Kawża C-127/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u L-Irlanda ta’ Fuq
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Direttiva 89/391/KEE — Artikolu 5(1) — Obbligu ta’ min iħaddem li jassigura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-aspetti kollha marbuta max-xogħol — Responsabbiltà ta’ min iħaddem”
Sommarju tas-Sentenza
Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 89/391 dwar l-implementazzjoni ta’ miżuri intiżi li jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol
(Direttiva tal-Kunsill 89/391, Artikolu 5(1), (4) u (6) sa (12))
Il-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement skond id-dritt li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 89/391, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, billi ddeffinixxa, fil-limitu ta’ dak li huwa raġonevolment prattikabbli, l-obbligu ta’ min iħaddem li jassigura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-aspetti kollha marbuta max-xogħol.
Fil-fatt, fir-rigward tal-firxa tar-responsabbiltà ta’ min iħaddem minħabba l-konsegwenzi ta’ kull inċident li jipperikola s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391 jissuġġetta lil min iħaddem għall-obbligu li jiggarantixxi lill-ħaddiema ambjent tax-xogħol mingħajr periklu, li l-kontenut tiegħu huwa stabbilit mill-Artikoli 6 sa 12 ta’ l-imsemmija direttiva kif ukoll minn diversi direttivi partikolari li jipprovdu l-miżuri ta’ prevenzjoni li għandhom jiġu adottati f’ċerti setturi ta’ produzzjoni speċifiċi. B’hekk, din id-dispożizzjoni sempliċement tistabbilixxi l-obbligu ġenerali ta’ sigurtà fuq min iħaddem, mingħajr ma ssemmi xejn dwar kwalunkwe forma ta’ responsabbiltà, u b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ responsabbiltà assoluta.
Fir-rigward ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 89/391, li jipprovdi l-fakultà lill-Istati Membri li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ min iħaddem “fejn l-okkorrenzi jkunu dovuti għal ċirkostanzi mhux tas-soltu u li ma setgħux jiġu mbassra, mhux fil-kontroll ta’ min iħaddem, jew minħabba każijiet eċċezzjonali, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li tkun ingħatat kull attenzjoni meħtieġa”, dan huwa intiż li jiċċara l-portata ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Direttiva billi jippreċiża l-limiti ta’ manuvra li l-Istati Membri għandhom fit-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, minn din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi dedotta, abbażi ta’ interpretazzjoni kuntrarja, l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu sistema ta’ responsabbiltà assoluta fuq min iħaddem.
(ara l-punti 41-42, 48-49, 58)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
14 ta’ Ġunju 2007 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 89/391/KEE – Artikolu 5(1) – Obbligu ta’ min iħaddem li jassigura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-aspetti kollha marbuta max-xogħol – Responsabbiltà ta’ min iħaddem”
Fil-kawża C-127/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-21 ta’ Marzu 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M.-J. Jonczy u N. Yerrell, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u L-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn C. Gibbs, bħala aġent, assistita minn D. Anderson, QC, u D. Barr, barrister,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet (Relatur), U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2006,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Jannar 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi limitat l-obbligu ta’ min iħaddem li jassigura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-aspetti kollha konnessi max-xogħol “safejn ikun raġonevolment prattikabbli”, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u L-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, p. 1).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 L-għaxar premessa tad-Direttiva 89/391 tgħid:
“[…] għandhom jiġu ntrodotti jew imtejba miżuri ta’ prevenzjoni mingħajr dewmien sabiex jipproteġu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema u sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni”.
3 Skond it-tlettax-il premessa ta’ din id-Direttiva:
“[…] t-tijib fis-sigurtà, iġjene u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol huwa għan li ma għandux jiġi subordinat għal kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi”.
4 Id-Direttiva msemmija tinkludi, fit-Taqsima I, bit-titolu "Dispożizzjonijiet Ġenerali", l-Artikolu 1 li jiddisponi:
“1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu introdotti miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.
2. Għal dak il-għan fiha prinċipji ġenerali li jikkonċernaw il-prevenzjoni ta’ riskji kkaġunati mix-xogħol, il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa, l-eliminazzjoni ta’ fatturi ta’ riskju u ta’ aċċident, l-informar, ikkonsultar, parteċipazzjoni bilanċjata skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali u t-taħriġ ta’ ħaddiema u tar-rapreżentanti tagħhom, kif ukoll bħala linji ta’ gwida ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji.
3. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tal-Komunità eżistenti jew tal-futur li jkunu aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.”
5 L-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/391 jgħid:
“1. Stati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li min iħaddem, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema ikunu soġġetti għad disposizzjonijiet legali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.
2. B’mod partikolari, Stati Membri għandhom jiżguraw kontrolli u sorveljanzi adegwati.”
6 Din id-Direttiva tinkludi, taħt-Taqsima II, intitolata “Obbligi ta’ min iħaddem”, l-Artikolu 5 li l-kliem tiegħu jgħid hekk:
“Dispożizzjonijiet ġenerali
1. Min iħaddem għandu jkollu l-obbligu li jiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f’kull aspett relatat max-xogħol.
2. Fejn, skond l-Artikolu 7(3), min iħaddem jgħamel użu minn servizzi esterni jew persuni kompetenti, dan ma għandux jeħilsu mir-responsabbilitajiet f’dan il-qasam.
3. L-obbligi tal-ħaddiema fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq ix-xogħol ma għandhomx jaffettwaw il-prinċipju tar-responsabbilità ta’ min iħaddem.
4. Din id-Direttiva ma għandhiex tillimita l-għażla ta’ l-Istati Membri milli jipprovdu għall-esklużjoni jew il-limitazzjoni tar-responsabbilità ta’ min iħaddem fejn l-okkorrenzi jkunu dovuti għal ċirkostanzi mhux tas-soltu u li ma setgħux jiġu mbassra, mhux fil-kontroll ta’ min iħaddem, jew minħabba każijiet eċċezzjonali, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li tkun ingħatat kull attenzjoni meħtieġa.
Ma hemmx bżonn li l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla li hemm riferenza għaliha fl-ewwel subparagrafu.”
7 L-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva, li jistabbilixxi l-obbligi ġenerali ta’ min iħaddem, jgħid is-segwenti:
“1. Fi ħdan il-kuntest tar-responsabbilitajiet tiegħu, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għas-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema, inkluż il-prevenzjoni tar-riskji ikkaġunati mix-xogħol u l-għoti ta’ informazzjoni u taħriġ, kif ukoll ta’ l-għoti ta’ l-organizzazzjoni u mezzi meħtieġa.
Min iħaddem għandu joqgħod attent għall-ħtieġa li jaġġusta dawn il-miżuri sabiex jagħtu każ taċ-ċirkostanzi li jinbidlu u jimmira għat-titjib tas-sitwazzjonijiet eżistenti.
2. Min iħaddem għandu jimplimenta l-miżuri li hemm riferenza għalihom fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali ta’ prevenzjoni segwenti:
a) l-evitar ta’ riskji;
b) l-evalwar tar-riskji li ma jkunux jistgħu jiġu evitati:
ċ) il-ġlieda kontra r-riskji mis-sors;
d) addattazzjoni tax-xogħol għall-individwu, speċjalment fir-rigward tat-tfassil ta’ postijiet ta’ xogħol, l-għażla ta’ l-apparat tax-xogħol u l-għażla tal-metodi ta’ xogħol u produzzjoni, b’mod partikolari, sabiex jitnaqqas ix-xogħol monotonu u xogħol b’rata predeterminata ta’ xogħol u għat-tnaqqis ta’ l-effett tagħhom fuq is-saħħa.
e) addattazzjoni għall-progress tekniku;
f) bdil tal-perikoluż ma’ dak li mhux perikoluż jew anqas perikoluż;
g) żviluppar ta’ polza ta’ prevenzjoni fuq kollox koerenti li tkopri t-teknoloġija, l-organizzazzjoni tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol, relazzjonijiet soċjali u l-influwenza ta’ fatturi relatati ma’ l-ambjent tax-xogħol;
h) l-għoti ta’ prijorità għall-miżuri ta’ protezzjoni kollettivi fuq miżuri ta’ protezzjoni individwali;
i) għoti ta’ istruzzjonijiet xierqa lill-ħaddiema.
3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva, min iħaddem għandu, jagħti każ tan-natura ta’ l-attivitajiet ta’ l-impriża u/jew ta’ l-istabbiliment:
a) jevalwa r-riskji għas-sigurtà u għas-saħħa tal-ħaddiema, fosthom fl-għażla ta’ apparat tax-xogħol, is-sustanzi kimiċi jew preparazzjonijiet użati, u t-tfassil ta’ postijiet tax-xogħol.
Wara din l-evalwazzjoni u kif ikun hemm bżonn, il-miżuri ta’ prevenzjoni u l-metodi ta’ xogħol u ta’ produzzjoni implimentati minn min iħaddem għandhom:
– jassiguraw titjib fil-livell ta’ protezzjoni offruta lill-ħaddiema fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa,
– ikunu integrati fl-attivitajiet kollha ta’ l-impriża u/jew stabbiliment u fil-livelli ġerarkiċi kollha;
[…]”
8 L-Artikolu 16(1) u (3) tad-Direttiva 89/391 jipprovdi l-adozzjoni ta’ Direttivi partikolari f’ċerti setturi, filwaqt li jgħamel ċar li “d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jgħoddu fit-totalità tagħhom għaż-żoni kollha koperti mid-Direttivi individwali, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar stretti u/jew speċifiċi li hemm f’dawn id-Direttivi individwali.”
9 L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 89/391 jeħtieġ li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1992.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10 L-Artikolu 2(1) tal-liġi ta’ l-1974 fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (Health and Safety at Work Act etc 1974, aktar ‘il quddiem il-“HSW Act”) jiddisponi:
“Kull min iħaddem għandu l-obbligu li jassigura s-saħħa, is-sigurtà u l-kundizzjoni tajba tal-ħaddiema tiegħu kollha fuq il-post tax-xogħol safejn ikun raġonevolment prattikabbli.”
11 Il-ksur ta’ l-obbligi imposti fuq min iħaddem fl-Artikolu 2 ta’ l-HSW Act huma ssanzjonati kriminalment abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 33(1)(a), u 47(1) a) ta’ din il-liġi.
Il-proċedura prekontenzjuża
12 Fid-29 ta’ Settembru 1997 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju Unit li fiha fformulat kontra l-imsemmi Stat Membru ċertu numru ta’ lmenti dwar it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva 89/391. Fost dawn kien hemm dak dwar it-traspożizzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva f’dak li jirrigwarda l-inseriment, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tal-klawżola “so far as is reasonably practicable” (safejn dan huwa raġonevolment prattikabbli, aktar ‘il quddiem: il-“klawżola kkontestata”), li fil-parir tal-Kummissjoni, tillimita bi ksur ta’ l-Artikolu 5(1) il-portata ta’ l-obbligu impost fuq min iħaddem.
13 Fir-risposta tiegħu lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Diċembru 1997 u tat-23 ta’ Ottubru 2001, ir-Renju Unit sostna li l-klawżola kkontestata kienet tirrifletti d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/391 u li kienet konformi b’mod sħiħ mad-dritt Komunitarju. In sostenn ta’ l-argument tiegħu, dan ressaq lill-Kummissjoni diversi deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali li applikaw din il-klawżola.
14 Peress li ma kinitx konvinta mill-argument invokat mir-Renju Unit, il-Kummissjoni bagħtet, fit-23 ta’ Lulju 2003, opinjoni motivata li fiha, minn naħa, reġgħet għamlet l-ilment tagħha bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/391 u, min-naħa l-oħra, stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn minn notifika tagħha. Fuq talba tar-Renju Unit dan iż-żmien ġie mtawwal b’xahrejn oħra.
15 Peress li dan l-Istat Membru żamm il-pożizzjoni tiegħu fir-risposta li ta għall-opinjoni motivata dan l-Istat, skond liema l-akkużi tal-Kummissjoni kontra l-klawżola kkontestata ma kinux fondati, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
16 Skond il-Kummissjoni, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 89/391, kif ġiet effettwata mir-Renju Unit, ma twassalx għar-riżultat mistenni ta’ l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1) ta’ l-imsemmija Direttiva, meta din l-istess dispożizzjoni tinqara flimkien ma’ l-eċċezzjoni stabbilita fil-paragrafu (4) ta’ dan l-istess Artikolu 5.
17 Skond din l-istituzzjoni, għalkemm ma jimponix fuq min iħaddem l-obbligu li jassigura s-sigurtà assoluta ta’ l-ambjent tax-xogħol, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391 jimplika li min iħaddem jibqa’ responsabbli għall-konsegwenzi ta’ kull inċident għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jseħħ fl-impriża tiegħu.
18 L-unika deroga possibbli għal din ir-responsabbiltà tinsab fil-każ espressament stabbilit fl-Artikolu 5(4) ta’ din id-Direttiva. Din id-dispożizzjoni, li tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali tar-responsabbiltà ta’ min iħaddem, għandha tiġi interpretata b’mod strett.
19 Il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni f’dan is-sens ta’ l-imsemmi Artikolu 5 hija kkonfermata mix-xogħlijiet prepratorji tad-Direttiva 89/391, kif ukoll miċ-ċirkustanza li, filwaqt li l-ewwel Direttivi fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, qabel id-dħul fit-Trattat KE ta’ l-Artikolu 118 A, li sar l-Artikolu 138 KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew sostitwiti bl-Artikoli 136 KE sa 143 KE), li jipprovdu l-klawżola “safejn dan ikun raġonevolment prattikabbli” fid-definizzjoni ta’ l-obbligi imposti fuq min iħaddem, id-Direttivi sussegwenti, fosthom id-Direttiva 89/391, adottati abbażi ta’ dan l-Artikolu, kienu definittivament abbandunaw din il-klawżola.
20 Il-Kummissjoni tgħid li mid-dispożizzjonijiet tal-HSW Act jirriżulta, u b’mod partikolari mill-Artikolu 2(1) tiegħu moqri flimkien ma’ l-Artikoli 33 u 47 tal-liġi msemmija, li min iħaddem mhuwiex responsabbli għar-riskji li jidhru jew għall-konsegwenzi ta’ l-inċidenti li jseħħu fl-impriża tiegħu fil-każ fejn jirnexxielu juri prova li huwa adotta l-miżuri kollha ragonevolment prattikabbli sabiex jassigura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.
21 Il-Kummissjoni ssostni li, minħabba li limita l-obbligu ta’ min iħaddem, ir-Renju Unit jippermetti lil dan li jevita r-responsabbiltà imposta fuqhu jekk jirnexxielu juri li l-adozzjoni ta’ miżuri li jippermettu li jiġu ggarantiti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema kienu totalment sproporzjonati, f’termini ta’ spejjeż, ta’ żmien jew ta’ kwalunkwe diffikultà, meta mqabbla mar-riskju mġarrab.
22 Din waslet għall-konklużjoni li l-liġi tar-Renju Unit mhijiex konformi ma’ l-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 89/391.
23 Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-evalwazzjoni li għandha ssir abbażi tal-klawżola kkontestata timplika t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż tal-miżuri ta’ prevenzjoni, li huwa b’kuntradizzjoni enormi ma’ dak miktub fit-tlettax-il premessa ta’ l-imsemmija Direttiva.
24 B’risposta għall-argument invokat mir-Renju Unit b’mod sussidjarju, skond liema l-klawżola kkontestata hija f’kull każ kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet magħqudin ta’ l-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 89/391, il-Kummissjoni tgħid li l-imsemmi paragrafu (4), ma jistabbilixxi l-ebda deroga għall-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ min iħaddem ibbażata fuq “regola ta’ raġuni”, iżda jillimita ruħu li jipprevedi l-każijiet li fihom dan ta’ l-aħħar jista’, b’mod eċċezzjonali, jiġi eżentat minn responsabbiltà, fejn dawn jistgħu faċilment jiġu konnessi ma’ każijiet ta’ forza maġġuri.
25 Ir-Renju Unit ma jirrikonoxxix in-nuqqas akkużat u jsostni li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391 kien is-suġġett ta’ implementazzjoni suffiċjenti fid-dritt nazzjonali.
26 Dan l-Istat isostni li l-Artikolu 5(1) ta’ din id-Direttiva jidentifika lil min iħaddem bħala l-persuna li fuqha jaqa’ primarjament l-obbligu ta’ ħarsien tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tar-responsabbiltà ta’ min iħaddem hija fdata f’idejn l-Istati Membri skond l-obbligu li huma għandhom li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-dritt Komunitarju, li tiegħu l-Artikolu 4 ta’ l-imsemmija Direttiva jikkostitwixxi espressjoni speċifika.
27 Fir-rigward tal-portata ta’ l-obbligu impost fuq min iħaddem mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391, ir-Renju Unit iqis li dan l-obbligu, għalkemm espress f’termini assoluti, iqiegħed fuq min iħaddem mhux obbligu ta’ riżultat, li jikkonsisti li jiġi ggarantit ambjent ta’ xogħol ħieles minn kull riskju, iżda obbligu ġenerali ta l-għoti lill-ħaddiema ta’ postijiet tax-xogħol siguri, kunċett liema l-kontenut preċiż jista’ jiġi dedott mill-Artikoli 6 sa 12 ta’ din l-istess Direttiva u mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.
28 Din l-interpretazzjoni hija koerenti kemm mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391 li huma intiżi li jwettqu konkretament l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 5(1), b’mod partikolari fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-Direttiva, kif ukoll ma’ diversi rekwiżiti tad-Direttivi partikolari li, filwaqt li jippreċiżaw il-miżuri ta’ prevenzjoni li għandhom jiġu adottati f’ċerti setturi ta’ produzzjoni speċifiċi, jirreferu għal kunsiderazzjonijiet marbuta man-natura prattika jew ma’ l-adegwatezza ta’ dawn il-miżuri. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità u ma’ l-Artikolu 118 A tat-Trattat, skond liema d-Direttivi adottati abbażi tiegħu huma intiżi sabiex jistabbilixxu biss “rekwiżiti minimi applikabbli progressivament”.
29 F’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà ta’ min iħaddem, ir-Renju Unit josserva li xejn fid-Direttiva 89/391, b’mod partikolari fl-Artikolu 5(1) tagħha ma jissuġġerixxi li min iħaddem għandu jkun suġġett għal sistema ta’ responsabbiltà assoluta. Fl-ewwel lok, dan l-Artikolu jipprovdi biss l-obbligu li jiġu assigurati s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema u mhux ukoll l-obbligu ta’ kumpens tad-danni li jirriżultaw minn inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Fit-tieni lok, id-Direttiva 89/391 tħalli f’idejn l-Istati Membri l-libertà li jiddeċiedu liema forma ta’ responsabbiltà, ċivili jew kriminali, għandhom jimponu fuq min iħaddem. Fit-tielet lok, il-kwistjoni ta’ min, fost min iħaddem, mill-kategorija tal-persuni li jħaddmu meħuda flimkien jew kollha f’daqqa, għandu jbati l-ispejjeż li jirriżultaw minn inċidenti fuq il-post tax-xogħol, hija wkoll fdata f’idejn l-Istati Membri.
30 Ir-Renju Unit iqis li s-sistema ta’ responsabbiltà tiegħu, li tistabbilixxi responsabbiltà kriminali “awtomatika” tapplika għal kull min iħaddem bla ħsara għall-eċċezzjoni bbażata fuq dak li huwa “raġonevolment prattikabbli”, interpretat b’mod strett, li jippermetti li jingħata effett utli lill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391.
31 Skond dan l-Istat Membru, min iħaddem ma jistax jaħrab minn din il-forma ta’ responsabbiltà ħlief jekk juri li implementa dak kollu li kien raġonevolment prattikabbli sabiex jevita li jkun hemm riskji għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Għal dan il-għan, dan ikun obbligat li juri li kien jeżisti sproporzjon enormi bejn, minn naħa, ir-riskju għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema u, min-naħa l-oħra, is-sagrifiċċju f’termini ta’ spejjeż, żmien jew diffikultà li l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ dan ir-riskju kienet tfisser, u li dan ma kienx sinjifikanti fir-rigward tas-sagrifiċċju msemmi.
32 Ir-Renju Unit iżid jgħid li l-applikazzjoni mill-qrati nazzjonali tal-klawżola kkontestata timplika evalwazzjoni purament oġġettiva tas-sitwazzjonijiet, li fiha kull kunsiderazzjoni dwar il-kapaċitajiet finanzjarji ta’ min iħaddem tibqa’ eskluża.
33 Ir-Renju Unit iqis ukoll li l-HSW Act tippermetti li tiġi assigurata sistema ta’ prevenzjoni effiċjenti, peress li l-effett dissważiv ta’ piena kriminali huwa akbar minn dak ta’ responsabbiltà ċivili li twassal għall-ħlas ta’ danni, li kontra tiegħu min iħaddem jista’ jakkwista kopertura assigurattiva. Barra minn hekk, din l-effiċjenza hija kkonfermata mill-istatistika skond liema jirriżulta li r-Renju Unit huwa, sa minn ħafna żmien, wieħed mill-Istati Membri fejn hemm irreġistrat l-anqas numru ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol.
34 Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jippreċiża li stabbilixxa sistema ta’ kumpens lill-vittmi ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol abbażi ta’ sistema ta’ assigurazzjoni soċjali. Min iħaddem jibqa’ responsabbli għad-danni li jirriżultaw mill-ksur ta’ l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu fir-rigward tal-ħaddiema stabbilita mill-common law.
35 Sussidjarjament, ir-Renju Unit isostni li l-klawżola kkontestata, kif implementata mill-qrati Britanniċi, għandha kamp ta’ applikazzjoni li jaqbel ma’ dak ta’ l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 89/391.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq is-suġġett tar-rikors
36 Preliminarjament, għandu jingħad li kemm mill-proċedura bil-miktub kif ukoll mill-proċedura orali jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni tikkritika l-klawżola kkontestata fuq kollox minħabba t-tendenza tagħha li tistabbilixxi limitu għar-responsabbiltà ta’ min iħaddem f’każ ta’ inċidenti, tidher li qedha tibbaża l-ilment tagħha wkoll fuq il-kapaċità tal-klawżola li taffettwa l-firxa ta’ l-obbligu ġenerali ta’ sigurtà impost fuq min iħaddem.
Fuq il-firxa tar-responsabbiltà ta’ min iħaddem minħabba l-konsegwenzi ta’ kull inċident li jipperikola s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema
37 Il-Kummissjoni tibbaża fuq il-qari ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391 prinċipalment mill-perspettiva tar-responsabbiltà ta’ min iħaddem minħabba l-ħsarat ikkaġunati lis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Din ir-responsabbiltà tkopri l-konsegwenzi ta’ kull inċident li huwa ta’ ħsara għas-saħħa tal-ħaddiema indipendentement mill-possibbiltà li dawn l-inċidenti u konsegwenzi jiġu attribwiti lil kwalukwe negliġenza min-naħa ta’ min iħaddem fl-implementazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni.
38 Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tagħti interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391, u b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 5(1) tagħha, minn liema jirriżulta li responsabbiltà assoluta, kemm jekk ċivili jew kriminali, taqa’ fuq min iħaddem.
39 Għaldaqstant, fl-ewwel lok, għandu jiġi evalwat jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391 jeħtieġx, kif qalet il-Kummissjoni, li l-Istati Membri jimponu fuq min iħaddem responsabbiltà assoluta minħabba l-fatt ta’ l-inċidenti kollha li jseħħu fuq il-post tax-xogħol.
40 F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391, “[m]in iħaddem għandu jkollu l-obbligu li jiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f’kull aspett relatat max-xogħol”.
41 Din id-dispożizzjoni tissuġġetta lil min iħaddem għall-obbligu li jiggarantixxi lill-ħaddiema ambjent tax-xogħol mingħajr periklu, li l-kontenut tiegħu huwa stabbilit mill-Artikoli 6 sa 12 tad-Direttiva 89/391 kif ukoll minn diversi direttivi partikolari li jipprovdu l-miżuri ta’ prevenzjoni li għandhom jiġu adottati f’ċerti setturi ta’ produzzjoni speċifiċi.
42 Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi stabbilit li għandha tkun ir-responsabbiltà assoluta fuq min iħaddem skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391 biss. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni sempliċement tistabbilixxi l-obbligu ġenerali ta’ sigurtà fuq min iħaddem, mingħajr ma ssemmi xejn dwar kwalunkwe forma ta’ responsabbiltà.
43 Il-Kummissjoni ssostni li interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/391 fis-sens kif tissuġġerixxi hija stess, hija msaħħa mix-xogħlijiet preparatorji tagħha. Hija tgħid li, peress li t-talba tad-delegazzjonijiet tar-Renju Unit u L-Irlanda ta’ Fuq kienet intiża sabiex tinkludi l-klawżola kkontestata fid-definizzjoni tar-responsabbiltajiet ta’ min iħaddem ġiet espressament miċħuda matul id-diskussjonijiet organizzati fi ħdan il-grupp tax-xogħol iffurmat mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta’ responsabbiltà assoluta ta’ min iħaddem tista’, minħabba f’hekk, tiġi aċċettata.
44 Madankollu, dan ir-raġunament ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 89/391, u b’mod partikolari mid-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mniżżla fil-proċess verbal tal-laqgħa tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 1989, jirriżulta li l-introduzzjoni ta’ din il-klawżola kienet ġiet proposta bil-għan li jiġu solvuti l-problemi li l-ifformular f’termini assoluti ta’ l-obbligu tas-sigurtà fuq min iħaddem kien ħoloq fis-sistemi ta’ common law, b’kunsiderazzjoni ta’ l-obbligu tal-qrati kkunċernati li jinterpretaw b’mod litterali l-liġi miktuba.
45 F’dan il-kuntest, ir-rifjut li fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391 tiġi inkluża klawżola simili għall-klawżola kkontestata ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li minnha jirriżulta li min iħaddem huwa suġġett għal forma ta’ responsabbiltà assoluta f’każ ta’ inċidenti.
46 Din l-interpretazzjoni lanqas ma tista tiġi bbażata fuq l-istruttura ta’ l-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva.
47 Il-paragrafi (2) u (3) ta’ dan l-Artikolu 5 jistabbilixxu li min iħaddem mhuwiex meħlus mir-responsabbiltajiet tiegħu fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol meta jirrikorri għal servizzi esterni jew persuni esterni, u lanqas minħabba raġunijiet li joħorġu mill-obbligi tal-ħaddiema f’dan il-qasam. F’dan is-sens, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jippreċiżaw in-natura u l-portata ta’ l-obbligu stabbilit fil-paragrafu (1) ta’ l-istess Artikolu, u minn dawn ma tistax tiġi dedotta l-eżistenza ta’ xi forma ta’ responsabbiltà f’każ ta’ inċidenti skond il-paragrafu msemmi.
48 L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 89/39 jipprovdi l-fakultà lill-Istati Membri li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ min iħaddem “fejn l-okkorrenzi jkunu dovuti għal ċirkostanzi mhux tas-soltu u li ma setgħux jiġu mbassra, mhux fil-kontroll ta’ min iħaddem, jew minħabba każijiet eċċezzjonali, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li tkun ingħatat kull attenzjoni meħtieġa”.
49 Kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni ta’ dan is-subparagrafu jirriżulta li dan huwa intiż li jiċċara l-portata ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391 billi jippreċiża l-limiti ta’ manuvra li l-Istati Membri għandhom fit-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, minn din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi dedotta, abbażi ta’ interpretazzjoni kuntrarja, l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu sistema ta’ responsabbiltà assoluta fuq min iħaddem.
50 Fl-aħħar nett, għandu jingħad li l-Kummissjoni ma wrietx kif l-għan tad-Direttiva 89/391, li jikkonsisti fl-“introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol”, ma jistax jintlaħaq permezz ta’ mezzi oħrajn minflok bil-ħolqien ta’ sistema ta’ responsabbiltà assoluta ta’ min iħaddem.
51 Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement skond id-dritt li, billi eskludiet forma ta’ responsabbiltà assoluta, il-klawżola kkontestata tillimita, bi ksur ta’ l-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 89/391, ir-responsabbiltà ta’ min iħaddem.
Fuq il-firxa ta’ l-obbligu impost fuq min iħaddem li jassigura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema
52 Fit-tieni lok, għandha ssir evalwazzjoni ta’ l-ilment tal-Kummissjoni safejn, permezz ta’ dan, ir-Renju Unit huwa akkużat li ma ttrasponiex b’mod korrett l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391 f’dak li jirrigwarda l-firxa ta’ l-obbligu ġenerali impost fuq min iħaddem li jassigura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.
53 F’dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni tgħid li l-obbligu impost fuq min iħaddem għandu karattru assolut, hija tirrikonoxxi b’mod espliċitu li dan l-obbligu ma jfissirx li min iħaddem huwa marbut li jiggarantixxi ambjent tax-xogħol nieqes minn kull riskju. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll li min iħaddem, wara li jkun għamel evalwazzjoni tar-riskji, jista’ jasal għall-konklużjoni li r-riskji huma minimi sal-punt li ma tinħtieġ l-ebda miżura preventiva. F’din is-sitwazzjoni, il-punt essenzjali, skond il-Kummissjoni, huwa li min iħaddem ikun responsabbli f’każ li jseħħ aċċident.
54 Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma wrietx li, meta eskludiet forma ta’ responsabbiltà assoluta, il-klawżola kkontestata tillimita, bi ksur ta’ l-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 89/391, ir-responsabbiltà ta’ min iħaddem, u lanqas ma rnexxielha turi kif il-klawżola kkontestata, f’dak li tirrigwarda responsabbiltà kriminali ta’ min iħaddem, hija ta’ natura li taffettwa l-firxa ta’ l-obbligu ġenerali ta’ sigurtà impost fuq min iħaddem kif jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet.
55 Fil-fatt, għalkemm il-klawżola kkontestata tipprovdi riżerva għall-obbligu ta’ min iħaddem li jassigura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-aspetti kollha marbuta max-xogħol għal dak li huwa “raġonevolment prattikabbli”, it-tifsira ta’ din ir-riżerva tiddependi fuq il-kontenut preċiż ta’ dan l-obbligu. Fir-rigward ta’ l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni u mfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx biżżejjed l-interpretazzjoni tagħha tal-kontenut ta’ l-obbligu msemmi, bl-eċċezzjoni tar-responsabbiltà ċivili jew kriminali f’każ ta’ inċidenti u indipendentement mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 5(2) u (3) u 6 sa 12 tad-Direttiva 89/391. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma pprovatx b’liema mod il-klawżola kkontestata, ikkunsidrata fid-dawl tal-ġurisprudenza nazzjonali mfakkra miż-żewġ partijiet, tikser l-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 89/391.
56 F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li fil-kuntest ta’ rikors imressaq skond l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat, u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq preżunzjoni kwalunkwe (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-287/03, Ġabra p. I-3761, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll dik tas-6 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija, C-428/04, Ġabra p. I-3325, punt 98).
57 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wrietx li l-klawżola kkontestata tillimita, bi ksur ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391, l-obbligu ta’ min iħaddem li jiggarantixxi s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu lanqas ma jeżisti fir-rigward ta’ din it-tieni parti ta’ l-ilment.
58 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement skond id-dritt li, billi ddeffinixxa, fil-limitu ta’ dak li huwa raġonevolment prattikabbli l-obbligu ta’ min iħaddem li jassigura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-aspetti kollha marbuta max-xogħol, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 89/391.
59 Għaldaqstant, hemm lok li r-rikors imressaq mill-Kummissjoni jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
60 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, din għandha tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Renju Unit.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati
l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy