KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fit-8 ta’ Marzu 2007(1)
Kawża C‑430/05
Ntionik Anonymi Etaireia Emporias I/Y, Logismikou kai Parochis Ypiresion Michanografisis
Ioannis Michail Pikoulas
vs
Epitropi Kefalaiagoras
“Titoli – Partikolaritajiet tal-lista – Inklużjoni ta’ informazzjoni mhux eżatta – Kompetenza ta’ Stat Membru biex jimponi sanzjonijiet”
1.
2. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja tirrikjedi li l-ammissjoni tat-titoli ta’ kumpannija fil-listi tal-borża għandha ssir taħt il-kundizzjoni tal-publikazzjoni tal-partikolaritajiet tal-lista li jkun fiha ċerta informazzjoni inklużi d-dettalji tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli għalihom. Dan ir-rinviju, li qiegħed isir mis-Simvoulio tis Epikratias (Kunsill ta’ l-Istat), il-Greċja, jirrigwarda l-kompetenza ta’ l-Istati Membri sabiex jissanzjonaw kumpannija u wieħed mid-diretturi tagħha fejn tingħata informazzjoni li ma tkunx eżatta fil-partikolaritajiet tal-lista iżda la l-kumpannija u lanqas id-direttur m’huma msemmija bħala l-persuna responsabbli.
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti
3. Id-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Mejju 2001, fuq l-ammissjoni ta’ titoli għal-listi ta’ stock exchange uffiċjali u fuq informazzjoni li għandha tkun ippubblikata fuq dawk il-titoli(2) tikkodifika, b’mod partikulari, id-Direttiva tal-Kunsill 79/279/KEE, tal-5 ta’ Marzu 1979, li tikkoordina l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ titoli fil-listi ta’ borża uffiċjali(3) u d-Direttiva tal-Kunsill 80/390/KEE, tas-17 ta’ Marzu 1980, li tikkoordina r-rekwiżiti għat-tħejjija, l-iskrutinju u d-distribuzzjoni tad-dettalji elenkati li għandhom jiġu ppubblikati għall-ammissjoni ta’ titoli fil-listi tal-borża uffiċjali.(4)
4. Id-Direttivi 79/279 u 80/390 kienu l-ewwel u t-tieni minn erba’ Direttivi li jarmonizzaw il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti qabel u wara l-elenkar.(5)
5. Id-Direttiva 79/279 stabbilixxiet il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa kumpannija li tixtieq li t-titoli tagħha jiġu ammessi fil-listi tal-Borża fi Stat Membru; per eżempju, il-kumpannija trid tkun issottomettiet il-kontijiet annwali skond il-liġi nazzjonali għat-tliet snin finanzjarji li jippreċedu l-applikazzjoni għall-ammissjoni fil-lista; il-kapitalizzazzjoni tas-suq li tista’ tkun imbassra ta’ l-ishma li tixtieq li jkunu ammessi fil-lista għandha tkun ogħla mill-ammont minimu; l-ishma għandhom ikunu negozzjabbli b’mod ħieles; u minn ta’ l-inqas 25% tal-klassi ta’ l-ishma kkonċernati għandhom ikunu f’idejn il-pubbliku.
6. Id-Direttiva 80/390 kienet tistabbilixxi r-rekwiżiti fir-rigward tal-kontenut, it-taqsim, l-approvazzjoni u l-pubblikazzjoni tad-dokument li għandu jiġi ppubblikat dwar l-ammissjoni tat-titoli fil-listi tal-borża uffiċjali (‘‘listing particulars’ bl-Ingliż, ‘prospectus’ bil-Franċiż).(6)
7. Kif ġie indikat, id-Direttiva 2001/34 tikkodifika d-Direttivi 79/279 u 80/390.(7)
8. Il-premessa tad-Direttiva 2001/34 tipprovdi li:
“(5) Fil-bidu, din il-koordinazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ titoli fil-lista uffiċjali għandha tkun flessibbli b’mod suffiċjenti biex tħalli li jkunu kkunsidrati d-differenzi preżenti fl-istrutturi tas-swieq ta’ titoli fl-Istati Membri u biex tħalli l-Istati Membri li jikkunsidraw kull sitwazzjoni speċifika li jistgħu jiltaqgħu magħha.
(6) Għal din ir-raġuni, il-koordinazzjoni għandha l-ewwel tkun limitata għat-twaqqif tal-kondizzjonijiet minimi għall-ammissjoni ta’ titoli fil-lista uffiċjali fuq l-istock exchanges li jinsabu jew joperaw fl-Istati Membri, mingħajr iżda ma jagħtu lill-emittent xi dritt li jkun fil-lista.
(7) Din il-koordinazzjoni parzjali tal-kondizzjonijiet għall-ammissjoni fil-lista uffiċjali tikkostitwixxi l-ewwel pass għall-allinjament sussegwenti eqreb tar-regoli ta’ l-Istati Membri f’dan il-qasam.
[…]
(9) Salvagwardji għall-protezzzjoni ta’ l-interessi ta’ l-investituri attwali u potenzjali huma meħtieġa fil-maġġoranza ta’ l-Istati Membri minn impriżi li joffru l-titoli tagħhom lill-pubbliku, jew fil-ħin ta’ l-offerta tagħhom jew ta’ l-ammissjoni tagħhom fil-lista ta’ l-istock exchange; dawn is-salvagwardji jeħtieġu l-għoti ta’ informazzjoni li hija kemm jista’ jkun suffiċjenti u oġġettiva dwar iċ-ċirkustanzi finanzjarji ta’ min joħroġhom u d-dettalji tat-titoli fejn issir it-talba għall-ammissjoni fil-lista uffiċjali; il-forma li fiha din l-informazzjoni hija meħtieġa tikkonsisti s-soltu fil-pubblikazzjoni tal-partikolaritajiet tal-lista.
(10) Is-salvagwardji meħtieġa huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor, kemm fir-rigward tal-kontenut u l-format tal-partikolaritajiet tal-listi u l-effikaċja, il-metodi u ż-żmien tal-verifika fuq l-informazzjoni mogħtija hemmhekk; l-effett ta’ dawn id-differenzi huwa li mhux biss li tagħmilha aktar diffiċli għall-impriżi biex ikunu ammessi t-titoli fil-listi uffiċjali fuq l-istock exchanges ta’ diversi Stati Membri imma wkoll biex ittellef l-akkwist minn investituri li joqogħdu fi Stat Membru wieħed ta’ titoli elenkati fl-istock exchanges ta’ Stati Membri oħra u għalhekk jinibixxi il-finanzjament ta’ impriżi u investiment ġewwa l-Komunità.
(11) Dawn id-differenzi għandhom ikunu eliminati bil-koordinazzjoni tar-regoli u regolamenti mingħajr ma neċessarjament isiru kompletament uniformi, biex jintlaħaq grad adegwat ta’ ekwivalenza fis-salvagwardji meħtieġa f’kull Stat Membru biex jiżguraw l-għoti ta’ informazzjoni li hija suffiċjenti u oġġettiva kemm jista’ jkun għad-detenturi attwali jew potenzjali ta’ titoli.” (8)
9. L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2001/34 jirrikjedi lill-Istati Membri jiżguraw li l-ammissjoni tat-titoli fil-listi tkun suġġetta għall-kundizzjoni tal-publikazzjoni tal-partikolaritajiet tal-lista.
10. Ir-rekwiżit prinċipali rigward il-kontenut tal-partikolaritajiet tal-lista issa jinsab fl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2001/34, li jipprovdi li:
“Il-partikolaritajiet tal-lista għandhom ikollhom l-informazzjoni li, skond in-natura partikolari ta’ l-emittent u tat-titoli għall-ammissjoni tagħhom tkun saret applikazzjoni, hu meħtieġ biex tħalli l-investituri u l-konsulenti ta’ l-investiment tagħhom li jagħmlu stima infurmata ta’ l-attiv u l-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja, profitti u telf, u l-prospetti ta’ l-emittent u tad-drittijiet mehmuża ma’ dawn it-titoli.”
11. L-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2001/34 jipprovdi li:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 ikun rispettat mill-persuni responsabbli għall-partikolaritajiet tal-lista kif ipprovdut fl-intestatura 1.1 ta’ l-Iskedi A u B ta’ l-Anness I hawnhekk.”
12. L-Iskeda A ta’ l-Anness I tippreskrivi l-“[i]Skeda għall-partikolaritajiet tal-lista għall-ammissjoni ta’ titoli għall-elenku ta’ l-Istock Exchange Uffiċjali”; l-Iskeda B tippreskrivi l-iskeda ekwivalenti għall-ammissjoni ta’ titoli ta’ debitu.
13. L-intestatura 1.1 ta’ l-Iskeda A telenka, fost l-informazzjoni li għandha tingħata, l-“Isem u funzjoni ta’ persuni naturali u l-isem u uffiċċju reġistrat ta’ persuni legali responsabbli għall-partikolaritajiet tal-lista […]”
14. L-Artikolu 100 tad-Direttiva 2001/34 jipprovdi li:
“Kull fattur sinifikattiv ġdid li jista’ jaffettwa stima tat-titoli li tiġri bejn il-ħin meta l-partikolartiajiet tal-lista huma adottati u ż-żmien meta n-negożju ta’ l-istock exchange jibdew għandu jkun kopert b’suppliment għall-partikolaritajiet tal-lista, mistħarrġa bl-istess mod bħal ta’ l-aħħar u ppubblikata skond il-proċeduri li għandhom ikunu pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti.”
15. L-Artikolu 105(1) tad-Direttiva 2001/34 jirrekjedi lill-Istati Membri li jappuntaw waħda jew iktar awtoritajiet kompetenti.
16. Minn meta seħħew il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, id-Direttiva 2001/34 ġiet emendata mid-Direttiva 2003/71.(9) B’mod partikolari, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2001/34 ġie mħassar u ġie ssostitwit bl-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 2003/71.
17. L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/71 jipprovdi li:
“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(2), il-prospett għandu jkun fih it-tagħrif kollu li, skond in-natura partikolari ta’ min joħroġ it-titoli u tat-titoli offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, huwa meħtieġ sabiex jgħin lill-investituri jagħmlu stima infurmata ta’ l-attivi u l-passivi, il-pożizzjoni finanzjarja, il-qligħ u t-telf, u l-prospetti ta’ min jiħroġ it-titoli u ta’ kull garanti, u tad-drittijiet annessi ma’ dawn it-titoli. Dan it-tagħrif għandu jiġi ppreżentat f’għamla li tkun tista’ tiġi analizzata u tinftiehem bla xkiel.”
18. L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71 jipprovdi li:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi r-responsabbiltà rigward it-tagħrif mogħti fi prospett ikollu x’jaqsam mill-inqas ma’ min joħroġ it-titoli jew il-korpi tiegħu amministrattivi, tal-ġestjoni jew tas-sorveljanza, ma’ min joffrihom, mal-persuna li titlob għall-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat jew il-garanti, skond kif ikun il-każ. Il-persuni responsabbli għandhom ikunu identifikati biċ-ċar fil-prospett b’isimhom u l-funzjonament tagħhom jew, fil-każ ta’ persuni legali, isimhom u l-uffiċċji reġistrati tagħhom, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tagħhom li, safejn ikunu jafu, it-tagħrif li jkun jinsab fil-prospett ikun skond il-fatti u li l-prospett ma jħalli barra xejn li x’aktarx jaffettwa l-importanza tiegħu.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar ir-responsabbiltà ċivili japplikaw għal dawk il-persuni responsabbli mit-tagħrif mogħti fi prospett.
Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-ebda responsabbiltà ċivili ma għandha taqa’ fuq persuna fuq il-bażi tas-sommarju biss, inkluża kull traduzzjoni tiegħu, għajr jekk ikunu qarrieqa, mhux preċiżi jew inkonsistenti meta moqrija flimkien mal-partijiet l-oħra tal-prospett.”
19. L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2003/71, intitolat ‘Is-Sanzjonijiet’ jipprovdi li:
“1. Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali u mingħajr preġudizzju għar-reġim tagħhom ta’ responsabblità ċivili, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom, li jkunu jistgħu jittieħdu l-miżuri amministrattivi appoprjati jew li jkunu jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi kontra l-persuni responsabbli, meta ma jitħarsux id-dispożizzjonijiet adottati sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi dawn il-miżuri jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu illi l-awtorità kompetenti tkun tista’ tiżvela lill-pubbliku kull miżura jew sanzjoni li jkunu ġew imposti għall-ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva, għajr jekk l-iżvelar jipperikola b’mod gravi s-swieq finanzjarji jew jikkawża ħsara sproporzjonata lill-partijiet involuti.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti
20. Id-Direttiva 80/390 ġiet implimentata fil-Greċja permezz tad-Digriet Presidenzjali 348/1985,(10) l-Artikolu 24 ta’ liema jittrasponi l-Artikolu 23 tad-Direttiva 80/390 (issa l-Artikolu 100 tad-Direttiva 2001/34) kelma b’kelma.
21. L-Artikolu 72(2) tal-Liġi 1969/1991, kif emendata, fiż-żmien relevanti kien tipprovdi li:(11)
“Għandha tiġi imposta multa sa GRD ħames mitt miljun (500 000 000) mill-Kummissjoni għas-Suq tal-Kapital fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jippubblikaw jew ixerrdu informazzjoni li mhijiex eżatta jew li hija qarrieqa dwar titoli li ser jiġu ammessi fil-lista jew li diġà qegħdin fil-lista ta’ Borża uffiċjali li, min-natura tagħha, tista’ taffettwa l-prezz jew in-negozju f’dawn it-titoli […] Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għall-membri tal-bord ta’ diretturi ta’ kumpanniji li japplikaw għall-ammissjoni ta’ l-ishma tagħhom f’Borża rikonoxxuta, meta l-informazzjoni li ma tkunx eżatta jew tkun qarrieqa tkun inkluża fost il-partikolaritajiet tal-lista meħtieġa għall-finijiet ta’ l-ammissjoni msemmija iktar ’il fuq jew ippubblikata jew imxerrda f’kull mod.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
22. Il-fatti huma mniżżla fid-deċiżjoni tar-rinviju - kif wkoll f’uħud mill-osservazzjonijiet bil-miktub – f’dettal kbir. Madankollu, sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari li ġiet irrinvijata jistgħu, fl-opinjoni tiegħi, jinġabru kif ġej.
23. Ir-rikorrenti huma Ntionik Anonymi Etaireia Emporias I/Y, Logismikou kai Parochis Ypiresion Michanografisis, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, (Ntionik AE), li l-ishma tagħha huma mniżżla fil-lista tas-suq parallel tal-Borża ta’ Ateni, u Ioannis Michail Pikoulas, wieħed mid-diretturi ta’ Ntionik AE. Huma qegħdin jikkontestaw żewġ deċiżjonijiet meħuda mill-Epitropi Kefalaiagoras (il-Kummissjoni għas-Suq tal-Kapital, l-“awtorità kompetenti” fil-Greċja għall-finijiet tad-Direttiva 2001/34) li jimponu multi (i) (fiż-żewġ każijiet) skond l-Artikolu 72(2) tal-Liġi 1969/1991 u (ii) (addizjonalment fil-każ ta’ Ntionik AE) għall-ksur ta’ l-Artikolu 24 tad-Digriet Presidenzjali 348/1985.
24. Il- Kummissjoni għas-Suq tal-Kapital imponiet il-multi minħabba li kkunsidrat il-partikolaritajiet tal-lista maħruġa minn Ntionik AE in konnessjoni ma’ żieda fil-kapital azzjonarju fl-2001 kien fihom informazzjoni mhux eżatta u qarrieqa fir-rigward tal-profitti u t-telf tagħha għas-sena finanzjarja 2000 li, minħabba n-natura tagħha, setgħet taffettwa l-prezz jew in-negozju fit-titoli ta’ Ntionik AE.
25. La Ntionik AE u lanqas Pikoulas ma kienu fost dawk imsemmija fil-partikolaritajiet tal-lista bħala “responsabbli għall-partikolaritajiet tal-lista” skond l-intestatura 1.1. ta’ l-Iskeda A fl-Anness I tad-Direttiva 2001/34.
26. Il-kwistjoni waslet quddiem il-Kunsill ta’ l-Istat. Din il-qorti tikkunsidra li, taħt l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2001/34, meta jinstab li l-informazzjoni fil-partikolaritajiet tal-lista ma tkunx eżatta jew tkun qarrieqa, l-Istati Membri jistgħu jimponu biss sanzjonijiet amministrativi kontra l-emittent u l-persuni msemmija b’mod espress fil-partikolaritajiet tal-lista bħala responsabbli. Konsegwentement, l-Artikolu 72(2) tal-Liġi 1969/1991 huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 21 tad-Direttiva safejn jippermetti l-impożizzjoni ta’ multa fuq l-emittent. Madankollu, safejn l-Artikolu 72(2) jipprovdi li multa għandha tiġi imposta fuq il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ l-emittenti irrispettivament minn jekk ikunux ġew identifikati fil-partikolaritajiet tal-lista relevanti bħala responsabbli għall-eżatezza ta’ l-informazzjoni li tinsab fl-istess lista, din id-dispożizzjoni tidher tmur kontra l-Artikolu 21 tad-Direttiva. Madankollu, peress li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2001/34 mhijiex kompletament ċara, il-Kunsill ta’ l-Istat irrinvija d-domanda segwenti għal deċiżjoni preliminari:
“Fid-dawl ta’ l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Mejju 2001, fuq l-ammissjoni ta’ titoli għal-listi ta’ stock exchange uffiċjali u fuq informazzjoni li għandha tkun ippubblikata fuq dawk il-titoli (ĠU 2001 L 184, p. 1), jista’ leġiżlatur nazzjonali jistabbilixxi, għall-każijiet fejn jinstab li l-informazzjoni mniżżla fil-partikolaritajiet tal-lista ma tkunx eżatta jew li tkun qarrieqa, sanzjonijiet amministrativi li jistgħu jkunu imposti mhux biss fuq il-persuni msemmija b’mod espress f’dawn il-partikolaritajiet tal-lista bħala responsabbli iżda wkoll fuq l-emittent tat-titoli li se jiġu ammessi fil-lista ta’ Borża u, mingħajr ma ssir distinzjoni, fuq il-membri tal-bord tad-diretturi tiegħu irrispettivament minn jekk il-membri tal-bord ikunux ġew identifikati jew le bħala responsabbli fis-sens msemmi iktar ’il fuq?’
27. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Ntionik AE, il-Gvern Grieg, il-Gvern Taljan u l-Gvern Portuġiż u l-Kummissjoni. Ntionik AE, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati waqt is-seduta.
L-ammissibbiltà
28. Il-Gvern Taljan isostni li d-domanda hija inammissibbli peress li mhuwiex ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2001/34 japplika. Jidher li Ntionik AE kienet diġà kkwotata u li kienet sempliċiment iddeċidiet li toħroġ iktar ishma sabiex iżżid il-kapital tagħha. L-Artikolu 64 tad-Direttiva jipprovdi li, f’ċirkustanzi bħal dawn, il-partikolaritajiet tal-lista mhumiex meħtieġa (għalkemm l-Istati Membri jistgħu, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, jimponu rekwiżit bħal dan).
29. Jien minix konvinta minn dan l-argument. L-Italja tidher li qed tassumi li, peress li Ntionik AE kienet diġà kkwotata, iż-żieda fil-kapital tagħha ma kinitx teħtieġ applikazzjoni għall-ammissjoni għall-elenkar. Madankollu, huma t-titolu, u mhux il-kumpanniji, li huma elenkati (għalkemm huwa konvenjenti li ssir referenza fil-qosor għal “kumpanniji elenkati”). Huwa minnu li d-Direttiva 2001/34 tipprovdi għal eżenzjoni parzjali jew sħiħa mill-obbligu tal-pubblikazzjoni tal-partikolaritajiet tal-lista f’numru ta’ sitwazzjonijiet (Artikolu 23) u tippermetti l-ommissjoni mill-partikolaritajiet tal-lista ta’ ċerta informazzjoni f’sitwazzjonijiet oħra (Artikoli 24 sa 34). Madankollu, m’hemm xejn li jissuġġerixxi li, f’din il-kawża, l-effett ta’ xi waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet huwa li Ntionik AE jew ma kinitx obbligata li toħroġ il-partikolaritajiet tal-lista jew kellha l-permess li tħalli barra l-informazzjoni meħtieġa skond il-paragrafu 1.1 ta’ l-Iskeda A. Barra minn hekk, waqt is-seduta, Ntionik AE ikkonfermat li l-ishma in kwistjoni ma kinux “ammessi awtomatikament” fis-sens ta’ l-Artikolu 64, li ż-żieda fil-kapital kienet offerta miftuħa lill-pubbliku suġġetta għad-dritt ta’ prelazzjoni ta’ l-azzjonisti eżistenti, u għaldaqstant li l-intestatura 1.1 ta’ l-Iskeda A kienet applikabbli.
Kunsiderazzjonijiet
30. Ntionik AE tikkunsidra li d-domanda preliminari għandha tingħata risposta negattiva. It-tliet Gvernijiet u l-Kummissjoni għandhom l-opinjoni opposta.
31. Ntionik AE ssostni li d-Direttiva 2001/34 timplimenta limiti ċari u preċiżi fuq il-marġini diskrezzjonali li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom fl-implimentazzjoni tagħha. L-Artikolu 21(2) juri b’mod ċar li l-marġni diskrezzjonali hija llimitata għall-għażla tal-mekkaniżmu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Interpretazzjoni kelma b’kelma ta’ l-Artikolu 21(2) turi b’mod ċar li kwalunkwe sanzjoni għal ksur imwettaq fl-abbozzar tal-partikolaritajiet tal-lista għandha tiġi biss imposta fuq dawk responsabbli għal tali ksur u mhux fuq id-diretturi jew il-kumpannija emittenti. Kieku id-Direttiva ġenwinament kellha l-intenzjoni li testendi responsabbiltà għall-kontenut tal-prospett lid-diretturi kollha u lill-kumpannija nfisha, ma kinitx teħtieġ fl-Anness I li l-informazzjoni dwar il-persuni responsabbli għall-partikolaritajiet tal-lista għandhom jiġi pprovduti.
32. Jien ma naqbilx.
33. Fl-ewwel lok, kif isostnu l-Gvern Grieg, il-Gvern Portuġiż u l-Kummissjoni, il-preambolu tad-Direttiva 2001/34 juri biċ-ċar ħafna li l-għan tal-leġiżlazzjoni huwa li tistabbilixxi standards minimi. B’mod partikolari, il-premessa 11 tipprovdi li d-differenzi bejn is-salvagwardji meħtieġa f’kull Stat Membru sabiex jiżguraw provvista ta’ informazzjoni li hija suffiċjenti u oġġettiva kemm jista’ jkun għall-azzjonisti attwali jew potenzjali “għandha tiġi eliminata billi jiġi kkordinati r-regoli u regolamenti mingħajr neċessarjament ikunu kompletament uniformi, sabiex jintlaħaq livell adegwat ta’ ekwivalenza” (12)
34. Fl-opinjoni tiegħi, dan l-approċċ mhuwiex wieħed sorprendenti. Kif diġa indikajt, id-Direttiva 2001/34 tikkodifika d-Direttiva 80/390. Il-proposta għad-Direttiva 80/390 tmur lura għall-1972(13). Il-premessa 11 tal-preambolu tad-Direttiva 2001/34 jittraċċa linja diretta għal din il-proposta.(14) Fl-1972 il-livell ta’ żvelar meħtieġ fl-ammissjoni għall-elenkar kien ivarja ħafna.(15) F’dan l-isfond, kien ikun ambizzjuż iżżejjed għall-Kummissjoni li tfittex livell avvanzat ta’ armonizzazzjoni fl-ewwel pass leġiżlattiv tagħha.
35. Dan kien ġie rikonoxxut fir-Rapport Inizjali tal-Kumitat ta’ l-Għorrief dwar ir-regolazzjoni tas-swieq tat-titoli Ewropej (ir-Rapport Lamfalussy),(16) li, fl-ewwel paragrafu tal-Kapitolu III, intitolat “In-nuqqasijiet prinċipali tar-Regolazzjoni Ewropea llum” jgħid li l-“kuntest leġiżlattiv preżenti ta’ l-UE għas-swieq tat-titoli… huwa bbażat fuq armonizzazzjoni minima” [traduzzjoni mhux uffiċjali].(17)
36. Jien jidhirli li, bħalma jsostni l-Gvern Taljan, interpretazzjoni kelma b’kelma ta’ l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva Nru 2001/34 tissuġerixxi wkoll li l-leġiżlazzjoni qiegħda tfittex li timponi standards minimi iktar milli armonizzazzjoni sħiħa. L-Artikolu 21(2) fil-fatt jeħtieġ lill-Istati Membri li jiżguraw li r-responsabbiltà għall-eżattezza ta’ l-informazzjoni fil-partikolaritajiet tal-lista tkun “[tal]-persuni responsabbli għall-partikolaritajiet tal-lista kif ipprovdut fl-intestatura 1.1 ta’ l-Iskedi A u B ta’ l-Anness I”. L-intestatura 1.1 ta’ dawn l-Iskedi sempliċiment teħtieġ li l-informazzjoni dwar dawk responsabbli għall-partikolaritajiet tal-lista tkun inkluża fihom. Ma narax kif l-effett ta’ dawk id-dispożizzjonijiet flimkien jipprekludi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu l-kategoriji ta’ persuni responsabbli għal dik l-informazzjoni. Il-ħtieġa fl-intestatura 1.1 li dawk responsabbli għandhom jissemmew fil-partikolaritajiet tal-lista hija manifestament maħsuba sabiex tipproteġi l-investituri li jiddependu fuq dik l-informazzjoni(18) iktar milli tipproteġi mir-responsabbiltà tagħhom lill-persuni ddefiniti b’mod ċar bħala responsabbli mil-liġi nazzjonali li mhumiex, għal xi raġuni, msemmija fil-partikolaritajiet tal-lista.
37. Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi, m’hemm xejn fid-Direttiva 2001/34 li jissuġerixxi li Stat Membru, li ddefinixxa ċerti kategoriji ta’ persuni bħala responsabbli għal informazzjoni li mhijiex eżatta jew li hija qarrieqa fil-partikolaritajiet tal-lista, ma jistax jimponi sanzjonijiet kriminali jew amministrattivi, bħal dawk in kwistjoni f’din il-kawża, fuq persuni bħal dawn meta informazzjoni li ma tkunx eżatta jew kompleta tiġi ppubblikata.
38. Fl-aħħar nett, għandi ninnota li l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2001/34, minn meta seħħew il-fatti li wasslu għal din il-kawża, ġie ssostitwit mill-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 2003/71.(19) Kemm il-Gvern Grieg kif ukoll il-Gvern Taljan jagħtu xi sinjifikanza lid-Direttiva 2003/71. Il-Gvern Grieg isostni li d-Direttiva, li manifestament tipprova tilħaq l-ogħla livell ta’ armonizzazzjoni, madankollu ma tirregolax b’mod uniformi l-kwistjoni tar-responsabbiltà għal informazzjoni mogħtija fil-partikolaritajiet tal-listi, iżda tħalli dan f’idejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, id-Direttiva 2003/71 ma telenkax b’mod eżawrjenti l-persuni responsabbli, u sempliċiment teħtieġ li r-responsabbiltà “taqa’ mill-inqas”(20) fuq il-persuni elenkati. Il-Gvern Taljan isostni li sistema ta’ sanzjonijiet amministrattivi ġiet stabbilita biss mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 2003/71, f’termini li, b’mod ċar, ma jillimitawx l-applikazzjoni ta’ tali sanzjonijiet għal dawk ‘responsabbli’ formalment għall-partikolaritajiet tal-listi .
39. Huwa minnu li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/71 huwa espliċitu f’dak li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jimponu responsabbiltà għall-informazzjoni mogħtija f’prospett fuq klassi iktar wiesgħa ta’ persuni minn dawk elenkati u li l-Artikolu 25(1) huwa wkoll abbozzat f’termini wesgħin. Madankollu peress li l-ebda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma hija direttament in kwistjoni f’din il-kawża, m’inix ser nipproponi li nqatta’ l-ħin fuq l-interpretazzjoni possibbli tagħhom.
Konklużjoni
40. Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, nikkunsidra li d-domanda rrinvijata mis-Simvoulio tis Epikratias għandha tingħata r-risposta li ġejja:
L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Mejju 2001, fuq l-ammissjoni ta’ titoli għal-listi ta’ stock exchange uffiċjali u fuq informazzjoni li għandha tkun ippubblikata fuq dawk il-titoli ma jipprekludix leġiżlatur nazzjonali milli jimponi, fil-każijiet fejn jinstab l-informazzjoni mniżżla fil-partikolaritajiet tal-lista mhijiex eżatta jew hija qarrieqa, sanzjonijiet amministrattivi li huma suġġetti għalihom mhux biss il-persuni msemmija espressament f’dawk il-partikolaritajiet bħala responsabbli iżda wkoll l-emittenti tat-titoli għall-elenkar fil-Borża u, mingħajr distinzjoni, il-membri tal-bord tad-diretturi tiegħu irrispettivament minn jekk il-membri tal-bord ġewx identifikati jew le bħala responsabbli fis-sens hawn fuq imsemmi.
1 - Lingwa oriġinali: l-Ingliż
2 – ĠU 2001 L 184, p. 1.
3 – ĠU 1979 L 66, p. 21.
4 – ĠU 1980 L 100, p. 1.
5 – It-tnejn l-oħra huma d-Direttiva tal-Kunsill 82/121/KEE, tal-15 ta’ Frar 1982, dwar l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata fuq bażi regolari mill-kumpanniji li l-ishma tagħhom ġew ammessi fil-listi tal-borża uffiċjali (ĠU 1982 L 48, p. 26) u d-Direttiva tal-Kunsill 88/627/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1988, dwar l-informazzjoni li għandha tkun ippubblikata meta jiġi akkwistat jew mibjugħ sehem maġġuri f’kumpannija ammessa fil-lista tal-borża uffiċjali (ĠU 1988 L 348, p. 62).
6 – B’mod li jħawwad, ‘prospectus’ bl-Ingliż kien jirreferi tradizzjonalment għad-dokument (li sa ftit żmien ilu kien irregolat b’mod separat) maħruġ meta titoli li qabel ma kenux elenkati, fil-każ li ser ikunu sussegwentement elenkati jew le, jiġu offerti lill-pubbliku għall-ewwel darba. Dak id-dokument huwa wkoll magħruf bħala ‘prospectus’ bil-Franċiż, għalkemm issir distinzjoni bejn ‘prospectus d’émission’ u ‘prospectus d’admission’. Ir-rekwiżiti għall-kontenut, it-tqassim, l-approvazzjoni u l-pubblikazzjoni taż-żewġ dokumenti issa ġew armonizzati (u ż-żewġ dokumenti bl-Ingliż jissejħu, ta’ l-inqas fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, ‘prospectus’) mid-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64). Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali f’dan il-każ ġraw qabel id-dħul fis-seħħ (u saħansitra l-adozzjoni) tad-Direttiva 2003/71.
7 – Ara l-ewwel premessa. Id-dispożizzjonijiet sostantivi għaldaqstant ma nbidlux. L-Anness III tad-Direttiva 2001/34 fih Tabella ta’ Korrelazzjoni li turi, għal kull dispożizzjoni f’dik id-Direttiva, id-dispożizzjoni li kienet is-sors mill-erba’ Direttivi kkodifikati.
8 – Il-premessi 5 sa 7 jużaw l-istess kliem bħall-premessi 4 sa 6 tad-Direttiva 79/279; il-premessi 9 sa 11 jużaw l-istess kliem bħall-premessi 2 sa 4 tad-Direttiva 80/390.
9– Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
10 – Ġurnal Uffiċjali A 125
11 – L-Artikolu 72(2) tal-Liġi 1969/1991 sadanittant ġie mħassar permezz tal-Liġi 3340/2005. Madankollu dan m’għandu l-ebda relevanza għal din il-kawża.
12 – Enfażi miżjuda.
13 – Proposition de directive du Conseil concernant le contenu, le contrôle et la diffusion du prospectus à publier lors de l’admission à la cote officielle d’une bourse de valeurs de titres émis par des sociétés au sens de l’article 58 alinéa 2 du traité (JO 1972 C 131, p. 61).
14 – Ara r-raba’ premessa fil-preambolu tal-proposta, li huwa prattikament identiku kelma b’kelma għall-premessa 11 fil-preambolu tad-Direttiva 2001/34.
15 – Ara Samuel Suckow, ‘The European Prospectus’, American Journal of Comparative Law 1975, p. 50, p. 52, Richard M. Buxbaum u Klaus Hopt, Legal Harmonization and the Business Enterprise (1988), pp. 189-192, Vanessa Edwards, EC Company Law (1999), p. 233 u Niamh Moloney, EC Securities Regulation (2002), p. 64.
16 – Tad-9 ta’ Novembru 2000, li tinsab fuq il-websajt tal-Kummissjoni permezz tal-link .
17 – Fil-paġna 15
18 – Ara l-premessi 9 sa 11 tad-Direttiva 2001/34.
19 – Ara l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2003/371.
20 – - Enfasi miżjuda.
Full & Egal Universal Law Academy