SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
tas-27 ta' April 2006 ?(1)
"Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni – Kundizzjoni materjali– Regolament (KE) Nru 800/1999 – Laħam taċ-ċanga u tal-vitella – Nuqqas ta' prova ta' l-oriġini tal-prodotti – Applikabbiltà ta' penalitajiet"
Fil-kawża C-27/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (Il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tal-5 ta' Jannar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta' Jannar 2005, fil-kawża
Elfering Export GmbH
vs
Hauptzollamt Hamburg-Jonas,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' Awla, K. Schiemann, K. Lenaerts, E. Juhász (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta' Jannar 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Elfering Export GmbH, minn O. Wenzlaff u U. Schrömbges, Rechtsanwälte,
– għal Hauptzollamt Hamburg-Jonas, minn S. Plenter, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. C. Schieferer, bħala aġent,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet - wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali - li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tittratta l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 5(4) u 51(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta' April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli (ĠU L 102, p. 11), u - emendat - (ĠU 1999, L 180, p. 53, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 800/1999").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Elfering Export GmbH (iktar 'il quddiem "Elfering Export") u Hauptzollamt Hamburg Jonas (Awtorità tad-Dwana Ġermaniża, iktar 'il quddiem il-"Hauptzollamt") dwar penalità li din ta' l-aħħar imponitilha wara talba għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni.
Il-kuntest ġuridiku Komunitarju
3 Ir-raba', tnax, tlieta u sittin, u erba u sittin premessa tar-Regolament Nru 800/1999 jipprovdu li:
"Billi, skond it-tifsira ta' dan ir-Regolament, il-ġurnata ta' l-esportazzjoni titqies bħala dik il-ġurnata meta l-awtoritajiet doganali jaċċettaw l-att li permezz tiegħu d-dikjarant juri l-volontà tiegħu li jattwa l-esportazzjoni tal-prodotti li għalihom jitlob il-benefiċċju ta' rifużjonijiet għall-esportazzjoni; billi tali att huwa intenzjonat li jiġbed l-attenzjoni, u b'mod partikolari l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet tad-dwana, għall-fatt li l-operazzjoni konċernata tkun qed issir bl-għajnuna ta' fondi tal-Komunità sabiex dawk l-awtoritajiet doganali jagħmlu l-verifiki xierqa; billi fiż-żmien ta' l-aċċettazzjoni, il-prodotti jitpoġġew taħt is-superviżjoni tad-Dwana sakemm issir fil-fatt l-esportazzjoni; billi d-data sservi bħala referenza sabiex jiġu stabbiliti l-kwantità, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott esportat;
[…]
Billi l-arranġamenti pprovduti f'dan ir-Regolament jistgħu jiġu mogħtija biss għall-prodotti li qegħdin f'ċirkulazzjoni ħielsa u li huma, jekk hu xieraq, ta' oriġini Komunitarja; […]
[…]
Billi r-regoli tal-Komunità jipprovdu għall-għoti ta' rifużjonijiet fuq il-bażi unika ta' kriterji oġġettivi, b'mod partikolari dwar il-kwantità, n-natura u l-karatteristiċi tal-prodott esportat, u d-destinazzjoni ġeografika tagħha; billi, fid-dawl ta' l-esperjenza, miżuri kontra l-irregolaritajiet u partikolarment frodi li jagħmlu ħsara lill-finanzi tal-Komunità għandhom jiġu intensifikati; billi, għal dak l-għan, għandha ssir dispożizzjoni għall-ġbir lura ta' l-ammonti mħallsa żejda u sanzjonijiet biex iħajru lill-esportaturi josservaw ir-regoli tal-Komunità;
[…]
Billi, sabiex jiġi assigurat li s-sistema ta' rifużjonijiet għall-esportazzjoni taħdem tajjeb, għandhom jiġu applikati sanzjonijiet irrispettivament mis-suġġettività tal-ħtija; billi huwa madanakollu xieraq li ma jiġux applikati s-sanzjonijiet f'ċertu każijiet, u b'mod partikolari fejn hemm żball ovvju rikonoxxut mill-awtorità kompetenti; u li jiġu pprovduti sanzjonijiet iżjed iebsa fil-każ fejn ikun hemm każijiet ta' intenzjoni billi dawk il-miżuri huma neċessarji, u għandhom ikunu proporzjonati, suffiċjentement diswassivi u applikati b'mod uniformi fost l-Istati Membri;"
4 L-Artikolu 5 ta' l-istess Regolament jipprovdi li:
"1. "Ġurnata ta' l-esportazzjoni" tfisser il-ġurnata li fiha l-awtoritajiet doganali jaċċettaw id-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni li tiddikjara li għandha ssir applikazzjoni għar-rifużjoni.
2. Id-data ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni għandha tiddetermina:
a) ir-rata ta' rifużjoni applikabbli meta r-rifużjoni ma tkunx stabbilita bil-quddiem;
b) kwalunkwe aġġustamenti li jridu jsiru għar-rata ta' rifużjoni meta tkun stabbilita bil-quddiem;
c) il-kwantità, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott esportat.
3. Kull att ieħor li skond il-liġi għandu l-istess effett ta' l-aċċettazjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni għandu jitqies bħala ekwivalenti għal tali aċċettazzjoni.
4. Id-dokument użat fl-esportazzjoni għal kwalifika għar-rifużjonijiet għandu jinkludi l-informazzjoni [kollha] neċessarja biex jiġu kkalkolati r-rifużjonijiet, u b'mod partikolari:
a) għall-prodotti:
– deskrizzjoni, issimplifikata fejn xieraq, tal-prodotti skond in-nomenklatura tar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni, flimkien mal-kodiċi ta' nomenklatura tar-rifużjonijiet, u fejn huwa meħtieġ sabiex jiġu kkalkolati r-rifużjonit, il-kompożizzjoni tal-prodotti kkonċernati jew ir-referenza għalihom,
– il-massa netta tal-prodotti, jew, fejn applikabbli, il-kwantità espressa fl-unità ta' kejl li tintuża meta jiġu kkalkolati r-rifużjonijiet;
b) fil-każ ta' oġġetti, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu (KE) Nru 1222/94 għandhom japplikaw.
[…]"
5 L-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament jgħid li ġej:
"1. Ir-rifużjonijiet għandhom jingħataw biss fuq prodotti li, irrispettivament mis-sitwazzjoni tad-dwana rigward l-ippakkjar:
– joriġinaw fil-Komunità u jiċċirkolaw liberament fil-Komunità, jew
– jiċċirkolaw liberament fil-Komunità, jew
– jiċċirkolaw liberament fil-Komunità, ir-rifużjoni f'dan il-każ huma llimitati għall-ammont tal-ħlas ta' l-importazzjoni miġbur fil-ħin ta' l-importazzjoni.
Id-dispożizzjonijiet leġislattivi dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-prodott kkonċernat għandhom jiddeterminaw il- kundizzjonijiet applikabbli għall-prodott wara li jiġi kkunsidrat l-ewwel subparagrafu.
2. Meta ir-rifużjonijiet jingħataw bil- kundizzjoni li l-prodott ikun oriġina fil-Komunità, l-esportaturi għandhom jiddikjaraw l-oriġini kif imfissra fit-tieni u fit-tielet subparagrafi bi qbil mar-regoli tal-Komunità fis-seħħ.
Għall-iskop ta' l-għoti tar-rifużjonijiet, prodotti jitqiesu li huma ta' origini komunitarja jekk ikunu ġew ottenuti kompletament fil-Komunità jew jekk l-aħħar proċessar jew xogħol li jkun sar fuqhom ikun sar fil-Komunità skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 23 jew 24 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, prodotti miksuba minn dawn li ġejjin ma għandhomx jikkwalifikaw għal rifużjonijiet:
– materjali li joriġinaw fil-Komunità, u
– materjal agrikolu kopert mir-regolamenti msemmija fl-Artikolu 1 importati minn pajjiżi terzi li ma jgħaddux minn ipproċessar sostanzjali ġewwa l-Komunità.
[…]
4. Id-dikjarazzjonijiet skond il-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu vverifikati bl-istess mod bħal kwalunkwe informazzjoni oħra f'dikjarazzjonijiet ta' l-esportazzjoni.
[…]"
6 L-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 800/1999 jiddisponi li:
"1. Meta jinstab li l-esportatur bil-ħsieb li jakkwista għotja ta' rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni jkun applika għal rifużjonijiet li jeċċedu lil dawk applikabbli, ir-rifużjonijiet dovuti għall-esportazzjoni relevanti għandhom ikunu dawk applikabbli għall-prodotti attwalment esportati, imnaqqsa b':
a) nofs id-differenza bejn ir-rifużjonijiet li għalihom tkun saret applikazzjoni u dawk applikabbli għall-esportazzjoni attwali,
b) id-doppju tad-differenza bejn ir-rifużjonijiet li tkun saret applikazzjoni għalihom u dawk applikabbli meta l-esportatur intenzjonalment jipprovdi informazzjoni falza.
2. Ir-rifużjonijiet li għalihom tkun saret applikazzjoni jkunu meqjusa li jkunu l-ammont ikkalkolat mill-informazzjoni provduta skond l-Artikoli 5 jew 26(2). Meta r-rifużjonijiet ivarjaw skond id-destinazzjoni, il-parti differenzjata tar-rifużjonijiet għalihom tkun saret applikazzjoni għandha tkun ikkalkolata bl-użu tad-dettalji fuq il-kwantità, il-piż u d-destinazzjoni previsti skond l-Artikolu 49.
3. Il-penalità li hemm provvediment dwarha fil-punt (a) tal-paragrafu 1 m'għandhiex tkun applikabbli:
a) fil-każijiet ta' force majeure,
b) f'każijiet eċċezzjonali meta l-esportatur, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, immedjetament wara li jsir jaf li r-rifużjonijiet li jkun applika għalihom ikunu eċċessivi jinnotifika bil-miktub lill-awtorità kompetenti dwar dan, sa kemm l-awtorità kompetenti ma tkunx diġà infurmat lill-esportatur li jkollha l-intenzjoni li teżamina t-talba jew li l-esportatur ikun diġà sar jaf b'din l-intenzjoni, jew li l-awtorità kompetenti tkun diġà stabbiliet li r-rifużjonijiet mitluba ma kinux korretti;
c) fil-każijiet ta' żball ovvju rikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti rigward ir-rifużjonijiet li għalihom tkun saret applikazzjoni;
d) fil-każijiet meta r-rifużjonijiet mitluba skond ir-Regolament (KE) Nru 1222/94, u partikolarment l-Artikolu 3(2) tiegħu, u li jkunu kkalkolati fuq il-bażi tal-medja tal-kwantitajiet użati matul perijodu speċifiku;
e) fil-każijiet ta' piż aġġustat sakemm d-differenzi fil-piż ikunu dovut għal differenza fil-metodu applikat għal-użin.
4. Meta t-tnaqqis previst fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jirriżulta f'ammont negattiv, l-esportatur għandu jħallas l-ammont negattiv.
5. Meta l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu li r-rifużjonijiet li għalihom tkun saret applikazzjoni ma jkunux korretti u li l-esportazzjoni ma tkunx seħħet u b'konsegwenza ta' dan r-rifużjonijiet ma jkunux jistgħu jitnaqqsu, l-esportatur għandu jħallas il-penali skond il-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 1 li tapplika jekk l-esportazzjoni sseħħ. Meta r-rata tar-rifużjonijiet tvarja skond id-destinazzjoni, ir-rata pożittiva l-aktar baxxa jew, jekk għola r-rata li tirriżulta mill-indikazzjonijiet rigward id-destinazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 24(2) jew 26(24) għandha tkun użata biex ikunu kkalkolati r-rifużjonijiet li għalihom tkun saret applikazzjoni u r-rifużjonijiet applikabbli, ħlief meta tkun stipulata destinazzjoni obligatorja.
6. Pagamenti permezz tal-paragrafi 4 u 5 għandhom isiru fi żmien 30 jum tal-wasla ta' l-applikazzjoni għal pagament. Meta l-limitu taż-żmien ma jkunx miżmum, l-esportatur għandu jħallas l-imgħax bir-rata msemmija fl-Artikolu 52(1) fil-perjodu li jibda 30 jum mid-data tal-wasla tat-talba għall-pagament u tispiċċa fil-jum li jippreċedi dak tal-pagament ta' l-ammont mitlub.
7. Il-penalitajiet m'għandhomx japplikaw sempliċement meta r-rifużjonijiet li għalihom tkun saret applikazzjoni jkunu aktar mir-rifużjonijiet applikabbli bis-saħħa ta' l-Artikoli 4(2), 18(3), 35(2) u/jew 50.
8. Il-penalitajiet għandhom ikunu applikabbli bla ħsara għall-penalitajiet stabbiliti fil-livell nazzjonali.
9. L-Istati Membri jistgħu jwarrbu l-impożizzjoni ta' penalitajiet ta' EUR 60 jew anqas rigward kull dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni.
10. Meta l-prodott indikat fid-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni jew fid-dikjarazzjoni tal-pagament ma jkunx kopert bil-liċenzja, l-ebda rifużjonijiet ma għandhom jitħallsu u l-paragrafu 1 m'għandux ikun applikabbli.
11. Meta r-rifużjonijiet ikunu ġew stabbiliti bil-quddiem, il-kalkolazzjoni tal-penali għandha tkun ibbażata fuq ir-rati tar-rifużjonijiet validi fil-jum li fih l-applikazzjoni tal-liċenzja tkun ippreżentata mingħajr ma jiġi kkonsidrat it-telf tar-rifużjonijiet permezz ta' l-Artikolu 4(1) jew tat-tnaqqis tar-rifużjonijiet bis-saħħa ta' l-Artikolu 4(2) jew l-Artikolu 18(3). Meta jkun meħtieg, ir-rati bħal dawn għandhom ikunu aġġustati fid-data ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni jew tad-dikjarazzjoni tal-pagament."
7 L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni [komuni] tas-suq [tal-laħam] taċ-ċanga u [ta]l-vitella (ĠU L 160, p. 21) jiddisponi li:
"[…]
6. Ir-rifużjonijiet għandhom jingħataw biss ma’ l-applikazzjoni u mal-preżentazzjoni tal-liċenzja ta’ l-esportazzjoni relevanti.
[…]
9. Ir-rifużjoni għandha titħallas malli jkun hemm prova li:
– il-prodotti huma ta’ oriġini Komunitarja,
– il-prodotti ġew esportati [barra] mill-Komunità
[…]
10. Mingħajr preġudizju għall-paragrafu 9 l-ewwel inċiż, fin-nuqqas ta’ deroga mogħtija b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43, l-ebda rifużjoni għall-esportazzjoni m’għandha tingħata għal prodotti li jkunu importati minn pajjiżi terzi u esporati mill-ġdid lejn pajjiżi terzi.
[…]"
Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 Permezz ta' dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni tat-30 ta' Awwissu 2000, Elfering Export iddikjarat mal-Hauptzollamt Münster – Zollamt Coesfeld – 6090.50 kg ta' laħam taċ-ċanga u tal-vitella ffriżat, bi l-għan li jiġi esportat lejn ir-Russja, u li għalih hija talbet li tingħata rifużjoni fuq l-esportazzjoni. Fid-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni tagħha, Elfering Export ipprovdiet informazzjoni li tgħid li l-merkanziji li huma s-suġġett tat-talba għar-rifużjoni joriġinaw mill-Ġermanja.
9 Permezz ta' deċiżjoni ta' l-24 ta' Jannar 2001, il-Hauptzollamt irrifjutat li tagħti r-rifużjonijiet mitluba, minħabba li l-merkanziji esportati ma kienux ta' "kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq" skond l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 800/1999. Fil-fatt, id-Dipartiment ta' Verifika u ta' Taħriġ Doganali ta' l-Oberfinanzdirektion Hamburg (Dipartiment Reġjonali tal-Finanzi ta' Hamburg) ikkonstata li kien hemm ħruq ikkawżat mill-iffriżar li jidher sewwa fuq il-kampjuni meħuda mill-merkanziji ddikjarati.
10 Permezz ta' deċiżjoni oħra ta' l-20 ta' Marzu 2001, il-Hauptzollamt imponiet fuq Elfering Export penalità tas-somma ta' DEM 1910.41 abbażi ta' l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 800/1999, peress li din il-kumpannija kienet talbet rifużjoni li teċċedi r-rifużjoni applikabbli.
11 Wara proċedura ta' oppożizzjoni mingħajr suċċess, fit-13 ta' Marzu 2003, Elfering Export ressqet rikors intiż sabiex il-Hauptzollamt tiġi ordnata tagħtiha r-rifużjoni u sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni ta' l-20 ta' Marzu 2001 li timponilha penalità.
12 Matul il-proċedura, il-Hauptzollamt sostniet li l-fatt li Elfering Export ma tatx prova ta' l-oriġini Komunitarja tal-merkanziji li għalihom hija talbet ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni jikkostitwixxi wkoll ostakolu għal din it-talba. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju, permezz ta' deċiżjoni ta' l-20 ta' Diċembru 2004, ordnat is-separazzjoni tal-kawża.
13 Fil-kuntest ta' l-ewwel kawża, ir-rikors ġie miċħud f'dak illi huwa kien intiż sabiex il-Hauptzollamt tiġi ordnata tagħti rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Fis-sentenza tagħha ta' l-20 ta' Diċembru 2004, il-qorti tar-rinviju qiset li, jekk il-konstatazzjoni ta' ħruq ikkawżat mill-iffriżar fil-kampjuni meħuda mill-merkanziji ddikjarati ma tostakolax it-talba għal rifużjoni safejn din il-konstatazzjoni ma twassalx, fil-kawża preżenti, għaċ-ċaħda, fir-rigward tal-merkanziji in kwistjoni, ta' "kwalità [tajba u] ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq", min-naħa l-oħra, ir-rikors għandu jiġi miċħud peress illi Elfering Export ma tatx prova li l-prodotti li hija kienet esportat kienu ta' oriġini Komunitarja.
14 Għal dak li jirrigwarda t-tieni kawża dwar il-penalità, liema kawża għadha pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, Elfering Export titlob li l-imsemmija deċiżjoni li timponi penalità tiġi annullata, filwaqt li l-Hauptzollamt titlob li r-rikors jiġi miċħud.
15 Billi kkunsidrat li soluzzjoni għall-kawża li tressqet quddiemha kienet teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja is-segwenti domanda preliminari:
"Id-dikjarazzjoni ta' origini Komunitarja tal-prodott li huwa s-suġġett ta' talba għal rifużjoni, li tinsab fil-formola ta' dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni, tifforma parti mill-informazzjoni li għandha tingħata taħt piena ta' penalità skond id-dispożizzjonijiet magħquda ta' l-Artikoli 51(2) u 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999?"
Fuq id-domanda preliminari
16 Mill-kliem ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 800/1999 u ta' l-Artikolu 33(9) tar-Regolament Nru 1254/1999 jirriżulta li, fil-qasam tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, l-oriġini Komunitarja hija kundizzjoni materjali għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.
17 Din il-konklużjoni tirriżulta wkoll mill-analiżi sistematika tar-Regolament Nru 800/1999, minħabba li l-Artikolu 11 tiegħu jinsab fil-Kapitolu I tat-Titolu II ta' dan ir-Regolament, intitolat "Intitolament għar-rifużjoni". Huwa dan il-kapitolu li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet materjali tad-dritt għar-rifużjoni.
18 Sabiex jiġi sodisfatt dan l-obbligu materjali, l-oriġini Komunitarja għandha tkun iddikjarata u għandha tingħata prova tagħha. Skond l-Artikolu 33(9) tar-Regolament Nru 1254/1999, ir-rifużjoni titħallas meta tingħata prova li l-prodotti huma ta' oriġini Komunitarja. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fil-kuntest ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68, tas-27 ta' Ġunju 1968, dwar organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-qasam tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella (ĠU L 148, p. 24), kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1633/98, ta' l-20 ta' Lulju 1998 (JO L 210, p. 17), liema kuntest jibqa' simili għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1254/1999, li, skond it-tmienja u tletin premessa u l-Artikolu 49 tiegħu, jikkonsolida u jħassar r-Regolament Nru 805/68 kif emendat, m'hemmx dubbju li din il-prova għandha tingħata mill-esportatur (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-1 ta' Diċembru 2005, Fleisch-Winter, C-309/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26).
19 Il-proċedura ta' verifika tad-dikjarazzjonijiet ta' l-esportazzjoni mill-awtorità nazzjonali, proċedura prevista mill-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 800/1999, ma teżentax lill-esportatur mill-obbligu li jagħti prova ta' l-oriġini Komunitarja tal-prodotti. Għal kuntrarju, hija din il-proċedura li turi, ġeneralment, in-neċessità li tintalab tali prova lill-esportatur.
20 Billi l-obbligu ta' l-esportatur li jagħti prova ta' l-oriġini Komunitarja huwa ċar u mhux ekwivoku, għandu jiġi eżaminat jekk il-ksur ta' dan l-obbligu jinvolvix jew le l-penalità prevista fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 800/1999.
21 Huwa paċifiku li Elfering Export indikat li l-prodotti li huma s-suġġett tat-talba tagħha għal rifużjoni kienu joriginaw mill-Ġermanja u li l-qorti tar-rinviju diġà kkonstatat, permezz ta' deċiżjoni separata, li Elfering Export ma tatx prova li l-prodotti in kwistjoni kienu joriġinaw minn dan il-pajjiż jew mill-Komunità.
22 Skond l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 800/1999, l-esportatur jiġi impost penalità jekk huwa "applika għal rifużjonijiet li jeċċedu lil dawk applikabbli". Skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, "[i]r-rifużjonijiet li għalihom tkun saret applikazzjoni jkunu meqjusa li jkunu l-ammont ikkalkolat mill-informazzjoni provduta skond l-Artikoli 5 jew 26(2)".
23 Wieħed mill-argumenti prinċipali ta' Elfering Export jikkonsisti fl-osservanza tal-fatt li l-Artikolu 51(2) tar-Regolement Nru 800/1999 jagħmel referenza biss għall-Artikolu 5 ta' dan l-istess Regolament, peress illi l-Artikolu 26 tiegħu mhuwiex rilevanti għall-kawża prinċipali, u mhux għall-Artikolu 11 li jipprevedi obbligi dwar l-oriġini tal-prodott li huwa s-suġġett tat-talba għal rifużjoni. Hija ssostni l-argument li biss l-ineżattezzi ta' l-indikazzjonijiet enumerati fl-Artikolu 5(4)(a) ta' l-imsemmi Regolament jew, f'kull każ, biss l-ineżattezzi ta' l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi fiżiċi tal-prodotti jistgħu jwasslu għal penalità u mhux l-informazzjoni żbaljata fir-rigward ta' l-oriġini tal-prodott.
24 Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.
25 L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, kif għamlu l-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li l-lista ta' l-informazzjoni fl-Artikolu 5(4)(a) tar-Regolament Nru 800/1999 mhijiex restrittiva. Din il-konstatazzjoni saret ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta' Novembru 1987, dwar modalitajiet komuni ta' applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), kuntest li baqa' simili għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 800/1999, li ssostitwixxa u ħassar ir-Regolament Nru 3665/87 (ara s-sentenza Fleisch-Winter, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29).
26 L-Artikolu 5(4)(a) tar-Regolament Nru 800/1999 jeżiġi li l-esportatur jagħti l-informazzjoni kollha neċessarja għall-kalkolu ta' l-ammont tar-rifużjoni u l-kliem "b'mod partikolari" jfissru li l-leġiżlatur Komunitarju jindika espressament biss xi eżempji ta' din l-informazzjoni. Il-kontenut ta' l-espressjoni "l-informazzjoni [kollha]" m'għandux jiġi limitat għall-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott, iżda għandu jinkludi l-informazzjoni kollha dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni.
27 Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, l-informazzjoni msemmija f'din id-dispożizzjoni ma sservix biss għall-kalkolu matematiku ta' l-ammont eżatt tar-rifużjoni iżda iktar, u qabel kollox, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza jew le tad-dritt għal din ir-rifużjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 800/1999, skond liema penalità hija imposta meta "l-esportatur ikun applika għal rifużjonijiet li jeċċedu lil dawk applikabbli", għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-esportatur huwa kkunsidrat bħala li talab rifużjoni li teċċedi dik applikabbli mhux biss fejn tirriżulta differenza mhux dovuta meta tittieħed in kunsiderazzjoni l-informazzjoni li jkun ta, iżda wkoll fil-każ fejn jirriżulta li d-dritt tiegħu għal rifużjoni ma jeżistix, jiġifieri li l-ammont tar-rifużjoni huwa ta' żero.
28 Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 800/1999, id-dikjarazzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari d-dikjarazzjoni ta’ oriġini Komunitarja, huma vverifikati bl-istess kundizzjonijiet bħall-elementi l-oħra tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni. Din id-dispożizzjoni tikkonferma li d-dikjarazzjoni ta’ oriġini Komunitarja taqa' taħt l-istess sistema ġuridika bħal dawn l-elementi u li, għaldaqstant, nuqqas li tingħata informazzjoni dwar l-oriġini Komunitarja tal-prodott in kwistjoni huwa suġġett għall-istess sistema ta' penalità bħal dik applikabbli għal nuqqas bħal dan fir-rigward ta' element imsemmi fl-Artikolu 5(4) ta' l-imsemmi Regolament.
29 Elfering Export tiżbalja meta tagħmel referenza għar-rekwiżit tal-kwalità "tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq" prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 800/1999 billi tissuġġerixxi li n-nuqqas ta' osservanza tagħha lanqas ma jimplika impożizzjoni ta' penalità. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit, bħal dak li tingħata prova ta' l-oriġini Komunitarja tal-prodott, għandhom rwol simili fis-sistema tar-Regolament Nru 800/1999 u nuqqas ta' osservanza tagħhom iwassal, ġeneralment, għall-istess konsegwenzi kemm fir-rigward tad-dritt għar-rifużjoni kif ukoll fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-penalità.
30 Fis-sentenza Fleisch-Winter, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat flimkien il-kwistjoni tad-dritt għar-rifużjoni u dik tal-penalità fir-rigward tar-rekwiżit tal-kwalità "tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq" u wasslet għal konklużjonijiet li huma validi b'mod uniformi għal dawn iż-żewġ kwistjonijiet. Għalkemm, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mitluba tiddeċiedi dwar il-fondatezza ta' dritt konkret għar-rifużjoni jew ta' penalità imposta, din l-imsemmija sentenza għandha tiġi interpretata fis-sens li jekk l-esportatur m'għandux dritt għar-rifużjoni minħabba n-nuqqas ta' osservanza tar-rekwiżit tal-"kwalità "tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq", huwa jiġi impost penalità, ħlief jekk ikunu previsti każijiet ta' eżenzjoni fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.
31 Fl-aħħar nett, sabiex jiġi evalwat l-iskop tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni, l-għan tar-Regolament Nru 800/1999 huwa ta' importanza kbira. Skond it-tlieta u sittin premessa ta' dan ir-Regolament, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom bħala għan il-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, u partikolarment frodi, li jagħmlu ħsara lill-finanzi tal-Komunità u s-sanzjonijiet intiżi sabiex iħajru lill-esportaturi josservaw ir-regoli tal-Komunità.
32 Għandu jiġi osservat li r-regoli dwar il-penalità għandhom bħala għan l-osservanza tar-"regoli tal-Komunità" in ġenerali, u mhux biss ta' parti jew ta' dispożizzjonijiet speċifiċi tagħhom.
33 Il-penalitajiet li għandhom jiġu imposti bħala konsegwenza ta' mġieba mingħajr ħtija jew ta' azzjoni intenzjonata ta' l-esportatur huma ddefiniti flimkien fl-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 800/1999. Dan ifisser li l-argument, li n-nuqqasijiet ta' l-esportatur fir-rigward tar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju li mhumiex espressament previsti fl-Artikolu 5(4)(a) tar-Regolament Nru 800/1999, iżda li jirriżultaw mill-Artikoli 11 (nuqqas ta' oriġini Komunitarja) jew 21 (nuqqas ta' kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq) ta' dan ir-Regolament ma jwasslux għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 51 ta' l-imsemmi Regolament, ma jistax jiġi aċċettat, peress illi dan iwassal għar-riżultat inaċċettabbli li anki jekk l-azzjoni ta' l-esportatur kienet intenzjonata, huwa ma jiġix ippenalizzat.
34 F'dawn iċ-ċirkustanzi, argument li biss ineżattezzi fl-informazzjoni indikata espressament fl-Artikolu 5(4)(a) tar-Regolament Nru 800/1999 iwasslu għal penalità, filwaqt li n-nuqqas ta' osservanza ta' kundizzjonijiet materjali previsti fil-Kapitolu I tat-Titolu II ta' dan ir-Regolament ma jwassalx għal tali konsegwenza, jinterpreta ħażin l-għan ta' l-imsemmi Regolament u jeffettwa ħażin l-effikaċità ta' l-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni. Jekk jiġi aċċettat dan l-argument, mhux biss irregolaritajiet iżda wkoll frodi jibqgħu mingħajr konsegwenza fid-dritt Komunitarju.
35 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dikjarazzjoni ta' oriġini Komunitarja tal-prodott li huwa s-suġġett ta' talba għal rifużjoni, li tinsab fil-formola ta' dikjarazzjoni ta' esportazzjoni, tifforma parti mill-informazzjoni li għandha tingħata taħt piena ta' penalità skond id-dispożizzjonijiet magħquda ta' l-Artikoli 51(2) u 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999.
Fuq l-ispejjeż
36 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
Id-dikjarazzjoni ta' oriġini Komunitarja tal-prodott li huwa s-suġġett ta' talba għal rifużjoni, li tinsab fil-formola ta' dikjarazzjoni ta' esportazzjoni, tifforma parti mill-informazzjoni li għandha tingħata taħt piena ta' penalità skond id-dispożizzjonijiet magħquda ta' l-Artikoli 51(2) u 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta' April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli.
Firem
1? Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy