SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
7 ta’ Settembru 2006 (*)
“Direttivi 89/48/KEE u 92/51/KEE – Ħaddiema – Rikonoxximent ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali – Neċessità li wieħed jgħaddi minn test tal-kapaċità mingħajr il-possibbiltà li wieħed jagħżel li jagħmel perijodu ta’ adattament – Attività ta’ bejgħ volontarju ta’ beni mobbli b’irkant pubbliku”
Fil-kawża C-149/05
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour d’Appel ta’ Pariġi (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ April 2005, fil-proċedura
Harold Price
vs
Conseil des ventes volontaires de meubles aux enchères publiques,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Schiemann (Relatur), N. Colneric, E. Juhász u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Jannar 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal H. Price, minn M. Olivier-Martin, Avukat,
– għall-Conseil des ventes volontairesde meubles aux enchères publiques, minn H. Calvet, Avukat,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Bergeot-Nunes, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,
– għall-Gvern Żvediż, K. Wistrand, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Støvlbæk u D. Maidani, bħala aġenti, assistiti minn J.‑M. V. Visee, bħala espert,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Marzu 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill, 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU L 19, 1989 p. 16), u tad-Direttiva tal-Kunsill, 92/51/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimentata d-Direttiva 89/48/KEE (ĠU L 209, p. 25), kif emendati mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 2001/19/KE, ta’ l-14 ta’ Mejju 2001 (ĠU L 206, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/48” u d-“Direttiva 92/51”, rispettivament).
2 Din it-talba saret fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn H. Price, pussessur ta’ numru ta’ kwalifiki fil-qasam tal-bejgħ b’irkant akkwiżiti fir-Renju Unit, kontra d-deċiżjoni tal-Conseil des ventes volontaires de meubles aux enchères publiques (iktar ’il quddiem il-“CVV”) li biha dan ta' l-aħħar issuġġetta l-ammissjoni tiegħu, għall-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju ta’ beni mobbli b’irkant pubbliku (iktar ’il quddiem id-“Direttur ta’ bejgħ volontarju”) fi Franza, għall-kundizzjoni li huwa jgħaddi minn test tal-kapaċità bbażat fuq tliet suġġetti: liġi, prattika ta’ bejgħ b’irkant pubbliku u regoli professjonali.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Mit-tielet u r-raba’ premessi tad-Direttiva 89/48 jirriżulta li din għandha bħala għan li twaqqaf sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ta' diplomi intiża sabiex ikun possibbli għaċ-ċittadini Ewropej iwettqu dawk l-attivitajiet professjonali kollha li fi Stat Membru ospitanti huma dipendenti fuq l-ikkompletar ta’ edukazzjoni u taħriġ post-sekondarju, sakemm dawn għandhom id-diplomi li jippreparawhom għal dawk l-attivitajiet, mogħtija ma' l-ikkompletar ta’ kors ta’ studji ta' mill-inqas tliet snin u maħruġa fi Stat Membru ieħor.
4 Id-Direttiva 92/51 tistabbilixxi sistema ġenerali kumplimentari għar-rikonoxximent tat-taħriġ professjonali li jkopri l-livelli ta’ edukazzjoni u taħriġ li mhumiex koperti bis-sistema ġenerali inizjali mwaqqfa bid-Direttiva 89/48, li l-kamp ta' applikazzjoni tagħha huwa limitat għall-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ livell ogħla.
5 Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/94, u l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/51, dawn iż-żewġ direttivi japplikaw għal kull ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq iwettaq “professjoni regolata” fi Stat Membru ieħor.
Il-kunċett ta’ “professjoni regolata”
6 Skond id-definizzjoni ta' l-Artikolu 1 (ċ) tad-Direttiva 89/48, li hija sostanzjalment identika għal dik ta’ l-Artikolu 1 (e) tad-Direttiva 92/51, “professjoni regolata” tfisser l-attività professjonali rregolata jew sensiela ta’ attivitajiet li jikkostitwixxu din il-professjoni fi Stat Membru.
7 “Attività professjonali regolata” hija ddefinita fl-ewwel paragragu ta’ l-Artikolu 1 (d) tad-Direttiva 89/48, kif ukoll fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1 (f) tad-Direttiva 92/51, bħala attività professjonali, sa fejn il-bidu jew it-twettiq ta’ din l-attività jew waħda mill-modi tat-twettiq tagħha fi Stat Membru hija suġġetta, direttament jew indirettament permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, fil-kuntest tad-Direttiva 89/48, għall-pussess ta’ diploma u, fil-kuntest tad-Direttiva 92/51, għall-pussess ta’ prova ta’ edukazzjoni u taħriġ jew ċertifikat ta’ kompetenza.
8 Skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 (d) tad-Direttiva 89/48, li huwa sostanzjalment identiku għat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 (f) tad-Direttiva 92/51, bl-unika eċċezzjoni li d-Direttiva 92/51 tirreferi għal “prova ta’ edukazzjoni u taħriġ” u d-Direttiva 89/48 għal “diploma”, attività professjonali regolata hija:
“attività professjonali jekk din tkun imwettqa mill-membri ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni li l-iskop tagħhom huwa, b’mod partikolari, li jippromwovu u jżommu standard għoli fil-qasam professjonali kkonċernat u li, biex jintlaħaq dak l-iskop, huma rikonoxxuti f’forma speċjali minn Stat Membru u:
– jagħtu diploma lill-membri tagħhom,
– jassiguraw li l-membri tagħhom jirrispettaw ir-regoli ta’ kondotta professjonali li jippreskrivu, u
– jagħtuhom id-dritt li jużaw titolu jew ittri ta’ deskrizzjoni, jew li jibbenefikaw minn status li jikkorrispondi ma’ dik id-diploma.”
9 Skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 1 (d) tad-Direttiva 89/48, lista mhux definittiva ta’ assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet li, meta din id-Direttiva tiġi adottata, jissodisfaw il-kundizzjonijiet tat-tieni subparagrafu li jinsab fl-Anness ta’ din id-Direttiva. F’dan l-anness, hija msemmija fost oħrajn ir-“Royal Institution of Chartered Surveyors”.
Il-kunċett ta’ “diploma”
10 Skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1 (a) tad-Direttiva 89/48, biex tikkostitwixxi “diploma” fis-sens ta’ din id-direttiva, prova għandha turi li l-possessur temm b'suċċess kors post-sekondarju ta' tul ta' mill-anqas tliet snin, jew ta' tul ekwivalenti part-time.
11 Skond it-tieni inċiż (i) ta’ l-Artikolu 1 (a) tad-Direttiva 92/51, biex tikkostitwixxi “diploma” fis-sens ta’ din id-direttiva, prova għandha turi b’mod partikolari li t-titolari (pussessur) ikun ikkompleta b’suċċess kors post-sekondarju ta’ xort’oħra minn dak imsemmi fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1 (a) tad-Direttiva 89/48, ta’ mill-inqas sena tul ta’ żmien jew ta' tul ekwivalenti fuq bażi part-time.
L-obbligu ta’ rikonoxximent
12 L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 jgħid li:
“Meta, fi Stat Membru ospitanti, il-bidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata huwa soġġett għall-pussess ta’ diploma, l-awtorità kompetenti ma tistax, fuq il-bażi ta’ kwalifiki inadegwati, tirrifjuta li tawtorizza ċittadin ta’ Stat Membru milli jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini proprji stess:
a) jekk l-applikant għandu d-diploma meħtieġa fi Stat Membru ieħor għall-bidu jew it-twettiq tal-professjoni inkwistjoni fit-territorju tiegħu, u din id-diploma tkun ingħatat fi Stat Membru; jew
b) jekk l-applikant ikun wettaq il-professjoni inkwistjoni full-time għal sentejn matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(ċ) u l-ewwel subsubparagrafu ta’ l-Artikolu 1(d), u għandu prova ta’ kwalifika formali waħda jew aktar:
– li ingħataw minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, nominata skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat,
– li juru li t-titolari jkun temm b’ suċċess kors post sekondarju ta’ mill-anqas tliet snin, jew ta’ dewmien ekwivalenti part-time, f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni għolja jew stabbiliment ieħor ta’ livell simili ta’ Stat Membru u, meta approprjat, li huwa jkun temm b’suċċess it-taħriġ professjonali meħtieġ minbarra l-kors post-sekondarju, u
– li ppreparaw it-titolari għat-twettiq tal-professjoni tiegħu.”
13 L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/51 jgħid li ġej:
“Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 89/48/KEE, meta, fi Stat Membru ospitanti, l-bidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata huwa soġġett għall-pussess ta’ diploma, kif definit f’din id-Direttiva jew fid-Direttiva 89/48/KEE, l-awtorità kompetenti ma tistax tirrifjuta, fuq bażi ta’ kwalifiċi mhux adekwati, li tawtorizza ċittadin ta’ Stat Membru milli jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għaċ-ċittadini proprji tiegħu:
a) jekk l-applikant ikollu d-diploma, kif definit f’din id-Direttiva jew fid-Direttiva 89/48/KEE, meħtieġa fi Stat Membru ieħor għall-bidu jew it-twettiq tal-professjoni inkwistjoni fit-territorju tiegħu, din id-diploma tkun ingħatat fi Stat Membru
jew
b) jekk l-applikant ikun wettaq il-professjoni in kwistjoni full-time għal sentejn, jew għal perijodu ekwivalenti fuq bażi part-time, tul 10 snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni fis-sens ta’ jew l-Artikolu 1 (e) u l-ewwel subsubparagrafu ta’ l-Artikolu 1(f), ta’ din id-Direttiva jew l-Artikolu 1 (ċ) u l-ewwel subsubparagrafu ta’ l-Artikolu 1 (d) tad-Direttiva 89/48/KEE, u jipposjedi prova ta’ edukazzjoni u taħriġ li:
– ingħatat minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, nominata skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat, u
– jew turi li t-titolari jkun temm b’suċċess kors post-sekondarju, ta’ xort’ oħra minn dak imsemmi fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48/KEE, ta’ mill-inqas tul ta’ sena, jew ta’ tul ekwivalenti fuq bażi part-time, b’waħda mill-kondizzjonijiet tad-dħul li, bħala regola ġenerali, tkun il-kompletazzjoni b’suċċess tal-kors sekondarju meħtieġ sabiex jinkiseb id-dħul f’università jew f’edukazzjoni għolja, kif ukoll kull taħriġ professjonali li huwa parti integrali minn dak il-kors post-sekondarju,
[…]
u
– tkun ippreparat lit-titolari għat-twettiq tal-professjoni tiegħu.”
14 Ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/51 jinkludi deroga mill-ewwel paragrafu ta’ l-istess Artikolu li tgħid li l-Istat Membru ospitanti mhuwiex meħtieġ japplika dan l-Artikolu meta l-bidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata jkunu suġġetti fil-pajjiż tiegħu għall-pussess ta’ diploma kif definit fid-Direttiva 89/48, meta waħda mill-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħha tkun il-kompletazzjoni ta’ kors post-sekondarju ta’ iktar minn erba’ snin.
Il-miżuri ta’ kumpens
15 Minkejja l-Artikoli 3 tad-Direttivi 89/48 u 92/51, l-Artikoli 4 ta’ dawn l-istess direttivi jippermettu lill-Istat Membru ospitanti jitlob lill-applikant, f’ċerti każijiet hemmhekk definiti, jipprovdi prova ta' esperjenza professjonali ta’ żmien determinat, jkkompleta perijodu ta’ adattament li ma jaqbiżx it-tliet snin jew jieħu test tal-kapaċità (iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ kumpens”).
16 Skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4 (1) tad-Direttiva 89/48, li huwa essenzjalment identiku f'dan ir-rigward għat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4 (1) (b) tad-Direttiva 92/51, l-Istat Membru ospitanti li jimponi miżuri ta’ kumpens għandu fil-bidu jagħti lill-applikant id-dritt li jagħżel bejn il-perijodu ta’ adattament jew it-test tal-kapaċità. Madankollu, fir-rigward tal-professjonijiet “li l-prattika tagħhom titlob tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali u li fir-rigward tagħhom il-provvista ta’ pariri u/jew assistenza li tikkonċerna l-liġi nazzjonali hija aspett essenzjali u kostanti ta’ l-attività professjonali”, l-Istat Membru ospitanti jista, b’deroga minn dan il-prinċipju, jistipula jew perijodu ta’ adattament, jew test tal- kapaċità.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
Il-leġiżlazzjoni Franċiża
17 Id-Digriet Nru 2001-650, tad-19 ta’ Lulju 2001, applikat permezz ta' l-Artikoli L321-1 sa L321-38 tal-Code de Commerce u relatat mal-bejgħ volontarju ta’ beni mobbli b'irkant pubbliku (JORF tal-21 ta’ Lulju 2001, p. 11760, iktar ’il quddiem id-“Digriet 2001-650”), jiffissa l-kundizzjonjiiet għall-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju.
18 L-Artikolu 16 ta’ l-imsemmi Digriet jipprevedi li l-eżerċizzju ta’ l-imsemmija professjoni huwa, bħala regola ġenerali, riżervat għall-pussessuri ta' diploma fid-Dritt u ta' diploma nazzjonali fl-Istorja ta’ l-Arti, fl-Arti Applikata, fl-Arkeoloġija jew fl-Arti Plastika. Waħda minn dawn id-diplomi għandha tkun mill-inqas liċenzja u l-oħra għandha tkun mogħtija ma' l-ikkompletar ta' mill-inqas livell ta’ taħriġ u edukazzjoni li jikkorrispondi għal sentejn studji ta’ livell ogħla. Il-pussessuri ta’ provi u ta’ diplomi li huma speċifikament ammessi b’eżenzjoni, li l-lista tagħhom hija stabbilita permezz ta' deċiżjoni magħquda tal-garde des sceux, tal-Ministru tal-Ġustizzja u tal-Ministru inkarigat mit-taħriġ ogħla, jistgħu wkoll ikollhom aċċess għal din il-professjoni.
19 Skond l-Artikolu 45 ta’ l-istess Digriet, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor huma, b’mod partikolari, ikkunsidrati bħala li għandhom il-kwalifika meħtieġa mill-Artikolu 16 ta’ l-istess Digriet jekk:
– huma segwew b’suċċess kors ta’ studji post-sekondarji, ta’ mill-inqas sena jew ta’ tul ta' żmien ekwivalenti fil-każ ta’ studji part-time, li jippreparahom għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju u li waħda mill-kundizzjonijiet ta’ aċċess hija l-ikkompletar ta’ kors ta’ studji sekondarji meħtieġ għall-aċċess għat-taħriġ universitarju jew ogħla, kif ukoll it-taħriġ u edukazzjoni professjonali eventwalment meħtieġa minbarra dan il-kors ta’ studji post-sekondarji, u
– huma pussessuri ta’ diplomi, ċertifikati jew provi oħra:
1) jekk, filwaqt illi joriġinaw minn Stat Membru li jirregola l-aċċess u l-eżerċizzju tal-professjoni, huma pussessuri ta' waħda jew iżjed diplomi, ċertifikati jew provi oħra li jippermettu l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ bejgħ volontarju ta’ beni mobbli b'irkant pubbliku, maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat;
2) jekk, filwaqt illi joriġinaw minn Stat Membru li ma jirregolax l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni, huma pussessuri ta' waħda jew iżjed diplomi, ċertifikati jew provi oħra mogħtija ma' l-ikkompletar ta' taħriġ u edukazzjoni rregolati, speċifikament iffokati fuq l-eżerċizzju tal-professjoni, jew
3) jekk, filwaqt illi joriġinaw minn Stat Membru li la jirregola l-aċċess jew l-eżerċizzju u lanqas it-taħriġ u edukazzjoni li jwasslu għall-eżerċizzju ta’ din il-professjoni, huma pussessuri ta' waħda jew iżjed diplomi, ċertifikati jew provi oħra, u juru l-eżerċizzju full-time, f’dan l-Istat Membru, tal-professjoni għal perijodu ta' mill-anqas sentejn matul l-għaxar snin preċedenti jew matul perijodu ekwivalenti fil-każ ta' eżerċizzju part-time, sakemm dan l-eżerċizzju jkun iċċertifikat mill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat.
20 L-Artikolu 48 tad-Digriet 2001-650 jagħti kompetenza lill-CVV sabiex jeżamina l-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati jew provi oħra, ta’ persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 45 u li jixtiequ jistabbilixxu rwieħhom fi Franza.
21 Skond l-Artikolu 49 ta’ l-imsemmi Digriet, l-applikant għandu jagħmel test tal- kapaċità meta t-taħriġ u l-edukazzjoni tiegħu huma bbażati fuq suġġetti li huma sostanzjalment differenti minn dawk stipulati mill-imsemmi Digriet jew meta waħda jew iżjed mill-attivitajiet professjonali kkonċernati mhumiex irregolati fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew huma rregolati b’mod sostanzjalment differenti.
Il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit
22 Fir-Renju Unit, l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet professjonali m'huwa suġġett għal ebda kundizzjoni skond il-leġiżlazzjoni applikabbli. Madankollu, ir-Royal Institution of Chartered Surveyors tintervjeni, għall-inqas b’ċertu mod, fl-organizzazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
23 H. Price, ċittadin Britanniku, huwa pussessur ta' diploma ta’ “Bachelor of Arts with second class honours in Fine Arts Valutation”. Din id-diploma hija kkreditata mir-Royal Institution of Chartered Surveyors fir-Renju Unit. Skond l-indikazzjonijiet ta’ l-avukat tiegħu matul is-seduta, H. Price, minkejja li f’ċertu żmien kien sar membru parzjali tar-Royal Institution of Chartered Surveyors, qatt ma kien membru sħiħ ta’ din l-organizzazzjoni, peress illi huwa qatt ma kien għamel il-perijodu ta’ prattika sorveljata ta’ sentejn segwit b'eżami quddiem ġurija (“Assessment of Professional Competence” jew “APC”) meħtieġ biex wieħed isir membru.
24 Billi xtaq jeżerċità l-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju fi Franza, fit-8 ta’ Jannar 2002, H. Price ippreżenta lill-CVV applikazzjoni għar-rikonoxximent ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra skond l-Artikolu 48 tad-Digriet 2001-650.
25 B’deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2003, il-CVV stieden lil H. Price jagħmel it-test tal- kapaċità previst fl-Artikolu 49 ta’ l-istess Digriet fis-suġġetti segwenti: liġi, prattika ta’ bejgħ b’irkant pubbliku u regoli professjonali. H. Price ippreżenta applikazzjoni lill-CVV biex jerġa jikkunsidra din id-deċiżjoni, li ġiet miċħuda fil-11 ta’ Settembru 2003.
26 Fid-19 ta’ Awwissu 2003, H. Price ressaq rikors quddiem il-cour d’appel ta’ Pariġi kontra d-deċiżjoni tal-CVV tad-19 ta’ Ġunju 2003 li timponilu jagħmel test tal-kapaċità.
27 Skond il-qorti tar-rinviju, H. Price ma weriex li huwa eżerċita full-time, għal perijodu ta' mill-inqas sentejn matul l-għaxar snin li jippreċedu l-applikazzjoni tiegħu għar-rikonoxximent ta' diploma, attività ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju ċċertifikata mill-awtoritajiet Britanniċi.
28 Madankollu, H. Price sostna li peress illi d-deċiżjoni kkontestata ma tħallilux il-possibbiltà li jagħżel bejn perijodu ta’ adattament u test tal-kapaċità, din tikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/51, li tissupplimenta d-Direttiva 89/48.
29 Biex isostni dan l-ilment, huwa invoka li, skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/51, jekk l-Istat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà li jipprevedi perijodu ta’ addattament jew test tal-kapaċità, huwa għandu jagħti lill-applikant id-dritt li jagħżel.
30 Skond il-qorti tar-rinviju, il-CVV sostna, ġustament, li H. Price ma jistax jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni safejn din tapplika biss fil-każ fejn l-Istat ospitanti jeħtieġ il-pussess ta’ ċertifikat u mhux, bħal f’dan il-każ, ta’ diploma.
31 Il-konvenut sostna li s-sitwazzjoni ta’ H. Price taqa' taħt l-ewwel inċiż tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 92/51 u li, skond din id-dispożizzjoni, fil-każ ta’ professjoni li l-eżerċizzju tagħha jitlob tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali u aspett essenzjali u li fir-rigward tagħha l-provvista ta' pariri u/jew ta' assistenza li tikkonċerna l-liġi nazzjonali hija aspett essenzjali u kostanti ta’ l-attività professjonali, l-Istat Membru jista’ jagħżel bejn il-perijodu ta’ adattament u t-test tal-kapaċità. Dan huwa l-każ ta’ l-attività ta’ ġestjoni ta’ bejgħ volontarju.
32 H. Price ikkontesta din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 92/51 u osserva li l-attivitajiet ta’ bejgħ volontarju u legali huma llum distinti u li r-rikonoxximent li huwa jitlob jikkonċerna biss il-bejgħ volontarju.
33 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-cour d’appel ta’ Pariġi ddeċidiet li tissospendi milli tiddeċiedi u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Id-Direttiva 92/51 [...] tapplika għall-attività ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju […] kif irregolat[a] mill-Artikoli L.32l-1 sa L.32l-3, L.32l-8 u L.32l-9 tal-Code de Commerce?
2) Jekk iva, l-Istat Membru ospitanti jista' jibbaża ruħu fuq id-deroga għat-[tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4 (1)(b), tad-Direttiva 92/51] prevista fl-ewwel inċiż tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 4 (1) (b), tad-Direttiva 92/51]?”
Fuq l-ewwel domanda
34 L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttivi 89/48 u 92/51 mhumiex biss iddefiniti abbażi tal-professjoni rregolata in kwistjoni iżda wkoll abbażi tal-kwalifiki ta’ l-applikant li jixtieq jiġi ammess għal din il-professjoni. Għaldaqstant, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tiġi interpretata bħala li essenzjalment hija intiża sabiex isir magħruf jekk id-Direttiva 92/51 tapplikax għal applikant li juri li għandu kwalifiki bħal dawk li jibbaża ruħu fuqhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jixtieq jeżerċita l-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju fi Franza.
35 Għalkemm il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja biss fir-rigward ta’ l-applikabbiltà tad-Direttiva 92/51, madankollu, fid-dawl tan-natura supplementari ta’ din id-direttiva fir-rigward tad-Direttiva 89/48, għandu jiġu vverifikat jekk din ta’ l-aħħar tapplikax. Huwa biss fil-każ li l-imsemmija direttiva ma tapplikax li għandha tiġi eżaminata l-applikabbiltà tad-Direttiva 92/51.
Il-prinċipji applikabbli
36 Mill-kliem ta’ l-Artikoli 3 tad-Direttvi 89/48 u 92/51 jirriżulta li wieħed biss miż-żewġ mekkaniżmi ta’ rikonoxximent tad-diplomi previsti fis-subparagrafu (a) u (b) rispettivament ta' l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 ta’ dawn id-direttivi jista' japplika f’kuntest fattwali speċifiku. Il-mekkaniżmu previst fl-imsemmija subparagrafi (a) ta’ l-ewwel paragrafi ta’ l-Artikoli 3 japplika jekk il-professjoni in kwistjoni hija professjoni rregolata fl-Istat Membru ta’ taħriġ u edukazzjoni. It-tieni mekkaniżmu previst fl-imsemmija subparagrafi (b) ta’ l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 japplika biss jekk il-professjoni in kwistjoni mhijiex professjoni rregolata f’dan l-Istat Membru.
37 Jekk jirriżulta li l-professjoni in kwistjoni hija professjoni rregolata fl-Istat Membru ta’ taħriġ u edukazzjoni, mis-subparagrafi (a) ta’ l-ewwel paragrafi ta’ l-Artikoli 3 tad-direttivi in kwistjoni jirriżulta li d-Direttiva 89/48 tapplika meta kemm id-diploma meħtieġa mill-Istat Membru ospitanti għall-aċċess għall-professjoni in kwistjoni kif ukoll id-diploma li għandu l-applikant huma diplomi kif definiti f'din l-aħħar direttiva. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 92/51 hija applikabbli meta għall-inqas waħda miż-żewġ diplomi in kwistjoni hija diploma skond din id-direttiva u d-diploma l-oħra tista’ tirriżulta kemm minn din l-istess direttiva kif ukoll mid-Direttiva 89/48.
38 Jekk, min-naħa l-oħra jirriżulta li l-professjoni in kwistjoni mhijiex professjoni rregolata fl-Istat Membru ta’ taħriġ u edukazzjoni, mis-subparagrafi (b) ta' l-ewwel paragrafi ta' l-Artikoli 3 tad-direttivi in kwistjoni jirriżulta li d-Direttiva 89/48 tapplika meta d-diploma mitluba mill-Istat Membru ospitanti għall-aċċess għal din il-professjoni hija diploma kif definita f'din l-aħħar direttiva u l-applikant juri li għandu kwalifiki inkluż, b’mod partikolari, prova ta’ taħriġ u edukazzjoni mogħtija ma' l-ikkompletar ta' studji post-sekondarji ta’ mill-inqas tliet snin. Id-Direttiva 92/51 hija min-naħa l-oħra applikabbli f’kull każ fejn id-Direttiva 89/48 mhijiex applikabbli, bil-kundizzjoni, madankollu, li d-diploma mitluba mill-Istat Membru ospitanti tkun għall-inqas diploma skond id-Direttiva 92/51 u li l-applikant juri li għandu l-kwalifiki elenkati fis-subparagrafu (b) ta’ l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari, prova ta’ taħriġ u edukazzjoni mogħtija ma' l-ikkompletar ta' studji post-sekondarji ta' mill-inqas sena.
39 Sabiex jiġi ddeterminat jekk waħda jew l-oħra minn dawn id-direttivi hijiex applikabbli f’dan il-każ, għandhom għaldaqstant l-ewwel nett jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju, minn naħa, fi Franza, bħala Stat Membru ospitanti, u, min-naħa l-oħra, fir-Renju Unit, bħala Stat Membru tat-taħriġ u edukazzjoni. Wara, għandhom jiġu evalwati l-kwalifiki li jibbaża ruħu fuqhom ir-rikorrent fil-kawża prinċipali. Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel dawn l-evalwazzjonijiet, xorta waħda, għandhom isiru xi preċiżjonijiet.
Il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju fi Franza
40 Jidher li l-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju tikkostitwixxi, fi Franza, professjoni rregolata li l-eżerċizzju tagħha huwa suġġett għall-pussess ta’ diploma skond l-Artikolu 1 (a) tad-Direttiva 89/48. B’mod partikolari, skond l-Artikolu 16 tad-Digriet 2001-650, l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni huwa rriżervat għall-pussessuri ta’ żewġ diplomi flimikien mogħtija wara l-ikkompletar ta' mill-inqas livell ta’ taħriġ u edukazzjoni li jikkorrispondi għall-ħames snin ta’ studji post-sekondarji, sakemm id-diploma in kwistjoni ma ngħatatx speċifikament b’eżenzjoni.
41 Kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-fatt li l-Artikolu 45 tad-Digriet 2001-650 jippermetti l-aċċess għal din il-professjoni liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li eventwalment jipposjedu biss diplomi mogħtija wara l-ikkompletar ta' kors ta’ studji post-sekondarji ta’ mill-inqas sena m’għandux bħala konsegwenza awtomatika li jrendi applikabbli d-Direttiva 92/51.
42 Meta leġiżlazzjoni nazzjonali għandha biss l-intenzjoni li tittrasponi fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/51 li jobbligaw lill-Istati Membri jippermettu liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jipposjedu diplomi skond din id-direttiva jiġu ammessi għall-professjonijiet irregolati fit-territorju tagħhom, anki jekk l-aċċess għal dawn il-professjonijiet huwa ġeneralment suġġett għall-pussess ta’ diploma skond id-Direttiva 89/48, din it-transpożizzjoni m’għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata d-direttiva applikabbli. Li kieku dan ma kienx il-każ, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/48 isir tant restrittiv li jsir ineżistenti peress illi kull Stat Membru huwa obbligat, skond id-Direttiva 92/51, jippermetti liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jipposjedu diplomi skond din id-direttiva, u li għaldaqstant huma mogħtija wara l-ikkompletar ta' kors ta’ studji ta’ tul ta' żmien inqas minn dak mitlub fil-kuntest tad-Direttiva 89/48, ikollhom aċċess għal kull professjoni rregolata li fir-rigward tagħha japplikaw dawn id-direttivi, bl-eċċezzjoni biss tad-deroga mogħtija mir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/51.
43 F’dan il-każ, kollox jidher li qed jindika li l-Artikolu 45 tad-Digriet 2001-650 huwa intiż biss biex jittrasponi fid-dritt Franċiż id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/51, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.
Il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju fir-Renju Unit
Regolamentazzjoni mill-Istat
44 Fir-Renju Unit, l-attivitajiet ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju ma jikkostitwixxux attivitajiet professjonali rregolati skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1 (d) tad-Direttiva 89/48, jew skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1 (f) tad-Direttiva 92/51. Fil-fatt, fir-Renju Unit, l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet professjonali mhuwa suġġett għal ebda kundizzjoni skond il-leġiżlazzjoni applikabbli.
Regolamentazzjoni minn assoċjazzjoni jew minn organizzazzjoni rrikonoxxuta mill-Istat
45 Min-naħa l-oħra, jidher possibbli li l-attivitajiet ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju jiġu assimilati ma' attivitajiet professjonali rregolati kemm skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 (d) tad-Direttiva 89/48, kif ukoll skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 (f) tad-Direttiva 92/51, meta r-Royal Institution of Chartered Surveyors tintervjeni, għall-inqas sa ċertu livell, fl-organizzazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Jekk dan huwa l-każ, il-fatt li din l-organizzazzjoni teħtieġ li l-membri tagħha jikkompletaw kors ta’ studji post-sekondarji ta’ tliet snin segwit minn taħriġ u edukazzjoni professjonali ta’ sentejn, u tissuġġetta għaldaqstant l-eżerċizzju tal-professjoni kkonċernata għall-pussess ta' diploma skond l-Artikolu 1 (a) tad-Direttiva 89/48, jrendi applikabbli s-subparagrafu (a) ta' l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 jekk il-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 (d) ta’ din id-direttiva huma wkoll sodisfatti.
46 F’dan ir-rigward, għandu jiġi wkoll innutat li r-Royal Institution of Chartered Surveyors hija msemmija fl-Anness tad-Direttiva 89/48. Skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 1 (d) ta’ din id-direttiva, din l-organizzazzjoni għaldaqstant issodisfat, fil-mument ta' l-adozzjoni ta' l-imsemmija direttiva, il-kundizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 (d) ta’ din l-istess direttiva. Madankollu, jekk ir-Royal Institution of Chartered Surveyors hija organizzazzjoni speċifikament irrikonoxxuta fir-Renju Unit f'dak li jikkonċerna l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ perit-espert (“chartered surveyor”), mhuwiex madankollu ċert li hija tibbenefika mill-istess rikonoxximent għal dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha jekk ikun meħtieġ tiddetermina jekk dan huwiex il-każ.
L-applikabbiltà tal-mekkaniżmi ta’ rikonoxximent previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 għall-kwalifiki li jibbaża ruħu fuqhom H. Price
L-applikabbiltà tas-subparagrafu (a) ta' l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48
47 Is-subparagrafu (a) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 japplika jekk il-professjoni in kwistjoni hija rregolata fl-Istat Membru tat-taħriġ u edukazzjoni. Peress illi H. Price mhuwiex membru tar-Royal Institution of Chartered Surveyors, il-kwistjoni tar-rikonoxximent, skond din id-dispożizzjoni, ta’ diplomi maħruġa mill-imsemmija organizzazzjoni ma tqumx f’dan il-każ anki kieku kellu jirriżulta li l-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju tikkostitwixxi professjoni rregolata fir-Renju Unit skond ir-regolamentazzjoni prevista mill-imsemmija organizzazzjoni. Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-fatt li H. Price kien membru parzjali ta' l-imsemmija organizzazzjoni jew li huwa kien ikkompleta parti mit-taħriġ u edukazzjoni meħtieġa sabiex isir membru ta’ din l-organizzazzjoni mhuwiex suffiċjenti sabiex huwa jkun jista' jibbaża ruħu fuq id-Direttiva 89/48 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Morgenbesser, C-313/01, Ġabra p. I-13467, punti 51 u 52).
L-applikabbiltà tas-subparagrafu (b) ta' l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48
48 Is-subparagrafu (b) ta' l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 japplika jekk il-professjoni in kwistjoni mhijiex irregolata fl-Istat Membru ta' taħriġ u edukazzjoni. Għaldaqstant, kif jirriżulta mill punti 36, 45 u 46 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tapplika biss jekk ir-Royal Institution of Chartered Surveyors ma tissoddisfax il-kriterji msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 (d) tad-Direttiva 89/48 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju, u jekk l-imsemmija professjoni ma tikkostitwixxix, għaldaqstant, professjoni rregolata fir-Renju Unit, skond l-Artikolu 1 (ċ) ta’ din id-Direttiva. Kif diġà ġie mfakkar fil-punt 46 ta' din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, jekk ikun neċessarju, tiddetermina jekk dan huwiex il-każ.
49 Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 92/51 ma tapplikax għal applikant li juri li għandu kwalifiki bħal dawk li jibbaża ruħu fuqhom ir-rikorrent fil-kawża prinċipali li jixtieq jeżerċita l-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju ta’ beni mobbli b'irkant pubbliku fi Franza. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 89/48, u b’mod partikolari s-subparagrafu (b) ta' l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tagħha, tista' tiġi applikata fir-rigward ta' tali applikant jekk il-professjoni ta' Direttur ta' bejgħ volontarju ta’ beni mobbli b'irkant pubbliku fl-Istat Membru li fih l-imsemmi applikant kiseb il-kwalifiki li jibbaża ruħu fuqhom mhijiex professjoni rregolata skond l-Artikolu 1 (ċ) ta’ din id-direttiva. Hija l-qorti tar-rinviju, jekk ikun meħtieġ, li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ.
Fuq it-tieni domanda
50 Minkejja li t-tieni domanda hija bbażata fuq l-ipoteżi ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 92/51, madankollu xorta waħda għandha tingħata risposta għal din id-domanda fil-kuntest tad-Direttiva 89/48, li hija potenzjalment applikabbli f’dan il-każ, u li fis-subparagrafu 3 ta’ l-Artikolu 4 (1) għanda dispożizzjoni li hija essenzjalment identika għal dik prevista fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 4 (1)(b) tad-Direttiva 92/51.
51 Id-domanda li biha hija kkonfrontata l-qorti tar-rinviju hija essenzjalment dik li jsir magħruf jekk il-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju hijiex fi Franza waħda mill-professjonijiet “li l-prattika tagħhom titlob tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali u li fir-rigward tagħhom il-provvista ta’ pariri u/jew assistenza li tikkonċerna l-liġi nazzjonali hija aspett essenzjali u kostanti”, skond it-tielet sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 4 (1) tad-Direttiva 89/48.
52 Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 234 KE, ibbażat fuq separazzjoni totali bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, din hija biss kompetenti biex tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test Komunitarju, fir-rigward tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali u li, min-naħa l-oħra, hija din ta’ l-aħħar li għandha tapplika r-regoli tad-dritt Komunitarju għal każ konkret (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Traunfellner, C-421/01, Ġabra p. I-11941, punt 21).
53 Biex tkun tista' ssir deroga mill-prinċipju tal-libertà ta’ l-għażla ta’ l-applikant bejn perijodu ta’ adattament u test tal-kapaċità, it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 (1) tad-Direttiva 89/48 jimponi żewġ kundizzjonjiet kumulattivi fuq l-Istati Membri sabiex dawn ta’ l-aħħar ikunu jistgħu jagħżlu l-miżura ta’ kumpens. Minn naħa, għandha tkun professjoni li l-prattika tagħha titlob tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali. Min-naħa l-oħra, element essenzjali u stabbilit ta’ l-attività in kwistjoni għandu jkun il-provvista ta’ pariri u/jew assistenza li tikkonċerna l-liġi nazzjonali. Għaldaqstant issir distinzjoni bejn ir-rekwiżiti imposti għall-eżerċizzju tal-professjoni in kwistjoni u l-attivitajiet li hija tkopri. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu eżaminati separatament.
Il-kundizzjoni bbażata fuq it-tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali
54 Id-Direttiva 89/94 m’għandhiex bħala għan, bil-kontra tad-direttivi settorjali li jikkonċernaw professjonijiet speċifiċi, li tarmonizza l-kundizzjonijiet ta’ aċċess jew ta’ eżerċizzju tad-diversi professjonijiet li fir-rigward tagħhom hija tapplika. L-Istat Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu l-imsemmija kundizzjonijiet fil-limiti imposti mid-dritt Komunitarju. Il-kwistjoni dwar safejn l-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari jeżiġi tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali għandha għaldaqstant tiġi riżolta biss b'rigward għad-dispożizzjonijiet nazzjonali.
55 Fil-kuntest ta' professjonijiet irregolati mill-awtoritajiet nazzjonali, jista jiġi meqjus li l-kontenut tat-taħriġ u edukazzjoni imposti għall-aċċess għal professjoni rregolata huwa stabbilit skond l-eżiġenzi marbuta ma’ l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni. Il-kontenut tat-taħriġ u edukazzjoni preskritt minn Stat Membru li jirregola din il-professjoni huwa, għaldaqstant, kriterju partikolarment rilevanti biex jiġu dedotti l-eżiġenzi marbuta ma’ l-eżerċizzju tagħha.
56 Kif irrilevat wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 116 sa 119 tal-konklużjonijiet tagħha, jidher f’dan il-każ li t-taħriġ u edukazzjoni relatati mal-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju fi Franza jinkludu tagħlim ġuridiku sostanzjali, b’mod partikolari diploma fil-liġi mogħtija wara l-ikkompletar ta' studji ta' ftit jew wisq sentejn.
57 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li professjoni li l-aċċess għaliha huwa suġġett għall-pussess ta’ diploma fid-dritt mogħtija wara l-ikkompletar ta' studji ta’ mill-inqas sentejn tikkostitwixxi professjoni li jista' jiġi meqjus li l-eżerċizzju tagħha jeżiġi tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 (1) tad-Direttiva 89/48.
Il-kundizzjoni bbażata fuq il-provvista ta’ pariri u/jew assistenza li tikkonċerna l-liġi nazzjonali
58 L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li sostnew H. Price u l-Gvern Awstrijak u Żvediż, l-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni ma jistax ikollha bħala konsegwenza li biss il-professjonijiet ġuridiċi “klassiċi” bħal dawk ta’ imħallef, nutar u avukat, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 (1) tad-Direttiva 89/48. Kif irrilevat, ġustament, l-Avukat Ġenerali fil-punti 94 sa 98, 120 u 121 tal-konklużjonijiet tagħha, tali għan ma jistax jiġi dedott la mit-tnissil tad-dispożizzjoni kkonċernata, u l-anqas mill-kliem tagħha.
59 Mhuwiex neċessarju li l-pariri u/jew assistenza pprovduti lill-klijenti jikkonċernaw kollha l-liġi nazzjonali. Huwa biżżejjed li dawn jikkonċernaw qasam speċjalizzat. Sabiex jiġi ddeterminat safejn il-provvista ta’ pariri u/jew assistenza li tikkonċerna l-liġi nazzjonali tikkostitwixxi element essenzjali u kostanti ta’ l-attività in kwistjoni, huwa neċessarju li jsir referiment għall-prattika normali tal-professjoni in kwistjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni.
60 Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li
– professjoni li l-aċċess għaliha huwa suġġett għall-pussess ta’ diploma fid-dritt mogħtija wara l-ikkompletar ta' studji ta’ mill-inqas sentejn tikkostitwixxix professjoni li jista' jiġi meqjus li l-eżerċizzju tagħha jeżiġi tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali skond tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 (1) tad-Direttiva 89/48; u
– mhuwiex neċessarju għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni li l-attività in kwistjoni timplika l-provvista ta’ pariri u/jew assistenza li kollha jikkonċernaw il-liġi nazzjonali; huwa biżżejjed li din tikkonċerna qasam speċjalizzat u tikkostitwixxi element essenzjali u kostanti ta’ l-imsemmija attività. F’dan il-kuntest, huwa neċessarju li jsir referiment, b'mod partikolari, għall-prattika normali tal-professjoni in kwistjoni.
Fuq l-ispejjeż
61 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta u tiddeċiedi li :
1) Id-Direttiva tal-Kunsill, 92/51/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent tat-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplementata d-Direttiva 89/48/KEE, kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 2001/19/KE, ta’ l-14 ta’ Mejju 2001, ma tapplikax għal applikant li juri li għandu kwalifiki bħal dawk li jibbaża ruħu fuqhom ir-rikorrent fil-kawża prinċipali li jixtieq jeżerċita l-professjoni ta’ Direttur ta’ bejgħ volontarju ta’ beni mobbli b'irkant pubbliku fi Franza.
Min-naħa l-oħra, id-Direttiva tal-Kunsill, 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni għolja mogħtija mal-kompletar tat-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendadta mid-Direttiva 2001/19, u b’mod partikolari s-subparagrafu (b) ta' l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tagħha, tista' tiġi applikata fir-rigward ta' tali applikant jekk il-professjoni ta' Direttur ta' bejgħ volontarju ta’ beni mobbli b'irkant pubbliku fl-Istat Membru li fih l-imsemmi applikant kiseb il-kwalifiki li jibbaża ruħu fuqhom mhijiex professjoni rregolata skond l-Artikolu 1 (ċ) ta’ din id-direttiva. Hija l-qorti tar-rinviju, jekk ikun meħtieġ, li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ
2) Professjoni li l-aċċess għaliha huwa suġġett għall-pussess ta’ diploma fid-dritt mogħtija wara l-ikkompletar ta' studji ta’ mill-inqas sentejn tikkostitwixxix professjoni li jista' jiġi meqjus li l-eżerċizzju tagħha jeżiġi tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali skond tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 (1) tad-Direttiva 89/48, kif emendata mid-Direttiva 2001/19.
Mhuwiex neċessarju għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni li l-attività in kwistjoni timplika l-provvista ta’ pariri u/jew assistenza li kollha jikkonċernaw il-liġi nazzjonali; huwa biżżejjed li din tikkonċerna qasam speċjalizzat u tikkostitwixxi element essenzjali u kostanti ta’ l-imsemmija attività. F’dan il-kuntest, huwa neċessarju li jsir referiment, b'mod partikoalri, għall-prattika normali tal-professjoni in kwistjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy