KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit-22 ta’ Mejju 2007 1(1)
Kawża C‑403/05
Il-Parlament Ewropew
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Rikors għal annullament – Regolament (KE) Nru 443/92– Għajnuna finanzjarja u teknika – Kooperazzjoni ekonomika – Kompetenzi ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li biha jiġi approvat proġett dwar is-sigurtà tal-fruntieri Filippini – Terminu sabiex jitressaq rikors”
I – Introduzzjoni
1. B’dan ir-rikors il-Parlament jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ASIA/2004/016-924, li biha ġie approvat proġett dwar is-sigurtà tal-fruntieri fil-Filippini (“Philippine Border Management Project”) iffinanzjat taħt il-linja tal-baġit 19 10 02 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-Kummissjoni adottat din id-deċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura regolatorja għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 443/92, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-għajnuna finanzjarja u teknika lill-, u kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Ażja u l-Amerika Latina(2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 443/92”).
2. Il-Parlament jikkunsidra li l-Kummissjoni, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, qabżet il-kompetenzi ta’ implementazzjoni tagħha. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata għandha bħala s-suġġett tagħha l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali; għalhekk din ma tikkonċernax għajnuna għall-iżvilupp fis-sens tar-Regolament Nru 443/92.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Ir-Regolament Nru 443/92
3. Ir-Regolament Nru 443/92 għandu x’jaqsam mal-kooperazzjoni ma’ dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ l-Ażja u ta’ l-Amerika Latina li mhumiex fost il-pajjiżi firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Lomé u ma jibbenefikawx mill-politika Komunitarja ta’ kooperazzjoni fil-konfront tar-reġjun Mediterranju (iktar ’il quddiem il-“pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ l-AAL”).
4. Skond l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, il-Komunità għandha tkompli u twessa’ l-kooperazzjoni Komunitarja mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ l-AAL. Din il-kooperazzjoni tinkludi għajnuna finanzjarja u teknika għall-iżvilupp u kooperazzjoni ekonomika. F’dan il-kuntest, il-Komunità għandha tagħti “l-iżjed importanza lill-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, appoġġ għall-proċess ta’ demokratizazzjoni, gvernar tajjeb, protezzjoni ambjentali, liberalizzazzjoni fil-kummerċ, u tisħiħ tad-dimensjoni kulturali, permezz ta’ żieda fid-djalogu fuq politika, ekonomija u materji soċjali mnedija fl-interess ta’ xulxin”.
5. L-Artikoli 4 sa 6 tar-Regolament Nru 443/92 għandhom x’jaqsmu ma’ l-għajnuna finanzjarja u teknika.
6. Skond l-Artikolu 4, l-għajnuna finanzjarja u teknika għandha tkun “primarjament indirizzata lejn is-sezzjonijet l-aktar fqar tal-popolazzjoni u l-ifqar pajjiżi fiż-żewġ reġjuni”.
7. L-Artikolu 5 jsemmi l-għanijiet ta’ l-għajnuna finanzjarja u teknika u l-prinċipji li għandhom jiġu kkunsidrati fil-fażi ta’ l-implementazzjoni. Per eżempju, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-għajnuna finanzjarja u teknika għandha tagħti “prijorità lis-settur rurali li qed jiżviluppa u [t]tejjeb il-livell ta’ sigurtà fl-ikel”. Skond il-paragrafu 7 ta’ dan l-istess artikolu, l-għajnuna għandha tkun allokata kif mistħoqq, inter alia, lill-proġetti speċifiċi għat-tixrid tad-demokrazija, ta’ ggvernar tajjeb u ġust u tad-drittijiet tal-bniedem.
8. L-Artikolu 6 jistabbilixxi li l-għajnuna finanzjarja u teknika għandha tkun estiża għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ l-AAL li huma relattivament aktar avvanzati fis-setturi elenkati. Fost dawn is-setturi, fil-ħames inċiż, huwa indikat it-“tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet, speċjalment awtoritajiet pubbliċi”.
9. L-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 443/92 jirrigwardaw il-kooperazzjoni ekonomika.
10. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7, il-kooperazzjoni ekonomika għandha tikkontribwixxi “għall-iżvilupp tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ l-AAL billi tgħinhom jibnu l-kapaċità istituzzjonali tagħhom biex jinħoloq ambjent iktar favorevoli għall-investiment u l-iżvilupp u tagħmel l-iżjed possibli mill-prospetti li jinfetħu bit-tkabbir tal-kummerċ internazzjonali, inkluż is-suq uniku Ewropew, billi żżid ir-rwol tan-negozjanti, teknoloġija u t-tagħrif mill-Pajjiżi Membri kollha, partikolarment fis-settur privat u fl-impriżi żgħar u ta’ daqs medju”.
11. L-Artikolu 8 jistabbilixxi li l-kooperazzjoni ekonomika għandha tinkludi tliet setturi: l-ewwel wieħed huwa t-“[t]itjib tal-potenzjal xjentifiku u teknoloġiku u ta’ l-ambjent soċjali, kulturali in ġenerali permezz ta’ skemi ta’ taħriġ u t-trasferiment ta’ know how”; it-tieni huwa dak tat-“[t]itjib ta’ l-istruttura istituzzjonali, li għandha tmur id f’id ma’ djalogu iktar fil-qrib [ma’ l-imsieħba] biex tinħoloq klima ekonomika, leġislattiva, amministrattiva u soċjali li tikkontribwixxi iżjed għall-iżvilupp”; it-tielet huwa dak ta’ “[a]ppoġġ għall-impriżi, per eżempju permezz tal-promozzjoni tal-kummerċ, it-taħriġ u skemi ta’ għajnuna teknika, billi tistabilixxi kuntatti bejn impriżi u skemi biex tiffaċilita kooperazzjoni bejniethom”.
12. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14, il-proġetti ta’ għajnuna u programmi li għalihom l-iffinanzjar tal-Komunità jeċċedi miljun ECU, u kwalunkwe modifikazzjonijiet sostanzjali u tixrid possibbli ta’ proġetti u programmi li jeċċedu 20 % ta’ l-ammont inizjalment miftiehem, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura mfassla fl-Artikolu 15(3). L-Artikolu 15(3) jirreferi għall-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE(3). Skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 14 l-istess proċedura għandha tkun segwita għall-adozzjoni ta’ l-atti meħtieġa biex jiġu stabbiliti linji ta’ gwida multi-annwali indikattivi li japplikaw għall-pajjiżi msieħba prinċipali kif ukoll l-oqsma ta’ kooperazzjoni skond is-suġġett jew is-settur.
13. Skond l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 443/92, il-Kummissjoni għandha tamministra l-għajnuna finanzjarja u teknika u l-kooperazzjoni ekonomika. Skond l-Artikolu 15(2) il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.
14. Ir-Regolament Nru 443/92 ġie abrogat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1905/2006/KE, tat-18 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(4), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007. Skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 39(2) ta’ dan ir-regolament, ir-Regolament Nru 443/92 għandu jkompli jiġi applikat għal atti u impenji legali tas-snin tal-baġit ta’ qabel l-2007.
III – Il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata
15. L-ewwel premessa tirreferi għar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 fejn jingħad li l-Unjoni Ewropea, bl-għajnuna ta’ l-istrument tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida ta’ l-UE (Rapid Reaction Mechanism), għandha tgħin lill-pajjiżi terzi fit-twettiq ta’ l-obbligi tagħhom taħt ir-Riżoluzzjoni 1373 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
16. It-tieni premessa tad-deċiżjoni tirreferi għan-“National Indicative Programme 2002-2004” għall-Filippini, adottat mill-Kummissjoni, li jirrikonoxxi l-prijorità ta’ l-azzjonijiet li għandhom bħala għan il-ġlieda kontra t-terroriżmu. F’dan il-programm huwa stabbilit ukoll li l-Kummissjoni, fis-settur ta’ interventi kontra t-terroriżmu, għandha l-intenzjoni li tikkonċentra l-appoġġ tagħha prinċipalment fuq l-amministrazzjoni tal-fruntieri, partikolarment għal dak li jirrigwarda l-immigrazzjoni, u fuq il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.
17. It-tielet premessa tindika bħala għan kumplessiv tal-proġett approvat bid-deċiżjoni l-assistenza fit-twettiq tar-Riżoluzzjoni 1373 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
18. Skond ir-raba’ premessa, l-iskop tal-proġett jikkonsisti fil-kontribuzzjoni, b’rispett tar-regoli u tal-protokolli internazzjonali, għall-isforzi tal-Gvern Filippin sabiex jittejbu s-sigurtà u l-amministrazzjoni tal-fruntieri Filippini.
19. L-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni jistabbilixxi li l-“Philippine Border Management Project” (iktar ’il quddiem il-“proġett”), li t-test tiegħu huwa anness mad-deċiżjoni, huwa approvat. L-Artikolu 1(2) jistabbilixxi l-ammont massimu tal-kontribut tal-Komunità bħala EUR 4 900 000, li għandu jiġi ffinanzjat mir-riżorsi disponibbli taħt il-linja tal-baġit 19 10 02 tal-baġit ġenerali tal-Komunità għas-sena 2004.
20. L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni jirregola d-dettalji ta’ l-implementazzjoni tal-proġett u jiddefinixxi l-kuntest temporali tiegħu.
21. Skond id-deskrizzjoni annessa mad-deċiżjoni, il-proġett huwa maħsub li jassisti lill-awtoritajiet Filippini sabiex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:
– tiġi promossa l-adozzjoni ta’ l-aħjar standards internazzjonali fl-amministrazzjoni tal-fruntieri permezz ta’ eżami u evalwazzjoni tal-metodi u l-prassi nazzjonali eżistenti.
– tiġi implementata sistema kkompjuterizzata, integrata u protetta, għall-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet involuti fl-amministrazzjoni tal-fruntieri;
– tiġi pprevenuta ċ-ċirkulazzjoni ta’ dokumenti ta’ identità foloz permezz ta’ żieda fil-livell ta’ identifikazzjoni tagħhom u permezz tat-tkabbir ta’ l-għarfien fost il-pubbliku ta’ l-importanza tal-pussess ta’ dokumenti ta’ identità korretti;
– tiżdied il-kompetenza tal-persunal li jmexxi u tekniku li jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-fruntieri permezz ta’ taħriġ adegwat.
IV – Il-fatti li wasslu għad-deċiżjoni, it-talbiet u l-proċedura
A – Il-fatti tal-kawża
22. Id-deċiżjoni kkontestata kienet is-suġġett ta’ laqgħa tal-kumitat regolatorju previst mir-Regolament Nru 443/92, li saret fis-17 u fit-18 ta’ Novembru 2004. Madankollu, billi xi Stati Membri kellhom dubju fuq il-bażi legali magħżula, id-deċiżjoni ma ġietx approvata f’dik il-laqgħa imma ġiet irrinvijata għall-proċedura bil-miktub, li ġiet konkluża fis-7 ta’ Diċembru 2004 b’deċiżjoni favorevoli meħuda b’maġġoranza kkwalifikata. Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fil-21 ta’ Diċembru 2004.
23. Id-deċiżjoni ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Fl-14 ta’ Diċembru 2004 intbagħtu lill-Parlament il-minuti tal-laqgħa tas-17 u tat-18 ta’ Novembru 2004.
24. Sussegwentement, żewġ membri tal-Parlament staqsew bil-miktub lill-Kummissjoni(5) għal aktar informazzjoni dwar id-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni rrispondiet għal dawn il-mistoqsijiet fl-14 ta’ Marzu(6) u fit-22 ta’ April 2005(7).
25. B’ittra tal-25 ta’ Mejju 2005 il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament talab lill-Kummissjoni tibgħat it-test tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ssostni li kienet irrispondiet għal din it-talba b’ittra tat-22 ta’ Ġunju 2005.
26. Madankollu, il-Parlament isostni li ma rċieva l-ebda risposta. Kien biss wara talba ġdida ppreżentata fis-26 ta’ Awwissu 2005 li, fid-9 ta’ Settembru 2005, waslet risposta li magħha kienet annessa kopja tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk il-Parlament sar jaf bit-test tad-deċiżjoni kkontestata għall-ewwel darba fid-9 ta’ Settembru 2005.
27. Huwa paċifiku li qabel kien hemm diġà skambju ta’ korrispondenza bejn uffiċjali tal-Parlament u tal-Kummissjoni rigward id-deċiżjoni kkontestata.
28. Fit-12 ta’ Mejju 2005, kollaboratriċi tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni f’Manila bagħtet dokumenti dwar il-proġett lis-segretarjat tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament. Madankollu, f’dan ir-rigward il-partijiet ma jaqblux jekk fost id-dokumenti kienx hemm ukoll it-test tad-deċiżjoni kkontestata.
29. Fuq talba ta’ membru tas-Servizz Legali tal-Parlament, fid-19 ta’ Lulju 2005 membru tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni bagħatlu t-test tad-deċiżjoni kkontestata b’messaġġ elettroniku. Il-membru tas-Servizz Legali tal-Parlament ikkonferma bil-messaġġ elettroniku li kien irċieva t-test fid-19 ta’ Lulju 2005.
B – It-talbiet tal-partijiet u l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
30. B’rikors tas-17 ta’ Novembru 2005 il-Parlament talab lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tannulla d-deċiżjoni li biha ġie approvat proġett dwar is-sigurtà tal-fruntieri Filippini ffinanzjat fil-kuntest tal-linja tal-baġit 19 10 02 tal-baġit ġenerali tal-Komunità Ewropea (Philippine Border Management Project; nru ASIA/2004/016-924), adottata fl-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 443/92 dwar l-għajnuna finanzjarja u teknika lill-, u kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Ażja u l-Amerika Latina;
– tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
31. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, għaliex huwa infondat;
– tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond id-dritt.
32. B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 2006 ir-Renju ta’ Spajna tħalla jintervjeni fil-kawża in sostenn tal-Kummissjoni.
33. Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali; l-intervenjent ipparteċipa fil-proċedura bil-miktub.
V – Evalwazzjoni
A – Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
1. It-terminu sabiex jitressaq rikors
34. Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikors huwa inammissibbli billi ma tressaqx f’xahrejn mill-jum meta l-Parlament sar jaf bid-deċiżjoni kkontestata.
35. Huwa irrilevanti li l-Kummissjoni fl-istess ħin issostni li ma tridx tqajjem l-eċċezzjoni ta’ l-inammissibbiltà billi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika ex officio li ġie rrispettat it-terminu sabiex jitressaq rikors peress li din hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku(8).
36. Skond il-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, ir-rikorsi għal annullament għandhom jitressqu f’terminu ta’ xahrejn. Dan it-terminu jiddekorri mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta din tiġi nnotifikata lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf biha, skond il-każ.
37. Id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. L-Artikolu 254(1) u (2) KE ma jimponix l-obbligu li tiġi ppubblikata. Billi l-Parlament mhuwiex id-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, din lanqas ma ġiet innotifikata lilu formalment skond l-Artikolu 254(3) KE. Dan ifisser li f’dan il-każ it-terminu ta’ xahrejn sabiex jitressaq rikors beda jiddekorri mill-jum li fih il-Parlament effettivament sar jaf bid-deċiżjoni kkontestata.
38. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss fil-mument meta jkun jaf eżatt il-kontenut u l-motivazzjoni ta’ l-att in kwistjoni li r-rikorrent effettivament isir jaf b’att(9). Huwa biss f’dak il-mument li r-rikorrent ikun jista’ jeżerċita konsapevolment id-dritt tiegħu li jressaq rikors. Għalhekk, il-fatt li sempliċiment ikun jaf bis-sunt tad-deċiżjoni kkontestata mhuwiex biżżejjed peress li, għall-kuntrarju, għandu jkun jaf bit-test tad-deċiżjoni(10).
39. Għalhekk jeħtieġ li jiġi vverifikat minn liema mument il-Parlament kien jaf eżattament il-kontenut u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni, jiġifieri t-test tad-deċiżjoni kkontestata.
40. Ma jistax jingħad li meta ntbagħtulu l-minuti tal-laqgħa tal-kumitat regolatorju tas-17 u tat-18 ta’ Novembru 2004 il-Parlament sar jaf bid-deċiżjoni bħala tali. Fil-fatt minn dawn il-minuti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx għadha ġiet adottata u li, anzi, kienet ġiet irrinvijata għall-proċedura bil-miktub billi ma setax jintlaħaq ftehim. Għalhekk, b’dawn il-minuti, il-Parlament ma kienx għadu sar jaf bid-deċiżjoni kkontestata.
41. Huwa paċifiku li l-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament irċieva t-test tad-deċiżjoni kkontestata b’ittra tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Settembru 2005, li wasslet fil-Parlament fid-9 ta’ Settembru 2005. Għalhekk kien minn dak il-mument li l-Kumitat − u, għaldaqstant anki l-Parlament − sar jaf bil-kontenut eżatt tad-deċiżjoni. Jekk wieħed jibda minn dan il-mument, allura jirriżulta li l-Parlament Ewropew, wara li jiġi kkunsidrat t-terminu ta’ għaxart ijiem mogħti minħabba d-distanza mill-Artikolu 81(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-17 ta’ Novembru 2005 ppreżenta r-rikors tiegħu fit-terminu previst.
42. Għalhekk, l-inammissibbilità tar-rikors minħabba nuqqas ta’ osservanza tat-terminu sabiex jitressaq rikors tista’ tiġi sostnuta biss jekk wieħed jgħid li kien hemm għarfien minn qabel tad-deċiżjoni min-naħa tal-Parlament, jiġifieri qabel id-9 ta’ Settembru 2005. Madankollu, l-ebda fatt li rreferiet għalih il-Kummissjoni ma jippermetti l-konklużjoni li l-Parlament kien jaf b’dik id-deċiżjoni f’xi żmien qabel.
43. L-ittra tat-22 ta’ Ġunju 2005 mibgħuta mill-Kummissarju kompetenti lill-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament ma tistax isservi ta’ bażi sabiex jiġi identifikat mument preċedenti li fih il-Parlament seta’ kellu għarfien. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda prova sabiex tirrispondi għall-kontestazzjonijiet tal-Parlament u turi li dik l-ittra, li magħha kien anness it-test tad-deċiżjoni, kienet qatt wasslet għand il-Kumitat għall-Iżvilupp.
44. Dejjem minħabba n-nuqqas ta’ prova li ġiet irċevuta din l-ittra, f’dan il-każ ma jistax jingħad li s-segretarjat tal-Kumitat għall-Iżvilupp kien diġà rċieva mid-delegazzjoni tal-Kummissjoni f’Manila t-test tad-deċiżjoni kkontestata fit-12 ta’ Mejju 2005. Fil-fatt il-Parlament jikkontesta li rċieva f’dik l-okkażjoni t-test tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni, anki f’dan il-każ, ma ressqet ebda prova li ġiet irċevuta.
45. Fl-aħħar, il-Parlament lanqas ma sar jaf bit-test tad-deċiżjoni permezz tal-komunikazzjoni li kien hemm bejn il-membri tas-Servizzi Legali tal-Kummissjoni u tal-Parlament. Huwa veru li mhuwiex ikkontestat li f’dik l-okkażjoni kopja tad-deċiżjoni kkontestata wasslet għand membru tas-Servizz Legali tal-Parlament fid-19 ta’ Lulju 2005. Jekk issir referenza għal dik id-data bħala l-mument ta’ meta sar jaf bid-deċiżjoni, jirriżulta li r-rikors tal-Parlament ma tressaqx fit-terminu previst.
46. Madankollu, ma jistax jingħad li l-Parlament sar jaf biha minħabba li membru tas-Servizz Legali kien jaf biha billi huwa paċifiku li l-kuntatt li wassal għal dan l-għarfien kien sempliċi kuntatt informali. Ma jistax jingħad li l-Parlament sar jaf minħabba li kollaboratur wieħed sar jaf informalment. Fil-fatt, wieħed ma jistax jassumi li l-informazzjoni li tasal informalment tintbagħat immedjatament lill-uffiċċji kompetenti tal-Parlament, b’mod partikolari għaliex, kif jirriżulta mill-proċess tal-kawża, il-kollaboratur kien konvint li din l-informazzjoni kienet ser tintbagħat ukoll lill-Parlament uffiċjalment.
47. Madankollu tista’ tirriżulta evalwazzjoni differenti ta’ l-ammissibbiltà tar-rikors mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, irrispettivament mill-mument meta effettivament wieħed isir jaf bl-att, rikors għandu jitqies bħala mressaq wara t-terminu jekk min isir jaf bl-eżistenza ta’ l-att li jirrigwardah jonqos milli jitlob it-test sħiħ ta’ dan l-att f’terminu raġonevoli(11).
48. Preliminarjament jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk dan it-terminu sabiex jintalab it-test sħiħ japplikax ukoll fil-konfront ta’ istituzzjoni Komunitarja bħala rikorrenti privileġġata(12). F’sens kuntrarju, jista’ jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex “att li jirrigwarda” lill-Parlament fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata. Att ma jistax jirrigwarda direttament lill-Parlament bl-istess mod kif jista’ jirrigwarda, per eżempju, impriża privata. Minn dan jirriżulta li fil-każ ta’ impriża huwa ferm aktar faċli li jingħad li ħareġ att li jirrigwardaha u li tiegħu hija għandha titlob it-test. Is-sitwazzjoni tal-Parlament bħala rikorrent privileġġat mhijiex paragunabbli ma’ din is-sitwazzjoni minħabba li joħorġu ħafna deċiżjonijiet li potenzjalment jistgħu jiġu kkontestati mill-Parlament. Jekk l-għarfien ta’ miżura li potenzjalment tista’ tiġi kkontestata joħloq l-obbligu għall-Parlament li jitlob it-test tagħha, dan l-obbligu jwassal għal volum ta’ xogħol kbir għall-organizzazzjoni tal-ħidma parlamentari. L-eżistenza ta’ terminu sabiex jintalab it-test sħiħ tista’, għalhekk, tikkostitwixxi xkiel ieħor għall-eżerċizzju effettiv min-naħa tal-Parlament tad-dritt tiegħu li jressaq rikors.
49. Min-naħa l-oħra, favur il-ħtieġa ta’ terminu sabiex jitressaq rikors u ta’ l-obbligu ulterjuri relatat tar-rikorrent li jitlob it-test tal-miżura f’terminu raġonevoli, jista’ jiġi invokat l-għan ewlieni ta’ dan it-terminu, jiġifieri ċ-ċertezza legali(13). Mill-bqija, anki dan il-każ juri ċar li t-tressiq tempestiv ta’ rikors huwa importanti ħafna għaċ-ċertezza legali. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Komunità, minħabba d-deċiżjoni kkontestata, assumiet obbligi fil-konfront ta’ organizzazzjoni internazzjonali għall-amministrazzjoni ta’ proġett u bla dubju għamlet anki l-ewwel ħlasijiet.
50. Jista’ jintlaħaq bilanċ bejn dawn iż-żewġ interessi kontrastanti − minn naħa, il-ħtieġa ta’ ċertezza legali, u min-naħa l-oħra, il-ħtieġa ta’ dritt effettiv għall-Parlament li jressaq rikors − jekk, meta r-rikorrent ikun il-Parlament, wieħed jistenna livell għoli ta’ għarfien ta’ l-att sabiex ikun jista’ jibda jiddekorri t-terminu għat-talba tat-test. Sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni ta’ liema terminu jista’ jitqies adegwat tista’ eventwalment tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari ta’ l-istituzzjoni Komunitarja li tressaq rikors.
51. F’dan il-każ mhuwiex ikkontestat li l-Parlament mill-14 ta’ Marzu 2005 kien sar jaf bir-risposta mogħtija mill-Kummissarju kompetenti għat-talba bil-miktub ta’ deputata dwar id-deċiżjoni kkontestata. F’din ir-risposta l-Kummissjoni ċċarat li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata fil-21 ta’ Diċembru 2004, u indikat il-bażi legali u l-għanijiet ewlenin tagħha. Għalhekk, anki bl-applikazzjoni ta’ kriterji kwalitattivi rigorużi għall-għarfien tad-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ għandu jingħad li l-Parlament minn dak il-mument kien jaf bl-aspetti deċiżivi tad-deċiżjoni kkontestata u li minn dak il-mument inħoloq fir-rigward tiegħu l-obbligu li jitlob it-test tad-deċiżjoni f’terminu raġonevoli.
52. Kien biss fil-25 ta’ Mejju 2005 li l-Parlament talab it-test tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri aktar minn xahrejn wara li sar jaf bl-eżistenza tad-deċiżjoni kkontestata.
53. Terminu ta’ aktar minn xahrejn ma jistax jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli, lanqas meta wieħed iqis is-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrent istituzzjonali(14). It-terminu sabiex issir talba għat-test, fil-fatt, fl-ebda każ ma jista’ jkun itwal mit-terminu sabiex jitressaq rikors, li huwa ta’ xahrejn biss anki għall-istituzzjonijiet Komunitarji.
54. Għalhekk il-Parlament Ewropew ma ressaqx ir-rikors fit-terminu previst. Għaldaqstant ir-rikors huwa inammissibbli.
B – Fuq il-mertu tar-rikors
55. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal evalwazzjoni differenti dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, hawnhekk ser neżamina l-mertu tar-rikors b’mod sussidjarju.
56. Fir-rikors tiegħu l-Parlament iqajjem motiv wieħed biss. Huwa jsostni li l-Kummissjoni qabżet il-limiti tal-kompetenza ta’ implementazzjoni li jagħtiha r-Regolament Nru 443/92. Id-deċiżjoni kkontestata għandha bħala għan il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali. Billi dawn l-għanijiet ma jissemmewx espliċitament fir-Regolament Nru 443/92, id-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tiġi bbażata fuq din il-bażi legali.
57. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni hija tal-fehma li n-nuqqas, fir-Regolament Nru 443/92, ta’ referenza espressa għal miżuri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu ma jfissirx li l-miżura kkontestata ma setgħetx tkun ibbażata fuq dan ir-regolament.
58. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura ta’ implementazzjoni adottata mingħajr konsultazzjoni tal-Parlament għandha tirrispetta r-regoli stabbiliti, wara konsultazzjoni mal-Parlament, fl-att ġuridiku li huwa l-bażi tal-miżura in kwistjoni(15). Għalhekk, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni kkontestata setgħetx tiġi validament adottata abbażi tar-Regolament Nru 443/92. Fid-deċiżjoni kkontestata jingħad li hija bbażata “b’mod partikolari fuq l-Artikoli 7 u 8” ta’ dan ir-regolament. Madankollu, fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni rreferiet ukoll għall-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 5 u għall-Artikolu 6 tar-regolament in kwistjoni.
1. L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 443/92
59. L-Artikoli 4 sa 6 jirrigwardaw l-għajnuna finanzjarja u teknika. Skond l-Artikolu 6 l-għajnuna finanzjarja u teknika għandha tkun estiża għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ l-AAL li huma aktar avvanzati, b’mod partikolari fl-oqsma speċifikati. Fost dawn is-setturi, il-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 6 jsemmi t-“tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet, speċjalment awtoritajiet pubbliċi”.
60. L-eżami u l-evalwazzjoni tal-metodi nazzjonali użati fl-amministrazzjoni tal-fruntieri, l-implementazzjoni ta’ sistema kkompjuterizzata għall-iskambju ta’ informazzjoni, it-tnaqqis taċ-ċirkulazzjoni ta’ dokumenti ta’ identità foloz u t-taħriġ tal-persunal li jamministra l-fruntieri huma l-għanijiet tal-proġett approvat bid-deċiżjoni kkontestata
61. Jekk jinftiehem f’sens wiesa’, il-kunċett ta’ “awtoritajiet pubbliċi” jinkludi kull awtorità li twettaq funzjonijiet ta’ l-Istat. Jekk wieħed jitlaq minn dan il-kunċett wiesa’, anki l-amministrazzjoni tal-fruntieri u l-awtoritajiet inkarigati minn din l-amministrazzjoni jistgħu jitqiesu bħala “istituzzjonijiet” u “awtoritajiet pubbliċi”, u l-miżuri previsti mill-proġett bħala għajnuna għat-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet, partikolarment ta’ l-awtoritajiet pubbliċi.
62. Għalhekk, jekk tiġi kkunsidrata biss it-tifsira letterali, mill-Artikolu 6 fih innifsu ma tirriżulta ebda limitazzjoni dwar it-tip ta’ awtorità pubblika li tista’ tirċievi l-għajnuna finanzjarja u teknika skond ir-Regolament Nru 443/92. Madankollu, jekk wieħed joqgħod biss fuq il-kliem ta’ l-Artikolu 6 jista’ jkunu inklużi wkoll, per eżempju, anki miżuri ta’ għajnuna lill-awtoritajiet militari peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jirriżulta kważi illimitat. Għalhekk jeħtieġ li wieħed jistaqsi jekk din l-interpretazzjoni wiesgħa tas-sinjifikat ta’ l-Artikolu 6 hijiex konformi mar-ratio legis tar-Regolament Nru 443/92.
63. Ir-risposta għal din id-domanda hija negattiva. Fil-fatt, għalkemm mit-tifsira letterali ta’ l-Artikolu 6 fih innifisu ma tirriżulta ebda limitazzjoni, limitazzjoni toħroġ pjuttost mill-istess Regolament Nru 443/92. Fil-fatt, anki fil-kuntest ta’ l-Artikolu 6, l-għajnuna lill-awtoritajiet għandha taqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna għall-iżvilupp li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 443/92. L-għajnuna lill-awtoritajiet pubbliċi mhijiex skop awtonomu imma hija mezz sabiex jintlaħaq l-għan ta’ żvilupp tar-Regolament Nru 443/92. Għalhekk, l-Artikolu 6 jkopri biss dik it-tip ta ’ għajnuna lill-awtoritajiet li hija maħsuba primarjament sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, per eżempju, il-miżuri ta’ għajnuna lill-awtorità inkarigata mill-organizzazzjoni ta’ l-elezzjonijiet huma maħsuba sabiex jintlaħaq l-għan ta’ żvilupp, imsemmi fir-Regolament Nru 443/92, tad-demokratizzazzjoni(16), filwaqt li l-għajnuna lill-awtorità agrikola hija maħsuba sabiex tkun assigurata s-sigurtà fl-ikel, li huwa wkoll għan imsemmi f’dan ir-regolament(17).
64. Għalhekk, issa jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-għan tad-deċiżjoni kkontestata huwiex wieħed mill-għanijiet ta’ żvilupp tar-Regolament Nru 443/92.
65. Bħala l-iskop immedjat tagħha (“purpose”), id-deċiżjoni kkontestata ssemmi għajnuna lill-Gvern Filippin għat-titjib tas-sigurtà u ta’ l-amministrazzjoni tal-fruntieri. Bħala skop globali (“overall objective”), hija tindika l-għajnuna lill-Gvern Filippin fit-twettiq tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1373 (2001) (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni UN 1373 (2001)”) fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali.
66. Mid-deċiżjoni kkontestata u mid-deskrizzjoni tal-proġett ma tirriżultax informazzjoni dettaljata dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni bejn il-problema speċifika tat-terroriżmu u tal-kriminalità internazzjonali, minn naħa, u s-sitwazzjoni ta’ l-iżvilupp tal-Filippini, min-naħa l-oħra.
67. Minkejja dan, f’passaġġ mid-deskrizzjoni tal-proġett issir referenza għat-theddid terroristiku li għalihom huwa espost il-Gvern Filippin speċjalment wara l-aħħar elezzjonijiet u, f’passaġġ ieħor, issir referenza għas-sitwazzjoni ta’ instabbiltà fil-provinċja ta’ Mindanao. B’dan il-mod id-deċiżjoni kkontestata tagħti x’tifhem li hija għandha bħala għan it-titjib ta’ l-istabbiltà u tas-sigurtà interni tal-Filippini.
68. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 6 tar-Regolament jinkludix miżuri sostanzjalment maħsuba għat-titjib tas-sigurtà u ta’ l-istabbiltà interni tal-Filippini.
69. Huwa minnu li wieħed jista’ jaqbel ma’ l-argument tal-Kummissjoni li l-istabbiltà u s-sigurtà jistgħu jkunu l-kundizzjonijiet bażiċi meħtieġa għal kull żvilupp ulterjuri. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet li għamel il-Parlament fis-seduta jidher li huwa, bħala prinċipju, ma jridx jikkontesta l-eżistenza ta’ relazzjoni bejn l-istabbiltà u l-iżvilupp.
70. Madankollu, fir-Regolament Nru 443/92 ma tidher l-ebda referenza għall-istabbiltà u s-sigurtà. Huwa veru li dan ir-regolament, fis-seba’ premessa tiegħu, jindika li huma maħsub mhux biss sabiex jikkonferma s-setturi tradizzjonali ta’ l-azzjoni ta’ għajnuna għall-iżvilupp, imma wkoll sabiex jidentifika prijoritajiet ġodda. L-istabbiltà u s-sigurtà, iżda, ma jissemmewx fost dawn l-oqsma ġodda ta’ intervent.
71. Mingħajr dubju l-lista tal-prijoritajiet ġodda li tinsab f’dan ir-regolament mhijiex eżawrjenti. Madankollu, fin-nuqqas ta’ elementi oħra fit-test ta’ dan ir-regolament li fuqhom wieħed jista’ jibbaża ruħu, mill-fatt li dik il-lista mhijiex eżawrjenti bl-ebda mod ma jista’ jiġi konkluż li kull settur ġdid ta’ azzjoni immaġinabbli jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 443/92. Sabiex tkun tista’ tintlaħaq konklużjoni bħal din huwa meħtieġ li tinstab bażi anki fit-test ta’ dan ir-regolament.
72. Issa, bażi bħal din ma tinstabx fir-Regolament Nru 443/92. F’dan ir-rigward anki l-Kummissjoni, fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, spjegat li kien biss f’dawn l-aħħar snin li l-kunċett ta’ għajnuna għall-iżvilupp evolva b’mod li jinkludi l-miżuri maħsuba għat-titjib tas-sigurtà u l-istabbiltà sabiex tiġi ggarantita l-kundizzjoni bażika meħtieġa għal żvilupp ulterjuri. F’dan ir-rigward hija tirreferi għal diversi dokumenti, bħal per eżempju komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-2003(18) u d-dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ l-2000(19). L-istess Kummissjoni, madankollu, b’dan il-mod tirrikonoxxi li kunċett daqstant wiesa’ ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp ma kienx eżattament il-bażi tar-Regolament Nru 443/92.
73. Għalhekk, m’hemmx elementi li jippermettu li jiġi kkonstatat li l-kunċett oriġinali ta’ għajnuna għall-iżvilupp, li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 443/92 u li huwa s-suġġett tiegħu, jinkludi anki miżuri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u għall-għajnuna ta’ l-istabbiltà u tas-sigurtà interni.
74. Wieħed jista’ bla dubju jaqbel ma’ l-argument tar-Renju ta’ Spanja li għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 443/92 il-Kummissjoni tista’ tingħata poter diskrezzjonali wiesa’. Dan il-poter, iżda, jista’ jirrigwarda biss it-tip ta’ miżuri ta’ għajnuna, jiġifieri dwar fejn, kemm u liema proġetti konkreti jiġu eżegwiti.
75. Barra minn hekk, dan il-poter diskrezzjonali mhux daqshekk wiesa’ li jippermetti lill-Kummissjoni, meta teżegwixxi r-Regolament Nru 443/92, tiżviluppa aktar il-kunċett ta’ għajnuna għall-iżvilupp u testendih għal oqsma ta’ intervent ġodda sabiex issegwi l-aktar evoluzzjoni riċenti ta’ dan il-kunċett.
76. Mhuwiex ammissibbli li l-kompetenza ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 443/92 tiġi interpretata b’tali mod li tinkludi wkoll il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tiżviluppa aktar il-kunċett ta’ għajnuna għall-iżvilupp.
77. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, tinterpreta estensivament il-kunċett ta’ “implementazzjoni”(20), hija madankollu stabbiliet ukoll li r-regoli ta’ “natura essenzjali” għandhom ikunu rriżervati għall-att ġuridiku bażiku(21). Fost ir-regoli ta’ “natura essenzjali” jinsabu dawk id-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom għandhom jitwettqu l-orjentamenti fundamentali tal-politika Komunitarja(22).
78. Fid-dawl tal-portata ta’ l-implikazzjonijiet li jirriżultaw minnha, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 443/92 għal dan il-kamp ġdid ta’ azzjoni ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp, jiġifieri s-“sigurtà u l-istabbiltà”, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkonċerna r-regoli ta’ “natura essenzjali tal-qasam li għandu jiġi rregolat” u mhux bħala li tikkonċerna regoli ta’ “implementazzjoni”.
79. F’dan ir-rigward tqum il-kwistjoni ta’ l-orjentament fundamentali tal-politika ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp, li ma tistax tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Tali estensjoni tal-kunċett ta’ għajnuna għall-iżvilupp setgħet titwettaq biss permezz ta’ emenda għar-regolament bażiku introdotta skond il-proċedura leġiżlattiva prevista mit-Trattat li, meta mqabbla mal-proċedura tal-kumitoloġija, tipprovdi aktar trasparenza u leġittimità demokratika.
80. L-inklużjoni ta’ oqsma ta’ azzjoni ġodda fil-kunċett ta’ għajnuna għall-iżvilupp għandha, għalhekk, tkun irriżervata għall-att legali bażiku u r-Regolament Nru 443/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jagħtix lill-Kummissjoni l-kompetenza li tinkludi, fil-fażi ta’ implementazzjoni ta’ l-istess regolament, settur ġdid ta’ azzjoni fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tiegħu.
81. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi mfakkar ukoll li fl-2002 il-Kummissjoni kienet diġà ppreżentat lill-Parlament proġett għall-emenda tar-Regolament Nru 443/92 fejn il-ġlieda kontra t-terroriżmu kienet ġiet espliċitament indikata bħala settur ta’ intervent ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp(23). Madankollu, dik il-proċedura leġiżlattiva sfat fix-xejn. Kien biss bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1717/2006, tal-15 ta’ Novembru 2006, li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà(24), li daħal fis-seħħ att ġuridiku bażiku li issa jipprevedi, fil-qasam ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp, miżuri għat-titjib ta’ l-istabbiltà u tas-sigurtà u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu.
82. Lanqas ma jista’ jintlaħaq riżultat differenti minħabba l-fatt li r-Regolament Nru 443/92 ġie adottat abbażi ta’ l-Artikolu 235 tat-Trattat KE (li wara sar l-Artikolu 308 KE). Fil-fehma tal-Kummissjoni minn dan il-fatt jirriżulta li dan ir-regolament għandu jiġi interpretat b’mod estensiv. Madankollu, ma nistax naqbel mal-Kummissjoni fuq dan. Is-sempliċi fatt li regolament ikun ġie adottat abbażi tal-kompetenza komplementari taħt l-Artikolu 308 KE, ma jfissirx li dan għandu jiġi interpretat estensivament fis-sens li jikkostitwixxi bażi ta’ kompetenza ta’ implementazzjoni mingħajr limitu.
83. Fl-aħħar nett, jista’ jiġi kkonstatat għalhekk li d-deċiżjoni kkontestata m’għandha l-ebda bażi legali fl-Artikolu 6. Għalkemm is-suġġett tal-proġett approvat bid-deċiżjoni kkontestata jidher li prima facie jaqa’ taħt il-kunċett wiesa’ ta’ “tisħiħ (...) ta’ l-awtoritajiet pubbliċi”, l-għan tiegħu, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu, ma jikkorrispondix mal-kunċett ta’ għajnuna għall-iżvilupp li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 443/92.
84. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, minn din l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 443/92 bl-ebda mod ma tirriżulta l-konsegwenza li diversi proġetti ta’ għajnuna, mibdija mill-Kummissjoni u li jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ sigurtà (bħal per eżempju l-miżuri għat-tneħħija tal-mini ta’ l-art) jispiċċaw bla bażi legali adegwata fir-Regolament Nru 443/92. Fil-fatt, l-eżempju ta’ proġetti tat-tneħħija ta’ mini juri ċar li l-miżuri dwar is-sigurtà jistgħu bla dubju jkollhom bażi legali fir-regolament in kwistjoni sakemm l-iskop dirett tagħhom ikun elenkat espliċitament f’dan ir-regolament – f’dan il-każ, fost l-oħrajn: l-iżvilupp tas-settur rurali, iż-żieda fis-sigurtà ta’ l-ikel, il-protezzjoni tat-tfulija fis-sens ta’ l-ewwel u tad-disa’ paragrafi ta’ l-Artikolu 5.
85. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi ppreċiżat ukoll li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jimplikaw ebda teħid ta’ pożizzjoni dwar is-sinjifikat tal-kunċett ta’ għajnuna għall-iżvilupp fis-sens ta’ l-Artikoli 177 et seq. KE.
86. B’mod partikolari, fl-interpretazzjoni tat-Trattat, b’mod differenti minn dak li jiġri fl-implementazzjoni ta’ regolament, tista’ titqies l-evoluzzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna għall-iżvilupp. Skond l-Artikolu 177(3) KE, fl-interpretazzjoni tat-Trattat għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni anki għanijiet ġodda u aktar wiesa’ li jkunu ġew approvati fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. Għalhekk, il-kuntest internazzjonali jista’ jkollu influwenza fuq id-definizzjoni tal-kompetenza ġenerali tal-Komunità imma mhux neċessarjament fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji.
87. Għaldaqstant, fil-kuntest tat-Trattat, anki miżuri li għandhom bħala suġġett is-sigurtà u l-istabbiltà interni jistgħu jkunu bbażati fuq il-kompetenza dwar l-għajnuna għall-iżvilupp sakemm l-għan fundamentali tagħhom ikun, fis-sens iċċarat fis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill(25), l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ġlieda kontra l-faqar. Jekk is-sigurtà interna u l-istabbiltà ta’ pajjiż huma l-kundizzjonijiet bażiċi meħtieġa għall-iżvilupp ulterjuri tiegħu, miżuri maħsuba sabiex jassiguraw l-istabbiltà jkunu wkoll meħtieġa bħala miżuri ta’ għajnuna għall-iżvilupp fis-sens ta’ l-Artikolu 177 KE.
2. Il-seba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 443/92
88. Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tista’ tkun ibbażata fuq is-seba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 443/92, li abbażi tiegħu l-għajnuna finanzjarja u teknika “għalhekk għandha tkun allokata kif mistħoq, inter alia, lill-proġetti speċifiċi għat-tixrid tad-demokrazija, iggvernar tajjeb [u ġust] u drittijiet tal-bniedem”.
89. Fis-seba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 5, mill-istess tifsira letterali jirriżulta li l-għajnuna lill-awtoritajiet hija suġġetta għal kundizzjonijiet partikolari. Fil-fatt, bil-klawżola introduttiva “għalhekk”, il-paragrafu 7 jirreferi għaż-żewġ paragrafi preċedenti li jirrigwardaw id-dimensjoni umana u kulturali ta’ l-iżvilupp. L-għajnuna lill-awtoritajiet taħt il-paragrafu 7 ta’ l-Artikolu 5 għandha, għalhekk, titqiegħed fi sfond ta’ żvilupp uman u kulturali.
90. Dan huwa enfasizzat ukoll mill-kuntest li fih, fil-paragrafu 7, tissemma l-għajnuna lill-awtoritajiet. Flimkien ma’ din l-għajnuna, fil-fatt, jissemmew proġetti maħsuba għat-tixrid tad-demokrazija u għad-drittijiet tal-bniedem. Huwa sinjifikanti wkoll il-fatt li f’dan il-paragrafu mhuwiex indikat biss iggvernar tajjeb imma anki ġust. L-għajnuna lill-awtoritajiet taħt l-Artikolu 5, għalhekk, taqa’ fil-kuntest tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u ta’ l-Istat ta’ Dritt.
91. Għaldaqstant, fuq il-paragrafu 7 ta’ l-Artikolu 5 ma tistax tiġi bbażata kull tip ta’ għajnuna lill-awtoritajiet imma biss dik li prinċipalment ikollha l-għanijiet u l-valuri msemmija f’dan il-paragrafu u li tkun fundamentalment maħsuba għall-iżvilupp kulturali u uman, għad-demokrazija u għad-drittijiet tal-bniedem.
92. Id-deċiżjoni kkontestata tindika bħala għan, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali.
93. It-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali jistgħu, mingħajr dubju, ikollhom implikazzjonijiet fuq il-proċess tad-demokratizzazzjoni u fuq id-drittijiet tal-bniedem, b’tali mod li l-miżuri maħsuba sabiex jikkumbattuhom jikkontribwixxu indirettament anki għad-demokratizzazzjoni u għall-iżvilupp uman. Madankollu, jekk konnessjonijiet indiretti bħal dawn jitqiesu bħala biżżejjed sabiex miżura tiġi ddefinita bħala miżura ta’ għajnuna lill-awtoritajiet taħt is-seba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 443/92, ikun prattikament impossibbli li jiġu stabbiliti l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. B’mod partikolari, ikun diffiċli li jinftiehem għaliex dan ir-regolament jiddistingwi bejn għajnuna finanzjarja u teknika, minn naħa, u kooperazzjoni ekonomika, min-naħa oħra, peress li prattikament ma jistax jiġi nnegat li anki l-miżuri ekonomiċi intiżi sempliċement sabiex jiffavorixxu l-propsperità għandhom implikazzjonijiet fuq l-iżvilupp tad-demokratizzazzjoni u tad-drittijiet tal-bniedem, u peress li dawn il-miżuri jaqgħu taħt il-kunċett ta’ għajnuna lill-awtoritajiet f’sens wiesa’.
94. Id-deċiżjoni kkontestata m’għandhiex dik ir-rabta mill-qrib ma’ l-għajnuna għall-iżvilupp kulturali u uman meħtieġa fil-kuntest tal-paragrafu 7 ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 443/92, b’tali mod li lanqas ma tista’ tkun ibbażata fuq din id-dispożizzjoni. Għalkemm id-deskrizzjoni tal-proġett in kwistjoni tidentifika formalment id-drittijiet tal-bniedem bħala kwistjoni milquta minn ħafna aspetti (“crosscutting issue”) tal-proġett u tindika, bħala konsegwenza possibbli ta’ amministrazzjoni aktar effiċjenti tal-fruntieri, it-tnaqqis fit-traffikar illegali ta’ bnedmin, din ir-referenza għal effett kollaterali sempliċement ipotetiku bl-ebda mod ma tibdel il-fatt li l-miżura għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kontenut sostanzjali tagħha li, f’dan il-każ, kif intqal iktar ’il fuq, mhuwiex kopert mill-paragrafu 7 ta’ l-Artikolu 5.
3. L-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 443/92
95. Jeħtieġ li jiġi vverifikat issa jekk id-deċiżjoni kkontestata setgħetx validament tinħareġ abbażi ta’ l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 443/92.
96. L-Artikoli 7 u 8 ta’ l-imsemmi regolament għandhom bħala suġġett il-kooperazzjoni ekonomika tal-Komunità mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ l-AAL. L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7 jistabbilixxi li l-kooperazzjoni ekonomika, imfassla sabiex isservi l-interessi reċiproki tal-Komunità u tal-pajjiżi msieħba, għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ l-AAL billi tgħinhom jibnu l-kapaċità istituzzjonali tagħhom sabiex jinħoloq ambjent iktar favorevoli għall-investiment u l-iżvilupp. L-Artikolu 8(2) isemmi, fost it-tliet setturi fejn għandu jkun hemm kooperazzjoni ekonomika, dak tat-“[t]itjib ta’ l-istruttura istituzzjonali, [...] biex tinħoloq klima ekonomika, leġislattiva, amministrattiva u soċjali li tikkontribwixxi iżjed għall-iżvilupp”.
97. Kif intqal iktar ’il fuq, jekk tingħata interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċetti in kwistjoni, il-miżuri approvati bid-deċiżjoni kkontestata jistgħu, fil-kuntest ta’ l-Artikoli 7 u 8, jiġu kkunsidrati anki bħala għajnuna għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali jew għat-titjib ta’ l-istruttura istituzzjonali.
98. Madankollu, lanqas l-Artikoli 7 u 8 ma jipprevedu bħala għan awtonomu l-miżuri għat-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet. Għall-kuntrarju, it-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ l-AAL huwa meħtieġ proprju “biex jinħoloq ambjent iktar favorevoli għall-investiment u l-iżvilupp”, jew “biex tinħoloq klima ekonomika, leġislattiva, amministrattiva u soċjali li tikkontribwixxi iżjed għall-iżvilupp”. Għalhekk, mhux kull għajnuna għat-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet, iżda dik biss li primarjament hija maħsuba sabiex tgħin l-ekonomija u l-investimenti, għandha bażi legali fl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 443/92. Hija għalhekk meħtieġa relazzjoni speċifika mill-qrib bejn il-miżura u l-għajnuna lill-ekonomija. Il-miżuri li jipproduċu effetti fuq l-iżvilupp ekonomiku b’mod indirett biss, per eżempju billi jkunu maħsubsa sabiex jiggarantixxu kundizzjonijiet ta’ sigurtà, ma jissodisfawx din il-ħtieġa.
99. L-ewwel nett, il-ħtieġa ta’ rabta bħal din tirriżulta diġà mill-fatt li l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 443/92 jinsabu fit-titolu dwar il-“Kooperazzjoni ekonomika” u, skond is-sinjifikat normali ta’ dan il-kunċett, “kooperazzjoni ekonomika” ma tkoprix is-setturi kollha tal-kooperazzjoni sempliċiment minħabba li fl-aħħar mill-aħħar kull tip ta’ kooperazzjoni tista’ tipproduċi effetti anki fuq ir-relazzjonijiet u fuq il-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ l-imsieħba.
100. Imma fuq kollox, ħarsa lejn il-konsegwenzi possibbli li jirriżultaw minn interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett in kwistjoni tiċċara kif mhux il-miżuri kollha immaġinabbli li jista’ jkollhom effett fuq il-kundizzjonijiet ta’ l-investiment u ta’ l-iżvilupp jistgħu jitqiesu bħala miżuri ta’ għajnuna għall-kundizzjonijiet ta’ l-investiment u ta’ l-iżvilupp fis-sens ta’ l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 443/92. Tali interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett hija ekwivalenti għall-għoti ta’ prokura ġenerali lill-Kummissjoni mill-awtur ta’ dan ir-regolament sabiex, taħt is-sempliċi titolu ta’ “kooperazzjoni għall-iżvilupp”, tagħti għajnuna għal kull proġett statali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fil-fatt, kull miżura statali tirrappreżenta, bażikament, waħda mid-diversi kundizzjonijiet ta’ investiment u ta’ żvilupp peress li, b’mod jew ieħor, ikollha konsegwenzi ta’ l-anqas indiretti fuq l-ekonomija.
101. Il-preżenza, meħtieġa mill-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 443/92, ta’ rabta diretta u sostanzjali bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-kundizzjonijiet ta’ investiment u ta’ żvilupp la tirriżulta mill-premessi tad-deċiżjoni u lanqas mid-deskrizzjoni tal-proġett. Fil-fatt, m’hemm ebda referenza speċifika għas-sitwazzjoni ekonomika u ta’ l-investimenti fil-Filippini. Bl-istess mod, fid-deskrizzjoni tal-proġett jissemmew kważi esklużivament kwistjonijiet marbuta mat-terroriżmu u mas-sigurtà.
102. Mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax liema huma l-problemi tas-sitwazzjoni ta’ l-investimenti u ta’ l-ekonomija tal-Filippini u lanqas kif it-titjib fl-amministrazzjoni tal-fruntieri jista’ jtejjeb din is-sitwazzjoni. Għalhekk ma jistax ikun magħruf x’effetti diretti għandu l-proġett approvat fuq is-sitwazzjoni ta’ l-investimenti u ta’ l-ekonomija. Dan ma jfissirx li għajnuna għall-amministrazzjoni tal-fruntieri ma jistax ikollha anki effetti diretti fuq is-sitwazzjoni ekonomika: per eżempju, ma jistax jiġi nnegat effett ta’ għajuna lill-ekonomija fil-każ ta’ miżuri maħsuba sabiex itejbu l-proċeduri doganali għall-merkanzija. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li hija essenzjalment maħsuba għall-iżvilupp ta’ l-ekonomija u ta’ l-investimenti.
103. Min-naħa l-oħra, implikazzjonijiet sempliċiment indiretti fuq is-sitwazzjoni ta’ l-investimenti u l-ekonomija mhumiex biżżejjed, kif intqal iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 7 u 8.
104. Għaldaqstant, safejn fid-deskrizzjoni tal-proġett, fir-rigward tal-Filippini li jaħdmu barra mill-pajjiż, hemm referenza għall-fatt li s-“sostenibbiltà ta’ l-ivvjaġġar internazzjonali” (“sustainability of international travel”) hija deċiżiva għall-ekonomija nazzjonali u l-istabbilità ġenerali tal-Filippini, wieħed jista’ jimmaġina effetti reċiproċi bejn amministrazzjoni effiċjenti tal-fruntieri, minn naħa, u l-protezzjoni mill-immigrazzjoni illegali u mill-perikoli relatati magħha għas-sigurtà, min-naħa l-oħra. Madankollu, ma tingħata ebda spjegazzjoni speċifika dwar kif verifiki aktar moderni fuq il-passaporti u fuq il-fruntieri jista’ jkollhom effetti dirett fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-ħaddiema immigranti jew fuq l-ekonomija Filippina b’mod globali. Anki f’dan il-kuntest l-aktar importanza tingħata lill-istabbiltà tal-Filippini.
105. Għalhekk, minn dan l-aspett, il-proġett dwar il-fruntieri jista’ mingħajr dubju jkollu effetti fuq il-kundizzjonijiet ta’ l-investiment u ta’ l-iżvilupp. Il-miżuri li jiffavorixxu l-istabbiltà interna u s-sigurtà jistgħu jikkostitwixxu, fil-fatt, wieħed mill-ħafna fatturi li jikkontribwixxu indirettament anki għall-prosperità ekonomika.
106. Minkejja dan, miżura maħsuba sabiex ittejjeb is-sigurtà interna u esterna u l-istabbiltà m’għandha l-ebda rabta, mill-qrib u diretta, ma’ l-iżvilupp ta’ l-ekonomija, billi hija tirrigwarda biss b’mod ġenerali l-kundizzjonijiet bażiċi tal-ħajja soċjali, politika u ekonomika. Il-kundizzjonijiet ta’ investiment u ta’ żvilupp mhumiex fil-qofol ta’ dawn il-miżuri.
107. L-istess jgħodd anki għal dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn is-sigurtà interna u t-turiżmu, li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa minnu li, kif issostni l-Kummissjoni, il-miżura kkontestata tista’ tagħti kontribut għat-tisħiħ tas-sigurtà u għalhekk, tkun kundizzjoni fundamentali għall-ekonomija u l-iżvilupp in ġenerali, u għat-turiżmu b’mod partikolari. Madankollu, din ir-relazzjoni indiretta u dan l-effett kollaterali ma jippermettix li d-deċiżjoni kkontestata tiġi kkunsidrata bħala miżura ta’ għajnuna għall-investimenti u għall-ekonomija fis-sens ta’ l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 443/92.
108. Id-deċiżjoni kkontestata, għalhekk, m’għandhiex ir-relazzjoni mill-qrib u diretta meħtieġa ma’ l-għajnuna għall-ekonomija u għalhekk, lanqas m’hija bbażata fuq l-Artikoli 7 u 8.
4. Fuq il-kompetenzi fil-qasam tal-baġit
109. Qabel ma tingħata konklużjoni, jeħtieġ jingħad li l-Parlament fir-replika tiegħu għamel argumenti li ma jirreferux biss għall-fatt li l-Kummissjoni qabżet il-kompetenzi ta’ implementazzjoni tagħha, imma li kisret ukoll il-kompetenzi dwar il-baġit.
110. Din l-eċċezzjoni tressqet tardivament skond l-Artikoli 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Din l-eċċezzjoni tammonta għal motiv ġdid imqajjem għall-ewwel darba fir-replika. Fir-rikors il-Parlament qajjem biss motiv wieħed fejn ilmenta biss dwar il-ksur tar-Regolament Nru 443/92 minħabba l-miżuri ta’ implementazzjoni.
C – Sommarju
111. Fil-qosor, għandu jingħad li r-rikors huwa inammissibbli għaliex ma ġiex irrispettat it-terminu sabiex jitressaq rikors. Jekk, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-mertu tal-kwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.
VI – Fuq il-limitazzjoni ta’ l-effetti tas-sentenza
112. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-rikors huwa ammissibbli u fl-eventwalità li r-rikors jintlaqa’, ikun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi wkoll il-kwistjoni jekk l-effetti tas-sentenza għandhomx jiġu limitati. Huwa veru li l-Kummissjoni ma talbitx lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jinżammu fis-seħħ l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata fil-każ li jintlaqa’ r-rikors.
113. Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio tuża l-poter li għandha taħt it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 231 KE u żżomm fis-seħħ l-effetti tad-deċiżjoni. L-annullament tad-deċiżjoni jasal f’mument meta diġà saru l-ħlasijiet relatati mal-proġett marbut mad-deċiżjoni kkontestata u ttieħdu impenji partikolarment fil-konfront ta’ l-International Organisation for Migration, li hija inkarigata mill-implementazzjoni tal-proġett.
114. Għalhekk, motivi rilevanti ta’ ċertezza legali, analogi għal dawk preżenti fil-każ ta’ annullament ta’ tali regolamenti, jistgħu jiġġustifikaw il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-poter li għandha taħt it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 231 KE f’każ ta’ annullament ta’ regolament u tispeċifika liema effetti tad-deċiżjoni annullata għandhom jibqgħu fis-seħħ(26).
115. Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, jeħtieġ li jiġi stabbilit li l-annullament ma jippreġudikax il-validità tal-ħlasijiet magħmula u lanqas l-impenji meħuda bis-saħħa tad-deċiżjoni kkontestata(27).
VII – Fuq l-ispejjeż
116. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Billi r-rikors huwa inammissibbli, il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż li għamel minħabba l-intervent.
VIII – Konklużjoni
117. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
1. Ir-rikors huwa miċħud;
2. Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż, bl-eċċezzjoni ta’ l-ispejjeż tar-Renju ta’ Spanja li għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – ĠU L 52, p. 1, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 807/2003, ta’ l-14 ta’ April 2003, li jaddatta, għad-Deċiżjoni 1999/468/KE, id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati skond il-proċedura ta’ konsultazzjoni (unanimità) (ĠU L 122, p. 36).
3 – Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, p. 23).
4 – ĠU L 378, p. 41.
5 – Mistoqsijiet bil-miktub nru P‑0619/05 tad-deputat Glenys Kinnock, u nru E‑0578/05 tad-deputat Gay Mitchell.
6 – It-test tar-risposta jista’ jiġi kkonsultat fl-indirizz ta’ l-Internet .
7 – It-test tar-risposta jista’ jiġi kkonsultat fl-indirizz ta’ l-Internet .
8 – Ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 1973, Gunnella vs Il-Kummissjoni (33/72, Ġabra p. 475, punt 3 et seq.); tat-12 ta’ Lulju 1984, Moussis vs Il-Kummissjoni (227/83, Ġabra p. 3133, punt 12), kif ukoll is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 1997, Coen (C‑246/95, Ġabra p. I‑403, punt 21).
9 – Ara biss is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1980, Koenecke (76/79, Ġabra p. 665, punt 7), u tas-6 ta’ Diċembru 1990, Wirtschaftsvereinigung Eisen- und Stahlindustrie (C‑180/88, Ġabra p. I‑4413, punt 22).
10 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Jannar 1997, Il-Kummissjoni vs Sociedade de Curtumes (C‑143/95 P, Ġabra p. I‑1, punt 32).
11 – Ara s-sentenzi Wirtschaftsvereinigung Eisen- und Stahlindustrie, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 (punt 22); tas-6 ta’ Lulju 1988, Dillinger Hüttenwerke (236/86, Ġabra p. 3761, punt 14), kif ukoll ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Windpark Groothusen (C‑48/96 P, Ġabra p. I‑2873, punt 20).
12 – Fis-sentenza tad-19 ta’ Frar 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑309/95, Ġabra p. I‑655, punt 18), dan it-terminu jissemma wkoll fir-rigward ta’ proċeduri li fihom ikunu involuti istituzzjonijiet Komunitarji, mingħajr, madankollu ma jiġi sottopost għal analiżi speċifika.
13 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 1978, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (156/77, Ġabra p. 1881, punt 21/24). Minbarra dan, ir-regoli Komunitarji rigward it-termini proċedurali jissodisfaw in-neċessità li jiġu evitati kull diskriminazzjoni u trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja: ara, fost oħrajn, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1985, Cockerill-Sambre vs Il-Kummissjoni (42/85, Ġabra p. 3749, punt 10), u d-digriet tas-7 ta’ Mejju 1998, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (C‑239/97, Ġabra p. I‑2655, punt 7).
14 – Ara d-digriet tal-5 ta’ Marzu 1993, Ferriere Acciaierie Sarde (C‑102/92, Ġabra p. I‑801, punt 19).
15 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1996, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑303/94, Ġabra p. I‑2943, punt 23).
16 – Ara l-paragrafu 7 ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 443/92.
17 – Ara l-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 443/92.
18 – Komunikazzjoni “Iggvernar u Żvilupp”, COM/2003/615 def.
19 – Dikjarazzjoni tal-Millennju A/RES/55/2, li tinstab fl-indirizz ta’ l-Internet .
20 – Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1998, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑159/96, Ġabra p. I‑7379, punt 40); tat-30 ta’ Ottubru 1975, Rey Soda (23/75, Ġabra p. 1279, punt 10); tad-29 ta’ Ġunju 1989, Vreugdenhil (22/88, Ġabra p. 2049, punt 16), u tas-17 ta’ Ottubru 1995, L-Olanda vs Il-Kummissjoni (C‑478/93, Ġabra p. I‑3081, punt 30).
21 – Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1992, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑240/90, Ġabra p. I‑5383, punt 36); tat-13 ta’ Ottubru 1992, Il-Portugall u Spanja vs Il-Kunsill (C‑63/90 u C‑67/90, Ġabra p. I‑5073, punt 14); tas-16 ta’ Ġunju 1987, Romkes (46/86, Ġabra p. 2671, punt 16), u tas-17 ta’ Diċembru 1970, Köster (25/70, Ġabra p. 1161, punt 6). Ara fuq dan l-argument anki l-Konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-8 ta’ Settembru 2005 fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑66/04, Ġabra p. I‑10553, paragrafi 50 et seq.).
22 – Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 (punt 37).
23 – COM/2002/0340 def. tat-2 ta’ Lulju 2002.
24 – ĠU L 327, p. 1.
25 – Sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1996, Il-Portugall vs Il-Kunsill (C-268/94, Ġabra p. I‑6177, it-tieni punt tas-sommarju u l-punt 39).
26 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (C‑106/96, Ġabra p. I‑2729, punti 39 et seq.).
27 – Ara s-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 (punt 42).
Full & Egal Universal Law Academy