SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
28 ta' Settembru 2006 (*)
"Direttiva 97/98/KE – Regolament (KEE) Nru 2377/90 – Verifiki veterinarji – Prodotti li jidħlu minn Stati terzi – Dispaċċ mill-ġdid ta' prodotti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta' l-importazzjoni – Konfiska u distruzzjoni"
Fil-kawżi magħquda C-129/05 u C-130/05
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, ippreżentati mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta' deċiżjonijiet tas-17 ta' Marzu 2005, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta' Marzu 2005, fil-proċeduri
NV Raverco (C-129/05),
Coxon & Chatterton Ltd (C-130/05)
vs
Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, P. Kūris, J. Klučka (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Marzu 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Coxon & Chatterton Ltd, minn A. Braakman, advocaat,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,
– għall-Gvern Grieg, minn S. Charitaki u E. Svolopoulou, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Bordes u M. van Heezik, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta' Mejju 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 1998, p. 9 iktar 'il quddiem id-"Direttiva"), in konnessjoni ma' dawk tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90, tas-26 ta' Ġunju 1990, li jistabbilixxi kull proċedura tal-Komunità għal iffissar ta’ limiti massimi ta’ residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji fi prodotti ta’ l-ikel ta’ oriġini annimali (ĠU L 224, 1990, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament").
2 Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' kawżi bejn, minn naħa, NV Raverco (iktar 'il quddiem "Raverco") u, min-naħa l-oħra, Coxon & Chatterton Ltd (iktar 'il quddiem "Coxon") kontra l-Ministru van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit (il-Ministru ta' l-Agrikultura, ta' l-Ambjent u tal-Kwalità ta' l-Alimenti) dwar deċiżjonijiet ta' dan ta' l-aħħar li jiċħdu bħala infondati t-talbiet ta' Raverco u Coxon kontra d-deċiżjonijiet ta' l-1 u tat-22 ta' Marzu 2002, li jordnaw il-qerda ta' kunsinni ta' laħmijiet provenjenti miċ-Ċina li kienu ġew irrifjutati għall-importazzjoni.
Il-Kuntest ġuridiku
Id-Direttiva
3 L-Artikoli 1, 2, 17 u 22 tad-Direttiva jipprovdu:
"Artikolu 1
Il-verifiki veterinarji fuq prodotti minn pajjiżi terzi li jiġu introdotti f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I għandhom isiru mill-Istati Membri skond id-Direttiva.
Artikolu 2
[…]
2. Barra minhekk:
[…]
j) "kondizzjonijiet ta’ l-importazzjoni" tfisser il-kriterji veterinarji għal prodotti li se jkunu importati, kif stabbilit fil-leġislazzjoni tal-Komunità;
[…]
Artikolu 17
[…]
2. Jekk il-verifiki li hemm referenza dwarhom f’din id-Direttiva juru lill-awtorità kompetenti li l-prodott ma jkunx jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ importazzjoni, jew meta dawn il-verifiki juru xi irregolarità, l-awtorità kompetenti, b’konsultazzjoni mal-persuna responsabbli għat-tagħbija jew mar-rappreżentant tiegħu, għandha tiddeċiedi:
a) jew li tibagħtu lura l-prodott ’il barra mit-territorji elenkati fl-Anness I mill-istess post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri għal destinazzjoni miftiehma mal-persuna responsabbli għat-tagħbija, bl-użu ta’ l-istess mezzi tat-trasport, f’limitu ta’ żmien massimu ta’ 60 ġurnata, meta dan ma jkunx prekluż mir-riżultati ta’ l-ispezzjoni veterinarja u mill-ħtiġiet sanitarji.
[…]
b) jew, jekk id-dispaċċ mill-ġdid ikun impossibbli jew il-limitu ta’ żmien ta’ 60 ġurnata li hemm referenza dwaru f’(a) ikun skada jew il-persuna responsabbli għat-tagħbija tagħti l-kunsens immedjat tagħha, jeqirdu l-prodotti fil-faċilitajiet ipprovduti għal dak l-għan l-eqreb lejn il-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 90/667/KEE tas-27 ta’ Novembru 1990 li tistabbilixxi r-regoli veterinarji għad-disponiment u l-ipproċessar ta’ l-iskart ta’ l-annimali, għat-tpoġġija tiegħu fuq is-suq u għall-prevenzjoni ta’ patoġeni fl-oġġetti ta’ l-ikel li għandhom l-oriġini mill-annimali jew mill-ħut [...].
Jiddependi mid-dispaċċ mill-ġdid tal-prodotti li hemm referenza dwarhom f’dan il-punt jew il-konferma tar-raġunijiet għar-rifjut, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaħżnu l-prodotti f'dan il-każ taħt is-superviżjoni ta’ l-awtorità kompetenti bi spiża għall-persuna responsabbli mit-tagħbija.
[…]
Artikolu 22
[…]
2. Jekk xi waħda mill-verifiki li hemm provvediment dwarhom f’din id-Direttiva tindika li kunsinna tal-prodotti x’aktarx li tkun tikkostitwixxi periklu għas-saħħa ta’ l-annimal jew tal-pubbliku, l-awtorità veterinarja kompetenti għandha tieħu mill-ewwel dawn il-passi li ġejjin:
– għandha tikkonfiska u teqred il-kunsinna f'dak il-każ,
– għandha tinforma immedjatament lill-post l-ieħor ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri u lill-Kummissjoni dwar dawn is-sejbiet u dwar l-oriġini tal-prodotti, bi qbil mad-Deċiżjoni 92/438/KEE.
[…]"
Ir-Regolament
4 L-Artikolu 5 tar-Regolament jipprovdi:
"Meta jidher li kull limitu massimu ta’ residwu ma jistax ikun stabbilit fir-rigward ta’ sustanza farmakoloġikament attiva użata fi prodotti mediċinali veterinarji, minnħabba li residwi tas-sustanzi kkonċernati, sa kull limitu, f’oġġetti ta’ l-ikel ta’ oriġini mill-annimali jikkostitwixxi kull perikolu għas-saħħa tal-konsumatur, dik is-sustanza ser tkun inkluża f’kull lista fl-Anness IV, li ser ikun adottat b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8. B’eċċezzjoni ta’ li hemm ipprovdut fl-Artikolu 9, kull emenda lill-Anness IV ser tkun adottata skond l-istess proċedura.
L-amminstrazzjoni tas-sustanzi elenkati fl-Anness IV lill-annimali li jipproduċu l-ikel ser ikunu pprojbiti fil-Komunità kollha."
5 L-Anness IV tar-Regolament isemmi b'mod partikolari l-furazolidone u l-kloramfenikol bħala sustanzi farmakoloġikament attivi.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
6 Fi Frar u Marzu 2002, Raverco u Coxin iddikjaraw għall-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea kunsinni ta' sdieri ta' papra u ta' laħmijiet tal-fenek iffriżati provenjenti miċ-Ċina. Dawn il-kunsinni kellhom magħhom ċertifikati sanitarji u ta' esportazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet Ċiniżi bil-għan tad-dispaċċ tagħhom.
7 Skond il-verifiki previsti permezz tad-Direttiva, ittieħdu kampjuni fuq dawn il-kunsinni u li ġew analizzati. Residwi ta' kloramfenikol [1,4 ppb (parti kull biljun)] u ta' furazolidon (49 ppb) instabu fil-kunsinni ta' sdieri ta' papra, u residwi ta' furazolidon (2,7 ppb), fil-kunsinni ta' laħmijiet ta' fenek.
8 Abbażi tar-riżultat ta' dawn l-analiżijiet, l-Ispettur Veterinarju Uffiċjali tal-Rijksdienst voor de keuring van Vee en Vlees (is-Servizz Nazzjonali ta' Ispezzjoni tal-bhejjem u tal-laħam, iktar 'il quddiem ir-"RVV") irrifjuta, b'deċiżjonijiet ta' l-1 u tat-22 ta' Marzu 2002, l-importazzjoni ta' dawn il-kunsinni u ordna l-qerda tagħhom.
9 Fit-18 ta' Marzu u fis-26 ta' April 2002, Raverco u Coxon ippreżentaw ilmenti kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-konvenut fil-kawża prinċipali, filwaqt li sostnew li dawn il-kunsinni kellhom jiġu mibgħuta mill-ġdid liċ-Ċina, u mhux meqruda, peress li:
– dispaċċ mill-ġdid eventwali liċ-Ċina ma ppreżenta l-ebda perikolu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimali fl-Olanda;
– id-Direttiva ma timmirax li tipproteġi l-konsumatur barra mill-Unjoni Ewropea;
– l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament mhijiex inekwivoka u ebda limitu ta’ tolleranza zero ma kienet imposta għall-furazolidon jew għall-kloramefenikol;
– sat-30 ta' Marzu 2002, diversi deċiżjonijiet ta' dispaċċ mill-ġdid ta' kunsinni ta' laħmijiet li kellhom ċerta kwantità ta' dawn is-sustanzi kienu ġew meħuda.
10 B'deċiżjonijiet tas-16 u tat-22 ta' Mejju 2003, il-konvenut fil-kawża prinċipali ċaħad bħala infondati t-talbiet ta' Raverco u ta' Coxon, għar-raġuni, b'mod partikolari, li:
– il-konfiska u l-qerda minnufih ta' prodotti li jistgħu jikkostitwixxu periklu għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimali ġew imposti skond l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva u d-dispaċċ mill-ġdid ma kienx għaldaqstant possibbli;
– skond l-Artikolu 5 u l-Anness IV tar-Regolament, limitu ta’ tolleranza zero huwa applikabbli għall-furazolidone u għall-kloramfenikol.
11 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikorsi kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju. Billi qies li s-soluzzjoni taż-żewġ kawżi tiddependi mill-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet ta' dritt Komunitarju, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven ddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fiż-żewġ kawżi, erba' domandi preliminari identiċi, li l-ifformulazzjoni tagħhom hija s-segwenti:
"1) L-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat […] fis-sens li l-oġġezzjoni mqajma kontra d-dispaċċ mill-ġdid ta' kunsinna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta' l-importazzjoni għandha tiġi bbażata fuq in-nuqqas ta' osservazzjoni tar-regoli Komunitarji fir-rigward ta' importazzjoni, jew forsi tista' tiġi bbażata wkoll fuq ir-regoli fis-seħħ fil-lok ta' destinazzjoni miftiehma mal-persuna responsabbli għat-tagħbija, li jinsab barra t-territorji msemmija fl-Anness I tad-Direttiva […]?
2) L-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva […], flimkien ma' l-Artikoli 22(2) ta' l-imsemmija Direttiva u 5 tar-Regolament […], għandu jiġi interpretat fis-sens li jistipula imperattivament il-qerda tal-kunsinni ta' prodotti ta' l-annimali li, wara waħda mill-verifiki previsti permezz tad-Direttiva […], jidhru ta' natura li jikkostitwixxu periklu għas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimali?
3) L-Artikolu 22 tad-Direttiva […], flimkien ma' l-Artikolu 5 tar-Regolament […], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preżenza waħedha ta' residwu ta' waħda mis-sustanzi msemmija fl-Anness [IV] tar-Regolament […] tfisser li l-kunsinna kkonċernata tikkostitwixxi tali periklu għas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimali li d-dispaċċ mill-ġdid jiġi eskluż?
4) Fil-każ ta' risposta negattiva għat-tieni domanda, l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jimmira wkoll li jipproteġi l-interessi ta' l-Istati terzi fejn il-kunsinna tkun mibgħuta mill-ġdid anki jekk din il-protezzjoni ma tkoprix fl-istess ħin interess li jista' jiġi identifikat fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea?"
12 B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' April 2005, il-kawżi C-129/05 u C-130/05 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
13 Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk, skond l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva, l-oġġezzjoni mqajma kontra d-dispaċċ mill-ġdid ta' kunsinna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta' l-importazzjoni hijiex ibbażata fuq in-nuqqas ta' osservazzjoni tar-regoli Komunitarji jew ta' dawk fis-seħħ fl-Istat terz li fih il-kunsinna tista' tiġi mibgħuta mill-ġdid.
14 F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta kemm mit-terminoloġija ta' l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva kif ukoll mill-finalità ta' dan ta' l-aħħar li l-ostakli għad-dispaċċ mill-ġdid ta prodott jirrisjedu fin-nuqqas ta' osservazzjoni tar-regoli Komunitarji.
15 Fil-fatt, skond din id-dispożizzjoni, meta l-verifiki ddefiniti fid-Direttiva jirrivelaw lill-awtorità kompetenti li l-prodott ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta' importazzjoni, id-dispaċċ mill-ġdid ta' prodott jista' jiġi eskluż taħt ċerti kundizzjonijiet, billi l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva jippreċiża li l-kundizzjonijiet ta' importazzjoni jikkorrispondu għall-eżiġenzi veterinarji applikabbli għall-prodotti li se jkunu importati, kif inhuma ddefiniti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.
16 Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva tipprovdi sistema ta' verifika veterinarja sabiex tistabbilixxi jekk il-prodotti jirrispettawx il-kundizzjonijiet Komunitarji ta' importazzjoni. Il-fatt li dawn il-verifiki huma bbażati esklużivament fuq il-leġiżlazzjoni Komunitarja jirriżulta barra minn hekk ċarament mill-formulazzjoni, b'mod partikolari, ta' l-Artikoli 8(2) u (4), 10(2)(a) u (f), kif ukoll 12(2) sa (6) tad-Direttiva.
17 Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni mqajma kontra d-dispaċċ mill-ġdid ta' kunsinna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta' importazzjoni għandha tiġi bbażata fuq in-nuqqas ta' osservazzjoni tar-regoli Komunitarji.
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
18 Permezz tat-tieni u t-tielet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk il-preżenza, f'kunsinna, ta' sustanza pprojbita skond l-Artikolu 5 tar-Regolament, ikkonstatata matul verifika veterinarja effettwata skond id-Direttiva, tikkostitwixxix skond id-definizzjoni periklu għas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimali, b'tali mod li l-imsemmija kunsinna għandha tinqered obbligatorjament skond l-Artikoli 17(2) u 22(2) tad-Direttiva.
19 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-formulazzjoni stess ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament li, minn naħa, il-preżenza ta' residwi ta' sustanzi li huma msemmija fl-Anness IV ta' l-imsemmi Regolament fl-oġġetti ta' l-ikel ta' oriġni annimali tikkostitwixxi, huwa x'inhuwa l-iskop tagħhom, riskju għas-saħħa tal-konsumatur u li, min-naħa l-oħra, mill-fatt tal-perikolożità ta' dawn is-sustanzi, l-amministrazzjoni tagħhom lill-animali li jipproduċu l-ikel hija pprojbita fil-Komunità kollha, bla ma tingħata marġini ta' diskrezzjoni lill-Istati Membri.
20 Il-kloramfenikol u l-furazolidone, li nstabu fil-kunsinni ta' laħmijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali matul verifiki veterinarji, jinsabu fl-Anness IV tar-Regolament bħala sustanzi farmakoloġikament attivi li għalihom l-ebda limitu ma jista' jiġi ffissat. Huwa għaldaqstant kostanti li kunsinna ta' laħmijiet li jkollhom kloramfenikol u furazolidone għandha titqies li tikkostitwixxi riskju għas-saħħa tal-konsumaturi u li hija pprojbita fis-sens ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament.
21 Fir-rigward tad-domanda ta' l-eventwali qerda, skond l-Artikoli 17(2) u 22(2) tad-Direttiva, ta' kunsinna ta' laħmijiet li jkollhom tali sustanzi, għandu jiġi kkonstatat, li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet mhijiex applikabbli iktar ladarba jkun ġie stabbilit li kunsinna ta' prodotti tista' tikkostitwixxi periklu għas-saħħa ta' l-annimali jew tal-bniedem fis-sens ta' l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva.
22 Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 29 u 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva huwa ta' applikazzjoni ġenerali fis-sens li jirrigwarda l-każijiet kollha li fihom il-verifiki mitluba fil-fruntjieri juru, jew li l-prodott ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta' importazzjoni, jew li teżisti irregolarità, anki jekk din ta' l-aħħar tkun biss amministrattiva. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva għandu portata iktar ristretta peress li huwa applikabbli speċifikament meta l-verifiki jirrivelaw li kunsinna ta' prodotti tista' tikkostitwixxi periklu għas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimali.
23 Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva jipprevedi diskrezzjoni ġenerali sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux jew le ostakli għad-dispaċċ mill-ġdid ta' kunsinna mhux konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-formulazzjoni ta' l-Artikolu 22 ta' l-istess Direttiva ma tħalli l-ebda marġni ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà ta' dispaċċ mill-ġdid tal-kunsinna meta jkun ġie kkonstatat li l-imsemmija kunsinna tista' tikkostitwixxi periklu għas-saħħa ta' l-annimali jew tal-bniedem. F'każ simili, din l-aħħar dispożizzjoni tordna imperattivament il-konfiska u l-qerda tal-kunsinna kkonċernata.
24 Issa, peress li l-kunsinni ta' laħmijiet bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu riskju għas-saħħa tal-bniedem minħabba l-preżenza ta' sustanzi pprojbiti skond l-Artikolu 5 tar-Regolament, l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva biss huwa applikabbli.
25 F'dawn iċ-ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti jikkonfiskaw u jeqirdu l-imsemmija kunsinni.
26 Din l-interpretazzjoni m'għandhiex tiġi kkontestata permezz ta' l-argument ta' Coxon, li skondha l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva m'għandux jiġi applikat peress li, permezz tal-fatt tad-dispaċċ mill-ġdid tagħhom, il-prodotti li ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet Komunitarji ta' importazzjoni jieqfu milli jikkostitwixxu periklu għas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimali fost il-Komunità.
27 Tali argument imur kontra l-formulazzjoni ta' l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva u tal-finalità ta' din ta' l-aħħar, kif jirriżulta b'mod partikolari mid-disa', l-għaxar, it-tlettax u l-erbatax-il premessa, li tipprevedi leġiżlazzjoni stretta sabiex tipproteġi s-saħħa pubblika u ta' l-annimali kif ukoll li tipprevjeni l-azzjonijiet ta' frodi u l-irregolaritajiet.
28 Mhemmx dubju li interpretazzjoni ta' l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva li tippermetti d-dispaċċ mill-ġdid ta' prodotti li jkollhom sustanzi pprojbiti permezz ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament tista' żżid ir-riskji ta' importazzjoni mill-ġdid bi frodi fil-Komunità, peress li l-importatur ikun kważi żgur li l-prodotti tiegħu mhumiex se jinqerdu u li jkollu biss l-ispejjeż eventwali tiegħu ta' dispaċċ mill-ġdid.
29 Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva, flimkien ma' l-Artikolu 5 tar-Regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jordna imperattivament lill-awtoritajiet veterinarji kompetenti l-konfiska u l-qerda ta' prodotti li jidhru, wara verifiki veterinarji effettwati skond din id-Direttiva, li jkollhom sustanza msemmija fl-Anness IV ta' l-imsemmi Regolament.
Fuq ir-raba' domanda
30 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u t-tielet domandi, mhemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.
Fuq l-ispejjeż
31 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni mqajma kontra d-dispaċċ mill-ġdid ta' kunsinna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta' l-importazzjoni għandha tiġi bbażata fuq in-nuqqas ta' osservazzjoni tar-regoli Komunitarji.
2) L-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 97/98, flimkien ma' l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90, tas-26 ta' Ġunju 1990, li jistabbilixxi kull proċedura tal-Komunità għal iffissar ta’ limiti massimi ta’ residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji fi prodotti ta’ l-ikel ta’ oriġni annimali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jordna imperattivament lill-awtoritajiet veterinarji kompetenti l-konfiska u l-qerda ta' prodotti li jidhru, wara verifiki veterinarji effettwati skond din id-Direttiva, li jkollhom sustanza msemmija fl-Anness IV ta' l-imsemmi Regolament.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy