SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
27 ta' April 2006 (*)
"Tariffa doganali komuni – Intestaturi Tariffarji – Klassifika ta' vetturi, biċċiet ta' l-ajru, bastimenti u tagħmir tat-trasport assoċjat – Trakters – Karozzi u vetturi prinċipalment maħsuba għat-trasport ta' persuni –Regolament (KE) Nru 2518/98 – Invalidità"
Fil-kawża C-15/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (L-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Diċembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Jannar 2005, fil-kawża
Kawasaki Motors Europe NV
vs
Inspecteur van de Belastingdienst/Douane district Rotterdam,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. Makarczyk, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta u P. Kūris (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Léger,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Kawasaki Motors Europe NV, minn J. A. H. Hollebeek, adviseur u K. Winters, advocaat,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. Sevenster u C. Wissels, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux u F. Tuytschaever, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet - wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali - li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa waħda, il-validità tal-punt 5 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2518/98 tat-23 ta' Novembru 1998, li jirrigwarda l-klassifika ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 315, p. 3) u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tas-subintestaturi tat-Tariffa Doganali Komuni (iktar 'il quddiem it-"TDK") li għandhom jiġu kkunsidrati għall-oġġetti msemmija f'dan il-punt fil-każ ta' invalidità.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Kawasaki Motors Europe NV (iktar 'il quddiem "Kawasaki") u l-inspecteur van de Belastingdienst/Douane district Rotterdam (iktar 'il quddiem l-"inspecteur") fir-rigward tal-klassifika tariffarja tal-vetturi ġodda għal kull art Kawasaki All Terrain Vehicles (iktar 'il quddiem l-"ATV").
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 Id-deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta' April 1987, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta' Oġġetti u tal-Protokoll li jemendaha (ĠU L 198, p. 1), approvat, f'isem il-Komunità, l-imsemmija Konvenzjoni, magħmula fi Brussell fl-14 ta' Ġunju 1983, kif emendata permezz tal-Protokoll li jemenda din il-Konvenzjoni ta' l-24 ta' Ġunju 1996 (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni fuq is-SA).
4 Skond l-Artikolu 3(1)(a) ta' l-imsemmija Konvenzjoni, kull Parti Kontraenti timpenja ruħha li n-nomenklaturi tat-tariffi tad-Dwana u statistiċi ta' l-imsemmija sistema armonizzata (iktar 'il quddiem "SA") jkunu in konformità mas-Sistema Armonizzata u, għal dan l-għan, tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tas-SA mingħajr żidiet jew modifiki, flimkien mal-kodiċi relattivi tagħha u ssegwi s-sekwenza numerika ta' din is-sistema. L-istess dispożizzjoni tipprevedi wkoll l-obbligu għall-Partijiet Kontraenti li japplikaw ir-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni ta' l-imsemmija sistema u n-Noti kollha tas-Sezzjoni, Kapitolu u Noti tas-Subintestaturi ta' din, u li ma jbiddlux l-iskop ta' dawn ta' l-aħħar.
5 L-Artikolu 7(1)(b) tal-Konvenzjoni jipprovdi, essenzjalment, li l-Kumitat tas-Sistema Armonizzata (iktar 'il quddiem il-"Kumitat"), li jkun ikkunsidra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 ta' din, huwa inkarigat, b'mod partikolari, li jieħu deċiżjonijiet dwar in-Noti Spjegattivi, l-Opinjonijiet Klassifikatriċi jew il-pariri l-oħra bħala gwida għall-interpretazzjoni tas-SA.
6 L-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni jipprovdi, essenzjalment, li dawn in-Noti Spjegattivi, dawn l-Opinjonijiet Klassifikatriċi u dawn il-pariri l-oħra dwar l-interpretazzjoni tas-SA u r-rakkomandazzjonijiet, sabiex tkun assigurata uniformità fl-interpretazzjoni kif ukoll fl-applikazzjoni tas-SA ppreparati matul sessjoni tal-Kumitat, ikunu kkunsidrati bħala approvati mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali stabbilit mill-Konvenzjoni Internazzjonali li tistabbilixxi l-imsemmi Kunsill, magħmula fi Brussell fil-15 ta' Diċembru 1950, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (iktar 'il quddiem l-"ODD"), jekk, mhux aktar tard mit-tmiem tat-tieni xahar wara x-xahar li fih dik is-sessjoni ngħalqet, l-ebda Parti Kontraenti ta' din il-Konvenzjoni ma tkun innotifikat lis-Segretarju Ġenerali ta' l-ODD, talba li dik il-kwistjoni tkun riferita lil din l-organizzazzjoni.
7 L-ODD tapprova d-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(3) tal-Konvenzjoni.
8 In-nomenklatura li tinsab fl-anness tinkludi t-Taqsima XVII, intitolata "vetturi, biċċiet ta' l-ajru, bastimenti u tagħmir tat-trasport assoċjat", li fiha l-Kapitolu 87, li huwa intitolat "vetturi ħlief magni u vaguni (rolling-stock) ta' ferroviji jew linji tat-tramm; u bċejjeċ u aċċessorji tagħhom". F'dan il-Kapitolu jidhru, b'mod partikolari, l-intestaturi 8701, "Trakters (ħlief trakters tat-titolu 8709)" u 8703, "karozzi bil-mutur u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta' persuni (ħlief dawk tat-titolu 8702), inklużi station wagons u karozzi tat-tlielaq".
9 In-Nota 2 ta' l-imsemmi Kapitolu 87, dwar l-intersatura 8701, tgħid kif ġej:
"Għall-għanijiet ta' dan il-Kapitolu, ["trakters"] tfisser vetturi essenzjalment mibnijin għal irmonkar jew imbuttar ta' vettura, mezz jew tagħbija oħra, kemm jekk fihom kemm jekk ma fihomx għan sussidjarju għat-trasport, li jkollu x'jaqsam ma' l-użu prinċipali tat-trattur, ta' għodod, żrieragħ, fertilizzanti jew oġġetti oħrajn.
Magni u għodod tax-xogħol maħsubin għal armar fuq [trakters] ta' l-intestatura 8701 bħala tagħmir li jista' jinbidel u jibqa' kollox kif ikun (interchangeable) jibqgħu kklassifikati fl-intestaturi rispettivi tagħhom anki jekk ippreżentati mat-trattur, u mgħobbijin fuqu jew le."
10 In-nota spjegattiva ta' l-ODD fuq l-intestatura 8703 tipprovdi:
"Bl-eċċezzjoni ta' vetturi bil-mutur għat-trasport tal-persuni previsti taħt in-Nru 8702, din l-intestatura tinkludi l-karozzi bil-mutur ta' kull tip, inklużi l-vetturi bil-mutur anfibji għat-trasport tal-persuni, indipendentament mill-magna li tħaddimhom (magna bil-pistuni li taqbad fil-berqa jew bil-kompressjoni, magna elettrika,turbina li taħdem bil-gass, eċċ)
[…]
Jaqgħu, b'mod partikolari taħt din l-intestatura:
[…]
6) Il-vetturi b erba' roti, b'xażi tubulari, mgħammra b'sistema ta' direzzjoni bħal ta' karozza, per eżempju bbażata fuq il-prinċipju Ackerman.
[…]"
11 Il-Ġabra ta' l-Opinjonijiet Klassifikatriċi tas-Sistema Armonizzata (iktar 'il quddiem il-"Ġabra tas-SA"), ippublikata mill-ODD, tinkludi l-lista numerika ta' l-opinjonijiet klassifikatriċi adottati minn din l-organizzazzjoni, imħejjija skond l-ordni ta' l-intestaturi u s-subintestaturi tas-SA. L-opinjoni klassifikatriċi segwenti, li tirriżulta minn deċiżjoni meħuda mill-Kumitat matul it-23 sessjoni, li nżammet f'Mejju 1999, tinsab f'din il-Ġabra:
"8703.21 2. Vettura għal kull art, four-wheel drive u b' xażi tubulari, mgħammra b'sarġ bħal tal-mutur, b'manubriju sabiex tidderiġiha u b'tajers ta' pressjoni baxxa. Id-direzzjoni tista' tiġi mibdula billi ddawwar iż-żewġ roti ta' quddiem bħal ta' karozza tradizzjonali (prinċipju ta' Ackerman). Il-vettura hija mgħammra b'kaxxa tal-gerijiet b'ħames gerijiet ta' gamma doppja, b'ger sabiex tirriversja, kif ukoll bi brejkijiet tat-tambur doppju fuq ir-roti ta' quddiem u brejkijiet ta' tambur wieħed fuq ir-roti ta' wara. Hija titmexxa permezz ta' magna b'ċilindru wieħed four-stroke b'ċilindru ta' 386 cm3, li l-potenza tagħha hija trażmessa għar-roti ta' quddiem u ta' wara permezz ta' xaftijiet. Hija mgħammra b' xkaffa għall-bagalji għat-trasport ta' oġġetti (il-kapaċità totali ta' kemm tista' tiġi mgħobbija hija ta'120 kg, barra mis-sewwieq) u b'ganċ ta' rmonk. Il-kapaċità ta' rmunkar tagħha hija ta' 410 kg u l-vettura tiżen 273 kg." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
Id-dritt Komunitarju
12 Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, p. 1), stabbilixxa, kemm għall-ħtiġijiet tat-TDC kif ukoll għall-istatistika dwar negozju barrani tal-Komunità Ewropea, nomenklatura ta' oġġetti, intitolata "nomenklatura magħquda" (iktar 'il quddiem in-"NM") ibbażata fuq is-SA. Kull subintestatura tan-NM għandha kodiċi numerika li l-ewwel sitt numri tagħha jikkorrispondu għall-kodiċi ta' l-instestaturi u s-subintestaturi tas-SA u li magħhom huma miżjuda żewġ numri li jiffurmaw subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għall-imsemmija nomenklatura.
13 Il-verżjoni tan-NM, applikabbli fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, tinsab fl-Anness I ta' l-imsemmi Regolament kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2388/2000 tat-13 ta' Ottubru 2000 (ĠU L 264, p. 1, u l-korriġendum ĠU 2000, L 276, p. 92. Fit-tieni parti ta' dan l-anness, jinsab, taħt it-Taqsima XVII, intitolata "vetturi, biċċiet ta' l-ajru, bastimenti u tagħmir tat-trasport assoċjat", il-Kapitolu 87 li huwa intitolat "vetturi ħlief magni u vaguni (rolling-stock) ta' ferroviji jew linji tat-tramm; u bċejjeċ u aċċessorji tagħhom".
14 Dan il-Kapitolu fih is-segwenti intestaturi u subintestaturi:
"8701 Trakters (ħlief trakters ta' titlu 8709)
[...]
8701 90 – oħrajn
– – Trakters agrikulturali u trakters għax-xogħol fil-foresti (ħlief trakters ikkontrollati minn xi ħadd bil-mixi), bir-roti:
– – – ġodda, b'magna ta' potenza:
8701 90 11 – – – – li ma taqbiżx it-18 kW
8701 90 20 – – – – li taqbeż it-18 kW iżda ma taqbiżx is-37 kW
[…]
8703 karozzi bil-mutur u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta' persuni (ħlief dawk tat-titolu 8702), inklużi station wagons u karozzi tat-tlielaq:
[...]
8703 21 – – ta' ċilindru li ma jaqbiżx l-1000 cm3
8703 21 10 – – – ġodda
[…]"
15 Ir-Regolament Nru 2658/87 jawtorizza lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkjarifika l-kontenut ta' intestatura tariffarja. L-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament jipprovdi:
"Miżuri li jkollhom x'jaqsmu ma' l-affarijiet msemmija hawn taħt għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10:
a) applikazzjoni tan-nomenklatura magħquda u [it-tariffa integrata tal-Komunitajiet Ewropej] l-aktar dwar:
– il-klassifikazzjoni tal-oġġetti fin-nomenklaturi msemmija fl-Artikolu 8,
– noti ta' spjegazzjoni;
b) emendi fin-nomenklatura magħquda biex jitqiesu t-tibdiliet fil-ħtiġijiet dwar statistika jew politika kummerċjali;
[...]
d) emendi fin-nomenklatura magħquda u aġġustamenti fid-dazji skond deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni;
e) emendi fin-nomenklatura magħquda bil-ħsieb li din tkun adattata biex tqis l-iżviluppi teknoloġiċi jew kummerċjali jew biex kliem ikun jaqbel u mfisser sewwa;
[…]"
16 L-Artikolu 9, imsemmi hawn fuq, jikkostitwixxi l-bażi tar-Regolament Nru 2518/98. Skond il-punt 5 tat-tabella li tinsab fl-anness ta' dan ir-Regolament l-oġġetti li jikkorrispondu għas-segwenti deskrizzjoni, għandhom jiġu klassifikati taħt il-kodiċi NC 8703 21 10:
"Vetturi ġodda ta' erba' roti (għal kull għamla ta' art) b'magna tal-kombustjoni interna ta' ċilindru waħdieni 4-stroke ta' 395-ċm3 li taqbad bil-berqa, gearbox b'ħames gearijiet ‘il quddiem u wieħed fir-reverse u żewġ brejkijiet hydraulic ta' quddiem. Il-vetturi għandhom post [wieħed għas-sewwieq u l-elementi ta’ kontroll huma mqegħda fuq il-manubriju. I]l-mekkaniżmu tat-tmun huwa msejjes fuq il-prinċipju Ackerman.
Huma mgħammra bi trasportaturi fil-għamla ta' xtelliera [xkaffa għall-bagalji] u ganċ tar-rmonk ta' kapaċità ta' 880 kg (bil-brejkijiet).
Huma mgħammra wkoll b'arloġġ tal-ħin, strument li jkessaħ iż-żejt u slip differential limitat.
Il-qisien (tul, wisa' u għoli):1944 mm, 1156 mm, 1080 mm, piż niexef: 249 kg."
17 Il-motivazzjoni għall-imsemmi punt 5 tgħid kif ġej:
"Il-Klassifika hija stabbilita bid-dispożizzjonijiet tar-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda [imniżżla fit-Titolu 1 ta' l-ewwel parti ta' l-anness tar-Regolament Nru 2658/87] u [mill-]kliem tal-kodiċijiet tan-NM 8703, 870321 u 87032110.
Il-vetturi [li ]huma tajba kemm għat-trasport [t]al passiġġier fuq art imħarbta (p.e. għal-għanijiet ta' divertiment) u għall-ġarr jew imbuttar ta' vettura oħra, apparat jew tagħbija ma jwettqux il-ħtiġiet tan-nota 2 tal-kapitolu 87 billi mhumiex mibnija essenzjalment għall-ġibda jew l-imbuttar ta' vettura, apparat jew tagħbija oħra."
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18 Matul is-sena 1992, Kawasaki ressqet rikors kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtoritajiet doganali Olandiżi kienu kkoreġew l-intestatura tariffarja indikata għall-ATV tat-tip KLF 300‑B5, KLF 300‑C3 u KLF 400‑B1 billi qiegħed l-vetturi maħsuba għat-trasport ta' persuni taħt l-intestatura 8703 21 10.
19 Permezz tad-deċiżjoni tiegħu Nru 13 013 (UTC 1995/39), ta' l-10 ta' Marzu 1995, il-Kumitat tat-Tariffi kkonċernat iddeċieda li l-vetturi għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura tariffarja 8701 90 11, dwar "trakters oħrajn" b'magna ta' potenza li ma taqbiżx it-18 kW.
20 Fit-28 ta' April 1995, l-awtoritajiet tad-dwana Olandiżi ħarġu, skond din id-deċiżjoni, informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa (iktar 'il quddiem l-"IVT") għall-ATV kkonċernati.
21 Fl-21 ta' Mejju 2001, l-inspecteur informa lil Kawasaki li dawn l-IVT, li kienu validi għal sitt snin, ma kinux baqgħu validi fit-28 ta' April 2001.
22 Fl-20 ta' Ġunju 2001, Kawasaki ppreżentat lill-inspecteur, tmien applikazzjonijiet għal IVT għal tmien tipi ta' ATV, li jindikaw klassifika prevista fl-intestaturi tariffarji 8701 90 11 u 8701 90 20 skond jekk il-potenza żviluppata mill-magni li bihom huma mgħammra l-vetturi kkonċernati hijiex inferjuri jew ugwali għal 18 kW rispettivament jew jekk taqbiżx din il-potenza.
23 Fil-21 ta' Awwissu 2001, l-inspecteur ħareġ tmien IVT li jikklassifikaw l-ATV kollha fis-subintestatura NC 8703 21 10, dwar karozzi bil-mutur u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta' persuni b'ċilindru li ma jaqbiżx l-1000 cm3.
24 Fl-14 ta' Marzu 2002, Kawasaki ressqet rikors quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam kontra d-deċiżjoni ta' l-inspecteur li tiċħad it-talba li l-IVT kienet preċedentament is-suġġett tagħha.
25 Fil-kuntest tal-proċedimenti hekk imressqa, l-inspecteur intenda, b'mod partikolari, jiġġustifika l-klassifika adottata fl-IVT in kwistjoni fil-kawża prinċipali billi jirreferi għall-punt 5 ta' l-anness tar-Regolament 2518/98.
26 F'dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ATV huma mċaqalqa b'trażmissjoni ta’ l-universal joint (cardan xaft). Xi ftit minnhom huma four-wheel drive (iktar 'il quddiem "4x4"). L-ATV tat-tip KLF 220 u KLF 300 huma mgħammra b'ħames gerijiet 'il quddiem b'klaċċ awtomatiku u ger biex tirriversja. Il-vetturi tat-tip KLF 300 4x4 għandhom ukoll reduction gearbox high/low.
27 Il-vetturi tat-tip KVF 400, KVF 400 4x4 u KVF 650 4x4 huma mgħammra b'trażmissjoni msejħa "reduction high/low b'varjazzjoni kontinwa". Dawn it-tipi kollha ta' ATV għandhom ukoll klaċċ awtomatiku u ger sabiex tirriversja.
28 Il-vetturi kollha huma mgħammra b'sistema ta' brejkijiet fuq ir-roti ta' quddiem u r-roti ta' wara. Il-vetturi tat-tip KLF 220 huma mgħammra bi brejkijiet tat-tambur fuq l-erba' roti. il-vetturi tat-tip KLF 300, KLF 300 4x4, KVF 300, KVF 300 4x4, KVF 400u 400 4x4 huma mgħammra bi brejkijiet li jaħdmu permezz ta' disk għar-roti ta' quddiem u bi brejkijiet tat-tambur fuq ir-roti ta' wara. il-vetturi tat-tip KVF 650 4x4 għandhom brejkijiet li jaħdmu permezz ta' disk fuq ir-roti ta' quddiem u sistema ta' brejkijiet imsejħa "imxarrba fiż-żejt" fuq ir-roti ta' wara.
29 Is-sewqan tal-vetturi kollha jsir permezz ta' manubriju mgħammar b'żewġ manki li fihom huma integrati l-kontrolli. Il-veloċità massima tagħhom hija ta' 70 km/h.
30 Il-magna ta' l-imsejħa vetturi hija speċjalment maħsuba għall-użu fuq l-art diffiċli, li fuq ger baxx tagħti kapaċità ta' rmunkar suffiċjenti għat-tagħmir mqabbad. Il-kapaċità ta' rmunkar ta' l-ATV huwa, rispettivament, ta' 740 kg għat-tip KLF 220, ta' 916 kg għat-tip KLF 300 u ta' iktar minn 1 000 kg għat-tipi l-oħra.
31 It-tajers li huma mgħammra bihom l-vetturi kollha, għandhom diżinn fond adattat għall-art li mhijiex stabbli. Dawn il-vetturi kollha mgħammra b'shock-absorbers fuq quddiem u fuq wara. Huma għandhom siġġu wieħed għas-sewwieq li jikkonsisti f'sarġ simili għal dak ta' mutur. Barra minn hekk, huma mgħammra b'sistema ta' ġanċ ta' rmonk fuq il-fus ta' wara u b'xkaffa għall-bagalji. Il-kapaċità massima ta' tagħbija tagħhom tvarja bejn 20 kg u 40 kg għall-ixkafef imqiegħed fuq quddiem tal-vetturi u bejn 30 kg u 70 kg għal dawk imqiegħda fuq wara.
32 Skond Kawasaki, il-karatteristiċi tekniċi ta' l-ATV u l-użu tagħhom flimkien ma' magni oħrajn bħal trejlers jew magni tal-ħsad jiddistingwuhom minn Sport Utility Vehicles (Sports Quads), li jaqgħu taħt fergħa industrijali oħra. Fir-realta, l-ATV jikkostitwixxu alternattiva ta' kwalità u irħas għat-trakters normali.
33 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof te Amsterdam ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) Ir-Regolament [Nru 2518/98] huwa validu f'dak illi l-vetturi ġodda b'erba' roti għal kull art imsemmija fil-punt 5 ta' l-anness huma kklassifikati bħala vetturi maħsuba għat-trasport ta' persuni fis-sens ta' l-intestatura 8703 21 tat-TDK?
2. Jekk dan ir-Regolament huwa invalidu, it-TDK tista' tiġi interpretata fis-sens li l-oġġetti in kwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati taħt waħda mis-subintestaturi ta' l-intestatura 8701 90 tat-TDK?"
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
34 Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 2518/98 billi jikklassifika l-vettura għal kull art deskritta fih, li hija komparabbli għall-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-intestatura tariffarja 8703, estendiex b'mod illegali l-portata ta' din l-intestatura.
35 L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Kunsill ta lill-Kummissjoni, li taġixxi b'kooperazzjoni ma' l-esperti doganali ta' l-Istati Membri, diskrezzjoni wiesgħa sabiex tippreċiża l-kontenut ta' l-intestaturi tariffarji li għandhom jiġu kkunsidrati għall-klassifika ta' oġġett speċifiku. Madankollu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta l-miżuri previsti fl-Artikolu 9(1)(a),(b),(d) u (e) tar-Regolament Nru 2658/87 ma tawtorizzahiex tbiddel il-kontenut ta' l-intestaturi tariffarji li kienu ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-SA, stabbilita mill-Konvenzjoni li fir-rigward tagħha l-Komunità ntrabtet, skond l-Artikolu 3 tagħha, li ma tbiddilx il-portata tagħha (ara s-sentenzi ta' l-14 ta' Diċembru 1995, Franza vs il-Kummissjoni, C‑267/94, Ġabra p. I‑4845, punti 19 u 20; tat-28 ta' Marzu 2000, Holz Geenen, C‑309/98, Ġabra p. I‑1975, punt 13 u tas-17 ta' Lulju 2005, Jacob Meijer u Eagle International Freight, C‑304/04 u C-305/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22).
36 Barra minn hekk, għalkemm l-opinjonijiet ta' l-ODD li jikklassifikaw oġġett fis-SA tagħha ma jorbtux legalment, huma jikkostitwixxu, fil-kuntest tal-klassifika ta' dan il-prodott fin-NM, indikazzjonijiet li jikkontribwixxu b'mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata ta' l-intestaturi differenti tan-NM (ara f'dan is-sens, id-digriet tad-19 ta' Jannar 2005, SmithKline Beecham, C‑206/03, Ġabra p. I‑415, punt 26).
37 Bl-istess mod, in-noti spjegattivi tan-NM kif ukoll dawk tas-SA jikkontribbwixxu b'mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata ta' l-intestaturi tariffarji differenti mingħajr madankollu ma jorbtu legalment (ara b'mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta' Settembru 2004, DFDS, C‑396/02, Ġabra p. I‑8439, punt 28). Il-kontenut ta' dawn in-noti għandu għaldaqstant ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax jimmodifika l-portata tagħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta' Frar 1999, ROSE Elektrotechnik C‑280/97, Ġabra p. I‑689, punt 23, tas-26 ta' Settembru 2000, Eru Portuguesa, C‑42/99, Ġabra p. I‑7691, punt 20, tal-15 ta' Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).
38 Fl-aħħar nett, skond ġurisprudenza kostanti, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifika tariffarja ta' oġġetti ġeneralment għandu jinsab fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħhom bħal dawk definiti mill-kliem ta' l-intestatura tan-NM u tan-noti tat-Taqsima jew tal-Kapitoli (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, punt 27 u Intermodal Transports, punt 47).
39 F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem ta' l-intestaturi u tas-subintestaturi relatati kemm mat-trakters li jikkorrispondu għall-intestatura 8701 kif ukoll mal-vetturi li jaqgħu taħt l-intestatura 8703 huwa identiku fis-SA u fin-NM.
40 Fir-rigward ta' dak li nqtal iktar 'il fuq, il-klassifika ta' vettura fl-intestatura 8701 jew fl-intestatura 8703 tiddependi fuq l-użu tagħha kif jirriżulta mill-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħha.
41 Sabiex dan l-użu jiġi ddeterminat, hemm lok li jiġu interpretati l-intestaturi tarriffarji, imsemmija hawn fuq, fid-dawl tan-noti spjegattivi relatati magħhom.
42 F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li n-Nota 2 tal-Kapitolu 87, dwar l-intestatura NM 8701, li hija identika għan-Nota 2 ta' l-istess Kapitolu tas-SA, tiddefinixxi trakter bħala vettura bil-mutur essenzjalment mibnija għal irmonkar jew imbuttar ta' vettura, mezz jew tagħbija oħra.
43 F'dak li jikkonċerna l-intestatura 8703, in-Nota Spjegattiva tas-SA tipprovdi, essenzjament, li l-vetturi li jaqgħu f'din l-intestatura huma l-karozzi bil-mutur ta' kull tip, inklużi l-vetturi bil-mutur anfibji għat-trasport tal-persuni, indipendentament mill-magna li tħaddimhom u li għandhom ċerti karatteristiċi tekniċi bħal sistema ta' direzzjoni bħal ta' karozza bbażata fuq il-prinċipju Ackerman.
44 F'dak li jikkonċerna d-determinazzjoni ta' l-użu tal-vetturi deskritti fil-punt 5 ta' l-anness tar-Regolament Nru 2518/98 sabiex dawn jiġu kklassifikati f'waħda mill-intestaturi msemmija hawn fuq, għandu jiġi osservat li matul it-22 sessjoni, li seħħet f'Awwissu 1998, il-Kumitat kien ġie mistieden jagħti opinjoni fuq il-klassifika ta' vettura b'erba' roti għal kull art li għandha karatteristiċi simili għall-vetturi għal kull art ta' l-istess tip bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali iżda li għandhom potenza inferjuri minn dawn, minħabba diverġenzi ta' interpretazzjoni li kien hemm bejn l-Istati Kontraenti tal-Konvenzjoni dwar is-SA f'dak li jikkonċerna l-klassifika ta' l-imsemmija vettura fl-intestatura 8701 jew fl-intestatura 8703.
45 L-Opinjoni Klassifikatriċi stabbilita mill-Kumitat, li kienet ġiet ippubblikata fil-Ġabra tas-SA fl-1999, tagħżel is-subintestatura 870321 minħabba li l-karatteristiċi tekniċi huma tali li l-vettura kkonċernata hija inkapaċi li tirmonka jew timbotta darbtejn il-piż tagħha jew iktar.
46 Għaldaqstant, jista' jiġi dedott li tali kapaċità ta' rmunkar ta' vettura tikkostitwixxi l-kwalità oġġettiva li tippermetti li jiġi stabbilit jekk hijiex essenzjalment mibnija għal irmonkar jew imbuttar ta' magni, vetturi jew tagħbija oħra jew, min-naħa l-oħra, għat-trasport ta' persuni.
47 F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-karatteristiċi tekniċi ta' l-ATV huma l-analoġi għal dawk tal-vettura deskritta fl-Opinjoni Klassifikatriċi msemmija hawn fuq. Għaldaqstant, dawn l-ATV huma magħmula minn xażi tubulari b'erba' roti, għandhom sedil għas-sewwiq, huma mgħammra b'manubriju li jippermetti t- tidwir tar-roti direzzjonali skond il-prinċipju Ackermann kif ukoll b'kaxxa tal-gerijiet b'ħames gerijiet 'il quddiem u huma mgħammra b'xkaffa għall-bagalji.
48 Issa, huwa importanti li jiġi osservat, min-naħa waħda, li l-punt 5 ta' l-anness tar-Regolament Nru 2518/98 jiddiskrivi vetturi li għandhom karatteristiċi tekniċi analoġi għal dawk imsemmija fil-punt preċedenti bħala maħsuba għat-trasport ta' persuni.
49 Min-naħa l-oħra, l-imsemmi punt 5 jindika kapaċita ta' rmunkar ta' 880 kg (bil-brejkijiet) għall-vetturi b'piż niexef ta' 249 kg, u b'hekk jindika li dawn kienu ġew maħsuba għal irmonkar jew imbuttar ta' magni, vetturi jew tagħbija li jiżnu tliet darbiet u nofs iktar mill-piż tagħhom proprju.
50 Għaldaqstant, billi tikklassifika fl-instestatura 8703, vettura kapaċi li tirmonka jew timbotta tagħbija li l-piż tagħha huwa l-istess jew iktar mid-doppju tal-piż tagħha proprju, il-Kummissjoni rrestrinġiet il-portata ta' l-intestatura 8701 u, għaldaqstant, eċċediet il-limiti ta' diskrezzjoni tagħha. Konsegwentament, il-punt 5 tat-tabella li tinstab fl-anness tar-Regolament Nru 2518/98 għandha tiġi ddikjarata invalida.
51 Għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li billi jadotta, għall-vetturi deskritti fis-subintestatura 8703 21 10 NC, kapaċità ta' rmunkar ta' tagħbija li tiżen tliet darbiet iktar mill-piż tagħhom proprju, differenti minn dik li tinsab fl-Opinjoni Klassifikatriċi, u b'hekk jestendi l-portata ta' l-intestatura dwar vetturi prinċipalment maħsuba għat-trasport ta' persuni, il-punt 5 tat-tabella li tinstab fl-anness tar-Regolament Nru 2518/98 huwa invalidu.
Fuq it-tieni domanda
52 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk, fil-każ ta' invalidità tar-Regolament Nru 2518/98 għal dak li jikkonċerna l-klassifika tal-vetturi deskritti fil-punt 5 ta' l-anness tiegħu, l-ATV jistgħux jiġu kklassifikati taħt waħda mis-subintestaturi ta' l-intestatura 8701 tan-NM dwar it-trakters.
53 Mir-regola ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM Nri 1, jirriżulta li l-klassifika ta' l-oġġetti hija legalment stabbilita mill-kliem ta' l-intestaturi u minn-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu kif ukoll, mir-regoli ġenerali l-oħra ta' interpretazzjoni meta dawn ma jmorrux kontra l-kliem ta' l-imsemmija intestaturi u noti. Għal dak li jikkonċerna l-klassifika ta' l-oġġetti fis-subintestaturi ta' l-istess intestatura, ir-regola ġenerali Nru 6 tippreċiża, minn naħa waħda, li s-subintestaturi ta' l-istess livell biss jistgħu jiġu pparagunati u, min-naħa l-oħra, li n-noti tat-taqsima u tal-kapitolu huma applikabbli wkoll, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor.
54 Skond ġurisprudenza kostanti d-destinazzjoni tal-prodott tista' tikkostitwixxi, f'dak li jirrigwarda klassifika tariffarja, kriterju oġġettiv sakemm dan huwa inerenti għal dan il-prodott, u tali inerenza għandha tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u kwalitajiet oġġettivi tiegħu (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta' Marzu 2005, Ikegami, C‑467/03, Ġabra p. I‑2389, punt 23).
55 Rigward l-ATV, jirriżulta li l-kartteristiċi u kwalitajiet oġġettivi ta' dawn il-vetturi jikkorrispondu għall-kliem tan-Nota 2 tal-Kapitolu 87 tan-NM f'dak illi huma kienu ġew essenzjalment mibnijin għal irmonkar jew imbuttar ta' magni, vetturi jew tagħbija oħra. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tar-regola ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM Nru 1 twassal għall-klassifika ta' l-imsemmija ATV fl-intestatura 8701.
56 B'applikazzjoni regola ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM Nru 6, hemm lok li ssir klassifika fis-subintestaturi ta' l-instetatura 8701 fid-dawl tal-karatteristiċi tekniċi tat-tipi differenti ta' vetturi kkonċernati.
57 F'dan ir-rigward, is-subintestatura 8701 90 tan-NM, intitolata "oħrajn", tinkludi, b'mod partikolari, is-subintestatura 8701 90 11, dwar il-vetturi b'magna ta' potenza li ma taqbiżx it-18 kW, u s-subintestatura 8701 90 20, dwar il-vetturi b'magna ta' potenza li taqbeż it-18 kW iżda li ma taqbiżx is-37 kW.
58 Fid-dawl tal-karatteristiċi tekniċi tat-tipi differenti ta' ATV in kwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tipproċedi għall-klassifika tagħhom fis-subintestatura 8701 90 tan-NM, u, b'mod iktar preċiż, fis-subintestaturi 8701 90 11 jew 8701 90 20 skond il-potenza tal-magni li huma għandhom.
59 Ir-risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-vetturi l-ġodda b' erba' roti għal kull art li għandhom siġġu wieħed, mgħammra b'sistema ta' direzzjoni tat-tip Ackerman li taħdem permezz ta' manubriju, mgħammra b'ganċ ta' rmonk u li l-karatteristiċi tekniċi tagħhom jippermettulhom li jimbuttaw mill-inqas darbtejn il-piż tagħhom proprju, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8701 90 tan-NM. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tipproċedi għall-klassifika ta' l-imsemmija vetturi fis-subintestaturi li jikkorrispondu għall-potenza tal-magna tagħhom.
Fuq l-ispejjeż
60 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Billi jadotta, għall-vetturi deskritti fis-subintestatura 8703 21 10 tan-Nomenklatura Magħquda, kapaċità ta' rmunkar ta' tagħbija li tiżen tliet darbiet iktar mill-piż tagħhom proprju, differenti minn dik li tinsab fl-Opinjoni Klassifikatriċi tal-Kumitat tas-Sistema Armonizzata ta' l-1999, u b'hekk jestendi l-portata ta' l-intestatura dwar vetturi prinċipalment maħsuba għat-trasport ta' persuni, il-punt 5 tat-tabella li tinstab fl-anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2518/98 tat-23 ta' Novembru 1998, li jirrigwarda l-klassifika ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, huwa invalidu.
2) Il-vetturi l-ġodda b'erba' roti għal kull art li għandhom siġġu wieħed, mgħammra b'sistema ta' direzzjoni tat-tip Ackerman li taħdem permezz ta' manubriju, mgħammra b'ganċ ta' rmonk u li l-karatteristiċi tekniċi tagħhom jippermettulhom li jimbuttaw mill-inqas darbtejn il-piż tagħhom proprju, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8701 90 ta' din in-Nomenklatura. Hija l-Gerechtshof te Amsterdam li għandha tipproċedi għall-klassifika ta' l-imsemmija vetturi fis-subintestaturi li jikkorrispondu għall-potenza tal-magna tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy