KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 20071(1)
Kawżi magħquda C‑396/05, C‑419/05 u C‑450/05
Doris Habelt
Martha Möser
Peter Wachter
vs
Deutsche Rentenversicherung Bund
[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sozialgericht Berlin u mil-Landessozialgerichts Berlin-Brandenburg]
“Regolament (KEE) Nru 1408/71 1– Kamp ta’ applikazzjoni – Benefiċċji tax-xjuħija – Klassifikazzjoni tal-benefiċċji u legalità tal-kundizzjoni ta’ residenza – Moviment liberu tal-ħaddiema – Esportazzjoni tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali – Skemi ta’ benefiċċji għall-vittmi tal-gwerra u tal-konsegwenzi tagħha – Dritt għal pensjoni tar-refuġjati ta’ oriġini Ġermaniża ta’ provenjenza mill-Pomeranja, mis-Sudetenland u mir-Rumanija”
Werrej
I – Introduzzjoni
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
1. Ir-Regolament Nru 1408/71
2. Il-Konvenzjoni tat-22 ta’ Diċembru 1966 bejn ir-Repubblika Federali Ġermaniża u r-Repubblika ta’ l-Awstrija dwar is-sigurtŕ soċjali.
B – Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
1. Kawża C‑396/05
2. Kawża C‑419/05
3. Kawża C‑450/05
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
V – Evalwazzjoni tad-dritt
A – Fuq il-kawżi C-396/05 u C-419/05
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari
2. Applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema
a) Klassifikazzjoni bħala benefiċċji tas-sigurtà soċjali
i) Persuni koperti
ii) Materji koperti
– Distinzjoni fir-rigward tal-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja
– Distinzjoni fir-rigward tal-benefiċċji favur il-vittmi tal-gwerra u tal-konsegwenzi tagħha
– Effett ġuridiku tad-dikjarazzjoni skond l-Artikolu 5 tar- Regolament Nru 1408/71
3. Limitazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema minn klawżola ta’ residenza
4. Ġustifikazzjoni tal-limitazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema
a) L-argumenti tal-partijiet
b) L-evalwazzjoni fid-dritt
B – Fuq il-kawża C‑450/05
1. L-ewwel parti tad-domanda
a) Osservazzjonijiet preliminari
b) L-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71
i) Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae u r-relazzjoni bejn il-fruntieri
ii) Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis
iii) Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae
– L-argumenti tal-partijiet
– L-evalwazzjoni fid-dritt
c) Eżistenza ta’ deroga
i) Fuq id-dispożizzjonijiet transitorji li jinsabu fil-ftehim bilaterali ta’ l-1995 u ta’ l-Anness III tar-Regolament Nru 1408/71
ii) Limitazzjoni fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema
– Telf ta’ vantaġġ soċjali
– Ksur tal-moviment liberu tal-ħaddiema
2. It-tieni parti tad-domanda
VI – Konklużjoni
I – Introduzzjoni
1. Dawn il-kawżi huma bbażati fuq tliet talbiet għal deċiżjonijiet preliminari li tressqu mis-Sozialgericht Berlin (qorti ta’ l-ewwel istanza fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ Berlin) (kawżi magħquda C‑396/05 u C‑419/05) u mil-Landessozialgericht ta’ Berlin-Brandenburg (qorti ta’ l-appell fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ Berlin-Brandenburg) (kawża C-450/05), li fihom il-qrati nazzjonali jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, skond l-l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, biex tinterpreta u tivverifika l-kumpatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ livell superjuri ma’ uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi III u VI tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71 tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità(2) (iktar ‘il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).
2. L-għan tad-dispożizzjonijiet ikkontestati li jinsabu fl-Anness III u VI tar-Regolament Nru 1408/71 huwa li, rispettivament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun tista’ tagħmel ftehim ta’ dritt internazzjonali mar-Repubblika ta’ l-Awstrija jew biex iżżomm fis-seħħ leġiżlazzjoni statali fil-qasam ta’ l-assigurazzjoni tax-xjuħija għar-refuġjati u s-“Spätaussiedler”, jiġifieri l-persuni ta’ oriġini Ġermaniża li immigraw fi żminijiet riċenti mill-pajjiżi tal-Lvant, u biex ma tiġix ippreġudikata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, partikolarment l-Artikolu 10 fir-rigward ta’ l-esportabbiltà tal-benefiċċji. Minkejja ċerti differenzi minħabba l-kuntest leġiżlattiv tagħhom, dawn ir-regoli jistabbilixxu essenzjalment li l-benefiċjarji jitnaqqsulhom, jew ukoll li jitilfu dawn il-benefiċċji fil-każ li jċaqilqu r-residenza tagħhom ‘il barra mit-territorju tar-Repubblika Federali Ġermaniża.
3. Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, kollha rikonoxxuti bħala refuġjati ta’ oriġini Ġermaniża skond id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi Ġermaniżi f’dan il-qasam, huma personalment milqutin minn dawn id-dispożizzjonijiet, billi kienu ddeċidew li jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħra ta’ l-Unjoni Ewropea. Huma jqisu li d-derogi rispettivi fl-Annessi III u VI tar-Regolament Nru 1408/71 jiksru d-dritt tal-moviment liberu stabbilit mill-Artikoli 18 KE, 39 KE u 42 KE, speċifikament il-prinċipju ta’ l-esportabbiltà tal-benefiċċji skond l-Artikolu 42 KE, u li għalhekk huma nulli minħabba l-inkompatibbiltà tagħhom mad-dritt Komunitarju ta’ livell superjuri.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
1. Ir-Regolament Nru 1408/71
4. L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:
“1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:
(...);
(ċ) ben[e]fiċċji tax-xjuħija;
(...)
2. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-iskemi kollha u speċjali ta’ sigurtà soċjali, sewwa jekk kontributorji u sewwa jekk mhux kontributorji, u għall-iskemi li għandhom x’jaqsmu mar-responsabbilità ta’ min iħaddem jew is-sid ta’ bastiment rigward il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 1.
(...)
4. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-għajnuna soċjali u dik medika, għal skemi ta’ benefiċċju għall-vittmi tal-gwerra jew għall-konsegwenzi tagħha, jew għal skemi speċjali għall-impjegati fis-servizz ċivili u persuni trattati ta’ hekk”.
5. L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi dan li ġej :
“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 7, 8 u 46(4) dan ir-Regolament għandu, fejn għandhom x’jaqsmu l-persuni u l-materji koperti bih, jieħu l-post tad-dispożizzjonijiet ta’ kull konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali li torbot jew:
(a) lil żewġ Stati Membri jew iktar esklussivament, jew
(b) lil mill-inqas żewġ Stati Membri u Stat wieħed ieħor jew iktar, fejn it-twettiq bi ftehim tal-każi interessati ma jinvolvix xi istituzzjoni minn xi wieħed mill-Istati ta’ l-aħħar”.
6. L-Artikolu 7 ta’ l-istess Regolament, rigward id-dispożizzjonijiet internazzjonali li mhumiex ippreġudikati minnu, jiċċita, fit-(2)(ċ):
“il-konvenzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali mdaħħla fil-lista ta’ l-Anness II[I]”.
7. L-Anness III, Partijiet A u B, tar-Regolament Nru 1408/71 jelenka d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet [...] li jibqgħu jgħoddu, fosthom fin-nru 35, Il-Ġermanja−L-Awstrija, (e):
“L-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni [tat-22 ta’ Diċembru 1966 dwar is-sigurtà soċjali] fejn tidħol il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, taħt liema inċidenti (u mard okkupazzjonali) li jseħħu barra t-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u perjodi mwettqa barra t-territorju, ma jwasslux għall-ħlas ta’ benefiċċji jew iwasslu biss għall-ħlas ta’ benefiċċji, taħt ċerti kondizzjonijiet, meta dawk intitolati għalihom jabitaw barra t-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, f’liema każijiet:
(i) il-benefiċċju kien diġà jitħallas jew huwa pagabbli fl-1 ta’ Jannar 1994;
(ii) il-benefiċjarju stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħu fl-Awstrija qabel l-1 ta’ Jannar 1994 u l-ħlas tal-pensjonijiet [benefiċċji] dovuti taħt l-assigurazzjoni tal-pensjoni u l-inċident jibda qabel il-31 ta’ Diċembru 1994;
dan japplika wkoll għall-perjodi li matulhom pensjoni oħra, inkluża l-pensjoni tas-sopravissuti kienet tinġabar, waqt li jibdel dik tal-bidu, fejn il-perjodi tal-ġbir isegwu lil xulxin mingħajr interruzzjoni”.
8. L-Artikolu 10(1), l-ewwel paragrafu, tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi dan li ġej:
“Għajr fejn provdut xorta oħra f’dan ir-Regolament, il-benefiċċji fi flus għall-invalidità, ix-xjuħija jew is-sopravivenza, il-pensjonijiet għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew għall-mard kawżat mix-xogħol u għotjiet għall-imwiet miksuba skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar għandhom ikunu bla ħsara għal kull tnaqqis, modifika, żamma, treġġigħ lura jew konfiska minħabba l-fatt illi min jirċevihom jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għajr dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas”.
9. L-Artikolu 89 tar-Regolament jipprovdi:
“Il-proċeduri speċjali sabiex jiġu implimentati l-leġislazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri huma dikjarati fl-Anness V[I]”.
10. L-Anness VI, Parti Ċ, Il-Ġermanja, Nru 1, tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi:
“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolament huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet taħt liema inċidenti (u mard okkupazzjonali) li jseħħu barra t-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u perjodi mwettqa barra t-territorju, ma jagħtux lok għal benefiċċji, jew jagħmlu dan suġġetti għal ċerti kondizzjonijiet, meta l-persuni kkonċernati huma residenti barra t-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja”.
2. Il-Konvenzjoni tat-22 ta’ Diċembru 1966 bejn ir-Repubblika Federali Ġermaniża u r-Repubblika ta’ l-Awstrija dwar is-sigurtà soċjali.
11. L-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni bejn ir-Repubblika Federali Ġermaniża u r-Repubblika ta’ l-Awstrija dwar is-sigurtà soċjali jistabbilixxi dan li ġej:
“Ħlief jekk huwa stabbilit b’mod differenti f’din il-Konvenzjoni, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ta’ Stat kontraenti skond liema l-eżistenza ta’ dritt għal benefiċċju, l-għoti ta’ benefiċċji jew il-ħlas ta’ benefiċċji fi flus jiddependu mir-residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat, ma japplikawx għal persuni ċċitati fl-Artikolu 3 li jirrisjedu fit-territorju ta’ l-Istat kontraenti ieħor ta’ din il-Konvenzjoni ”.
B – Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża
12. L-Artikolu 110 tas-Sozialgesetzbuch VI – assigurazzjoni obbligatorja tax-xjuħija (Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, iktar ‘il quddiem il-“SGB VI”) jgħid hekk:
“(1) Il-persuni li għandhom dritt għal benefiċċji li jirrisjedu temporanjament barra mill-pajjiż irċievu, matul dan il-perijodu, benefiċċji li huma daqs dawk tal-benefiċjarji li jirrisjedu abitwalment fit-territorju ta’ l-Istat.
(2) Il-persuni li għandhom dritt għal benefiċċji li jirrisjedu abitwalment barra mill-pajjiż jirċievu dawn il-benefiċċji safejn id-dispożizzjonijiet iktar ‘il quddiem relatati mal-benefiċċji mogħtija lill-persuni li għandhom dritt għal benefiċċji barra mill-pajjiż ma jipprovdux mod ieħor.
(3) Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu japplikaw biss safejn id-dritt soprazzjonali jew interstati li jipprovdix mod ieħor.”
13. L-Artikolu 113 SGB VI jgħid hekk:
“(1) Il-punti tal-pensjoni personali tal-persuni li għandhom dritt għal benefiċċji huma ddeterminati abbażi ta’:
1. punti tal-pensjoni relatati mal-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju Federali;
(...)
B’punti ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju Federali ifisser il-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet li għalihom kontribuzzjonijiet ikunu ġew imħallsa skond id-dritt Federali wara t-8 ta’ Mejju 1945, kif ukoll il-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet assimilati ma’ dawn il-perijodi skond il-Kapitolu V.
(2) Il-punti ta’ pensjoni persunali addizzjonali li jirrigwardaw il-benefiċċji ta’ l-orfni ta’ persuni li għandhom dritt għal benefiċċji huma ddeterminati biss abbażi tal-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju Federali.
(3) Il-punti ta’ pensjoni personali tal-persuni li għandhom dritt għal benefiċċji li m’għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 huma kkunsidrati sa 70 %.”
14. L-Artikolu 271 SGB VI jgħid hekk:
“ Il-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju Federali jinkludi wkoll il-perijodi li għalihom kienu tħallsu skond il-leġiżlazzjoni tar-Reich fil-qasam ta’ l-assigurazzjoni fis-seħħ qabel id-9 ta’ Mejju 1945 :
1. kontribuzzjonijiet obbligatorji relatati ma’ attività ta’ xogħol bħala impjegat jew għal ras dak li jkun li tkun seħħet fit-territorju ta’ l-Istat, jew
2. kontribuzzjonijiet volontarji għall-perijodu li jikkorrispondu għar-residenza abitwali fit-territojru nazzjonali jew barra mill-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-liġijiet tar-Reich fil-qasam ta’ l-assigurazzjoni..
Il-perijodi assenjati għall-edukazzjoni ta’ l-ulied (Kindererziehungszeiten) huma perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju Federali meta l-eduazzjoni ta’ l-ulied tkun seħħet fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja”.
15. L-Artikolu 272 SGB VI jipprovdi dan li ġej:
“(1) Il-punti ta’ pensjoni personali ta’ persuni li għandhom dritt għal benefiċċji li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, li twieldu qabel id-19 ta’ Mejju 1950 u li kienu stabbilixxew ir-residenza abitwali tagħhom barra mill-pajjiż qabel id-19 ta’ Mejju 1990 huma minbarra dan iddeterminati abbażi ta’:
1. il-punti ta’ pensjoni relatati mal-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet skond il-Fremdrentengesetz (liġi Ġermaniża dwar il-benefiċċji surrogati), fil-limitu tal-punti ta’ pensjoni li jikkorrispondu għall-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju Federali;,
2. benefiċċju addizzjonali għall-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet skond il- Fremdrentengesetz, fil-limitu ta’ l-ammont tal-benefiċċju addizzjonali għall-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju Federali ;
3. it-tnaqqis tal-punti ta’ pensjoni li jirriżultaw minn aġġustament tal-benefiċċji għal perijodi ta’ kontribuzzjonijiet skond il-Fremdrentengesetz, proporzjonalment mal-parti tal-punti ta’ pensjoni limitati fil-punt 1 u relatati mal-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet skond il- Fremdrentengesetz fil-punti ta’ pensjoni kollha li jikkorrispondu ma’ dawn il-perijodi ; u
4. iż-żieda ta’ punti ta’ pensjoni personali fir-rigward tal-benefiċċji ta’ orfni għal perijodi ta’ kontribuzzjonijiet skond il-Fremdrentengesetz fi proporzjon li jirriżulta mill-punt 3.
(2) Il-punti ta’ pensjoni li jikkorrispondu għall-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet skond il- Fremdrentengesetz, li għandhom ukoll jittieħdu in kunsiderazzjoni skond il-paragrafu 1 abbażi tal-punti ta’ pensjoni (Lvant), huma kkunsidrati bħala punti ta’ pensjoni (Lvant).
(3) Huma wkoll ikkunsidrati bħala punti ta’ pensjoni tal-persuni li għandhom dritt għal benefiċċji skond il-paragrafu 1, li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-limitu tan-numru tal-punti ta’ pensjoni li jikkorrispondu għall-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju Federali, il-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich. Il-kalkolu tal-punti ta’ pensjoni li jikkorrispondu għal benefiċċju addizzjonali, għal tnaqqis li jirriżulta minn aġġustament tal-benefiċċji u għal żieda għal pensjoni ta’ l-orfni għandu jieħdu in kunsiderazzjoni il-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet fit-territorju tar-Reich bħala li kien kompost minn perijodi ta’ kontribuzzjonijiet skond il-Fremdrentengesetz”.
16. L-Artikolu 14 tal-Fremdrentengesetz jistabblixxi dan li ġej:
“Fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet iktar ‘il quddiem ma jipprovdux mod ieħor, id-drittijiet u l-obbligi tal-benefiċjari skond dan it-titolu huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.”
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
1. Kawża C‑396/05
17. Ir-rikorrenti tal-kawża prinċipali, is-Sinjura Habelt, ċittadina Ġermaniża li twieldet fit-30 ta’ Jannar 1923 f’Jilové (bil-Ġermaniż Eulau) fis-Sudetenland (f’dak iż-żmien fiċ-Ċekoslovakkja, illum fir-Repubblika Ċeka), ħadmet minn Jannar 1939 sa Mejju 1946 f’Jilové/Eulau. Mill-1 ta’ Jannar 1939 sat-30 ta’ April 1945 hija ħallset kontribuzzjonijiet obbligatorji lill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali Ġermaniża, jiġifieri lir-Reichsversicherungsanstalt für Angestellte (korp tas-sigurtà soċjali tar-Reich għall-impjegati privati), li, wara l-annessjoni tas-Sudetenland min-naħa tat-Tielet Reich, kienet l-istituzzjoni kompetenti. Mill-5 ta’ Mejju 1945 sat-13 ta’ Mejju 1946 kienet suġġetta għall-iskema ta’ siġurtà soċjali obbligatorja fl-ex Ċekoslovakkja. Wara l-espulsjoni tagħha, ir-rikorrenti għexet fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja attwali.
18. Mill-1 ta’ Frar 1988, is-Sinjura Habelt tirċievi pensjoni ta’ l-irtirar mill-konvenut fil-kawża prinċipali. Fil-komputazzjoni ta’ l-ammont tal-benefiċċju ġew ikkunsidrati, minbarra l-perijodi allokati għall-edukazzjoni ta’ l-ulied u għall-kontribuzzjonijiet volontarji, il-kontribuzzjonijiet obbligatorji imħallsin minħabba x-xogħol li hija għamlet fit-territorju tar-Repubblika Ċeka attwali minn Jannar 1939 sat-30 ta’ April 1945, kif ukoll il-perijodi ta’ benefiċċju li twettqu f’korpi barranin skond l-FRG għall-attività suġġetta għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji li saret fl-ex Ċekoslovakkja bejn il-5 ta’ Mejju 1945 u t-13 ta’ Mejju 1946.
19. Wara li s-Sinjura Habelt marret tgħix fil-Belġju fl-1 ta’ Awwissu 2001, il-konvenut fil-kawża prinċipali kkalkula mill-ġdid il-benefiċċju tar-rikorrenti u taha, mill-1 ta’ Diċembru 2001, benefiċċju fix-xahar li l-ammont gross kien ta’ DEM 204.50 (EUR 104.56). B’din l-operazzjoni, il-benefiċċju li kien qed jingħata sa dak iż-żmien tnaqqset b’DEM 438.05 (EUR 223.96) fix-xahar.
20. Il-korp kompetenti fir-rigward tas-siġurtà soċjali jsostni li, fil-każ ta’ ħlas ta’ benefiċċju min-naħa ta’ l-iskema legali ta’ l-assistenza tax-xjuħija lil benefiċjarju li jirrisjedi barra mill-pajjiż, għandhom jiġu kkunsidrati r-regoli speċjali fuq il-ħlas, f’dan il-każ l-Artikolu 113 SGB VI. Skond din id-dispożizzjoni l-ammonti personali (tal-benefiċċju) ta’ min għandu dritt għalihom huma kkalkolati abbażi ta’ l-ammonti għall-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju Federali, jiġifieri l-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet li għalihom tħallsu kontribuzzjonijiet skond il-leġiżlazzjoni Federali ta’ wara l-1945, u l-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet assimilati magħhom fil-Kap V ta’ l-SGB VI. Il-korp jidhirlu li l-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa mir-rikorrent fil-perijodu bejn Jannar 1939 u April 1945 dwar xogħol li sar fis-Sudetenland għalhekk ma kinux tħallsu skond il-leġiżlazzjoni Federali Ġermaniża fis-seħħ wara l-1945.
21. L-Artikolu 271 SGB VI jindika liema kontribuzzjonijiet, imħallsin qabel id-9 ta’ Mejju 1945, għandhom jiġu kkunsidrati bħala perijodi ta’ kontribuzzjonijiet li twettqu fit-territorju Federali skond il-punt 1 ta’ l-ewwel paragrafu ta’ Artikolu 113 tas-SGB VI. Skond din id-dispożizzjoni, huma perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju Federali anki l-perijodi li fihom ikunu tħallsu kontribuzzjonijiet obbligatorji relatati ma’ xogħol bħala impjieg jew għar-ras ta’ dak li jkun li jkun sar fit-territorju ta’ l-Istat skond il-leġiżlazzjoni tar-Reich fir-rigward ta’ l-assigurazzjoni benefiċċju li kien fis-seħħ qabel id-9 ta’ Mejju 1945. Il-kunċett ta’ “territorju ta’ l-Istat” ma jikkorrispondix mal-kamp rispettiv ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tar-Reich dwar l-assigurazzjoni-benefiċċju, iżda biss mat-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ llum. Għalhekk il-kontribuzzjonijiet obbligatorji, anki jekk imħallsin skond din il-leġiżlazzjoni tar-Reich dwar xogħol fl-impjieg jew għal ras ta’ dak li jkun li jkun sar fit-territorju ta’ dak li kien ir-Reich Ġermaniż, iżda ‘l barra mit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ llum, mhumiex kontribuzzjonijiet mħallsin fit-territorju Federali. Il-kontribuzzjonijiet mħallsin mis-Sinjura Habelt minn Jannar 1939 sa April 1945 skond id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tar-Reich mhumiex − skond l-Artikolu 271 SGB VI − perijodi ta’ kontribuzzjonijiet li twettqu fit-territorju Federali, peress li s-Sudetenland mhijiex parti mit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ llum.
22. Wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka ma’ l-Unjoni Ewropea, ma kien hemm l-ebda bidla. Skond l-Anness VI, parti D (ex parte Ċ), Il-Ġermanja, Nru 1, tar-Regolament Nru 1408/71, ma jista’ jingħata l-ebda benefiċċju fi Stat Membru ieħor abbażi ta’ l-ammonti relatat mal-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet li twettqu fit-territorju tar-Reich u fil-perijodi skond l-FRG.
23. Fit-23 ta’ Marzu 2002, is-Sinjura Habelt ressqet rikors quddiem il-qorti nazzjonali. Din hija tal-fehma li l-fatti tal-kawża prinċipali huma persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae, materiae u temporis tar-Regolament Nru 1408/71. Peress li l-qorti ma rat l-ebda ġustifikazzjoni għal-limitazzjoni kkontestata tal-prinċipju ta’ l-esportabbiltà tal-benefiċċji tal-pensjoni skond l-Anness VI, Parti D, Nru 1 tar-Regolament iċċitat, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi s-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Id-dispożizzjoni ta’ l-Anness VI, parti D (li qabel kienet il-parti C), “Il-Ġermanja”, tar-Regolament Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-famlja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju ta’ livell superjuri, b’mod partikolari mal-prinċipju tal-moviment liberu − fil-każ in eżami: il-ħtieġa relatata ma’ l-esportazzjoni tal-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 42 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea − safejn din teskludi l-ħlas tal-benefiċċji li jirriżulta minn perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich?”.
2. Kawża C‑419/05
24. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, is-Sinjura Möser, ċittadina Ġermaniża li twieldet fit-2 ta’ Jannar 1923 fi Pniewo (il-Polonja), ħarbet fl-1946 miż-żona ta’ okkupazzjoni Russa u stabbiliet ruħha fl-attwali t-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Mill-1 ta’ Frar 1988 irċeviet mill-konvenut fil-kawża prinċipali benefiċċju ta’ rtirar, li l-ammont tagħha ġiet kkalkolat, fost l-oħrajn, abbażi tal-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji inklużi bejn l-1 ta’ April 1937 u l-1 ta’ Frar 1945 għal attivitajiet imwettqa f’Pomeranja, fit-territorju tar-Reich Ġermaniż ġewwa l-fruntieri tiegħu ta’ l-1937 (illum il-Polonja).
25. Wara li r-rikorrenti marret tgħix fi Spanja fl-1 ta’ Lulju 2001, il-benefiċċju ġie kkalkulat mill-ġdid b’effett mill-1 ta’ Settembru 2001. It-tnaqqis ta’ kull xahar tal-benefiċċju, ta’ EUR 143.15, ġie ġġustifikat bir-raġuni li l-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa barra mit-territorju Federali ta’ llum ma setgħux jiġu kkunsidrati peress li r-rikorrenti tgħix barra mill-pajjiż. Mill-1 ta’ Ġunju 2004, is-Sinjura Möser trissisjedi fil-Gran Brittanja.
26. Wara diversi tentattivi biex tikseb deċiżjoni fuq l-ilment tagħha, fis-17 ta’ Mejju 2002 is-Sinjura Möser ressqet rikors għal nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni quddiem il-qorti a quo. B’sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 2003, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti.
27. Fid-9 ta’ Awwissu 2003 ir-rikorrenti talbet lill-qorti tar-rinviju tannulla d-deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Lulju 2003. Din, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin fil-Kawża C-396-05, wara li kkonstatat li r-rikorrenti lanqas biss kellha d-dritt li tirċievi benefiċċju tax-xjuħija skond is-sistema tal-benefiċċji Pollakka, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-istess domanda preliminari tal-kawża C-396/05.
3. Kawża C‑450/05
28. Is-Sinjur Wachter, rikorrent fil-kawża prinċipali, twieled fl-1936 fir-Rumanija. Huwa għandu n-nazzjonalità Awstrijaka u huwa rrikonoxxut bħala refuġjat skond il-Bundesvertriebenengesetz (liġi federali dwar ir-refuġjati u l-IDPs: iktar ‘il quddiem il-“BVFG”). Fl-1970 mar joqgħod fl-Awstrija mir-Rumanija, fejn għadu jirrisjedi sa llum. F’Novembru 1995 il-konvenut fil-kawża prinċipali rrikonoxxa l-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet u ta’ xogħol imwettqa fir-Rumanija mis-Sinjur Wachter minn Settembru 1953 sa Ottubru 1970 bħala perijodi ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji skond l-FRG.
29. F’Ġunju 1999 is-Sinjur Wachter talab il-ħlas ta’ benefiċċju tax-xjuħija mill-1 ta’ Awwissu 1999, data meta għalaq 63 sena. Din it-talba ġiet miċħuda peress li l-konvenut iddeċieda li l-ebda benefiċċju ma seta’ jitħallas għal perijodi ta’ benefiċċju li twettqu f’korpi barranin. Lanqas fil-leġiżlazzjonijiet Komunitarji li ssostitwew il-Konvenzjoni fir-rigward tas-sigurtà soċjali bejn l-Awstrija u l-Ġermanja ma hemm dispożizzjonijiet f’sens kuntrarju.
30. Wara ċ-ċaħda tar-rikors li sar kontra dik is-sentenza fis-Sozialgericht ta’ Berlin, ir-rikorrent sostna fl-appell li, skond il-Konvenzjoni bilaterali fir-rigward tas-sigurtà soċjali ta’ l-1966 bejn il-Ġermanja u l-Awstrija, sal-31 ta’ Diċembru 1993 huwa kellu jiġi kkunsidrat, inkwantu Awstrijak residenti fl-Awstrija, bħala Ġermaniż li jirrisjedi fil-Ġermanja. Minn meta ġiet sostitwita din il-Konvenzjoni, fl-1 ta’ Jannar 1994, bir-Regolament Nru 1408/71, beda japplika l-prinċipju ta’ assimilazzjoni tat-territorji iżda bil-limitazzjonijiet [Anness III, Partijiet A u B, rispettivament Nru 35, Il-Ġermanja−L-Awstrija (e), kif ukoll l-Anness VI, parti Ċ, Il-Ġermanja Nru 1 tar-Regolament Nru 1408/71], li jimplika li huwa tqiegħed f’sitwazzjoni aktar żvantaġġuża bi ksur tal-prinċipju tal-moviment liberu.
31. Il-qorti nazzjonali ssostni li l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni bilaterali rigward is-sigurtà soċjali ta’ l-1966 bejn il-Ġermanja u l-Awstrija kienet tipprovdi d-dritt għal ħlas ta’ benefiċċji barra mill-pajjiż imwettqa abbażi ta’ perijodi ta’ kontribuzzjonijiet skond l-FRG. B’dan il-mod, kienet prevista assimilazzjoni mingħajr limitu tat-territorji, billi l-Konvenzjoni ċċitata kienet eskludiet l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dritt Ġermaniż li kienu jipprekludu l-esportazzjoni korrispondenti tal-benefiċċji (l-Artikoli 110(2), 113(1) u 272 SGB VI). Il-qorti nazzjonali għandha dubji rigward il-kwistjoni dwar jekk is-sostituzzjoni bħala prinċipju tal-konvenzjonijiet bilaterali kollha bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/71 mill-1 ta’ Jannar 1994 għal dak li jikkonċerna lill-Awstrija hijiex kompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu skond l-Artikoli 39 u 42 KE.
32. Huwa veru li, skond il-qorti nazzjonali, ir-Regolament Nru 1408/71 jirreferi, fl-Artikolu 10, għall-assimilazzjoni tat-territorji. Madankollu din hija abolita mill-ġdid permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI, Parti Ċ (illum Parti D), Il-Ġermanja, punt 1, f’dak li jirrigwarda l-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich jew fil-perijodi taħt l-FRG. Hemm eċċezzjoni madankollu − proprju fir-rigward ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ l-1966 bejn il-Ġermanja u l-Awstrija: fl-Anness III, Partijiet A u B, dispożizzjonijiet li jirriżultaw minn konvenzjonijiet ta’ sigurtà soċjali huma msemmija, li jibqgħu japplikaw minkejja l-Artikolu 6 tar-Regolament (parti A), jiġifieri dispożizzjonijiet ta’ konvenzjonijiet li jibqgħu fis-seħħ fejn il-kamp ta’ applikazzjoni ma jirreferix għall-persuni kollha li għalihom ir-Regolament huwa applikabbli (parti B). Madankollu, l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet biex ikun jista’ jinvoka din il-Konvenzjoni.
33. Għaldaqstant dawn id-dispożizzjonijiet, ta’ l-anqas f’każ partikolari bħall-kawża prinċipali, jistgħu jiksru d-dritt tal-moviment liberu (l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 42 KE) u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ l-esportabbiltà tal-benefiċċji skond l-Artikolu 42 KE, peress li fil-każ tar-rikorrent dawn wasslu biex il-benefiċċju tax-xjuħija tiegħu ma jitħallasx fi Stati Membri oħrajn billi huwa bbażat esklużivament fuq perijodi skond il-FRG.
34. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-qorti nazzjonali ddeċidiet li tissospendi l-preċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“L-Anness III, Partijiet A u B, punt 35, Il-Ġermanja−L-Awstrija (e) tar-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll l-Anness VI, Parti C, Il-Ġermanja, punt 1, ta’ l-istess Regolament, huma kompatibbli mar-regoli superjuri tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari mal-prinċipju tal-moviment liberu stabbilit mid-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikoli 39 u 42 KE?”
35. B’ittra tat-2 ta’ Frar 2006 il-qorti tar-rinviju ppreżentat din il-kjarifika dwar id-domanda preliminari:
1. L-Anness III, Partijiet A u B, Nru 35, Il-Ġermanja-L-Awstrija (e) tar-Regolament Nru 1408/71 − skond l-enumerazzjoni ġdida ta’ l-Annessi tar-Regolament Nru 1408/71 wara t-tkabbir ta’ l-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004: Nru 83 − jirreferi għall-verżjoni fis-seħħ sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-5 ta’ Mejju 2005. Ir-regoli li hemm fl-Anness jikkorrispondu ma’ l-Artikolu 14(2)(b) tal-Konvenzjoni bejn il-Ġermanja u l-Awstrija ta’ l-4 ta’ Ottubru 1995 (BGBl. 1998 II, p. 313) − li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 1998 (test ppubblikat fl-BGB1.1998, II, p. 2544) − li għaliha tirreferi b’mod loġiku d-domanda preliminari f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ġuridika korrispondenti fl-1999 (meta seħħ ir-riskju ma’ l-għeluq ta’ 63 sena).
2. L-Anness VI, Parti Ċ, Il-Ġermanja, punt 1, tar-Regolament Nru 1408/71 jikkorrispondi ma’ l-Anness VI, Parti D, Il-Ġermanja, Nru 1, tar-Regolament Nru 1408/71 wara l-enumerazzjoni l-ġdida minħabba t-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004.
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
36. Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fis-6 ta’ Diċembru 2005, li jingħaqdu l-kawżi C‑396/05 u C‑419/05 kif ukoll, fis-27 ta’ Jannar 2006, li jingħaqdu mal-kawża C‑450/05
37. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kawża C-419/05, il-konvenut fil-kawżi prinċipali, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Taljan, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub skond l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
38. Matul is-seduta li saret fis-6 ta’ Marzu 2007 ir-rappreżentant tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kawża C-419/05, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-konvenut fil-kawżi prinċipali, tal-Gvern Ġermaniż u tal-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet orali
V – Evalwazzjoni tad-dritt
A – Fuq il-kawżi C-396/05 u C-419/05
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari
39. Permezz tad-domandi tagħha, fejn il-formulazzjoni hija identika, is-Sozialgericht ta’ Berlin tixtieq tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dispożizzjoni li tinsab fl-Anness VI, Parti D, Il-Ġermanja, Nru 1 tar-Regolament Nru 1408/71 hijiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju ta’ livell superjuri.
40. Kif intwera qabel, din id-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha l-għan li tippermetti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li żżomm fis-SGB VI dispożizzjonijiet legali nazzjonali li permezz tagħhom abitanti ta’ oriġini Ġermaniża li ġejjin mit-territorji tal-Lvant ta’ l-ex Reich Ġermaniż li mhumiex parti mit-territorju nazzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ llum, rikonoxxuti bħala refuġjati skond l-Artikoli 1 tal-BVFG, jista’ jkollhom dritt għall-ħlas ta’ benefiċċju tax-xjuħija. Din id-dispożizzjoni ta’ dritt sekondarju, skond il-fehma unanima ta’ dawk li ppreżentaw l-osservazzjonijiet fil-kawża tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, tapplika wkoll għal dawk ir-regoli, li hemm fis-SGB VI, fejn id-drittijiet għall-benefiċċju li nħolqu permezz ta’ dik il-liġi ma jistgħux jiġu mħallsa barra mill-pajjiż. Għalhekk l-Anness VI, Parti D, Il-Ġermanja, Nru 1, tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi interpretat mil-lat legali, bħala dispożizzjoin li tneħħi mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan ir-Regolament materja li h ija preċiżament definita u li tirriżervaha għall-kompetenza tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
41. Minn dan l-aspett ma tapplikax ir-revoka, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet ta’ residenża(3) prevista fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li tipprojbixxi, fost affarijiet oħra, li l-Istati Membri jnaqqsu jew ineħħu benefiċċji fi flus għax-xjuħija, miksuba abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għall-fatt li l-benefiċjarju jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak fejn tinsab l-istituzzjoni debitriċi(4).
42. Madankollu, l-esportazzjoni tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali ma tirrappreżenta bl-ebda mod prinċipju stabbilit esklużivament fil-livell tad-dritt sekondarju. Fil-fatt, l-Artikolu 10(1) jimplementa l-koordinazzjoni imposta mill-Artikolu 42 (b) KE skond liema għandu jiġi żgurat lill-benefiċjarji residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor il-ħlas tal-benefiċċji li fir-rigward tagħhom ikun twettaq dritt skond skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed jew aktar. Il-prinċipju ta’ l-esportazzjoni tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali fi flus, kif joħroġ mill-bażi legali tad-dritt primarju ta’ l-Artikolu 42(b) KE, b’hekk għandu l-għan, permezz tal-projbizzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ regoli kuntrarji ta’ l-Istati Membri, li ma jkunx hemm riskju li drittijiet għall-benefiċċji f’każijiet bħal dawn jintilfu minħabba l-fatt li l-benefiċjarji jkunu telqu minn Stat Membru sabiex jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor, u meta jagħmel dan, li jippermetti preċiżament lill-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu previst mid-dritt Komunitarju (5).
43. Fid-dawl ta’ l-importanza ta’ l-Artikolu 42(b) KE biex jiġi implementat il-moviment liberu tal-ħaddiema, wieħed irid jaqbel ma’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni skond liema d-domanda preliminari tas-Sozialgericht ta’ Berlin tirrigwarda b’mod ġenerali l-kompatibbiltà ta’ l-Anness VI, Parti D, Il-Ġermanja, Nru 1, mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, inklużi l-Artikoli 42 KE u 39 KE, għalkemm fil-fehma tiegħi anki l-prinċipju ta’ l-esportabbiltà tal-benefiċċji għandu rwol fundamentali għas-soluzzjoni tad-domanda preliminari.
2. Applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema
a) Klassifikazzjoni bħala benefiċċji tas-sigurtà soċjali
44. Il-prinċipju ta’ l-esportazzjoni tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali skond l-Artikolu 42(b) KE ġie kkonkretizzat u ddefinit mil-leġiżlatur Komunitarju permezz tar-Regolament Nru 1408/71, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali tiegħu fis-sens li mhux il-benefiċċji kollha ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali huma soġġetti għall-obbligu tat-trasferiment u li jistgħu jiġu ttrasferiti, iżda biss il-kategoriji elenkati fl-Artikolu 10(1), u fid-dispożizzjonijiet ċentrali ta’ l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/7(6). Skond l-Artikolu 4(1)(ċ), il-benefiċċji tax-xjuħija huma materjalment koperti mir-Regolament. Skond l-Artikolu 4(2)a, hemm limitazzjoni fuq l-obbligu ta’ esportazzjoni għall-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament ma japplikax espressament, skond l-Artikolu 4(4) għall-iskemi ta’ benefiċċji favur il-vittmi tal-gwerra u tal-konsegwenzi tagħha.
i) Persuni koperti
45. Ir-rikorrenti huma koperti mill-ħarsien personali tar-Regolament safejn, fil-proċedura prinċipali quddiem is-Sozialgericht Berlin, huma invokaw drittijiet għall-benefiċċju kontra l-konvenut. Jagħmlu parti mill-kategoriji ta’ persuni mħarsin mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71 mhux biss il-ħaddiema fis-sens strett, iżda anki min għandu dritt għal benefiċċju jew ta’ dħul, jiġifieri l-ħaddiema l-antiki, bil-kundizzjoni li huma koperti minn skema ta’ sigurtà soċjali stabbilita mil-liġi(7). Din il-premessa hija sodisfatta peress li r-rikorrenti huma ħaddiema antika f’età pensjonabbli, fejn l-appartenenza għall-iskema Ġermaniża ta’ sigurtà soċjali mhijiex ikkontestata minn parti waħda fil-proċedura. Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni konkreta tal-benefiċċji fil-każijiet ikkontestati fil-lista tal-benefiċċji fl-Artikolu 4(1) tqajjem ċerti dubji.
ii) Materji koperti
46. L-Artikolu 4(1) huwa limitat li jelenka kategoriji partikolari ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali, filwaqt li tonqos għal kollox definizzjoni legali. Il-ġurisprudenza speċifikat dawn il-kategoriji u enfasizzat f’dan ir-rigward li dawn m’għandhomx jiġu interpretati fid-dawl tal-kriterji rispettivi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda għandhom jiġu ddeterminati skond id-dritt Komunitarju. Għalhekk il-klassifikazzjoni ta’ benefiċċju fil-qasam tas-sigurtà soċjali għandha tkun indipendenti mir-relazzjoni diretta tagħha ma’ skema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru, li għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-għanijiet u l-kundizzjonijiet ta’ l-għoti tal-benefiċċju(8). Fi kliem ieħor, il-klassifikazzjoni ta’ benefiċċju fi flus ta’ Stat Membru bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 tiddependi prinċipalment mill-għan u mill-bażi ta’ kalkolu ta’ kull benefiċċju(9).
47. Il-Gvern Ġermaniż u l-konvenut fil-kawżi prinċipali huma tal-fehma li l-benefiċċji kkontestati għandhom jiġu kklassifikati bħala skemi ta’ benefiċċji favur il-vittmi tal-gwerra, li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. F’dan ir-rigward huma jirriferu l-ewwel nett għas-sentenzi fil-kawżi Fossi(10) u Tinelli(11), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-benefiċċji għall-inċidenti u l-invalidità bbażati fuq perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa qabel l-1945 ‘il barra mit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja m’għandhomx jiġu kkunsidrati li jagħmlu parti mill-qasam tas-sigurtà soċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat il-konklużjoni msemmija fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet: fl-ewwel lok, il-korpi ta’ l-assigurazzjoni li kienu kompetenti matul dak iż-żmien ma jeżistux aktar, fit-tieni lok ir-regoli Ġermaniżi għandhom l-iskop li jtaffu sitwazzjonijiet partikolari minħabba avvenimenti marbutin mar-reġim Nażista u mat-Tieni Gwerra Dinjija, u fit-tielet lok il-ħlas tal-benefiċċji fil-każ ta’ ċittadini li jirrisjedu barra mill-pajjiż għandu natura diskrezzjonali.
48. Il-Gvern Ġermaniż u l-konvenut huma tal-fehma li d-dispożizzjonijiet nazzjonali Ġermaniżi li jinsabu fis-SGB VI għandhom l-għan li jtaffu espisodji partikolari dovuti għall-fatt li l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jistgħu jiġu xolti sussegwentement għal tibdil territorjali u ċ-ċaqliq ta’ popolazzjonijiet matul u wara t-tieni gwerra dinjija u d-drittijiet jistgħu ma jiġux sodisfatti aktar. Ir-Reichsversicherungsanstalt für Angestellte kien ġie sospiż wara t-tmiem tar-Reich Ġermaniż u ġie xolt fl-1953. Għalhekk id-drittijiet fir-rigward ta’ din l-istituzzjoni Ġermaniża li ma teżistix aktar ma jistgħux jiġu sostnuti illum il-ġurnata.
49. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Taljan u r-rikorrenti fil-kawża C‑419/05, kif ukoll il-qorti tar-rinviju huma tal-fehma li l-benefiċċji kkontestati la huma benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja skond l-Artikolu 4(2)a, u lanqas ma huma benefiċċji favur il-vittmi tal-gwerra skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1408/71, iżda benefiċċji li jagħmlu parti mill-elenku tal-benefiċċji għax-xjuħija u tas-superstiti skond l-Artikolu 4(1)(ċ) u (d) u għalhekk fil-kuntest tas-sigurtà soċjali.
50. Jidhirli li għandha tiġi segwita din it-tieni opinjoni. Il-benefiċċji ikkontestati bbażati fuq is-SGB VI la huma benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja skond l-Artikolu 4(2)a, u lanqas benefiċċji favur il-vittmi tal-gwerra skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1408/71.
– Distinzjoni fir-rigward tal-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja
51. Il-ġurisprudenza tiddefinixxi benefiċċju speċjali skond l-Artikolu 4(2)a tar-Regolament Nru 1408/71 skond l-għan tiegħu. Huwa għandu jissostitwixxi jew iżid ma’ benefiċċju ta’ sigurtà soċjali u jkollu l-karatteristika ta’ għajnuna soċjali ġġustifikata minħabba raġunijiet ekonomiċi u soċjali, u deċiża minn leġiżlazzjoni li tistabbilixxi kriterji oġġettivi(12). Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra bħala kriterju determinanti tan-natura mhux kontributorja l-finanzjament reali tal-benefiċċju. Hija teżamina jekk dan il-finanzjament huwiex assigurat direttament jew indirettament minn kontribuzzjonijiet soċjali jew minn riżorsi pubbliċi(13).
52. Kif argumentaw tajjeb il-Kummissjoni u l-qorti nazzjonali fil-kawżi C-395/05 u C-419/05, il-benefiċċji dwar il-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich ma jistgħux jiġu kkunsidrati benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja mneħħija mill-obbligu ta’ l-esportazzjoni skond l-Artikolu 4(2)a, għaliex ir-raġuni tal-ħlas ta’ dawn il-perjodi ta’ kontribuzzjonijiet qiegħda proprju fil-fatt li fil-passat kienu tħallsu kontribuzzjonijiet lill-iskema Ġermaniża ta’ l-assigurazzjoni tal-benefiċċju stabbilit mil-liġi. Dan jikkorrispondi ukoll mas-sitwazzjoni fil-fatt u fid-dritt fil-kawżi prinċipali, peress li joħroġ b’mod ċar mill-ordnijiet ta’ rinviju fil-kawżi C‑396/05 u C‑419/05 li teżisti preżunzjoni li ż-żewġ rikorrenti ħallsu individwalment kontribuzzjonijiet lill-ex korp tas-sigurtà soċjali, bil-konsegwenza li l-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta ma’ din il-konstatazzjoni tal-qorti nazzjonali.
53. Skond dak li argumentat il-qorti tar-rinviju fil-kawżi C-395/05 u C-419/05, ir-rikonoxximent tal-fatt li fil-passat kienu tħallsu kontribuzzjonijiet kien anki r-raġuni għaliex il-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich ma kinux jaqgħu taħt ir-regoli fuq il-benefiċċji minħabba s-surroga tal-Fremdrenten- und Auslandsrenten-Neuregelungsgesetz tal-25 ta’ Frar 1960 (liġi fuq ir-regoli ġodda għall-benefiċċji barranin) u assorbiti fir-regoli ġenerali, jiġifieri f’dik li kienet ir-Reichsversicherungsordnung (regoli ta’ l-assigurazzjoni tar-Reich, iktar ‘il quddiem l-“RVO”, Artikolu 1250) u fl-Angestelltenversicherungsgesetz (liġi fuq l-assigurazzjoni ta’ l-impjegati fis-settur privat, iktar ‘il quddiem l-“AVG”, Artikolu 27), bil-konsegwenza li bħalissa jidhru fir-regoli ġenerali, jiġifieri s-SGB VI.
54. Argument ieħor favur il-klassifikazzjoni tas-sistema tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali skond l-Artikolu 4(1) u, kuntestwalment kontra klassifikazzjoni ta’ benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja skond l-Artikolu 4(2)a tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta mit-tip ta’ finanzjament stess. Kif esponew il-Kummissjoni u l-qorti a quo, il-benefiċċji dwar il-perjodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich, bħall-benefiċċji bbażati fuq perijodi mwettqa fit-territorju attwali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lanqas ma huma ffinanzjati minn sussidji Federali skond l-Artikolu 213 SGB VI(14), iżda skond sistema ta’ tqassim skond l-Artikolu 153 SGB VI (15). Dan ifisser li l-assigurati li bħalissa huma professjonalment attivi jiffinanżjaw bil-kontribuzzjonijiet tagħhom il-benefiċċji ta’ dawk li ħallsu kontribuzzjonijiet fl-imgħoddi.
55. Dawn l-argumenti jwasslu għall-kunsiderazzjoni li l-iskema ta’ benefiċċji rigward il-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich hija parti integrali mill-iskema ta’ pensjonijiet Ġermaniża. Għalhekk hija eskluża klassifikazzjoni fil-kategorija tal-benefiċċji soċjali ta’ natura mhux kontributorja skond l-Artikolu 4(2)a tar-Regolament Nru 1408/71.
– Distinzjoni fir-rigward tal-benefiċċji favur il-vittmi tal-gwerra u tal-konsegwenzi tagħha
56. Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-benefiċċji dwar il-perijodi mwettqa fit-territorju tar-Reich bħala parti mill-iskema ta’ benefiċċji favur il-vittmi tal-gwerra u tal-konsegwenzi tagħha skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1408/71, sostnuta mill-Gvern Ġermaniż u mill-konvenut, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni, l-istess bħal dik fl-Artikolu 4(2)a tirrappreżenta deroga li, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ l-Artikolu 42 KE, li l-għan tiegħu jikkonsisti fit-twaqqif ta’ l-akbar moviment liberu komplut possibbli għall-ħaddiema migranti(16). L-iskop ta’ l-Artikoli 39 KE, 40 KE u 42 KE ma kienx jintlaħaq jekk il-ħaddiema li bbenefikaw mid-dritt tagħhom tal-moviment liberu kellhom jiġu mċaħħda mill-vantaġġi ta’ benefiċċji ggarantiti lilhom mil-liġijiet ta’ Stat Membru(17), speċjalment meta dawn il-vantaġġi tas-sigurtà soċjali huma l-korrispettiv tal-kontribuzzjonijiet li huma jkunu ħallsu(18). Huwa minnu wkoll li, f’dan il-kuntest, il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jadotta dispożizzjonijiet b’deroga għall-prinċipju ta’ l-esportabbiltà tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali; madankollu id-dispożizzjonijiet tad-deroga, bħal dawk previsti fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati b’mod strett(19).
57. Konsegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet biss f’każijiet speċifiċi ħafna għall-benefiċċji ta’ Stati Membri n-natura ta’ skemi ta’ benefiċċji favur vittmi tal-gwerra u tal-konsegwenzi tagħha. Minbarra s-sentenzi diġà ċċitati Fossi (20) u Tinelli (21), għandhom jissemmew is-sentenzi Gillard (22) u Baldinger (23), li għandhom x’jaqsmu ma’ kumpens mogħti mill-Belġju u l-Awstrija liċ-ċittadini tagħhom li kienu priġunieri fil-gwerra bħala rikonoxximent għas-servizzi mogħtija lil pajjiżhom u ta’ dak li kienu għaddew minnu. Minħabba r-rabta mill-qrib ma’ ġrajjiet tal-gwerra, fiż-żewġ każijiet harġet ċara n-natura kumpensatorja ta’ l-għoti tal-benefiċċji. Iżda fil-kawżi prinċipali mhux possibbli li wieħed jasal għal din il-konklużjoni, peress li l-benefiċċji kkontestati mhumiex kumpensi tipiċi minħabba l-gwerra iżda benefiċċji ordinarji tax-xjuħija.
58. Nixtieq niġbed l-attenzjoni li, b’mod divers minn dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, ma jidhirx li huwa xieraq li jiġu applikati l-prinċipji li ssemmew fis-sentenzi Fossi u Tinelli għal dawn il-kawżi peress li f’dawk il-kawżi l-Qorti tal-Ġustizzja, kif tosserva tajjeb il-qorti a quo, kellha teżamina każijiet ta’ benefiċċji dovuti minħabba surroga skond il-FRG u mhux każijiet li jaqgħu taħt is-SGB VI ta’ llum, fejn hemm partikolaritajiet differenti minn dawk tal-kawża a qua. Fil-fehma tiegħi, hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn perijodi ta’ benefiċċju mwettqa f’korpi barranin, mitmuma b’kunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet fi skema barranija, u għalhekk mhux Ġermaniza, u perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich, fejn kienu tħallsu kontribuzzjonijiet lil istituzzjoni Ġermaniża. Billi fil-każ preżenti nsibu t-tieni sitwazzjoni, jidhirli li jeħtieġ li jsir eżami preċiż tar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1408/71.
59. M’hijiex konvinċenti r-referenza tal-Ġvern Ġermaniż u tal-konvenut għan-natura allegatament kumpensatorja tal-benefiċċji li jirriżultaw minn perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich, peress li r-rikonoxximent bħala perijodu ta’ kontribuzzjonijiet mhuwiex ibbażat fuq il-fatt li kien hemm gwerra iżda, kif diġà intqal, fuq il-fatt li fl-imgħoddi kienu tħallsu kontribuzzjonijiet lil istituzzjoni Ġermaniża. B’hekk il-motiv ta’ l-allokazzjoni ta’ benefiċċju tax-xjuħija ma tistax tistrieħ fuq sempliċi deċiżjoni diskrezzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li hija intiża li tassumi r-responsabbiltà storika tagħha fir-rigward tal-vittmi tar-reġim nazzjonalsoċjalista, iżda fit-twettiq ta’ fatt legalment stabbilit fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tal-benefiċċji, jiġifieri s-SGB VI.
60. Bl-istess mod għandha tiġi miċħuda l-motivazzjoni adottata mill-Gvern Ġermaniż u mill-konvenut, li l-benefiċċji kkontestati jservu bħala kumpensi allokati lill-kontribuwenti minħabba x-xoljiment, minħabba ġrajjiet tal-gwerra, ta’ l-istituzzjoni l-antika tas-sigurtà soċjali li kienet topera fit-territorji tal-Lvant tar-Reich Ġermaniż. Safejn din il-motivazzjoni tirriferi għall-ex Reichsversicherungsanstalt, bħala istituzzjoni tas-sigurtà soċjali fiż-żmien rilevanti, għandu jingħad, bil-kontra, li dan ma jibdilx il-fatt li bla dubju kienu tħallsu kontribuzzjonijiet lil istituzzjoni ta’ assigurazzjoni statali. F’dan ir-rigward wieħed ikollu jaqbel ma’ l-argument tal-Ġvern Taljan skond liema ma jagħmel l-ebda differenza l-fatt li r-rikorrenti kienu jirrisjedu ġewwa t-territorju tar-Reich Ġermaniż (il-Pomeranja) jew f’territorju anness (is-Sudetenland). Huwa determinati biss il-fatt li tħallsu kontribuzzjonijiet lir-Reichsversicherungsanstalt.
61. Fil-fehma tiegħi, it-tneħħija ta’ l-infrastruttura u ta’ l-uffiċċji tal-korp tas-sigurtà soċjali wara s-separazzjoni territorjali tal-Pomeranja u tas-Sudetenland mir-Reich Ġermaniż hija rrilevanti għall-finijiet tal-kunsiderazzjoni ta’ dawn il-kawżi, peress li bidla ta’ mezzi u riżorsi umani ta’ korp, anki għalkemm ikkundizzjonata mill-konsegwenzi tal-gwerra, m’għandha l-ebda influwenza fuq il-personalità ġuridika tiegħu(24). Għandu jkun hemm qbil mal-qorti ta’ rinviju fil-kawżi C-396/05 u C-419/05 fuq il-fatt li huwa rrilevanti l-kapital miġbur minn istituzzjoni tas-sigurtà soċjali fl-imgħoddi u l-fatt li dan il-kapital kien eventwalment intilef minħabba l-avvenimenti tal-gwerra. Fil-fehma tiegħi hija aktar determinanti l-kwistjoni jekk ir-Reichsversicherungsanstalt baqax jeżisti bħala unità amministrattiva mil-lat organizzattiv wara t-tmiem tal-gwerra.
62. Il-Gvern Ġermaniż u l-konvenut isostnu fin-noti tagħhom li r- Rentenversicherung Bund veru daħal minflok ir- Reichsversicherungsanstalt bħala suċċessur fil-funzjonijiet, iżda mhux fir-relazzjonijiet legali. Il-Gvern Ġermaniż, fuq talba mill-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement ippreċiża matul is-seduta din l-affermazjoni billi sostna li suċċessjoni fil-funzjonijiet hija differenti konċettwalment minn suċċessjoni fir-relazzjonijiet legali minħabba l-fatt li l-obbligi ma jitteħidtx mis-suċċessur. Minkejja n-nuqqas ta’ ċarezza li hemm fl-użu ta’ dan il-kunċett, ma jidhirlix li jista’ jkun hemm qbil fuq din il-konklużjoni fil-kuntest ta’ l-affermazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju. Fil-fatt jidher mid-digriet tar-rinviju fil-kawżi C‑396/05 u C‑419/05 li, għalkemm huwa veru li r-Reichsversicherungsanstalt ma jeżistix aktar, madankollu huwa kellu l-uffiċju prinċipali tiegħu f’Berlin, u għalhekk fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja attwali u l-patrimonju tiegħu (per eżempju l-immobbli u l-bini ta’ l-amministazzjoni) daħal fil-proprjetà tal-konvenut. Konsegwentement ma jistax ikun hemm qbil ma’ l-argument tal-Gvern Ġermaniż u tal-konvenut dwar xoljiment parzjali tar-Reichsversicherungsanstalt fl-ex territorji tal-Lvant. Jekk jiġi aċċettat l-argument tal-Gvern Ġermaniż dwar ix-xoljiment allegat tar-Reichsversicherungsanstalt aktar u aktar għandu wieħed jippresupponi, kif osserva tajjeb il-Gvern Taljan, li din l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali għebet kollha kemm hi, jiġifieri mhux biss għall-assigurati residenti fl-ex territorji tal-Lvant, iżda anki għal dawk li kienu assigurati għand dan il-korp u li r-residenza tagħhom kienet stabbilita fit-territorju attwali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Din l-aħħar kategorija ta’ persuni mhijiex madankollu interessata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata, għalkemm fiż-żewġ każijiet kienu tħallsu kontribuzzjonijiet.
63. Isegwi li ma hemm l-ebda natura ta’ kumpens fil-ħlas ta’ benefiċċju li jirriżulta minn perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich. B’hekk, isegwi wkoll li hawnhekk m’aħniex qegħdin nirreferu għal benefiċċju fost skema ta’ benefiċċji favur il-vittmi tal-gwerra skond l-Artikolu 4(4), iżda, skond l-għan tiegħu, għall-finanzjament u għall-kundizzjonijiet ta’ l-għoti tiegħu, ta’ benefiċċju soċjali skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71.
– Effett ġuridiku tad-dikjarazzjoni skond l-Artikolu 5 tar- Regolament Nru 1408/71
64. Din il-konklużjoni hija sostnuta mid-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond l-Artikolu 5 tar- Regolament Nru 1408/71, u li fiha kienet iċċitat, fil-punt I.3(a), is-Sozialgesetzbuch (kodiċi ta’ sigurtà soċjali), is-Sitt Ktieb, tat-18 ta’ Diċembru 1989, il-leġiżlazzjonijiet u l-iskemi skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71(25). Il-kunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-benefiċċju, tal-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich toħroġ minn regola tal-kodiċi msemmi, jiġifieri l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 247(3), SGB VI li tgħid li huma kkunsidrati bħala perijodi ta’ kontribuzzjonijiet anki l-perjodi li matulhom ikunu tħallsu kontribuzzjonijiet obbligatorji (perjodi ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji) jew kontribuzzjonijiet volontarji skond il-liġijiet tar-Reich fil-qasam ta’ l-assigurazzjoni-benefiċċju.
65. Il-fatt li Stat Membru kien semma’ liġi partikolari fid-dikjarazzjoni tiegħu għandu jiġi kkunsidrat bħala prova li l-benefiċċji msemmijin skond din il-liġi huma benefiċċji tas-sigurtà soċjali skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/7(26). Il-benefiċċji nnotifikati huma materjalment koperti mir-Regolament(27). In-notifika torbot de jure lill-Istati Membri, u għalhekk għandhom joqogħdu għad-dikjarazzjonijiet tagħhom stess(28).
3. Limitazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema minn klawżola ta’ residenza
66. Il-ħarsien tal-kriterju fl-Artikolu 4(1) iwassal għall-konsegwenza legali prevista fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71 li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli japplikaw leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jipprovdu għal tnaqqis tal-benefiċċji fi flus għax-xjuħija fil-każ li min ikollu dritt għalihom jiċċaqlaq fi Stat Membru ieħor. Madankollu dan l-hekk imsejjaħ prinċipju tar-revoka tal-klawżola ta’ residenza mhuwiex mingħajr limitu, kif jidher ċar mit-tifsira letterali u kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat(29), iżda japplika biss ħlief kif maħsub f’dan ir-Regolament. Jirriżulta espressament xi ħaġa li hija differenti mid-dispożizzjoni ta’ deroga ta’ l-Anness VI, Parti D, Il-Ġermanja, Nru 1, tar-Regolament Nru 1408/71.
67. Billi ż-żewġ dispożizzjonijiet ta’ dritt sekondarju huma ta’ l-istess livell mil-lat ġuridiku, mhux possibbli li tiġi eżaminata l-validità ta’ l-Anness VI, Parti D, Il-Ġermanja, Nru 1, direttament skond il-kejl ta’ l-Artikolu 10(1). Minflok għandu jiġi kkunsidrat li l-funzjoni ta’ l-Artikolu 10(1) jikkonsisti, fit-twettiq tal-koordinazzjoni stabbilita mill-Artikolu 42 KE, fl-introduzzjoni fil-Komunità ta’ skema leġiżlattiva li tikkontribwixxi biex tiggarantixxi, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-libertà fundamentali tal-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilita fl-Artikolu 39 KE(30). L-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71, stabbilita għall-partikolaritajiet tal-kawżi prinċipali tippermetti b’hekk li tiġi vverifikata l-kompatibbiltà ta’ din il-klawżola ta’ referenza għat-territorju Ġermaniż mad-dritt Komunitarju ta’ livell superjuri, li jagħmlu parti minnu l-Artikoli 39 KE u 42 KE bħala dispożizzjonijiet determinanti fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, kif ukoll l-Artikolu 18 KE dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni.
68. Skond l-Artikolu 39(1) KE, il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa assigurat ġewwa l-Komunità. Din ir-regola timplika mhux biss projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni iżda wkoll teżiġi li jiġi evitat kull xkiel għad-dritt tal-moviment liberu(31). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll kemm-il darba ddikjarat li l-Artikolu 39 KE jikkostitwixxi l-implementazzjoni ta’ prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 3(c) KE skond liema l-azzjoni tal-Komunità timplika l-eliminazzjoni fost l-Istati Membri, ta’ l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni(32). Għar-rikorrenti tal-kawżi prinċipali, li wieħed jiċċaqlaq ir-residenza fi Stati Membri oħrajn wassal rispettivament għat-telf, wara l-kalkolu ġdid tad-drittijiet tal-benefiċċju tagħhom, ta’ madwar 60 % jew ta’ 25 % tal-benefiċċju. Telf bħal dan tad-drittijiet tal-benefiċċju legalment miksub jista’ jimpedixxi lil min għandu d-dritt, bħar-rikorrenti, milli jeżerċitaw d-dritt tal-moviment liberu u għandu b’hekk jiġi kkunsidrat bħala limitazzjoni ta’ din il-libertà fundamentali. L-istess jgħodd għad-dritt tagħhom, bħala ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea, li jagħmlu użu mill-moviment liberu ggarantit lilhom mill-Artikolu 18(1) KE.
4. Ġustifikazzjoni tal-limitazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema
69. Il-leġiżlatur Ġermaniż, fejn juża l-kompetenza li jadotta regoli leġiżlattivi speċjali għall-grupp ta’ persuni li wettqu l-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet fit-territorju tar-Reich barra mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, madankollu għandu l-obbligu li jqis it-tnaqqis magħmul fuq il-benefiċċju sħiħ minħabba perijodi tal-benefiċċju mwettqa ma’ korpi barranin fil-każ ta’ residenza barra mill-Ġermanja b’mod li ma jiksirx id-dritt tal-moviment liberu.
70. Fil-kawża Elsen(33) il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma kellha bżonn teżamina f’aktar dettall il-validità tad-dispożizzjoni ta’ l-Anness VI, Parti D, ikkonstatat li l-Istati Membri, meta jirregolaw is-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali għandhom “jirrispettaw (...) b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (...) jew ukoll il-libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jiċċaqlaq jew li jirrisjedi fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.
a) L-argumenti tal-partijiet
71. Il-Gvern Ġermaniż iressaq bħala ġustifikazzjoni għal-limitazzjoni ta’ moviment liberu tal-ħaddiema l-aspirazzjoni tal-leġiżlatur Ġermaniż li jintegra fis-soċjetà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja r-refuġjati ġejjin mill-territorji antiki tal-Lvant.
72. Huwa jsostni wkoll li, bir-rekwiżit tar-residenza tal-benefiċjarju tal-pensjoni, is-SGB VI jasal għal konsegwenza mill-fatt li l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Ġermanja veru li laqħu minflokhom fil-funzjonijiet iżda mhux fir-relazzjonijiet legali mill-ex istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tar-Reich li spiċċaw. Din is-suċċessjoni fil-funzjonijiet tista’ u għandha madankollu ssir biss fejn ikun hemm attwalment kompetenza għat-territorju. Fil-każ kuntrarju, wara l-ġrajjiet tat-Tieni Gwerra Dinjija, fejn żoni kbar ta’ l-Ewropea tal-Lvant kienu ġew okkupati mill-Ġermaniżi, hemm grupp enormi ta’ persuni li potenzjalment għandhom dritt. Dan il-grupp ta’ persuni lanqas jista’ raġonevolment jiġi limitat b’kriterji oħrajn oġġettivi jekk mhux dak tar-residenza.
73. Ir-regoli dwar kemm il-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich kif ukoll dawk imwettqa skond l-FRG b’hekk għandhom anki l-funzjoni, skond l-argument tal-Gvern Ġermaniż, li jipprevjenu riskji finanzjarji li diffiċilment jistgħu jintegħlbu. Dawn ir-riskji jkunu ta’ piż mhux biss fuq it-teżor Ġermaniż taħt il-forma ta’ ħlasijiet ta’ kumpens lill-fondi tal-benefiċċji, iżda jippreġudikaw għal kollox in-natura tas-sistema ta’ l-assigurazzjoni tal-benefiċċju Ġermaniża, billi din, matul dak iż-żmien, kienet fil-biċċa l-kbira bbażata fuq finanzjament bil-kontribuzzjonijiet ta’ l-assigurati.
74. Iżda l-Kummissjoni hija tal-fehma li r-rekwiżit ta’ residenza bħala kundizzjoni għall-ħlas ta’ benefiċċju għall-perijodi ta’ kontibuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich huwa interferenza sproporzjonata fil-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikoli 39 KE u 42 KE, li hija inġustifikabbli fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward taċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni skond l-Artikoli 18 KE.
b) L-evalwazzjoni fid-dritt
75. Min-naħa għandu jkun hemm qbil ma’ l-argument tal-Gvern Ġermaniż dwar il-funzjoni ta’ l-integrazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali fejn, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza biex jiddefinixxu r-rekwiżiti għall-finijiet ta’ l-għoti tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali (34), u għalhekk għandhom poter diskrezzjonali wiesa’ fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kriterji ta’ l-evalwazzjoni tar-rabta mas-soċjetà ta’ Stat(35). Il-leġiżlatur Komunitarju ma riedx jillimita dan il-poter diskrezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-klawżoli ta’ residenza għall-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja. Anzi ddikjara espressament bħala ammissibbli l-klawżoli ta’ residenza fl-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71(36).
76. Min-naħa l-oħra jiġi oġġezzjonat kontra dan l-argument li dawn il-prinċipji japplikaw fundamentalment biss għall-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja skond l-Artikolu 10a(37). Bil-kontra, fil-kawżi prinċipali in kwistjoni hija prekluża l-applikazzjoni b’mod analogu tar-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju, espressa b’mod ċar fit-test ta’ l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li jitneħħew il-klawżoli ta’ residenza għall-benefiċċji fi flus tax-xjuħija.
77. L-argument tal-Gvern Ġermaniż, fil-fatt, huwa bbażat primarjament fuq l-argument − li diġà ġie espost − li l-benefiċċji kkontestati huma benefiċċji tas-sigurtà soċjali li ma jikkorrispondux ma’ perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fir-rigward ta’ istituzzjoni tas-sigurtà soċjali, nazzjonali jew barranija li għadha teżisti. Fid-dawl tad-dritt Komunitarju ma jistax ikun rilevanti l-fatt jekk ir-Rentenversicherung Bund laħaqx minflok ir-Reichsversicherungsanstalt fir-relazzjonijiet legali jew fil-funzjonijiet, tant li hemm provi suffiċjenti ta’ ċerta kontinwità fl-istruttura tar-Rentenversicherung Bund. Bl-istess mod huwa ċar li dawn l-għotjiet m’għandhomx il-funzjoni li jirrikonoxxu benefiċċji wara l-gwerra, iżda jikkostitwixxu benefiċċji tas-sigurtà soċjali skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71.
78. Fejn il-Gvern Ġermaniż jagħmel referenza għar-riskji finanzjarji preżunti li diffiċilment jistgħu jintgħelbu, għandu jiġi rrilevat li meta għamel dan, huwa ma ssodisfax l-obbligu tiegħu li jesponi l-fatti u lanqas ma ressaq prova ta’ dan. B’mod partikolari naqas li jipprovdi l-prova dwar in-numru eżatt ta’ persuni kkonċernati u dwar l-ispejjeż li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha tagħmel fil-każ li jkollha tħallas benefiċċju tax-xjuħija sħiħa lill-istess persuni. Apparti dan, ma jistax ikun hemm qbil ma’ dan l-argument, peress li l-benefiċċji kellhom f’kull każ jitħallsu jekk il-persuni interessati kienu baqgħu fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. B’hekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża li hemm fis-SGB VI jista’ jkollha biss l-għan li timpedixxi ċ-ċaqliq ta’ min għandu d-dritt fi Stati Membri oħrajn.
79. Minbarra dan għandu jiġi eżaminat jekk il-“prinċipju ta’ integrazzjoni” li, skond il-Gvern Ġermaniż, huwa l-bażi tar-regola tas-SGB VI, huwiex kompatibbli mal-kunċett taċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikoli 17 u 18 KE. L-Artikolu 18 KE jiggarantixxi liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni d-dritt li jiċċaqilqu u jirrisjedu b’mod liberu fit-territorju ta’ l-Istati Membri, ħlief għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat u mid-dispożizzjonijiet adottati fl-applikazzjoni tiegħu.
80. Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, il-libertà fundamentali tal-moviment liberu tal-ħaddiema żviluppat fil-moviment liberu sħiħ taċ-ċittadini(38). F’dan is-sens, fis-sentenza Martínez Sala(39) il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet għall-ewwel darba għaċ-ċittadinanza Ewropea effett dirett fil-qasam tas-sigurtà soċjali, billi eżaminat esklużivament l-effetti taċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni fl-evalwazzjoni tad-drittijiet sostnuti f’dan il-każ partikolari. Fis-sentenza Elsen(40) il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li anki l-Artikolu 18 KE għandu jintuża bħala bażi leġali tar-Regolament Nru 1408/71, billi affermat li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli Komunitarji jikkontribwixxu mingħajr dubju biex jiggarantixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema, skond l-Artikolu 39 KE, iżda anki taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni ġewwa l-Komunità skond l-Artikolu 18 KE.
81. Waħda mill-aspirazzjonijiet prinċipali tal-protezzjoni soċjali Ewropea hija - bħal fis-settur tal-moviment liberu wkoll − l-integrazzjoni tal-ħaddiema, u għalhekk taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni wkoll, fil-ħajja soċjali ta’ Stat Membru(41). L-Artikoli 39 KE u 18(1) KE, huma miksura b’mod ċar minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni, li ċertament hija maħsuba biex twettaq l-integrazzjoni ta’ grupp determinat ta’ persuni ta’ ċittadini fis-soċjetà ta’ art twelidhom, iżda fl-istess ħin hija intiża biex timpedixxi l-integrazzjoni fis-soċjetà ta’ l-Istati Membri oħrajn.
82. L-għan ta’ l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jirriżulta kompromess − bil-ksur konsegwenti ta’ l-Artikolu 18(1) KE − jekk Stat Membru jiżola grupp partikolari taċ-ċittadini tiegħu mingħajr motiv evidenti u jqiegħdhom f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ meta mqabbla mal-maġġoranza, billi jsir aktar diffiċli għalihom, permezz tat-tnaqqis fil-benefiċċju, l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu.
83. Wieħed ma jistax jifhem għaliex ma’ l-integrazzjoni fis-soċjetà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tiġi assoċjata wkoll, fl-istess ħin, integrazzjoni fil-komunità tal-popli ġewwa l-Unjoni Ewropea, iktar u iktar meta t-Trattat KE għandu l-għan, skond l-ewwel premessa tal-preambolu, li jitsabbilixxi s-sisien ta’ għaqda dejjem akbar fost il-popli Ewropej.
84. Għalhekk, l-għan ta’ l-integrazzjoni tar-refuġjati ta’ oriġini Ġermaniża fis-soċjetà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, imsegwi mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża fis-SGB VI fir-rigward ta’ benefiċċji dwar perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich, mhuwiex iġġustifikat safejn jostakola l-integrazzjoni ta’ l-istess persuni fis-soċjetà ta’ l-Istati ospitanti.
85. Peress li l-parti D, punt (1) ta’ l-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71, li hija rilevanti għall-finijiet għall-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234(1)(b) KE, sempliċiment tiggarantixxi l-klawżola ta’ residenza li tinsab fid-dritt nazzjonali, mingħajr ma ddgħajjifha jew ittaffiha, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala inkompatibbli mad-dritt Komunitarju ta’ livell superjuri.
B – Fuq il-kawża C‑450/05
86. Id-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mil-Landessozialgericht ta’ Berlin-Brandenburg hija, f’ċertu sens, artikolata f’żewġ partijiet. Jeħtieġ jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet transitorji ta’ l-Anness III, Partijiet A u B, Nru 35 Il-Ġermanja-L-Awstrija (e) [li wara t-tkabbir mill-1 ta’ Mejju 2004 sar nru 83(e), kemm fit-taqsima A kif ukoll it-taqsima B] u ta’ l-Anness VI, Ċ, Il-Ġermanja, Nru 1 tar-Regolament Nru 1408/71 humiex rispetivament kompatibbli mad-dritt Komunitarju ta’ livell superjuri.
1. L-ewwel parti tad-domanda
a) Osservazzjonijiet preliminari
87. Ir-rikorrent prinċipali jsostni li tilef vantaġġi wara li kien hemm restrizzjonijiet fuq l-assimilazzjoni tat-territorju wara l-Konvenzjoni bejn il-Ġermanja u l-Awstrija ta’ l-4 ta’ Ottubru 1995, assimilazzjoni stabbilita mill-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ qabel tat-22 ta’ Diċembru 1966(42) fir-rigward tas-sigurtà soċjali. Id-dispożizzjonijiet transitorji ta’ din il-Konvenzjoni ġdida jieħdu kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanza li, ma’ l-adeżjoni ta’ l-Awstrija maż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u ma’ l-Unjoni Ewropea, ir-Regolament Nru 1408/71 daħal fis-seħħ anki f’dan l-Istat Membru u li skond l-Artikolu 6 tiegħu, abolixxa l-Konvenzjoni bilaterali fis-seħħ sa dak il-waqt.
88. Id-dispożizzjonijiet transitorji ta’ l-Artikolu 14(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ l-4 ta’ Ottubru 1995 bejn il-Ġermanja u l-Awstrija jipprovdu sostanzjalment iż-żamma ta’ l-assimilazzjoni tat-territorji, anki jekk b’mod limitat għall-każijiet fejn (i) il-benefiċċji jistgħu jingħataw diġà fl-1 ta’ Jannar 1994, (ii) il-persuna kkonċernata kienet stabbiliet ir-residenza tagħha fl-Awstrija qabel l-1 ta’ Jannar 1994 u l-għoti ta’ benefiċċji bħala assigurazzjoni tal-benefiċċji u inċidenti kienet bdiet qabel il-31 ta’ Diċembru 1994(43). Ir-rikorrent m’għandux dawn ir-rekwiżiti billi, għalkemm residenti fl-Awstrija mill-1970, huwa kien awtorizzat li jitlob benefiċċju tax-xjuħija biss mill-1 ta’ Awwissu 1999 meta għalaq l-età ta’ 63 sena.
89. Din il-leġiżlazzjoni transitorja hija kkonfermata mill-klawżola li t-test tagħha huwa identiku mad-dispożizzjoni li għadha kif ġiet iċċitata, li jinsab fl-Anness III Partijiet A u B, Nru 35, Il-Ġermanja−L-Awstrija (e). Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-riviju għal deċiżjoni preliminari huwa limitat, skond l-Artikolu 234(1)(b) KE għall-kwistjoni tal-validità ta’ din il-klawżola inkwantu dispożizzjoni f’leġiżlazzjoni ta’ dritt Komunitarju sekondarju. Għall-kuntrarju, il-konvenzjonjiet dwar is-sigurtà soċjali konklużi bejn il-Ġermanja u l-Awstrija ma jistgħux legalment ikunu soġġetti għal dan l-eżami, peress illi dawn il-konvenzjonijiet bilaterali, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali ta’ l-Istati parteċipanti(44). Fl-istess hin, dawn il-ftehim għandhom importanza fil-kuntest ta’ l-eżami tal-kwistjoni dwar kemm dawn ġew issostitwiti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71. Ir-rikorrent għalhekk m’għandux dritt li jitħallas benefiċċju li jirriżulta mill-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa skond l-applikazzjoni ta’ l-FRG sakemm ma jkunx joqgħod fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn ir-Regolament Nru 1408/71 japplika għal dak il-benefiċċju u fejn ma jkunx hemm regola derogatorja favur tiegħu.
b) L-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71
i) Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae u r-relazzjoni bejn il-fruntieri
90. Bħala ex ħaddiem fl-Awstrija u attwalment pensjonant, ir-rikorrent huwa persuna koperat skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament.
91. Minbarra dan, teżisti wkoll dimensjoni Komunitarja meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolament(45). Din id-dimensjoni Komunitarja tippressuponi li l-persuni, il-fatti jew it-talbiet għandhom relazzjoni legali ma’ Stat Membru ieħor. Din ir-relazzjoni tista’ teżisti wkoll rigward persuna li tiġi applikata jew kienet applikata fir-rigward tagħha l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed, iżda mhux meta ma’ jkun hemm ebda rabta ma’ xi sitwazzjoni kkunsidrata mid-dritt Komunitarju u li l-elementi tagħha jinsabu kollha ġewwa Stat Membru wieħed biss(46). Isegwi li hemm għalhekk relazzjoni legali ma’ element ta’ konnessjoni internazzjoni meta jkunu applikabbli għall-ħaddiem id-dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li huwa differenti mill-Istat Membru li fih jirrisjedi l-benefiċjarju. Dan għandu jgħodd per eżempju meta din il-leġiżlazzjoni tiggarantixxi lill-ħaddiem id-dritt għal benefiċċju(47). Ir-rikorrent jissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Huwa ċar li wara li telaq mir-Rumanija, huwa ħadem u għex esklużivament fl-Awstrija. Madankollu, billi l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali Ġermaniża tirrikonoxxilu l-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet Ġermaniżi validi għall-finijiet tal-benefiċċju skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-FRG, mill-adeżjoni ta’ l-Awstrija teżisti relazzjoni legali ma’ Stat Membru ieħor.
ii) Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis
92. Ir-Regolament Nru 1408/71 sar japplika fir-Repubblika ta’ l-Awstrija mill-1 ta’ Jannar 1994 bis-saħħa tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (iktar ‘il quddiem il-“Ftehim ŻEE”)(48). Mill-1 ta’ Jannar 1995 beda japplika għar-Repubblika ta’ l-Awstrija bħala Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea(49). Madankollu dan ma jostakolax l-applikabbiltà tar-Regolament għall-perijodi ta’ l-assigurazzjoni u tax-xogħol mitmuma mir-rikorrent qabel din id-data. Skond l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġi kkunsidrat kull perjodu ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ residenza u għalhekk anki l-perijodi mitmuma qabel l-ewwel jum tal-validità tar-Regolament. Minbarra dan l-Artikolu 94(3) ta’ l-istess Regolament jistabbilixxi li jinkiseb dritt minkejja li jkollu x’jaqsam ma’ kontinġenza li tkun seħħet qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat.
93. Il-projbizzjoni ta’ kull effett retroattiv, prevista mill-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1408/71 skond liema l-ebda dritt ma għandu jinkiseb għal perijodu ta’ żmien qabel id-data ta’ l-applikazzjoni tiegħu fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat, mhijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li d-dritt tar-rikorrent li jitlob benefiċċju nħoloq biss wara l-1 ta’ Awwissu 1999, wara li kien leħaq l-età ta’ 63 sena, u b’hekk biss wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament fl-Awstrija.
iii) Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae
94. Is-sitwazzjoni ġuridika ta’ dan il-każ għandha tiġi evalwata b’mod differenti minn dik fil-kawżi magħquda Habelt u Möser. Fil-fatt skond l-SGB VI, il-perijodi tal-benefiċċju mwettqa mal-korpi barranin skond l-FRG huma differenti mill-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet magħmulin fit-territorju tar-Reich, l-ewwel nett minħabba l-fatt li dawn huma intiżi li jieħdu in kusniderazzjoni l-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet li kellhom jiġu mwettqa f’sistema barranija, jiġifieri mhux Ġermaniża. Fi kliem ieħor, fil-każijiet dwar il-benefiċċji dovuti għal surroga, benefiċċju statali ma jikkorrispondix mal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet magħmulin qabel mill-benefiċjarju. Ma’ dan jiżdied il-fatt li l-grupp ta’ persuni li għandhom drittijiet skond il-FRG huwa aktar wiesa’ peress illi jinkludi membri tal-poplu Ġermaniż li kienu residenti f’territorji li jinsabu barra mill-ex Reich Ġermaniż ta’ dak iż-żmien.
95. F’dan il-kuntest il-benefiċċji taħt l-FRG għandhom jiġu eżaminati skond l-għan tagħhom b’mod separat skond il-bażi tal-klassifikazzjoni preċiża tagħhom fil-kategoriji tal-benefiċċji fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71. B’hekk, id-dispożizzjonijiet derogatorji li jinsabu fih, li fosthom hemm ukoll l-iskemi ta’ kumpens favur il-konsegwenzi tal-gwerra, għandhom jiġu interpretati b’mod strett bl-għan li jiġi stabbilit il-moviment liberu tal-ħaddiema migranti li jkun l-aktar komplut possibbli(50).
– L-argumenti tal-partijiet
96. Skond l-argumenti mressqa mill-Gvern Ġermaniż u l-konvenut, id-dispożizzjonijiet ta’ l-FRG għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-fatt li l-minoranzi Ġermaniżi resdenti fl-Ewropa tal-Lvant u fl-Ażja Ċentrali kellhom destin iebes ħafna matul u wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Ġermanja tgħabbiet b’responsabbiltà partikolari fir-rigward tad-destin ta’ dawn il-persuni u ħalliethom jiddeċiedu jekk jixtiqux jorganizzaw il-futur tagħhom fil-pajjiż attwali tagħhom jew jekk jixtiqux imorru jgħixu fil-Ġermanja fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ospitanti sabiex tiġi promossa integrazzjoni soċjalment aċċettabbli tar-refuġjati li jmorru jgħixu fil-Ġermanja. L-FRG tagħmel parti minn dawn il-miżuri ta’ integrazzjoni, fejn jiġi preżunt li l-persuni kkonċernati ikunu għaddew il-ħajja ta’ xogħol tagħhom fil-Ġermanja. Il-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet li jkunu temmew ma’ istituzzjoni tas-sigurtà soċjali barranija jiġu integrati fl-iskema legali tal-benefiċċji Ġermaniża u mħallsin skond il-livell tal-benefiċċji Ġermaniżi.
97. L-integrazzjoni ta’ perijodi barranin fl-iskema Ġermaniża hija meħtieġa peress li l-korpi ta’ l-assigurazzjoni barranin kompetenti ma jkunux jistgħu jesportaw il-benefiċċji tagħhom, jew il-benefiċċji barranin esportati mhumiex biżżejjed biex jiggarantixxu lil min huwa kkonċernat dħul minimu fil-Ġermanja biex ikun jista’ jlaħħaq mal-bżonnjiet tiegħu tal-ħajja. Taħt dan l-aspett, il-benefiċċji mwettqa fir-rigward tal-perijodi FRG għandhom l-għan li jiggarantixxu ħarsien supplementari, sussidjarju jew addizzjonali kontra r-riskju ta’ xjuħija li huwa relatat ma’ l-ambjiet ekonomiku u soċjali fil-Ġermanja.
98. Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-għoti ta’ benefiċċji fit-territorju nazzjonali fir-rigward ta’ perijodi FRG ma jiddependix miċ-ċirkustanza li l-persuni kkonċernati kienu anki ħallsu kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-benefiċċju Ġermaniża.
99. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn huma benefiċċji li għandhom jiġu kklassifikati fil-katalgu tal-benefiċċji tax-xjuħija skond l-Artikoli 4(1)(ċ) u b’hekk fis-settur tas-sigurtà soċjali. Hija żżid li, għalkemm biex tirċievi l-benefiċċji skond l-FRG mhuwiex meħtieġ li jkunu tħallsu l-kontribuzzjonijiet, dan ma jibdilhomx f’benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja.
100. Hija tgħid ukoll li wara t-tmiem tal-gwerra l-bierda m’għadux korrett li jingħad li r-refuġjati ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet tas-sigurtà soċjali miksuba fl-Istati ta’ oriġini għaliex l-istituzzjonijiet kompetenti jinsabu barra l-Ġermanja. F’parti kbira tat-territorji ċċitati fil-BVFG daħal fis-seħħ fil-frattemp id-dritt Komunitarju u, bħala konsegwenza, anki r-Regolament (KEE) Nru 1408/71. L-argument dwar in-nuqqas ta’ protezzjoni ġuridika ma japplikax għal dawn l-Istati Membri.
– L-evalwazzjoni fid-dritt
Id-distinzjoni bejn il-benefiċċji favur il-vittmi tal-gwerra u l-konsegwenzi tagħha
101. Min-naħa, għandu jkun hemm qbil ma’ l-opinjoni tal-Gvern Ġermaniż skond liema d-dispożizzjonijiet magħquda tal-FRG u tal-BVFG, kienu intiżi oriġinarjament għall-integrazzjoni fis-soċjetà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ dawk il-persuni ta’ nazzjonalità Ġermaniża li, fil-kuntest ta’ l-avvenimentni tat-Tieni Gwerra Dinjija, kienu tilfu r-residenza tagħhom barra mill-Ġermanja sussegwentement għal ċaqliq, b’mod partikolari f’każ ta’ espulsjoni. Il-Gvern Ġermaniż juża bħala ażi għall-argument legali s-sentenza Tinelli, minn fejn jirriżulta li l-FRG għandha bħala għan li “tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid, sussegwentement għal ġrajjiet marbutin mar-reġim Nazzjonalsoċjalista u mat-Tieni Gwerra Dinjija, ta’ l-eżiljati u r-refuġjati li kkontribwew b’xogħolhom għar-rikostruzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja”(51).
102. Min-naħa l-oħra, għandu jkun hemm qbil ukoll ma’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u tal-qorti tar-rinviju li dan l-argument għandu jiġi evalwat b’mod differenti fid-dawl taċ-ċirkustanzi preżenti. L-aktar fir-rigward ta’ l-imsejħa "Spätaussiedler", li ma taw l-ebda kontribut fir-rikostruzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dispożizzjonijiet bħall-FRG illum ma jsegwux aktar dan l-għan, iżda huma intiżi pjuttost sabiex jintegraw l-assigurati li jkunu wettqu perijodi ta’ kontribuzzjonijiet barra mill-pajjiż fis-skema ta’ l-assigurazzjoni tal-persjoni legali Ġermaniża(52).
103. Minbarra dan, jidher li m’għadux japplika l-argument tal-Gvern Ġermaniż f’din il-kawża li l-benefiċċji mogħtija skond il-FRG huma ddestinati sabiex jikkumpensaw il-fatt li l-persuni kkonċernati ma jistgħux isostnu d-drittijiet miksuba fil-Istati ta’ oriġini għaliex l-istituzzjonijiet kompetenti jinsabu barra l-Ġermanja. Din il-motivazzjoni, li diġà kienet fil-bażi tas-sentenzi Fossi u Tinelli, m’għadhiex korretta, kif osservat tajjeb il-Kummissjoni, wara tmiem il-gwerra l-bierda u t-tkabbir li seħħ darbtejn ta’ l-Unjoni Ewropea. F’parti kbira tat-territorji ta’ l-Ewropa tal-Lvant iċċitati fil-Bundesvertriebenengesetz daħal fis-seħħ fil-frattemp id-dritt Komunitarju u għalhekk ukoll ir-Regolament Nru 1408/71. Skond dan ir-Regolament kull Stat Membru jagħti benefiċċju pro rata li jikkorrispondi mal-perijodi ta’ assigurazzjoni mitmuma skond il-leġiżlazzjoni tiegħu, li tista’ tiġi esportata fl-Istati Membri oħrajn skond l-Artikolu 10 tar-Regolament. Skond id-dispożizzjonijiet transitorji ta’ l-Artikolu 94 tar-Regolament dan japplika l-perijodi ta’ l-assigurazzjoni mitmuma u għall-fatti li seħħew qabel l-adeżjoni ta’ pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Bl-adeżjoni tar-Rumanija, fl-1 ta’ Jannar 2007 ir-rikorrent seta’ − għall-anqas minn dak il-mument − jikseb benefiċċju Rumen abbażi tal-perjodi ta’ assigurazzjoni Rumeni. Għalhekk l-argument tan-nuqqas ta’ karattru eżekutorju tal-benefiċċji ma baqax japplika fir-rigward ta’ dawn l-Istati Membri.
104. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmijin, fil-każ tal-benefiċċji li jirriżultaw minn perijodi ta’ benefiċċju mwettqa f’korpi barranin skond l-FRG, wieħed ma jistax jitkellem fuq skema ta’ benefiċċji għall-vittmi tal-gwerra u tal-konsegwenzi tagħha skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1408/71.
Distinzjoni rigward il-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja.
105. Minflok għandha tiġi kkunsidrata klassifikazzjoni tal-benefiċċji minn wara perijodi ta’ benefiċċju mwettqa għand korpi barranin skond il-FRG fil-kategorija ta’ benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja skond l-Artikolu 4(2)a, tar-Regolament Nru 1408/71. Għal dan l-iskop huwa meħtieġ li kull benefiċċju jissemma fl-Anness IIa u li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti materjali għall-eżistenza ta’ benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja skond l-Artikolu 4(2)a tar-Regolament Nru 1408/71(53).
106. It-tip ta’ finanzjalment iwassal l-ewwel nett favur kwalifikazzjoni f’dan is-sens, peress illi l-għoti ta’ benefiċċji li jirriżulta minħabba perijodi ta’ benefiċċju mwettqa barra mill-pajjież skond l-FRG mhuwiex suġġett mal-kundizzjoni li l-persuni kkonċernati kienu ħallsu anki kontribuzzjonijiet lill-iskema Ġermaniza ta’ l-assigurazzjoni tax-xjuħija. Dawn il-benefiċċji huma ffinanzjati b’riżorsi pubbliċi peress illi, skond l-Artikolu 291b SGB VI(54), l-Istat Federali jirrimborża lill-istituzzjonijiet responsabbli għall-assigurazzjoni tal-benefiċċji l-ispejjeż magħmulin minħabba l-benefiċċji mogħtija skond l-FRG. Madankollu, għall-finijiet li ssir distinzjoni ċara dwar il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali skond l-Artikolu 4(1), wieħed ma jistax joqgħod biss fuq din il-karatteristika, peress li mill-Artikolu 4(2) jirriżulta li r-Regolament Nru 1408/71 japplika għall-iskemi tas-sigurtà soċjali kontributorji u mhux kontributorji.
107. Il-klassifikazzjoni bħala benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja skond l-Artikolu 4(2)a tar-Regolament Nru 1408/71 tiddependi minbarra dan mill-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċju in kwistjoni jippreżentax il-karatteristika ta’ benefiċċju speċjali. Għal dan il-għan, huwa għandu jikkostitwixxi sostituzzjoni jew integrazzjoni ta’ benefiċċju tas-sigurtà soċjali u jkollu karatteristiċi ta’ għajnuna soċjali ġġustifikata minħabba motivi ekonomiċi u soċjali. Imbagħad jeħtieġ li dan il-benefiċċju ikun bbażat fuq bażi leġiżlativa li tiffissa kriterji oġġettivi(55). Il-benefiċċji li jirriżultaw minn perijodi ta’ benefiċċji imwettqa għand korpi barranin skond il-FRG huma mfassla bħala benefiċċji tax-xjuħija u bħala tali huma assimilati ma’ benefiċċju partikolari tas-sigurtà soċjali skond l-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71. Huwa veru li għandhom, fost l-oħrajn, l-għan ta’ l-integrazzjoni soċjali ta’ min għandu d-dritt anki taħt l-aspett ekonomiku, iżda, kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Ġermaniż, ma jirriflettux il-karatteristiċi li jiddistingwu l-għajnuna soċjali(56). Dan japplika, per eżempju, għall-konnessjoni mal-karatterisitika tat-tbatija ekonomika, peress li l-benefiċċji li jirriżultaw minn perijodi ta’ benefiċċju mwettqa għand korpi barranin skond l-FRG jingħataw irrispettivament minn jekk eventwalment tiġi stabbilita t-tbatija ekonomika ta’ individwu jew ta’ grupp partikolari ta’ persuni. Barra minn hekk, l-għoti tal-benefiċċji huwa bbażat fuq kalkolu globali ta’ perijodi ta’ attività ta’ xogħol li min għandu d-dritt ikun wettaq fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, u dan ma jindikax xebh ma’ l-għajnuna soċjali.
108. Fl-aħħarnett jipprekludi li jkun hemm klassifikazzjoni ta’ benefiċċji għall-perijodi ta’ benefiċċju mwettqa għand korpi barranin skond l-FRG fil-kategorija tal-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja skond l-Artikolu 4(2)a tar-Regolament Nru 1408/71, il-fatt li ma jissemmewx fl-Anness IIa. Benefiċċju soċjali jista’ jidħol f’din il-kategorija biss jekk ir-rekwiżiti materjali u d-dħul ta’ kull benefiċċju fl-Anness IIa jkunu preżenti b’mod kumulattiv(57).
109. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ qabel għandu jiġi konkluż li l-benefiċċji li jiġu minn perijodi ta’ benefiċċju mwettqa għand korpi barranin skond l-FRG għandhom jidħlu fil-kategorija tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali skond l-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71.
110. Għalhekk ir-Regolament Nru 1408/71 huwa fil-prinċipju applikabbli għal din il-kawża.
c) Eżistenza ta’ deroga
i) Fuq id-dispożizzjonijiet transitorji li jinsabu fil-ftehim bilaterali ta’ l-1995 u ta’ l-Anness III tar-Regolament Nru 1408/71
111. Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/71 fl-Awstrija kellu bħala konsegwenza, skond l-Artikolu 6(a), li dan ħa l-post il-Konvenzjoni bilaterali ta’ l-1966. Fuq livell ta’ relazzjonijiet bejn l-Istati dan kienet qabel inbidlet l-ewwel mill-Konvenzjoni ta’ l-4 ta’ Ottubru 1995, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 1998. Minħabba motivi ta’ ħarsien ta’ l-aspettattivi leġittimi, iddaħħlu regoli transitorji fl-Artikolu 2(b) tal-Konvenzjoni għal każijiet antiki.
112. Fuq livell Komunitarju dawn ir-regoli transitorji huma assigurati minn klawżola, b’test identiku, fl-Anness III, Partijiet A u B, nru 35, Il-Ġermanja−L-Awstrija (e) [rispettivament l-Anness III, Partijiet A u B Nru 33(e) wara t-tkabbir ta’ l-1 ta’ Mejju 2004]. Bħala bażi leġiżlattiva għal klawżola fl-Anness II wieħed jista’ madankollu jinvoka biss l-Artikolu 7(2)(c). Skond din id-dispożizzjoni, bla ħsara għall-Artikolu 6, il-konvenzjonijiet ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Anness III jibgħu applikabbli. Isegwi li l-Artikolu 7(2)(c) japplika biss għall-konvenzjonijiet stipulati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li huwa prekluż għall-Istati Membri, skond l-Artikolu 8, li jistipulaw konvenzjonijiet ġodda anki wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament(58). B’hekk l-Artikolu 8 ma japplikax għall-konvenzjonijiet iċċitati fl-Anness III. Il-Konvenzjoni bejn ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja fuq is-sigurtà soċjali ta’ l-4 ta’ Ottubru 1995, billi ġiet iffirmata wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/71 fl-Awstrija, hija, kif issostni l-Kummissjoni, hija konvenzjoni ġdida u għalhekk, bħala prinċipju, ma tistax tiddaħħal fl-Anness III. Din l-opinjoni hija msaħħa, min-naħa, bil-fatt li l-preambolu tal-Konvenzjoni jirriferi espressament għall-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1408/71 u jiċċita l-intenzjoni tal-partijiet kontraenti “li jikkonkludu kovenzjoni ġdida fuq is-sigurtà soċjali li tieħu post il-Konvenzjoni tat-22 ta’ Diċembru 1966”.
113. Min-naħa l-oħra l-Artikolu 14(2)(b) tal-Konvenzjoni, u għalhekk anki l-klawżola li hemm fl-Anness III, jirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet tal-Konvenżjoni ta’ l-1966 li l-kontenut leġiżlattiv tagħha baqa’ sostanzjalment l-istess, u daħlu biss kundizzjonijiet biex jiġu ggarantiti l-benefiċċji jekk il-persuni kkonċernati jirrisjedu barra mit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. L-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni jistabbilixxi espressament li bid-dħul fis-seħħ tagħha, il-Konvenzjoni tat-22 ta’ Diċembru 1966 bejn ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja fuq is-sigurtà soċjali ma baqgħetx fis-seħħ, ħlief għad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2. Għalhekk wieħed jista’ jara fl-Artikolu 14(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ l-1995 iż-żamma, b’ċerti kundizzjonijiet, fis-seħħ tar-regoli ta’ qabel. B’hekk il-klawżola li tinsab fl-Anness III m’għandhiex tiġi kkontestata.
ii) Limitazzjoni fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema
– Telf ta’ vantaġġ soċjali
114. Tibqa’ biex tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-ksur eventwali tad-dritt Komunitarju sostanzjali. Ir-rikorrent tal-kawża prinċipali jsostni li bit-telf ta’ vantaġġi dovut għal-limitazzjoni tal-prinċipju ta’ l-assimilazzjoni tat-territorji, sar ksur tad-dritt tal-moviment liberu.
115. L-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ l-1966 stabbilixxa assimilazzjoni tat-territorji ta’ l-Awstrija u tal-Ġermanja li ma tirriżultax mir-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt l-assimilazzjoni tat-territorji, għalkemm stabbilita fl-Artikolu 10 tar-Regolament, hija rrevokata mill-ġdid mid-dispożizzjoni fl-Anness VI, Taqsima D, Il-Ġermanja, Nru 1, proprju minħabba l-benefiċċji kkontestati. Billi l-assimilazzjoni skond il-Konvenzjoni ta’ l-1966, kienet twassal għall-ħlas fl-Awstrija ta’ benefiċċju abbażi ta’ perjodi ta’ benefiċċju mitmuma barra mill-pajjiż skond l-FRG, din tikkostitwixxi vantaġġ soċjali mhux previst bħala tali mir-Regolament.
116. Huwa veru li r-regola transitorja tistabbilixxi fl-Anness III deroga fl-Anness VI tar-Regolament − sakemm tilfet l-effett tagħha fil-5 ta’ Mejju 2005 − madankollu mhux fil-każijiet li fihom il-benefiċċju tħallas l-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 1995. Jidħol f’din is-sitwazzjoni r-rikorrent, peress illi huwa beda jirċievi benefiċċju għall-ewwel darba fl-1999. Ir-rikorrent b’hekk, ma jistax jinvoka l-assimilazzjoni tat-territorji li hemm fil-Konvenzjoni ta’ l-1966 peress illi r-Regolament ma jipprovdix għal dawn il-benefiċċji minħabba d-dispożizzjoni li hemm fl-Anness VI, u għaliex ir-Regolament, fid-dispożizzjoni ta’ l-Anness III, ma kien stabbilixxa l-ebda regola transitorja f’każijiet analogi bħal dawk tar-rikorrent u fl-aħħar għaliex l-assimilazzjoni tat-territorji għall-każijiet il-ġodda ġiet abolita fir-relazzjonijiet bilaterali mad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni l-ġdida ta’ Ottubru 1998 billi din il-Konvenzjoni − l-istess bħall-Anness III tar-Regolament Nru 1408/71 − tippreżupponi li benefiċċju jkun ingħata għall-ewwel darba fl-1994.
117. Minkejja d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/71, ir-rikorrent jista’ jinvoka ż-żamma tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ l-1966, jekk id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Anness II u VI ikunu inkompatibbli mad-dritt Komunitarju ta’ livell superjuri, partikolarment mad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.
– Ksur tal-moviment liberu tal-ħaddiema
118. Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema ma jawtorizzawx li l-ħaddiema li jkunu eżerċitaw id-dritt ta’ moviment liberu tagħhom jitilfu vantaġġi soċjali minħabba li konvenzjoni bilaterjali introdotta fid-dritt nazzjonali tkun saret inapplikabbli wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament(59). Din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-ħaddiem ikkonċernat seta’ leġittimament jemmen li huwa seta’ jibbenefika mid-dispożizzjonijiet l-aktar vantaġġużi tal-konvenzjoni anki wara li jkun eżerċita d-dritt ta’ movment liberu tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawżi Rönfeldt(60), Thévenon (61), Naranjo Arjona et (62) u Grajera Rodriguez(63) iddikjarat ir-rekwiżiti li jrid ikun hemm biex id-dispożizzjonijiet ta’ konvenzjonijiet bilaterali preċedenti jibqgħu japplikaw minkejja r-regoli impliċitament abrogattivi fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1408/71.
119. Fis-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1995 fil-kawża Thévenon, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-ġurisprudenza tagħha li ġejja mis-sentenza Rönfeldt fis-sens li l-prinċipju tal-ħarsien ta’ l-aspettattivi leġittimi ma jistax japplika għal ħaddiema li sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/71 jkunu wettqu perijodi ta’ assigurazzjoni fi Stat Membru wieħed u jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu biss wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament imsemmi(64).
120. Fil-kawżi Naranjo Arjona u Grajera Rodriguez kien satbbilit li l-persuni kkonċernati kienu diġà impjegati fil-Ġermanja qabel ma r-Regolament Nru 1408/71 daħal fis-seħħ f’dan l-Istat Membru ma’ l-adeżjoni ta’ Spanja fl-1 ta’ Jannar 1986 u li, meta sar san, skond l-Artikolu 6 tiegħu, bħala prinċipju ssostitwixxa d-dispożizzjonijiet tal-Konvenjoni bejn il-Ġermanja u Spanja. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, din is-sostituzzjoni ma tistax iċċaħħad lill-persuni kkonċernati mid-drittijiet u l-vantaġġi li huma għandhom skond il-Konvenzjoni(65).
121. Wieħed jista’ jiddeduċi minn din il-ġurisprudenza li s-sostituzzjoni tad-dispożizzjonijiet li ħerġin mill-konvenzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali miftehma bejn l-Istati Membri permezz tad-dispożizzjonijiet Komunitarji għandha fil-prinċipju natura inderogabbli(66) u, immaterjalment mill-każijiet indikati espressament fir-regolamenti, tippermetti deroga biss fil-każ li ħaddiem li qabel ikun eżerċita d-dritt tal-moviment liberu jitlef il-vantaġġi tas-sigurtà soċjali li jkollu dritt għalihom skond il-konvenzjonijiet fis-seħħ bejn żewġ Stati Membri jew iżjed integrati fid-dritt nazzjonali tagħhom minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.
122. F’dan il-kuntest ta’ min ifakkar li dawn il-prinċipji ħerġin minn interpertazzjoni ta’ l-Artikoli 39 KE u 42 KE, u li s-sens u l-għan ta’ din il-ġurisprudenza jistgħu b’hekk jikkonsistu esklużivament li jiggarantixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema(67). Għalhekk l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fundamentali huwa kundizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni ta’ din il-libertà fundamentali minn min hu kkonċernat. Kuntrarjament għall-kawżi C‑396/05 u C‑419/05, ir-rikorrent tal-kawża prinċipali fil-kawża C‑450/03 kien irrisjeda u ħadem fir-Rumanija u fl-Awstrija biss u b’hekk ma ċċaqlaqx fiżikament bejn żewġ Stati Membri ta’ l-Unjoni. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja fuq il-moviment liberu tapplika madankollu anki fejn l-attività kkontestata veru tkun saret barra l-Unjoni Ewropea, iżda r-relazzjoni ta’ xogħol għandha wkoll natura ġeografika jew rabta biżżejjed strett mad-dritt ta’ Stat Membru u b’hekk mar-regoli rilevanti tad-dritt Komunitarju. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Boukhalfa(68) rrikonoxxiet rabta biżżejjed stretta, fost l-oħrajn, jekk ħaddiem li jeżerċita attività f’xi Stat terz jiġi integrat fl-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru. F’dan il-każ partikolari r-rikorrent ġie rikonoxxut bħal refuġjat skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-BVFG u għalhekk kellu, bħala prinċipju, id-dritt għal benefiċċju tax-xjuħija, u b’hekk il-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fir-Rumanija kellhom jiġu kkunsidrati skond il-FRG.
123. Għall-finijiet ta’ l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fuq il-moviment liberu, huwa biżżejjed li l-benefiċċju jaqsam il-fruntieri, billi mhux meħtieġ li tiġi eżerċitata fiżikament il-libertà fundamentali mill-persuni, billi dan iwassal inkella għal riżultati differenti li mhumiex iġġustifikati. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Rundgren(69), irrikonoxxiet l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71 u b’hekk tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fil-każ ta’ persuna li kienet tirrisjedi fi Stat Membru mingħajr ma tkun ħadmet hemmhekk, iżda li kienet tirċievi benefiċċju mogħti minn Stat Membru ieħor bħala uffiċjal irtirat. F’dan il-każ il-benefiċċju jaqsam il-fruntiera ta’ żewġ Stati Membri. Ir-rikorrent, li kien eżerċita attività ta’ xogħol fl-Awstrija, kien imissu skond il-liġijiet Ġermaniżi, benefiċċju tax-xjuħija sad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni l-ġdida ta’ l-1998, mingħajr ma dan il-vantaġġ kien marbut mar-rekwiżit tar-residenza.
124. Ir-rikorrent mar joqgħod fl-Awstrija mir-Rumanija fl-1970 u ibbaża fuq il-fatt li fl-1999, meta kien jilħaq l-età tal-benefiċċju kienet tingħatalu pensjoni fl-Awstrija abbażi tal-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fir-Rumanija bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ l-1966. Permezz ta’ l-introduzzjoni tar-Regolament, flimkien mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness III, ir-rikorrenti ġie mċaħħad minn vantaġġ.
125. Tnaqqis bħal dan jirriżulta, fid-dawl tal-ġurisprudenza Rönfeldt, fi ksur tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 18 KE, 39 KE u 42 KE, peress li min għandu d-dritt għal benefiċċju jitlef il-vantaġġi li seta’ jitlob meta kienet fis-seħħ konvenzjoni bilaterali, meta jeżerċita d-dritt tiegħu tal-moviment liberu qabel il-waqfien fis-seħħ ta’ din il-konvenzjoni u qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/71. Permezz tal-Konvenzjoni bilaterali ta’ l-1966, ir-rikorrent kiseb pożizzjoni legali li abbażi tagħha d-deċiżjoni tiegħu li jirrisjedi u jgħix fl-Awstrija minflok fil-Ġermanja ma setgħetx tispiċċa fi żvantaġġ f’każ li jseħħ ir-riskju fid-dawl tad-drittijiet tiegħu għall-benefiċċju bbażati fuq perijodi ta’ benefiċċju mwettqa barra mill-pajjiż.
126. Billi l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jippermettux l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet aktar favorevoli tal-ftehim bilaterali, id-dritt Komunitarju ta’ livell superjuri, jiġifieri l-Artikoli 18 KE, 39 KE e 42 KE, jinkiser bil-fatt li r-rikorrent, minħabba d-dispożizzjoni transitorja fl-Anness III, Partijiet A u B, Nru 35 (li llum sar in-Nru 83) (e) u ta’ l-Artikolu 14(2)(b) tal-Konvenzjoni bilaterali 1995, ma jistax jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjoni l-aktar vantaġġuża tal-Konvenzjoni bilaterali ta’ l-1966.
127. Għalhekk id-dispożizzjonijiet transitorji li jinsabu fl-Anness III, Partijiet A u B, nru 35, Il-Ġermanja–L-Awstrija (e) [li wara t-tkabbir, mill-1 ta’ Mejju 2004, sar, kemm fit-taqsima A kif ukoll fit-taqsima B, Nru 83(e)] jiksru d-dispożizzjonijiet Komunitarji fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema u taċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE e 42 KE.
2. It-tieni parti tad-domanda
128. Bħala benefiċċji tas-sigurtà soċjali skond l-Artikolu 4(1)(c) tar- Regolament Nru 1408/71, il-benefiċċji ġejjin minn perijodi ta’ benefiċċji imwettqa barra mill-pajjiż skond il-FRG huma suġġetti għall-obbligu ta’ koordinazzjoni fl-Artikolu 10(1) ta’ l-istess Regolament. Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrevokaw id-dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jissuġġettaw l-għoti ta’ benefiċċji għar-rekwiżit tar-residenza fl-Istat Membru rispettiv.
129. Bl-istess mod bħall-kunsiderazzjonijiet dwar il-kawżi C‑396/05 e C‑419/05, anki f’dan il-każ l-Anness VI, Taqsima D, Il-Ġermanja, Nru 1 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi eżaminat għall-kumpatibbiltà tiegħu ma’ l-Artikolu 42 KE bħala dritt Komunitarju ta’ livell superjuri, u għalhekk jeħtieġ li jitqies l-għan Komunitarju ta’ l-istituzzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema l-aktar komplut possibbli.
130. B’mod differenti mill-klawżola li hemm fl-Anness III, li tippermetti l-għoti ta’ benefiċċji li jirriżultaw minn perijodi ta’ benefiċċju mwettqa barra mill-pajjiż għall-benefiċjari li jirrisjedu fl-Awstrija matul fażi ta’ transazzjoni, il-klawżola li tinsab fl-Anness VI, Parti D, Il-Ġermanja, Nru 1, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża (Artikoli 110(2), 113 (1) u 272, SGB VI) jistabbilixxu esklużjoni ġenerali ta’ l-esportazzjoni tal-benefiċċji mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
131. Għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din ir-regola ta’ deroga m’għandhiex effett sostanzjalment differenti fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawżi C‑396/05 u C‑419/05. It-tnaqqis jew it-tneħħija għal kollox ta’ benefiċċju tax-xjuħija li jseħħu minħabba ċ-ċaqliq ta’ residenza barra mill-pajjiż, bħala intervent finanzjarju deċiżiv għas-sigurtà soċjali għax-xjuħija, jistgħu jimpedixxu persuna milli tagħmel użu mid-dritt tagħha tal-moviment liberu skond l-Artikoli 39 KE u 42 KE, li b’hekk f’din id-dispożizzjoni għandha tiġi identifikata limitazzjoni ta’ din l-libertà fundamentali.
132. Il-Gvern Ġermaniż, sabiex jiġġustifika d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar n-nuqqas ta’ ħlas barra mill-pajjiż tal-benefiċċji li jirriżultaw minn perijodi ta’ benefiċċji imwettqa barra skond l-FRG, li għaliha jirriferu r-regoli tad-deroga fl-Anness VI, Taqsima D, Il-Ġermanja, Nru 1, sostanzjalment iressaq l-istess argumenti għall-benefiċċji relatati mal-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich, li huma suġġetti għar-regoli ta’ l-SGB VI. Il-Gvern Ġermaniż jinvoka fl-ewwel lok il-ħtieġa li jiġu integrati r-refuġjati fis-soċjetà tar-Repubblika Federali, u t-tieni, il-prevenzjoni tal-perikolu ta’ numru immens ta’ persuni li potenzjalment jistgħu jkollhom dritt.
133. Anki hawnhekk jeħtieġ jiġi enfasizzat li l-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-kompetenza intiża biex tirregola s-sistema tagħhom ta’ sigurtà soċjali għandhom jirrispettaw id-dritt Komunitarju, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema jew ukoll dwar il-libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi fit-territorju ta’ l-Istati Membri (70). Għalhekk l-integrazzjoni tar-refuġjati ta’ oriġini Ġermaniza, li jaspira għaliha l-leġiżlatur Ġermaniż, ma tistax ikollha riperkussjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali. Dan jgħodd aktar jekk huma għandhom, bħala ċittadini ta’ l-Istati Membri, il-ħarsien partikolari mogħti miċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni skond l-Artikolu 18 KE. Wieħed mill-interessi prinċipali tal-ħarsien tal-leġiżlazzjoni soċjali Ewropea − bħal ukoll fis-settur tal-moviment liberu − huwa rrappreżentat mill-integrazzjoni tal-ħaddiema u b’hekk anki taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni fil-ħajja soċjali ta’ Stat Membru. L-Artikoli 39 KE u 18(1) KE jinkisru minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal f’din il-kawża, li għandha l-għan li timpedixxi l-integrazzjoni ta’ grupp determinat ta’ ċittadini fis-soċjetà ta’ l-Istati Membri l-oħrajn.
134. Safejn il-Gvern Ġermaniż jagħmel referenza ukoll għal preżunti riskji finanzjarji li diffiċilment jistgħu jintegħlbu, għandu jiġi osservat li meta għamel dan, huwa ma ssodisfax l-obbligu tiegħu li jesponi l-fatti jew li jressaq il-provi kif kien obbligat li jagħmel. Għalhekk l-argument fuq imsemmi għandu jiġi miċħud billi mhuwiex żviluppat biżżejjed.
VI – Konklużjoni
135. Abbażi ta’ dak espost iktar ‘il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
1. tirrispondi għad-domandi preliminari tas-Sozialgericht ta’ Berlin fil-kawżi C‑396/05 u C‑419/05 bil-mod li ġej:
Dispożizzjoni bħal dik ta’ l-Anness IV, Parti D, Il-Ġermanja, Nru 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità hija inkompatibbli ma’ l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 42 KE, safejn teskludi l-għoti ta’ benefiċċji li jirriżultaw minn perjodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa fit-territorju tar-Reich u safejn id-deroga hemm inkluża dwar ir-revoka tal-klawżola ta’ residenza tista’ twassal persuna biex ma tużax id-dritt tagħha tal-moviment liberu;
2. tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Landessozialgericht ta’ Berlin‑Brandenburg fil-kawża C‑450/05 b’dan il-mod:
a) il-limitazzjoni għaż-żamma fis-seħħ tal-Konvenzjoni bejn il-Ġermanja u l-Awstrija tat-22 ta’ Diċembru 1966 fuq is-sigurtà soċjali fil-każijiet fejn
i) il-benefiċċji jkunu ngħataw diġà jew jistgħu jingħataw fl- 1 ta’ Jannar 1994,
ii) il-persuna kkonċernata tkun stabbiliet ir-residenza abitwali tagħha fl-Awstrija qabel l-1 ta’ Jannar 1994 u l-għoti ta’ benefiċċji bħala assigurazzjoni ta’ benefiċċju u inċidenti jkun beda qabel il-31 ta’ Diċembru 1994,
il-limitazzjoni fl-Anness III, Partijiet A u B, Nru 35 (li llum sar Nru 83), Il-Ġermanja-L-Awstrija (e) tar-Regolament Nru 1408/71, hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu 18 KE, 39 KE u 42 KE;
b) l-istess limitazzjoni fl-Artikolu 14(2)(b) tal-Konvenzjoni bejn il-Ġermanja u l-Awstrija ta’ l-4 ta’ Ottubru 1995 dwar is-sigurtà soċjali hija inkompatibbli ma’ l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 42 KE;
ċ) l-Anness VI, Taqsima D, Il-Germania, Nru l, tar-Regolament Nru 1408/71, huwa inkompatibbli ma’ l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 42 KE meta permezz tiegħu ir-Repubblika Federali tal-Ġemanja hija awtorizzata li ma tiggarantixxix benefiċċji skond il-Fremdrentengesetz lil persuni li għandhom dritt li huma residenti barra mit-territorju tagħha.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU L 28, p. 1, tat-30 ta’ Jannar 1997, p. 1).
3 – R. Schuler, Europäisches Sozialrecht (editur Maximilian Fuchs), ir-Raba’ edizzjoni, Artikolu 10, punt 13, josserva li l-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71 fih derogi għall-prinċipju ta’ l-esportazzjoni tal-benefiċċji.
4 – L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jeskludi kull tnaqqis tad-drittijiet minħabba r-residenza fi Stat Membru ieħor. Huwa jiċċita prattikament il-limitazzjonijiet kollha possibbli pprojbiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat Membru korrisponenti. Ara s-sentenzi ta’ l-20 ta’ Ġunju 1991, Newton (C‑356/89, Ġabra p. I‑3017, punt 23), ta’ l-24 ta’ Frar 1987, Giletti et (379, 380, 381/85 u 93/86, Ġabra p. 955, punt 17), u ta’ l-10 ta’ Ġunju 1982, Camera (92/81, Ġabra p. 2213, punt 16). Permezz tat-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza, iseħħ assimilazzjoni tat-territorji ta’ l-Istati Membri għal dak li għandu x’jaqsam mad-dritt għall-benefiċċji. Ifformulat b’mod pożittiv, dan ifisser li din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri li jittrasferixxu fi Stati Membri oħrajn il-benefiċċji kollha msemmijin fl-Artikolu 10(1) li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1408/71. Bosta awturi jaraw f’dan eċċezzjoni għall-prinċipju tradizzjonali ta’ territorjalità fid-dritt tas-sigurtà soċjali. Ara Schuler, R., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, Artikolu 10, punt 3; Louven, K./Louven, C., Das Territorialitätsprinzip im Internationalen Sozialrecht, Neue Zeitschrift für Arbeitsrecht, 1991, parti 13, p. 497; Eichenhofer, E., Export von Sozialleistungen nach Gemeinschaftsrecht, Die Sozialgerichtsbarkeit, 1999, p. 57.
5 – Mingħajr il-kalkolu komplessiv tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u l-esportazzjoni tal-benefiċċji fi flus, ħaddiem li jeżerċita l-moviment liberu tiegħu jitlef id-drittijiet tas-sigurtà soċjali tiegħu jekk u safejn dawn ikunu bbażati fuq id-dritt ta’ l-Istat li qabel kein jimpjegah. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddikjarat fis-sentenza tas-7 ta’ Novembru 1973, Smieja (51/73, Ġabra p. 1213, punti 14 sa 15) li l-Artikolu 10(1) “jiggarantixxi lill-benefiċjarju t-tgawdija sħiħa ta’ ċerti benefiċċji u sussidji, miksuba permezz tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iżjed, anki jekk l-interessati jirrisjedu fi Stat Membru li huwa differenti minn dak fejn jinsab il-korp debitur. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa dak li l-interessat jiġi ggarantit id-dritt li jgawdi minn dawn il-benefiċċji anki jekk ikun mar jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, bħal per eżempju l-pajjiż ta’ oriġini”. Skond dak li sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ta’ l-10 ta’ Ġunju 1980, Caracciolo (92/81, Ġabra p. 2213, puntu 14 u 16) l-għan ta' l-esportazzjoni mingħajr restrizzjoni tal-benefiċċji fi flus huwa li “l-interessat iżomm id-dritt li jgawdi l-benefiċċji u sussidji miksuba skond il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iżjed, anki wara li jkun stabbilixxa r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll li ma jistax jiġi miċħud il-kisba ta’ dan id-dritt għall-unika raġuni li ma jirrisjedix fuq it-territorju ta’ l-Istat fejn tinsab l-istituzzjoni debitriċi; (...) l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 3 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp ta’ assigurazzjoni ta’ l-Istat ta’ oriġini ma jkunx jista’ japplika l-prinċipju tat-territorjalità li tirriferi għalih il-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-benefiċċji ta’ l-invalidità”. Skond Borchardt, Handbuch des EU‑Wirtschaftsrechts (editur Dauses, M. A.), Munich 2004, Volum 1, D. II., punt 64, il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema tikkostitwixxi komplementarjetà neċessarja għad-dritt tal-moviment liberu Din hija r-raġuni għalfejn Ruland, F., Rentenversicherung, fi: B. Schulze / H. Zacher (editur), Wechselwirkungen zwischen dem Europäischen Sozialrecht und dem Sozialrecht der Bundesrepublik Deutschland, Schriftenreihe für Internationales und Vergleichendes Sozialrecht, Volum 12, Berlin 1991, p. 75, għalhekk jiddefinixxi d-dritt soċjali Ewropew bħala “komplementari għall-moviment liberu”. Id-dritt soċjali Ewropew fih “normi regoli li jgħaqqdu” li huma meħtieġa sabiex il-perijodi parzjali mwettqa mill-ħaddiema migranti fl-Istati Membri differenti jsiru perijodu soċjali uniku.
6 – E. Eichenhofer, Export von Sozialleistungen nach Gemeinschaftsrecht, Die Sozialgerichtsbarkeit, 1999, p. 58, josserva li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistabbilixxix obbligu ġenerali li jiġu esportati l-benefiċċji kollha, kif fil-fatt jidher li qed jeħtieġ l-Artikolu 42 KE.
7 – Fis-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Kulzer (C‑194/96, Ġabra p. I‑895, punt 24), u tal- 31 ta’ Mejju 1979, Pierik (182/78, Ġabra p. 1977, punt 4), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-kunċett ta’ “ħaddiem” skond l-Artikolu 2(1), tar-Regolament Nru 1408/71, għandu portata ġenerali u jkopri kull persuna li, kemm jekk teżerċita jew le attività professjonali, għandha l-karatteristika ta’ assigurat skond il-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed jew iżjed. Isegwi li min għandu dritt għal pensjoni skond il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru wieħed jew iżjed, anki jekk ma jeżerċitax attività professjonali, minħabba l-fatt ta’ l-affiljazzjoni tiegħu ma’ skema tas-sigurtà soċjali, jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament li jikkonċerna l-“ħaddiema”, sakemm ma jkunx suġġett għal dispożizzjonijiet partikolari.
8 – Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bosta drabi, id-distinzjoni bejn il-benefiċċji li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 1408/71 u dawk li jagħu taħtu tiddependi essenzjalment mill-karatteristiċi fundamentali ta’ kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għan tiegħu u l-kundizzjonijiet ta’ għoti, iżda min-naħa l-oħra, din ma tiddependix mill-kwistjoni dwar jekk benefiċċju huwiex ikkwalifikat minn dispożizzjonjiet ta’ dritt nazzjonali ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Fis-sentenza tal-5 ta’ Lulju 1983, Valentini (171/82, Ġabra p. 2157, punt 13), il-Qorti tal-Ġustizzja per eżempju ċaħdet li tirrikonoxxi l-appartenenza għall-benefiċċji tax-xjuħija skond l-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, għar-raġuni li għajnuna kienet issegwi għan ta’ politika ta’ l-impjieg, fis-sens li hija tikkontribwixxi sabiex tillibera postijiet ta’ xogħol okkupati minn impjegati li jkunu waslu biex jirtiraw għall-vantaġġ ta’ persuni iżgħar li m’għandhomx impjieg. Ara wkoll is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx (249/83, Ġabra p. 973, punt 11); ta’ l-4 ta’ Ġunju 1987, Campana (375/85, Ġabra p. 2387); tas-16 ta’ Lulju 1992, Hugues (C‑78/91, Ġabra p. I‑4839, punt 14), u ta’ l-10 ta’ Ottubru 1996, Hoever u Zachow (C‑245/94 u C‑312/94, Ġabra p. I‑4895, punt 17).
9 – M. Fuchs, Europäisches Sozialrecht, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna ta’ qiegħ il-paġna 3, Artikolu 4, punti 13 u 14. Sentenza Valentini (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 13).
10 – Sentenza tat-31 ta’ Marzu 1977, Fossi (79/76, Ġabra p. 667).
11 – Sentenza tat-22 ta’ Frar 1979, Tinelli (144/78, Ġabra p. 757).
12 – Sentenzi ta’ l-4 ta’ Novembru 1997, Snares (C‑20/96, Ġabra p. I‑6057, punti 33, 42 u 43); tal-11 ta’ Ġunju 1998, Partridge (C‑297/96, Ġabra p. I‑3467, punt 34); tal-31 ta’ Mejju 2001, Leclère u Deaconescu (C‑43/99, Ġabra p. I‑4265, punt 32), u tad-29 ta’ April 2004, Skalka (C‑160/02, Ġabra p. I‑5613, punt 25).
13 – Sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Jauch (C‑215/99, Ġabra p. I‑1901, punti 32 u 33); Shalka (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 28), u tas-16 ta’ Jannar 2007, Pérez Naranjo (C‑265/05, Ġabra p. I-347, punt 36), dwar allowance ta’ għajnuna (ta’ natura kontributorja), l-għoti ta’ supplement kumpensatorju għall-pensjoni (ta’ natura mhux kontributorja) fl-Awstrija, kif ukoll il-ħlas ta’ allowance supplementari minn fond ta’ solidarjetà (natura kontributorja hija bħala prinċipju rrikonoxxuta, iżda l-evalwazzjoni aktar iddettaljata hija rriservata għall-qorti nazzjonali).
14 – Din id-dispożizzjoni tirregola l-parteċipazzjoni finanzjarja ta’ l-Istat Federali fl-ispejjeż ta’ l-assigurazzjoni tal-pensjoni ġenerali. Sabiex jimplementa l-prinċipju ta’ l-Istat soċjali, l-Istat Federali stabbilixxa skema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni bbażata fil-biċċa l-kbira fuq dak li huwa obbligu li jsir. Huwa għalhekk għandu l-obbligu li jorganizza b’mod sostenibbli l-obbigi li jirriżultaw minn din l-iskema. Il-kontribuzzjoni ta’ l-Istat Federali hija intiża biex tiggarnatixxi l-benefiċċji ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni u sabiex tħares lil min jagħmel lill-kontribuwenti minn imposti piżijiet eċċessivi. Hija għalhekk għandha funzjoni ta’ garanzija u ta’ salvagwardja (Diel, U., Sozialgesetzbuch VI, editur Hauck, K./Noftz, W., volum 2, Berlin 2006, K Artikolu 213, punti 8 u 9, p. 4).
15 – Is-sistema kontributorja hija metodu ta’ finanzjament ta’ l-assigurazzjonijiet soċjali, partikolarment ta’ l-iskema ta’ pensjoni, iżda wkoll ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard u l-assigurazzjoni kontra l-qgħad. Il-kontribuzzjonijiet imħallsin jintużaw direttament biex jiffinanzjaw il-benefiċċji mogħtija, u b’hekk il-korp ta’ assigurazzjoni jkun jista’ jagħmel riżervi sa ċertu limitu biss (per eżempju, ir-riżervi ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni legali). Quddiem il-kontribuzzjoni tiegħu, min jikkontribwixxi jikseb dritt għall-benefiċċju f’każ ta’ bżonn (qgħad, mard, xjuħija). Din is-sistema hija bbażata fuq l-hekk imsejjaħ “kuntratt bejn il-ġenerazzjonijiet”. B’din l-espressjoni, għandu jiġi mfisser li min jikkontribwixxi matul perijodu partikolari għall-bżonnijiet ta’ ġenerazzjoni ta’ dawk li huma pensjonanti, huwa jista’ jkollu d-dritt – jew aktar eżattament – huwa jista’ jistenna leġittimament – li jiġu megħjun bl-istess mod aktar tard mill-attwali ġenerazzjoni ta’ tfal ( [Finke, H., Sozialgesetzbuch VI, iċċitata iktar ’il fuq, Volum 2, Berlin 2006, K Artikolu 153, punt 20, p. 7).
16 – Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1978, Belbouab (10/78, Ġabra p. 1915, punt 5).
17 – Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1975, Petroni (24/75, Ġabra p. 1149, punt 13); tat-3 ta’ Frar 1977; Strehl (62/76, Ġabra p. 1977, punt 211); ta’ l-10 ta’ Jannar 1980, Jordan‑Vosters (69/79, Ġabra p. 75); tat-12 ta’ Ġunju 1980, CCAF vs Laterza (733/79, Ġabra p. 1915); tat-23 ta’ Frar 1986, De Jong (254/84, Ġabra p. 671, punt 15), u ta’ l-14 ta’ Diċembru 1989, Dammer (168/88, Ġabra p. 4553, punt 21).
18 – Sentenza Jauch (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 20), u s-sentenza tal-25 ta’ Frar 1986, Spruyt (284/84, Ġabra p. 685, punti 18 u segwenti).
19 – Sentenza Jauch (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 21), u s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Hosse (C‑286/03, Ġabra p. I‑1771, punti 24 u 25).
20 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10
21 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.
22 – Sentenza tas-6 ta’ Lulju 1978, Gillard (9/78, Ġabra p. 1661).
23 – Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Baldinger (C‑386/02, Ġabra p. I‑8411).
24 – Ir-Reichversicherungsanstalt für Angestellte twaqqaf fl-1912 f’Berlin bħala korp pubbliku ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja għall-impjegati. Bħala korp tad-dritt pubbliku li għandu l-karatteristika ta’ awtorità, fil-bidu kien suġġett għall-kontroll tal-kanċellier tar-Reich, iżda mill-1991 sar istituzzjoni fis-settur subordinat tal-Ministeru tax-Xogħol tar-Reich. Fl-1934 ir-Reichsversicherungsanstalt tqiegħed taħt ir-Reichsversicherungsamt (uffiċċju ta’ l-assigurazzjoni tar-Reich) u kiseb, minbarra l-kompetenzi li kellu sa dak il-mument, il-kontroll tal- fondi ta’ mard speċjali għall-assigurazzjoni tal-mard ta’ l-impjegati. Il-korpi tad-dritt pubbliku huma assoċjazzjonijiet ta’ persuni tad-dritt pubbliku li jamministraw l-attivitajiet tagħhom stess u li, fl-istess ħin, għandhom jeħilsu lill-Istat minn dan il-piż. Ma jirriferux għall-kriterju ġenerali tal-post ta’ residenza jew ta’ l-istabbiliment f’territorju partikolari, u jkopru l-membri tagħhom abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet speċifiċi, jiġifieri professjonali, ekonomiċi, soċjali, kulturali u oħrajn. Għalhekk, kuntrarjament għall-korpi territorjali, huma wkoll ikkunsidrati bħala korpi ta’ persuni (Personalkörperschaften). Fil-qasam tas-sigurtà soċjali, jagħmlu parti mill- Allgemeine Orstkrankenkassen (fondi lokoli ta’ mard) u l-fondi ta’ mard speċjali assimilati, il-Berufsgenossenschaften (l-assoċjazzjonijiet professjonali), il-Landesversicherungsanstalten (il-korpi ta’ assigurazzjoni reġjonali) u l-Bundesversicherungsanstalt für Angestellte (il-korp ta’ assigurazzjoni Federali għall-impjegati) (Maurer, H., Allgemeines Verwaltungsrecht, it-Tielet Edizzjoni, Munich 1999, Artikolu 23, punt 30). Koja, F., Allgemeines Verwaltungsrecht, it-Tielet edizzjoni, Vjenna 1996, p. 322, josserva li l-korp ta’ assigurazzjoni soċjali għandu pożizzjoni intermedja bejn il-korp ta’ persuni u l-għaqda ta’ interess, għalkemm għandu wkoll elementi ta’ istituzzjoni. L-istess bħall-korpi pubbliċi, huma jirrappreżentaw ġabra ta’ aġenti ta’ l-amministrazzjoni u ta’ mezzi materjali (bini, impjanti, tagħmir tekniku) għas-servizz ta’ unità amministrattiva awtonoma.
25 – Dikjarazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU C 210 tal-5 ta’ Settembru 2003, p. 1, punt I. 3. a). Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-assigurazzjoni tal-benefiċċji legali, li tinsab fil-"kodiċi soċjali, is-Sitt Ktieb, tat-18 ta’ Diċembru 1989" jagħmlu parti mil-leġiżlazzjonijiet u l-iskemi li għalihom jirriferi l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament.
26 – Sentenza tad-29 ta’ Novembru 1977, Beerens (35/77, Ġabra p. 2249, punti 9 u 10).
27 – Brechmann, W., Kommentar zum EUV/EGV, L-ewwel edizzjoni (1999), Artikolu 42, p. 647, punt 11, josserva li, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, il-leġiżlazzjonijiet u l-iskemi huma neċessarjament soġġetti b’mod sħiħ għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Barra minn hekk, fis-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1977, Jansen (104/76, Ġabra p. 829, punt 7); tas-27 ta’ Jannar 1981, Vigier (70/80, Ġabra p. 229, punti 12 u segwenti), u tat-18 ta’ Mejju 1995, Rheinhold u Mahla (C‑327/92, Ġabra p. I‑1235, punti 15 u segwenti), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa deskritt b’mod li juri li d-dispożizzjonijiet Komunitarji jkopru l-iskemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali b’mod sħiħ.
28 – Ara s-sentenzi Partridge (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 35); tat-22 ta’ Frar 1990, Bronzino (228/88, Ġabra p. I‑531, punt 11) u tat-12 ta’ Frar 1990, Gatto (C‑12/89, Ġabra p. 557). Fuchs, M., Europäisches Sozialrecht (editur Maximilian Fuchs), ir-raba’ edizzjoni, Artikolu 5, punt 5; Brall, N., Der Export von Leistungen der sozialen Sicherheit in der Europäischen Union, Baden‑Baden 2003, p. 153.
29 – Ara s-sentenza Snares, ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 39.
30 – Brall, N., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, p. 28. Skond Kahil, B., Europäisches Sozialrecht und Subsidiarität, Baden‑Baden 1996, p. 252, l-obbligu għal-leġiżlatur Komunitarju li jadotta regoli ta’ koordinazzjoni jirriżulta, minbarra t-test ta’ l-Artikolu 42 KE, partikolarment minn interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjoni kif ukoll mill-konnessjoni tiegħu fir-rigward ta’ l-għan ma’ l-Artikolu 39 KE.
31 – Langer, R., Europäisches Sozialrecht, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, ir-raba’ edizzjoni, Artikolu 39, punt 1.
32 – Ara l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Saggio fit-13 ta’ April 2000 fil-kawża Elsen (sentenza tat-223 ta’ Novembru 2000, C-135/99, Ġabra p. I‑10409, punt 25). Sentenza tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve (C‑18/95, Ġabra p. I-345).
33 – Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2000, Elsen (C‑135/99, Ġabra p. I‑10409, punt 33); b’mod simili s-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Decker (C‑120/95, Ġabra p. I‑1831, punt 23), u Kohll (C‑158/96, Ġabra p. I‑1931, punt 19); tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C‑85/96, Ġabra p. I‑2708, punt 33), u tas-7 ta’ Frar 2002, Kauer (C‑28/00, Ġabra p. I‑1343, punt 45).
34 – Sentenza Snares, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 45.
35 – Fil-konklużjonijiet ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2006 fil-kawża C‑192/05 (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen, Ġabra p. I‑10451), l-Avukat Ġenerali Kokott spjegat fil-punti 61 u 62 li, hekk kif inhuma ġeneralment liberi li jiffissaw il-kunidzzjonijiet ta’ għoti tal-benefiċċji soċjali li mhumiex irregolati mid-dritt Komunitarju, l-Istati Membri għandhom ukoll marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni u d-determinazzjoni tal-livell ta’ integrazzjoni li l-persuna kkonċernata għandha tressaq il-prova. Ir-residenza tal-persuna kkonċenrata tista’ bħala prinċipju sservi bħala kriterju stabiex tistabbilixxi rabta mas-soċjetà ta’ l-istat Membru li jagħti l-benefiċċju. L-integrazzjoni tagħha f’din is-soċjetà b’hekk tista’ tintwera mill-konstatazzjoni li huwa jkun irrisjeda għal ċertu żmien fl-Istat Membru in kwistjoni.. F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punt 57); ara wkoll is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 38); tat-23 ta’ Marzu 2004, C‑138/02, Collins (C-138/02, Ġabra p. I‑2703, punt 67), u tal-15 ta’ Settembru 2005, Ioannidis (C‑258/04, Ġabra p. I‑8275, punt 30). Ara wikoll il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża C-287/05, Hendrix (għadha ma ġietx ippubblikata fi l-Ġabra, punt 72).
36 – Ara, fl-aħħar nett, il-punt 72 tal-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Kokott, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34.
37 – Ara s-sentenzi Leclere u Deaconescu (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 32), Snares (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 42) kif ukoll is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Lenoir (313/86, Ġabra p. 5391, punt 16), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, għal dak li għandu x’jaqsam mal-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja, il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jadotta, fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 42 KE, dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-prinċipju ta’ l-esportabbiltà tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. B’mod partikolari, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet, kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat ta’ l-istituzzjoni kompetenti tista’ tiġi leġittimament meħtieġa għall-għoti tal-benefiċċji marbutin strettament ma’ l-ambjent soċjali. L-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71 jippermetti li jiġu inklużi fil-koordinazzjoni benefiċċji ta’ natura mħallta, hekk kif inhuma fil-preżent iddefiniti fl-Artikolu 4(2)a mingħajr ma dawn ikunu suġġetti fl-istess ħin għall-obbligu ta’ l-esportazzjoni tal-benefiċċji. Dawn il-benefiċċji jingħataw esklużivament fl-Istat ta’ residenza abbażi tad-dispożizzjonijiet legali ta’ dan l-Istat u jingħata minnu stess. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dawn huma benefiċċji li, f’xi karatteristiċi tagħhom, huma simili għall-assistenza soċjali safejn kriterju essenzjali ta’ għoti hija t-tbatija ekonomika u li dawn mhumiex ibbażati fuq il-perijodi ta’ impjieg jew ta’ kontribuzzjonijiet kollha, filwaqt li skond karatteristiċi oħra huma japparjentu għal benefiċji ta’ sigurtà soċjali sakemm dawn mhumiex benefiċċji diskrezzjonali u li l-benefiċjarji jiksbu pożizzjoni legali partikolari permezz tal-liġi u li huma ikollhom dritt kemm għas-sigurtà soċjali u għall-assistenza soċjali [ara Schuler, R., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, Artikolu 10 a, punti 1 u 2, kif ukoll Van Raepenbusch, S., La sécurité sociale des travailleurs européens – Principes directeurs et grands arrets de la Cour de justice des Communautés européennes, Brussell 2001, p. 28 u segwenti).
38 – Brall, N., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27), p. 30 u segwenti.
39 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33.
40 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 35.
41 – Borchardt, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 81 u 82.
42 – L-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni bejn il-Ġermanja u l-Awstrija dwar is-sigurtà soċjali tat-22 ta’ Diċembru 1996 jipprovdi li, safejn din il-Konvenzjoni ma tipprovdix mod ieħor, id-dispożizzjonijiet ta’ parti kontraenti, skond liema l-bidu ta’ drittijiet għal benefiċċji, l-għoti ta’ benefiċċji jew il-ħlas ta’ benefiċċji f’dan il-każ jiddependi mir-residenza fil-pajjiż ta’ oriġini, ma japplikax għall-persuni msemmija fl-Artikolu 3 li jirrisjedu fuq it-territorju ta’ parti kontraenti oħra. L-Artikolu 3 (a) kien jippreċiża li, matul l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ parti kontarenti, iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat kienu assimilati maċ-ċittadini tal-parti kontraenti l-ieħor. Id-dispożizzjonijiet magħqudin ta’ l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 3(a) ta’ din il-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati bħala revoka tal-klawżola ta’ residenza favur ċittadini taż-żewġ partijiet kontraenti. Fil-prattika, it-territorji tal-Ġermanja u ta’ l-Awstrija huma kkunsidrati bħala territorju minn din id-dispożizzjoni għall-finijiet ta’ l-iżvilupp tad-drittijiet għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali (assimilazzjoni territorjali).
43 – L-Artikolu 14(2)(b) tal-Konvenzjoni tas-sigurtà soċjali bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika ta’ l-Awstrija (BGBl. Ġermaniż, 1998 II, p. 313 BGBl. Awstrijak, III, nru 138/1998) jistabbilixxi dan li ġej: "(2) Id-dispożizzjonijiet li ġejjin ikomplu japplikaw: (…) b) L-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ċċitata fil-paragrafu 1 għal dak li għandu x’jaqsam mad-dispożizzjonijiet Ġermaniżi skond liema l-inċidenti (mard relatat max-xogħol) li jkunu seħħew barra mit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif ukoll il-perijodi mwettqa barra dan t-territorju, ma jagħtux dritt għal benefiċċju jew jagħtu dritt biss f’kundizzjonijiet partikolari, meta l-persuni li jkollhom dritt ikollhom ir-residenza tagħhom barra mit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u fil-każijiet meta: i) il-benefiċċji jkunu diġà ngħataw jew jistgħu jingħataw fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament fir-rigward taż-żewġ partijiet kontraenti; ii) il-persuna kkonċernata tkun stabbiliet ir-residenza abitwali taghħha fl-Awstrija qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament fir-rigward taż-żewġ partijiet kontraenti u l-għoti ta’ benefiċċju dovut bħala assigurazzjoni tal-pensjoni u inċidenti jibda sena qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament fir-rigward taż-żewġ partijiet kontraenti; dan japplika wkoll għall-perijodi relatati ma’ pensjoni oħra, li jinkudi pensjoni ta’ sopravivenza, meta l-perijodi ta’ pensjoni jsegwu lil xulxin mingħajr interruzzjoni".
44 – Fis-sentenza tas-7 ta’ Frar 1991, Rönfeldt (C‑227/89, Ġabra p. I‑323, punt 29) il-Qorti tal-Ġustizzja titkellem fuq "konvenzjonijiet fis-seħħ bejn żewġ Stati Membri jew aktar u integrati fid-dritt nazzjonali tagħhom". Költzsch, M., Eine Entscheidung des EuGH und ihre Folgen für das internationale Sozialrecht – Zum Rönfeldt–Urteil des EuGH, Die Sozialgerichtsbarkeit, 1992, p. 593, jiddeduċi minn din il-frażi tasa-sentenza Rönfeldt li l-Qorti tal-Ġustizzja tikklassifika l-konvenzjonijiet fuq is-sigurtà soċjali fid-dritt nazzjonali ta’ l-Istati pparteċipanti. Dan huwa korrett anki skond id-dritt Ġermaniż, peress illi l-Liġi fundamentali Ġermaniża hija bbażata fuq it-teorija duwalista f’dak li jirrigwarda r-relazzjoniijiet bejn id-dritt internazzjonali u d-dritt nazzjonali.
45 – Eichenhoffer, E., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, Artikolu 2, punt 6, josserva li kundizzjoni oħra għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 hija l-eżistenza ta’ elementi li jaqsmu l-fruntieri. Dan ir-rekwiżit kien ġie mfisser fil-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 2(2) li abbażi tiegħu din il-kundizzjoni tapplika għal individwi "li huma jew kienu soġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar". Din il-kundizzjoni għandha tiftiehem fis-sens li applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tapplika biss meta jkun hemm elementi dwar il-qsim tal-fruntieri.
46 – Sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2001, Khalil (C‑95/99, Ġabra p. I‑7413, punti 68 u 69).
47 – Fis-sentenza ta’ l-10 ta’ Mejju 2001, Rundgren (C‑389/99, Ġabra p. I‑3731, punt 35), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li persuna li tgħix fi Stat Membru mingħajr ma tkun eżerċitat attività professjonali taqa’ taħt ir-Regolament Nru 140871, iżda li, fl-istess ħin hija tirċievi pensjoni min-naħħa ta’ Stat Membru ieħor bħala uffiċjal irtirat.
48 – ĠU L 1, p. 3.
49 – Ara s-sentenza Kauer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 3.
50 – Ara s-sentenzi Spruyt (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 18 u segwenti), Jauch (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 21) u Hosse (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 24 u 25).
51 – Sentenza Tinelli, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 7.
52 – Id-dritt Ġermaniż dwar il-benefiċċji surrogati japplikaw għall-assigurazzjoni tal-pensjoni u ta’ l-inċidenti. Il-bażi leġiżlativa attwali tiegħu hija l-liġi fuq il-benefiċċji surrogati. Din ta’ l-aħħar aboliet il-Fremdrenten‑ und Auslandsrentengesetz (FAG). Eichenhoffer, E., Handbuch des Sozialversicherungsrechts (editur Schulin, B.), Volum 3, Munich 1999, Artikolu 76, punt 51, josserva illi , filwaqt li l-FAG kellha l-għan li tikkumpensa lir-refuġjati permezz tal-perijodi u drittijiet miksbua Ġermaniżi għat-telf fil-qasam tas-sigurtà soċjali fl-Istat ta’ espulsjoni, il-FRG, skond l-intenżjoni tal-leġiżlatur Ġermaniż, jagħti importanza lir-rieda tar-refuġjati li jintegraw fuħhom : ir-refuġjati – indipendentement mis-sitwazzjoni tagħhom fil-qasam tas-sigurtà soċjali li tiddependi fuq l-informazzjoni individwali tagħhom u mill-informazzjoni politika u soċjali tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom – m’għandhomx jiġu kkumpensati primarjament minħabba żvantaġġi marbuta ma’ l-espulsjoni tagħhom, iżda fil-Ġermanja għandhom jitqiegħu fl-istess sitwazzjoni, fil-każ tas-sigurtà soċjali, għal dik li kienu jkollhom kieku għaddew il-ħajja professjonali tagħhom fil-Ġermanja minflok ma jkunu għaddewha fit-territorji ta’ espulsjoni. Għal din ir-raġuni, il-perijodi li l-persuni jkunu wettqu fit-territorji ta’ espulsjoni, għandhom jiġu integrati fl-assigurazzjoni tal-pensjoni legali inkwantu perijodi ta’ kontribuzzjonijist, skond l-Artikolu 15 tal-FRG. L-awtur jiddeduċi li l-FRG żgur li tibbaża wkoll fuq l-idea ta’ kumpens, iżda li hija madankollu kompluta permezz ta’ l-idea ta’ integrazzjoni u li hija ddominata minn din ta’ l-aħħar.
53 – Sentenza Jauch (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 32 e 33).
54 – L-Artikolu 291b SGB VI (rimborż tal-benefiċċji mhux koperti mill-kontribużżjonijiet) jipprovdi: “L-Istat Federali jirrimborża lill-korpi ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni tal-ħaddiema u ta’ l-impjegati għall-ispejjeż marbuta mal-benefiċċji li jirriżultaw mid-dritt tal-benefiċċji surrogati”. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-benefiċċji li għandhom jingħataw min-naħa ta’ l-assigurazzjoni tal-pensjoni skond ir-regoli fuq il-benefiċċji surrogati kif ukoll numru definit ta’ benefiċċji mhux koperti minn kontribuzzjonijiet − jew li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ l-assigurazzjoni − li jaqgħu fuq l-assigurazzjoni tal-benefiċċji (ara f’dan ir-rigward Finke, H., Gesetzliche Rentenversicherung einschließlich Übergangsrecht für das Beitrittsgebiet, it-tielet volum, faxxilu 4/06, Artikolu 291b, punt 1).
55 – Sentenzi Snares (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 33, 42 u 43), Partridge (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 34), Leclere u Deaconescu (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 32), u Skalka, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 25).
56 – Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-għajnuna soċjali kienet ikkaratterizzata mill-fatt li l-għti tal-benefiċċju previst minn dispożizzjoni huwa indipendenti mit-twettiq ta’ perijodi ta’ attività professjonali, assigurazzjoni jew kontribuzzjoni. Ara s-sentenza Newton, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 13.
57 – Fil-konklużjonijiet li hija ppreżentat fl-20 ta’ Ottubru 2005 fil-kawża Hosse (sentenza ċċitata iktar 'il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 30) l-Avukat Ġenerali Kokott ddikjarat, filwaq il rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dispożizzjonijiet li jipprovdu eċċezzjonijiet għall-esportabbiltà tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Din ir-regola ta’ interpretazzjoni tapplika aktar u aktar meta dispożizzjoni derogatorja bħall-Artikolu 4 (2)b tar-Regolament Nru 1408/71 twassal għall-inapplikabbiltà kollha tar-Regolament. B'hekk, sabiex benefiċċju jkun jista’ jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament skond l-Artikolu 4(2), il-benefiċċju in kwistjoni għandu, barra dak stipulat fl-Anness II, parti III tar-Regolament, jissodisfa l-kundizzjonijiet materjali segwenti b’mod kumulattiv : il-benefiċċju għandu jkun ibbażat fuq dispożizzjonijiet legali fejn l-applikazzjoni hija limitata għal parti mit-territorju ta’ Stat Membru; il-benefiċċju jingħata indipendentement mill-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet u għandu karatteristiċi ta’ benefiċċju speċjali. Ara s-sentenzi Jauch (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 21) u Hosse (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 25). Fuchs, M., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nota ta’ qiegħ il-paġna 9, Artikolu. 4, punt 27, josserva li l-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja elenkati fl-Artikolu 4(2)a jingħataw biss fl-Istat ta’ residenza skond id-dispożizzjonijiet tiegħu, safejn dawn il-benefiċċji jissemmew fl-Anness IIa.
58 – Kemm mill-Artikoli 6, 7, u 8, tar-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 8 jirrigwarda biss il-Konvenzjonijiet li l-Istati Membri jikkonkludu bejniethom wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1994, Hoorn (C‑305/92, Ġabra p. I‑1525, punt 19), u tat-2 ta’ Awwissu 1993, Grana‑Novoa (C‑23/92, Ġabra p. I‑4505, punt 22).
59 – Ara s-sentenza Rönfeldt, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 23. Din is-sentenza tiżviluppa ġurisprudenza preċedenti (b’mod partikolari tas-sentenzi Petroni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 13 ; De Jong, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 15, u Dammer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 21), skond liema l-għan ta’ l-Artikoli 48 sa 51 tat-Trattat KEE ma jintlaħaqx jekk il-ħaddiema, permezz ta’ l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, jitilfu l-vantaġġi ta’ sigurtà soċjali li tassiguralhom, f’kull każ, l-unika leġiżlazzjoni ta’ Stat Mebru. Minbarra dan il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konsegwenza tas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1980, Gravina (807/79, Ġaba p. 2205, punt 7) li fiha hija ddeduċiet minn din il-kunsiderazjoni li l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju ma tistax twassal għal tnaqqis tal-benefiċċji mogħtija skond id-dritt ta’ Stat Membru. Membru. Kessler, F., Pensions d’invalidité de droit communautaire et conventions bilatérales de sécurité sociales – des précisions, Revue de droit sanitaire social, Jannar-Marzu 1996, p. 148, huwa tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat hawnhekk speċi ta’ "prinċipju tad-dispożizzjoin l-aktar favorevoli" fil-każ ta’ kunflitt bejn dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u konvenzjoni bilaterali tas-sigurtà soċjali.
60 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43.
61 – Sentenza tad-9 ta’ Novembru 1995, Thévenon (C‑475/93, Ġabra p. I‑3813, punt 26).
62 – Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1997, Naranjo Arjona (C‑31/96, C-32/96 u C‑33/96, Ġabra p. I‑19971, punt 27).
63 – Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Grajera Rodriguez (C‑153/97, Ġabra p. I‑8645).
64 – Sentenza Thévenon, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punt 26.
65 – Sentenzi Naranjo Arjona (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62, punt 29) u Grajera Rodriguez, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 29).
66 – Sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1973, Walder (82/72, Ġabra p. 599, punti 6 u 7), u Thévenon (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punt 15).
67 – Min-naħa l-oħra, l-għan ta’ din il-ġurisprudenza ma tistax tikkonsisti li tiggarantixxi lill-ħaddiema l-vantaġġi immaġinabbli kollha li jirriżultaw mill-konvenzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u mill-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Van Raepenbusch, S., Les rapports entre le règlement (C.E.E.) N° 1408/71 et les conventions internationales dans le domaine de la sécurité sociale des travailleurs circulant à l´intérieur de la Communauté, Cahiers de droit européen, 1991, p. 466, huwa tal-fehma li anki jekk jiġi aċċettat li l-Artikolu 42 KE ma jawtorizzax lill- Kunsill, fil-kuntest ta’ l-attività leġiżlattiva tiegħu, li jieħu lura mingħand il-ħaddiema id-drittijiet diġà mogħtija, l-għan ewlieni ta’ l-Artikolu 42 jikkonsisti li jissostitwixxi l-iskemi tradizzjonali permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni ta’ l-iskemi ta’ sigurtà soċjali sabiex jiggarantixxi l-moviment liberu tal-ħaddiema ġewwa l-Komunità. Ottevaere, A., Le règlement 1408/71 et les conventions de sécurité sociale: suite et fin des incertitudes – l’arrêt Thévenon, Revue belge de sécurité sociale, 1996, p. 849, jirrikonoxxi l-periklu li l-ħaddiem jagħżel bejn l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71 u l-konvenzjonijiet ta’ sigurtà soċjali bilaterali sabiex jitlob il-vantaġġi mixtieqa. Din hija r-raġuni għalfejn l-awtur jirreferi għall-preċiżjoni magħmula fis-sentenza Thévenon għall-ġurisprudenza Rönfeldt.
68 – Sentenza tat-30 ta’ April 1996, Boukhalfa (C‑214/94, Ġabra p. I‑2253, punt 15). Din il-kawża kienet tikkonċerna ċittadina Belġjana li kienet impjegata bħala skrivana fl-uffiċċju tal-passaporti ta’ l-ambaxxata Ġermaniża ta’ Alġiers u li kienet diġà stabbiliet ruħha fl-Alġiers qabel il-konklużjoni tal-kuntratt tax-xogħol tagħha. Ir-rikorrenti talbet li tibbenefika mill-istress trattament bħall-aġenti lokali Ġermaniżi, li kien ġie rrifjutat lilha mir-Repubblika Federal tal-Ġermanja għar-raġuni li d-dritt Komunitarju ma jistax jiġi applikat fin-nuqqas ta’ applikabbiltà territorjali. Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjonijiet ta’ dritt Komunitarju jistgħu japplikaw għal attivitajiet professjonali eżerċitati barra mit-territorju tal-Komunità, peress li r-relazzjoni ta’ xgħol għandha rabta biżżejjed stretta mat-territorju tal-Komunità, Dan il-prinċipju għandu jinftiehem bħala japplika wkoll għall-każijiet li fihom ir-relazzjoni ta’ xogħol hija marbuta b’mod suffiċjenti mad-dritt ta’ Stat Membru u, konsegwentement, għar-regoli rilevanti tad-dritt Komunitarju. Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, f’każijiet bħal dawk tar-rikorrenti prinċipali, id-dritt Komunitarju, u b’hekk il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità li tinsab fid-dispożizzjonijiet Komunitarji msemmija iktar ’il fuq, huwa applikabbli fl-aspetti kollha tar-relazzjoni ta’ xogħol li huma rregolati mid-dritt ta’ Stat Membru.
69 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 35. Din il-kawża kienet tikkonċerna impjegat Żvediż irtirat li kien jirċievi pensjoni ta’ impjegat mogħtija mill-Iżvezja u li kien stabbilit fil-Finlandja qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/71 f’dan l-Istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li ċ-ċirkustanza li s-Sur Rundgren kien waqaf mill-attività professjonali tiegħu u kien ittrasferixxa r-residenza tiegħu mill- Iżvezja għall-Finlandja qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/71 fil-Finlandja ma kienx biżżejjed biex jitneħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis, personae u materiae ta’ dan ir-Regolament. Dak li kien manifestament importanti kien li l-persuna kkonċernata kienet tirċievi pensjoni ta’ uffiċjal min-naħa ta’ Stat Membru ieħor. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-Regoalment Nru 1408/71 kien applikabbli f’dan il-każ.
70 – Sentenza Elsen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 33; fl-istess sens, ara s-sentenzi Decker, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 23), Kohll (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 19), Martínez Sala, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 33) u Kauer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 45).
Full & Egal Universal Law Academy