SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
30 ta' Marzu 2006(*)
"Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Membri tal-familja – Dritt ta' ċittadin ta' Stat terz, li huwa konjuġi ta' ċittadin Komunitarju, li jkollu aċċess għal attività bħala impjegat – Kundizzjonijiet"
Fil-kawża C-10/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour administrative (Il-Lussemburgu), permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Jannar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta' Jannar 2005, fil-kawża:
Cynthia Mattern,
Hajrudin Cikotic
vs
Ministre du Travail et de l’Emploi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) u E. Juhász, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Nwaokolo, bħala aġent, assistita minn M. Hoskins, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Rozet, bħala aġent,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Diċembru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434, tas-27 ta' Lulju 1992 (ĠU L 245, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sinjura Mattern u s-Sur Cikotic minn naħa waħda u l-Ministru tax-Xogħol u ta' l-Impjieg min-naħa l-oħra rigward id-deċiżjoni li permezz tagħha dan ta' l-aħħar irrifjuta li jagħti permess tax-xogħol lis-Sur Cikotic.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skond l-Artikolu 39(2) KE, il-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta' l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.
4 Skond l-Artikolu 39(3) KE, il-moviment liberu tal-ħaddiema "jinkludi d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet ġustifikati minħabba ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika:
[…]
(c) li joqgħod f'kull Stat Membru sabiex jaħdem f'impieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat,
[…]"
5 L-Artikolu 3(1) tar-Regolament jipprovdi:
"Taħt dan ir-Regolament, dispożizzjonijiet mniżżlin b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva ta' xi Stat Membru […] m'għandhomx japplikaw:
– fejn huma jillimitaw applikazzjoni għall-offerti ta' l-impjieg, jew id-dritt ta' ċittadini barranin li jidħlu għal u jwettqu xogħol jew jissuġġettaw lil dawn għall-kondizzjonijiet mhux applikabbli fir-rigward ta' l-istess ċittadini tagħhom,
– jew fejn, għalkemm applikabbli irrispettivament miċ-ċittadinanża, l-għan jew l-effett esklussiv jew prinċipali tagħhom hu li jżomm ċittadini ta' Stati Membri oħra 'l bogħod mill-impjieg offrut.
– […]"
6 L-Artikolu 11 tar-Regolament jiddisponi kif ġej:
"Fejn ċittadin ta' xi Stat Membru jkun qed iwettaq attività bħala impjegat jew persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, il-konjuġi tiegħu u t-tfal li huma taħt l-età ta' 21 sena jew dipendenti fuqu għandhom ikollhom id-dritt li jidħlu għal kwalunkwe attività bħala persuna impjegata fit-territorju kollu ta' dak l-istess Stat, anki jekk ma jkunux persuni ċittadini ta' xi Stat Membru."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 L-Artikolu 1 tar-Regolament Gran-Dukali tat-12 ta' Mejju 1972, li jiddetermina l-miżuri applikabbli għall-impjegar ta' ħaddiema barranin fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu (Mémorial A 1972, p. 945), kif emendat permezz tar-Regolament Gran-Dukali tas-17 ta Ġunju 1994 (Mémorial A 1994, p. 1034, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Gran-Dukali ta' l-1972"), jipprovdi:
"Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar id-dħul u r-residenza fil-Gran-Dukat tal-Lussemburgu, ebda barrani ma jista', fit-territorju Lussemburgiż, ikollu impjieg bħala ħaddiem ta' l-id jew mhux ta' l-id, mingħajr ma jkun awtorizzat biex jagħmel dan skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
[…]
Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament mhumiex applikabbli għall-ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' Stat parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea."
8 Skond l-Artikolu 10 tar-Regolament Gran-Dukali ta' l-1972, l-għoti u t-tiġdid tal-permess tax-xogħol jistgħu jiġu rrifjutati lill-ħaddiem barrani minħabba raġunijiet inerenti għas-sitwazzjoni, l-evoluzzjoni jew l-organizzazzjoni tas-suq tax-xogħol.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 Jirriżulta mill-inkartament imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li s-Sur Cikotic, ċittadin ta' Stat terz, huwa miżżewweġ lis-Sinjura Mattern, ta' nazzjonalità Lussemburgiża, u li huma residenti fil-Belġju.
10 Is-Sinjura Mattern segwiet taħriġ fil-Belġju bħala assistenta fil-qasam tal-familja u tas-saħħa fil-kuntest ta' edukazzjoni sekondarja vokazzjonali. Minn Marzu sa Ġunju 2003 hija wettqet ukoll taħriġ professjonali bħala assistenta infermiera f'dan l-Istat Membru.
11 Permezz ta' deċiżjoni ta' l-14 ta' Lulju 2003, il-Ministru tax-Xogħol u ta' l-Impjieg irrifjuta l-applikazzjoni għal permess tax-xogħol ippreżentata fit-18 ta' Marzu 2003 lill-awtoritajiet amministrattivi Lussemburgiżi tax-xogħol mis-Sur Cikotic fuq il-bażi ta' konfermazzjoni ta' ingaġġar.
12 Fir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal administratif, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li s-Sur Cikotic kien eżenti mill-permess tax-xogħol għar-raġuni li, inkwantu ċittadin ta' Stat terz, miżżewweġ lil ċittadina Komunitarja, kien jibbenefika mid-dritt ta' aċċess, skond il-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, għal impjieg bil-paga fit-territorju Lussemburgiż.
13 Permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' Marzu 2004, it-Tribunal administratif ċaħad dan ir-rikors, billi osserva b'mod partikolari li peress li s-Sinjura Mattern ma teżerċitax attività bħala persona impjegata fil-Belġju, ir-Regolament ma kienx applikabbli f'dan il-każ.
14 Peress illi tressaq quddiemha appell kontra din id-deċiżjoni, il-Cour administrative iddecidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"Ir-regoli Komunitarji li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-ħaddiema huma applikabbli għas-sitwazzjoni ta' ċittadin ta' Stat terz miżżewweġ lil ċittadin Komunitarju li, f'pajjiż Membru differenti minn tiegħu, ikun ħa taħriġ professjonali u vokazzjonali u […] b'konsegwenza ta' dan il-fatt, il-parti mhux Komunitarja tista' tkun eżenti mill-ħtieġa li tikseb permess tax-xogħol fuq il-bażi tar-regoli li jiggarantixxu liċ-ċittadini Komunitarji u lill-membri tal-familja tagħhom li huma ċittadini ta' pajjiżi terz id-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema?"
Fuq id-domanda preliminari
15 Skond l-Artikolu 11 tar-Regolament, fejn ċittadin ta' xi Stat Membru jkun qed iwettaq attività bħala impjegat jew persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, il-konjuġi tiegħu u t-tfal li huma taħt l-età ta' 21 sena jew dipendenti fuqu għandhom ikollhom id-dritt li jidħlu għal kwalunkwe attività bħala persuna impjegata fit-territorju kollu ta' dak l-istess Stat, anki jekk ma jkunux ċittadini ta' xi Stat Membru.
16 Id-dritt mogħti minn dan l-Artikolu lill-konjuġi ta' ħaddiem emigrant huwa marbut ma' dawk li dan il-ħaddiem għandu skond l-Artikolu 39 KE (ara s-sentenza tas-7 ta' Mejju 1986, Gül, 131/85, Ġabra p. 1573, punt 20).
17 Minn dan jirriżulta li d-dritt ta' ċittadin ta' Stat terz li huwa konjuġi ta' ċittadin Komunitarju, li jkollu aċċess għas-suq tax-xogħol ta' Stat Membru, jiddependi mid-drittijiet li dan iċ-ċittadin Komunitarju jibbenefika minnhom skond l-Artikolu 39 KE u b'mod partikolari mill-karatteristika tiegħu bħala ħaddiem.
18 Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, il-kunċett ta' "ħaddiem" skond l-Artikolu 39 KE għandu tifsira Komunitarja speċifika u m'għandux jiġi interpretat b'mod restrittiv. Għandha tiġi kkunsidrata bħala "ħaddiem" kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta' attivitjiet li huma tant minimi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala purament marġinali u anċillari. Il-karettistika tar-relazzjoni ta' xogħol hija, skond din il-ġurisprudenza, il-fatt li persuna twettaq matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi rimunerazzjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta' Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, Ġabra p. 2121, punti 16 u 17, kif ukoll tas-7 ta' Settembru 2004, Trojani, C-456/02, Ġabra p. I-7573, punt 15).
19 F'dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, wara li fil-Belġju segwiet taħriġ mogħti fil-kuntest ta' edukazzjoni sekondarja vokazzjonali, is-Sinjura Mattern wettqet taħriġ professjonali f'dan l-Istat Membru bħala assistenta infermiera.
20 Din l-aħħar ċirkustanza tista' tattribwixxi lis-Sinjura Mattern il-karatteristika ta' ħaddiem skond id-dritt Komunitarju.
21 Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, jekk taħriġ professjonali jiġi effettwat fil-kundizzjonijiet ta' impjieg reali u effettiv, il-fatt li dan it-taħriġ jista' jiġi kkunsidrat bħala preparazzjoni prattika marbuta ma' l-eżerċizzju stess tal-professjoni ma jistax jipprekludi l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 39 KE (ara b'mod partikolari s-sentenzi Lawrie-Blum, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19, u tas-17 ta' Marzu 2005, Kranemann, C-109/04, Ġabra p. I-2421, punt 13).
22 Minbarra dan, għalkemm huwa ċar li r-rimunerazzjoni tas-servizzi mwettqa tikkostitwixxi karatteristika fundamentali tar-relazzjoni tax-xogħol, xorta jibqa' l-fatt li la l-ammont limitat ta' din ir-rimunerazzjoni u lanqas l-oriġini tar-riżorsi ta' din ta' l-aħħar ma jistgħu jkollhom ebda konsegwenza fuq il-karatteristika ta' ħaddiem skond id-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi tat-23 ta' Marzu 1982, Levin, 53/81, Ġabra p. 1035, punt 16, u Kranemann, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17).
23 Hija l-qorti nazzjonali li, matul l-evalwazzjoni tal-fatti li hija biss għandha l-kompetenza twettaq, għandha tivverifika jekk, matul it-taħriġ professjonali tagħha, is-Sinjura Mattern kinitx eżerċitat impjieg reali u effettiv, li jippermettilha li tiġi kkunsidrata bħala ħaddiem skond l-Artikolu 39 KE.
24 Madankollu, jirriżulta mill-kliem stess ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament li d-dritt ta' ċittadin ta' Stat terz, li huwa konjuġi ta' ċittadin Komunitarju, li jkollu aċċess għas-suq tax-xogħol, jista' jiġi invokat biss fl-Istat Membru fejn dan iċ-ċittadin Komunitarju jeżerċita attività jew bħala impjegat jew għal rasu.
25 Kif osserva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt għall-eżerċizzju ta' attività bħala persuna impjegata skond l-Artikolu 11 tar-Regolament ma jagħti lill-membri tal-familja tal-ħaddiema emigranti ebda dritt dirett għall-moviment liberu, peress illi din id-dispożizzjoni hija pjuttost għall-benefiċċju tal-ħaddiem emigrant li l-familja tiegħu tkun tinkludi ċittadin minn Stat terz bħala konjuġi jew tifel/tifla dipendenti.
26 Madankollu huwa paċifiku li, fi żmien il-fatti prinċipali, is-Sinjura Mattern ma kienet teżerċita ebda attività bħala impjegata jew għal rasha fi Stat Membru ieħor barra l-Belġju.
27 Minn dan isegwi li s-Sur Cikotic seta' jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 11 tar-Regolament biss fil-Belġju sabiex ikollu aċċess, f'dan l-Istat Membru, għas-suq tax-xogħol bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti għaċ-ċittadini ta' dan l-Istat.
28 Fid-dawl ta' dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11 tar-Regolament ma jagħtix lil ċittadin ta' Stat terz id-dritt ta' aċċess għal attività bħala impjegat fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-konjuġi tiegħu, ċittadin Komunitarju li jkun għamel użu mid-dritt tiegħu għall-moviment liberu, jeżerċita jew ikun eżerċita attività bħala impjegat.
Fuq l-ispejjeż
29 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:
F'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92 ma jagħtix lil ċittadin ta' Stat terz id-dritt ta' aċċess għal attività bħala impjegat fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-konjuġi tiegħu, ċittadin Komunitarju li jkun għamel użu mid-dritt tiegħu għall-moviment liberu, jeżerċita jew ikun eżerċita attività bħala impjegat.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy