l-Portugall), żidiet fil-kapital imħallsa fi flus kontanti ma kinux eżenti fil-Portugall fl-1 ta’ Lulju 1984. Għaldaqstant, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, kif emendata, ma jipprojbixxix l-introduzzjoni ta’ taxxa tal-boll (ekwivalenti għat-taxxa kapitali) mill-1 ta’ Jannar 2002.
74. Naqbel mar-raġunament tal-Portugall sa dan il-punt: il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li tariffi notarili u ta’ reġistrazzjoni fil-Portugall huma taxxi skond id-Direttiva 69/335, kif emendata (31). Madankollu, dan ma jfissirx li dawk it-tariffi għandhom jitqabblu mat-taxxa kapitali skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja f’Organon Portuguesa qalet li t-tariffi notarili fil-Portugall kienu jaqgħu taħt l-iskop ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 69/335 (taxxi li mhumiex dazji kapitali), iżda li l-Portugall kien awtorizzat jimponihom għaliex kienu koperti mill-eċċezzjoni għall-Artikolu 10 li tinsab fl-Artikolu 12 (32). Jidhirli għaldaqstant li l-argument tal-Portugall fuq dan il-punt huwa fondamentalment żbaljat. Tariffi ta’ reġistrazzjoni u dawk notarili huma aċċettabbli taħt id-Direttiva 69/335 kemm-il darba huma protetti mill-eżenzjoni skond l-Artikolu 12. Dan ir-reġim (separat) ma jistgħax jintuża sabiex jingħad li peress li kien hemm “taxxa” legalment dovuta fl-1 ta’ Lulju 1984, din it-taxxa għandha tiġi trattata mhux bħala “taxxa oħra” skond l-Artikolu 10, iżda bħala taxxa kapitali skond l-Artikolu 4(1) sabiex tiġi leġittimata (ladarba żewġ komponenti huma miżjuda flimkien) l-impożizzjoni ta’ taxxa tal-boll ġdida fuq żidiet fil-kapital (li fil-verita hi taxxa kapitali) introdotta fl-2002.
75. Anki jekk, quod non, it-tariffi ta’ reġistrazzjoni u dawk notarili kellhom jiġu klassifikati bħala dazji kapitali skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335, ma nistax naqbel mal-Portugall li, fil-proċess ta’ determinazzjoni tar-rata li fiha ż-żidiet fil-kapital kienu ntaxxati fl-1 ta’ Lulju 1984, l-Artikolu 10 jippermetti li l-effett kumulattiv tagħhom jiġu kkunsidrat flimkien. Jekk dan isir, ikun qed jikkontradixxi l-għan prinċipali tad-Direttiva li jiġi mminimiżżat l-impatt tat-taxxa kapitali fuq il-moviment ħieles tal-kapital u jostakola l-effettività tagħha. Jekk it-tariffi notarili u dawk ta’ reġistrazzjoni huma żewġ “taxxi” awtonomi rregolati minn regoli differenti fil-livell nazzjonali – li għandha tistabbilixxi l-qorti nazzjonali – dawn għandhom, fid-dawl ta’ l-għan tad-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303, jitqiesu li huma taxxi indipendenti li r-rati tagħhom ma jistgħux jiġu miżjuda flimkien sabiex jinqabeż l-obbligu ta’ eżenzjoni skond l-Artikolu 7(1).
76. Il-Kummissjoni tiġġustifika l-adozzjoni tat-taxxa kapitali fuq żidiet fil-kapital kif ikkontestat bħala implementazzjoni fit-tard (kważi 16-il sena tard) ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303. Skond dan ir-raġunament, id-data rilevanti sabiex tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni legali interna għall-iskopijiet tad-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303 mhijiex l-1 ta’ Lulju 1984 (kif espliċitament jipprovdi l-Artikolu 7(1) ta’ dik id-Direttiva, iżda l-1 ta’ Jannar 1986 (data li fiha l-Portugall ingħaqad mal-KEE). Kien fl-1 ta’ Jannar 1986 li l-Portugall, bħal Stati Membri oħrajn, kien obbligat mill-Artikolu 7(2) li jagħżel, jew li jeżenta mit-taxxa tal-boll l-operazzjonijiet kollha mhux imsemmija fl-Artikolu 7(1), b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1), jew li jkompli jintaxxahom b’rata unika li ma teċċedix il-1 %. Skond il-Kummissjoni, il-Portugall kien qiegħed jeżerċita dik l-għażla tard bl-adozzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv ta’ l-2001. Għaldaqstant, l-Artikolu 7(1) ma jostakolax l-applikazzjoni ta’ din il-liġi nazzjonali.
77. Mhux konvint mill-interpretazzjoni tal-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika li tgħid il-kontra fl-Att ta’ Adeżjoni (33) id-data rilevanti li fiha r-reġim fiskali Portugiż għandu jiġi kkunsidrat għall-iskopijiet tad-Direttiva 69/335, kif emendata mid-Direttiva 85/303 hija l-1 ta’ Lulju 1984. F’din id-data, żidiet fil-kapital f’kumpanniji ta’ kapital imħallsa fi flus kontanti kienu eżenti mit-taxxa kapitali. L-Artikolu 7(1) kif emendat kien jirrikjedi li jibqgħu eżenti. Fl-1 ta’ Lulju 1984, il-Portugall ma kienx Stat Membru. Kieku xtaq igawdi minn għażla simili għal dik mogħtija lill-Greċja meta d-Direttiva 69/335 kienet emendata mid-Direttiva 85/303, seta’ preżumibbilment jinnegozja kundizzjonijiet b’dak il-għan bħala parti mill-pakkett ta’ adeżjoni meta ngħaqad mal-Komunità. Iżda ma sar xejn minn dan.
78. Anki jekk, quod non, il-Kummissjoni għandha raġun meta tieħu l-1 ta’ Jannar 1986 bħala d-data rilevanti, il-konklużjoni ma tinbidilx. Fl-1 ta’ Jannar 1986, żidiet fil-kapital imħallsa fi flus kontanti kienu eżenti mit-taxxa tal-boll u l-Portugall ma kien adotta l-ebda miżura biex jagħmilhom suġġetti għat-taxxa kapitali skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 69/335, kif emendata. Għaldaqstant, bin-nuqqas ta’ eżerċitar tad-dritt allegat tiegħu taħt din id-dispożizzjoni sa l-iskadenza fid-Direttiva (fl-1 ta’ Jannar 1986), il-Portugall kien, b’mod impliċitu, għażel li ma jissuġġetta l-ebda waħda mill-operazzjonijiet rilevanti għat-taxxa kapitali. Kien tilef dan id-dritt. L-adozzjoni sussegwenti ta’ taxxa kapitali permezz tad-Digriet Leġiżlattiv ta’ l-2001 ma tistgħax tiġi ġġustifikata bħala l-implementazzjoni tardiva minn naħa tal-Portugall ta’ l-Artikolu 7(2).
79. Kif għidt iktar qabel, (34) l-argument tal-Kummissjoni fil-fatt ikun jirrikjedi li l-Istat li qed jingħaqad ikun ħares lejn il-kliem ta’ natura obbligatorja ta’ l-Artikolu 7(1) u li jkun induna – minkejja n-nuqqas komplet ta’ gwida rilevanti fl-Att ta’ Adeżjoni tiegħu – li kien fil-fatt obbligat mhux li “jiffriża” s-sitwazzjoni sa mill-1 ta’ Lulju 1984 (jew, skond il-Kummissjoni, sa mid-data ta’ adeżjoni, fl-1 ta’ Jannar 1986) iżda, b’mod kuntrarju, li kellu jintroduċi restrizzjoni ġdida fuq il-kapital. (35)
80. Dik il-konklużjoni hi msaħħa bi tliet argumenti ulterjuri. Fl-ewwel lok, il-Portugall ikun jibbenifika min-negliġenza tiegħu stess bin-nuqqas li jagħmel deroga fl-Att ta’ Adeżjoni u/jew billi naqas milli jadotta l-implementazzjoni rikjesta sa’ l-1 ta’ Jannar 1986. Fit-tieni lok, li jingħad li l-Portugall hu intitolat li jintroduċi taxxa kapitali 16-il sena wara l-iskadenza għall-implementazzjoni tad-Direttiva jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u jista jmur kontra d-drittijiet ta’ terzi persuni ta’ bona fede li setgħu jippretendu, b’mod leġittimu, fid-dawl ta’ l-għanijiet tad-Direttiva, li wara l-1 ta’ Jannar 1986, is-sitwazzjoni fiskali fil-livell nazzjonali kienet iffriżata. Fit-tielet lok, huwa ċar mill-preambolu tad-Direttiva 69/335 kif emendata mid-Direttiva 85/303, li l-għan primarju huwa t-tneħħija jew, għall-inqas, it-tnaqqis ta’ l-effetti negattivi tat-taxxa kapitali. Introduzzjoni tardiva ta’ taxxa kapitali minn Stat Membru tmur direttament kontra dan il-għan.
81. Jiena għaldaqstant inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb għat-tieni domanda b’dan il-mod:
L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, kif emendat mid-Direttiva 85/303, u l-Artikolu 10 tagħha jipprojbixxu lill-Portugall milli jimponi taxxa fuq il-boll, bis-saħħa ta’ liġi nazzjonali bħad-Digriet Leġiżlattiv ta’ l-2001, fuq kumpannija ta’ kapital għall-iskop ta’ dawk id-Direttivi fejn il-kapital tagħha jkun miżjud permezz ta’ ħlas fi flus kontanti, meta, fl-1 ta’ Lulju 1984, din l-operazzjoni kienet suġġetta għal din it-taxxa iżda kienet eżenti minnu.
Konklużjoni
82. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda tas-Supremo Tribunal Administrativo kif ġej:
(1) Fiċ-ċirkustanzi tal-proċeduri prinċipali, u fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika li tiddisponi bil-kontra fl-Att ta’ Adeżjoni, l-eżenzjoni obbligatorja fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 kif emendata mid-Direttiva 85/303, għandha tiġi interpretata li hija applikabbli mhux biss għall-operazzjonijiet li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva, iżda wkoll fil-konfront ta’ kull operazzjoni oħra suġġetta għat-taxxa kapitali taħt id-Direttiva li, fl-1 ta’ Lulju 1984, kienet eżenti jew intaxxati b’rata ta’ 0,5 % jew inqas ta’ taxxa kapitali fl-Istat Membru kkonċernat.
(2) L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 kif emendata mid-Direttiva 85/303, u l-Artikolu 10 tagħha jipprojbixxu lill-Portugall milli jimponi taxxa fuq il-boll, bis-saħħa ta’ liġi nazzjonali bħad-digriet leġiżlattiv ta’ l-2001, fuq kumpannija ta’ kapital għall-iskopijiet ta’ dawk id-Direttivi meta l-kapital tagħha jkun miżjud, permezz ta’ pagamenti fi flus kontanti, meta, fl-1 ta’ Lulju 1984, dik l-operazzjoni kienet suġġetta għal din it-taxxa iżda kienet eżenti minnu.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Tas-17 ta’ Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU, Edizzjoni Speċjali Ingliża, 1969 (II), p.412).
3 – Ta’ l-10 ta’ Ġunju 1985 li temenda d-Direttiva 69/335/KEE rigward taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU 1985 L 156, p.23).
4 Enfasi miżjuda.
5 – Tad-9 ta’ April 1973 li tvarja l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rata ridotta ta’ taxxa kapitali stipulata fir-rigward ta’ xi operazzjoniiet ta’ ristrutturar ta’ kumpanniji permezz ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU 1973 L 103, p. 13).
6 – Tad-9 ta’ April 1973 li tiffissa rati komuni ta’ taxxa kapitali (ĠU 1973 L 103, p. 15).
7 – Ara l-preambolu.
8 – Artikolu 1.
9 – Artikolu 2.
10 – Artikolu 1(1) tad-Direttiva 85/303.
11 – Ibid.
12 – Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/303.
13 – ĠU 1985 L 302, p. 23.
14 – Ibid., p. 9.
15 – Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/303.
16 – Fl-4 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal ‘riformulazzjoni’ tad-Direttiva 69/335. Dik il-proposta hi ġġustifikata, inter alia, minħabba l-bżonn li tiġi “simplifikata liġi Komunitarja kumplikata ħafna”. Kummissjoni tal-KE, “Proposta għal-Direttiva tal-Kunsill li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital”, COM(2006) 760 finali, p. 2.
17 – Ara l-verżjonijiet bil-Franċiż, Taljan u Ġermaniż
18 – Kawża 118/79 Knauf [1980] ECR 1183, punt 5: “mhuwiex biżżejjed li jinsab li skond interpretazzjoni purament litterali l-kelma ‘esportazzjoni’ tkopri każijiet fejn merkanziji jħallu t-territorju ġeografiku tal-Komunità taħt arranġamenti ta’ pproċessar lejn l-esteru. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll jekk dawn il-każijiet humiex ukoll koperti mill-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju….”
19 – Artikolu 7(1)(a) kif emendat bid-direttiva 73/80.
20 – Artikolu 7(1)(b) u (bb) kif emendat bid-direttivi 73/80 u 73/79.
21 – Artikolu 7(4).
22 – Peress li l-Portugall, fl-1 ta’ Lulju 1984, ma kienx jintaxxa l-operazzjonijiet in kwistjoni, ma kienx ikun jista’ jirreferi għal dawn il-problemi ta’ baġit.
23 – Ara per eżempju s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, C-494/03 Senior Engineering Investments, Ġabra p. I‑525, punt 43, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li d-Direttiva 69/335 tiffavorixxi u tinkoraġġixxi kemm eżenzjonijiet speċifiċi mit-taxxa kapitali (Artikoli 7(1) u (3), 8 u 9) kif ukoll abolizzjoni kompleta (Artikolu 7(2)).
24 – Ara per eżempju s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1983, 218/82, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, Ġabra p. 4063, punt 15; tad-29 ta’ Ġunju 1995, C-135/93 Spanja vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-1651, punt 37.
25 – Sentenza tat-13 ta’ Frar 1996, C-197/94 u C-252/94, Ġabra p. I-505.
26 – Punt 34.
27 – “Jidher għaldaqstant li l-operazzjonijiet tat-tip in kwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt l-iskop tad-Direttiva 69/335, u għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ l-Artikolu 4(1)(ċ) ta’ dik id-Direttiva (żieda fil-kapital bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip), bil-konsegwenzi li jirriżultaw fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tar-rata ta’ taxxa kapitali dovuta taħt l-Artikolu 7(1), kif emendat bid-direttiva 85/303” (punt 38).
28 – Punt 42.
29 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006, C-509/04 Magpar VI BV, Ġabra p. I-0000, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 7(1)(b) u (bb) tad-Direttiva 69/335, punt 39.
30 – Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2001, C-206/99, Ġabra p. I-4679, punt 25: “Fid-dawl ta’ l-għanijiet tad-Direttiva, b’mod partikolari t-tneħħija ta’ taxxi indiretti li għandhom l-istess effett bħat-taxxa kapitali, taxxi ta’ reġistrazzjoni miġbura mill-Istat fil-konfront ta’ tranżazzjoni li taqa’ taħt id-Direttiva, li huma mħallsa lill-Istat sabiex jissussidja n-nefqa pubblika, għandhom jitqiesu bħala taxxi għall-iskop tad-Direttiva (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1999, C-56/98, Modelo, Ġabra p. I‑6427, punt 22).”
31 – Minbarra SONAE, ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, C-193/04 Organon Portuguesa, Ġabra p. I-0000.
32 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1999, C-56/98, Modelo, Ġabra p. I-6427, tal-21 ta’ Settembru, C-19/99 Modelo, Ġabra p. I-7213, punt 23, u Organon Portuguesa.
33 – Ara l-punti 66 u 67 fuq.
34 – Ara l-punt 68 fuq.
35 – Forsi, fil-fatt, iktar minn restrizzjoni waħda: mhuwiex ċar jekk jeżistux ċirkustanzi oħra koperti mill-Artikolu 4(1) li, skond l-argument tal-Kummissjoni kellhom ikunu kkoreġuti bl-introduzzjoni ta’ dazji ġodda. Lanqas ma hu ċar għalija għalfejn, skond l-argument ta’ l-“għażla fundamentali” tal-Kummissjoni, il-Portugall kien neċessarjament obbligat (mill-Artikolu 7(2)) li “jżid” bl-introduzzjoni tad-dazji “neqsin” fuq operazzjoniet li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1). Kien ikun ugwalment loġiku li jkun obbligat li “jnaqqas” u jeżenta tipi oħra ta’ operazzjonijiet ukoll.
Full & Egal Universal Law Academy