SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
3 ta' Ottubru 2006 (*)
"Politika soċjali – Artikolu 141 KE – Prinċipju ta' paga ndaqs bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Anzjanità bħala element li jgħin sabiex jiġu stabbiliti l-pagi – Ġustifikazzjoni oġġettiva – Oneru tal-prova"
Fil-kawża C-17/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (Ir-Renju Unit), b'deċiżjoni tal-11 ta' Jannar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Jannar 2005, fil-proċedura
B. F. Cadman
vs
Health & Safety Executive,
fil-preżenza ta':
Equal Opportunities Commission,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta' Awla, R. Schintgen, N. Colneric (Relatur), S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Marzu 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għas-Sinjura Cadman, minn T. Gill, barrister, u E. Hawksworth, solicitor,
– għall-Equal Opportunities Commission, minn R. Allen, QC, R. Crasnow, barrister, kif ukoll minn J. Hardwick u M. Robison, solicitors,
– għall-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll għall-Health & Safety Executive, minn M. Bethell u E. O’Neill, QC, bħala aġenti, assistiti minn N. Underhill u N. Paines, QC, kif ukoll minn J. Eady, barrister,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, bħala aġent,
– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn N. Travers, BL,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M.-J. Jonczy u N. Yerrell, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Mejju 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sinjura Cadman u l-Health and Safety Executive (Aġenzija għas-saħħa u s-sigurtà, iktar 'il quddiem il-"HSE") dwar l-aġġustament tal-paga ta' Cadman ma' dik tal-kollegi rġiel tagħha.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 141(1) u (2) KE jipprovdi:
"1. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, għandu jkun applikat.
2. Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, ‘paga’ tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, mingħand min iħaddmu.
Paga ugwali mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess tfisser:
a) dik il-paga għall-istess xogħol bl-imqieta għandha tkun ikkalkulata fuq il-bażi ta’ l-istess unità ta' kejl;
b) dik il-paga għal xogħol li jitħallas bil-ħin tkun l-istess għall-istess xogħol."
4 L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, ta' l-10 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-ligijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU L 45, p. 19), jipprovdi:
"Il-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa deskritt fil-qosor fl-Artikolu [141 KE], 'il quddiem imsejjah "prinċipju ta’ paga ndaqs", ifisser, għall-istess xogħol jew għal xogħol li għalih huwa attribwit valur indaqs, it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess għar-rigward ta’ l-aspetti kollha u kundizzjonijiet ta’ ħlas.
Partikolarment, fejn sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ impjiegi hija wżata biex tistabbilixxi paga, għandha tkun bażata fuq l-istess kriterji kemm għall-irgiel u għan-nisa u hekk imfassla li teskludi kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess."
5 Id-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE, tal-15 ta' Diċembru 1997, dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU L 14, 1998, p. 6), tapplika, skond l-Artikolu 3(1) tagħha, għas-sitwazzjonijiet koperti, b'mod partikolari, mill-Artikolu 141 KE u mid-Direttiva 75/117.
6 L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/80 jipprovdi:
"Għall-iskopijiet tal-prinċipju tat-trattament ugwali msemmi fil-paragrafu 1, diskriminazzjoni indiretta għandha teżisti meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali jiżvantaġġjaw proporzjon sostanzjalment ogħla tal-membri ta’ sess wieħed ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika hija approprjata u neċessarja u tista tiġi ġustifikata minn fatturi oġġettivi li mhumiex relatati mas-sess."
7 Skond l-Artikolu 4(1) ta' l-istess Direttiva, l-Istati Membri "għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji [...] biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba li l-prinċipju tat-trattament ugwali ma ġiex applikat lilhom jistabilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti, fatti li minnhom jista' jiġi presunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm ebda ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali".
8 Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/52/KE, tat-13 ta' Lulju 1998, dwar l-estensjoni tad-Direttiva 97/80 fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 205, p. 66), id-Direttiva 97/80 kellha tiġi trasposta fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja sa mhux aktar tard mit-22 ta' Lulju 2001.
9 L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta' Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40), kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/73/KE, tat-23 ta' Settembru 2002 (ĠU L 269, p. 15, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 76/207 kif emendata"), jipprovdi:
"Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom jgħoddu:
[…]
– diskriminazzjoni indiretta: meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tista’ tqiegħed persuni ta’ sess minnhom fi żvantaġġ partikolari meta pparagunati ma’ persuni tas-sess l-ieħor, kemm-il darba dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma jkunux ġustifikati b’mod oġġettiv minn mira leġittima, u l-mezzi biex tintlaħaq din il-mira ma jkunux xierqa u meħtieġa,
[…]"
10 Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 76/207:
"L-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali tfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi ta’ sess fis-setturi pubbliċi jew privati, inklużi korpi pubbliċi, fir-rigward ta’:
[…]
ċ) impjieg u kundizzjonijiet ta’ xogħol, inklużi s-sensji, kif ukoll paga kif previsti fid-Direttiva 75/117/KEE;
[…]"
11 Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/73, l-Istati Membri kellhom iqiegħdu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-5 ta' Ottubru 2005 jew jassiguraw li, sa mhux aktar tard minn din id-data, l-amministrazzjoni u l-ħaddiema jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
12 L-Artikolu 1 ta' l-Att ta' l-1970 dwar paga ndaqs (Equal Pay Act 1970, iktar 'il quddiem l-"Equal Pay Act") jipprovdi:
"(1) Jekk il-kundizzjonijiet ta' kuntratt li bis-saħħa tiegħu mara hija impjegata fi stabbiliment li jinsab fil-Gran Brittanja ma jinkludux (direttament jew b'referenza għal ftehim kollettiv jew mod ieħor) klawżola ta' ugwaljanza, għandu jitqies li tali klawżola hija inkluża f'dawn il-kundizzjonijiet.
(2) Klawżola ta' ugwaljanza hija dispożizzjoni relattiva għall-kundizzjonijiet (li jirrigwardaw il-paga jew le) ta' kuntratt li bis-saħħa tiegħu mara hija impjegata (iktar 'il quddiem il-'kuntratt tal-mara') u għandha l-effett li:
[…]
(b) meta l-mara hija impjegata għal xogħol meqjus ekwivalenti għal dak ta' raġel fl-istess impjieg:
(i) jekk (b'eċċezzjoni tal-klawżola ta' ugwaljanza) kwalunkwe kundizzjoni tal-kuntratt tal-mara, iddeterminata skond l-evalwazzjoni tax-xogħol, hija jew issir inqas favorevoli għall-mara minn kundizzjoni simili tal-kuntratt li bis-saħħa tiegħu huwa impjegat dan ir-raġel, dik il-kundizzjoni tal-kuntratt tal-mara għandha titqies bħala mibdula sabiex ma tkunx inqas favorevoli, u
(ii) jekk (b'eċċezzjoni tal-klawżola ta' ugwaljanza) fi kwalunkwe mument il-kuntratt tal-mara ma jinkludix kundizzjoni li tikkorrispondi għal kundizzjoni li tivvantaġġja lil dan ir-raġel u li tinsab fil-kuntratt tiegħu u ddeterminata skond l-evalwazzjoni tax-xogħol, il-kuntratt tal-mara għandu jitqies li jinkludi tali kundizzjoni;
[…]
(3) Il-klawżola ta' ugwaljanza mhijiex applikabbli għad-differenza bejn il-kuntratt tal-mara u l-kuntratt tar-raġel jekk dak li jħaddem jipprova li din id-differenza hija verament dovuta għal kriterju materjali li mhuwiex id-differenza fis-sess u li dan il-kriterju:
(a) fil-każ ta' klawżola ta' ugwaljanza li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu 2(a) jew (b) iktar 'il fuq, jirriżulta minn differenza materjali bejn is-sitwazzjonijiet tal-mara u tar-raġel;
[…]
[…]".
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 Is-Sinjura Cadman hija impjegata mill-HSE. Minn meta bdiet teżerċita l-attività tagħha fi ħdan din l-istituzzjoni, is-sistema tal-paga nbidlet diversi drabi. Qabel l-1992, din is-sistema kienet ibbażata fuq żjidiet, jiġifieri kull impjegat kien jibbenefika minn żjieda annwali sakemm jilħaq l-ogħla skala tal-grad tiegħu. Fl-1992, il-HSE introduċiet element tal-paga marbut mar-rendiment, li jippermetti li jiġi aġġustat l-ammont taż-żjieda annwali sabiex tiġi riflessa l-ħidma individwali ta' l-impjegat. F'din is-sistema, l-impjegati li jaħdmu l-iktar setgħu jilħqu l-ogħla skala iktar malajr. Wara d-dħul fis-seħħ, fl-1995, ta' ftehim għal żmien twil dwar il-pagi, iż-żjidiet annwali ġew stabbiliti skond l-attribuzzjoni ta' ishma azzjonarji msejħa "equity shares" marbuta mal-ħidma ta' l-impjegat. Din il-bidla kellha l-effett li tnaqqas ir-ritmu ta' tnaqqis tad-differenzi fil-paga bejn l-impjegati fl-istess grad b'anzjanità ikbar u dawk li kellhom inqas anzjanità. Fl-aħħar nett, fis-sena 2000, is-sistema reġgħet ġiet mibdula sabiex tippermetti lill-impjegati li jinsabu fil-livelli l-iktar baxxi ta' l-iskali li jibbenefikaw minn żjidiet annwali ikbar u, konsegwentement, minn progress iktar mgħaġġel fl-iskala.
14 Fix-xahar ta' Ġunju 2001, is-Sinjura Cadman ressqet rikors ibbażat fuq l-Equal Pay Act quddiem l-Employment Tribunal. Fid-data tar-rikors tagħha, hija kienet ilha tokkupa għal kważi ħames snin kariga ta' management, bħala spettur fil-grad 2. Hija ħadet bħala persuni ta' referenza erba' kollegi rġiel, ukoll spetturi fil-grad 2.
15 Minkejja li kellhom l-istess grad bħas-Sinjura Cadman, dawn l-erba' persuni gawdew minn pagi sostanzjalment ogħla minn dik li kienet tirċievi l-persuna kkonċernata. Is-salarju annwali tas-Sinjura Cadman għas-sena finanzjarja 2000/2001 kien ta' 35 129 GBP, filwaqt li l-ammonti korrispondenti li rċevew l-imsemmija persuni ta' referenza rċivew kienu ta' 39 125 GBP, 43 345 GBP,
43 119 GPB u 44 183 GBP, rispettivament.
16 Huwa paċifiku li, fid-data tar-rikors imressaq quddiem l-Employment Tribunal, l-erba' persuni ta' referenza ta' sess maskili kellhom anzjanità ikbar minn dik tal-persuna kkonċernata, li nkisbet minnhom parzjalment f'karigi inferjuri.
17 L-Employment Tribunal ddeċieda li, skond l-Artikolu 1 ta' l-Equal Pay Act, il-klawżoli tal-kuntratt ta' impjieg tas-Sinjura Cadman relattivi għall-paga kellhom jiġu mibdula sabiex ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jinsabu fil-kuntratti ta' impjieg ta' l-erba' persuni ta' referenza.
18 Il-HSE ressaq rikors għal annullament ta' din id-deċiżjoni quddiem l-Employment Appeal Tribunal. Din il-qorti ddeċidiet, l-ewwel nett, li, fid-dawl tas-sentenza tas-17 ta' Ottubru 1989, Danfoss (109/88, Ġabra p. 3199, punt 25), m'hemmx bżonn tingħata ġustifikazzjoni speċjali għal inugwaljanza fil-pagi li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju ta' l-anzjanità. It-tieni nett, hija qieset li, anki li kieku tali ġustifikazzjoni hija mitluba, l-Employment Tribunal kien wettaq żball ta' dritt fl-evalwazzjoni ta' din il-ġustifikazzjoni.
19 B'att ta' l-4 ta' Novembru 2003, is-Sinjura Cadman appellat mid-deċiżjoni ta' l-Employment Appeal Tribunal quddiem il-qorti tar-rinviju.
20 Il-Court of Appeal tesponi li d-differenzi fil-paga invokati mis-Sinjura Cadman sabiex issostni r-rikors tagħha huma spjegati mill-istruttura tas-sistema tal-paga, peress li l-HSE tapplika sistema ta' żjidiet li, b'mod jew ieħor, tieħu in kunsiderazzjoni l-anzjanità u tirrikumpensaha.
21 Minħabba li n-nisa fil-grad 2 u, b'mod ġenerali, dawk li huma parti mill-grupp rilevanti tal-ħaddiema tal-HSE, għandhom anzjanità medja iktar baxxa minn dik ta' l-irġiel, l-użu tal-kriterju ta' l-anzjanità bħala element li jgħin sabiex jiġu stabbiliti l-pagi għandu konsegwenzi żvantaġġjużi għan-nisa.
22 Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li elementi probatorji mressqa mill-Equal Opportunities Commission (Kummissjoni għal Opportunitajiet Indaqs), aċċettati mill-partijiet kollha fil-kawża, juru li, fir-Renju Unit u fl-Unjoni Ewropea kollha, il-ħaddiema nisa għandhom, b'mod ġenerali, anzjanità medja inferjuri għal dik tal-ħaddiema rġiel. L-użu tal-kriterju ta' l-anzjanità sabiex jiġu stabbiliti l-pagi huwa fattur importanti fiż-żamma tad-differenzi fil-pagi, li ċertament qegħdin jonqsu, bejn il-ħaddiema nisa u l-ħaddiema rġiel.
23 F'dan ir-rigward, il-Court of Appeal tistaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tbegħditx mill-konstatazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Danfoss, iċċitata iktar 'il fuq, li "l-impjegat m'għandux bżonn jagħti ġustifikazzjoni speċjali għall-użu tal-kriterju ta' l-anzjanità". Sentenzi iktar reċenti, b'mod partikolari dawk tas-7 ta' Frar 1991, Nimz (C-184/89, Ġabra p. I-297), tat-2 ta' Ottubru 1997, Gerster (C-1/95, Ġabra p. I-5253), u tas-17 ta' Ġunju 1998, Hill u Stapleton (C-243/95, Ġabra p. I-3739) juru ċerta bidla fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F'dan ir-rigward, il-Court of Appeal tosserva li mhijiex konvinta bl-argument tal-HSE li l-portata tas-sentenza Danfoss, iċċitata iktar 'il fuq, inbidlet biss, bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ġiet wara, f'dak li jirrigwarda l-ħaddiema part time u li, għaldaqstant, il-kriterju ta' l-anzjanità qatt ma jeħtieġ ġustifikazzjoni oġġettiva, ħlief fil-każ ta' tali ħaddiema.
24 Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju taqbel mal-pożizzjoni ta' l-Employment Appeal Tribunal li skondha, f'każ li l-kwistjoni dwar il-portata tas-sentenza Danfoss, iċċitata iktar 'il fuq, kellha tiġi riżolta favur is-Sinjura Cadman, il-kawża jkollha tiġi rinvjata quddiem awtorità ġudikanti li mhijiex Employment Tribunal sabiex il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni tiġi eżaminata mill-ġdid.
25 Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) Jekk persuna li tħaddem tapplika l-kriterju ta' l-anzjanità bħala element li jgħin sabiex tiġi stabbilita l-paga u jekk din l-applikazzjoni twassal għal differenzi bejn il-ħaddiema rġiel u nisa rilevanti, l-Artikolu 141 KE għandu l-effett li jobbliga l-imsemmija persuna li tħaddem li tipprovdi ġustifikazzjoni speċjali għall-użu ta' dan il-kriterju? Jekk it-tweġiba tiddependi miċ-ċirkustanzi, liema huma dawn iċ-ċirkustanzi?
2) It-tweġiba għad-domanda preċedenti hija differenti jekk il-persuna li tħaddem tapplika l-kriterju ta' l-anzjanità għall-impjegati b'mod individwalizzat b'mod li verament ikun hemm evalwazzjoni ta' safejn anzjanità ikbar tiġġustifika paga ogħla?
3) Tista' tiġi stabbilita distinzjoni rilevanti bejn l-applikazzjoni tal-kriterju ta' l-anzjanità għal ħaddiema part time u l-applikazzjoni ta' l-istess kriterju għal ħaddiema full time?"
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi preliminari
26 Bl-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk u, jekk ikun il-każ, f'liema ċirkustanzi, l-Artikolu 141 KE għandu l-effett li jobbliga lill-persuna li tħaddem li tiġġustifika l-użu tal-kriterju ta' l-anzjanità bħala element li jgħin sabiex jiġu stabbiliti l-pagi meta l-applikazzjoni ta' dan l-element twassal għal differenzi fil-paga bejn il-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa li għandhom jiġu inklużi fil-paragun.
Fuq l-iskema ġenerali li tirriżulta mill-Artikolu 141(1) KE
27 L-Artikolu 141(1) KE jistabbilixxi l-prinċipju li xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali għandu jiġi rimunerat bl-istess mod, sew jekk magħmul minn ħaddiem raġel sew jekk minn ħaddiema mara (is-sentenza tas-17 ta' Settembru 2002, Lawrence et, C-320/00, Ġabra p. I-7325, punt 11).
28 Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta' April 1976, Defrenne (43/75, Ġabra p. 455, punt 12), dan il-prinċipju, li jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali tal-prinċipju ta' ugwaljanza li jipprojbixxi t-trattament differenti ta' sitwazzjonijiet komparabbli, ħlief meta d-differenza tkun oġġettivament iġġustifikata, jifforma parti mis-sisien tal-Komunità Ewropea (ara, ukoll, is-sentenzi tas-26 ta' Ġunju 2001, Brunnhofer, C-381/99, Ġabra p. I-4961, punt 28, u Lawrence et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 12).
29 Għandha tiġi mfakkra, barra minn hekk, ir-regola ġenerali stabbilita fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117, li essenzjalment hija intiża sabiex tiffaċilita l-applikazzjoni konkreta tal-prinċipju ta' paga ndaqs li jinsab fl-Artikolu 141(1) KE mingħajr ma taffettwa l-kontenut jew il-portata tiegħu (ara s-sentenza tal-31 ta' Marzu 1981, Jenkins, 96/80, Ġabra p. 911, punt 22). Din ir-regola tipprovdi għat-tneħħija, mill-elementi u mill-kundizzjonijiet kollha tal-paga, ta' kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess għal xogħol ugwali jew għal xogħol li huwa mogħti valur ugwali (ara s-sentenza ta' l-1 ta' Lulju 1986, Rummler, 237/85, Ġabra p. 2101, punt 11).
30 Fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 141(1) KE mhumiex inklużi biss diskriminazzjonijiet diretti, iżda wkoll diskriminazzjonijiet indiretti (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Jenkins, iċċitata iktar 'il fuq, punti 14 u 15, kif ukoll tas-27 ta' Mejju 2004, Elsner-Lakeberg, C-285/02, Ġabra p. I-5861, punt 12).
31 Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-Artikolu 141 KE għandu jiġi interpretat, bħalma qabel kien ġie interpretat l-Artikolu 119 tat-Trattat KEE [li sar l-Artikolu 119 tat-Trattat KE (l-Artikolu 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew sostitwiti bl-Artikoli 136 KE sa 143 KE)], fis-sens li, malli jkun jidher li hemm diskriminazzjoni, huwa dak li jħaddem li għandu jipprova li l-prassi in kwistjoni hija ġġustifikata b'fatturi oġġettivi u li mhumiex relatati ma' kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi Danfoss, iċċitata iktar 'il fuq, punti 22 u 23; tas-27 ta' Ġunju 1990, Kowalska, C-33/89, Ġabra, p. I-2591, punt 16; Hill u Stapleton, iċċitata iktar 'il fuq, punt 43, u tat-23 ta' Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C-4/02 u C-5/02, Ġabra p. I-12575, punt 71).
32 Il-ġustifikazzjoni mressqa għandha tkun ibbażata fuq għan leġittimu. Il-mezzi magħżula sabiex jintlaħaq dan l-għan għandhom ikunu xierqa u neċessarji għal dan l-iskop (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta' Mejju 1986, Bilka, 170/84, Ġabra p. 1607, punt 37).
Dwar l-użu tal-kriterju ta' l-anzjanità
33 Fil-punti 24 u 25 tas-sentenza Danfoss, iċċitata iktar 'il fuq, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li mhuwiex eskluż li l-użu tal-kriterju ta' l-anzjanità jista' jwassal għal trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema nisa minn dak tal-ħaddiema rġiel, hija kkonstatat li dak li jħaddem m'għandux bżonn jagħti ġustifikazzjoni speċjali għall-użu ta' dan il-kriterju.
34 Billi ħadet din il-pożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-fatt li tiġi rrikumpensata, b'mod partikolari, l-esperjenza miksuba li tippermetti lill-ħaddiem jaqdi dmirijietu aħjar jikkostitwixi għan leġittimu ta' politika salarjali.
35 Bħala regola ġenerali, l-użu tal-kriterju ta' l-anzjanità huwa xieraq sabiex jintlaħaq dan l-għan. Fil-fatt, l-anzjanità tmur id f'id ma' l-esperjenza u din ġeneralment tippermetti lill-ħaddiem li jaqdi dmirijietu aħjar.
36 Għaldaqstant huwa leġittimu għal dak li jħaddem li jirrikumpensa l-anzjanità, mingħajr ma jkollu għalfejn jipprova l-importanza li hija għandha għat-twettiq tax-xogħol speċifiku li huwa fdat lill-ħaddiem.
37 F'din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja m'eskludietx, madankollu, li jista' jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom l-użu tal-kriterju ta' l-anzjanità għandu jkun iġġustifikat b'mod dettaljat minn dak li jħaddem.
38 Dan huwa partikolarment il-każ meta l-ħaddiem jipprovdi provi li jistgħu jnisslu dubji serji kemm huwa xieraq l-użu tal-kriterju ta' l-anzjanità sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi iktar 'il fuq. F'dan il-kaz, huwa dak li jħaddem li għandu jipprova li dak li huwa minnu bħala regola ġenerali, jiġifieri li l-anzjanità tmur id f'id ma' l-esperjenza u li din tippermetti lill-ħaddiem li jaqdi dmirijietu aħjar, japplika wkoll għall-impjieg in kwistjoni.
39 Għandu jingħad ukoll li meta, sabiex tiġi stabbilita l-paga, tintuża sistema ta' klassifikazzjoni ta' impjiegi bbażata fuq evalwazzjoni tax-xogħol li għandu jsir, mhuwiex meħtieġ li l-ġustifikazzjoni ta' l-użu ta' ċertu kriterju tirrigwarda, b'mod individwalizzat, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati. Għaldaqstant, jekk l-għan imfittex bl-użu tal-kriterju ta' l-anzjanità hija r-rikonoxximent ta' l-esperjenza miksuba, m'hemmx għalfejn jiġi ppruvat fil-kuntest ta' tali sistema li ħaddiem meqjus individwalment kiseb, matul il-perijodu rilevanti, esperjenza li ppermettietlu jwettaq xogħlu aħjar. Min-naħa l-oħra, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni b'mod oġġettiv in-natura tax-xogħol li għandu jsir (is-sentenza Rummler, iċċitata iktar 'il fuq, punt 13).
40 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar 'il fuq jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi mressqa għandha tkun li l-Artikolu 141 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ meta l-użu tal-kriterju ta' l-anzjanità bħala element li jgħin sabiex jiġu stabbiliti l-pagi jwassal għal differenzi fil-paga, għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali, bejn il-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa li għandhom jiġu inklużi fil-paragun:
– peress li, bħala regola ġenerali, l-użu tal-kriterju ta' l-anzjanità huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li tiġi rrikumpensata l-esperjenza miksuba li tippermetti lill-ħaddiem jaqdi dmirijietu aħjar, dak li jħaddem m'għandux bżonn jipprova partikolarment li l-użu ta' dan il-kriterju huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan f'dak li jikkonċerna impjieg partikolari, sakemm il-ħaddiem ma jipprovdix provi li jistgħu jnisslu dubji serji f'dan ir-rigward;
– meta, sabiex tiġi stabbilita l-paga, tintuża sistema ta' klassifikazzjoni ta' impjiegi bbażata fuq evalwazzjoni tax-xogħol li għandu jsir, mhuwiex meħtieġ li jiġi ppruvat li ħaddiem meqjus individwalment kiseb, matul il-perijodu rilevanti, esperjenza li ppermettietlu jwettaq xogħlu aħjar.
Fuq it-tielet domanda preliminari
41 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u t-tieni domandi, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.
Fuq l-effett fiż-żmien ta' din is-sentenza
42 Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Irlanda jqisu li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li titbiegħed mill-prinċipji li hija stabbiliet fis-sentenza Danfoss, iċċitata iktar 'il fuq, kunsiderazzjonijiet ta' ċertezza legali jitolbu limitazzjoni fiż-żmien ta' l-effetti tas-sentenza.
43 Peress li din is-sentenza tinvolvi biss spjegazzjoni dettaljata tal-ġurisprudenza fil-qasam in kwistjoni, m'hemmx lok li jiġu limitati l-effetti tagħha fiż-żmien.
Fuq l-ispejjeż
44 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:
L-Artikolu 141 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ meta l-użu tal-kriterju ta' l-anzjanità bħala element li jgħin sabiex jiġu stabbiliti l-pagi jwassal għal differenzi fil-paga, għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali, bejn il-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa li għandhom jiġu inklużi fil-paragrun:
– peress li, bħala regola ġenerali, l-użu tal-kriterju ta' l-anzjanità huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li tiġi rrikumpensata l-esperjenza miksuba li tippermettii lill-ħaddiem jaqdi dmirijietu aħjar, dak li jħaddem m'għandux bżonn jipprova partikolarment li l-użu ta' dan il-kriterju huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan f'dak li jikkonċerna impjieg partikolari, sakemm il-ħaddiem ma jipprovdix provi li jistgħu jnisslu dubji serji f'dan ir-rigward;
– meta, sabiex tiġi stabbilita l-paga, tintuża sistema ta' klassifikazzjoni ta' impjiegi bbażata fuq evalwazzjoni tax-xogħol li għandu jsir, mhuwiex meħtieg li jiġi ppruvat li ħaddiem meqjus individwalment kiseb, matul il-perijodu rilevanti, esperjenza li ppermettietlu jwettaq xogħlu aħjar.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy