KONKLUŻJONIJIET TA’ l-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fit-12 ta’ Lulju 2007 1(1)
Kawża C-393/05
Il-Kummissjoni
vs
L-Awstrija
u
Kawża C‑404/05
Il-Kummissjoni
vs
Il-Ġermanja
“Proċedimenti għal ksur tat-Trattat – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Entitajiet ta’ spezzjoni fil-qasam ta’ prodotti organiċi – Rekwiżit ta’ stabbiliment fl-Istat Membru – Portata ta’ l-armonizzazzjoni – Eżerċizzju ta’ awtorità pubblika – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Protezzjoni tal-konsumaturi”
1. F’dawn il-proċedimenti paralleli taħt l-Artikolu 226 KE, Il-Kummissjoni tissottometti li l-Awstrija u l-Ġermanja naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom sabiex jassiguraw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi peress li jirrikjedu li organizzazzjonijiet privati, approvati fi Stat Membru ieħor sabiex jipprovdu servizzi ta’ spezzjoni fil-qasam tal-biedja organika, għandu jkollhom għall-inqas infrastruttura permanenti fit-territorji rispettivi tagħhom sabiex jipprovdu l-istess servizzi hemmhekk.
2. Dawn il-kawżi jqajmu kwistjonijiet dwar il-portata ta’ l-armonizzazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ dawn l-ispezzjonijiet u l-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni għal restrizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minħabba li s-servizzi involuti jinvolvu l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblikà jew minħabba li r-restrizzjonijiet jinkludu rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi.
Il-liġi Komunitarja
It-Trattat KE
3. L-Artikolu 49 KE jipprojbixxi restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fil-Komunità fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.
4. Skond l-Artikolu 55 KE, l-Artikolu 45 KE japplika għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 49. L-ewwel paragrafu ta’ l- Artikolu 45 jgħid:
“Attivitajiet li fi kwalunkwe Stat, jaqgħu, anke inċidentalment, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, jiġu eżentati mill-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’dan il-Kapitolu sa fejn jirrigwarda dak l-Istat.”
Ir-Regolament Nru 2092/91
5. Ir-Regolament Nru 2092/91(2) jistabbilixxi regoli Komunitarji fuq il-produzzjoni, l-ittikkettar u l-ispezzjoni ta’ prodotti agrikoli u ta’ oġġetti ta’ l-ikel prodotti fuq bażi organika .
6. Il-preambolu jispjega, b’mod partikolari, li għandu jkun hemm qafas ta’ regoli Komunitarji sabiex tiġi protetta l-biedja organika, tiġi assigurata kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi, jingħata profil aktar distintiv lis-suq ta’ prodotti organiċi u titjieb il-kredibilità ta’ dawn il-prodotti f’għajnejn il-konsumaturi(3); li, fl-interess tal-produtturi u tax-xerreja, għandhom jigu stabbiliti prinċipji minimi(4); u li l-operaturi u l-istadji kollha tal-produzzjoni u tal-marketing għandhom ikunu suġġetti għal spezzjonijiet regolari, li jkunu jissodisfaw il-ħtiġijiet Komunitarji minimi u li jsiru minn awtoritajiet ta’ spezzjoni maħtura u/jew minn entitajiet approvati u ssorveljati(5).
7. L-Artikoli 1, 2 u 4 tar-Regolament jelenkaw il-prodotti koperti u l-indikazzjonijiet li jirreferu għall-produzzjoni organika, u jiddefinixxi diversi termini. L-Artikolu 3 jipprovdi li r-Regolament għandu japplika bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarja u bħal ħsara għal dispożizzjonijiet nazzjonali konformi ma’ dan id-dritt. L-Artikolu 5 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex l-ittikkettjar u r-reklamar jirreferu għal metodi ta’ produzzjoni organika, filwaqt li l-Artikolu 6 jistabbilixxi r-regoli ta’ produzzjoni (iddefiniti b’aktar dettall fl-Anness I) li jimplika t-terminu ‘metodu ta’ produzzjoni organika’.
8. L-Artikoli 8 u 9 jikkonċernaw is-sistema ta’ l-ispezzjoni. B’mod partikolari l-Artikolu 9 jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ spezzjonijiet li tkun imħaddma minn xi awtorità nominata, waħda jew aktar, u/jew minn entitajiet privati approvati [...]
[...]
3. Is-sistema ta’ l-ispezzjoni għandha tinkludi mill-anqas l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ prekwazjoni u ta’ spezzjoni speċifikati fl-Anness III.
4. Dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta’ l-ispezzjonijiet li tkun imħaddma minn organizzazzjonijiet privati, l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità responsabbli għall-approvazzjoni u s-sorveljanza ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.
5. Għall-approvazzjoni ta’ organizzazzjoni privata ta’ l-ispezzjonijiet, għandu jitqies dan li ġej:
(a) il-proċedura normali ta’ l-ispezzjonijiet li għandha tintuża, li tkun tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri dwar l-ispezzjonijiet u l-prekwazjonijiet li l-organizzazzjoni tintrabat li timponi fuq l-operaturi li jkunu suġġetti għall-ispezzjoni minnha;
(b) il-penali li l-organizzazzjoni tkun bi ħsiebha timponi meta jinstabu xi irregolaritajiet u/jew ksur tal-liġi;
(c) id-disponabbiltà ta’ riżorsi xierqa f’dak li huma nies kwalifikati, faċilitajiet amministrattivi u tekniċi, esperjenza fl-ispezzjonijiet u kredibilità;
(d) l-oġġettività ta’ l-organizzazzjoni ta’ l-ispezzjonijiet vis-à-vis l-operaturi li jkunu suġġetti għall-ispezzjoni minnha.
6. Wara li organizzazzjoni ta’ l-ispezzjonijiet tkun approvata, l-awtorità kompetenti għandha:
(a) tassigura li l-ispezzjonijiet li jsiru mill-organizzazzjoni ta’ l-ispezzjonijiet ikunu oġġettivi;
(b) tivverifika l-effettività ta’ l-ispezzjonijiet tagħha;
(ċ) tieħu nota ta’ xi irregolaritajiet u/jew ksur tal-liġi li jinstabu u l-penali li jkunu imposti;
(d) tirtira l-approvazzjoni tal-organizzazzjoni ta’ l-ispezzjonijet meta din tonqos milli tħares il-ħtiġiet referuti fi (a) u (b) jew ma tibqax tħares il-kriterji indikati fil-paragrafu 5 jew tonqos milli tħares il-ħtiġiet stabbiliti fil-paragrafi 7, 8, 9 u 11.[…]
7. L-awtorità ta’ l-ispezzjonijiet u l-organizzazzjonijiet approvati ta’ l-ispezzjonijiet referuri fil-paragrafu 1 għandhom:
(a) jassiguraw li mill-anqas il-miżuri dwar l-ispezzjonijiet u l-prekawzjonijiet speċifikati fl-Anness III jkunu applikati għal dawk l-impriżi li jkunu suġġetti għall-ispezzjonijiet minnhom;
[...]
8. Organizzazzjonijiet approvati ta’ l-ispezzjonijiet għandhom:
(a) jagħtu lill-awtorità kompetenti, għall-għan ta’ l-ispezzjonijiet, aċċess għall-uffiċċji u l-faċilitajiet tagħhom, flimkien ma’ xi informazzjoni u għajnuna meqjusa bħala meħtieġa mill-awtorità kompetenti għat-twettiq ta’ l-obbligazzjonijiet tagħha skond dan ir-Regolament;
(b) jibagħtu lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena lista ta’ l-operaturi li jkunu suġġetti għall-ispezzjoni minnhom [...]
9. L-awtorità ta’ l-ispezzjoni u l-organizzazzjonijiet ta’ l-ispezzjoni referuti fil-paragrafu 1 għandhom:
(a) jassiguraw li, meta tinstab xi irregolarità rigward l-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 5 u 6 jew tal-miżuri referuti fl-Anness III, l-indikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 li jirreferu għall-metodu tal-produzzjoni organika jiġu mneħħija […];
(b) meta jinstab li jkun hemm xi nuqqas [manifest] jew nuqqas li jkollu effetti fit-tul, jipprojbixxu lill-operatur ikkonċernat milli jqiegħed fis-suq il-prodotti b’indikazzjonijiet li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika għall-perijodu li jkun miftihem ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru.
[…]
11. Sa mill-1 ta’ Jannar 1998 u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 5 u 6, korpi ta’ spezzjoni approvati għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet imniżżla fil-kondizzjonijiet ta’ l-istandard EN 45011 [(6)].
[…]”
9. L-Artikolu 10 jipprovdi għal indikazzjoni u/jew logo li għandhom jidhru fuq l-ittikkettar tal-prodotti suġġett għal skema ta’ spezzjoni; f’dan ir-rigward l-Artikolu 10(3) jimponi fuq l-awtoritajiet ta’ l-ispezzjonijiet obbligi ta’ infurzar ekwivalenti għal dawk ta’ l-Artikolu 9(9).
10. L-Artikolu 10a, li jikkonċerna miżuri ġenerali ta’ infurzar, jipprovdi li:
“1. Fejn Stat Membru jikxef irregolaritajiet jew ksur tal-liġi li għandu x’jaqsam ma’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi prodott li jkun ġej minn Stat Membru ieħor u [li] jkun iġorr indikazzjonijiet kif irriferiti fl-Artikolu 2 u/jew l-Anness V għandu javża b’dan lill-Istat Membru li jkun ħatar l-awtorità ta’ spezzjoni jew approva l-korp ta’ spezzjoni u lill-Kummissjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura u azzjoni meħtieġa biex [j]ipprevjen[u] l-użu frawdolenti ta’ l-indikazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 2 u/jew l-Anness V.”
11. L-Annex III jistabbilixxi f’ċertu dettall il-ħtiġijiet minimi għall-ispezzjonijiiet u l-miżuri ta’ prekawzjoni skond l-iskema ta’ l-ispezzjonijiet mxemmija fl-Artikolus 8 u 9. L-Anness V jelenka l-indikazzjonijiet u l-logos li jistgħu jintużaw fl-ittikkettar, f’lingwi differenti.
12. Skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament, kemm l-Awstrija u kemm il-Ġermanja għażlu li jwaqqfu sistema ta’ spezzjoni mħaddma minn entitajiet privati.
Il-liġi Awstrijaka
13. Fil-preżent m’hemm l-ebda rekwiżit fil-liġi li entitajiet privati ta’ spezzjoni jridu jkunu stabbilit fl-Awstrija sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom hemmhekk. Hemm qbil iżda li, sabiex dawn l-entitajiet privati jkunu approvati, l-awtoritajiet Awstrijaċi jirrikjedu għall-anqas il-preżenza ta’ fergħa bl-impjegati u bil-faċilitajiet amministrattivi u tekniċi meħtieġa(7).
14. B’risposta għal domandi bil-miktub mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Awstrija spjegat li l-Gvernaturi tal-Länder differenti huma l-awtoritajiet kompetenti għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament. Il-Gvernaturi huma responsabbli sabiex jilqgħu jew jiċħdu applikazzjonijiet għal approvazzjoni minn entitajiet privati ta’ spezzjoni potenzjali, sabiex jassiguraw li l-proċeduri ta’ rappurtaġġ ikunu segwiti u sabiex jissorveljaw l-attivitajiet ta’ entitajiet ta’ spezzjoni approvati. Huma għandhom ukoll is-setgħa li jirtiraw approvazzjoni.
15. Entitajiet privati ta’ spezzjoni approvati m’għandhomx huma nfushom is-setgħa li jimponu jew jinfurzaw penali. Huma sempliċement jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Gvernaturi tal-Länder. Madankollu, huma jistgħu jagħtu ċerti derogi individwali previsti fir-Regolament (dejjem taħt is-superviżjoni tal-Gvernaturi tal-Länder).
Il-liġi Ġermaniża
16. Fis-sistema Federali fil-Ġermanja, l-implementazzjoni tar-Regolament hija f’idejn il-Länder individwali. Fl-1994 kumitat ta’ ħidma ad hoc (Arbeitsgemeinschaft) imwaqqaf mil-Länder ħejja lista ta’ linji gwida sabiex tiġi promossa l-applikazzjoni uniformi tas-sistema ta’ spezzjoni. Għalkemm il-linji gwida kienu intiżi bħala rakkomandazzjonijiet, il-Länder biddluhom parzjalment f’dispożizzjonijiet amministrattivi vinkolanti(8).
17. Il-punti 1 u 2 tal-linji gwida għamlu lill-awtoritajiet kompetenti tad-diversi Länder responsabbli għall-approvazzjoni u għas-superviżjoni ta’ entitajiet privati li jwettqu l-proċedura ta’ spezzjoni taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament.
18. Il-punt 2.1 jgħid:(9)
“[…] Entità ta’ spezzjoni tista’ tiġi awtorizzata biss jekk ikollha post tan-negozju fl-UE. Entità ta’ spezzjoni li m’għandhiex stabbiliment domestiku tista’ tapplika għal awtorizzazzjoni biss jekk tkun ħatret rappreżentant residenti fil-[Gemanja] […]
Id-delega [ta’ awtorità] lil entitajiet ta’ spezzjoni hija possibbli […]”
19. Fl-10 ta’ Lulju 2002, il-Ġermanja adottat il-Liġi dwar il-Biedja Organika(10) (aktar ’il quddiem l-“ÖLG”) sabiex timplementa, inter alia, ir-Regolament Nru 2092/91. Skond il-paragrafu 15 ta’ l-ÖLG, ċerti dispożizzjonijiet daħlu fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni, jiġifieri fis-16 ta’ Lulju 2002, u l-kumplament fl-1 ta’ April 2003.
20. Mid-dispożizzjonijiet li għalhekk kienu fis-seħħ fiż-żmien rilevanti għal din il-kawża(11), il-pargrafu 2(3) ta s-setgħa lil-Länder sabiex jiddelegaw, kompletament jew parzjalment, is-superviżjoni ta’ l-osservanza tar-Regolament mill-prodotturi u mill-opertaturi lil entitajiet ta’ spezzjoni jew lil persuni oħra, naturali jew persuni legali stabbiliti taħt id-dritt privat, jew sabiex jassenjawlhom rwol kooperattiv (parteċipattiv) f’dawn id-dmirijiet.
21. Mill-kumplament, għandu jiġi nnutat li skond il-paragrafu 3(1), meta l-Länder ma jkunux iddelegaw is-superviżjoni, entatajiet ta’ spezzjoni għandhom iwettqu l-ispezzjoni prevista fir-Regolament “safejn l-eżekuzzjoni tad-dmirijiet ma tinvolvix l-eżerċizzju ta’ proċedura amministrattiva”, u li l-paragrafu 4(1)(4) jagħmel aktar espress u rigoruż l-effett tal-linji gwida preċedenti billi jirrikjedi post tan-negozju fil-Ġermanja bħala waħda mill-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ entità ta’ spezzjoni.
Kawża C-393/05
22. Fl-1999, il-Kummissjoni rċeviet ilment minn entità privata ta’ spezzjoni stabbilita u approvata fil-Ġermanja. Jidher li din l-entità kienet oriġinarjament ġiet approvata sabiex tipprovdi servizzi fl-Awstrija iżda din l-approvazzjoni kienet ġiet irtirata peress li ma kellha ebda post tan-negozju hemmhekk.
23. Wara żewġ talbiet għal informazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet lill-Awstrija ittra ta’ intimazzjoni formali, bid-data tat-8 ta’ Novembru 2000, fejn spjegat il-fehma tagħha li r-rekwiżit li entità ta’ spezzjoni privata bbażata u approvata fi Stat Membru ieħor għandu jkollha post tan-negozju jew stabbiliment fl-Awstrija sabiex twettaq spezzjonijiet hemmhekk jikser l-Artikolu 49 KE. L-Awstrija wieġbet b’ittra tal-25 ta’ April 2001. Fis-16 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata.
24. Wara li kkunsidrat ir-risposta ta’ l-Awstrija tat-23 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni ressqet din il-kawża fl-4 ta’ November 2005 fejn qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, “billi tirrikjedi li entitajiet privati ta’ spezzjoni fil-qasam tal-biedja organika li jinsabu u huma approvati fi Stat Membru għandu jkollhom post tan-negozju jew stabbiliment permanenti ieħor fl-Awstrija sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom hemmhekk, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 KE”, u tordna lill-Awstrija tbati l-ispejjeż.
25. Inizjalment, l-Awstrija talbet seduta iżda wara irtirat din it-talba. Għalhekk, ma nżammet l-ebda seduta.
Kawża C-404/05
26. B’ittra ta’ intimazzjoni tat-8 ta’ Novembru 2000, il-Kummissjoni informat lill-Ġermanja bil-fehma tagħha li r-rekwiżit li entità privata ta’ spezzjoni bbażata u approvata fi Stat Membru ieħor għandu jkollha post ta’ negozju jew stabbiliment fil-Ġermanja sabiex twettaq spezzjonijiet hemmhekk jikser l-Artikolu 49 KE. Il-Ġermanja wieġbet b’ittra tad-19 ta’ Frar 2001. Il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fis-16 ta’ Ottubru 2002.
27. Wara li kkunsidrat ir-risposta tal-Ġermanja tat-13 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni ressqet din il-kawża fis-17 ta’ Novembru 2005, fejn qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel dikjarazzjoni, fil-konfront tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-istess termini bħad-dikjarazzjoni mitluba fil-konfront ta’ l-Awstrija, u tordna lill-Ġermanja tbati l-ispejjeż.
28. L-ebda seduta ma ntalbet u l-ebda seduta ma nżammet.
Analiżi
29. Huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Awstrija u fil-Ġermanja fil-fatt ifixklu l-provvista ta’ servizzi taħt ir-Regolament minn entitajiet ta’ spezzjoni stabbiliti u approvati fi Stati Membri oħrajn iżda li m’għandhomx stabbiliment fl-Awstrija jew fil-Ġermanja, skond il-każ. Il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit li tali entità jkollha stabbiliment fl-Istat Membru ospitantit jċaħħadha mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi skond l-Artikolu 49 KE.
30. Kwistjoni preliminari tikkonċerna l-livell ta’ armonizzazzjoni milħuq bir-Regolament. Il-Ġermanja targumenta li r-Regolament jarmonizza b’mod eżawrjenti l-iskema ta’ spezzjoni li huwa jistabbilixxi, b’tali mod li l-libertajiet fundamentali tat-Trattat m’għadhomx il-kejl li fid-dawl tagħhom trid tiġi mistħarrġa l-legalità tal-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru. L-Awstrija, għall-kuntrarju, tikkunsidra li r-Regolament ma jarmonizzax l-aspetti kollha ta’ l-approvazzjoni u s-superviżjoni ta’ entitajiet privati ta’ spezzjoni, b’tali mod li kemm id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u kemm il-ġustifikazzjonijiet għal derogi minn dawn id-dispożizzjonijiiet għandhom japplikaw għall-aspetti li mhumiex armonizzati.
31. Sussegwentement, l-Awstrija u l-Ġermanja jressqu, essenzjalment, żewġ eċċezzjonijiet.
32. Fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-attività ta’ entitajiet privati ta’ spezzjoni tirrikjedi eżerċizzju ta’ awtorità pubblika fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE.
33. Fit-tieni lok, (u fil-każ tal-Ġermanja, alternattivament), huma jinvokaw raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali(12) sabiex jiġġustifikaw ir-rekwiżit li entità ta’ spezzjoni li topera fit-territorju tagħhom għandha tkun stabbilita hemmhekk ukoll.
Il-portata ta’ l-armonizzazzjoni milħuqa mir-Regolament
34. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta leġiżlazzjoni Komunitarja tirregola, b’mod eżawrjenti, attivitajiet b’mod armonizzat, id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dik il-leġiżlazzjoni aktar milli fid-dawl ta’ l-artikoli tat-Trattat(13).
35. Ir-raġunament wara dan il-prinċipju huwa bbażat fuq il-preżunzjoni (raġonevoli) li l-Kunsill, meta jintroduċi armonizzazzjoni totali f’qasam partikolari, ikun għamel dan b’mod kompatibbli mal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat. Għal din ir-raġuni, peress li armonizzazzjoni totali tkun diġà nkisbet, il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dawn il-każijiet għandha tiġi evalwata b’referenza għar-regolament li jarmonizza, aktar milli b’referenza għat-Trattat stess.
36. Min-naħa l-oħra, filwaqt r-regolazzjoni ta’ l-oqsma esklużi mill-armonizzazzjoni Komunitarja tibqa’ fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri, meta jirregolaw dawn l-oqsma l-Istati Membri għandhom iħarsu l-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat(14). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat dan il-prinċipju għal sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni Komutarja tarmonizza ċerti aspetti tal-proċeduri ta’ spezzjoni iżda mhux il-post ta’ stabbiliment ta’ entitajiet ta’ spezzjoni, fejn iddeċidiet li huwa kuntrarju għall-Artikolu 49 KE li Stat Membru jirrikjedi li impriża għandha tkun stabbilita fit-territorju tiegħu sabiex tkun appprovata bħala entità ta’ spezzjoni(15).
37. Fil-każ preżenti, fil-fehma tiegħi, jidher ċar li l-armonizzazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ spezzjoni mhijiex sħiħa(16).
38. L-użu tat-termini ‘minimi’ u ‘qafas’ fil-preambolu diġà jindika li m’hemmx armonizzazzjoni eżawrjenti. Bl-istess mod, l-Artikoli 9(3) u (7)(a) jirreferu għall-assigurazzjoni li ‘mill-anqas’ jiġu applikati l-miżuri ta’ spezzjoni u ta’ prekawzjoni speċifikati fl-Anness III.
39. B’mod aktar sinjifikattiv, iżda, l-Artikolu 3 jipprovdi espressament li r-Regolament japplika “mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità jew dispożizzjonijiet nazzjonali, f’konformità mal-liġi tal-Komunità”, dwar is-suġġett tiegħu.
40. Ir-Regolament ma jgħid xejn dwar il-provvista ta’ servizzi fi Stat Membru wieħed minn entità privata stabbilita u approvata fi Stat Membru ieħor. Insibha diffiċli sabiex ninterpreta l-Artikolu 3 fis-sens li jeskludi dawn is-servizzi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ l-Awstrija u tal-Ġermnja li entitajiet ta’ spezzjoni għandu jkollhom ukoll stabbiliment ta’ negozju fit-territorji nazzjonali rispettivi tagħhom għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi evalwat fid-dawl ta’ dan l-artikolu u ta’ kwalunkwe ġustifikazzjonijiet għal derogi minn dan l-artikolu li jirriżultaw mit-Trattat jew mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-problema mqajma mir-Regolament
41. Minħabba li prestazzjoni transfruntaliera ta’ servizzi mhijiex koperta mir-Regolament, jista’ jkun ta’ għajnuna f’dan l-istadju li tiġi eżaminata l-pożizzjoni legali.
42. Ir-Regolament Nru 2092/91 jistabbilixxi ċerti rekwiżiti minimi għal prodotti li għandhom indikazzjoni jew logo Komunitarju li jiċċertifika metodi ta’ produzzjoni organika. Dan ir-regolament jobbliga lill-Istati Membri sabiex iwaqqfu sistema li tissorvelja l-produzzjoni u l-ittikkettar ta’ dawn il-prodotti. Fuq għażla ta’ l-Istat Membru, din is-sistema tista’ titħalla f’idejn awtorità jew awtoritajiet ta’ spezzjoni ta’ l-Istat u/jew f’idejn entitajiet privati ta’ spezzjoni approvati u ssorveljati minn awtorità Statali. Is-sistema ta’ spezzjoni għandha hija stess tassigura l-applikazzjoni ta’ ċerti miżuri minimi.
43. Meta Stati Membri jagħżlu li jħallu l-ispezzjoni esklużivament f’idejn awtorità jew awtoritajiet Statali, ma jqumux kwistjonijiet ta’ provvista transfruntaliera ta’ servizzi. Bis-saħħa tad-deċiżjoni meħuda, entitajiet privati ma jkunux kompetenti sabiex jagħmlu spezzjonijiet f’dawn l-Istati Membri, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u mill-post jew postijiet ta’ stabbiliment tagħhom. L-awtoritajiet ta’ l-Istat stess, min-natura tagħhom, mhumiex kompetenti sabiex jagħmlu spezzjonijiet barra mit-territorju tagħhom.
44. Ir-Regolament ma jistabbilixxi ebda regoli u ma jagħti ebda għajnuna fil-każ fejn entitajiet privati ta’ spezzjoni approvati fi Stat Membru jkunu jixtiequ joffru s-servizzi tagħhom fi Stat Membru ieħor li jkun għażel li jagħti r-responsabbiltà ta’ spezzjoni lil dawn l-entitajiet. Fil-prinċipju, dawn l-entitajiet għandu madankollu jkollhom id-dritt li joffru dawn is-servizzi, skond l-Artikolu 49 KE u suġġett għal kull limitazzjoni fuq dan id-dritt li hija awtorizzata mit-Trattat jew mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
45. Madankollu, iqumu problemi prattiċi, u wieħed jista’ jifhem li Stat Membru jfittex li jindirizzhom.
46. Entitajiet ta’ spezzjoni approvati għandhom, inter alia, jagħtu lill-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti aċċess għall-uffiċċji u l-faċilitajiet tagħhom (Artikolu 9(8) tar-Regolament). L-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti għandha, inter alia, tassigura li l-ispezzjonijiet isiru b’mod oġġettiv u jivverifikaw l-effettività tagħhom (Artikolu 9(6)).
47. L-osservanza ta’ dawn l-obbligi tqajjem kwistjonijiet jekk l-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti u l-entità ta’ spezzjoni jkunu fi Stati Membri differenti. Tista’ awtorità ta’ sorveljanza kompetenti tivverifika fit-territorju tagħha stess l-ispezzjonijiet li jsiru minn entità approvata mill-awtorità ta’ Stat Membru ieħor? Tista’ tali awtorità titlob aċċess għall-uffiċċji u l-faċilitajiet ta’ entità ta’ spezzjoni fi Stat Membru ieħor, jew fejn hija stess tkun approvat l-entità jew fejn l-entità hija approvata fl-Istat Membru l-ieħor? Tista’ tali awtorità tivverifika l-ispezzjonijiet li jkunu saru fi Stat Membru ieħor minn entità li hija stess tkun approvat? Hemm periklu li entità ta’ spezzjoni tevadi superviżjoni fir-rigward ta’ servizzi li hija tipprovdi fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn tkun ġiet approvata?
48. L-Awstrija u l-Ġermanja, li t-tnejn li huma għażlu sistema ta’ spezzjoni li ssir minn entitajiet privati approvati, solvew dawn il-kwistjonijiet billi jirrikjedu stabbiliment permanenti (jew, fil-każ tal-Ġermanja – għall-inqas skond il-linji gwida – rappreżentazzjoni, li tista’ tiġi mxebbha ma’ stabbiliment(17)) fit-territorju tagħhom bħala prerekwiżit sabiex tingħata approvazzjoni għall-provvista ta’ servizzi ta’ spezzjoni hemmhekk.
49. Madankollu, jidher li huwa wkoll possibbli (u proprozjonat) li kull diffikultà tiġi solvuta permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri. Mhuwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippreskrivi l-mezzi in kwistjoni – dak huwa r-rwol tal-leġiżlatur Komunitarju – iżda waqt il-fażi prekontenzjuża ta’ dawn il-kawżi, il-Kummissjoni pproponiet proċedura ta’ awtorizzazzjoni possibbli għal dan l-iskop(18).
50. Rekwiżit ġenerali tat-tip infurzat mill-Awstrija u l-Ġermanja jidher għalhekk li jmur kontra l-Artikolu 49 KE, sakemm ma jkunx iġġustifikat fuq raġunijiet permissibbli. Żewġ raġunijiet tressqu mill-Awstrija u l-Ġermanja.
L-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika
51. Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 45 KE (moqri flimkien ma’ l-Artikolu 55 KE), l-Artikolu 49 KE ma japplikax għal attivitajiet li jaqgħu, anki inċidentalment, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika fi Stat Membru partikolari.
52. Bħala deroga minn libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, l-Artikolu 45 KE għandu jingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tiegħu għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu mħarsa l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni(19). Għalhekk, dan l-artikolu jkopri biss attivitajiet li fihom infushom huma marbuta direttament u speċifikament ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika(20). Dan jeskludi funzjonijiet li huma sempliċement awżiljari u preparatorji vis-à-vis l-entità li teżerċita awtorità pubblika billi tieħu d-deċiżjoni finali(21). Il-kriterju li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika sabiex tiddetermina jekk attività tikkostitwixxix l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika taħt l-Artikolu 45 huwa jekk deċiżjonijiet ta’ persuna jew ta’ entità li twettaq din l-attività humiex obbligatorji(22).
53. Fil-każijiet preżenti, entitajiet privati approvati huma suġġetti għas-superviżjoni u l-kontroll ta’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tagħhom. L-entitajiet privati stess iwettqu l-ispezzjonijiet neċessarji taħt ir-Regolament. Huma jistgħu japplikaw penali, inklużi dawk elenkati taħt l-Artikoli 9(9) u 10(3), għal ksur mill-operaturi. Kif irrilevat il-Ġermanja, huma jistgħu anki jagħtu ċerti derogi.
54. Madankollu, is-sistema implementata bir-Regolament hija waħda fejn, essenzjalment, l-entitajiet ta’ spezzjoni jħaddmu sistema ta’ ċertifikazzjoni ta’ prodotti taħt is-superviżjoni ta’ l-awtorità kompetenti(23). Fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 45 KE, id-dmirijiet imwettqa mill-kummissarji ta’ l-assigurazzjoni f’Thijssen jistgħu jittieħdu bħala eżempju parallel utli għal dawn il-każijiet(24). F’dik il-kawża, il-kummissarji kienu approvati u ssorveljati mill-Ispettorat ta’ Assigurazzjoni Belġjan, entità pubblika. Impriża ta’ l-assigurazzjoni kienet obbligata taħtar kummissarju approvat, li kellu jipprovdi lill-Ispettorat b’rapport fuq l-impriża u jinformaha bi ksur u b’kull ħaġa oħra li tista’ tagħmel ħsara lill-pożizzjoni finanzjarja ta’ l-impriża. Il-kummissarju kellu s-setgħa li jissospendi, sa tmien ġranet, l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni li tista’ tikkostitwixxi ksur(25).
55. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dmirijiet tal-kummissarji kienu awżiljari u preparatorji għall-funzjonijiet ta’ l-Ispettorat, li kien jieħu d-deċiżjonijiet finali. Għalhekk, huma ma kellhomx konnessjoni diretta u speċifika ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika. Dan japplika wkoll għas-setgħa ta’ veto temporanju, peress li d-deċiżjoni finali kienet tittieħed mill-Ispettorat, li ma kienx marbut mal-veto tal-kummissarju(26).
56. Bl-istess mod, ir-Regolament fih innifsu ma jindikax u ma jimplikax li l-funzjonijiet imwettqa minn entitajiet privati ta’ spezzjoni jinvolvu l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika kif mifhuma mill-Qorti tal-Ġustizzja.
57. Xi ngħidu dwar il-mod kif, fil-prattika, ir-Regolament ġie implementat fil-Ġermanja u fl-Awstrija?
58. Jidher li l-prattika fil-Ġermanja tvarja skond il-Länder. Xi Länder għażlu li jiddelegaw setgħat lil entitajiet privati ta’ spezzjoni jew jassenjawlhom rwol parteċipattiv. F’oħrajn, entitajiet privati ta’ spezzjoni joperaw esklużivament taħt id-dritt nazzjonali. Fil-każijiet kollha, iżda, l-entitajiet ta’ spezzjoni huma suġġetti għall-awtorità kompetenti rilevanti.
59. Il-kompetenza ta’ l-entitajiet ta’ spezzjoni li jimponu penali tvarja konsiderevolment fost il-Länder. Xi wħud jistgħu jimponu, jew waħedhom jew b’kooperazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti, uħud jew il-miżuri kollha previsti fl-Artikolu 9(9) u l-Artikolu 10(3) tar-Regolament. F’każijiet oħra dawn il-miżuri huma imposti mill-awtoritajiet tal-Länder. Fejn ġiet iddelegata l-awtorità, dawn il-kompetenzi huma amministrattivi. Dawn il-miżuri iżda jistgħu jkunu previsti wkoll fil-kuntratt bejn l-entitajiet ta’ spezzoni u l-produtturi, u għalhekk jaqgħu taħt il-liġi privata (ċivili). Is-setgħa li jiġu infurzati penali (kif ukoll li jiġu ppenalizzati ċerti ksur) hija, b’xi eċċezzjonijiet, irriżervata għall-awtoritajiet kompetenti.
60. Il-pożizzjoni fl-Awstrija hija aktar ċara. Huma l-Gvernaturi tal-Länder li jissorveljaw l-entitajiet privati ta’ spezzjoni u, filwaqt li jimxu fuq il-parir (li ma jorbotx) tagħhom, jippenalizzaw ksur.
61. L-aktar viċin li l-entitajiet privati ta’ spezzjoni approvati jersqu għat-twettiq ta’ att uffiċjali huwa meta joħorġu ċertifikati. Fil-fehma tiegħi, din l-attività ma tikkostitwixxix l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 45 KE(27).
62. Barra minn dan, mhemm xejn fil-kawżi preżenti li jissuġġerixxi li restrizzjoni totali fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi privati ta’ spezzjoni transfruntalieri lil Stat Membru ospitanti li jkun għażel li jippermetti li dawn is-servizzi ta’ spezzjoni jsiru minn entitajiet privati approvati stabbiliti fit-territorju tagħha hija ‘strettament neċessarja’ għall-ħarsien ta’ l-interessi ta’ l-Istati Membri kkonċernati(28).
63. Ir-Regolament ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jiddelegaw setgħat amministrativi lil entitajiet ta’ spezzjoni; u għalhekk l-Awstrija u l-Ġermanja huma ovvjament ħielsa li jagħmlu hekk. Madankollu, huma m’għandhomx b’hekk jillimitaw il-libertajiet fundamentali.
64. L-Awstrija tibbaża ħafna fuq Van Schaik(29) (li kienet tikkonċerna l-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ eżami għal karozzi). L-Avukat Ġenerali Jacobs qies li din l-attività ma kinitx marbuta ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika(30). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “r-rikonoxximent mill-Istat Olandiż […] lil garaxxijiet stabbiliti fi Stati Membri oħra jinvolvi l-estensjoni barra mit-territorju nazzjonali ta’ drittijiet u setgħat li huma parti mill-eżerċizzju ta’ awtorità Statali u, għalhekk, ma jaqax taħt l-ambitu ta’ l-Artikolu [49] tat-Trattat.”(31)
65. Madankollu, mhuwiex ċar jekk l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika li tirreferi għalih il-Qorti tal-Ġustizzja kienx ir-rikonoxximent mill-Olanda ta’ garaxxijiet fi Stati Membri oħra, jew l-attività speċifika ta’ ċertifikazzjoni tal-karozzi. Jekk dan ta’ l-aħħar huwa l-każ, huma sorprendenti li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tat l-ebda motivazzjoni għall-konstatazzjoni tagħha (u lanqas ma semmiet dak li llum huwa l-Artikolu 45 KE) fid-dawl, l-ewwel nett, tal-ġurisprudenza tagħha stess li tillimita l-portata ta’ din id-deroga u, it-tieni nett, tal-fehma kuntrarja espressa mill-Avukat Ġenerali. Fil-fehma tiegħi, Van Schaik għalhekk mhijiex ta’ għajnuna fis-soluzzjoni ta’ dawn il-kawżi.
66. Nikkonkludi li l-attivitajiet ta’ entitajiet privati ta’ spezzjoni approvati ma jikkostitwixxux l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika fis-sens ta’ l-Artikolu 45 KE.
Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali
67. Bħala alternattiva għad-deroga ta’ l-Artikolu 45, iż-żewġ Stati Membri jinvokaw il-protezzjoni tal-konsumaturi bħala interess imperattiv. Huma jqisu li r-rekwiżit li entità privata ta’ spezzjoni tkun stabbilita fit-territorju nazzjonali huwa proporzjonat għal dan il-għan, peress li huwa meħtieġ sabiex jassigura l-oġġettività u livell għoli ta’ superviżjoni. Id-dmirijiet ta’ awtorità ta’ sorveljanza kompetenti taħt l-Artikolu 9(6) tar-Regolament huma kontinwi. Dawn id-dmirijiet jistgħu jitwettqu b’mod effettiv biss jekk l-entitajiet ta’ spezzjoni jkunu jinsabu fl-istess pajjiż bħal dak ta’ l-awtorità kompetenti. Il-proċedura taħt l-Artikolu 10a fejn Stati Membri oħra u l-Kummissjoni jiġu informati dwar irregolaritajiet fil-prodotti ma tistax tiġi estiża b’analoġija għall-entitajiet ta’ spezzjoni. Entitajiet ta’ spezzjoni jwettqu kompiti differenti skond l-obbligi imposti fuqhom mill-Istat Membru tagħhom. Għalhekk, il-livell ta’ superviżjoni mhuwiex l-istess. Proċedura ta’ approvazzjoni aktar sempliċi, kif proposta mill-Kummissjoni, tkun għalhekk ineffettiva.
68. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni imposta minn miżura nazzjonali fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fejn dan l-interess mhuwiex diġà protett minn miżuri Komunitarji ta’ armonizzazzjoni(32) jew imħares minn dispożizzjonijiet li għalihom huwa suġġett il-prestatarju ta’ servizzi fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tiegħu(33). Madankollu, tali miżura restrittiva għandha tapplika għall-persuni jew għall-impriżi kollha li jeżerċitaw attività fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni u tista’ tkun iġġustifikata biss jekk hija meħtieġa sabiex tħares l-interessi li hija intiża li tiggarantixxi u jekk dan l-għan ma jistax jiġi mħares permezz ta’ mezzi anqas restrittivi(34).
69. Il-protezzjoni tal-konsumaturi tista’ tikkostitwixxi raġuni prevalenti marbuta ma’ l-interess ġenerali(35) u r-rekwiżit ta’ stabbiliment fl-Awstrija u fil-Ġermanja japplika għall-entitajiet privati ta’ spezzjoni kollha li jipprovdu servizzi.
70. Għalhekk, filwaqt li ma jintroduċix armonizzazzjoni sħiħa fil-qasam tal-biedja organika(36), ir-Regolament jipprovdi kriterji armonizzati li abbażi tagħhom is-sorveljanza għandha tikkonforma ma’ l-istess rekwiżiti minimi fil-Komunità. Għalhekk, jekk entità ta’ spezzjoni hija stabbilita fi Stat Membru ieħor fejn l-uffiċċji u l-faċilitajiet tagħha huma ssorveljati mill-awtorità nazzjonali kompetenti, dan huwa biżżejjed sabiex ma tibqax meħtieġa kwalunkwe duplikazzjoni ta’ l-istess sorveljanza mill-Awstrija u l-Ġermanja, kif ikun il-każ, u sabiex tiġi eskluża kull ġustifikazzjoni għal stabbiliment fl-Istat ospitanti(37).
71. Fil-fehma tiegħi, l-argument ta’ l-Istati Membri konvenuti bbażat fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali għandu għalhekk jiġi miċħud.
Il-forma ta’ dikjarazzjoni mitluba
72. Fl-aħħar indur fuq punt ta’ dettall, li mhumiex mingħajr sinjifikat.
73. Id-dikjarazzjoni mitluba mill-Kummissjoni fiż-żewġ kawżi hija fis-sens li l-Istat Membru naqas milli josserva l-Artikolu 49 KE billi jirrikjedi li entitajiet ta’ spezzjoni li jinsabu u li huma approvati fi Stat Membru ieħor iżommu għall-inqas stabbiliment permanenti fit-territorju tiegħu sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom hemmhekk.
74. Madankollu, il-prattika(38) kemm fl-Awstrija u l-Ġermanja, kif spjegat fis-sottomissjonijiet, hija li dawn l-entitajiet huma rikjesti li jkollhom għall-inqas stabbiliment permanenti fit-territorju tagħhom sabiex ikunu approvati hemmhekk, u li dawn l-entitajiet ma jistgħux iwettqu attivitajiet ta’ spezzjoni hemmhekk sakemm ma jkunux approvati mill-awtoritajiet nazzjonali.
75. L-atti tal-kawża għalhekk juru sitwazzjoni aktar kumplessa minn dik fid-dikjarazzjoni mitluba mill-Kummissjoni. Peress li s-sitwazzjoni spjegata fis-sottomissjonijiet tinkludi s-sitwazzjoni spjegata fid-dikjarazzjoni mitluba, m’hemm l-ebda xkiel sabiex tintlaqa’ t-talba tal-Kummissjoni fiż-żewġ każijiet. Id-differenza iżda għanda konsegwenzi dwar l-azzjoni rimedjali li għandha tittieħed mill-Istati Membri .
76. Essenzjalment, jekk entità ta’ spezzjoni approvata fi Stat Membru għandha titħalla tipprovdi s-servizzi tagħha mingħajr xkiel, iżda suġġetta għal superviżjoni adegwata, fi Stat Membru ieħor, allura t-tieni Stat Membru għandu żewġ għażliet. Dan jista’ jew japprova l-entità stess, abbażi ta’ l-approvazzjoni oriġinali, u mbagħad jissuġġetta l-attivitajiet ta’ l-entità fit-territorju tiegħu għas-superviżjoni tiegħu stess, jew jista’ jaċċetta l-entità ta’ spezzjoni mingħajr approvazzjoni oħra u jissorvelja l-attivitajiet tagħha b’kooperazzjoni ma’ l-awtorità li tissorvelja fl-Istat Membru ta’ l-entità. Għalkemm mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippreskrivi pjan ta’ azzjoni partikolari, u huwa ta’ dispjaċir li l-leġiżlatur m’għamilx dan, kwalunkwe wieħed minn dawn iż-żewġ metodi jidhirli li huwa aċċettabbli fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE.
L-ispejjeż
77. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Jien tal-fehma li r-rikors għandu jintlaqa’ fiż-żewġ kawżi, u l-Kummissjoni talbet l-ispejjeż fiż-żewġ kawżi, kemm kontra l-Ġermanja kif ukoll l-Awstrija.
Konklużjoni
78. Jien għalhekk nirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
Fil-kawża C-393/05,
– tiddikjara li, billi tirrikjedi li entitajiet privati ta’ spezzjoni fil-qasam tal-biedja organika li jinsabu u huma approvati fi Stat Membru ieħor għandu jkollhom post tan-negozju jew stabbiliment permanenti ieħor fl-Awstrija sabiex iwettqu l-attiviatijiet tagħhom hemmhekk, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 KE;
– tikkundanna lir-Repubblika ta’ l-Awstrija għall-ispejjeż;
u, fil-kawża C-404/05,
– tiddikjara li, billi tirrikjedi li entitajiet privati ta’ spezzjoni fil-qasam tal-biedja organika li jinsabu u huma approvati fi Stat Membru ieħor għandu jkollhom post tan-negozju jew stabbiliment permanenti ieħor fil-Ġermanja sabiex iwettqu l-attiviatijiet tagħhom hemmhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 KE;
– tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91, ta’ l-24 ta’ Ġunju 1991, dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU L 198, 1991, p. 1), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”). Il-verżjoni Ingliża kkonsolidata applikabbbli tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit internet: .
3 – Ara l-ħames premessa.
4 – Ara t-tmien premessa.
5 – Ara t-12 u t-13-il premessa.
6 – Li jkopri rekwiżiti għal entitajiet li jħaddmu sistemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ prodotti.
7 – Il-Kummissjoni tinnota li abbozz ta’ liġi kurrenti jinkludi rekwiżit espress li, sabiex ikunu approvati, entitajiet ta’ spezzjoni jridu jkunu stabbiliti fl-Awstrija.
8 – Ara s-Schlussbericht ta’ l-4 ta’ Ottubru 2002 tal-Forschungsinstitut für biologischen Landbau, Berlin, taħt punt 3.3.1.
9 – Nikkwota l-verżjoni tas-6 ta’ April 2001. Fl-ittra ta’ notifika tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għal verżjoni preċedenti b’numerazzjoni differenti.
10 – Gesetz zur Durchführung der Rechtsakte der Europäischen Gemeinschaft auf dem Gebiet des ökologischen Landbaus – ÖLG (Öko-Landbaugesetz) ta’ l-10 ta’ Lulju 2002 (BGBl. I 2002 47, p. 2558 tal-15 ta’ Lulju 2002).
11 – F’kawża taħt l-Artikolu 226 KE, iż-żmien rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk dispożizzjonijiet nazzjonali humiex kompatibbli ma’ l-obbligi ta’ Stat Membru taħt il-liġi Komunitarja huwa meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni [ara l-iktar reċenti s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-50/06, Ġabra p. I-4383, punt 48)]. Fil-kawża preżenti dan it-terminu kien ta’ xahrejn min-notifika ta’ l-opinjoni motivata tas-16 ta’ Ottubru 2002.
12 – Bħala motiv ta’ ġustifikazzjoni żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; Ara, per eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37).
13 – Ara s-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-221/00, Ġabra p. I-1007, punt 42, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).
14 – Ara s-sentenza ta’ l-1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et (C-108/96, Ġabra p. I-837, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Gräbner (C-294/00, Ġabra p. I-6515, punt 26).
15 – Sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-257/05, Ġabra p. I-134, punt 18 u d-dispożittiv). Il-leġiżlazzjoni Komunitarja in kwistjoni kienet id-Direttiva 97/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Mejju 1997, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ apparat ta’ pressjoni (ĠU L 181, 1997, p. 1).
16 – Jista’ jingħad ukoll li, kif osservat il-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 2092/91 mhuwiex ibbażat fuq it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 45 KE, li jipprovdi li l-Kunsill jista’ jiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma japplikawx għal ċerti attivitajiet.
17 – Ara s-sentenza ta’ l-4 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (205/84, Ġabra p. 3755, punt 21). Ara wkoll, f’qasam differenti, l-Artikolu 3 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1988, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’assigurazzjoni diretta ta’ xorta oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE (ĠU L 172, 1988, p. 1).
18 – Il-proċedura li ssuġġeriet tikkunsidra elementi li diġà ġew vverifikati kif jixraq fl-Istat Membru ta’ fejn tinsab, iżda l-Istat Membru ospitanti jkollu dritt jivverifika li l-entità ta’ spezzjoni (i) kellha persuni kkwalifikati, faċilitajiet amministrattivi u tekniċi sabiex twettaq spezzjonijiet fit-territorju tagħha u tista’ tiggarantixxi l-esperjenza, il-kredibbiltà u l-oġġettività tagħha; (ii) twettaq sorveljanza adegwata skond l-Artikolu 9(6), u b’mod partikolari tinforma lill-awtorità kompetenti sistematikament u b’mod effiċjenti b’kull irregolarità jew ksur; (iii) tapplika korrettement il-kriterji tas-sistema ta’ spezzjoni.
19 – Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (147/86, Ġabra p. 1637, punt 7); tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-114/97, Ġabra p. I-6717, punt 34), u tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 45).
20 – Sentenza tal-21 ta’ Lulju 1974, Reyners (2/74, Ġabra p. 631, punt 45), u s-sentenza Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 – Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen (C-42/92, Ġabra p. I-4047, punt 22).
22 – Ara s-sentenzi Reyners, punti 52 sa 53, Thijssen, punt 21, u s-sentenza ta’ l-10 ta’ Diċembru 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-206/89, Ġabra p. I-5863, punt 7).
23 – Fil-fatt, taħt l-Artikolu 9(11) tar-Regolament huma għandhom josservaw l-EN 45011, li tkopri rekwiżiti għal entitajiet li jħaddmu sistemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ prodotti.
24 – Sentenza Thijssen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq.
25 – Idem, punti 11, u 16 sa 19. Ara wkoll ir-rapport għas-seduta.
26 – Idem, punti 21 sa 22.
27 – Ara s-sentenza Thijssen, iċċitata fil-punti 54 sa 55 iktar ’il fuq.
28 – Ara punt 52 iktar ’il fuq.
29 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994 (C-55/93, Ġabra p. I-4837)
30 – Ara punt 17 tal-konklużjonijiet tiegħu.
31 – Fil-punt 16 tas-sentenza.
32 – Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda (C-288/89, Ġabra p. I-4007, punt 12), u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq, punt 23).
33 – Sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1981, Webb (279/80, Ġabra p. 3305, punt 17); Gebhard (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq, punt 38), u s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1997, Parodi (C-222/95, Ġabra p. I-3899, punt 21 u l-ġurisprduenza ċċitata).
34 – Sentenzi Collectieve Antennevoorziening Gouda, punti 12 u 15 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Parodi, punt 21.
35 – Sentenza Collectieve Antennevoorziening Gouda, punt 14.
36 – Ara l-punt 40 iktar ’il fuq.
37 – Ara, b’anoloġija, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq, punti 26 sa 27, kawża dwar il-liberta’ ta’ spetturi ta’ kaldaruni li jipprovdu servizzi. Ir-Regolament Nru 2092/91 huwa madankollu pjuttost differenti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja in kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza ta’ l-20 ta’ Mejju 1992, Ramrath (C-106/91, Ġabra p. I-3351), li fuqha bbażat l-Awstrija fid-difiża tagħha. Dik il-leġiżlazzjoni tirrikjedi espressament li l-Istati Membri jwettqu l-evalwazzjonijiet rilevanti skond il-liġi nazzjonali. Ara s-sentenza Ramrath, punt 34.
38 – Jiġi mfakkar li, għall-inqas fiż-żmien materjali għall-evalwazzjoni tal-kompatibbilità tar-regoli nazzjonali, dawn ir-regoli kienu inklużi essenzjalment fi prassi amministrattiva iktar milli fil-leġiżlazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy