SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
8 ta' Ġunju 2006 (*)
"Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi –Direttiva 79/409/KEE – Derogi għas-sistema ta’ protezzjoni"
Fil-kawża C-60/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2005, fil-kawża
WWF Italia et
vs
Regione Lombardia,
fil-preżenza ta’ :
Associazione migratoristi italiani (ANUU),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk, R. Silva de Lapuerta (Relatur), P. Kūris u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2005,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal WWF Italia u l-Lega per l’abolizione della caccia (LAC), minn C. Linzola, avvocato,
– għar-Regione Lombardia, minn P. D. Vivone u S. Gallonetto, avvocati,
– għall-Associazione migratoristi italiani (ANUU), minn I. Gorlani u S. A. Pappas, avvocati,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn A. Cingolo, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u D. Recchia, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta' Frar 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1, iktar ‘il quddiem id-"Direttiva").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-assoċjazzjoni WWF l-Italja flimkien ma tliet assoċjazzjonijiet oħra, u r-Regione Lombardia, rigward il-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa ta’ l-ispeċi ta' l-isponsun (Fringilla coelebs) u l-isponsun Nordiku (Fringella montifringilla) għall-istaġun tal-kaċċa 2003/2004.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skond l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva għandha bħala għan il-protezzjoni, il-ġestjoni u r-regolarizzazzjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar selvaġġi naturali kollha, u hija intiża sabiex tirregola l-użu.
4 Għal dan l-iskop, id-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni li tinkludi, b’mod partikolari, il-projbizzjoni tal-qtil, tal-qbid jew tat-tfixkil ta’ l-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1 u li jinqerdu l-bejtiet tagħhom.
5 Madankollu l-Artikolu 9 tad-Direttiva jawtorizza ċerti derogi fit-termini li ġejjin :
"1. L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5, 6, 7 u 8, fejn ma hemmx ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin :
a) – fl-interess tas-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku,
– fl-interess tas-sigurtà ta’ l-ajru,
– biex ikunu prevenuti l-ħsarat serji ta’ l-uċuħ, tal-bhejjem, tal-foresti, tas-sajd u ta’ l-ilma,
– għall-protezzjoni tal-flora u l-fawna ;
b) għall-għanijiet tar-riċerka u t-tagħlim, tar-ripopolazzjoni, l-introduzzjoni mill-ġdid u għat-tagħmmir neċessarju għal dawn l-għanijiet;
c) biex jippermettu, taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta u fuq bażijiet selettivi, l-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar.
2. Id-derogi għandhom jispeċifikaw :
– l-ispeċi li huma suġġetti għad-derogi,
– il-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi awtorizzati għall-qabda jew il-qtil,
– il-kundizzjonijiet tar-riskju u ċ-ċirkostanzi taż-żmien u l-post skond liema derogi bħal dawn jistgħu jingħataw,
– l-awtorità li jkollha s-setgħa li tiddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu sodisfatti u li tiddeċiedi liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jkunu użati, f’liema limiti u minn min,
– il-kontrolli li se jkunu magħmula.
[…]"
Id-dritt intern
6 L-Artikolu 9 tad-Direttiva kien ġie traspost fis-sistema ġuridika Taljana permezz ta’ l-Artikolu 19a tal-Liġi Nru 157, tal-11 ta’ Frar 1992, fuq il-fawna selvaġġa omeoterma
u l-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa (legge 11 febbraio 1992, n. 157, Norme per la protezione della fauna selvatica omeoterma e per il prelievo venatorio, supplement ordinarju għall-GURI Nru 46, tal-25 ta’ Frar 1992), kif emendat permezz tal-Liġi Nru 221, tat-3 ta’ Ottubru 2002 (GURI Nru 239, tal-11 ta’ Ottubru 2002, iktar ‘il quddiem il-"Liġi Nru 157/92"), li jgħid :
"1. Ir-reġjunijiet għandhom jirregolaw l-eżerċizzju tad-derogi previsti mid-Direttiva […], filwaqt li jikkonformaw ruħhom mal-preskrizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9, għall-prinċipji u għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1 u 2 ta’ din id-Direttiva, kif ukoll għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.
2. Id-derogi, fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet sodisfaċenti oħra, ma jistgħux jingħataw ħlief għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva […] u għandhom isemmu l-ispeċi li huwa s-suġġett tagħhom, il-mezzi, l-arranġamenti u l-metodi ta’ kaċċa awtorizzata, il-kundizzjonijiet ta' riskju, iċ-ċirkustanzi ta’ żmien u ta' post tal-kaċċa, in-numru ta’ annimali li jistgħu jiġu kkaċċjati kull ġurnata u fuq il-perijodu kollu, il-kontrolli u s-sistemi ta’ sorveljanza kollha li għalihom il-kaċċa tkun suġġetta u l-organi inkarigati għal dan, bla ħsara għall-Artikolu 27(2). Il-persuni awtorizzati għall-kaċċa b’deroga huma nnominati mir-reġjuni, bi ftehim ma l-għaqdiet tal-kaċċa territorjali […] u ż-żoni alpini.
3. Id-derogi msemmija fil-paragrafu 1 huma validi għal perijodi ddeterminati, wara li tingħata opinjoni mill-Istituto nazionale per la fauna selvatica (Istitut Nazzjonali tal-Fawna Selvaġġa) jew mill-instituzzjonijiet irrikonoxxuti fuq livell reġjonali, u fi kwalunkwe każ ma jistgħux ikollhom bħala suġġett l-ispeċi li l-importanza numerika tagħhom qed tonqos b’mod gravi.
4. Fuq proposta tal-Ministru ta’ l-Affarijiet Reġjonali, flimkien mal-Ministru ta’ l-Ambjent u ta' l-Iżvilupp tat-Territorju, u wara deliberazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri, il-President tal-Kunsill tal-Ministri jista’, wara li jinnotifika r-reġjun ikkonċernat, jannulla d-derogi adottati minn dan ir-reġjun li jkunu qed jiksru d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u tad-Direttiva […].
5. Għat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, kull reġjun għandu jibgħat lill-President tal-Kunsill tal-Ministri, jew lill-Ministru ta’ l-Affarijiet Reġjonali jekk ikun il-każ, lill-Ministru ta’ l-Ambjent u ta’ l-Iżvilupp tat-Territorju, lill-Ministru tal-Politika Agrikola u tal-Foresti, lill-Ministru tal-Politika Komunitarja kif ukoll l-INFS, rapport fuq l-implementazzjoni tad-derogi msemmija f’dan l-Artikolu; dan ir-rapport għandu jiġi trażmess ukoll lill-kummissjonijiet parlamentari kompetenti. Il-Ministru ta’ l-Ambjent u ta’ l-Iżvilipp tat-Territorju għandu jibgħat kull sena lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva […]."
7 Ir-Regione Lombardia adottat il-liġi reġjonali Nru 18 tat-2 ta’ Awwissu 2002 (iktar ‘il quddiem il-"liġi reġjonali Nru 18/02") fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 19a tal-Liġi Nru 157/92. L-Artikolu 2(2) ta’ din il-liġi reġjonali jawtorizza l-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa ta’ l-ispeċi sponsun u sponsun Nordiku.
8 L-Artikolu 4 ta’ din l-istess liġi jipprovdi li l-President tal-Giunta regionale della Lombardia, wara li jkun sema l-INFS iwaqqaf miżuri ta’ limitazzjoni jew ta’ sospensjoni tal-kaċċa awtorizzata minn din il-liġi minħabba l-bidu ta’ żviluppi negattivi ta’ l-istat tal-popolazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ kaċċa derogatorja msemmija fl-Artikolu 2 iktar ‘il fuq.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 Permezz tar-rikors tagħhom quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti prinċipali jitolbu l-annullament, wara sospensjoni ta’ l-effetti tagħha, tad-Deċiżjoni Nru 14250 tal-Giunta regionale della Lombardia, tal-15 ta’ Settembru 2003, dwar il-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa ta’ ċerti kwantitajiet ta’ għasafar selvaġġi li jiffurmaw parti mill-ispeċi sponsun u sponsun Nordiku matul l-istaġun tal-kaċċa 2003/2004. Din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Reġjonali Nru 18/02.
10 Fiż-żewġ noti ta' l-14 ta’ Mejju u l-24 ta’ Ġunju 2003, l-INFS osservat li l-kontinġent massimu li jsita’ jiġi kkaċċjat fit-territorju Taljan kollu għall-istaġun tal-kaċċa 2003/2004 kien ta’ 1500000 kampjun għall-ispeċi sponsun u 52000 kampjun għall-ispeċi sponsun Nordiku.
11 Ċerti reġuni Taljani sussegwentement qassmu l-kontinġenti ta’ l-ispeċi li jistgħu jiġu kkaċċjati. Għaldaqstant, fuq il-bażi tal-ftehim li kienu saru, ir-Regione Lombardia ġiet allokata kwota ta’ kaċċa ta’ 360000 sponsun u 32000 sponsun Nordiku.
12 Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti sostnew li l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa derogatorja mogħtija mir-Regione Lombardia mhijiex legali, u ġġustifikaw l-allegazzjoni tagħhom bil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin :
– din l-awtorizzazzjoni tipprovdi l-possibbiltà li jintużaw il-kampjuni ta’ l-ispeċi kkonċernati bħala insib ħaj meta t-tnejn huma speċi protetti;
– din tirriżulta mit-tqassim bejn ħames reġjuni biss ta’ kwota massima stabbilità mill-INFS fuq livell nazzjonali;
– il-kontrolli mitluba mill-Artikolu 9 tad-Direttiva biex jiggarantixxu r-rispett tal-kwoti massimi tal-kaċċa ma kinux ġew previsti.
13 Ir-rikorrenti prinċipali sostnew ukoll li l-Artikolu 19a tal-Liġi Nru 157/92 imur kontra d-Direttiva fil-każ li fih huwa jagħti lir-reġjuni l-poter li jirregolaw l-implementazzjoni tad-derogi previsti fid-Direttiva mingħajr ma jistabbilixxu l-mod kif jiġi ddeterminat u rrispettat il-kontinġent massimu ta’ kampjuni li jistgħu jiġu kkaċċjati fuq it-territorju nazzjonali kollu.
14 Il-konvenuta fil-kawża prinċipali sostniet, min-naħa tagħha, li l-Artikolu 19a tal-Liġi Nru 157/92 jagħti lir-reġjuni inkarigati li jirregolaw il-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa li jidderogaw mis-sistema ta’ protezzjoni stabbilità mid-Direttiva wara li jkunu rċevew obbligatorjament l-opinjoni, li mhux vinkolanti, ta’ l-INFS jew ta’ istituzzjonijiet oħra rrikonoxxuti fuq livell reġjonali.
15 It-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia jiddubita li l-Artikolu 19a tal-Liġi Nru 157/92 jassigura l-applikazzjoni effettiva ta’ l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva. Huwa fil-fatt josserva li din id-dispożizzjoni tissuġġetta d-determinazzjoni tal-kontinġent massimu ta’ kampjuni li jistgħu jiġu kkaċċjati għal opinjoni li mhux vinkolanti, għalkemm obbligatorja, ta’ l-INFS jew ta’ istituzzjonijiet oħra rrikonoxxuti fuq livell reġjonali, mingħajr ma tipprevedi sistema li tistabbilixxi dan il-kontinġent b’tali mod li jorbot it-territorju nazzjonali kollu, u l-ebda mekkaniżmu li jista’ jiddetermina t-tqassim bejn ir-reġjuni tal-kontinġent nazzjonali li jistgħu jiġu kkaċċjati. Fl-aħħar nett, din il-qorti tosserva li s-sistema ta’ kontroll tal-konformità tal-miżuri reġjonali mal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u Komunitarji, mill-fatt tad-dewmien tal-proċedura tagħha, ma tissodisfax l-eżiġenzi ta’ ħeffa marbuta man-neċessità li tevita l-kaċċa illegali matul il-perijodu qasir (madwar 40 ġurnata) li għalihom hija applikabbli d-deroga.
16 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amminstrativo regionale per la Lombardia ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja :
"1) Id-Direttiva […] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri, indipendentement mit-tqassim intern tal-kompetenzi stabbiliti mis-sistemi ġuridiċi nazzjonali bejn l-Istat u r-reġjuni, għandhom l-obbligu li jipprovdu dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni li jkopru s-sitwazzjonijiet kollha li din id-Direttiva tikkunsidra approprjati għall-protezzjoni, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-garanzija li l-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa derogatorju ma jeċċedix in-numri żgħar imsemmija fl-Artikolu 9(1)(c ) tad-Direttiva ?
2) Fir-rigward, b’mod aktar partikolari, tal-kwantitajiet tal-kaċċa derogatorja, id-Direttiva […] għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni għandha tagħmel riferiment għal parametru determinat jew determinabbli, anki jekk fdata lil entitajiet tekniċi kkwalifikati, b’tali mod li t-twettiq ta’ l-imsemmija kaċċa sseħħ fuq il-bażi ta’ indikaturi li jistabbilixxu oġġettivament limitu kwantitattiv li ma jistax jinqabeż fuq livell nazzjonali, jiġifieri reġjonali, fir-rigward ta’ l-eżistenza eventwali ta’ kundizzjonijiet ambjentali differenti ?
3) Id-dispożizzjoni nazzjonali msemmija fl-Artikolu 19a tal-Liġi Nru 157/92, filwaqt li ssottomettiet għal opinjoni obbligatorja imma mhux vinkolanti ta’ l-INFS id-determinazzjoni ta’ dan il-parametru, mingħajr madankollu ma tipprevedi proċedura ta’ ftehim bejn ir-reġjuni li jistabbilixxu b’mod vinkolanti, għal kull speċi, it-tqassim tan-numru massimu ta’ kampjuni li jistgħu jiġu kkaċċati skond id-deroga ddeterminat fil-livell nazzjonali bħala korrispondenti għal numru żgħir, jikkostitwixxi applikazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva […]?
4) Il-proċedura ta’ kontroll prevista fl-Artikolu 19a tal-Liġi Nru 15792 għal dak li jikkonċerna l-konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitajra tal-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa derogatorja li huma awtorizzati mir-reġjuni Taljani hija tali li tassigura l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva […] fid-dawl tal-fatt li din il-proċedura hija ppreċeduta minn fażi ta’ notifika u, għaldaqstant, suġġetta għal termini tekniċi li magħhom jiżdiedu t-termini neċessarji għall-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tal-miżura, terminu li matulhom jgħaddi l-perijodu qasir li fih din il-kaċċa hija permessa ?"
Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari
17 Ir-Regione Lombardia u l-Associazione migratoristi italiani (ANUU) jikkontestaw l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari għar-raġuni li l-qorti nazzjonali titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fost oħrajn, li tagħti deċiżjoni fuq ir-rilevanza u l-legalità tat-tqassim tal-kompetenzi ġewwa r-Repubblika Taljana. Barra minn hekk, id-domandi mressqa mill-imsemmija qorti għandhom bħala suġġett il-konformità ta’ dispożizzjonijiet interni ma’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva.
18 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilità, jekk huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma tistax tiddeċiedi la fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt intern ta’ l-Istati membri la fuq il-konformità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt Komunitarju, hija tista’ madankollu tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li huma ta’ natura li jippermettu lill-qorti nazzjonali li tiddeċiedi dwar il-kawża li tressqet quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1989, Parfümerie-Fabrik 4711, C-150/88, Ġabra p. I-3891, punt 12, u tal-21 ta’ Settembru, Borawitz, C-124/99, Ġabra p. I-7293, punt 17).
19 Dan ikun ċertament differenti fl-ipoteżi fejn huwa manifest li d-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzzja ma tkunx tista’ tiġi applikata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C-297/88 u C-197/89, Ġabra p. I-3763, punt 40). Madankollu dan mhuwiex il-każ.
20 Jirriżulta mill-kliem tad-domandi preliminari kif ukoll mill-motivi tad-deċiżjoni ta’ rinviju li l-qorti nazzjonali tixtieq interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva f'dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju, mill-Istati Membri, tad-derogi li din id-dispożizzjoni tipprovdi. Din il-qorti tixtieq b’mod partikolari li lilha tiġi kkjarifikata l-portata ta’ l-imsemmija dispożizzjoni fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tagħha fil-kuntest ta’ struttura statali deċentralizzata.
21 Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li din l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva tista' tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi neċessarji sabiex din tkun tista’ tagħti deċiżjoni fuq il-kawża prinċipali.
22 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
23 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva għandhomx jirregolaw is-sitwazzjonijiet kollha suġġetti għas-sistema ta’ protezzjoni prevista minn din id-Direttiva, b’mod partikolari l-kundizzjoni li tirriżulta mill-Aritkolu 9(1)(c) ta’ din ta’ l-aħħar, li l-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa derogatorja għandhom ikunu limitati għal "numri żgħar" ta’ għasafar.
24 F’dan ir-rigward, għandu mal-ewwel jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-projbizzjonijiet previsti fid-Direttiva għandhom jiġu adottati fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma biżżejjed ċari u preċiżi, peress illi l-preċiżjoni tat-traspożizzjoni għandha importanza partikolari f’qasam fejn il-ġestjoni tal-wirt komuni huwa fdat, għat-territorju rispettiv tagħhom, lill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 247/85, Ġabra p. 3029, punt 9, u tas-27 ta’ April 1988, Il-Kummissjoni vs Franza, 252/85, Ġabra p. 2243, punt 5).
25 Għandu wkoll jiġi rrilevat li, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom dwar l-adozzjoni ta’ derogi, skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva, l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri għandhom jieħdu kunsiderazzjoni ta’ bosta elementi ta’ evalwazzjoni li jirrigwardaw data ta’ natura ġeografika, klimatika, ambjentali u bijoloġika kif ukoll, b’mod partikolari, fuq is-sitwazzjoni tar-riproduzzjoni u l-imwiet annwali u totali minħabba kawżi naturali ta’ l-ispeċi.
26 Inkwantu għal dawn l-elementi ta’ evalważżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-79/03, Ġabra p. I-11619, punt 36), u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-344/03, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 53), irrilevat li, skond id-dokument intitolat "It-Tieni Rapport tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi", ta’ l-24 ta’ Novembru 1993 [COM(93) 572 finali] kull kampjun inferjuri għal 1% tan-numru totali u annwali ta’ mwiet tal-popolazzjoni kkonċernata (valur medju) għall-ispeċi li ma jistgħux jiġu kkaċċjati u għal 1% għall-ispeċi li jistgħu jiġu kkaċċjati jikkostitwixxi numru żgħir. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat f’dan ir-rigward li dawn l-elementi kwantitattivi huma bbażati fuq ix-xogħlijiet tal-kumitat ORNIS għall-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku tad-Direttiva, stabbilit skond l-Artikolu 16 tagħha u kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri.
27 Jirriżulta wkoll mis-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 41, u Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punt 54 li, jekk huwa veru li l-perċentwali kkunsidrati iktar ‘il fuq ma jorbtux legalment l-Istati Membri, huma jistgħu madankollu jikkostitwixxu, minħabba l-awtorità xjentifika li għandhom ix-xogħlijiet tal-kumitat ORNIS u minħabba l-assenza ta’ produzzjoni ta’ kull element ta’ prova xjentifika kuntrarja, bażi ta’ riferiment sabiex jevalwaw jekk deroga mogħtija skond l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva hijiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni (ara, b'analoġija, għal dak li jikkonċerna r-rilevanza ta’ data xjentifika fil-qasam ornitoloġiku, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-3/96, Ġabra p. I-3031, punti 69 u 70, kif ukoll tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-374/98, Ġabra p. I-10799, punt 25).
28 Minn dan jirriżulta li, ikun xi jkun it-tqassim intern tal-kompetenzi stabbili skond is-sistema ġuridika nazzjonali, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipprovdu kuntest leġiżlattiv u regolamentari li jiggarantixxi li l-kaċċa ta’ l-għasafar ma tiġix effettwata ħlief fir-rispett tal-kundizzjoni ta' "numri żgħar", prevista fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva, u dan fuq il-bażi ta’ informazzjoni xjentifika rigoruża, ikun xi jkun l-ispeċi kkonċernat.
29 Għaldaqstant l-ewwel domanda għandha tingħatalha r-risposta li l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva jobbliga l-Istati Membri, ikun xi jkun it-tqassim intern tal-kompetenzi stabbilit permezz ta’ l-ordni ġuridiku nazzjonali, matul l-adozzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jiggarantixxu li, fil-każijiet kollha ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fiha u għall-ispeċi protetti kollha, il-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa awtorizzat ma jaqbiżx livell ekwivalenti għall-limitazzjoni ta’ l-imsemmja kaċċa għal numri żgħar impost minn din id-dispożizzjoni, peress illi dan il-limitu għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ informazzjoni xjentifika rigoruża.
Fuq it-tieni domanda
30 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti nazzjonali tistaqsi essenzjalment fuq il-grad ta’ preċiżjoni li għandu jikkaratterizza d-dispożizzjonijet nazzjonali ta’ traspożizzjoni għal dak li jikkonċerna l-parametri tekniċi li fuq il-bażi tagħhom kontinġenti korrispondenti għal "numri żgħar" ta’ għasafar jista' jiġi stabbilit, skond l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva.
31 Għandu jiġi rrilevat li l-ħdax-il premessa tad-Direttiva tindika li l-kundizzjoni relativa għal "numri żgħar" li għalihom il-kaċċa hija awtorizzata skond id-deroga għandha tiġi limitat ma tistax tiġi ddeterminata b’riferiment għal kriterju assolut, imma għandha tiġi kkunsidrata mal-livell tal-popolazzjoni ta’ l-ispeċi kkonċernata, ir-rata ta’ riproduzzjoni tagħha u l-imwiet annwali.
32 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-derogi skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva jistgħu jiġu adottati biss jekk teżisti l-garanzija li l-popolazzjoni ta’ l-ispeċi kkonċernati tinżamm f’livell sodisfaċenti. Fin-nuqqas ta’ dan, il-kaċċa ta’ għasafar ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi kkunsidrata bħala legali u, għaldaqstant, li tikkostitwixxi użu ammissibbli, skond il-ħdax il-premessa tad-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux et, C-182/02, Ġabra p. I-12105, punt 17).
33 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sabiex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li ma jirrikorrux għad-derogi previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva ħlief b’mod li huwa konformi mad-dritt Komunitarju, il-kuntest leġiżlattiv u regolamentari nazzjonali għandu jiġi kkonċepit b’tali mod li l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet bid-deroga msemmija fih jirrispondu għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.
34 Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sentenza tas-7 ta’ Marzu 1996, Associazione italiana per il WWF et (C-118/94, Ġabra p. I-1223, punti 23, 25 u 26), il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli f’dan il-qasam għandha ssemmi l-kriterji ta’ deroga b’mod ċar u preċiż, u għandha tobbliga lill-awtoritajiet inkarigati bl-applikazzjoni tagħhom jieħduhom in kunsiderazzjoni. Fir-rigward ta’ sistema ta’ deroga, li għandha tiġi interpretata b’mod strett u tassenja l-oneru tal-prova ta’ l-eżistenza tal-kundizzjonijiet mitluba, għal kull deroga, lill-awtorità li tieħu d-deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiggarantixxu li kull intervent li jmiss l-ispeċi protetti jiġi awtorizzat biss fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet li jinkludu motivazzjoni preċiża u adegwata, li jirreferu għall-motivi, għall-kundizzjonijiet u għall-eżiġenzi previsti fl-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva.
35 Minbarra dan, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li varjazzjonijiet kwantitattivi kbar jeżistu bejn il-popolazzjonijiet differenti ta’ għasafar għalkemm kull deċiżjoni li tidderoga mis-sistema ta’ protezzjoni rekwiżita mid-Direttiva għandha tikkunsidra s-sitwazzjoni ta’ l-ispeċi li tirrigwardaha.
36 B’hekk it-tieni domanda għandha tingħatalha r-risposta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni dwar il-kunċett ta’ "numri żgħar", imsemmija fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva, għandhom jippermettu lill-awtoritajiet, inkarigati li jawtorizzaw il-kaċċa taħt deroga ta’ għasafar ta’ speċi partikolari, li jibbażaw ruħhom fuq indikaturi li għandhom preċiżjoni suffiċjenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-limiti kwantitattivi li għandhom jiġu rrispettati.
Fuq it-tielet domanda
37 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti nazzjonali tixtieq interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar kif l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li, matul l-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, in-numru massimu ta’ għasafar ta’ speċi partikolari li jistgħu jiġu kkaċċjati ma jinqabiżx fuq it-territorju nazzjonali kollu. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk l-imsemmija dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li jirriżulta minnha obbligu li tiġi stabbilità konsultazzjoni bejn l-entitajiet infrastatali inkarigati li jagħtu l-awtorizzazzjonijiet ta’ kaċċa derogatorja sabiex tqassim tal-kwantitajiet ta’ għasafar li jistgħu jiġu kkaċċjati mill-imsemmija entitajiet flimkien ikun jista’ jiġi stabbilit b’mod vinkolanti.
38 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-qasam tal-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-projbizzjonijiet preskritti mid-Direttiva għandhom jiġu adottati f’dispożizzjonijiet nazzjonali preċiżi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-339/84, Ġabra p. I-851, punt 28).
39 Minbarra dan, jirriżulta mis-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-157/89, Ġabra p. I-57, punti 16 u 17), li sitwazzjoni li fiha d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva ma jassigurawx li l-awtoritajiet infrastatali inkarigati bl-implementazzjoni tagħha jkollhom l-obbligu li jikkunsidraw dawn il-kriterji tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.
40 Konsegwentement, meta l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva hija delegata lil entitajiet infrastatali, il-kuntest leġiżlattiv u regolamentari applikabbli għandu jiggarantixxi li t-total tal-kaċċa ta’ għasafar li jista' jiġi awtorizzat minn dawn l-entitajiet jibqa’, għat-territorju nazzjonali kollu, fil-limitu tan-"numri żgħar" imposti mill-imsemmija dispożizzjoni.
41 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tielet domanda għandha tingħatalha risposta li, matul it-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiggarantixxu li, indipendentement min-numru u mill-identità ta’ l-awtoritajiet inkarigati, fi ħdanhom, bl-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, it-total tal-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa awtorizzat, għal kull speċi protetta, minn kull wieħed minn dawn l-awtoritajiet, ma jeċċedix il-limitu skond il-limitazzjoni ta’ l-imsemmija kaċċa għal "numri żgħar" iffissat għal din l-istess speċi, għat-territorju nazzjonali kollu.
Fuq ir-raba’ domanda
42 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq l-eżiġenza eventwali ta’ termini massimi li fihom għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet amministrattivi marbuta mal-kontroll ta’ l-awtorizzazzjonijiet ta’ kaċċa u tar-rispett tal-kundizzjonijiet tagħhom. B’mod aktar partikolari, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi proċedura ta’ kontroll ta’ l-awtorizzazzjoni għal kaċċa derogatorja ta’ għasafar li jinkludi fażi preliminari ta’ notifika u li hija suġġetta għal termini tekniċi li matulhom jgħaddi l-perijodu qasir li matulu din il-kaċċa hija awtorizzata.
43 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 28 tas-sentenza tas-27 ta’ April 1988, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ‘il fuq, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni għandha tassigura li l-kaċċa ta’ għasafar issir b’mod strettament ikkontrollat u selettiv. Dan jimplika li kontroll effettiv jiġi eżerċitat matul il-perijodi msemmija mid-deċiżjonijiet derogatorji għas-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva.
44 Minn dan jirriżulta li l-kuntest proċedurali nazzjonali applikabbli fil-qasam għandu jiggarantixxi mhux biss li l-legalità tad-deċiżjonijiet li jagħtu awtorizzazzjonijiet derogatorji għas-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva tkunu tista' tiġi vverifikata fiż-żmien stipulat, imma wkoll li l-kundizzjonijiet imposti f'dawn id-deċiżjonijiet jiġu rrispettati.
45 Issa, mekkaniżmu ta’ kontroll li fil-kuntest tiegħu l-annullament ta’ deċiżjoni li tawtorizza kaċċa derogatorja adottata bi ksur ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva jew il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-kundizzjonijiet imosti f'deċiżjoni li tawtorizza tali kaċċa jidħol fis-seħħ biss fl-iskadenza tal-perijodu previst sabiex titwettaq din il-kaċċa jċaħħad l-effikaċja tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilità mid-Direttiva.
46 Fil-fatt, kif osserva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-poter ta’ intervent fiż-żmien stipulat u b’mod suffiċjenti f’sitwazzjonijiet fejn deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti jwaslu jew jheddu li jwaslu għal riżultat li jmur kontra l-preskrizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-Direttiva jaqa’ taħt il-garanzija dwar ir-rispett tal-kwantitajiet massimi ta’ kaċċa ta’ għasafar joħroġ mis-sistema derogatorja stabbilità mill-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva.
47 Għaldaqstant ir-raba domanda għandha tingħatalha risposta li l-obbligu fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu l-kaċċa ta’ għasafar jsir biss f’"numri żgħar", skond l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva, jirrikjedi li l-proċeduri amministrattivi previsti jiġu organizzati b’tali mod li kemm id-deċiżjonijet ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jawtorizzaw il-kaċċa derogatorja kif ukoll il-mod li permezz tagħhom dawn id-deċiżjonijiet jiġu applikati jiġu suġġetti għal kontroll effettiv eżerċitat fiż-żmien stipulat.
Fuq l-ispejjeż.
48 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, jobbliga l-Isati Membri, ikun xi jkun it-tqassim intern tal-kompetenzi stabbilit permezz ta’ l-ordni ġuridiku nazzjonali, matul l-adozzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jiggarantixxu li, fil-każijiet kollha ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fiha u għall-ispeċi protetti kollha, il-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa awtorizzat ma jaqbiżx livell ekwivalenti għal-limitazzjoni ta’ l-imsemmija kaċċa għal numri żgħar impost minn din id-dispożizzjoni, peress illi dan il-limitu għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ informazzjoni xjentifika rigoruża.
2) Id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni dwar il-kunċett ta’ "numri żgħar" imsemmija fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 79/409 għandhom jippermettu lill-awtoritajiet, inkarigati li jawtorizzaw il-ġbir ta’ kampjuni eċċezzjonali ta’ għasafar ta’ speċi partikolari, li jibbażaw ruħhom fuq indikaturi li għandhom preċiżjoni suffiċjenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-limiti kwantitattivi li għandhom jiġu rrispettati.
3) Matul it-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 79/409, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiggarantixxu li, indipendentement min-numru u mill-identità ta’ l-awtoritajiet inkarigati, fi ħdanhom, bl-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, it-total tal-ġbir ta’ kampjuni tal-kaċċa awtorizzat, għal kull speċi protetta, minn kull wieħed minn dawn l-awtoritajiet, ma jeċċedix il-limitu skond il-limitazzjoin ta’ l-imsemmija kaċċa għal "numri żgħar", iffissat għal din l-istess speċi, għat-territorju nazzjonali kollu.
4) L-obbligu fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li l-kaċċa ta’ għasafar ssir biss f’"numri żgħar" skond l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 79/409, jirrikjedi li l-proċeduri amministrattivi previsti jiġu organizzati b’tali mod li kemm id-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jawtorizzaw il-kaċċa kif ukoll il-mod li permezz tagħhom dawn id-deċiżjonijet jiġu applikati jiġu suġġetti għal kontroll effettiv eżerċitat fiż-żmien stipulat.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy