SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
8 ta' Ġunju 2006 (*)
“Varjetajiet ta’ pjanti – Livell ta’ ħlas ġust li għandu jitħallas lil detentur ta’ dritt fil-Komunità – Artikolu 5( 2), 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 1768/95 emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 2605/98 – Kunċett ta’ ‘livell ta’ ħlas sensibbilment inqas mill-ammont mitlub għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal riproduttiv’”
Fil-kawżi magħquda C-7/05 sa C-9/05,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permzz tad-deċiżjonijiet tal-11 ta' Ottubru 2004, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Jannar 2005, fil-kawżi
Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH
vs
Ulrich Deppe,
Hanne-Rose Deppe,
Thomas Deppe,
Matthias Deppe,
Christine Urban (née Deppe) (C-7/05),
Siegfried Hennings (C-8/05) Hartmut Lübbe (C-9/05)
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk, P. Kūris (Relatur), G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati :
– għal Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH, minn K. von Gierke, Rechtsanwalt,
– għal U. Deppe, H.-R. Deppe, T u M. Deppe u C. Urban (C-7/05), S. Hennings (C-8/05) u H. Lübbe (C‑9/05), minn M. Miersch, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Schulze-Bahr, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Doherty u F. Erlbacher, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta' Frar 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(2), (4) u (5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1768/95 ta’ l-24 ta’ Lulju 1995 li jimplementa regoli dwar l-eżenzjoni [deroga] agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 dwar drittijiet Komunitarji rigward varjetajiet ta’ pjanti (ĠU L 173, p. 14), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2605/98 tat-3 ta’ Diċembru 1998 (ĠU L 328, p. 6, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament Nru 1768/95”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawżi bejn Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH (iktar ‘il quddiem “STV”), organizzazzjoni ta’ detenturi ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti (iktar ‘il quddiem id-“detenturi”) kontra Ulrich Deppe, Hanne-Rose Deppe, Thomas u Mathias Deppe u Christine Urban, li huma l-werrieta ta’ Dieter Deppe, kif ukoll Siegfried Hennings u Hartmut Lübbe, bdiewa, rigward il-ħlas tad-drittijiet għal ħlas għat-tħawwil taż-żerriegħa li huma s-suġġett ta’ tali protezzjoni.
Il-kuntest ġuridiku
3 Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU L 227, p. 1, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament bażiku”, ġiet stabbilita sistema ta’ drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità in kwantu forma unika u esklużiva ta' drittijiet fil-Komunità tal-proprjetà industrijali għall-varjetajiet ta’ pjanti.
4 Skond l-Artikolu 14, il-paragrafu (1) ta’ l-imsemmi Regolament jipprovdi deroga għad-drittijiet fil-Komunità tal-varjetajiet ta’pjanti :
“Minkejja l-Artikolu 13(2), u għall-għanijiet tal-ħarsien tal-produzzjoni agrikola, il-bdiewa huma awtorizzati li jużaw għal għanijiet ta' propagazzjoni fl-għalqa, fuq l-art tagħhom il-prodott tal-ħsad li jkunu akkwistaw permezz taż-żergħa, fuq l-art tagħhom, materjal ta' propagazzjoni ta' varjetajiet minbarra varjetajiet mħallta jew sintetiċi, li jkunu skoperti minn dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta' pjanti.”
5 Ir-raba’ sub-inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) jikkonċerna l-kundizzjonijiet finanzjarji li fihom il-bdiewa minbarra l-bdiewa ż-żgħar jistgħu jibbenefikaw minn dan il-privileġġ. Dawn il-bdiewa huma meħtieġa “li jħallsu ħlas xieraq lid-detentur, li għandu jkun sensibilment aktar baxx mill-ammont li jitħallas għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ l-istess varjetajiet fl-istess qasam ; il-livell attwali ta’ dan il-ħlas xieraq jista’ jkun suġġett għall-varjazzjoni matul iż-żmien, meta jittieħed akkont tal-limitu li jista’ jsir użu mid-deroga pprovduta fil-paragrafu 1 dwar il-varjetajiet ikkonċernati.”
6 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1768/95 fih ir-regoli ta’ applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li jippermettu li jagħtu effett lid-deroga prevista fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku.
7 L-Artikolu 2 tar-Regolament 1768/95 jipprovdi :
“1. Il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu implementati kemm mid-detentur, li jirrappreżenta lil dak li jrabbi, u mill-bidwi b’mod illi jiġu mħarsa l-interessi leġittimi ta’ xulxin.
2. L-interessi leġittimi ma jitqiesux imħarsa jekk wieħed jew iktar minn dawn l-interessi huma affettwati ħażin mingħajr ma jittieħed kont tal-bżonn illi jinżamm bilanċ ġust bejn kull wieħed minnhom, jew tal-bżonn ta’ proporzjonalità bejn l-għan tal-kundizzjoni rilevanti u l-effett attwali ta’ l-implementazzjoni tagħha.”
8 Skond l-Artikolu 5 ta’ l-imsemmi Regolament :
“1. Il-livell ta’ ħlas ġust li jrid isir lid-detentur, skond ir-raba’ sub-inċiż ta’ l-Aritkolu 14(3) tar-Regolament bażiku jista’ jkun is-suġġett ta’ kuntratt bejn id-detentur u l-bidwi konċernat.
2. Meta kuntratt bħal dan ma jkunx ġie ffinalizzat jew ma japplikax il-livell ta’ ħlas għandu jkun sensibbilment inqas mill-ammont mitlub għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal riproduttiv ta’ l-inqas kategorija li jikkwalifika għal ċertifikazzjoni uffiċjali, ta’ l-istess varjetà fl-istess żona.
Jekk l-ebda produzzjoni liċenzjata ta’ materjal riproduttiv tal-varjetà kkonċernata ma tkun saret fiż-żona fejn tinsab l-ażjenda tal-bidwi, u jekk ma jkunx hemm livell wieħed ta’ l-imsemmi ammont fil-Komunità, il-livell ta’ ħlas għandu jkun sensibbilment inqas mill-ammont li normalment ikun inkluż, għall-għan imsemmi hawn fuq, fil-prezz tal-materjal riproduttiv ta’ l-inqas kategorija li tikkwalifika għal ċertifikazzjoni, ta’ dik il-varjetà li tinbiegħ f’dik iż-żona, basta li ma jkunx iktar għoli mill-ammont imsemmi hawn fuq li jintalab fiż-żona li fiha l-materjal riproduttiv kien ġie prodott.
3. Il-livell ta’ ħlas għandu jitqies illi jkun sostanzjalment inqas skond id-definizzjoni tar-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku kif speċifikat f’paragrafu 2, jekk ma jaqbiżx dak neċessarju sabiex jiġi stabbilit jew stabbilizzat, bħala fattur ekonomiku li jiddetermina l-punt sa fejn isir użu mid-deroga, proporzjon bilanċjat raġjonevolment bejn l-użu ta’ materjal liċenzjat għar-riproduzzjoni u t-tħawwil ta’ prodotti ta’ ħsad tal-varjetajiet rispettivi koperti mid-dritt Komunitarju dwar varjetajiet ta’ pjanti. Dan il-proporzjoni għandu jitqies bħala raġjonevolment bilanċjat, jekk jassigura li d-detentur jikseb, fl-intier tiegħu, kumpens leġittimu għall-użu sħiħ tal-varjetà tiegħu.”
9 Ir-Regolament Nru 2605/98 li daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 1998, b’mod partikolari żied fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1768/95, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, il-paragrafi segwenti :
“4. Meta, fil-każ tal-paragrafu 2 il-livell tal-ħlas ikun suġġett għal xi ftehim bejn l-organizzazzjonijiet tas-sidien u l-bdiewa, bil-parteċipazzjoni jew mingħajra ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ dawk li jipproċessaw, li huma stabbiliti fil-Komunità f’livell Komunitarju, nazzjonali jew reġjonali rispettivament, il-livelli miftehma għandhom ikunu wżati bħala linji ta’ gwida biex jiġi stabbilit il-ħlas li għandu jsir fiż-żona u għall-ispeċi kkonċernati, jekk dawk il-livelli u l-kundizzjonijiet tagħhom ikunu ġew notifikati bil-miktub lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet rappreżentattivi ta’ l-organizzazzjonijiet rilevanti u jekk fuq il-bażi tal-livelli miftehma u l-kundizzjonijiet tagħhom ikunu ġew ippubblikati fil-‘Gazzetta Uffiċċjali’ maħruġa mill-Uffiċċju tal-Varjetajiet ta’ Pjanti fil-Komunità.
5. Meta fil-każ tal-paragrafu 2 xi ftehim li għalih jirreferi l-paragrafu 4 ma jkunx japplika, il-ħlas li għandu jsir għandu jkun ta’ 50% ta’ l-ammont imħallas għall-produzzjoni liċenzjata tal-materjal ta’ propagazzjoni kif speċifikat fil-paragrafu 2.
Iżda, jekk xi Stat Membru jkun innotifika lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Jannar 1999 bil-konklużjoni imminenti ta’ xi ftehim li għalih jirreferi l-paragrafu 4 bejn l-organizzazzjonijiet rilevanti mwaqqfa f’livell nazzjonali jew reġjonali, il-ħlas li għandu jsir f’dik iż-żona u għall-ispeċi kkonċernati għandu jkun ta’ 40% minflok ta’ 50% kif speċifikat fuq, iżda biss dwar l-użu ta’ l-eżenzjoni agrikola magħmula qabel l-implementazzjoni ta’ dak il-ftehim u mhux aktar tard mill-1 ta’ April 1999.
6. Meta, fil-każ tal-paragrafu 5 il-bidwi jkun għamel użu, fil-perijodu rilevanti, ta’ l-eżenzjoni agrikola fi proporzjon ta’ aktar minn 55% tal-materjal totali tal-varjetà rilevanti wżat fil-produzzjoni tiegħu, il-livell tal-ħlas li għandu jsir f’dik iż-żona u għall-ispeċi kkonċernata għandu jkun dak li jkun japplika dwar dik il-varjetà jekk kienet protetta fl-Istat Membru rilevanti fis-sistema ta’ drittijiet tal-varjetà tal-pjanti nazzjonali tiegħu, jekk tkun teżisti sistema nazzjonali li tkun stabbiliet dak il-livell, u sakemm dak il-livell ikun ta’ aktar minn 50% ta’ l-ammonti li għandhom jitħallsu għall-produzzjoni liċenza ta’ materjal ta’ propagazzjoni kif speċifikat fil-paragrafu 5 għandu jkun japplika rrispettivament mill-proporzjoni ta’ l-użu.”
10 L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1768/95 jipprovdi :
“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, l-obbligu individwali tal-bidwi li jħallas il-ħlas ġust jinħoloq fil-mument meta hu jagħmel użu mill-prodott tal-ħsad għall-finijiet ta’ riproduzzjoni fl-għalqa.
Id-detentur jista’ jiddetermina l-ġurnata u l-metodu tal-ħlas. Madankollu, m’għandux jiddetermina ġurnata ta’ ħlas li tkun qabel id-data li fiha inħoloq l-obbligu.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 Il-Bundesgerichtshof jiddeċiedi fil-kuntest ta’ rikors ta’ “reviżjoni” imressaq minn STV fir-rigward ta’ deċiżjoni, mogħtija fl-appell, li tiċħad it-talba tagħha għal kumpens addizzjonali ppreżentata kontra l-werrieta tas-Sur Dieter Deppe kif ukoll kontra s-Sinjuri Hennings u Lübbe.
12 Skond il-qorti tar-rinviju, la l-qrati inferjuri u lanqas id-duttrina ma kienu żviluppaw direzzjoni uniformi f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni għal dak li jfisser il-kunċett ta’ ħlas “sensibbilment inqas” skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1768/95 u skond dawn il-kriterji dan il-ħlas għandu jiġi ddeterminat.
13 Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1768/95 ma jindikax min għandu kompetenza sabiex jiffissa l-imsemmi ħlas meta ebda kuntratt ma kien konkluż bejn id-detentur u l-bidwi li jipproċedi għat-tħawwil. Peress illi l-imsemmi detentur seta’ jiddetermina, skond l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, id-data u r-regoli ta’ ħlas li huwa dovut lejh, jista’ jiġi aċċettat ukoll li huwa għandu d-dritt li jiddetermina l-ammont ta’ dan ta’ l-aħħar.
14 Skond l-imsemmija qorti, skond dan l-istess Artikolu 5, il-konvenuti prinċipali għandhom jagħtu ħlas ġust għat-tħawwil li kienu għamlu, li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet ikkonċernati, għandu jkun sensibbilment inqas mill-ammont mitlub fl-istess reġjun għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal riproduttiv ta’ l-inqas kategorija li tikkwalifika għal ċertifikazzjoni uffiċjali (iktar ‘il quddiem id-" drittijiet C "). Il-kunċett ta’ “sensibbilment inqas” jimplika dejjem tnaqqis sinjifikattiv tal-prezz in relazzjoni mad-drittijiet C. Din l-istess qorti tippreċiża li, mill-aspett kummerċjali tnaqqis ta’ 20% ta’ ħlas huwa kkunsidrat bħala tnaqqis sostanzjali.
15 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata n-natura ġusta ta’ ħlas f’każ ta’ provvediment legali. Filwaqt li tirreferi għar-Regolament Nru 2605/98, hija tissuġġerixxi li jista’ jiġi dedott mir-rikors, inkwantu linji gwida, għall-ftehim konklużi bejn organizzazzjonijiet ta’ detenturi u bdiewa, li jiġu ffissati fuq id-detentur ċerti limiti għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ħlas dovut mill-bidwi mhux marbut minn ftehim, mingħajr ma r-regoli differenti ta’ kalkolu jiġu applikati. Għaldaqstant, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-ftehim ta’ kooperazzjoni ta’ l-1996, li jista’ jkun determinanti in kwantu linja gwida, rata ta’ 80% tad-drittijiet ta’ liċenzja għaż-żerriegħa ċċertifikata tista’ tiġi kkunsidrata bħala ġusta.
16 Il-Bundesgerichtshof jikkunsidra li dan jista’ wkoll jiġi dedott mill-funzjoni ta’ linja gwida rikonoxxuta għal ftehim bejn organizzazzjonijiet professjonali li l-elementi ċentrali essenzjali ta’ l-imsemmi ftehim għandhom japplikaw ukoll fil-kuntest tal-provvediment legali tal-ħlas. Din is-soluzzjoni għandha bħala konsegwenza li tevita li jidhru differenzi sostanzjali bejn il-kalkolu effettwat fuq il-bażi tal-ftehim u dak effettwat skond il-liġi.
17 Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ftehim ta’ kooperazzjoni ta’ 1996 ma kienx ġie ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali ta’ l-Uffiċċju tal-Varjetajiet ta’ Pjanti fil-Komunità (iktar ‘il quddiem l-“Uffiċċju”) ħlief fis-16 ta’ Awwissu 1999. Hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-eżiġenzi ta’ forma previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1768/95 għandhomx ukoll jiġu applikati għal ftehim ta’ kooperazzjoni diġà validament konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2605/98.
18 Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof iddeċieda, fit-tlett kawżi prinċipali, li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja :
“1) L-eżiġenza marbuta mad-determinazzjoni tal-livell ta’ ħlas għat-tħawwil skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1768/95 li tgħid li għandu jkun “sensibbilment inqas” mill-ammont mitlub għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal riproduttiv ta’ l-istess kategorija fl-istess reġjun hija wkoll sodisfatta meta dan il-ħlas huwa ffissat għal totali ta’ 80% ta’ dan l-ammont?
2) L-Artikolu 5(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1768/95 fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 2605/98 fih fissazzjoni ta’ valur tal-livell ta’ ħlas għat-tħawwil fil-każ ta’ determinazzjoni tal-ħlas skond il-liġi?
F’każ ta’ risposta affermattiva : din il-fissazzjoni tapplika wkoll, in kwantu espressjoni ta’ prinċipju ġenerali, għall-azzjonijiet ta’ tħawwil preċedentement għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 2605/98?
3) Il-funzjoni tal-linji gwida ta’ ftehim bejn organizzazzjonijiet ta’ detenturi u bdiewa skond l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 1768/95 fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 2605/98 timplika li l-elementi ċentrali essenzjali ta’ dan il-ftehim (il-parametri ta’ kalkolu) huma applikati fil-każ ta’ determinazzjoni tal-livell ta’ ħlas skond il-liġi wkoll meta, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ħlas legali, id-detentur ma jkollux il-parametri kollha neċessarji għall-kalkolu fuq il-bażi tal-ftehim li jinsab taħt il-kontroll tal-bidwi u ma jistax jeżiġi mill-bidwi l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni?
Fil-każ ta’ risposta affermattiva : il-validità ta’ ftehim ta’ dan it-tip, fil-każ fejn għandu jissodisfa tali funzjoni ta’ linja gwida, timplika r-rispett ta’ l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 1768/995 fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 2605/98 ukoll meta l-ftehim kien ġie konkluż qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 2605/98?
4) L-Artikolu 5(5) tar-Regolament (KE) Nru 1768/95 fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 2605/98 jistabbilixxi limitu massimu ta’ ħlas fil-każ ta’ fissazzjoni konvenzjonali u/jew legali tiegħu?
5) Ftehim konkluż bejn organizzazzjonijiet professjonali jista’ jservi bħala linja gwida skond l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 1768/95 fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 2605/98 meta jaqbeż ir-rata ta’ ħlas ta’ 50% ta’ l-ammonti msemmija fl-Artikolu 5(5) ta’ dan ir-Regolament?”
19 B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Jannar 2005, il-kawżi C-7/05 sa C-9/05 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.
Fuq l-ewwel domanda
20 Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fis-sustanza jekk ħlas iffissat għal 80% tad-drittijiet C jistax jiġi kkunsidrat li jissodisfa l-eżiġenza li l-imsemmi ħlas għandu jkun “sensibbilment inqas” mid-drittijiet C, skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1768/95.
21 Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li d-detentur jista’ jitħallas skond tlett proċeduri : kif jiġi ffinalizzat kuntratt bejn dan ta’ l-aħħar u l-bidwi skond l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1768/95, imbagħad permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-organizzazzjonijiet ta’ detenturi u bdiewa skond l-Artikolu 5(4) ta’ l-imsemmi Regolament u fl-aħħar nett, alternattivament, permezz tad-determinazzjoni ta’ livell ta’ ħlas fil-funzjoni ta’ ċerti direzzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (5) ta’ l-istess Regolament.
22 B’kunsiderazzjoni tal-fatt li, f’dan il-każ, ebda kuntratt jew adeżjoni għal ftheim ma kien sar, dan il-kuntratt għandu jitqiegħed fil-kuntest tat-tielet proċedura msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.
23 Kif il-Kummissjoni tindika fl-osservazzjonijiet tagħha, għandha ssir distinzjoni bejn il-każijiet differenti li jikkorrispondu għal sitwazzjonijiet preċedenti jew sussegwentement għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2605/98.
24 Għal dak li jikkonċerna l-ewwel każijiet li jidhru, għandu jiġi rilevat li jirriżulta mit-termini ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1768/95, li l-interessi leġittimi tad-detentur u tal-bidwi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala protetti ħlief jekk jittieħed in kunsiderazzjoni l-“bżonn illi jinżamm bilanċ ġust bejn kull wieħed minnhom, jew tal-bżonn ta’ proporzjonalità bejn l-għan tal-kundizzjoni rilevanti u l-effett attwali ta’ l-implementazzjoni tagħha”.
25 Barra minn hekk, l-Artikolu 5(3) ta’ l-imsemmi Regolament iżomm bħala kriterju determinanti tal-livell ta’ ħlas “sensibbilment inqas”, in-neċessità sabiex jiġi stabbilit jew stabbilizzat, bħala fattur ekonomiku li jiddetermina l-punt sa fejn isir użu mid-deroga, proporzjon bilanċjat raġjonevolment bejn l-użu ta’ materjal liċenzjat għar-riproduzzjoni u t-tħawwil ta’ prodotti ta’ ħsad tal-varjetajiet protetti.
26 Minbarra dan, l-Artikolu 5(2) ta’ l-istess Regolament jieħu bħala referiment l-“ammont mitlub għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal riproduttuv ta’ l-inqas kategorija li tikkwalifika għal ċertifikazzjoni uffiċjali, ta’ l-istess varjetà fl-istess żona”.
27 Fir-rigward tal-każijiet li jikkorrispondu għal sitwazzjonijiet sussegwenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2605/98, l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1768/95, jikkunsidra, bħala ħlas lid-detenturi, ir-rata ta’ 50% tad-drittijiet C u wkoll iffissa tranżitorjament rata ta’ 40% sabiex jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta’ ftehim bejn detenturi u bdiewa.
28 Minn dan isegwi li r-rata totali ffissata għal 80% tad-drittijiet C għall-kalkolu tal-ħlas lid-detenturi hija għolja wisq u sabiex tiġi ddeterminata din ir-rata applikabbli, għandha tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tal-varjetajiet in kawża u r-reġjun ikkonċernat.
29 Għaldaqstant l-ewwel domanda għandha tingħatalha risposta fis-sens li l-ħlas totali ta’ 80% ta’ l-ammont tad-drittijiet C f’każ ta’ rikors għad-deroga agrikola msemmija fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku ma jissodisfax il-kundizzjoni li l-imsemmi ħlas għandu jkun “sensibbilment inqas” mill-ammont mitlub għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal riproduttiv skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1768/95, bla ħsara għall-evalwazzjoni magħmula mill-qorti nazzjonali taċ-cirkustanzi rilevanti oħra ta’ kull kawża prinċipali.
Fuq it-tieni domanda
30 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fis-sustanza tistaqsi jekk fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-drittijiet tad-detentur, l-Artikolu 5(4) u (5) tar-Regolament Nru 1768/95 fih regoli li jippermettu li jiġi evalwat l-ammont tal-ħlas tiegħu.
31 Fl-ewwel lok, jirriżulta ċar mill-kitba ta’ l-imsemmi paragrafu 4 li r-regoli li jippermettu li jiġi evalwat l-ammont ta’ dan il-ħlas għandhom jiġu integrati fil-kontenut tal-ftehim konklużi bejn organizzazzjonijiet ta’ detenturi u bdiewa u jservu bħala linji gwida meta l-imsemmija ftehim huma nnotifikati lill-Kummissjoni u pubblikati mill-Uffiċċju.
32 Fit-tieni lok, l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1768/95 jiffissa, fin-nuqqas ta’ ftehim, l-ammont ta’ l-imsemmi ħlas għal 50% ta’ l-ammont tad-drittijiet C, bl-unika riserva ta’ l-adozzjoni eventwali tiegħu minn skala nazzjonali flessibbli, skond is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 2605/98.
33 Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk dawn ir-regoli jesprimu prinċipju ġenerali applikabbli preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2605/98.
34 Il-Kummissjoni ssostni f’dan ir-rigward li jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li jiġu applikati retroattivament id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Regolament għat-tranżazzjonijiet konklużi preċedentement għad-dħul tiegħu fis-seħħ.
35 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(4) u (5) tar-Regolament Nru 1768/98 kienu ġew introdotti mir-Regolament Nru 2605/98 u li huma ma jsemmu xejn li espressament jippermetti applikazzjoni retroattiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għat-tranżazzjonijiet preċedentement għad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-aħħar Regolament.
36 Madankollu filwaqt li jikkompletaw l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1768/95 u filwaqt li jirreferu esspressament għalih, il-paragrafi 4 u 5 ta’ l-istess Artikolu jistgħu jservu bħala direzzjoni għad-determinazzjoni ta’ l-ammont ta’ ħlas relatat mas-sitwazzjonijiet li nħolqu preċedentement għad-dħul tagħhom fis-seħħ.
37 Sussegwentement, it-tieni domanda għandha tingħatalha risposta fis-sens li l-kriterji li jippermettu li jevalwaw l-ammont tal-ħlas tad-detentur huma definiti fl-Artikolu 5(4) u (5) tar-Regolament Nru 1768/95. Dawn il-kriterji huma nieqsa minn effett retroattiv, imma jistgħu jservu bħala direzzjoni għall-kalkolu ta’ dan il-ħlas għal dak li jikkonċerna t-tħawwil effettwat qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2605/98.
Fuq it-tielet u l-ħames domandi
38 Permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-portata u l-kontenut ta’ ftehim konkluż bejn l-organizzazzjonijiet ta’ detenturi u bdiewa.
39 Għandu mall-ewwel jiġi rrilevat li, skond l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1768/95, tali ftehim iservi bħala linja gwida għad-determinazzjoni tal-ħlas li jsir fir-reġjun jekk il-livelli ta’ ħlas u l-kundizzjonijiet relatati magħhom kienu ġew innotifikati lill-Kummissjoni u ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali ta’ l-Uffiċċju.
40 Sussegwentement, jirriżulta ċar mill-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1768/95 li l-imsemmi ħlas huwa ffissat għal 50% ta’ l-ammont tad-drittijiet C meta ftehim konkluż bejn l-organizzazzjonijiet ta’ detenturi u bdiewa mhuwiex applikabbli.
41 Konsegwentement, din ir-rata ta’ 50% mhijiex imposta bħala l-unika rata ta’ ħlas li tista’ tiġi adottata mill-partijiet ikkonċernati matul in-negozjat ta’ tali ftehim.
42 Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-termini tar-Regolament Nru 2605/98 li ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-ftehim konklużi preċedentement jew sussegwentement għad-dħul tiegħu fis-seħħ, għandu jiġi ppreċiżat li jekk ftehim kien ġie konkluż bejn l-organizzazzjonijiet ta’ detenturi u bdiewa qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2605/98, dan ma jistax iservi ta’ linja gwida ħlief jekk jirrispondi għall-kundizzjonijiet formali ta’ notifika u ta’ pubblikazzjoni msemmija supra.
43 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, it-tielet u l-ħames domandi għandhom jingħatalhom risposta fis-sens li, sabiex ftehim konkluż bejn l-organizzazzjonijiet ta’ detenturi u bdiewa, imsemmi fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1768/95, iservi ta’ linja gwida fil-parametri kollha tiegħu, dan il-ftehim kellu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni u ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali ta’ l-Uffiċċju, u dan anki jekk kien ġie konkluż qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2605/98. Tali ftehim jista’ jipprovdi rata ta’ ħlas differenti minn dik prevista, sussidjarjament, fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1768/95.
Fuq ir-raba domanda
44 Permezz ta’ din id-domanda, il-Bundesgerichtshof jitlob, fis-sustanza, lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk il-perċentwali ta’ 50% imsemmi fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1768/995 jikkostitwixxi limitu massimu għad-determinazzjoni tal-ħlas.
45 Fl-ewwel lok, għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmi Artikolu 5(5) ma japplikax ħlief meta ftehim konkluż bejn l-organizzazzjonijiet ta’ detenturi u bdiewa mhuwiex applikabbli.
46 Fit-tieni lok, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi dedott mill-ittra stess ta’ din id-dispożizzjoni li l-valur imsemmi huwa imperattiv u ma jirrappreżentax sempliċi limitu superjuri jew inferjuri. Il-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju kien ippreveda eċċezzjoni fit-tieni subparagrafu ta’ l-imsemmija dispożizzjoni ma jinvalidax din l-osservazzjoni, minħabba li din l-eċċezzjoni ma kinitx applikabbli ħlief matul perijodu limitat li kienet iddestinat jinkoraġġixxi l-konklużjoni rapida ta’ ftehim bejn l-organizzazzjonijiet ta’ detenturi u bdiewa qabel l-1 ta’ April 1999.
47 Għaldaqstant, ir-raba domanda għandha tingħatalha risposta li, fin-nuqqas ta’ ftehim applikabbli bejn l-organizzazzjonijiet ta’ detenturi u bdiewa, il-ħlas tad-detentur għandu jiġi ddeterminat skond l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1768/95 għal ammont invarjabbli li ma jikkostitwixxix la limitu superjuri, la limitu inferjuri.
Fuq l-ispejjeż
48 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi :
1) Il-ħlas totali ta’ 80% ta’ l-ammont mitlub fl-istess reġjun għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal riproduttiv ta’ l-inqas kategorija li tikkwalifika għal ċertifikazzjoni nazzjonali fil-każ ta’ rikors għad-deroga agrikola msemmija fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, ma jissodisfax il-kundizzjoni li l-imsemmi ħlas għandu jkun “sensibbilment inqas” mill-ammont mitlub għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjali riproduttiv skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1768/95 ta’ l-24 ta’ Lulju 1995 li jimplementa regoli dwar l-eżenzjoni [deroga] agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) tat-3 ta’ Diċembru 1998, bla ħsara għall-evalwazzjoni magħmula mill-qorti nazzjonali taċ-ċirkustanzi rilevanti oħra ta’ kull kawża prinċipali.
2) Il-kriteri li jippermettu li jevalwaw l-ammont tal-ħlas tad-detentur ta’ drittijiet Komunitarji rigward varjetajiet ta’ pjanti huma definiti fl-Artikolu 5(4) u (5) tar-Regolament Nru 1768/95 kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2605/98. Dawn il-kriterji huma nieqsa minn effett retroattiv, imma jistgħu jservu bħala direzzjoni għall-kalkolu ta’ dan il-ħlas għal dak li jikkonċerna t-tħawwil effettwat qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2605/98.
3) Sabiex ftehim konkluż bejn l-organizzazzjonijiet ta’ detenturi u bdiewa, imsemmi fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1768/95, kif emendata permezz tar-Regolament Nru 2605/98, iservi ta’ linja gwida fil-parametri kollha tiegħu, dan il-ftheim kellu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali ta’ l-Uffiċċju tal-Komunità ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti, u dan anki jekk kien ġie konkluż qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2605/98. Tali ftehim jista’ jipprovdi rata ta’ ħlas differenti minn dik prevista, sussidjarjament, fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1768/95, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2605/98.
4) Fin-nuqqas ta’ ftehim applikabbli bejn l-organizzazzjonijiet ta’ detenturi u bdiewa, il-ħlas tad-detentur ta’ drittijiet Komunitarji rigward varjetajiet ta’ pjanti għandu jiġi ddeterminat skond l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1768/958 kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2605/98 għal ammont invarjabbli li ma jikkostitwixxix la limitu superjuri, la limitu inferjuri.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy