SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
15 ta' Marzu 2007 (*)
“Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 28 KE u 30 KE – Importazzjoni ta' vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor – Obbligu li jinkiseb permess ta' trasferiment”
Fil-kawża C-54/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-4 ta' Frar 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. van Beek u M. Huttunen, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
parti rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
parti konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, P. Kūris, J. Makarczyk (Relatur), L. Bay Larsen u J.-C. Bonichot, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Novembru 2006,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta' Jannar 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi tirrikjedi permess ta' trasferiment għall-vetturi legalment irreġistrati u użati fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE.
Il-Kuntest Ġuridiku
2 L-Artikolu 1 tal-liġi Nru 1482/1994 dwar it-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur [autoverolaki (1482/1994)], tad-29 ta' Diċembru 1994, jipprovdi li din it-taxxa ("autovero" aktar 'il quddiem it-"taxxa unika") hija dovuta lill-Istat qabel ma vettura privata tiġi rreġistrata jew tidħol fis-servizz fil-Finlandja".
3 Skond l-Artikolu 2 tal-liġi msemmija, "dħul fis-servizz fil-Finlandja jfisser id-dħul fiċ-ċirkolazzjoni ta' vettura fit-territorju Finlandiż, anke meta din ma tkunx ġiet irreġistrata fil-Finlandja".
4 L-Artikolu 35 ta' l-istess liġi jistabbilixxi eċċezzjonijiet għall-impożizzjoni tat-taxxa unika, partikolarment fil-konfront tal-vetturi użati b'permess ta' trasferiment.
5 Skond l-Artikolu 8 tal-liġi Nru 1090/2002 dwar il-vetturi [ajoneuvolaki (1090/2002)], tal-11 ta’ Diċembru 2002, "il-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom kollha […] għandhom jiġu rreġistrati u ssuġġettati għal kontroll tekniku ħlief f'dawk l-eċċezzjonijiet stabbiliti minn jew bis-saħħa ta' din il-liġi. Il-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom kollha […] li ma jkunux ġew legalment irreġistrati jew issuġġettati għall-kontroll tekniku ma jistgħux jidħlu fiċ-ċirkulazzjoni".
6 Skond l-Artikolu 64 ta' l-istess liġi, jistgħu jiġu stabbiliti eċċezzjonijiet għar-reġistrazzjoni permezz ta' digriet leġiżlattiv. B'hekk, l-Artikolu 8 tad-digriet leġiżlattiv Nru 1598/1995 dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi [asetus ajoneuvojen rekisteröinnistä (1598/1995)], tat-18 ta' Diċembru 1995 (aktar 'il quddiem id-"digriet leġiżlattiv dwar ir-reġistrazzjoni), isemmi dawn l-eċċezzjonijiet.
7 Skond l-Artikolu 8(2) ta' dan id-digriet leġiżlattiv:
"Vettura rreġistrata f'pajjiż barrani jew vettura li jkollha pjanċja tan-numru ta' reġistrazzjoni provviżorja tista’ tiddaħħal fiċ-ċirkulazzjoni fil-Finlandja mingħajr dikjarazzjoni ta' reġistrazzjoni taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 46 sa 48, 48a, 49 sa 51, 51a, 51b u 52 sa 56. L-istess jgħodd għaċ-ċirkulazzjoni ta' vettura li jkun inħarġilha permess ta' trasferiment".
8 L-Artikolu 48 ta' l-istess digriet leġiżlattiv jgħid:
"1. L-awtoritajiet inkarigati bir-reġistrazzjoni u l-amministrazzjoni tad-dwana jistgħu, sabiex jissuġġettaw vettura għall-kontroll tekniku, għall-finijiet tat-trasferiment, ta' l-espożizzjoni, tal-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni jew tal-wiri fil-Finlandja ta' vettura li mhijiex irreġistrata f'dan il-pajjiż, jew għal raġuni oħra partikolari għall-finijiet tat-trasferiment ta' vettura, joħorġu, wara li ssir applikazzjoni għal dan l-għan, permess ta' trasferiment bil-miktub li jawtorizza t-tpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni ta' din il-vettura. In-numri (adeżivi) ta' trasferiment jingħataw mal-ħruġ tal-permess ta' trasferiment.
2. Dan il-permess ta' trasferiment jinħareġ sakemm il-vettura tkun koperta minn assigurazzjoni tal-karozzi għar-responsabbiltà ċivili valida u sakemm it-taxxi annwali fuq il-vetturi bil-magni diesel ["moottoriajoneuvovero"] jew petrol ["ajoneuvovero"] ikunu ġew imħallsa.
3. Il-permess ta' trasferiment jinħareġ għaż-żmien neċessarju għaċ-ċirkulazzjoni tal-vettura. Fin-nuqqas ta' raġuni partikolarment serja, permess ma jistax jinħareġ għal perijodu ta' iktar minn sebat ijiem. Il-parteċipazzjoni f'kompetizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala raġuni serja.
4. Vettura ma tistax tintuża b'permess ta' trasferiment jekk ma tkunx fi stat li tiċċirkola minħabba l-kundizzjoni tagħha, id-daqs tagħha jew it-toqol tagħha."
9 It-taxxi annwali msemmija fl-Artikolu 48(2) tad-digriet dwar ir-reġistrazzjoni ġew sostitwiti minn taxxa annwali ġdida ("ajoneuvovero") introdotta permezz tal-liġi Nru 1281/2003 dwar it-taxxa annwali fuq il-vetturi [ajoneuvoverolaki (1281/2003)], tat-30 ta' Diċembru 2003. Il-vetturi li, fil-konfront tagħhom, nħareġ permess ta' trasferiment huma eżenti minn din it-taxxa annwali skond l-Artikolu 12(10) ta' din il-liġi.
10 L-Artikolu 21(2) tad-digriet Nru 1116/2003 dwar l-informazzjoni mniżżla fir-reġistru tal-vetturi [valtioneuvoston asetus ajoneuvoliikennerekisterin tiedoista (1116/2003)], tat-18 ta' Diċembru 2003, jelenka l-informazzjoni dwar il-permess ta' trasferiment li hija riprodotta fir-reġistru tal-vetturi:
"[…] L-informazzjoni segwenti tal-permess ta' trasferiment għandha tiġi mniżżla fir-reġistru: l-isem, l-indirizz, in-numru personali jew in-numru ta' l-impriża jew assoċjazzjoni tad-detentur tal-permess, il-marka tal-vettura, il-mudell, in-numru tal-kostruttur, in-numru tar-reġistrazzjoni, l-assigurazzjoni tal-karozzi għar-responsabbiltà ċivili, id-data tal-ħruġ tal-permess u l-awtorità li ħarġitu, il-perijodu ta' validità tiegħu, l-iskop tagħha, il-pagamenti relatati mal-permess u, jekk ikun il-każ, l-itinerarju"
Il-proċedura prekontenzjuża
11 Wara li rċeviet diversi lmenti dwar il-leġiżlazzjoni Finlandiża u l-prassi ta' l-awtoritajiet kompetenti dwar il-ħruġ tal-permess ta' trasferiment mitlub għall-importazzjoni ta' vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor, fis-17 ta' Mejju 2002, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-Repubblika tal-Finlandja fejn talbitu għal kjarifiki dwar il-leġiżlazzjoni u l-prassi in kwistjoni.
12 Fid-dawl tar-risposti pprovduti mill-Istat Membru imsemmi, li hija qieset li kienu insodisfaċenti, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura prekontenzjuża b'ittra ta' intimazzjoni tad-9 ta' April 2003, fejn osservat li l-obbligu impost fuq il-persuni residenti fil-Finlandjia, li japplikaw għal permess ta' trasferiment meta jaqsmu l-fruntiera Finlandiża, ixekkel il-moviment liberu tal-merkanzija, bi ksur ta' l-Artikolu 28 KE. Il-Kummissjoni indikat ukoll li l-perijodu ta' validità tal-permess ta' trasferiment ta' sebat ijiem huwa qasir wisq, u, għaldaqstant, imur kontra dan id-dispożittiv.
13 Permezz ta' opinjoni motivata tas-16 ta' Diċembru 2003, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika tal-Finlandja sabiex tieħu l-miżuri neċessarji biex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni f'terminu ta' xahrejn li jibdew jiddekorru minn meta tirċievi l-istess opinjoni.
14 Peress li r-Repubblika tal-Finlandja rrepetiet l-osservazzjonijiet inizjali tagħha u ma kkonformatx ruħha ma’ l-opinjoni msemmija fit-terminu preskritt, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors bis-saħħa ta' l-Artikolu 226(2) KE.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
15 Il-Kummissjoni tqis li l-Artikoli 28 KE u 30 KE jipprekludu s-sistema tal-permess ta' trasferiment stabbilita mid-digriet leġiżlattiv dwar ir-reġistrazzjoni. Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx li hemm nuqqas bħal dan, il-Kummissjoni ssostni li l-perijodu ta' validità ta' l-imsemmi permess, jiġifieri sebat ijiem, huwa, minnu nnifsu, kuntrarju għall-Artikoli msemmija meta jitqies il-qosor tiegħu.
16 Il-Kummissjoni tikkunsidra l-proċedura tal-permess ta' trasferiment bħala stadju amministrattiv regolatorju li jippreċedi l-proċedura ta' reġistrazzjoni proprja tal-vettura, meta persuna li tirrisjedi fil-Finlandja tkun trid timporta vettura li tkun legalment irreġistrata fi Stat Membru ieħor.
17 Il-Kummissjoni tqis li l-kreazzjoni ta' permess bħal dan għandha l-karatteristiċi ta' restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni jew ta' miżura b'effett ekwivalenti skond l-Artikolu 28 KE, safejn persuna li tirrisjedi fil-Finlandja ma għandha l-ebda garanzija legali li tista’ ddaħħal fiċ-ċirkulazzjoni fil-Finlandja vettura legalment irreġistrata fi Stat Membru ieħor li timporta hemmhekk.
18 Skond il-Kummissjoni, b'mod partikolari mill-Artikolu 48 tad-digriet fuq ir-reġistrazzjoni, jirriżulta li l-ħruġ tal-permess ta' trasferiment huwa fid-diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr, konsegwentament, ma l-applikant għandu garanzija li jinħariġlu.
19 Hija tenfasizza li d-detentur tal-vettura jkollu ġeneralment jieqaf meta jasal fil-fruntiera Finlandiża sabiex jitlob il-permess ta' trasferiment u li, f'kull każ, it-talba għal dan il-permess tirrikjedi, anki jekk din tkun ġiet mitluba bil-quddiem qabel ma tinqasam il-fruntiera, li l-persuna li tkun tixtieq timporta l-vettura tmur sa l-uffiċju tad-dwana. Barra minn dan, il-ħruġ tal-permess ta' trasferiment iwassal għal xi spejjeż.
20 Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tqis li l-ħruġ tal-permess ta' trasferiment ma huwa ġġustifikat minn l-ebda waħda mir-rekwiżiti imperattivi ta' interess ġenerali skond l-Artikolu 30 KE. B'mod partikolari, dan la jissodisfa r-rekwiżiti ta' l-effettività tal-kontroll fiskali u lanqas l-iskop tas-sigurtà fit-toroq.
21 Ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni, b'mod prinċipali, li s-sistema tal-permess ta' trasferiment, li hija differenti mill-proċedura ta' reġistrazzjoni tal-vetturi nfisha, ma tikkostitwixxix restrizzjoni għall-importazzjonijiet skond l-Artikolu 28 KE.
22 In sostenn ta' l-argument tagħha, hija ssostni li s-sistema msemmija għandha tiġi applikata kemm għall-użu temporanju fil-Finlandja ta' vetturi mhux irreġistrati u mhux intaxxati kif ukoll fil-każ fejn persuna li jkollha r-residenza abitwali tagħha fil-Finlandja timporta, minn pajjiż barrani, vettura li ma tkunx irreġistrata f'dan l-Istat Membru. Hija tippreċiża li l-ħruġ ta' l-imsemmi permess ma għandu l-ebda konnessjoni diretta mal-qsim tal-fruntiera peress li dan huwa marbut b'mod esklussiv mat-tpoġġija fiċ-ċirkulazzjoni ta' vettura, u billi, għaldaqstant, ir-rekwiżit tal-permess ta' trasferiment japplika mingħajr distinzjoni għall-vetturi kollha li għadhom mhumiex irreġistrati fil-Finlandja.
23 Ir-Repubblika tal-Finlandja tenfasizza, minbarra l-prezz pjuttost baxx tal-permess ta' trasferiment, ir-rapidità u s-sempliċità tal-proċedura għall-ksib ta' l-imsemmi permess, li jinħareġ mingħajr ma jsir kontroll tekniku tal-vettura minn qabel, billi mhuwiex meħtieġ li l-applikant ikollu l-pussess tal-vettura meta japplika għall-permess ta' trasferiment.
24 Barra minn hekk, hija tindika li l-ħruġ tal-permess ta' trasferiment huwa marbut ma' kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ma tistax tkun ibbażata fuq evalwazzjoni arbitrarja.
25 B'mod sussidjarju, ir-Repubblika tal-Finlandja tikkunsidra li l-proċedura tal-permess ta' trasferiment hija, f'kull każ, iġġustifikata, peress illi dan huwa l-iktar mezz sempliċi sabiex tiġi ggarantita l-kisba ta' l-għanijiet ta' effettività tal-kontroll fiskali, kif ukoll tas-sigurtà fit-toroq.
26 F'dan ir-rigward, hija ssostni, minn naħa waħda, li, meta vettura li ma tkunx irreġistrata fil-Finlandja tiċċirkola fit-territorju Finlandiż, għandu jkun jista’ jiġi vverifikat, mingħajr riskju li jsir żball, jekk din tkunx vettura eżenti mit-taxxa unika jew vettura li, fil-konfront tagħha, din it-taxxa għandha titħallas. L-eżistenza tal-permess ta' trasferiment tippermetti li jiġi stabbilit b'mod affidabbli, għall-vetturi li jappartjenu lil residenti Finlandiżi, id-data ta' meta bdiet tiċċirkola l-vettura, li hija d-data minn meta jibda jiġi kkalkolat il-perijodu ta' użu mingħajr ħlas ta’ taxxa, u tevita l-bżonn li jsiru ħafna kontrolli fit-toroq tal-vetturi li jkollhom pjanċi tan-numru ta' reġistrazzjoni barranin li jkunu neċessarji fin-nuqqas tal-permess imsemmi.
27 Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li s-sistema tal-permess ta' trasferiment tiggarantixxi li l-informazzjoni dwar il-vettura użata u d-detentur ta’ l-imsemmi permess tkun imniżżla fir-reġistru tal-vetturi. L-aġġornament ta' dan ir-reġistru huwa neċessarju sabiex jiġi kkontrollat il-ġbir tat-taxxa annwali. Barra minn hekk, l-informazzjoni msemmija hija indispensabbli fir-rigward ta' l-għan tas-sigurtà fit-toroq, partikolarment f'każ ta' ksur tal-kodiċi tat-triq jew ta' inċident.
28 Dwar il-perijodu ta' validità tal-permess ta' trasferiment, dan l-Istat iqis li dan huwa konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità u għaldaqstant ma jmurx kontra l-Artikoli 28 KE u 30 KE. Huwa jippreċiża li l-perijodu ta' validità jista' jiġi mtawwal fuq talba għal dan l-għan.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
29 Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE, minħabba li tirrikjedi li persuna residenti fil-Finlandja, li tixtieq timporta vettura rreġistrata legalment fi Stat Membru ieħor, tapplika għal permess ta' trasferiment sabiex tkun tista' ddaħħal lil din il-vettura fiċ-ċirkulazzjoni qabel ir-reġistrazzjoni tagħha fil-Finlandja u qabel il-ħlas tat-taxxi fuq il-vetturi.
30 Skond ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni tal-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 28 KE tkopri l-leġiżlazzjoni kollha ta' l-Istati Membri li tista' tostakola, b'mod dirett jew indirett, realment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑420/01, Ġabra p. I‑6445, punt 25; tat-23 ta' Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑192/01, Ġabra p. I‑9693, punt 39; tat-2 ta' Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑41/02, Ġabra p. I‑11375, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll ta' l-10 ta' Jannar 2006, De Groot en Slot Allium u Bejo Zaden, C‑147/04, Ġabra p. I‑245, punt 71).
31 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi li l-Artikolu 28 KE jipprekludi l-applikazzjoni, f'relazzjonijiet intrakomunitarji, ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li żżomm fis-seħħ, anki jekk purament bħala formalità, il-ħtieġa ta' liċenzji ta' importazzjoni jew kull proċedura oħra simili (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta' Frar 1983, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, magħrufa bħala "Ħalib UHT", 124/81, Ġabra p. 203, punt 9; tal-5 ta' Lulju 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑304/88, Ġabra p. I‑2801, punt 9, u tat-28 ta' Settembru 2006, Ahokainen u Leppik, C‑434/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20).
32 Hemm qbil li s-sistema tal-permess ta' trasferiment, li timponi formalitajiet għad-dħul fiċ-ċirkolazzjoni fil-Finlandja ta' vettura legalment irreġistrata fi Stat Membru ieħor li tiġi importata minn persuna residenti fil-Finlandja, tista' tostakola l-kummerċ intrakomunitarju tal-vetturi bil-mutur u tostakola l-aċċess għas-suq ta' merkanzija li hija legalment immanifatturata u/jew ikkummerċjalizzata fi Stati Membri oħrajn.
33 L-ostaklu huwa kkaratterizzat, b'mod partikolari, mill-passi li jkollu jieħu d-detentur tal-vettura bil-mutur li tkun ġejja minn Stat Membru ieħor qabel ma l-vettura msemmija tkun tista' tiġi użata legalment fuq it-territorju Finlandiż, passi li jistgħu, jekk ikun il-każ, jobbligaw lill-persuna interessata li tieqaf mal-fruntiera sabiex tingħata l-permess ta' trasferiment u li, f'kull każ, jinvolvu l-ispejjeż peress li l-permess msemmi mhuwiex b'xejn. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta' dan il-permess meta tinqasam il-fruntiera, il-vettura ma tistax, bħala prinċipju, titpoġġa fiċ-ċirkulazzjoni.
34 Barra minn hekk, il-ħruġ tal-permess ta' trasferiment, li mhuwa suġġett għal ebda terminu li jibda jiddekorri mid-depożitu ta' l-applikazzjoni sabiex jinħareġ l-imsemmi permess, ma jikkostitwixxix obbligu għall-amministrazzjonijiet kompetenti, skond it-termini ta' l-Artikolu 48(1) stess tad-digriet dwar ir-reġistrazzjoni, kif, barra minn dan, ikkonfermat ir-Repubblika tal-Finlandja waqt is-seduta.
35 Għaldaqstant, fid-dawl tas-setgħa ta' l-awtoritajiet kompetenti, l-applikant mhuwiex żgur li jikseb il-permess ta' trasferiment f'terminu raġjonevoli, liema permess huwa madankollu indispensabbli għat-tpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni tal-vettura b'mod konformi mar-rekwiżiti legali. Il-possibbiltà ta' appell kontra d-deċiżjoni amministrativa li tiċħad l-applikazzjoni magħmula għall-ħruġ tal-permess imsemmi mhijiex rilevanti f'dan ir-rigward.
36 Iċ-ċirkolazzjoni ħielsa hija dritt li l-eżerċizzju tiegħu ma jistax jiddependi minn setgħa diskrezzjonali jew minn tolleranza ta' l-amministrazzjoni nazzjonali (ara s-sentenza magħrufa bħala "Ħalib UHT", iċċitata aktar 'il fuq, punt 10).
37 Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi kkontestat li d-dokument in kwistjoni huwa biss validu matul perijodu qasir u li hemm ir-riskju ta' l-immobilizzazzjoni tal-vettura, meta jiskadi t-terminu ta' sebat ijiem stabbilit mil-leġiżlazzjoni Finlandiża, anki qabel ma tkun tista' sseħħ ir-reġistrazzjoni finali u tiġi mħallsa t-taxxa.
38 Għalkemm il-permess ta' trasferiment in kwistjoni jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 28 KE, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi f'miżura b'effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista' tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE jew minn rekwiżiti imperattivi (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 29, u tal-5 ta' Frar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑270/02, Ġabra p. I‑1559, punt 21). Fiż-żewġ każijiet, id-dispożizzjoni nazzjonali għandha tkun adatta sabiex tiggarantixxi l-kisba ta' l-għan mixtieq u m'għandhiex tkunx tmur oltre minn dak li hu neċessarju sabiex dan l-għan jinkiseb (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-20 ta' Ġunju 2002, Radiosistemi, C‑388/00 u C‑429/00, Ġabra p. I‑5845, punti 40 sa 42, u tat-8 ta' Mejju 2003, ATRAL, C‑14/02, Ġabra p. I‑4431, punt 64).
39 F'dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom iġibu provi, minn naħa waħda, li l-leġiżlazzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex jinkiseb wieħed jew iktar mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 30 KE jew tar-rekwiżiti imperattivi u, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlazzjoni msemmija hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi iċċitati aktar 'il fuq ATRAL, punt 67; tad-19 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, punti 30 u 31, kif ukoll tal-5 ta' Frar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 22).
40 Fl-ewwel lok, f'dak li jirrigwarda l-argument miġjub mir-Repubblika tal-Finlandja li l-permess ta' trasferiment huwa indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan tas-sigurtà fit-toroq, b'mod partikolari safejn din tippermetti identifikazzjoni preċiża tal-vetturi in kwistjoni permezz ta' l-aġġornament ta' l-informazzjoni li tidher fir-reġistru tal-vetturi, huwa stabbilit li s-sigurtà fit-toroq tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta' interess ġenerali li tista' tiġġustifika xkiel għall-moviment liberu tal-merkanzija (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta' Ottubru 1994, Van Schaik, C‑55/93, Ġabra p. I‑4837, punt 19; tat-12 ta' Ottubru 2000, Snellers, C‑314/98, Ġabra. p. I‑8633, punt 55, u tal-21 ta' Marzu 2002, Cura Anlagen, C‑451/99, Ġabra. p. I‑3193, punt 59).
41 Madankollu, ma ġiex ippruvat li l-ħruġ tal-permess ta' trasferiment flimkien mat-twaħħil, fuq il-vetturi, tal-liċenzji adeżivi ta' trasferiment, li jissostitwixxu r-reġistrazzjoni inizjali, kif ukoll ir-riproduzzjoni fir-reġistru tal-vetturi ta' l-informazzjoni li tirrigwarda dan il-permess huma effettivament intiżi sabiex jilħqu l-għan tas-sigurtà fit-toroq, partikolarment peress li l-ħtieġa ta' l-imsemmi permess ma tapplikax fil-konfront tal-vetturi kollha rreġistrati fi Stat Membru ieħor li jitpoġġew fiċ-ċirkolazzjoni fit-territorju Finlandiż.
42 F'kull każ, għandu jiġi enfasizzat, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li sakemm ma sseħħ ir-reġistrazzjoni finali fil-Finlandja, il-karatteristiċi tekniċi ta' dawn il-vetturi jistgħu jiġu identifikati indipendentement mill-Istat Membru fejn ikunu rreġistrati, ladarba l-Istati Membri kollha għandhom sistema ta' reġistrazzjoni tal-vetturi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta' Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑232/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 51).
43 Minn dak li ntqal aktar 'il fuq, jirriżulta li r-Repubblika tal-Finlandja ma wrietx li l-għan tas-sigurtà fit-toroq huwa ta' natura li jiġġustifika l-proċedura tal-permess ta' trasferiment.
44 Fit-tieni lok, f'dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq in-neċessita li jiġi assigurat, permezz tal-permess ta' trasferiment, kontroll fiskali effettiv, liema għan huwa, skond ġurisprudenza stabbilita, rekwiżit imperattiv li jista' jiġġustifika miżura b'effett ekwivalenti pprojbita mill-Artikolu 28 KE (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta' Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 176/84, Ġabra p. 1193, punt 25), huwa stabbilit li r-Repubblika tal-Finlandja tista' b'mod leġittimu tistabbilixxi proċeduri ta' kontroll li jippermettu li jiġi vverifikat liema huma l-vetturi li, għalkemm għandhom jiġu rreġistrati fil-Finlandja, jistgħu jiġu eżentati b'mod temporanju mit-taxxi fuq il-vetturi.
45 Madankollu, fir-rigward ta' l-evalwazzjoni dwar il-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni kontetenzjuża u tal-kwistjoni dwar jekk l-għan imfittex jistax jintlaħaq permezz ta' restrizzjonijiet li jolqtu b'mod aktar ħafif il-kummerċ intrakomunitarju, għandu jingħad li r-Repubblika tal-Finlandja ma turix b'mod konkret il-karattru proporzjonat tar-restrizzjoni għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija in kwistjoni meta mqabbla ma; l-għan segwit.
46 Fil-fatt, miżuri inqas ristrettivi jistgħu jassiguraw riżultat simili, billi jippermettu li tiġi stabbilita d-data li fiha beda l-użu tal-vettura mingħajr ma t-taxxi fuq il-vetturi jkunu ġew imħallsa. F'dan ir-rigward, mis-sottomissjonijiet bil-miktub li ġew ippreżentati u mid-diskussjonijiet li seħħew matul is-seduta, kif ukoll mill-punt 83 tal-Konklużjoniiet ta' l-Avukat Ġenerali, jirriżulta b'mod partikolari li, fost dawn il-miżuri, hemm ukoll l-istabbiliment ta' sistema ta' dikjarazzjoni obbligatorja tat-tpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni fuq inizjattiva tal-proprjetarju jew tad-detentur tal-vettura, flimkien ma' pieni xierqa fil-każ ta' nuqqas li titwettaq din il-formalità amministrattiva. Flimkien ma' dikjarazzjoni bħal din jista' jiġi stabbilit terminu raġjonevoli li jibda jiddekorri mid-data tad-dikjarazzjoni tat-tpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni, li matulu jkun awtorizzat l-użu tal-vettura minkejja li l-persuna suġġetta għal dan l-obbligu ma tkunx għadha ħallset it-taxxa dovuta fuq il-vettura.
47 Fid-dawl tal-kunsiderazzjoniet li jippreċedu, għandu jiġi kkonstatat li, billi tirrikjedi permess ta' trasferiment għat-tpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni ta' vetturi legalment irreġistrati u użati fi Stat Membru ieħor, kif inhu previst mid-digriet leġiżlattiv dwar ir-reġistrazzjoni, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE
Fuq l-ispejjeż
48 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Finlandja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:
1) Billi tirrikjedi permess ta' trasferiment għat-tpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni ta' vetturi legalment irreġistrati u użati fi Stat Membru ieħor, kif inhu previst mid-digriet leġiżlattiv Nru 1598/1995 dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi [asetus ajoneuvojen rekisteröinnistä (1598/1995)], tat-18 ta' Diċembru 1995, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE
2) Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.
Full & Egal Universal Law Academy