KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-22 ta’ Novembru 2007 1(1)
Kawża C‑446/05
Procureur du Roi
vs
Ioannis Doulamis
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance de Bruxelles (il-Belġju)]
“Liġi nazzjonali li tipprojbixxi lill-prestatarji ta’ kura dentali milli jirreklamaw is-servizzi tagħhom mal-pubbliku – Artikoli 81 KE u 10 KE – Artikoli 43 KE u 49 KE – Restrizzjoni – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Proporzjonalità”
1. Din il-proċedura preliminari għandha l-għan li tippermetti lill-qorti tar-rinviju tanalizza l-kompatibbiltà tal-liġi nazzjonali tagħha, li tipprojbixxi lill-prestatarji ta’ kura dentali milli jirreklamaw is-servizzi tagħhom mal-pubbliku, mad-dritt Komunitarju.
2. Din il-proċedura preliminari ssib il-bidu tagħha fi proċeduri kriminali fil-Belġju kontra I. Doulamis, li għandu laboratorju u klinika dentali fl-istess Stat Membru u li ġie akkużat li għamel xi reklami dwar dan il-laboratorju u dwar din il-klinika fid-direttorju annwali tal-Belgacom.
3. It-Tribunal de première instance de Bruxelles (Il-Belġju), bħala qorti ta’ ġudikatura kriminali (police correctionnelle), jistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-liġi li fuqha huma bbażati dawn il-proċeduri ma’ l-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 3(1)(g) KE u mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE, u jagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
4. F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nindika li fil-fehma tiegħi l-liġi in kwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet, b’mod li l-istess dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprojbixxux l-istess liġi.
5. Jiena ser nesponi wkoll li huwa fid-dawl ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE, dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment u dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta’ din il-liġi mad-dritt komunitarja.
6. Jiena ser nindika li projbizzjoni ta’ kull reklamar fil-qasam tal-kura dentali tikkostitwixxi restrizzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet. Jiena ser nesponi kif, fil-fehma tiegħi, din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika peress li l-liġi nazzjonali in kwistjoni m’għandhiex l-effett li tipprojbixxi lill-prestatarju ta’ kura dentali milli, f’direttorju tat-telefon jew b’mezzi ta’ informazzjoni oħra aċċessibbli għall-pubbliku, jindika sempliċement, mingħajr kontenut li jattira jew li jħajjar lill-pubbliku, id-dettalji li jippermettu lil dak li jkun isir jaf bl-eżistenza tiegħu bħala professjonista.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt nazzjonali
7. L-Artikolu 3 tal-Liġi tal-15 ta’ April 1958 dwar ir-reklamar fil-qasam tal-kura dentali (2) jippenalizza l-imġiba li tikser l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, u huwa redatt skond kif ġej:
“Ħadd ma jista’, direttament jew indirettament, jagħmel reklami ta’ kwalunkwe tip bil-għan li jikkura jew jipprovdi kura minn persuna kkwalifikata jew le, fil-Belġju jew barra l-Belġju, għal infezzjonijiet, feriti jew anomaliji tal-ħalq u tas-snien, partikolarment permezz ta’ kartelluni jew sinjali, skrizzjonijiet jew plakek li jistgħu jinduċu fl-iżball dwar in-natura legali ta’ l-attività rreklamata, ta’ prospetti, ċirkolari, noti jew fuljetti, permezz ta’ l-istampa, ir-radju u ċ-ċinema, permezz ta’ wegħda jew l-għoti ta’ kwalunkwe tip ta’ benefiċċji bħalma huma skontijiet, trasport ta’ pazjenti b’xejn, jew permezz ta’ l-intervent ta’ nies li jfittxulhom il-klijenti jew medjaturi.
M’għandux jitqies bħala reklamar kif definit f’dan l-Artikolu l-fatt li l-kliniċi u polikliniċi mutwalistiċi li jagħtu informazzjoni lill-membri tagħhom dwar il-ġranet u l-ħinijiet tal-konsultazzjonijiet, l-isem ta’ dawk li jipprovdu l-konsultazzjoni u xi tibdiliet relatati magħhom.”
B – Id-dritt Komunitarju
1. It-Trattat KE
8. Skond l-Artikolu 81(1) KE l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, huma inkompatibbli mas-suq komuni u għandhom ikunu pprojbiti.
9. It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li ma jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għanjiet tat-Trattat.
10. L-Artikolu 3(1)(g) KE jipprovdi li l-attivajiet tal-Komunità għandhom jinkludu, taħt il-kundizzjonijiet u skond il-programm li jinsab fit-Trattat, sistema li tiggarantixxi li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.
11. L-Artikolu 43 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 43 KE l-libertà ta’ l-istabbiliment tinkludi d-dritt li wieħed jibda u jeżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha, kif ukoll li jikkostitwixxi u jmexxi impriżi.
12. Skond l-Artikolu 47(3) KE, fil-każ tal-professjonijiet mediċi, dawk relatati magħhom u dawk farmaċewtiċi, it-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet għandha tkun tiddependi mill-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom fid-diversi Stati Membri. Il-kura fil-qasam dentali hija s-suġġett tad-Direttivi 78/686/KEE (3) u 78/687/KEE (4).
13. L-Artikolu 49 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-Komunità fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li jingħatawlha s-servizzi.
14. Skond l-Artikoli 46 KE u 55 KE, l-Artikoli 43 KE u 49 KE ma jipprojbixxux ir-restrizzjonijiet li huma ġġustifikati abbażi tas-saħħa pubblika.
2. Id-dritt sekondarju fil-qasam tar-reklamar
15. Id-dritt sekondarju fil-qasam tar-reklamar jinkludi skema ġenerali u regolamenti speċjali li japplikaw, minn naħa, għal prodotti speċifiċi u, min-naħa l-oħra, għal mezzi speċifiċi ta’ informazzjoni.
16. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, l-iskema ġenerali kienet prevista fid-Direttiva 84/450/KEE (5), li kellha bħala għan l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni kontra r-reklamar qarrieqi. Dan l-att kien ġie emendat bid-Direttiva 97/55/KE (6), li estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għar-reklamar komparattiv, u bid-Direttiva 2005/29/KE (7). Id-Direttiva 84/450 kienet ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2006/114/KE (8).
17. Id-Direttiva 84/450 tiddefinixxi r-reklamar bħala kull forma ta’ komunikazzjoni magħmula in konnessjoni ma’ attività kummerċjali, negozju, sengħa jew professjoni sabiex tiġi promossa l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, inkluż proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi (9).
18. Skond l-istess Direttiva, huwa meqjus bħala reklamar qarrieqi kull reklamar li, bi kwalunkwe mod, inkluż bil-preżentazzjoni tiegħu, iqarraq jew ikun hemm probabbiltà li jqarraq bil-persuni li jkun indirizzat lilhom jew li jolqot u li, minħabba n-natura qarrieqa tiegħu, jista’ jaffettwa l-imġiba ekonomika tagħhom jew li, għal dawn ir-raġunijiet, jagħmel ħsara jew ikun hemm probabbiltà li jagħmel ħsara lil kompetitur (10).
19. Ir-reklamar komparattiv, min-naħa tiegħu, huwa dak li, espliċitament jew impliċitament, jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur (11). Dan huwa legali biss jekk jirrispetta diversi kundizzjonijiet (12).
20. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi adegwati u effettivi sabiex jikkombattu reklamar qarrieqi u jaraw li jkunu osservati l-kundizzjonijiet għal-legalità tar-reklamar komparattiv. Barra minn hekk, huma awtorizzati jieħdu miżuri ta’ protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk previsti fid-Direttiva 84/450 għal dak li jikkonċerna l-ġlieda kontra r-reklamar qarrieqi.
21. Id-definizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet msemmija iktar’il fuq huma riprodotti fid-Direttiva 2006/114.
22. B’mod parallel ma’ din l-iskema ġenerali, il-leġiżlatur Komunitarju adotta dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-reklamar ta’ prodotti speċifiċi, bħalma huma t-tabakk u l-mediċini (13). Il-miżuri li ttieħdu f’dak li jikkonċerna l-mediċini huma bbażati fuq il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Dawn jipprovdu għal projbizzjoni pura u sempliċi tar-reklamar mal-pubbliku ta’ ċerti kategoriji ta’ mediċini, bħalma huma dawk li jinbiegħu biss bir-riċetta tat-tabib, kif ukoll il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati mir-reklamar tal-kategoriji l-oħra ta’ mediċini u r-reklamar destinat għall-professjonisti tas-saħħa.
23. Il-leġiżlatur Komunitarju kkoordina wkoll il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw ir-reklamar fuq it-televiżjoni (14) u r-reklamar elettroniku (15). Id-Direttiva 89/552 tipprovdi, b’mod partikolari, li r-reklamar fuq it-televiżjoni u t-teleshopping m’għandhomx iħeġġu imġiba li tkun ta’ ħsara għas-saħħa jew għas-sigurtà (16). Skond l-Artikolu 14(1) ta’ din id-Direttiva, ir-reklamar fuq it-televiżjoni għal prodotti mediċinali u kura medika disponibbli biss bir-riċetta tat-tabib fl-Istat Membru li x-xandar jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, għandu jiġi pprojbit. Skond l-Artikolu 14(2) ta’ din l-istess Direttiva, it-teleshopping għal prodotti mediċinali li huma suġġetti għal awtorizzazzjoni ta’ bejgħ kif ukoll it-teleshopping għal kura medika, għandhom jiġu pprojbiti. Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/552, l-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jeħtieġu li xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ikunu suġġetti għal regoli iktar dettaljati jew iktar stretti fl-oqsma koperti mill-istess Direttiva.
II – Il-fatti tal-kawża prinċipali
24. I. Doulamis għandu laboratorju u klinika dentali fil-lokalità ta’ Saint-Gilles fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale fil-Belġju.
25. Matul ix-xahar ta’ Novembru 1996, l-Union des dentistes et stomatologistes tal-Belġju kkostitwiet ruħha bħala parti ċivili kontra I. Doulamis, li kienet akkużatu li eżerċita l-professjoni ta’ dentista b’mod illegali u li għamel xi reklami fid-direttorju tat-telefon tal-Belgacom.
26. Fl-ambitu ta’ l-investigazzjoni tal-pulizija li seħħet wara din il-kostituzzjoni bħala parti ċivili, I. Doulamis indika li huwa tekniku dentali, li għadda mill-eżami ta’ tekniku fil-protesi dentali matul is-sena 1981, kiseb id-diploma ta’ amministratur tan-negozju fl-1985 u għandu ċertifikat mix-Chambre des Métiers et Négoces de la Province du Brabant, li juri li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jeżerċita l-professjoni ta’ tekniku fil-protesi dentali.
27. L-imsemmija investigazzjoni uriet li I Doulamis għamel tliet reklami fid-direttorju tat-telefon tal-Belgacom, wieħed għal-laboratorju dentali u t-tnejn l-oħra għall-klinika. Dawn ir-reklami, hekk kif riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju, saru bil-mod kif ser jingħad.
28. Ir-reklam dwar il-laboratorju dentali kien miktub ġo kaxxa ta’ madwar 10 ċm b’7 ċm, taħt it-titolu “Jean Doulamis” u “Laboratorju dentali”, miktubin b’ittri kbar ma’ ġenb sinjal, bir-riferenza għal “Tiswija immedjata f’siegħa”, stampata fuq strixxa bil-kulur, u bid-dettalji li ġejjin: “Għal kull protesi fissa u li tista’ titneħħa – Protesi taċ-ċeramika – Protesi skeletrika – Tindif – Kundizzjonar mill-ġdid tal-protesi – Viżta u pariri b’xejn – Servizz personalizzat – Servizz ta’ trasport mid-dar”, segwiti bl-indirizz tal-laboratorju, b’numru tat-telefon u bil-ħinijiet tal-ftuħ.
29. L-ewwel reklam li jikkonċerna l-klinika dentali kien miktub ġo kaxxa ta’ madwar 4 ċm bi 8 ċm, u kien fih, miktubin minn fuq għal isfel, it-titoli “Jean Doulamis”, “Klinika Dentali” u “Porte de Hal”, b’ittri kbar, imbagħad l-istess sinjal bħal ta’ qabel, segwit b’dawn id-dettalji “Kura għall-adulti u t-tfal – Protesi fissa u li tista’ titneħħa – Ortodonzja-Estetika – Parodontoloġija”, u taħthom kien hemm l-indirizz tal-klinika, żewġ numri tat-telefon, referenza għal-“Laboratorju fuq il-post”, kif ukoll il-ħinijiet tal-ftuħ.
30. It-tieni reklam li jirrigwarda l-klinika kien miktub ġo kaxxa ta’ madwar 4 ċm b’2 ċm, kien fih it-titoli “Doulamis Jean” u “Klinika dentali”, b’ittri kbar, imbagħad id-dettalji “Kura: Adulti u tfal – Protesi – Ortodonzja”, segwiti bil-ħinijiet tal-ftuħ, b’indirizz u b’numru tat-telefon.
31. Fid-difiża tiegħu, I Doulamis sostna li l-Liġi ta’ l-1958 tmur kontra l-kompetizzjoni libera, kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq dak internazzjonali. Huwa rrefera għall-Artikolu 81 KE u għas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1988, Van Eycke (17), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 10 KE, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li ma jiħdux jew li ma jżommux fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jkunu jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (18). Huwa semma wkoll ir-rapport dwar il-kompetizzjoni fis-settur tal-professjonijiet liberi (19), li sar mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
III – Id-domanda preliminari
32. Il-qorti tar-rinviju tesponi li jeħtieġ li hija teżamina dawn id-domandi.
33. Minn qari ta’ l-Artikoli 81 KE, 3(1)(g) KE u tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE jirriżulta li Stat Membru ma jistax jieħu jew iżomm fis-seħħ miżuri li jkunu jistgħu jaffettwaw l-effett utli tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi.
34. I. Doulamis, li jeżerċita professjoni libera u li jopera klinika dentali, jista’ jiġi kkunsidrat bħala impriża.
35. Ma jistax jiġi eskluż li liġi bħalma hija l-Liġi ta’ l-1958 tista’ taffettwa l-libertà tal-kummerċ bejn l-Istati Membri f’sens li jmur kontra t-twettiq tas-suq uniku. F’dan ir-rigward, mill-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (20), jirriżulta li, fid-dawl ta’ l-eteroġenità tal-professjonijiet liberali u tal-karatteristiċi proprji tas-swieq li fihom huma joperaw, mhuwiex possibbli li wieħed japplika formola ġenerali (21). Għalhekk jidher li huwa meħtieġ li ssir analiżi każ b’każ dwar jekk ir-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ azzjoni twassalx, fis-suq ikkonċernat, għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE, filwaqt li, jekk ikun il-każ, jittieħdu in kunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-konsumaturi.
36. Kien fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal de première instance de Bruxelles iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 3(1)(g) KE u mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi liġi nazzjonali, f’dan il-każ il-[Liġi ta’ l-1958] li tipprojbixxi (lil kwalunkwe persuna u) lill-prestatarji ta’ kura dentali, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ professjoni libera jew ta’ klinika dentali, milli jagħmlu reklami, kemm direttament jew indirettament, fil-qasam tal-kura dentali?”
IV – Analiżi
A – Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari
37. Il-Gvern Belġjan u dak Taljan isostnu li d-domanda prelimimari hija inammissibbli.
38. Il-Gvern Belġjan jibbaża din l-inammissibbiltà fuq l-argument li l-Artikolu 81 KE ma japplikax għal-Liġi ta’ l-1958, peress li l-projbizzjoni kontra r-reklamar fil-qasam tal-kura dentali hija ta’ natura soċjali u hija maħsuba sabiex tipproteġi s-saħħa tal-populazzjoni.
39. Minn dan kollu, l-istess Gvern Belġjan jiddeduċi li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u hija ta’ natura purament ipotetika.
40. Il-Gvern Taljan jesponi li d-domanda preliminari hija ipotetika peress li hija intiża li jiġi ppreċiżat jekk projbizzjoni ġenerali tar-reklamar kollu fil-qasam tal-kura dentali hijiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 81 KE, filwaqt li l-Liġi ta’ l-1958 ma tipprojbixxix ir-reklamar kollu, imma dak biss li huwa msemmi fl-Artikolu 1 ta’ din il-Liġi.
41. Jiena nqis li l-argumenti esposti minn dawn il-Gvernijiet mhumiex ta’ natura li juru li d-domanda preliminari hija inammissibbli.
42. Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali li tkun adita bil-kawża u li jkollha tagħti deċiżjoni ġudizzjarja li għandha, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, teżamina l-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi li saru jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni (22).
43. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom isirilha rinviju għal deċiżjoni preliminari. Kif huwa mfakkar regolarment fis-sentenzi preliminari, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jipprevali f’rinviju preliminari jimplika li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tagħti każ tar-rwol fdat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi (23).
44. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma setgħetx tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta kien jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola Komunitarja, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma kellha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha.
45. L-istess japplika meta l-problema li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju tkun ta’ natura ipotetika (24). Dan jista’ jiġri, per eżempju, meta d-domanda preliminari magħmula mill-istess qorti tikkonċerna sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi li ma jkollha l-ebda konnessjoni mar-realtà tal-kawża prinċipali (25).
46. Dan jista’ ukoll ikun il-każ meta l-qorti tar-rinviju tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha l-għan li tippermettilha tagħmel analiżi dwar il-konformità mad-dritt Komunitarju ta’ liġi ta’ Stat Membru ieħor, meta din il-qorti tibbaża d-domanda tagħha fuq l-interpretazzjoni ta’ dik il-liġi li tistrieħ fuq sempliċi suppożizzjonijiet (26).
47. Jiena ma naħsibx li d-domanda preliminari magħmula mit-Tribunal de première instance de Bruxelles tikkorrispondi għal wieħed minn dawn il-każijiet differenti ta’ inammissibbiltà.
48. B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Belġjan, din id-domanda mhijiex manifestament irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u mhijiex ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3(1)(g) KE u tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 81 KE, fis-sens li dawn jipprekludu liġi nazzjonali bħalma hija l-Liġi ta’ l-1958, twassal lill-qorti tar-rinviju sabiex teskludi l-applikazzjoni ta’ din il-liġi u tillibera I. Doulamis. Għaldaqstant, id-domanda preliminari hija effettivament rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.
49. Barra minn hekk, il-fatt li eventwalment, l-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 3(1)(g) KE u mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE ma japplikax għal din il-liġi ma jistax jattribwixxi natura ipotetika lid-domanda preliminari in kwistjoni. Il-qorti tar-rinviju esponiet il-motivi għaliex hija għandha xi dubji f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu fil-każ preżenti u dawn il-motivi huma bbażati fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jaqblu mal-kuntest ġuridiku u ta’ fatt deskritt mill-imsemmija qorti.
50. Il-fatt li eventwalment jirriżulta li l-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 3(1)(g) KE u mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE ma japplikax għal liġi nazzjonali bħalma hija l-Liġi ta’ l-1958 jiddependi dejjem mill-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ma jistax jimmina l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari.
51. Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Gvern Taljan, li d-domanda preliminari hija ipotetika peress li m’għandha ebda rabta mal-kontenut tal-Liġi ta’ l-1958, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, fl-ambitu tal-proċedura ta’ kooperazzjoni taħt l-Artikolu 234 KE, il-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u dawk tal-qorti tar-rinviju huma kjarament separati, u huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tinterpreta b’mod esklużiv il-liġi nazzjonali tagħha (27).
52. Fil-fatt, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkunsidra l-kuntest leġiżlattiv, kif definit mill-qorti tar-rinviju, li taqa’ fih id-domanda preliminari u dan anki meta dak il-kuntest leġiżlattiv jkun ikkontestat mill-Istat stess ta’ dik il-qorti fl-osservazzjonijiet li l-istess Stat jissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja (28).
53. Peress li t-Tribunal de première instance de Bruxelles, fid-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu, kien indika li l-Liġi ta’ l-1958 kellha tinftiehem fis-sens li hija tipprojbixxi kull reklamar fil-qasam tal-kura dentali, ma kienx l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas tal-Gvern Taljan li jikkontestaw din l-interpretazzjoni.
54. Hija għal din ir-raġuni li jiena tal-fehma li d-domanda preliminari eżaminata hija ammissibbli u li jeħtieġ li tingħata risposta għaliha.
B – Fuq id-domanda preliminari
55. Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qegħda tistaqsi jekk l-Artikoli 81 KE, 3(1)(g) KE u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE, moqrija flimkien, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu liġi nazzjonali li tipprojbixxi lill-prestatarji ta’ kura dentali, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ professjoni libera jew ta’ klinika dentali tagħhom, milli jirreklamaw, direttament jew indirettament, is-servizzi tagħhom mal-pubbliku.
56. Sal-ġurnata tallum il-leġiżlatur Komunitarju għadu ma adotta ebda att li jirregola jew jarmonizza l-possibbiltà li l-professjonisti tas-saħħa jirreklamaw is-servizzi tagħhom, partikolarment f’dak li jikkonċerna l-kura dentali. Id-Direttiva 78/686, li għandha l-għan li tiffaċilita l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ dentist (29) ma fiha ebda dispożizzjoni dwar dan il-punt (30). Għaldaqstant, huwa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li eventwalment jeħtieġ li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali bħalma hija l-Liġi ta’ l-1958 mad-dritt Komunitarju.
57. F’dan l-istadju, bi tweġiba għall-pożizzjoni tal-Gvern Belġjan, jeħtieġ li jingħad li l-fatt li l-Liġi ta’ l-1958, in kwantu tipprojbixxi lill-prestatarji ta’ kura dentali milli jagħmlu reklami tas-servizzi tagħhom, hija maħsuba sabiex tipproteġi s-saħħa pubblika ma jistax jitqies bħala ġustifikazzjoni għall-fatt li din il-liġi tista’ tkun ta’ ħsara għat-twettiq ta’ l-għanijiet tat-Trattat. Fil-fatt, għalkemm skond l-Artikolu 152 KE, l-azzjonijiet fil-qasam tas-saħħa jaqgħu prinċipalment taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, peress li f’dan il-qasam il-Komunità għandha biss poter ta’ sostenn ta’ l-azzjoni tagħhom, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-istess Stati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fir-rispett tad-dritt Komunitarju (31).
58. Il-prestazzjoni ta’ servizz mediku jew paramediku bħalma huma s-servizzi ta’ kura dentali tikkostitwixxi attività ekonomika li hija suġġetta għar-regoli tas-suq intern. Il-miżuri meħuda minn Stat Membru biex jirregolaw ir-reklamar li jkun jista’ jsir mill-prestatarji ta’ kura dentali m’għandhomx ikunu ta’ ħsara għar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni. Huma lanqas m’għandhom imorru kontra l-libertajiet ta’ moviment (32).
59. L-għan tal-Liġi ta’ l-1958 ma jistax għaldaqstant, minnu nnifsu, jeskludi lill-istess liġi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 3(1)(g) KE u mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi ta’ din il-liġi u taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali li wieħed għandu janalizza jekk din taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
60. L-istess bħall-Kummissjoni, jiena tal-fehma li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81 KE, moqrija flimkien ma’ dawk ta’ l-Artikoli 3(1)(g) KE u mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE ma japplikawx għal liġi nazzjonali bħalma hija l-Liġi ta’ l-1958.
61. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-prestatarji ta’ kura dentali huma pprojbiti milli jirreklamaw is-servizzi tagħhom mal-pubbliku jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, restrizzjoni fuq il-libertà ta’ l-istabbiliment kif ukoll fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi. Madankollu, jiena ser nindika li projbizzjoni bħal din tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u ser nindika safejn, fil-fehma tiegħi, hija tista’ titqies bħala proporzjonata għal dan l-għan.
62. Issa ser neżamina kull wieħed minn dawn il-punti.
1. Il-kompatibbiltà tal-Liġi ta’ l-1958 ma’ l-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 3(1)(g) KE u mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE.
63. Jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Artikolu 81 KE għandu l-għan li jirregola l-komportament ta’ l-impriżi u mhux dak ta’ l-Istati Membri. Huwa jipprojbixxi l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma ta’ dawn l-operaturi ekonomiċi li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li huma kuntrarji għall-kompetizzjoni.
64. Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li dan l-Artikolu, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 10 KE seta’ jiġi invokat kontra att leġiżlattiv adottat minn Stat Membru. B’hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, għalkemm huwa minnu li, fih innifsu, l-Artikolu 81 KE jikkonċerna biss l-imġiba ta’ impriżi u ma jirrigwardax miżuri leġiżlattivi jew regolamentari ta’ l-Istati Membri, madankollu dan l-Artikolu, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 10 KE, jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li ma jiħdux jew li jżommu fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jkunu jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (33).
65. Madankollu, din l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE għall-atti adottati minn Stat Membru mhijiex maħsuba li testendih għall kull att ta’ l-Istat li jista’ jkollu effetti li jmorru kontra l-kompetizzjoni.
66. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun hemm ksur ta’ l-Artikoli 10 KE u 81 KE f’żewġ ipoteżijiet: minn naħa, meta Stat Membru jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ ftehim kuntrarju għall-Artikolu 81 KE jew isaħħaħ l-effetti ta’ ftehim bħal dan u, min-naħa l-oħra, meta jneħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu n-natura pubblika tagħha billi jiddelega lil operaturi privati r-responabbiltà li jintervjenu biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ interess ekonomiku (34).
67. F’dawn iż-żewġ każijiet, l-att ta’ l-Istat huwa meqjus bħala li jmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81 KE, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10 KE, peress li huwa jipprovdi għal jew jillegalizza ftehim jew deċiżjoni ta’ impriżi kuntrarji għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-ewwel Artikolu. L-applikazzjoni konġunta ta’ l-Artikoli 81 KE u 10 KE għall-atti ta’ l-Istat li jikkorrispondu għal waħda minn dawn l-ipoteżijiet hija għaldaqstant intiża li tevita li xi miżura ta’ xi Stat ixxejjen jew iddgħajjef il-portata tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 81 KE fir-rigward ta’ impriżi. Hija timpedixxi wkoll ftehim jew deċiżjoni bejn impriżi, li jippoduċu effetti kuntrarji għall-kompetizzjoni, milli jevitaw is-sanzjonijiet li jirriżultaw minn dan l-Artikolu sempliċement minħabba il-forma ġuridika tagħhom (35).
68. Madankollu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 81 KE, flimkien ma’ l-Artikolu 10 KE, ma japplikax għal miżura leġiżlattiva jew regolamentari ta’ Stat Membru ħlief meta din il-miżura tkun tiffavorixxi, issaħħaħ jew tikkodifika xi deċiżjoni attribwibbli lill-impriżi.
69. Il-fatt li ż-żewġ ipoteżijiet imsemmija iktar’il fuq mhumiex eżawrjenti, peress li f’diversi deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja (36) huma preċeduti bl-avverbju “partikolarment”, ma jidhirlix li jaffettwa din l-analiżi. Biex wieħed ikun konvint minn dan, huwa biżżejjed li tiġi eżaminata l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lil dawn iż-żewġ ipoteżijiet sabiex jiġi kkonstatat li hija riedet, għall-kuntrarju, tirrestrinġi l-portata ta’ l-applikazzjoni konġunta ta’ l-Artikoli 81 KE u 10 KE fil-limiti stretti li għadni kif spjegajt.
70. B’hekk, fis-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Arduino (37), il-Qorti tal-Ġustizzja sabet ruħha kkonfrontataha b’miżura ta’ Stat Membru li kienet tapprova, abbażi ta’ abbozz stabbilit minn assoċjazzjoni professjonali ta’ avukati, tariffa li tiffissa ammonti minimi u massimi għad-drittijiet tal-membri tal-professjoni. Wara li kkonstatat li din il-miżura nazzjonali setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE (38), hija ddikjarat li l-imsemmija miżura, flimkien ma’ l-Artikolu 10 KE, ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li minn naħa, ma jistax jitqies li l-Istat Membru kkonċernat kien iddelega lil operaturi privati r-responsabbiltà li jintervjenu fil-qasam ekonomiku billi jieħdu ċerti deċiżjonijiet, li kien jkollu bħala konsegwenza t-tneħħija tan-natura leġiżlattiva tal-miżura nazzjonali in kwistjoni, u lanqas, min-naħa l-oħra, li huwa impona jew iffavorixxa l-konklużjoni ta’ ftehim kuntrarju għall-Artikolu 81 KE jew li saħħaħlu l-effetti tiegħu (39).
71. Għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, m’hemm ebda element tali li juri li l-Liġi ta’ l-1958 tiffavorixxi, issaħħaħ jew tikkodifika ftehim jew xi deċiżjoni ta’ impriżi.
72. B’hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, din il-liġi, in kwantu hija tipprojbixxi kwalunkwe reklamar fil-qasam tal-kura dentali, ma timponix u lanqas tiffavorixxi l-konklużjoni ta’ ftehim li jmorru kontra l-Artikolu 81 KE.
73. Lanqas ma jeżistu elementi ta’ prova fil-proċess li jagħtu lil wieħed x’jifhem li l-imsemmija liġi ssaħħaħ ftehim li kien diġà jeżisti. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ma tagħti ebda indikazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata l-Liġi ta’ l-1958, li jsaħħaħ is-suppożizzjoni li r-Renju tal-Belġju kien iddelega lil operaturi ekonomiċi r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjoni f’dak li jikkonċerna r-reklamar fil-qasam tal-kura dentali u li għalhekk il-Liġi ta’ l-1958 hija biss kodifikazzjoni ta’ din.
74. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-motivi li għalihom il-qorti tar-rinviju għamlet id-domanda preliminari in kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma jirrigwardaw waħda mill-ipoteżijiet għall-applikazzjoni konġunta ta’ l-Artikoli 10 KE u 81 KE, kif identifikati mill-ġurisprudenza. Jiena nfakkar li l-qorti tar-rinviju eżaminat l-applikazzjoni ta’ dawn l-Artikoli fil-kawża prinċipali minħabba l-effetti possibbli tal-Liġi ta’ l-1958 fuq il-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri u minħabba li I. Doulamis jista’ jitqies bħala impriża skond id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “impriża” li tagħti l-ġurisprudenza.
75. Din hija r-raġuni għaliex jiena tal-fehma li l-Liġi ta’ l-1958 ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 10 KE. Jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-qorti tar-rinviju fis-sens li l-Artikoli 81 KE, 3(1)(g) KE u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE, moqrija flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux liġi nazzjonali li, fl-ambitu ta’ professjoni libera jew klinika dentali, tipprojbixxi lill-prestatarji ta’ kura dentali milli jirreklamaw, direttament jew indirettament, is-servizzi tagħhom mal-pubbliku.
2. Fuq il-kompatibbiltà tal-Liġi ta’ l-1958 mal-libertà ta’ l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi
76. L-attivitajiet mediċi u paramediċi, partikolarment dawk li jikkonċernaw il-kura dentali, għaldaqstant jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jiggarantixxu l-libertajiet ta’ moviment. Din l-analiżi hija kkollaborata bit-termini ta’ l-Artikolu 47(3) KE għal dak li jikkonċerna l-libertà ta’ l-istabbiliment. Hija konformi wkoll ma’ ġurisprudenza stabbilita għal dak li jikkonċerna kemm din il-libertà fundamentali (40) kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (41).
77. Huwa minnu li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar dawn il-libertajiet ta’ moviment hija suġġetta għall-eżistenza ta’ element estern. Skond ġurisprudenza stabbilita, dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex applikabbli għal sitwazzjoni li l-aspetti kollha tagħha huma konfinati ġewwa Stat Membru wieħed (42). B’hekk, ċittadin ta’ Stat Membru ma jistax jipprevalixxi ruħu mid-dritt Komunitarju jekk huwa ma jkunx eżerċita l-professjoni tiegħu jew kiseb it-taħriġ tiegħu fi Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea (43).
78. Fid-dawl ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-kawża prinċipali fiha xi element ta’ rabta mad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, skond din l-informazzjoni, I. Doulamis jeżerċita l-attività tiegħu fil-Belġju, fejn huwa stabbilit, u qiegħed jiġi mfittex f’dan l-Istat Membru talli għamel xi reklami f’direttorju tat-telefon annwali. Barra minn hekk, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li huwa kiseb d-diplomi tiegħu ta’ tekniku fil-protesi dentali u ta’ amministratur tan-negozju fil-Belġju. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ma tindikax li I. Doulamis iċċaqlaq ġewwa l-Komunità biex jeżerċita l-professjoni tiegħu.
79. L-uniku element ta’ fatt li ma jolqotx lill-Belġju, skond kif jirriżulta mill-informazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-post tat-twelid tas-Sur Doulamis, li fil-fatt huwa l-Greċja. Madankollu, fin-nuqqas ta’ informazzjoni dwar in-nazzjonalità tal-persuna interessata, il-post tat-twelid waħdu mhuwiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li huwa jinsab fis-sitwazzjoni ta’ ċittadin Komunitarju li jixtieq jeżerċita xogħol għal rasu fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat ta’ l-oriġini tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-punt u tanalizza jekk is-Sur Doulamis huwiex ċittadin ta’ Stat Membru li mhuwiex ir-Renju tal-Belġju.
80. Jekk dan mhuwiex il-każ, il-fatt li, eventwalment, il-kawża prinċipali tkun nieqsa minn kull element estern m’għandux, għaldaqstant, jeżonera lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi meħtieġa għall-analiżi tal-kompatibbilità tal-Liġi ta’ l-1958 ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE.
81. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istess Qorti taċċetta li tinterpreta l-portata tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat minkejja li l-kawża prinċipali ma jkollhiex elementi esterni, minħabba li din l-interpretazzjoni tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju fis-soluzzjoni tal-kawża li hija jkollha quddiemha, b’mod partikolari, f’każ li taħt il-liġi domestika ta’ din ta’ l-aħħar ċittadin nazzjonali jibbenefika mill-istess drittijiet li jgawdi minnhom ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fl-istess sitwazzjoni, abbażi tad-dritt Komunitarju. Din il-ġurisprudenza, żviluppata fil-kuntest tal-libertà ta’ moviment tal-merkanzija fis-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont (44), ġiet applikata fil-kuntest tal-libertajiet l-oħra ta’ moviment (45).
82. Barra minn hekk, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jista’ jiġi dedott li t-Tribunal de première instance de Bruxelles qiegħed jipprova janalizza l-kompatibbiltà tal-liġi nazzjonali tiegħu mhux biss ma’ l-Artikolu 81 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3(1)(g) KE u mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE, imma wkoll mar-regoli tas-suq komuni intiżi li jistabbilixxu suq uniku, li jinkludi neċessarjament dawk li jirrigwardaw il-libertajiet ta’ moviment.
83. Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ u tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha (46) u li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt Komunitarju li l-qrati nazzjonali jkollhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawża li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati, sakemm l-istess qorti tkun ipprovdietha bl-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jippermettu din l-interpretazzjoni (47).
84. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li jeħtieġ li l-qorti tar-rinviju tingħata l-elementi utli għal dak li jikkonċerna l-portata ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. B’hekk, jiena ser nindika b’liema mod liġi ta’ Stat Membru, bħalma hija l-Liġi ta’ l-1958, in kwantu din tipprojbixxi lill-prestatarji ta’ kura dentali milli b’xi mod jirreklamaw is-servizzi tagħhom mal-pubbliku, tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens ta’ dawn l-Artikoli. Jiena mbagħad ser nesponi safejn tali restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata.
a) L-eżistenza ta’ restrizzjoni fis-sens ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE
85. Il-libertà ta’ l-istabbiliment istitwita bl-Artikolu 43 KE tinkludi d-dritt li wieħed jaċċedi għal professjoni indipendenti fi Stat Membru ieħor u li jeżerċita hemmhekk din il-professjoni b’mod permanenti. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-Artikolu ma jimponix biss it-tneħħija tal-miżuri diskriminatorji; huwa intiż li japplika, skond l-espressjoni ferm wiesgħa li tiġi riprodotta spiss mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-“miżuri kollha li jipprojbixxu, jimpedixxu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà” (48).
86. Fost ir-restrizzjonijiet li huma għaldaqstant koperti mill-Artikolu 43 KE nsibu l-miżuri li, filwaqt li japplikaw bla ebda distinzjoni, jaffettwaw wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attività kkonċernata u għandhom l-effett li jċaħħdu lill-operatur ekonomiku minn mezz effikaċi ta’ kompetizzjoni sabiex jidħol f’suq partikolari (49).
87. Dan jidher li japplika fil-każ ta’ liġi ta’ Stat Membru li tipprojbixxi kwalunkwe reklamar fil-qasam tal-kura dentali.
88. L-importanza tar-reklamar biex wieħed jaċċedi għas-suq diġà ġiet enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi fil-qasam tal-libertà ta’ moviment tal-merkanzija.
89. B’hekk, fis-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV-Shop (50), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li ma jistax jiġi eskluż li projbizzjoni totali fuq forma ta’ promozzjoni ta’ prodott fi Stat Membru fejn ikun jinbiegħ legalment, tinċidi iktar fuq il-prodotti provenjenti minn Stati Membri oħra.
90. Fis-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Gourmet International Products (51), il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar liġi li kienet tipprojbixxi kull xandir ta’ messaġġi pubbliċitarji għax-xorb alkoħoliku lill-konsumaturi, ħlief għal xi eċċezzjonijiet żgħar. Hija qieset li dik il-projbizzjoni fuq ir-reklamar kellha tiġi kkunsidrata bħala li taffettwa il-bejgħ ta’ prodotti provenjenti minn Stati Membri oħra b’mod iktar ħażin mill-bejgħ ta’ prodotti nazzjonali u bħala li, konsegwentement, tikkostitwixxi ostaklu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE (52).
91. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-analiżi tagħha fuq il-kunsiderazzjoni li fir-rigward ta’ prodotti, bħax-xorb alkoħoliku, li l-konsum tiegħu huwa marbut ma’ prattiċi soċjali tradizzjonali kif ukoll ma’ drawwiet u użanzi lokali, projbizzjoni ta’ kull reklamar indirizzat lill-konsumaturi magħmul permezz ta’ reklami fl-istampa, fir-radju u fuq it-televiżjoni, permezz ta’ materjal mhux mitlub mibgħut bil-posta jew permezz ta’ billboards pubbliċi, hija ta’ natura li tostakola l-aċċess għas-suq ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra iktar milli tostakolah għal prodotti nazzjonali, li magħhom il-konsumatur huwa spontanjament iktar familjari (53).
92. Fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Douwe Egberts (54), il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess konklużjoni bħal fis-sentenza Gourmet International Products, iċċitata iktar’il fuq, fir-rigward ta’ liġi nazzjonali li kienet tipprojbixxi, fir-reklamar ta’ affarijiet ta’ l-ikel, referenzi għall-effett ta’ tnaqqis fil-piż u għal rakkomandazzjonijiet, attestazzjonijiet, dikjarazzjonijiet jew pariri mediċi jew għal dikjarazzjonijiet ta’ approvazzjoni.
93. Jidhirli li l-motivi li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni fil-kuntest ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE fir-rigward ta’ projbizzjoni tar-reklamar tal-merkanzija jistgħu jiġu applikati għall-kuntest ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 43 KE fir-rigward ta’ liġi ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lill-prestatarji ta’ kura dentali milli b’xi mod jirreklamaw is-servizzi tagħhom.
94. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, ir-relazzjoni li torbot lill-pazjent mal-prestatarju tal-kura tisboq, fl-intensità, ir-rabta ma’ prodott li tirriżulta sempliċement minn drawwa ta’ konsum ta’ l-istess prodott. Din ir-relazzjoni, fil-qasam tal-kura, hija bbażata fuq il-fiduċja tal-pazjent fil-persuna tal-prestatarju jew fl-istabbiliment tal-kura, u tikkonċerna s-servizzi li għalihom jinħtieġ evidentement l-iktar livell għoli ta’ kwalità. Din il-fiduċja tkun ibbażata inizjalment fuq ir-reputazzjoni tal-professjonist jew ta’ l-istabbiliment tal-kura u, b’mod ġenerali, tissaħħaħ bil-mod il-mod skond is-servizzi pprovduti lill-pazjent.
95. Dan il-livell ta’ ħtieġa fil-qasam tal-kura rriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li l-professjonijiet tas-saħħa kienu, minn dejjem, regolati ħafna fid-diversi Stati Membri. Din ir-regolamentazzjoni abbundanti wasslet ukoll biex il-leġiżlatur Komunitarju jadotta, f’dan il-qasam, l-ewwel direttivi settorjali f’dak li jikkonċerna r-rikonoxximent tal-kwalifiki meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ dawn il-professjonijiet u l-armonizzazzjoni tat-taħriġ meħtieġ għall-kisba ta’ dawn il-kwalifiki (55).
96. Għaldaqstant, is-saħħa tikkostitwixxi qasam fejn il-libertà ta’ moviment tal-professjonisti ltaqgħet ma’ diversi ostakli kbar u fejn ir-rikonoxximent reċiproku qajjem il-ħtieġa ta’ approssimazzjoni wiesgħa min-naħa tal-leġiżlatur Komunitarju.
97. Din hija r-raġuni għaliex jiena tal-fehma li l-aċċess għas-suq tal-kura fi Stat Membru min-naħa ta’ professjonist, bħala persuna fiżika jew legali, li jkun ġej minn Stat Membru ieħor huwa ċertament iktar diffiċli mill-aċċess għal attivitajiet oħra, bħal per eżempju l-banek jew l-assigurazzjoni, fejn l-interessi in kwistjoni huma inqas u fejn ir-relazzjoni tal-fiduċja bejn il-prestatarju u l-benefiċjarju m’għandhiex l-istess importanza.
98. Konsegwentement, jidher li l-projbizzjoni ta’ kull reklamar tal-provvista ta’ servizzi ta’ kura hija fil-fatt ta’ natura li tpoġġi fi żvantaġġ lill-professjonisti provenjenti minn Stati Membri oħra meta mqabbla ma’ dawk ta’ l-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, liġi ta’ Stat Membru bħalma hija l-Liġi ta’ l-1958 tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, restrizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 43 KE.
99. Miżura bħal din tista’ tiġi analizzata wkoll bħala restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi transkonfinali.
100. Fil-fatt, l-Artikolu 49 KE, l-istess bħall-Artikolu 43 KE, jeżiġi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni kemm għal prestatarji ta’ servizzi nazzjonali kif ukoll għal dawk minn Stati Membri oħra, meta din ir-restrizzjoni tkun ta’ natura li tipprojbixxi jew tfixkel b’xi mod ieħor l-attivitajiet ta’ prestatarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor fejn jipprovdu servizzi simili b’mod legali. Barra minn hekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tapplika kemm għall-prestatarju kif ukoll għad-destinatarju ta’ servizzi (56).
101. Il-projbizzjoni ta’ kull reklamar fil-qasam tal-kura dentali, bħal dik prevista fil-Liġi ta’ l-1958, iċċaħħad lill-prestatarji tar-reklamar stabbiliti fi Stati Membri oħra apparti l-Belġju milli joffru s-servizzi tagħhom lill-professjonisti stabbiliti f’dan l-Istat Membru. Hija timpedixxi wkoll lill-professjonisti bħalma huwa I. Doulamis milli jirrikorru għas-servizzi ta’ prestatarji bħal dawn.
102. Jeħtieġ issa li jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata.
b) Il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni
103. Il-Gvern Belġjan espona l-motivi li wasslu għall-adozzjoni tal-projbizzjoni ta’ kull reklamar min-naħa tal-prestatarji fil-qasam tal-kura dentali. Skond dan il-Gvern, il-prattiċi pubbliċitarji maħsuba sabiex jattiraw lill-pazjenti bil-propaganda mhumiex kompatibbli mal-ħtiġiet tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tad-dinjità tal-professjoni. Fil-fatt, dawn il-prattiċi, huma ta’ natura li jippreġudikaw il-fiduċja li għandu jkun hemm bejn il-prestatarju tal-kura dentali u l-pazjent tiegħu kif ukoll il-kwalità u l-integrità tal-prattikanti.
104. Fl-istess sens, il-Gvern Taljan irrefera għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/83 li jipprojbixxu r-reklamar mal-pubbliku ta’ mediċini li huma disponibbli biss bir-riċetta tat-tabib, u li jawtorizzaw lill-Istati Membri jipprojbixxu r-reklamar mal-pubbliku ta’ mediċini li l-prezz tagħhom jista’ jitħallas lura. Minn dawn id-dispożizzjonijiet l-istess Gvern iddeduċa li l-Istati Membri setgħu jipprojbixxu kull reklamar fl-oqsma tas-saħħa fejn din il-kwistjoni kienet għadha ma ġietx armonizzata.
105. Skond dan il-Gvern, l-informazzjoni tal-pubbliku fil-qasam tas-saħħa għandha tiġi minn sorsi oġġettivi u r-reklamar li jsir mill-prestatarji nnifishom ma jissodisfax din il-kundizzjoni ta’ oġġettività.
106. L-istess bħall-Gvern Belġjan u dak Taljan, jiena tal-fehma li l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu lill-prestatarji ta’ kura dentali milli jirreklamaw is-servizzi tagħhom mal-pubbliku, sakemm din il-projbizzjoni fil-fatt tillimita lilha nnifisha li tippromwovi s-servizzi tagħhom. Jiena nibbaża din l-analiżi fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.
107. Skond ġurisprudenza stabbilita, restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment li tirriżulta minn miżura nazzjonali u li tapplika mingħajr distinzjoni tista’ tiġi ġġustifikata sakemm tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tilħaq l-għan tagħha, u ma tmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (57).
108. L-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija bla dubju ssodisfata. Fil-fatt, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija ċċitata fost il-motivi li jistgħu jiġġustifikaw miżura diskriminatorja fil-konfront ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ogħla post fost l-interessi protetti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jipprovdu għad-derogi possibbli mill-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet ta’ moviment (58). Il-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija wkoll fost dawk ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat (59).
109. Lanqas mhuwa kontestabbli li t-tieni kundizzjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza hija wkoll issodisfata. Il-projbizzjoni imposta fuq il-prestatarji li ma jagħmlu ebda reklam tas-servizzi tagħhom mal-pubbliku hija xierqa sabiex ma jitħallewx jagħmlu propoganda li tista’ tippreġudika l-fiduċja li jkollhom fihom il-pazjenti filwaqt li taffettwa d-dinjità tal-professjoni tagħhom u tippreġudika għalhekk il-kwalità tal-kura.
110. Il-vertenza li tinsab fil-qalba ta’ din il-kawża, fil-verità, tirrigwarda l-punt dwar jekk projbizzjoni bħal din hijiex sproporzjonata fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet jew, fi kliem ieħor, jekk dawn l-għanijiet jistgħux jintlaħqu bl-istess effettività permezz ta’ miżuri inqas restrittivi.
111. Din il-kwistjoni tqum iktar u iktar peress li fiż-żmien meta seħħew il-fatti kkontestati fil-kawża prinċipali, kienu jeżistu atti Komunitarji li kellhom l-għan li jipproteġu lill-konsumaturi kontra l-eċċessi tar-reklamar, b’mod partikolari kontra r-reklamar qarrieqi u r-reklamar fuq it-televiżjoni li jista’ jinkoraġġixxi komportamenti li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa.
112. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ din il-leġiżlazzjoni twassalni sabiex neżamina jekk il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u dik tad-dinjità tal-professjoni jistgħux jiġġustifikaw il-projbizzjoni imposta fuq il-prestatarji ta’ kura dentali li ma jagħmlux reklami taħt l-istess kundizzjonijiet bħal kull prestatarju ta’ servizzi oħra, jiġifieri li jippromwovu l-provvista tas-servizzi tagħhom permezz ta’ kull forma ta’ komunikazzjoni sabiex iħajru lill-konsumatur jakkwistahom. Jeħtieġ li jiġi eżaminat ukoll jekk dawn il-motivi jistgħux jiġġustifikaw projbizzjoni ta’ kull forma ta’ reklamar mal-pubbliku.
113. Jiena nsostni li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tista’ tiġġustifika l-projbizzjoni fuq kull forma ta’ komunikazzjoni li tattira jew tħajjar lill-pubbliku, u dan għall-motivi li ġejjin.
114. Fl-ewwel lok, il-prestazzjonijiet ta’ kura ma jikkostitwixxux prestazzjonijiet ta’ servizzi bħall-oħrajn. Huma jipproduċu l-effetti tagħhom fuq l-integrità fiżika u psikika tal-benefiċjarju. Barra minn hekk, il-pazjent li jirrikorri għalihom minħabba bżonn veru li jerġa’ jkun b’saħħtu u, jekk ikun il-każ, li jipproteġi ħajtu. Tenut kont ta’ l-importanza ta’ l-interessi in kwistjoni, il-pazjent, meta jkollu jiddeċiedi jekk imurx jew le għall-kura, m’għandux l-istess libertà ta’ l-għażla bħalma jkollu fir-rigward ta’ servizzi oħra. Meta huwa jirrikorri għal prestazzjonijiet ta’ kura, il-pazjent ma jkunx qiegħed jissodisfa xi xewqa iżda jkun qiegħed jirrispondi għal bżonn.
115. Fit-tieni lok, il-qasam tal-kura dentali, bħall-attivitajiet kollha fil-qasam tas-saħħa, jikkostitwixxi wieħed minn dawk l-oqsma li, fil-fehma tiegħi, il-livell ta’ “asimetrija ta’ l-informazzjoni” bejn il-prestatarji u l-benefiċjarju tas-servizz, skond l-espressjoni wżata mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha dwar il-kompetizzjoni fis-settur tal-professjonijiet liberi, msemmija iktar’il fuq (60), huwa l-ogħla. Dan ifisser li l-prestatarju, fis-settur ta’ xogħlu, għandu livell ta’ kompetenza ħafna ogħla minn dak tal-benefiċjarju, b’mod li l-istess benefiċjarju ma jkunx f’pożizzjoni li janalizza verament il-kwalità tas-servizz li huwa jkun qiegħed jixtri.
116. Għaldaqstant, tenut kont ta’ din l-asimetrija fil-livell ta’ kompetenza u ta’ l-interessi in kwistjoni li għall-pazjent ifissru d-deċiżjoni jekk imurx jew le għall-kura, jiena nsostni li r-relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-pazjent u l-membru tal-professjoni tas-saħħa hija ta’ natura essenzjali. Fi kliem ieħor, il-pazjent għandu jkun jista’ jkun konvint li, meta l-prattikant jagħtih parir jew jirrakkomandalu li jirrikorri għal kura, dak il-parir jew dik ir-rakkomandazzjoni jkunu mmotivati biss mill-protezzjoni tas-saħħa.
117. Din hija r-raġuni għaliex jiena naqbel ma’ l-opinjoni tal-Gvern Belġjan u dak Taljan meta huma jsostnu li din ir-relazzjoni ta’ fiduċja bilfors tkun ippreġudikata jekk il-prestatarji ta’ kura dentali jkunu awtorizzati jagħmlu reklami mal-pubbliku sabiex jippromwovu s-servizzi tagħhom. F’każ bħal dan, il-pazjent jista’ jaħseb leġittimament li, meta l-prattikant jagħtih parir jew jirrakkomandalu li jirrikorri għal kura, dak il-parir jew dik ir-rakkomandazzjoni jkunu mmotivati, ta’ l-inqas parzjalment, mill-interess ekonomiku ta’ dak il-prattikant. Il-pazjent, min-naħa, għandu mnejn jiddubita dwar il-valur ta’ dak il-parir jew dik ir-rakkomandazzjoni u għaldaqstant jippreġudika l-istat ta’ saħħtu billi jirrifjuta jew jipposponi l-kura proposta.
118. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tista’ validament tiġġustifika li l-prestatarji ta’ kura dentali jiġu pprojbiti milli jagħmlu reklami mal-pubbliku sabiex jippromwovu s-servizzi tagħhom. Peress li, fin-nuqqas ta’ liġijiet komuni jew armonizzati dwar ir-reklamar fil-qasam tal-kura dentali, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu sa liema livell jixtiequ jassiguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-mod kif għandu jinkiseb dan il-livell ta’ protezzjoni, naturalment, fir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (61), jiena tal-fehma li din il-projbizzjoni ma tmurx kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE.
119. Madankollu din il-projbizzjoni ma tistax tkun bla limitu. L-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali mill-prestatarji ta’ kura dentali, l-istess bħall-membri l-oħra tal-professjonijiet tas-saħħa jeżiġi naturalment li l-pubbliku jkun jista’ jsir jaf bl-eżistenza tagħhom. Dan ifisser li l-pubbliku għandu jkun jista’ jsir jaf bl-identità tal-prestatarju, bħala persuna fiżika jew legali, bl-attivitajiet li jkollu dritt jeżerċita, il-post fejn jeżerċita dawn l-attivitajiet, il-ħinijiet tal-ftuħ kif ukoll il-mod kif wieħed jista’ jagħmel kuntatt miegħu, bħalma huma n-numri tat-telefon, tal-faks jew indirizz ta’ l-Internet.
120. L-aċċess tal-pubbliku għal din l-informazzjoni oġġettiva hija għaldaqstant neċessarja għall-implementazzjoni tal-libertà ta’ moviment tal-professjonisti tas-saħħa. Dan jikkontribbwixxi wkoll għal protezzjoni aħjar tas-saħħa pubblika, billi jiffavorixxi l-mobbiltà tal-pazjenti ġewwa l-Unjoni. L-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara s-sentenza Decker (62) u Kohll, iċċitata iktar’il fuq, juri li kull ma jmur il-pazjenti qegħdin ifittxu li jiġu kkurati fi Stati Membri oħra. Hemm diversi raġunijiet għal din it-tendenza. Jista’ jkun li l-pazjenti jkunu jixtiequ jibbenefikaw minn kura rħas, jew minn servizzi li ma jeżistux fl-Istat tar-residenza tagħhom, jew anki li jingħataw kura iktar malajr milli f’dan l-Istat ta’ l-aħħar. Din il-mobbiltà ta’ pazjenti, in kwantu tippermetti lill-pazjenti jaċċedu għal iktar kuri minn dawk li jeżistu fl-Istat Membru tagħhom, tikkontribwixxi wkoll għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.
121. Liġi nazzjonali li tipprojbixxi lill-prestatarji ta’ kura dentali milli jirreklamaw, direttament jew indirettament, is-servizzi tagħhom mal-pubbliku m’għandhiex tasal li tipprojbixxi lill-prestatarji milli fid-direttorju annwali tat-telefon jew b’mezzi ta’ informazzjoni oħra aċċessibbli għall-pubbliku jindikaw sempliċement, mingħajr kontenut li jattira jew li jħajjar, id-dettalji li jippermettu lil dak li jkun isir jaf bl-eżistenza tagħhom bħala professjonisti, bħal per eżempju l-identità tagħhom, l-attivitajiet li għandhom dritt jeżerċitaw, il-post fejn jeżerċitaw dawn l-attivitajiet, il-ħinijiet tal-ftuħ u l-mod kif wieħed jista’ jagħmel kuntatt magħhom.
122. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tanalizza jekk, f’dan il-każ, ir-reklami li I. Doulamis għamel fid-direttorju tat-telefon Belgacom imorrux lilhinn minn dan il-limitu, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-preżentazzjoni ta’ dawn ir-reklami u tad-dettalji bħalma huma “Tiswija immedjata f’siegħa”, “Viżta u pariri b’xejn”, “Servizz personalizzat” u “Servizz ta’ trasport mid-dar”.
123. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-qorti tar-rinviju li liġi nazzjonali li tipprojbixxi lill-prestatarji ta’ kura dentali, fil-kuntest ta’ professjoni libera jew ta’ klinika dentali, milli jirreklamaw, bi kwalunkwe mod, direttament jew indirettament, is-servizzi tagħhom mal-pubbliku tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ l-istabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Madankollu, din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika peress li l-liġi nazzjonali in kwistjoni m’għandhiex l-effett li tipprojbixxi lill-prestatarji milli, f’direttorju tat-telefon jew b’mezzi ta’ informazzjoni oħra aċċessibbli għall-pubbliku, jindikaw sempliċement, mingħajr kontenut li jattira jew li jħajjar, id-dettalji li jippermettu lil dak li jkun isir jaf bl-eżistenza tagħhom bħala professjonisti, bħal per eżempju l-identità tagħhom, l-attivitajiet li għandhom dritt jeżerċitaw, il-post fejn jeżerċitaw dawn l-attivitajiet, il-ħinijiet tal-ftuħ u l-mod kif wieħed jista’ jagħmel kuntatt magħhom.
V – Konklużjoni
124. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunal de première instance de Bruxelles tingħata skond kif ġej:
“L-Artikoli 81 KE, 3(1)(g) KE u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 10 KE, moqrija flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux liġi nazzjonali li, fl-ambitu ta’ professjoni libera jew klinika dentali, tipprojbixxi lill-prestatarji ta’ kura dentali milli jirreklamaw, direttament jew indirettament, is-servizzi tagħhom mal-pubbliku.
Madankollu liġi bħal din tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ l-istabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE.
Din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika peress li l-liġi nazzjonali in kwistjoni m’għandhiex l-effett li tipprojbixxi lill-prestatarji milli, f’direttorju tat-telefon jew b’mezzi ta’ informazzjoni oħra aċċessibbli għall-pubbliku, jindikaw sempliċement, mingħajr kontenut li jattira jew li jħajjar, id-dettalji li jippermettu lil dak li jkun isir jaf bl-eżistenza tagħhom bħala professjonisti, bħal per eżempju l-identità tagħhom, l-attivitajiet li għandhom dritt jeżerċitaw, il-post fejn jeżerċitaw dawn l-attivitajiet, il-ħinijiet tal-ftuħ u l-mod kif wieħed jista’ jagħmel kuntatt magħhom.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ l-1958”.
3 – Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Lulju 1978, li tikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn tal-kwalifiki formali tal-prattikanti tad-dentistrija, inklużi l-miżuri biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà biex jiġu pprovduti servizzi (ĠU L 233, p.1).
4 – Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Lulju 1978, dwar il-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet ipprovduti bil-liġi, regolament jew l-azzjoni amministrattiva fejn għandhom x’jaqsmu l-attivitajiet tat-tobba dentisti (ĠU L 233, p. 10). Din id-Direttiva, kif ukoll id-Direttiva 78/686, ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/36/KE, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22).
5 – Direttiva tal-Kunsill, ta’ l-10 ta’ Settembru 1984, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (ĠU L 250, p.17).
6 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 1997, li temenda d-Direttiva 84/450 (ĠU L 290, p.18).
7 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2006/2004 (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 84/450”).
8 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU L 376, p. 21).
9 – Artikolu 2, punt 1.
10 – Artikolu 2 punt 2
11 – Artikolu 2 punt 2 bis tad-Direttiva 84/450.
12 – Ir-reklamar komparattiv ikun essenzjalment legali, b’mod partikolari, jekk ma jkunx qarrieqi, jekk iqabbel flimkien oġġetti jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġiet jew ikunu maħsuba għall-istess skop, jekk iqabbel oġġettivament diversi karatteristiċi materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattivi ta’ dawn l-oġġetti u servizzi, li jistgħu jinkludu wkoll l-prezz; ma jiskreditax jew ma jimmalafamax kompetitur u ma joħloqx konfużjoni miegħu u ma jiħux vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ trade mark, isem ta’ ditta jew marki distintivi oħra ta’ kompetitur.
13 – Ara d-Direttiva tal-Kunsill 92/28/KEE, tal-31 ta’ Marzu 1992, dwar ir-reklamar ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 113, p. 13) imħassra u ssostitwita bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/83/KE, tas-6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għanha x’taqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU 311, p. 67).
14 – Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p.23), kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36/KE, tat-30 Ġunju 1997 (ĠU L 202, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/552”).
15 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31/KE, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU L 178, p.1).
16 – Artikolu 12(d).
17 – 267/86, Ġabra p. 4769.
18 – Punt 16.
19 – COM (2004) 83 finali/2.
20 – C-180/98 sa C-184/98, Ġabra p. I-6451.
21 – Punt 89.
22 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2003, Bacardi‑Martini u Cellier des Dauphins (C-318/00, Ġabra p. I‑905, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 – Ibidem (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 – Ibidem (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2003, Safalero (C-13/01, Ġabra p. I‑8679, punti 38 sa 40), u tat-30 ta’ Ġunju 2005, Längst (C-165/03, Ġabra p. I‑5637, punt 34).
26 – Sentenza ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, der Weduwe (C-153/00, Ġabra p. I‑11319, punti 33 sa 39).
27 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C-295/97, Ġabra p. I‑3735, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 – Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri (C-153/02, Ġabra p. I‑13555, punt 35).
29 – It-tieni premessa.
30 – Id-Direttiva 2005/36, li ħassret u ssostitwit id-Direttiva 78/686, fis-sitt premessa tagħha tindika li “[i]l-faċilitazzjoni tal-provvista ta’ servizzi għandha tkun assigurata fil-kuntest ta’ rispett serju tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur. Għalhekk, għandhom ikunu maħsuba dispożizzjonijiet speċifiċi għall-professjonijiet regolati li għandhom implikazzjonijiet fuq is-saħħa jew is-sigurtà pubblika, li joffru servizzi transkonfinali ta’ natura temporanja jew ta’ kultant”.
31 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Inizan (C-56/01, Ġabra p. I-12403, punti 16 u 17).
32 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C-260/89, Ġabra p. I‑2925, punt 12).
33 – Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF (C-198/01, Ġabra p. I‑8055, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 – Ibidem (punt 46).
35 – Ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 32).
36 – Ara, b’mod partikolari, id-digriet tas-17 ta’ Frar 2005, Mauri (C-250/03, Ġabra p. I‑1267, punt 30), u s-sentenza Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).
37 – C-35/99, Ġabra p. I‑1529.
38 – Punt 33.
39 – Punt 43.
40 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et (C-108/96, Ġabra p. I‑837, punt 24).
41 – Għal dak li jikkonċerna l-attività medika, ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, Ġabra p. 377), kif ukoll, għal dak li jikkonċerna l-kura dentali u, b’mod iktar partikolari, trattament odontoloġiku, is-sentenza tat-28 ta’ April 1998, Kohll (C-158/96, Ġabra p. I‑1931).
42 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 1995, Aubertin et (C-29/94 sa C-35/94, Ġabra p. I‑301, punt 9); tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld (C-97/98, Ġabra p. I‑7319, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, Ġabra p. I‑6279, punt 28).
43 – Għal dak li jikkonċerna terapewta, ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 1990, Nino et (C-54/88, C-91/88 u C-14/89, Ġabra p. I‑3537, punt 11).
44 – C-448/98, Ġabra p. I‑10663, punt 23.
45 – Ara, għal dak li jikkonċerna l-libertà tal-moviment tal-kapital, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99, Ġabra p. I‑2157, punt 26), u tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann (C-300/01, Ġabra p. I‑4899, punt 33). Ara, għal dak li jikkonċerna l-libertà ta’ l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C-451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 29), u Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30).
46 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina (C-45/06, Ġabra p. I-2089, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, RitterCoulais (C-152/03, Ġabra p. I‑1711, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C-442/02, Ġabra p. I-8961, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49 – Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Franċiża li kienet tipprojbixxi r-remunerazzjoni tal-kontijiet ta’ depożitu ‘a vista’, ara s-sentenza CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq (punt 12).
50 – C-34/95 sa C-36/95, Ġabra p. I‑3843, punt 42.
51 – C-405/98, Ġabra p. I‑1795.
52 – Punt 25.
53 – Punt 21.
54 – C-239/02, Ġabra p. I‑7007, punt 53.
55 – L-ewwel skema settorjali ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki ġiet adottata għall-mediċini fl-1975. Din ġiet segwita minn ħames skemi settorjali oħra, li ġew adottati bejn l-1977 u l-1985, li jirrigwardaw lill-infermiera ta’ kura ġenerali, lid-dentisti, bid-Direttivi 78/686 u 78/687, il-veterinarji, il-qwiebel u l-ispiżjara. Dawn id-Direttivi ġew imħassra u ssostitwiti bid-Direttiva 2005/36.
56 – Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C-262/02, Ġabra p. I-6569, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 – Sentenza CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq (punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).
58 – Sentenza ta’ l-10 ta’ Novembru 1994, Ortscheit (C-320/93, Ġabra p. I‑5243, punt 16).
59 – Idem.
60 – Punt 25.
61 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Aragonesa de Publicidad Exterior u Publivía (C-1/90 u C-176/90, Ġabra p. I‑4151, punt 16).
62 – Sentenza tat-28 ta’ April 1998, (C-120/95, Ġabra p. I‑1831). Fis-sentenza Kohll, iċċitata iktar ’il fuq, li ġara kien li ġiet irrifjutata l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ ċittadin mil-Lussemburgu sabiex it-tifla minuri tiegħu tkun tista’ tibbenefika minn trattament ipprattikat minn odontojatra stabbilit fi Trier (il-Ġermanja).
Full & Egal Universal Law Academy