SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
13 ta' Lulju 2006 (*)
"Kisba tas-suq intern – Approssimazzjoni ta' liġijiet – Vetturi bil-mutur – Proċedura ta' approvazzjoni Komunitarja – Direttiva 70/156/KEE – Skop – Klassifikazzjoni skond il-karatteristiċi tekniċi tat-tipi ta' vetturi – Inċidenza fuq il-klassifikazzjoni ta' vetturi ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-kundizzjonijiet tat-traffiku fit-toroq"
Fil-kawża C-83/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Amtsgericht Freiburg (il-Ġermanja), permezz ta' Deċiżjoni ta' l-14 ta' Jannar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-18 ta' Frar 2005, fil-kawża mressqa minn
Bernd Voigt,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn J. Malenovský, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet u A. Borg Barthet (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Tizzano,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ġermaniż, minn U. Forsthoff, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis u M. Heller, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata' l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE, tas-6 ta' Frar 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU L 42, p.1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/53/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992 (ĠU L 225, p. 1, iktar 'il quddiem "id-Direttiva 70/156").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża mressqa minn B. Voigt dwar infrazzjoni ta' natura amministrattiva imposta fuqu mir-Regierungspräsidium Karlsruhe-Bretten (il-Presidenza tad-distrett ta' Karlsruhe-Bretten).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Il-motivi li wasslu l-leġiżlatur Komunitarju jadotta d-Direttiva 70/156 jinsabu fil-premessi ta' din ta' l-aħħar, kif ġej:
"[…] f’kull Stat Membru l-vetturi bil-mutur, intiżi għal ġarr ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri, għandhom ikunu konformi ma ċerti kundizzjonijiet tekniċi mandatorji; […] dawn [il-kundizzjonijiet] huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor; [minħabba d-differenzi bejniethom,] […] ifixklu l-kummerċ fil-Komunità Ekonomika Ewropea;
[…] tfixkil bħal dan għall-istabilizzar u t-tħaddim xieraq tas-suq komuni jista’ jitnaqqas u anke jiġi eliminat jekk l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess kundizzjonijiet, jew bħala żieda jew minflok il-liġijiet eżistenti tagħhom;
[…] hija l-prattika stabbilita ta’ l-Istati Membri li jivverifikaw li l-vetturi jkunu konformi mal-kundizzjonijiet tekniċi relevanti qabel dawn jitpoġġew fis-suq; […] dan l-ivverifikar isir fuq it-tipi ta’ vetturi;
[...]
[…] fuq livell Komunitarju, huwa neċessarju li tkun introdotta proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-Komunità għal kull tip ta’ vettura, sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata l-konformità mal-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq, u sabiex kull Stat Membru jkun jista’ jirrikonoxxi l-kontrolli li jkunu saru mill-Istati Membri l-oħrajn;
[…] dik il-proċedura għandha tippermetti lil kull Stat Membru li jaċċerta jekk [kull] tip ta’ vettura [t]kunx għadd[iet] mill-kontrolli stabbiliti b’Direttiva separata u elenkati f’ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip; […] dik il-proċedura għandha tippermetti lill-fabbrikant li jwettaq b’ċertifikat tal-konformità l-vetturi kollha li jkunu konformi ma’ tip approvat; […] vettura li jkollha ċertifikat bħal dan, għandha tkun meqjusa mill-Istati Membri kollha bħala konformi mal-liġijiet tagħhom; […] kull Stat Membu għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn bis-sejbiet tiegħu billi jibgħat kopja taċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip komplut għal kull tip ta’ vettura li tkun ġiet approvata.
[...]"
4 L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 70/156 jipprovdi li:
"Din id-Direttiva tapplika għal-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom mibnija f'fażi waħda jew aktar, ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsubin għall-użu fuq dawn il-vetturi u l-karrijiet."
5 Skond l-Artikolu 2 ta' l-imsemmija Direttiva:
– l-approvazzjoni tat-tip tfisser "il-proċedura li permezz tagħha Stat Membru jiċċertifika li tip ta' vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata tissodisfa l-ħtiġiet tekniċi rilevanti ta' din id-Direttiva jew ta' Direttiva separata li tinstab fil-lista eżawrjenti li hemm fl-Anness IV jew XI";
– vettura tfisser "kwalunkwe vettura bil-mutur maħsuba għall-użu fit-triq, kompleta jew mhux kompleta, li jkollha mill-inqas erba' roti u veloċità massima ddisinjata li teċċedi l-25 km/h, u l-karrijiet tagħha, bl-eċċezzjoni tal-vetturi li jimxu fuq il-linji u tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u tal-makkinarju mobbli kollu" u,
– tip ta' vettura tfisser "vetturi ta' kategorija waħda li mhumiex differenti f'mill-inqas id-dettalji essenzjali speċifikati fl-Anness II.B. Tip ta' vettura jista' jkollu varjanti u verżjonijiet (Ara l-Anness II.B)".
6 Skond l-Anness II tad-Direttiva 70/156, il-kategorija "M 1" tinkludi vetturi użati għat-trasport ta' passiġġieri u li ma fihomx, apparti s-sedil tas-sewwieq, aktar minn tmien sedili.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tat-traffiku fit-toroq jinsabu f'testi ta' liġijiet u regolamenti differenti. Huma rilevanti fil-kawża prinċipali l-liġi dwar it-traffiku fit-toroq (Strassenverkehrsgesetz, iktar 'il quddiem is-"StVG"), il-kodiċi tat-triq (Strassenverkehrsordnung, iktar 'il quddiem is-"StVO"), u l-liġi dwar it-trasport ta' persuni (Personenbeforderungsgesetz, iktar 'il quddiem il-"PbefG"). Id-Direttiva 70/156 ġiet trasposta fis-sistema ġuridika Ġermaniża mir-Regolament dwar l-approvazzjoni Komunitarja tat-tip ta' vetturi u komponenti ta' vetturi (Verordnung über die EG-Typgenehmigung für Fahrzeuge und Fahrzeugteile, tad-9 ta' Diċembru 1994, emendat l-aħħar fis-7 ta' Frar 2004). Il-kodiċi tar-reġistrazzjoni ta' vetturi bil-mutur, (Strassenverkehrszulassungsordnung, iktar 'il quddiem is-"StVZO") jirregola esklużivament il-proċedura ta' reġistrazzjoni kif ukoll l-assigurazzjoni obbligatorja, u fih regoli applikabbli għall-produzzjoni u l-użu ta' vetturi.
8 Is-StVO jiddefinixxi r-regoli li għandhom jiġu osservati meta tinsaq vettura bil-mutur. F'materja ta' veloċità, huwa jiffissa, għal dak li jikkonċerna l-karozzi tal-passiġġieri, regoli differenti minn dawk applikabbli għal vetturi oħrajn bil-mutur. Din id-distinzjoni tirriżulta mill-ewwel punt tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 18(5) tas-StVO, dispożizzjoni rilevanti fil-kawża priċipali, li tillimita l-veloċità massima fuq l-awtostrada ta' vetturi oħra, barra l-karozzi tal-passiġġieri, għal 80 km/h. Dawn ta' l-aħħar m'huma suġġetti għal ebda limitu ġenerali ta' veloċità.
9 Is-StVO ma fih ebda definizzjoni tal-kunċett ta' "karozza tal-passiġġieri". L-Artikolu 4(4) tal-PbefG jiddefinixxi l-karozzi tal-passiġġieri bħala vetturi bil-mutur li, "fid-dawl ta' kif ġew prodotti, huma adatti u intiżi għat-trasport ta' mhux iktar minn disa' persuni (inkluż is-sewwieq)".
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 Fil-21 ta' Ottubru 2003, waqt li kien qed isuq, fuq awtostrada federali 'l barra minn żona mibnija, vettura bil-mutur tat-tip "Sprinter" prodotta mill-kumpannija DaimlerChrysler AG, ta' toqol totali awtorizzat ta' 4.6 tunnellati, B. Voigt għadda minn kontroll. Billi l-veloċità ta' l-imsemmija vettura, imnaqqsa bil-marġni ta' tolleranza permess, kienet ta' 134 km/h, ir-Regierungspräsidium Karlsruhe-Bretten, permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Novembru 2003, imponiet fuq B. Voigt ammenda amministrattiva ta' EUR 275, peress li huwa qabeż b'54 km/h il-veloċità massima awtorizzata ta' 80 km/h applikabbli b'mod partikolari għal vetturi tqal. Il-persuna kkonċernata ġiet assuġġettata wkoll għas-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal xahrejn, kif ukoll l-iskrizzjoni ta' erba' punti fir-reġistru ċentrali tat-traffiku. Il-vettura misjuqa minn B. Voigt, li kienet suġġetta għal approvazzjoni Komunitarja skond it-tip fil-kategorija "M 1", hija rreġistrata – skond id-dokumenti ta' reġistrazzjoni – bħala karozza tal-passiġġieri.
11 B. Voigt ikkontesta dawn il-miżuri fis-27 ta' Novembru 2003. Filwaqt li rrefera għaċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni tal-vettura kkonċernata li jgħid li din ta' l-aħħar hija kklassifikata bħala karozza tal-passiġġieri, huwa sostna li l-limitu ta' veloċità ta' 80 km/h fuq l-awtostrada, 'il barra minn żona mibnija, applikabbli b'mod partikolari għal vetturi tqal ma kinitx taffettwa l-imsemmija vettura, li kienet suġġetta għal-limitazzjonijiet li jirrigwardaw il-karozzi tal-passiġġieri.
12 Permezz ta' deċiżjoni ta' l-10 ta' Marzu 2004, is-Staatsanwaltschaft Freiburg irrefera l-inkartament ta' B. Voigt lill-Amtsgericht Freiburg sabiex tiddeċiedi dwar il-piena li għandha tiġi imposta. Fid-29 ta' April 2004, din il-qorti tat deċiżjoni li biha B. Voigt instab mhux ħati. Is-Staatsanwaltschaft Freiburg appella kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Karlsruhe. Fis-26 ta' Awwissu 2004, l-Oberlandesgericht Karlsruhe annullat id-deċiżjoni ta' liberazzjoni. Hija sostniet li l-kawża prinċipali kienet tirrikjedi konstatazzjonijiet ta' fatt ulterjuri fir-rigward tal-verżjoni speċifika tal-vettura tat-tip "Sprinter" misjuqa minn B. Voigt, billi tittieħed in kunsiderazzjoni d-distinzjoni applikabbli bejn il-verżjonijiet differenti ta' din il-vettura, kif stabbilita f'deċiżjoni li ngħatat il-ġurnata ta' qabel u li tirrigwarda kawża simili, li fiha ġie kkunsidrat li l-indikazzjoni "karozza tal-passiġġieri" fid-dokumenti ta' reġistrazzjoni ma kinitx rilevanti.
13 Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Amtsgericht Freiburg iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) Id-Direttiva 70/156[...], trasposta fil-liġi Ġermanżi fl-EG-TypV (Verordnung über die EG-Typgenehmigung fur Fahrzeuge und Fahrzeugteile, tad-9 ta' Diċembru 1994, emendata l-aħħar fis-7 ta' Frar 2004), għandha tiġi interpretata fis-sens li s-sewwieq ta' vettura bil-mutur irreġistrata bħala karozza tal-passiġġieri wara approvazzjoni li saret abbażi ta' approvazzjoni Komunitarja tat-tip jista' jsuq din il-karozza fit-toroq bħala tip ta' vettura li tkun ġiet approvata, u s-sewwieq ta' din il-vettura bil-mutur huwa suġġett, b'mod partikolari, biss għar-regoli ta' veloċità applikabbli għall-karozzi tal-passiġġieri?
2) L-awtoritajiet kompetenti għall-prosekuzzjoni ta' reati tat-traffiku huma kompetenti li, għall-iskopijiet tal-kwalifikazzjoni tat-tip ta' vettura, jiddikjaraw invaliditi l-approvazzjonijiet maħruġa mill-Uffiċċju Federali tal-Vetturi bil-Mutur abbażi ta' l-approvazzjoni Komunitarja skond it-tip, kif ukoll ir-reġistrazzjonijiet, maħruġa mill-awtoritajiet Ġermaniżi, għar-reġistrazzjoni, abażati ta' dawn l-approvazzjonijiet Komunitarji skond it-tip, meta jiġu stabbiliti r-regoli ta' veloċità li għandhom jiġu osservati mis-sewwieq ta' tali tip ta' vettura?"
Fuq id-domandi preliminari
14 Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk id-Direttiva 70/156 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li vettura bħal dik fil-kawża prinċipali mhijiex suġġetta għal-limiti nazzjonali ta' veloċità li jirrigwardaw il-karozzi tal-passiġġieri iżda għal dawk applikabbli għal vetturi tqal, anki jekk din il-vettura tkun ġiet irreġistrata bħala karozza tal-passiġġieri abbażi ta' approvazzjoni Komunitarja tat-tip mogħtija skond l-imsemmija direttiva.
15 Qabel kollox, għandu jiġi osservat, minn naħa, li d-Direttiva 70/156, li tirreferi b'mod espliċitu biss għall-klassifikazzjoni internazzjonali ta' vetturi bil-mutur fil-kategoriji M, N jew O kif stabbiliti fl-Anness II tagħha, ma fiha ebda dispożizzjoni li tkopri l-klassifikazzjoni ta' vetturi bil-mutur fil-kategorija ta' "karozzi tal-passiġġieri". Min-naħa l-oħra, skond il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, jekk il-produttur tal-vettura in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandu approvazzjoni Komunitarja tat-tip "M 1" għal tali vettura, huwa biss fl-istadju ta' reġistrazzjoni ta' din il-vettura mill-awtoritajiet Ġermaniżi li din ta' l-aħħar tkun ġiet ikklassifikata bħala karozza tal-passiġġieri.
16 Id-Direttiva 70/156 fiha dispożizzjonijiet li għandhom bħala suġġett, skond il-premessi tagħha, it-twaqqif u l-implementazzjoni ta' proċedura ta' approvazzjoni Komunitarja għal kull tip ta' vettura, li tissostitwixxi l-proċeduri ta' approvazzjoni preċedenti fis-seħħ fl-Istati Membri. L-iskop ta' tali approvazzjoni Komunitarja ma jistax jiġi ddeterminat biss billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-kamp ta' applikazzjoni preċiż tad-Direttiva 70/156.
17 Din id-direttiva tindika b'mod kronoloġiku l-proċedura ta' approvazzjoni tat-tip, il-proċedura sussegwenti għall-għoti ta' ċertifikat ta' approvazzjoni, it-tfassil mill-produttur taċ-ċertifikat ta' konformità kif ukoll l-obbligu ta' l-Istati Membri li jikkontrollaw, fid-dawl tar-reġistrazzjoni, il-konformità tal-produzzjoni mat-tip approvat. Id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija direttiva għandhom bħala għan li jneħħu l-ostakli għall-moviment liberu ta' merkanzija. L-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet u tal-karatteristiċi tekniċi tikkostitwixxi mezz ta' kif jintlaħaq dan il-għan. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 70/156 ma fiha ebda indikazzjoni li tmur lil hinn minn din l-armonizzazzjoni. B'mod partikolari, hija ma fiha ebda dispożizzjoni li tgħin lill-Istati Membri għal dak li jikkonċerna r-regoli ta' veloċità applikabbli għall-kategoriji differenti ta' vetturi bil-mutur li għalihom saret approvazzjoni Komunitarja tat-tip.
18 Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 70/156 tapplika wkoll għall-karatteristiċi tekniċi ta' tip ta' vettura u ma fiha ebda dispożizzjoni oħra dwar ir-regoli tat-traffiku fit-toroq li għandhom jiġu osservati mis-sewwieqa ta' vetturi bil-mutur.
19 Għandu jiġi osservat ukoll li d-Direttiva 70/156 hija bbażata fuq l-Artikolu 100 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 100 tat-Trattat KE, li, wara emenda, sar 94 KE) jew fuq l-Artikolu 100 A tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 100 A tat-Trattat KE, li, wara emenda, sar 95 KE) dwar il-kompetenzi fil-qasam ta' l-armonizzazzjoni fid-dawl tal-kisba tas-suq komuni jew tas-suq intern.
20 F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jirriżulta la mill-kliem tad-Direttiva 70/156 u lanqas mill-iskop tagħha, li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jorbot ma' l-approvazzjoni Komunitarja tat-tip ta' vetturi, stabbilita mill-imsemmija direttiva sabiex jitneħħew l-ostakli għall-kisba tas-suq intern, konsegwenzi għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali tat-traffiku fit-toroq li jirregolaw il-veloċità ta' kategoriji differenti ta' vetturi bil-mutur.
21 Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula mill-Amtsgericht Freiburg hija li d-Direttiva 70/156 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li vettura bħal dik fil-kawża prinċipali ma tkunx suġġetta għal-limiti nazzjonali ta' veloċità li jirrigwardaw il-karozzi tal-passiġġieri iżda għal dawk applikabbli għal vetturi tqal, anki jekk din il-vettura tkun ġiet irreġistrata bħala karozza tal-passiġġieri abbażi ta' approvazzjoni Komunitarja tat-tip mogħtija skond l-imsemmija direttiva.
Fuq l-ispejjeż
22 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE, tas-6 ta' Frar 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/53/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li vettura bħal dik fil-kawża prinċipali ma tkunx suġġetta għal-limiti nazzjonali ta' veloċità li jirrigwardaw il-karozzi tal-passiġġieri iżda għal dawk applikabbli għal vetturi tqal, anki jekk din il-vettura tkun ġiet irreġistrata bħala karozza tal-passiġġieri abbażi ta' approvazzjoni Komunitarja tat-tip mogħtija skond l-imsemmija direttiva.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy