KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 20071(1)
Kawża C-440/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea
“Rikors għal annullament – Artikolu 47 UE – Deċiżjoni Qafas 2005/667/ĠAI – Trasport – Tniġġis minn bastimenti – Protezzjoni ta’ l-ambjent – Pieni kriminali – Kompetenza tal-Komunità – Bażi legali –Artikolu 80(2) KE”
I – Introduzzjoni
1. Permezz tar-rikors tagħha skond l-Artikolu 35(6) UE, il-Kummissjoni qed titlob l-annullament tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2005/667/ĠAI, tat-12 ta’ Lulju 2005, għat-tisħiħ tal-qafas tal-liġi kriminali għall-infurzar tal-liġi kontra t-tniġġis minn bastimenti (id-“Deċiżjoni Qafas”)(2) minħabba li, bi ksur ta’ l-Artikolu 47 UE, il-miżuri li jinstabu fiha, li jipprovdu għal approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri f’materji kriminali, kien imisshom ġew adottati fuq il-bażi tat-Trattat KE u mhux fuq il-bażi tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
2. Għalhekk, din il-kawża tikkonċerna d-distribuzzjoni ta’ kompetenzi bejn l-ewwel u t-tielet pilastri ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll bejn il-Komunità u l-Istati Membri fl-ambitu tal-liġi kriminali, ambitu pperċepit b’mod ġenerali bħala rriżervat għall-awtorità u s-sovranità ta’ l-Istat, u hija għalhekk ta’ importanza verament kostituzzjonali.
3. Din il-kawża tikkostitwixxi segwitu għas-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-176/03)(3), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/80/ĠAI, tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent permezz tal-liġi kriminali(4) minħabba li l-miżuri in kwistjoni f’dik il-kawża, li kienu jirrikjedu lill-Istati Membri sabiex jipprovdu pieni kriminali għal numru ta’ reati kontra l-ambjent, kellhom jiġu adottati korrettament mill-Komunità fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 175 KE.
4. Madankollu, dik id-deċiżjoni tħalli sabiex ikunu kkunsidrati kwistjonijiet delikati dwar iċ-ċirkustanzi li fihom il-Komunità għandha l-kompetenza tobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għal pieni kriminali u dwar preċiżament safejn tista’ tkun eżerċitata din il-kompetenza.
5. Fuq dawn il-punti, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, minn naħa, u l-Kunsill u l-għoxrin Stat Membru li qed jintervjenu, min-naħa l-oħra, waslu għal opinjonijiet totalment opposti fir-rigward ta’ l-implikazzjonijiet tal-Kawża C‑176/03.
6. Il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, li ppreżentaw wkoll l-opinjonijiet tagħhom dwar id-deduzzjonijiet li għandhom ikunu magħmula minn dik is-sentenza f’kommunikazzjoni(5) u riżoluzzjoni(6), rispettivament, jinterpretawha b’mod wiesa’ fis-sens li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja japplika oltre l-ambitu ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u jikkonferma li l-leġiżlatura Komunitarja hija fil-prinċipju kompetenti sabiex tadotta, skond l-ewwel pilastru, kwalunkwe dispożizzjonijiet marbuta mal-liġi kriminali ta’ l-Istati Membri li huma neċessarji sabiex jiġi assigurat li r-regoli tal-liġi Komunitarja jkunu totalment effettivi. Għandu jintqal ukoll li, skond din l-interpretazzjoni, il-Kummissjoni diġà ssottomettiet proposti għall-adozzjoni ta’ numru ta’ direttivi tal-Komunità li jobbligaw lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għal pieni kriminali fil-liġijiet nazzjonali tagħhom(7).
7. Għall-kuntrarju ta’ dan, l-Istati Membri kollha li ssottomettew osservazzjonijiet f’dawn il-proċedimenti huma ta’ l-opinjoni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑176/03 għandhom ikunu interpretati ristrettivament bħala li jirrelataw esklużivament għall-politika ta’ l-ambjent u li, fi kwalunkwe każ, il-Komunità m’għandhiex il-kompetenza sabiex tiddefinixxi t-tip u l-livell ta’ pieni kriminali li għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.
8. Għalhekk, huwa fl-isfond ta’ din il-kontroversja li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba f’din il-kawża sabiex tispjega t-tifsira tas-sentenza tagħha fil-Kawża C‑176/03 fir-rigward tad-delimitazzjoni korretta tal-kompetenza tal-Komunità fl-ambitu tal-liġi kriminali.
II – Il-kuntest ġuridiku
9. Id-Deċiżjoni Qafas kienet adottata fit-12 ta’ Lulju 2005 fuq il-bażi tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31(1)(e) UE u 34(2)(b) UE.
10. B’referenza għall-għarqa tat-tanker Prestige, fil-preambolu tad-Deċiżjoni Qafas huwa ddikjarat li l-ġlieda kontra t-tniġġis minn bastimenti, kemm jekk bil-ħsieb kif ukoll jekk b’nuqqas serju ta’ diliġenza, tikkostitwixxi waħda mill-prijoritajiet ta’ l-Unjoni u li l-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu approssimati għal dan l-iskop (it-tieni u t-tielet premessi).
11. Kif jidher mir-raba’ premessa, din l-approssimazzjoni għandha tkun imwettqa permezz ta’ mekkaniżmu bbażat fuq żewġ testi, jiġifieri, minn naħa, id-Deċiżjoni Qafas u, min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur (“id-Direttiva”)(8), fejn id-Deċiżjoni Qafas hija maħsuba sabiex tissupplimenta d-Direttiva b’regoli dettaljati dwar materji kriminali.
12. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni Qafas tirrikjedi li l-Istati Membri japplikaw pieni kriminali fir-rigward tar-rimi minn bastimenti ta’ sustanzi li jniġġsu fil-baħar, li għandu jiġi kkunsidrat, skond id-Deċiżjoni Qafas, moqrija flimkien mad-Direttiva, bħala reat kriminali.
13. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas jirreferi, fir-rigward tad-definizzjonijiet applikabbli, għall-Artikolu 2 tad-Direttiva.
14. L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas jirrikjedi li kull Stat Membru jieħu miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li ksur fis-sens ta’ l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva(9) jitqies bħala reat kriminali.
15. L-Artikolu 3 jiżgura li l-għajnuna jew il-kompliċità jew l-inċitament ta’ dan ir-reat kriminali jkunu punibbli.
16. L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas jirrikjedi li kull Stat Membru jiżgura li l-attività msemmija fl-Aritkoli 2 u 3 tkun punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi u, barra minn hekk, jippreskrivi, f’ċertu dettall, it-tip u l-livell ta’ pieni li għandhom jiġu imposti. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4 jiddetermina, fir-rigward ta’ offiżi varji, marġni ta’ pieni massimi approprjati applikabbli fil-każ ta’ sentenzi ta’ kustodja.
17. L-Artikolu 5 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għal reati skond id-Deċiżjoni Qafas fiċ-ċirkustanzi speċifikati.
18. L-Artikolu 6 jipprovdi għal pieni kontra persuni ġuridiċi u jinkludi speċifikazzjonijiet fir-rigward tan-natura u tal-livell massimu ta’ dawn il-pieni.
19. L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas jikkonċerna ġurisdizzjoni.
20. L-Artikoli 8 u 9 jittrattaw, rispettivament, in-notifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra ta’ informazzjoni dwar reat u n-nominazzjoni ta’ punti ta’ kuntatt.
21. Fl-aħħar nett, l-Artikoli 10 sa 12 jirregolaw il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali, l-implementazzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Qafas.
22. Min-naħa tagħha, id-Direttiva, li fil-preambolu tagħha tinvoka l-politika tal-Komunità dwar is-sigurtà marittima u l-protezzjoni ta’ l-ambjent, kienet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 80(2) KE, taħt it-Titolu V dwar it-trasport. L-Artikolu 80(2) KE jipprovdi kif ġej:
“Il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi jekk safejn u b’liema proċedura disposizzjonijiet opportuni jistgħux jiġu addottati għat-traffiku fil-baħar u bl-ajru.”
23. Il-Kummissjoni oġġezzjonat, fl-okkażjoni kemm ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva kif ukoll ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, għall-bażi legali li fuqha ddependa l-Kunsill sabiex jirrikjedi li l-Stati Membri jippenalizzaw ir-rimi minn bastimenti ta’ sustanzi li jiniġġsu, u ssottomettiet li anki f’dak ir-rigward l-Artikolu 80(2) KE kien il-bażi legali korretta.
24. Għall-kuntrarju ta’ din il-pożizzjoni, fil-ħames premessa tad-Deċiżjoni Qafas huwa ddikjarat li l-istrument adattat sabiex jiġi impost l-obbligu li jipprovdu għal pieni kriminali hija d-deċiżoni qafas, ibbażata fuq l-Artikolu 34 UE.
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
25. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ April 2006, ir-Repubblika Portugiża, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju ta’ l-Iżvezja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, u r-Repubblika tal-Polonja, minn naħa, u l-Parlament, min-naħa l-oħra, ingħataw permess sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, rispettivament. Barra minn hekk, permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Settembru 2006, ir-Repubblika tas-Slovenja ngħatat permess sabiex tintervjeni in sostenn tal-Kunsill.
26. B’kuntrast ma’ diversi mill-Istati Membri li għamlu intervent, la l-Kummissjoni u lanqas il-Kunsill, l-uniċi partijiet fil-proċedimenti in kwistjoni, ma ssottomettew applikazzjoni għal udjenza orali. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li kkunsidrat li kellha informazzjoni biżżejjed minħabba n-numru ta’ osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi, iddeċidiet li tipproċedi għal sentenza mingħajr proċedura orali skond l-Artikolu 44a tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha.
IV – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
27. Il-Kummissjoni tikkontesta l-validità tad-Deċiżjoni Qafas minħabba li l-miżuri tal-liġi kriminali previsti fl-Artikoli 1 sa 10 setgħu ġew adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 80(2) KE li jirrigwarda l-politika komuni tat-trasport tal-Komunità u li, għaldaqstant, id-deciżjoni qafas kollha, peress li mhijiex diviżibbli, tikser l-Artikolu 47 UE.
28. Skond il-Kummissjoni, dan jirriżulta mill-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑176/03 li jmorru oltre l-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent in kwistjoni f’dik il-kawża u japplikaw kompletament għal politiki oħra tal-Komunità bħall-politika komuni tat-trasport in kwistjoni f’din il-kawża. L-importanza tal-protezzjoni ta’ l-ambjent fil-Komunità u l-karatteristiċi partikolari tagħha, bħan-natura “trażversali” tagħha, ma kellha fil-fatt ebda piż deċiżiv fuq id-deċiżjoni ta’ prinċipju fil-Kawża C‑176/03. Tali kriterji kienu fil-fatt iwasslu għal sitwazzjoni paradossali, peress li oqsma oħra importanti tal-liġi Komunitarja jkunu esklużi a priori mill-possibilità li jkunu infurzati effettivament permezz ta’ pieni kriminali fuq il-bażi tat-Trattat KE.
29. Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm il-liġi kriminali ġeneralment ma taqax bħala tali taħt il-kompetenza tal-Komunità u azzjoni f’dak ir-rigward tista’ tkun ibbażata biss fuq poteri impliċiti marbuta ma’ bażi legali speċifika, il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jipprovdi għal miżuri kriminali safejn ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività totali tar-regoli u r-regolamenti tal-Komunità. Għalhekk, dawn il-poteri impliċiti tal-Komunità jiddependu mill-bżonn li tiġi ggarantita l-osservanza ta’ regola jew politika Komunitarja, iżda mhumiex limitati għal miżuri tal-liġi kriminali f’ċertu qasam ta’ liġi jew ta’ natura partikolari. Il-Komunità hija għalhekk kompetenti wkoll sabiex tiddefinixxi t-tip u l-livell ta’ pieni jekk u safejn jiġi stabbilit li dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività totali ta’ politika tal-Komunità. Fi kwalunkwe każ, id-Deċiżjoni Qafas ma tarmonizzax it-tip u l-livell tal-pieni kriminali applikabbli iżda tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’dak ir-rigward.
30. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri kollha previsti fl-Artikoli 1 sa 10 tad-Deċiżjoni Qafas huma neċessarji sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-politika komuni tat-trasport. Għalhekk, l-eżami tan-neċessità fformulat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑176/03 huwa ssodisfat.
31. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tispeċifika li għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 47 UE mhuwiex rilevanti jekk u kif il-Komunità diġà eżerċitatx il-kompetenza tagħha taħt l-Artikolu 80(2) KE, iżda biss jekk attwalment għandhiex kompetenza sabiex tadotta miżuri bħal dawk previsti fid-Deċiżjoni Qafas.
32. Il-Parlament Ewropew essenzjalment jaqbel ma’ l-argumenti tal-Kummissjoni. Fl-opinjoni tiegħu, l-Artikoli 1 sa 6 tad-Deċiżjoni Qafas jaqgħu totalment taħt il-kompetenza tal-Komunità. Għalhekk, minħabba l-indiviżibbiltà tagħha, id-deċiżjoni hija illegali fl-intier tagħha.
33. Il-Parlament Ewropew jargumenta li d-Deċiżjoni Qafas kkontestata f’din il-kawża hija komparabbli f’kull aspett mad-Deċiżjoni Qafas li kienet in kwistjoni fil-Kawża C‑176/03, kemm fir-rigward ta’ l-għan tagħha kif ukoll tal-kontenut tagħha. Għalhekk, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża japplika mutatis mutandis għal din il-kawża. Il-Parlament josserva, b’mod partikolari, li mill-preambolu tad-Deċiżjoni Qafas huwa ċar li, bħad-Deċiżjoni Qafas annullata, hija tikkonċerna l-protezzjoni ta’ l-ambjent u li fiż-żewġ każijiet ir-reati kriminali previsti huma marbuta, b’mod komparabbli, mar-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu.
34. Għalkemm jirrikonoxxi li hemm differenza bejn iż-żewġ deċiżjonijiet qafas fir-rigward tad-definizzjoni preċiża tal-livell u tat-tip ta’ pieni applikabbli, il-Parlament Ewropew ma jarax għalfejn l-eżitu ta’ din il-kawża għandu jkun differenti minn dak fil-Kawża C‑176/03. Fl-opinjoni tal-Parlament, meta kkunsidrat l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2003/80, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat f’dik is-sentenza li l-kompetenza tal-Komunità f’materji kriminali testendi għal dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tip u l-livell ta’ pieni kriminali.
35. Fl-aħħar nett, il-Parlament Ewropew jissottometti li, fid-dawl tal-preambolu tad-Deċiżjoni Qafas u taċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata, in-neċessità tal-miżuri kriminali hija stabbilita f’dan il-każ.
36. Il-Kunsill, min-naħa l-oħra, sostnut mingħajr eċċezzjoni mill-Istati Membri li għamlu intervent f’dawn il-proċedimenti, jinnega li l-miżuri kriminali previsti fid-deċiżjoni kriminali kien imisshom ġew adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 80(2) KE. Huwa jenfasizza, l-ewwel nett, li huwa mingħajr ebda diskussjoni li dan l-artikolu kien il-bażi legali korretta għall-adozzjoni tad-Direttiva, li prinċipalment taqa’ taħt il-politika komuni tat-trasport anke jekk għandha wkoll għanijiet relatati mal-protezzjoni ta’ l-ambjent.
37. Il-Kunsill isostni li din il-kawża għandha tiġi distinta f’diversi aspetti mis-sitwazzjoni kkonċernata mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑176/03, li ma tistax neċessarjament tkun applikata għal oqsma oħra ta’ azzjoni tal-Komunità. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jiddikjara li l-Qorti tal-Ġustizzja fformulat id-deċiżjoni tagħha skond it-termini ta’ l-għanijiet ambjentali tal-Komunità u enfasizzat l-importanza speċjali tal-protezzjoni ta’ l-ambjent. B’mod partikolari, il-protezzjoni ta’ l-ambjent hija distinta min-“natura trażversali u fundamentali ta’ dan l-għan.”(10)
38. Għall-kuntrarju, il-politika komuni tat-trasport mhux biss m’għandiex dawn il-karatteristiċi, iżda l-limitu tal-poteri tal-Komunità f’dan il-qasam jiddependi wkoll minn deċiżjoni tal-leġiżlatur Komunitarju. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja(11), l-Artikolu 80(2) KE sempliċement jipprovdi għal poter tal-Komunità sabiex tieħu azzjoni, poter li, madankollu, jiddependi minn deċiżjoni preċedenti tal-Kunsill. Għalhekk, huwa l-Kunsill li għandu jiddeċiedi jekk u safejn jistgħu jkun stabbiliti dispożizzjonijiet għat-trasport bil-baħar u bl-ajru. Permezz ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju ddefinixxa safejn xtaq jieħu azzjoni fil-qasam ikkonċernat. Il-Kunsill jammetti li l-leġiżlatur Komunitarju seta’ parzjalment adotta miżuri ta’ influwenza akbar fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 80 KE, iżda jenfasizza li l-leġiżlatur Komunitarju ddeċieda, b’mod ċar, li ma jagħmilx dan. Il-Kunsill għalhekk jikkontesta l-premessa tal-Kummissjoni li d-dispożizzjonijiet previsti fid-Deċiżjoni Qafas kien imisshom ġew adottati mil-leġiżlatur Komunitarju.
39. Alternattivament, il-Kunsill jargumenta li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas in kwistjoni huma differenti minn dawk tad-Deċiżjoni Qafas annullata fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, peress li huma iktar dettaljati, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell u tat-tip ta’ pieni li għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri. Minn dik is-sentenza jista’ jiġi dedott b’mod ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza lill-fatt li d-dispożizzjonijiet eżaminati f’dik il-kawża ħallew f’idejn l-Istati Membri l-għażla fir-rigward ta’ liema pieni kriminali japplikaw, sakemm kienu effettivi, proporzjonati u dissważivi(12). Għalhekk, il-leġiżlatur Komunitarju m’għandux kompetenza sabiex jiddefinixxi l-livell u t-tip ta’ pieni kriminali li għandhom ikunu applikati. Il-Kunsill jikkonkludi għalhekk li l-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni fid-Deċiżjoni Qafas ma setgħux ikunu adottati mill-Komunità u għaldaqstant ma jiksrux l-Artikolu 47 UE. Jekk il-Kawża C‑176/03 tiġi interpretata skond ir-raġunament tal-Kummissjoni, it-Titolu VI UE jiġi sostanzjalment imċaħħad minn kull effett fil-prattika: għalhekk tali interpretazzjoni b’mod ċar tmur oltre l-intenzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja espremiet fis-sentenza tagħha, li għandha tkun interpretata ristrettivament u skond iċ-ċirkustanzi partikolari tagħha.
40. Fl-aħħar nett, il-Kunsill jargumenta li mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas ma jistax jiġi konkluż li l-miżuri kriminali previsti għandhom jiġu kkunsidrati bħala “neċessarji” fis-sens tal-Kawża C‑176/03.
41. L-Istati Membri li għamlu intervent f’dawn il-proċedimenti essenzjalment isegwu l-istess raġunament bħall-Kunsill. Huma jsostnu li l-kompetenza impliċita tal-Komunità sabiex tipprovdi għal miżuri kriminali, kif ifformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑176/03, hija eċċezzjoni u għandha tkun interpretata ristrettivament. Il-kompetenza impliċita sabiex tilleġiżla fuq affarijiet tal-liġi kriminali hija ristretta għal miżuri li huma “neċessarji” jew (assolutament) “indispensabbli” għall-ġlieda kontra reati serji kontra l-ambjent. Din il-kompetenza impliċita ma tapplikax oltre l-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent għal politika komuni oħra bħall-politika tat-trasport in kwistjoni u fi kwalunkwe każ teskludi, skond l-Istati Membri, armonizzazzjoni tat-tip u tal-livell ta’ pieni kif stabbiliti fid-Deċiżjoni Qafas.
42. L-argumenti numerużi u xi ftit differenti mressqa mill-Istati Membri in sostenn ta’ l-opinjoni tagħhom huma bbażati b’mod partikolari fuq il-prinċipji ta’ sussidjarjetà, ta’ l-attribuzzjoni tal-poteri u tal-proporzjonalità; in-natura partikolari u l-koerenza neċessarja tal-liġi kriminali; il-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri; u s-sistema mwaqqfa mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tinġieb fix-xejn jekk jintlaqgħu l-argumenti tal-Kummissjoni.
43. Huwa argumentat ukoll li l-Artikolu 47 UE huwa maħsub sabiex jistabbilixxi delimitazzjoni ċara ta’ kompetenzi bejn l-ewwel u t-tielet pilastri iżda mhux sabiex jistabbilixxi li ta’ l-ewwel għandu preminenza fuq it-tielet wieħed. Numru ta’ Stati Membri jikkontestaw l-opinjoni tal-Kummissjoni li għalkemm l-Istati Membri jibqgħu liberi, minn naħa, li jaġixxu individwalment sakemm il-Komunità ma tkunx iddeċidiet li tuża’ l-poteri tagħha taħt l-Artikolu 80(2) KE, huma preklużi, min-naħa l-oħra, milli jaġixxu kollettivament fuq il-bażi tat-tielet pilastru. Barra minn hekk, peress li l-Komunità kienet għadha ma lleġiżlatx rigward it-tniġġis minn bastimenti meta d-Deċiżjoni Qafas kienet adottata, ma jistax jiġi argumentat li d-deċiżjoni daħlet fl-ambitu ta’ kompetenza Komunitarja eżistenti.
44. L-Istati Membri għalhekk jikkonkludu li d-Deċiżjoni Qafas kienet l-istrument legali korrett għall-adozzjoni tal-miżuri tal-liġi kriminali li jinsabu fiha.
V – Analiżi
A – Il-qafas iktar wiesa’ tad-delimitazzjoni ta’ kompetenzi: l-Artikolu 47 UE
45. Deċiżjoni korretta f’din il-kawża tiddependi, l-ewwel nett, fuq l-Artikolu 47 UE, li jimmarka differenza kbira bejn l-ewwel pilastru, jew il-pilastru tal-Komunità, minn naħa, u t-tieni u t-tielet pilastri, li jkopru l-politika barranija u ta’ sigurtà (Titolu V UE) u kooperazzjoni mill-pulizija u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (Titolu VI UE), min-naħa l-oħra.
46. Din id-distinzjoni hija importanti peress li tiġbed linja bejn dak li huwa essenzjalment il-metodu tal-Komunità, li jikkaratterizza n-“nukleu” ta’ integrazzjoni Ewropea taħt il-Komunitajiet Ewropej, u l-politiki u forom ta’ kooperazzjoni iktar “intergovernattivi” stabbiliti mit-Trattat UE(13).
47. Fid-dawl tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, jidher approprjat li tkun iċċarata t-tifsira ta’ l-Artikolu 47 UE u l-impatt tiegħu fuq il-kwistjonijiet ta’ kompetenza mqajma f’din il-kawża.
48. L-Artikolu 47 UE jipprovdi li ebda dispożizzjoni tat-Trattat KE m’għandha tiġi affettwata minn dispożizzjoni tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
49. F’dak ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li l-atti li, skond il-Kunsill, jaqgħu taħt l-imsemmi Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea “ma jidħlux fl-ambitu tal-poteri li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jagħtu lill-Komunità”(14).
50. Kif huwa diġà ċar minn din il-konstatazzjoni, l-Artikolu 47 UE mhuwiex intiż sempliċement sabiex jiżgura li xejn taħt it-Trattat UE ma jaffettwa jew imur kontra d-dispożizzjonijiet sustantivi eżistenti tal-liġi Komunitarja. Pjuttost, huwa intiż, f’sens iktar komprensiv, sabiex jippreżerva wkoll il-poteri mogħtija lill-Komunità bħala tali.
51. Dan huwa kkonfermat mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 29 UE, li espliċitament jipprovdi li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Unjoni dwar kooperazzjoni mill-pulizija u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali huma “mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Komunità Ewropea”.
52. Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 47 UE inkisirx, id-domanda li għandha ssir hija għalhekk jekk id-dispożizzjonijiet in kwistjoni setgħux jiġu adottati, potenzjalment, fuq il-bażi tat-Trattat KE(15).
53. Għall-kuntrarju ta’ l-opinjoni mogħtija minn ċerti Gvernijiet, l-Artikolu 47 UE għalhekk jistabbilixxi l-“preminenza” tal-liġi Komunitarja jew, b’mod iktar partikolari, il-preminenza ta’ l-azzjoni tal-Komunità taħt it-Trattat KE fil-konfront ta’ attivitajiet imwettqa fuq il-bażi tat-Titolu V jew tat-Titolu VI tat-Trattat UE, peress li l-Kunsill u, skond il-każ, l-istituzzjonijiet l-oħra ta’ l-Unjoni għandhom jaġixxu fuq il-bażi tat-Trattat KE jekk u safejn dan jipprovdi bażi legali xierqa għall-iskopijiet ta’ l-azzjoni ppjanata.
54. B’dan il-mod, l-Artikolu 47 UE jirrifletti l-arkitettura ta’ l-Unjoni li, skond l-Artikolu 1 UE, hija “stabbilita fuq il-Komunitajiet Ewropej b’żieda ta’ linji politiċi u forom ta’ kooperazzjoni stabbiliti permezz [tat-]Trattat [dwar l-Unjoni Ewropea]” (enfasi miżjuda). Kif huwa stabbilit ukoll f’dan l-artikolu, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huwa “pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa”.
55. Minn dak il-kliem huwa pjuttost ċar li, filwaqt li jipprovdi għal ċertu forom ġodda ta’ kooperazzjoni, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huwa intiż biss sabiex iżid ma’ l-oqsma ta’ attivitajiet tal-Komunitajiet, u mhux sabiex inaqqas minnhom billi jipprovdi għal kompetenzi “alternattivi” li għandhom ikunu eżerċitati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni f’każijiet fejn il-politiki tal-Komunità u ta’ l-Unjoni jistgħu jidħlu f’xulxin, fi kliem ieħor, billi jagħti poter lill-istituzzjonijiet sabiex f’dawn is-sitwazzjonijiet jużaw forom inqas integrati ta’ kooperazzjoni taħt it-Titoli V jew VI UE.
56. Minn dan jirriżulta, l-ewwel nett, li għalkemm, bħala regola, il-Kunsill assolutament mhuwiex obbligat li jilleġiżla, jekk jiddeċiedi li jagħmel dan fil-kuntest ta’ l-Unjoni, huwa obbligat, safejn it-Trattat KE jikkonferixxi l-poteri neċessarji fuq il-Komunità, li jaġixxi esklużivament fuq il-bażi ta’ dak it-Trattat.
57. Fit-tieni lok, għall-kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxu xi Gvernijiet, għall-iskopijiet preżenti ma jistgħu jsiru ebda inferenzi korretti mill-fatt li, fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, il-Komunità kienet għadha ma adottatx leġiżlazzjoni fir-rigward tal-materji koperti (peress li d-Direttiva kienet adottata sussegwentement).
58. Id-distribuzzjoni vertikali tal-poteri bejn il-Komunità u l-Istati Membru għandha, f’dan ir-rigward, tiġi distinta mid-distribuzzjoni orizzontali bejn il-pilastri tal-poteri rregolata mill-Artikolu 47 UE. Fl-ewwel relazzjoni, minbarra fil-każ ta’ kompetenza esklużiva tal-Komunità, l-Istati Membri jibqgħu, fil-prinċipju, liberi sabiex jaġixxu sakemm il-Komunità ma tkunx attwalment eżerċitat il-kompetenzi tagħha b’tali mod li “tostakola” lill-Istati Membri skond it-tifsira tal-ġurisprudenza AETR(16).
59. Fit-tieni relazzjoni, għall-kuntrarju, azzjoni taħt it-Titoli V jew VI UE hija prekluża mill-bidu minħabba l-eżistenza ta’ poteri xierqa taħt it-Trattat KE, irrispettivament minn jekk u safejn dawn il-poteri setgħu kienu diġà attwalment eżerċitati mill-Komunità.
60. Għaldaqstant, mhuwiex kontradittorju li jintqal li, safejn il-Komunità għadha ma adottatx leġiżlazzjoni fil-qasam tal-liġi kriminali, l-Istati Membri jibqgħu fil-prinċipju liberi sabiex jaġixxu f’dak il-qasam fuq livell nazzjonali filwaqt li fl-istess ħin jintqal li, permezz ta’ l-Artikolu 47 UE, il-Kunsill huwa prekluż milli jaġixxi taħt it-Titolu VI UE.
61. Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ l-argumenti mressqa minn diversi Gvernijiet fis-sens li jekk l-Istati Membri huma liberi li jaġixxu “individwalment” huma għandhom a fortiori jkunu liberi li jaġixxu “kollettivament”, fi kliem ieħor, permezz ta’ Deċiżjoni Qafas taħt it-Titolu VI, (17) għandu jiġi osservat li, għalkemm kull Stat Membru huwa rappreżentat fil-Kunsill, in-natura legali ta’ l-azzjoni tal-Kunsill ma tistax tiġi assimilata għal sempliċi azzjoni “kollettiva” min-naħa ta’ l-Istati Membri. Bħala istituzzjoni ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jeżerċita, skond l-Artikolu 5 UE, il-poteri tiegħu taħt il-kundizzjonijiet u għall-iskopijiet stabbiliti mit-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
62. Fit-tielet lok, fl-opinjoni tiegħi mhuwiex deċiżiv fir-rigward ta’ l-Artikolu 47 UE, kif il-Kummissjoni osservat korrettament, li skond l-Artikolu 80(2) KE il-Kunsill jista’ jiddeċiedi jekk u safejn jistgħu jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet għat-trasport bil-baħar u bl-ajru. Anke jekk huwa veru li t-Trattat KE jagħmel dan il-poter dipendenti fuq il-fatt li jkun hemm deċiżjoni preċedenti tal-Kunsill(18), jibqa’ l-fatt li l-Kunsill għandu poter taħt it-Trattat KE li jieħu azzjoni fir-rigward tat-trasport bil-baħar.
63. Għaldaqstant, il-kwistjoni li issa għandha tiġi eżaminata hija jekk id-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali in kwistjoni li jinsabu fid-Deċiżjoni Qafas setgħux, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑176/03, jiġu adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 80(2) KE.
64. Għandu jiġi mfakkar, madankollu, li anke jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, għal raġuni jew oħra, m’hemmx din il-kompetenza taħt il-politika tat-trasport, dan ma jkunx, fis-sens strett tal-kelma, it-tmiem tal-kwistjoni.
65. L-Artikolu 80(2) KE intgħażel bħala l-bażi legali għad-Direttiva in kwistjoni f’din il-kawża, iżda dan ma jfissirx neċessarjament li ebda dispożizzjoni oħra tat-Trattat KE ma setgħet isservi bħala l-bażi legali għall-adozzjoni tal-miżuri in kwistjoni li jinsabu fid-Deċiżjoni Qafas, bl-iktar alternattiva probabbli hija l-Artikolu 175 KE dwar l-ambjent. Fil-prinċipju, jekk jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas setgħu ġew adottati bl-użu ta’ bażi legali stabbilita f’post ieħor fit-Trattat KE, dan ikun ifisser li d-Deċiżjoni Qafas tikser l-Artikolu 47 UE.
66. Madankollu, il-partijiet f’dawn il-proċedimenti jew evitaw dan l-argument jew qablu li waħda biss mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, jekk mhux ebda waħda, tista’ tikkostitwixxi bażi legali korretta għall-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawk in kwistjoni, jiġifieri, l-Artikolu 80(2) KE. Għaldaqstant, ser nibbaża l-evalwazzjoni tiegħi fuq din l-opinjoni.
B – L-implikazzjonijiet tal-Kawża C‑176/03: il-limiti tal-kompetenza tal-Komunità sabiex tipprovdi għal miżuri kriminali
67. F’ħafna aspetti, il-liġi kriminali tispikka iktar minn oqsma oħra tal-liġi. Billi tuża l-iktar strument sever u dissważiv ta’ kontroll soċjali – pieni – il-liġi kriminali tistabbilixxi l-limiti esterni ta’ aġir aċċettabbli u b’hekk tipproteġi dawk il-valuri li l-komunità in ġenerali tgħożż l-iktar(19). Bħala espressjoni essenzjalment tal-volontà komuni, pieni kriminali jirriflettu nuqqas ta’ approvazzjoni soċjali partikolari u f’dan ir-rigward għandhom natura kwalitattiva differenti meta mqabbla ma’ pieni oħra bħalma huma pieni amministrattivi.
68. Għalhekk, iktar minn oqsma oħra tal-liġi, il-liġi kriminali ġeneralment tirrifletti l-attitudnijiet kulturali, morali, finanzjarji partikolari u attitudnijiet oħra ta’ komunità u hija speċjalment sensittiva għal żviluppi fis-soċjetà.
69. Madankollu, m’hemmx kunċett uniformi ta’ liġi kriminali u l-Istati Membri jista’ jkollhom ideat differenti ħafna meta jiġu sabiex jidentifikaw f’iktar dettall l-iskopijiet li l-liġi kriminali għandha taqdi u l-effetti li jista’ jkollha. Huwa għalhekk diffiċli li nitkellmu dwar liġi kriminali f’termini ġenerali u mingħajr konnotazzjonijiet speċifiċi nazzjonali.
70. Madankollu, jekk nikkunsidraw il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bħala punt tat-tluq, nistgħu fi kwalunkwe każ nosservaw din tieħu in kunsiderazzjoni n-natura partikolari ta’ multi u ta’ pieni taħt il-liġi kriminali billi tipprovdi, fl-Artkolu 6(2) u (3) u fl-Artikolu 7, għal garanziji proċedurali u sostantivi addizzjonali u iktar estensivi fir-rigward ta’ każijiet kriminali meta mqabbla ma’ każijiet ċivili. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat lill-kunċett ta’ “reat kriminali” kif użat f’dawk l-artikoli tifsira awtonoma u ma tipprovax tirrelata dan il-kunċett primarjament mal-klassifikazzjoni fil-liġi domestika iżda man-natura tar-reat innifsu u mas-severità tas-sentenza li tista’ tkun imposta(20). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat, fir-rigward b’mod partikolari ta’ l-iskop tal-pieni kriminali li “l-għanijiet ta’ prevenzjoni u riparazzjoni huma konsistenti ma’ skop punitiv u jistgħu jiġu kkunsidrati bħala elementi kostitwenti tal-veru kunċett ta’ piena”.(21)
71. Fl-opinjoni tiegħi, jista’ jingħad biċ-ċert li l-liġi kriminali hija karatterizzata min-natura dissważiva u deterrenti tagħha.(22) Għandu jiġi mfakkar, madankollu, li l-ħolqien ta’ deterrent mhuwiex l-uniku skop identifikabbli tal-liġi kriminali u li l-mod li bih jintuża dan l-ultimum remedium tal-liġi, kif enfasizzaw ukoll xi uħud mill-partijiet, jindika l-istandards soċjali li jiffurmaw il-bażi tas-soċjetà kkonċernata u għalhekk huwa, fl-aħħar mill-aħħar, intrinsikament marbut ma’ l-identità ta’ dik is-soċjetà.
72. Il-poter li jkunu imposti pieni kriminali kien ċertament ikkunsidrat, tradizzjonalment, bħala wieħed marbut mill-qrib ma’ sovranità u li għandu jkun ġustament fdat lill-Istati individwali u lil forom intergovernattivi ta’ kooperazzjoni iktar milli lill-Komunità. Madankollu, għalkemm, bħala regola ġenerali, la liġi kriminali u lanqas ir-regoli ta’ proċedura kriminali ma jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità(23), għandu jiġi enfasizzat li l-liġi kriminali bl-ebda mod ma hija qasam irriżervat għall-Istati Membri taħt it-Trattat KE.
73. Fil-fatt, huwa ċar diġà minn ġurisprudenza qabel il-Kawża C‑176/03 li l-liġi Komunitarja hija relatata f’diversi aspetti mal-liġi kriminali. Madankollu, pjuttost milli niddiskuti fid-dettall dik il-ġurisprudenza li, flimkien mal-liġi Komunitarja sekondarja rilevanti, diġà kienet analizzata b’mod estensiv mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer(24), sejjer infakkar fil-qosor l-iktar tipi ta’ relazzjonijiet rilevanti bejn il-liġi Komunitarja u l-liġi kriminali nazzjonali.
74. L-ewwel nett, u fuq livell iktar ġenerali, il-liġi Komunitarja tista’ indirettament tinfluwenza l-liġi kriminali nazzjonali peress li tirrikjedi, fir-rigward ta’ oqsma li jaqgħu fl-ambitu tagħha, li l-leġiżlazzjoni kriminali nazzjonali rilevanti tikkonforma mal-liġi Komunitarja. Dan l-aspett ta’ kompatibbiltà jidher fil-kawża Amsterdam Bulb, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni fir-regoli tal-Komunità li tistabbilixxi pieni speċifiċi, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw dawk il-pieni li fl-opinjoni tagħhom jidhru li jkunu xierqa, fosthom pieni kriminali(25). Min-naħa l-oħra, pieni kriminali għall-ksur ta’ liġijiet nazzjonali li jimplementaw il-liġi Komunitarja jistgħu jkunu preklużi minn liġi Komunitarja minħabba, per eżempju, li huma eċċessivi u għalhekk ikunu ta’ ostaklu għall-moviment ħieles tal-persuni(26).
75. F’każijiet bħal dawn, il-liġi tal-Komunità għalhekk tiddelimita, billi tirrikjedi “integrazzjoni negativa”, l-iskop ta’ l-azzjoni ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-liġi kriminali(27).
76. F’ġurisprudenza li tista’ tiġi kkunsidrata bħala pass lejn “integrazzjoni pożittiva” u r-rikonoxximent ta’ obbligi pożittivi fil-qasam tal-liġi kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fis-sensiela ta’ kawżi magħrufa bħala “Greek Maize”, li meta l-leġiżlazzjoni tal-Komunità ma tipprovdix speċifikament xi piena għal ksur jew tirreferi għal dan l-iskop għal liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, Stati Membri jistgħu jkunu obbligati, bis-saħħa ta’ l-obbligu ġenerali ta’ l-Istati Membri kif stabbilit fl-Artikolu 10 KE, sabiex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw l-effettività u l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt Komunitarju, sabiex “jassiguraw b’mod partikolari li l-ksur tal-liġi Komunitarja jkun ippenalizzat taħt kundizzjonijiet, kemm proċedurali u kif ukoll sostanzjali, li huma analogi għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali ta’ natura u ta’ importanza simili u li, f’kull każ, il-piena tkun ta’ natura effettiva, proporzjonata u dissważiva”(28). Fis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Nunes u de Matos, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-istess raġunament japplika meta regolament tal-Komunità jistabbilixxi pieni partikolari għal ksur, iżda ma jagħtix lista eżawrjenti tal-pieni li l-Istati Membri jistgħu jimponu, bħal fil-każ tar-regolamet dwar il-Fond Soċjali Ewropew in kwistjoni f’dik il-kawża(29).
77. F’dan l-isfond jidher li, fil-Kawża C‑176/03, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet pass li ċertament kien sinjifikattiv f’termini ta’ kwalità iżda mhux, wara kollox, inkomprensibbli billi aċċettat li l-leġiżlatur Komunitarju jista’ jkollu l-poter li jadotta miżuri li espliċitament jirrikjedu lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għal pieni kriminali fir-rigward ta’ ċerta mġiba u li għalhekk fil-fatt, kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jinvolvu armonizzazzjoni parzjali tal-liġijiet kriminali ta’ l-Istati Membri(30).
78. Kemm verament kien kbir dak il-pass, fi kliem ieħor, safejn testendi l-kompetenza Komunitarja stabbilita sabiex tipprovdi għal pieni kriminali kemm fil-“wisa’’”u fil-“fond”, hija ċertament id-domanda ċentrali ta’ din il-kwistjoni.
79. Ir-raġunament li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrikonoxxi dak il-poter fil-Kawża C‑176/03 jista’ jiġi spjegat fil-qosor kif ġej.
80. Id-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha twieġeb, u li hija wieġbet fil-pożittiv, kienet jekk miżuri kriminali previsti fid-Deċiżjoni Qafas in kwistjoni f’dik il-kawża setgħux jiġu adottati fuq l-bażi ta’ l-Artikolu 175 KE dwar l-ambjent(31).
81. F’dak ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel fakkret li skond l-Artikolu 2 KE u l-ġurisprudenza tagħha, il-protezzjoni ta’ l-ambjent hija wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Komunità. Hija għamlet ukoll referenza għall-Artikolu 6 KE, li jiddikjara li ħtiġijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politika u ta’ l-attivitajiet Komunitarji, u għall-Artikoli 174 KE sa 176 KE li jistabbilixxu qafas li fih għandha tiġi mwettqa l-politika Komunitarja ta’ l-ambjent(32).
82. Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi ddikjarat li l-miżuri imsemmija fit-tliet inċiżi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 175(2) KE kollha jimplikaw l-intervent ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji f’oqsma li fihom, bl-eċċezzjoni tal-politika Komunitarja ta’ l-ambjent, jew il-Komunità m’għandhiex poter leġiżlattiv jew inkella hija meħtieġa l-unanimità fi ħdan il-Kunsill.
83. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret imbagħad li, skond ġurisprudenza kostanti, l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ l-att(33).
84. Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna l-għan tad-deċiżjoni qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, kemm mit-titolu tagħha kif ukoll mill-ewwel tliet premessi tagħha, li l-għan tagħha kien il-protezzjoni ta’ l-ambjent(34).
85. Fir-rigward tal-kontenut tad-Deċiżjoni Qafas analizzata, il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad irrikonoxxiet li l-Artikoli 2 sa 7 tagħha kienu jinvolvu armonizzazzjoni parzjali tal-liġijiet kriminali ta’ l-Istati Membri, “b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-elementi kostituttivi tar-reati differenti kontra l-ambjent” u affermat mill-ġdid li, bħala prinċipju, la l-liġi kriminali u lanqas ir-regoli tal-proċedura kriminali ma jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità(35).
86. Madankollu, fil-paragrafu li ġej meħud mis-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-qosor, li din il-konstatazzjoni “ma tistax timpedixxi lill-leġiżlatur Komunitarju, meta l-applikazzjoni ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonali u dissważivi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tikkostitwixxi miżura indispensabbli għall-ġlieda kontra l-abbużi gravi ta’ l-ambjent, milli jieħu miżuri in relazzjoni mal-liġi kriminali ta’ l-Istati Membri u li huwa jidhirlu li jkunu meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tar-regoli li huwa jadotta fir-rigward tal-protezzjoni ta’ l-ambjent”(36).
87. Huwa għalhekk ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet poter min-naħa tal-Komunità li tirrikjedi lill-Istati Membri sabiex jadottaw miżuri kriminali kif previsti mid-Deċiżjoni Qafas, u ddikjarat dak il-poter bħala aspett impliċitu tal-poteri mogħtija lill-Komunità taħt l-Artikolu 175 KE.
88. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet dak il-poter fid-dettall, b’relazzjoni diretta mal-fatti partikolari tal-kawża, iktar milli fil-forma ta’ prinċipju, fatt dan li jispjega d-diffikultà sabiex issir distinzjoni bejn ir-raġunament sottostanti u l-applikazzjoni konkreta tiegħu.
89. Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni fil-Kawża 176/03 hija – u f’dan ir-rigward tixbah lill-ġurisprudenza preċedenti Greek Maize(37) – fundamentalment immotivata minn u tirriżulta mill-ħsieb li tkun żgurata l-effettività sħiħta tal-liġi Komunitarja. Dan mhuwiex biss ċar mill-paragrafu ewlieni ċċitat iktar ’il fuq, iżda wkoll – minbarra l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer(38) – mill-punt 52 tas-sentenza fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li mhuwiex possibbli li mill-Artikoli 135 KE u 280(4) KE tikkonkludi li kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġi kriminali għandha tiġi eliminata “anki meta tkun meħtieġa biex tiggarantixxi l-effettività tal-liġi Komunitarja”(39).
90. Barra minn hekk, minn perspettiva oħra, meta kkonstatat li l-Artikolu 175 KE jikkonferixxi fuq il-Komunità kompetenza sabiex tirrikjedi lill-Istati Membri jikkriminalizzaw ċertu mġiba li hija partikolarment detrimentali għall-ambjent, il-Qorti tal-Ġustizzja użat essenzjalment raġunament mibni fuq poteri impliċiti, fis-sens li l-Komunità tgawdi l-poteri jew il-mezzi neċessarji sabiex tikseb għan jew kompitu partikolari mogħti lilha(40). Fi ftit kliem, l-għan tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-effet utile tiegħu, skond il-raġunament tas-sentenza, ikunu kompromessi jekk il-leġiżlatur Komunitarju ma jkollux il-poter li jadotta l-miżuri tal-liġi kriminali neċessarji sabiex jiżgura li r-regoli li jistabbilixxi dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent jkunu totalment effettivi.
91. Safejn jista’ jiġi mwarrab il-fatt li l-Kawża 176/03 kienet dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent u dwar il-“ġlieda kontra reati serji kontra l-ambjent”? Il-poter li jintalab infurzar kriminali, kif isostnu l-Kunsill u l-Istati Membri intervenjenti, huwa limitat “fil-wisa’” għal liġi dwar l-ambjent jew, kif isostnu l-Kummissjoni u l-Parlament, huwa fil-prinċipju applikabbli għal oqsma oħra ta’ politika komuni bħalma hija l-politika tat-trasport in kwistjoni?
92. Għalkemm id-diversi referenzi fis-sentenza għall-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-post tagħha fit-Trattat jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jissuġġerixxu, kif essenzjalment jargumentaw il-Kunsill u l-Istati Membri, li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tillimita r-raġunament tagħha għall-qasam speċifiku ta’ l-ambjent, jien naqbel mal-Kummissjoni li fil-fatt m’hemmx bażi soda sabiex il-poter li jiġu previsti miżuri kriminali jitqies bħala limitat b’dan il-mod.
93. Huwa veru li l-protezzjoni ta’ l-ambjent hija – kif ir-Rapporti Speċjali reċentement sottomessi mill-Bord Intergovernattiv dwar Bidla fil-Klima (Intergovernmental Panel on Climate Change) għamluha ċara iktar minn qatt qabel – ta’ importanza vitali mhux biss minn perespettiva ta’ politika Ewropea iżda wkoll għall-futur ta’ l-umanità in ġenerali(41) u li hija, kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-Kawża C‑176/03, għan essenzjali tal-Komunità(42).
94. Bla ebda dubju, madankollu, il-protezzjoni ta’ l-ambjent mhijiex l-uniku għan essenzjali jew l-uniku qasam ta’ politika tal-Komunità u, minn dan l-aspett, huwa diffiċli li tiġi distinta mill-għanijiet u l-attivitajiet l-oħra tal-Komunità msemmija fl-Artikoli 2 KE u 3 KE, bħalma huwa l-istabbiliment ta’ suq intern kkaratterizzat mil-libertajiet fundamentali, il-politika komuni ta’ l-agrikoltura jew ir-regoli komuni dwar il-kompetizzjoni.
95. Skond dak li ntqal iktar ’il fuq fir-rigward tar-rwol jew, pjuttost, ta’ l-effett tal-liġi kriminali bħala barometru ta’ l-importanza mogħtija minn komunità lil interess jew valur legali(43), id-distinzjoni tal-protezzjoni ta’ l-ambjent b’dan il-mod, fl-opinjoni tiegħi, ma tirriflettix in-natura – jew, nistgħu anki nsejħula l-identità – tal-Komunità.
96. Barra minn hekk, l-ambjent mhuwiex l-uniku qasam ta’ attività “orizzontali” (l-Artikolu 6 KE) taħt it-Trattat KE – huwa biżżejjed jekk insemmu l-ugwaljanza bejn is-sessi (l-Artikolu 3(2) KE), nuqqas ta’ diskriminazzjoni (l-Artikolu 12(1) KE) jew saħħa pubblika (l-Artikolu 152(1) KE) – u, fi kwalunkwe każ, ma nistax nara għaliex din il-karatteristika partikolari għandha, bħalma argumentaw il-Kunsill u diversi Stati Membri, tiġi kkunsidrata bħala deċiżiva fir-rigward tal-poter li jintalab infurzar kriminali.
97. Barra minn hekk, mhuwiex eżattament possibbli li jiġi argumentat li dan il-poter għandu jkun limitat għall-qasam ta’ l-ambjent meta nieħdu in kunsiderazzjoni li dan il-poter huwa korollarju għall-prinċipju ta’ effettività tal-liġi Komunitarja.
98. Ikkunsidrata minn din il-perspettiva, il-preżunzjoni li l-poter li jkunu rikjesti pieni kriminali huwa limitat għall-qasam ta’ l-ambjent timplika jew li, minħabba n-natura partikolari tagħha, il-protezzjoni ta’ l-ambjent hija l-uniku qasam li għandu bżonn infurzar kriminali sabiex ikun totalment effettiv jew, alternattivament – jekk naċċettaw li politiki oħra jistgħu jirrikjedu wkoll tali infurzar sabiex ikunu effettivi – li l-leġiżlatur Komunitarju għandu jikkunsidra nuqqas potenzjali ta’ effettività bħala aċċettabbli f’oqsma oħra minħabba, per eżempju, l-“importanza minuri” tagħhom jew l-għanijiet “inqas essenzjali” tagħhom. Fl-opinjoni tiegħi, dawn iż-żewġ pożizzjonijiet mhumiex aċċettabbli u l-ebda waħda ma tista’ tiġi sostnuta.
99. Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal nemmen li mhuwiex raġonevolment possibbli – fi kwalunkwe każ, mhux mingħajr ftit arbitrarjetà – li l-poter tal-Komunità li tirrikjedi lill-Istati Membri sabiex jużaw l-istrument ta’ infurzar kriminali jkun riservat esklużivament għall-qasam speċifiku ta’ l-ambjent. Peress li r-raġuni wara l-eżistenza ta’ dan il-poter tinsab fil-prinċipju ġenerali ta’ effettività li huwa l-bażi tal-liġi Komunitarja, dan il-poter għandu, fil-prinċipju, jeżisti wkoll fir-rigward ta’ kwalunkwe qasam ta’ politika oħra tal-Komunità (bħalma huwa t-trasport), suġġett, ovvjament, għal-limiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jipprovdu l-bażi legali sustantiva in kwistjoni.
100. Madankollu, għad trid tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-limiti konkreti tal-poteri li jittieħdu miżuri marbuta mal-liġi kriminali ta’ l-Istati Membri. Anki f’dan ir-rigward ir-raġunament fil-Kawża C‑176/03 huwa pjuttost ambigwu. F’dik il-kawża ssir referenza kemm għal “miżur[i] indispensabbli għall-ġlieda kontra l-abbużi gravi” u wkoll għal miżuri li jirrigwardaw liġi kriminali li l-leġiżlatur Komunitarju “jidhirlu li jkunu meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tar-regoli li huwa jadotta”(44).
101. Iktar ’il quddiem f’dik is-sentenza tingħata xi informazzjoni dwar it-tifsira ta’ dawk il-kriterji safejn, fl-evalwazzjoni ta’ jekk fil-kawża quddiemha l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri in kwistjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 175 KE kinux issodisfati, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien deċiżiv li d-Deċiżjoni Qafas kienet tagħmel referenza għal ksur ta’ numru konsiderevoli ta’ miżuri Komunitarji u li l-Kunsill kien tal-fehma “li l-pieni kriminali kienu indispensabbli għall-ġlieda kontra l-abbużi gravi ta’ l-ambjent”(45).
102. Għaldaqstant, mis-sentenza fil-Kawża 176/03 jidher li l-leġiżlatur Komunitarju għandu l-poter li jadotta miżuri li jipprovdu għall-impożizzjoni ta’ pieni kriminali meta jikkunsidra li dawn il-pieni huma neċessarji sabiex jiġi ggarantit li r-regoli li jistabbilixxi jkunu totalment effettivi u bil-kundizzjoni li miżuri kriminali huma indispensabbli għall-ġlieda kontra offiżi serji fil-qasam ikkonċernat.
103. Fir-rigward tad-domanda jekk, f’dan il-qafas, il-Komunità tistax tippreskrivi t-tip u l-livell tal-pieni li għandhom jiġu applikati (il-“wisa‘ ” tal-poter), naqbel ma’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer(46) li l-leġiżlatur Komunitarju huwa intitolat li jordna lill-Istati Membri sabiex jimponu pieni kriminali u li jippreskrivi li dawn ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, iżda li, oltre dan, m’għandux il-poter li jispeċifika l-pieni li għandhom jiġu imposti.
104. Għandu jkun imfakkar li l-argument hawn mhuwiex il-possibbiltà ta’ poter tal-Komunità sabiex timponi pieni kriminali hija stess, iżda pjuttost il-poter li din tirrikjedi lill-Istati Membri sabiex jipprovdu, fis-sistemi kriminali rispettivi tagħhom, għal klassifikazzjoni ta’ ċerti forom ta’ mġiba bħala offiżi kriminali bħala mezz ta’ implementazzjoni ta’ l-ordni legali tal-Komunità. Għalhekk, huwa ċar li dan joħloq mhux biss interess fir-rigward tal-koerenza interna tal-liġi kriminali ta’ l-Unjoni, li l-Kummissjoni ġustament indirizzat fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Kawża C‑176/03(47), iżda wkoll fir-rigward tal-koerenza ta’ kull sistema kriminali nazzjonali.
105. Kif joħroġ ċar mis-sottomissjonijiet tal-Gvernijiet intervenjenti f’dan ir-rigward, l-Istati Memebri diġà għandhom, fuq livell ġenerali, ideat pjuttost differenti fir-rigward tar-rwol u ta’ l-iskop tal-liġi kriminali bħala strument ta’ infurzar. Fuq livell iktar konkret, dawn l-ideat differenti huma riflessi fid-differenzi bejn is-sistemi kriminali nazzjonali fir-rigward tal-livell ġenerali ta’ pieni, tal-bilanċ milħuq bejn il-varji forom ta’ sentenzi u, ovvjament, it-tip u l-livell ta’ pieni previsti fir-rigward ta’ offiżi partikolari. Kull kodiċi kriminali jirrifletti klassifikazzjoni partikolari ta’ l-interessi legali li huwa intiż sabiex jipproteġi (proprjetà, il-persuna, l-ambjent, u oħrajn) u jvarja l-pieni skond din il-klassifikazzjoni.
106. Għalhekk, id-determinazzjoni mil-leġiżlatur Komunitarju tat-tip u tal-livell ta’ pieni li għandhom ikunu imposti – fuq il-bażi ta’ poter li huwa anċillarju għall-kompetenzi speċifiċi previsti mit-Trattat u li jippermetti, fuq livell settorali, għal armonizzazzjoni parzjali (biss) ta’ liġijiet nazzjonali kriminali – tista’ twassal għal frammentazzjoni u tikkomprometti l-koerenza ta’ sistemi kriminali nazzjonali.
107. Barra minn hekk, is-serjetà ta’ piena kriminali, l-effettività tagħha u l-abbiltà tagħha li tkun ta’ deterrent, ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod separat mill-pieni kriminali l-oħra previsti mil-liġi nazzjonali u mill-mod li bih jintużaw pieni fi Stat Membru partikolari bħala strument ta’ infurzar. Kif osserva l-Gvern tar-Renju Unit f’dan ir-rigward, livell partikolari ta’ multa jista’ jagħti messaġġi differenti ħafna fi Stati Membri differenti fir-rigward tas-serjetà ta’ l-offiża in kwistjoni.
108. Fl-opinjoni tiegħi, għalhekk, u skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri jinsabu ġeneralment f’pożizzjoni aħjar mill-Komunità sabiex “jittraduċu” l-kunċett ta’ “pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi” fis-sistemi legali u fil-kuntest tas-soċjetà rispettivi tagħhom.
109. Is-sentenza fil-Kawża C‑176/03 ma tikkontradixxix din l-opinjoni. Pjuttost, l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas annullata “jħallu f’idejn l-Istati Membri l-għażla tal-pieni kriminali applikabbli, li madankollu għandhom, skond l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni, ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi”(48) tirrifletti l-pożizzjoni ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer safejn isostni li l-Komunità ma tistax tagħmel iktar ħlief li tirrikjedi lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għal ċertu offiżi u jagħmluhom punibbli permezz ta’ pieni kriminali li jkunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi”(49). Barra minn hekk, din id-delimitazzjoni tal-poteri rispettivi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri hija konformi mal-ġurisprudenza ta’ qabel il-Kawża C‑176/03(50).
110. Huwa veru li, għall-kuntrarju ta’ l-Avukat Ġenerali(51), il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx speċifikament ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas annullata li l-iktar imġiba serja għandha tiġi punita permezz ta’ piena ta’ priġunerija, li timplika estradizzjoni, u ma indikatx espliċitament li tali dispożizzjoni (dwar it-tip ta’ piena) ma setgħetx tiġi adottata taħt l-ewwel pilastru. Madankollu, ikun żbaljat jekk jiġi konkluż li dispożizzjoni dwar it-tip ta’ piena tista’ fil-fatt tkun adottata fuq din il-bażi. Il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-Deċiżjoni Qafas, li hija kkunsidrat bħala indiviżibbli, kellha tiġi adottata taħt l-Artikolu 175 KE – peress li pprovdiet li ċerta mġiba li hija partikolarment detrimentali għall-ambjent għandha tkun kriminali – kienet diġà tfisser li d-Deċiżjoni Qafas kellha tiġi annullata, u ma kinitx eżaminata f’iktar dettall għax ma kienx hemm bżonn li jsir dan(52).
111. Id-delimitazzjoni tal-poteri kif spjegata, fejn il-Komunità tista’ tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonali u dissważivi iżda għandha tħalli d-determinazzjoni tat-tip u tal-livell tagħhom għall-Istati Membri, għandha wkoll il-vantaġġ li hija delimitazzjoni ċara. Niddubita jekk ikunx prattiku li ssir distinzjoni addizzjonali fir-rigward tal-livell tad-dettall safejn il-Komunità tista’ tiddetermina pieni(53).
112. Fil-qosor, jista’ jintqal li skond il-Kawża C‑176/03, kif nifhimha jien, il-leġiżlatur Komunitarju jista’, kull meta miżuri kriminali jkunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-effettività totali tal-liġi Komunitarja u jkunu indispensabbli għall-ġlieda kontra reati serji f’qasam partikolari, jirrikjedi li Stati Membri jippenalizzaw ċertu mġiba u jadottaw f’dak ir-rigward pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.
113. Permezz ta’ din il-kompetenza, il-Komunità tista’ tuża’, fil-limiti tal-poteri u ta’ l-oqsma ta’ politika mogħtija lilha, il-miżuri kollha ta’ infurzar legali sabiex issostni l-ordni ġuridiku tagħha stess. Huwa għalhekk fattur sinjifikattiv fl-iżvilupp tal-liġi Komunitarja, biex ngħidu hekk, lejn lex perfecta. Fl-istess ħin, l-eżistenza ta’ din il-kompetenza ma toħloq l-ebda problema fil-konfront tar-regola ġenerali li liġi kriminali u r-regoli tal-liġi kriminali jaqgħu fil-qasam ta’ l-Istati Membri; lanqas – peress li tħalli l-għażla ta’ pieni kriminali li għandhom jiġu applikati f’idejn l-Istati Membri – ma tinterferixxi, fl-opinjoni tiegħi, fis-sistemi nazzjonali kriminali b’tali mod li tista’ taffettwa l-koerenza tagħhom b’mod li mhuwiex aċċettabbli(54).
114. Madankollu, m’għandux jinħeba l-fatt li l-kompetenza tal-Komunità fir-rigward tal-liġi kriminali kif stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑176/03 tiżvela, meta jsir eżami iktar fid-dettall, ċerti difetti kunċettwali li jagħmluha diffiċli, kif juri dan il-każ, li jiġi stabbilit jekk, f’każ konkret, humiex issodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza.
115. Fl-ewwel lok, minn diversi aspetti, effettività hija kriterju li mhuwiex preċiż sabiex, fuq il-bażi tiegħu, tiġi stabbilita kompetenza għall-adozzjoni ta’ miżuri li jirrigwardaw il-liġi kriminali.
116. L-ewwel nett, u fuq livell iktar ġenerali, fir-rigward ta’ l-element ta’ effettività, il-kwistjoni mhijiex jekk teżistix jew le imma l-livell safejn teżisti effettività. Id-diffikultà tinsab fl-identifikazzjoni ta’ l-istandard rekwiżit: Meta regoli f’qasam speċifiku ma jkunux effettivi biżżejjed jew ma jkunux “totalment effettivi”, u għalhekk jirrikjedu strument tal-liġi kriminali?
117. It-tieni nett, x’inhi l-kontribuzzjoni tal-pieni kriminali għall-effettività ta’ liġi? Għadu għaddej dibattitu kriminoloġiku dwar b’liema mod u f’liema materji l-pieni kriminali huma l-aħjar mezzi sabiex jiġi żgurat infruzar effettiv tal-liġi. Jista’ jkun sempliċi wisq li wieħed jassumi li l-liġi kriminali hija dejjem ir-rimedju adegwat għan-nuqqas ta’ effettività.
118. It-tielet nett, għalkemm l-effett tagħha bħala deterrent ifisser li ċertament hemm korrelazzjoni bejn liġi kriminali u effettività, effettività ma tinkorporax totalment l-essenza tal-liġi kriminali. Kif diġà ssuġġerejt iktar ’il fuq, il-kunsiderazzjoniet ta’ politika wara l-użu ta’ pieni kriminali f’komunità partikolari jmorru ħafna oltre s-sempliċi domanda ta’ infurzar effettiv.
119. Huwa għalhekk ċar li d-domandi jekk miżuri kriminali jkunux, f’każ partikolari, “indispensabbli” għall-ġlieda kontra offiżi serji jew “neċessarji” sabiex jiżguraw li regoli jkunu “totalment effettivi” jeżiġu, mhux biss kunsiderazzjoni “oġġettiva” tal-bażi legali sostantiva jew tal-qasam tal-politika in kwistjoni, iżda wkoll livell ta’ evalwazzjoni. Minn din il-perspettiva, ma kienx b’kumbinazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet referenza għal miżuri tal-liġi kriminali li l-leġiżlatur Komunitarju “jidhirlu li jkunu meħtieġa” u stabbilixxiet li “l-Kunsill kien tal-fehma li l-pieni kriminali kienu indispensabbli”(55).
120. Fit-tieni lok, mhuwiex ideali li l-kompetenza kriminali tal-Komunità, kif deskritta, tapplika permezz tar-raġunament accessorium sequitur principale għall-kompetenzi speċifiċi mogħtija lill-Komunità – b’tali mod li din il-kompetenza kriminali tista’ virtwalment titqies sempliċement bħala aspett wieħed tal-politika tal-Komunità kkonċernata – filwaqt li fl-istess ħin l-implikazzjonijiet tagħha jkollhom jiġu integrati fil-liġi kriminali ta’ l-Istati Membri, li normalment hija meqjusa bħala korp ta’ liġi distint.
121. Fl-opinjoni tiegħi, jidher problematiku, b’mod partikolari, li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri li jirrigwardaw il-liġi kriminali taħt il-pilastru Komunitarji, b’mod partikolari l-proċedura leġiżlattiva, jiddependu fuq il-qasam ta’ l-azzjoni Komunitarja kkonċernat, u jvarjaw skond dan.
122. Għall-istess raġuni, dan bilkemm jikkostitwixxi bażi sodisfaċenti għal pass ikbar lejn infurzar kriminali tal-liġi Komunitarja. Jekk tali politika tiġi applikata fil-Komunità, tkun ċertament mixtieqa bażi ġuridika speċifika li tipprovdi għal proċedura leġiżlattiva uniformi.
C – Validità tad-Deċiżjoni Qafas in kwistjoni
123. Għalkemm il-kwistjonijiet prinċipali mqajma f’dan il-każ diġà ġew indirizzati fil-punti preċedenti, għad irid jiġi konkretament evalwat jekk u safejn it-termini kkontestati tad-Deċiżjoni Qafas – fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-għan u l-kontenut tagħha(56) – setgħu jiġu korrettament adottati fuq il-bażi tat-Trattat KE.
124. Fir-rigward ta’ l-għan tad-Deċiżjoni Qafas, huwa ċar mit-titolu u mill-premessi tagħha li hija tikkunsidra bħala l-għan tagħha l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri għall-infurzar tal-liġi kontra t-tniġġis minn bastimentiu u f’dan ir-rigward hija maħsuba sabiex tissupplimenta d-Direttiva.
125. Għalhekk, bħad-Direttiva(57) – sabiex tkompli, speċifikament, fuq il-politika tas-sigurtà marittima Komunitarja – id-Deċiżjoni Qafas hija maħsuba sabiex tipproteġi l-ambjent u, b’mod partikolari, tiġġieled reati kontra l-ambjent (l-ewwel premessa tad-Deċiżjoni Qafas).
126. Kif diġà semmejt iktar ’il fuq(58), il-Kummissjoni tibbaża r-rikors tagħha f’ din il-kawża fuq l-opinjoni li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni Qafas kien imisshom ġew adottati, bħad-Direttiva, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 80(2) KE, peress li din tikkonċerna t-trasport marittimu. Minbarra l-aspett tal-liġi kriminali, il-partijiet l-oħra jew l-intervenjenti, fil-prinċipju, la kkontestaw din il-pożizzjoni u lanqas ma sostnew li l-Artikolu 175 KE dwar l-ambjent kien ikun eliġibbli bħala bażi legali għad-Direttiva jew għall-miżuri previsti fid-Deċiżjoni Qafas, li kieku kellhom jiġu adottati taħt il-pilastru Komunitarju.
127. Fl-opinjoni tiegħi wkoll, il-Kummissjoni mhijiex żbaljata meta ssostni li, minkejja l-aspett ambjentali, l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas jistgħu jintlaħqu permezz ta’ l-Artikolu 80(2) KE li jikkonċerna t-trasport marittimu. Filwaqt li t-tniġġis tal-baħar, bħala tali, huwa ċertament ta’ interess ambjentali, it-tnaqqis jew il-prevenzjoni tiegħu huwa fl-istess ħin qasam importanti ta’ l-azzjoni Komunitarja fit-trasport marittimu(59).
128. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-fatt li miżura Komunitarja ssegwi għanijiet ta’ protezzjoni ambjentali ma jfissirx awtomatikament li għandha tkun adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 175 KE. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li għalkemm l-Artikoli 174 KE u 175 KE huma maħsuba sabiex jikkonferixxu poteri fuq il-Komunità sabiex din tieħu azzjoni speċifika fuq suġġetti ambjentali, il-poteri tagħha taħt dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat jibqgħu intatti, anke jekk miżuri adottati taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet isegwu fl-istess ħin wieħed mill-għanijiet ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent; barra minn hekk, peress li rekwiżiti għall-protezzjoni ta’ l-ambjent huma element neċessarju tal-politiki l-oħra tal-Komunità, miżura tal-Komunità m’għandhiex tkun ikklassifikata bħala azzjoni dwar materji ambjentali sempliċement għax tikkunsidra dawn ir-rekwiżiti(60).
129. Fl-opinjoni tiegħi, miżuri li jirrikjedu l-protezzjoni ta’ l-ambjent li, bħal f’din il-kawża, jikkonċernaw speċifikament tniġġis minn bastimenti, jiffurmaw parti mill-politika tat-trasport marittimu li għaliha l-Artikolu 80(2) KE jipprovdi bażi legali partikolari. Għalhekk, jiena naqbel mal-Kummissjoni li l-Artikolu 80(2) KE, li jipprovdi għall-adozzjoni ta’ regoli dwar it-trasport marittimu, u mhux l-Artikolu 175 KE dwar l-ambjent, ikun il-bażi legali korretta għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.
130. Madankollu, fir-rigward tal-kontenut tad-Deċiżjoni Qafas, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, tiddikjara, b’mod ġenerali, li d-Deċiżjoni Qafas setgħet kienet adottata fl-intier tagħha fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 80(2) KE.
131. Kif inhu evidenti minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, din l-opinjoni mhijiex korretta fir-rigward ta’ l-Artikoli 4 u 6 tad-Deċiżjoni Qafas safejn jippreskrivu b’ċertu dettall – għalkemm parzjalment fil-forma ta’ marġni ta’ pieni – it-tip u l-livell ta’ pieni li għandhom ikunu applikati. L-adozzjoni ta’ dispożizzjoni bħal din taqa’, kif indikajt iktar ’il fuq, fl-ambitu tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, safejn jikkonċernaw l-istabbiliment u l-koordinazzjoni ta’ ġurisdizzjoni, mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-twettiq ta’ reati kriminali u l-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt għal dan l-iskop, l-Artikoli 7, 8, u 9 tad-Deċiżjoni Qafas jmorru, fl-opinjoni tiegħi, oltre l-kompetenza tal-Komunità, kif deskritta iktar ’il fuq, sabiex jirrikjedi li l-Istati Membri jikkriminalizzaw ċerta mġiba. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet kienu adottati b’mod korrett permezz ta’ deċiżjoni qafas fil-qasam ta’ kooperazzjoni mill-pulizija u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Fl-aħħar nett, l-Artikoli 10 (Ambitu ta’ applikazzjoni territorjali), 11 (Implementazzjoni) u 12 (Dħul fis-seħħ) huma sempliċiment ta’ natura teknika.
132. Madankollu, id-Deċiżjoni Qafas tinkludi wkoll numru ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-elementi kostitwenti tar-reati kriminali li għandhom ikunu stabbiliti, kif ukoll ir-rekwiżit li jkunu punibbli permezz ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi. Nikkunsidra fost dawn id-dispożizzjonijiet l-Artikolu 2; l-Artikolu 3; l-Artikolu 4(1) dwar Pieni, safejn jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li r-reati msemmija fiż-żewġ artikoli preċedenti jkunu punibbli permezz ta’ pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi; l-Artikolu 5, li jipprovdi li persuni legali jistgħu jinżammu responsabbli għal dawk ir-reati; u l-Artikolu 6(1), safejn jipprovdi li dawn il-persuni legali jistgħu jkunu puniti permezz ta’ pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi.
133. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li – kif inhu mfakkar fl-ewwel premessa tad-Direttiva – il-politika dwar is-sigurtà marittima tal-Komunità, li hija aspett tat-trasport marittimu, timmira lejn livell għoli ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent. Kif jidher mill-premessi tad-Deċiżjoni Qafas, il-Kunsill ikkunsidra li, wara l-aċċident tat-tanker Prestige, kien meħtieġ li l-Istati Membri jiġu obbligati sabiex jipprovdu għal pieni kriminali fil-ġlieda kontra r-reati kontra l-ambjent sabiex tittejjeb is-sigurtà bil-baħar. Fid-dawl tat-tniġgis serju kkawżat mill-għarqa tal-Prestige, id-Deċiżjoni Qafas għandha, kif jissuġġerixxi t-titolu tagħha, issaħħaħ il-qafas tal-liġi kriminali għall-infurzar tal-liġi kontra t-tniġġis minn bastimenti.
134. Barra minn hekk, kif huwa ddikjarat fit-tieni premessa tad-Direttiva, ir-regoli fl-Istati Membri, li huma bbażati fuq il-Konvenzjoni Marpol 73/78, kienu qegħdin jiġu injorati ta’ kuljum min-numru kbir ħafna ta’ vapuri li jbaħħru fl-ibħra Komunitarji, mingħajr ma kienet qiegħda tittieħed azzjoni korrettiva.
135. Fl-aħħar nett, il-leġiżlatur Komunitarju ddikjara espliċitament fid-Direttiva (ir-raba’ u l-ħames premessi) li miżuri ta’ natura dissważiva huma parti integrali tal-politika dwar is-sigurtà marittima tal-Komunità u li hemm bżonn ta’ pieni effettivi, dissważivi u proporzjonati sabiex tinkiseb protezzjoni effettiva ta’ l-ambjent f’dan il-qasam.
136. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-opinjoni tiegħi, jista’ jingħad li l-adozzjoni ta’ miżuri kriminali hija, f’għajnejn il-leġiżlatur Komunitarju, neċessarja għall-protezzjoni effettiva ta’ l-ambjent fir-rigward tat-tniġġis minn bastimenti u li dawn il-miżuri huma indispensabbli fil-ġlieda kontra reati serji f’dan il-qasam.
137. Għalhekk huwa fil-kompetenza tal-Komunità li tobbliga lill-Istati Membri sabiex jippenalizzaw dawn ir-reati u jistabbilixxu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi.
138. Minn dan isegwi li l-Artikoli 2, 3 u 5 tad-Deċiżjoni Qafas, kif ukoll partijiet mill-Artikoli 4(1) u 6(1) tagħha, setgħu kienu adottati b’mod korrett fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 80(2) KE.
139. Għaldaqstant, peress li d-Deċiżjoni Qafas għandha tiġi kkunsidrata bħala indiviżibbli, id-Deċiżjoni Qafas kollha għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiġi kkunsidrata bħala adottata bi ksur ta’ l-Artikolu 47 UE u, għalhekk, għandha tiġi annullata.
VI – Konklużjoni
140. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
(1) tannulla d-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2005/667/ĠAI, tat-12 ta’ Lulju 2005, għat-tisħiħ tal-qafas tal-liġi kriminali għall-infurzar tal-liġi kontra t-tniġġis minn bastimenti;
(2) tikkundanna lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż;
(3) tordna lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU 2005 L 255, p. 164.
3 – Ġabra p. I‑7879.
4 – ĠU 2003 L 29, p. 55.
5 – Kommunikazzjoni tat-23 ta’ Novembru 2005 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implikazzjonijiet tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2005 (C‑176/03, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill) (KUMM(2005) 583).
6 – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2005 (C‑176/03, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill) (2006/2007(INI)).
7 – Ara l-Proposta Emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu mħarsa (KUMM(2006) 168 finali) u l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent permezz tal-liġi kriminali (KUMM(2007) 51 finali).
8 – ĠU 2005 L 255, p. 11.
9 – L-Artikolu 4 tad-Direttiva, intitolat “Ksur”, jiddikjara: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rimi ta’ sustanzi li jniġġżu minn vapuri fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3(1) ikun ikkunsidrat bħala ksur jekk isiru b’intenzjoni, b’mod imprudenti jew b’negliġenza serja. Dan il-ksur huwa meqjus bħala offiża kriminali skond, u fiċ-ċirkustanzi pprovdut għalhekk fid-Deċiżjoni Qafas 2005/667/ĠAI li tissupplementa din id-Direttiva”. L-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprovdi għal ċerti eċċezzjonijiet għall-Artikolu 4.
10 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 42.
11 – C-476/98, Ġabra p. I‑9855, punt 80.
12 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 49.
13 – Dawn ta’ l-aħħar huma pjuttost differenti minn dawk ta’ l-ewwel, b’mod partikolari, fir-rigward tan-natura u ta’ l-effett tal-miżuri adottati sabiex ikunu prommossi u ta’ l-istrumenti ġuridiċi użati (li huma iktar ta’ natura ta’ dritt internazzjonali u li m’għandhomx effett dirett); fir-rigward tal-proċedura għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u tar-rwol tad-diversi istituzzjonijiet (ma hemm ebda poter esklużiv ta’ inizjattiva min-naħa tal-Kummissjoni, u t-tendenza ġenerali li leġiżlazzjoni tkun adottata b’vot unanimu tal-Kunsill, b’involviment limitat biss min-naħa tal-Parlament Ewropew); u, mhux l-inqas, fir-rigward tal-kontroll ġudizzjarju (ma hemm ebda azzjoni għal ksur kif prevista fl-Artikolu 226 KE fil-każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-deċiżjonijiet kwadri f’liġi nazzjonali, u restrizzjonijiet fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari). Madankollu, xi prinċipji elaborati fil-kuntest tal-liġi Komunitarja jistgħu jestendu wkoll għat-tieni u t-tielet pilastri: ara b’mod partikolari, fir-rigward tad-dmir ta’ interpretazzjoni konsistenti, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Maria Pupino (C-105/03, Ġabra p. I‑5285).
14 – Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-170/96, Ġabra p. I‑2763, punt 16), u s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 39).
15 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 40).
16 – Ara f’dan ir-rigward, fost oħrajn, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, magħrufa bħala “AETR” (22/70, Ġabra p. 263, punt 31) u s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, b’mod partikolari l-punti 108 sa 110).
17 – F’dan ir-rigward, kien hemm referenza wkoll għall-prinċipju “min jista’ jagħmel iktar jista’ jagħmel inqas”.
18 – Ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 80).
19 – Ara b’mod diġà simili l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, ippreżentati fis-26 ta’ Mejju 2005 fil-kuntest tas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 72).
20 – L-hekk imsejjaħ “kriterju Engel”: Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Engel et, sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1976, Serje A nru. 22.
21 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Welch, tad-9 ta’ Frar 1993, Serje A nru. 307.
22 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kuntest tas-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1992, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-240/90, Ġabra p. I‑5383, punt 11), u l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Saggio fil-kuntest tas-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2000, Molkereigenossenschaft Wiedergeltingen (C-356/97, Ġabra p. I‑5461, punt 50).
23 – Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 47), li tagħmel referenza għas-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, Casati (203/80, Ġabra p. 2595, punt 27); u tas-16 ta’ Ġunju 1998, Lemmens (C-226/97, Ġabra p. I-3711, punt 19).
24 – Ara l-Konklużjonijiet tiegħu fil-kuntest tas-sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 30 et seq.
25 – Sentenza tat-2 ta’ Frar 1977, Amsterdam Bulb (50/76, Ġabra p. 13, punti 32 u 337) (enfasi miżjuda).
26 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C-193/94, Ġabra p. I‑929, punt 36) (enfasi miżjuda).
27 – Is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Niselli (C-457/02, Ġabra p. I-10853) għandha tissemma wkoll bħala eżempju ta’ l-impatt indirett tal-liġi Komunitarja, f’dik il-kawża, ir-regoli tal-Komunità dwar l-iskart, fuq il-liġi kriminali nazzjonali. Ara, fir-rigward tal-limiti għal dan il-qasam, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565).
28 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (68/88, Ġabra p. 2965, punti 23 u 24).
29 – C‑186/98, Ġabra p. I‑4883, punt 12.
30 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 47.
31 – Punt 40.
32 – Punti 41 sa 43.
33 – Punt 45, b’riferiment għas-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, magħrufa bħala “Dijossidu tat-titanju”, (C-300/89, Ġabra p. I‑2867, punt 10), u tad-19 ta’ Settembru 2002, Huber (C-336/00, Ġabra p. I‑7699, punt 30).
34 – Punt 46.
35 – Punt 47.
36 – Punt 48.
37 – Ara l-punt 76 iktar ’il fuq.
38 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 84 sa 87 tal-konklużjonijiet, sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
39 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 52.
40 – Ara, fir-rigward ta’ dan ir-raġunament, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (281/85, 283/85 sa 285/85 u 287/85, Ġabra p. 3203, punt 28).
41 – Ara wkoll l-enfasi fuq l-interessi ambjentali mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-Konklużjonijiet tiegħu, sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 52 sa 70.
42 – Punt 41 tas-sentenza.
43 – Ara l-punti 67 et seq iktar ’il fuq.
44 – Punt 48.
45 – Punt 50.
46 – Ara l-punti 83 sa 87 tal-Konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
47 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, f’punt 13.
48 – Ara l-Kawża C‑176/03, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 49.
49 – Ara l-punti 83 sa 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
50 – Ara l-punt 76 iktar ’il fuq.
51 – Ara l-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
52 – Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx meħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li d-Deċiżjoni Qafas kellha, fi kwalunkwe każ, tiġi annullata parzjalment minħabba l-għażliet li tħalli f’idejn l-Istati Membri. Ara l-punt 54 tas-sentenza fil-Kawża C‑176/03, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
53 – Billi, per eżempju, jiġi indikat it-tip ta’ piena, iżda mhux il-livell tal-piena jew billi jiġi ddefinit il-livell ta’ pieni f’termini ta’ ċerti marġnijiet.
54 – Jista’ jiġi osservat, barra minn hekk, li, kif semma l-Gvern Awstrijak, kompetenza anċillari komparabbli teżisti f’ċerti sistemi federali fejn stati huma kompetenti li jadottaw, fost affarijiet oħra, miżuri fil-qasam tal-liġi kriminali li huma neċessarji għar-regolazzjoni ta’materji li jaqgħu fil-kompetenza tagħhom minkejja l-fatt li, ġeneralment, il-liġi kriminali taqa’ taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali.
55 – Ara s-sentenza fil-Kawża C‑176/03, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 48 sa 50 (enfasi miżjuda).
56 – Ara s-sentenza fil-Kawża C‑176/03, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.
57 – Ara, b’mod partikolari, l-ewwel u r-raba’ premessa.
58 – Ara l-punti 65 u 66.
59 – Ara t-tieni premessa tad-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet ta’ l-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU 2000 L 332, p. 81), li kienet wkoll adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 80(2) KE.
60 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza fil-Kawża C‑336/00, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 33.
Full & Egal Universal Law Academy