SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
13 ta' Lulju 2006 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 79/409/KEE – Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi – Żona ta' protezzjoni speċjali – Modifikazzjoni mingħajr bażi xjentifika"
Fil-kawża C-191/05,
li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-28 ta' April 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. van Beek u A. Caeiros, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes, bħala aġent,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta, P. Kūris (Relatur), J. Klučka u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta' Frar 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi mmodifikat id-delimitazzjoni taż-żona ta' protezzjoni speċjali (iktar il-quddiem iż-"ŻPS) ta' "Moura, Mourão, Barrancos" (iktar 'il quddiem iż-"ŻPS ikkonċernata") u billi eskludiet, b'hekk, iż-żoni li jospitaw speċi ta' għasafar selvaġġi li l-protezzjoni tagħhom iġġustifikat id-deżinjazzjoni ta' l-imsemmija ŻPS, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/409/KEE, tat-2 ta' April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1, iktar 'il quddiem id-"direttiva").
2 L-Artikolu 4(1) tad-direttiva jipprevedi li:
"L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta' miżuri speċjali ta' konservazzoni li jik[k]onċernaw il-habitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom. F’ konnessjoni ma' dan, għandu jittieħed kont ta’ l-:
a) ispeċi fil-perikolu ta’ l-estinzjoni;
b) ispeċi vulnerabbli għat-tibdil speċifiku fil-habitats tagħhom;
c) ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;
d) ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-habitats tagħhom.
Drawwiet u varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in k[u]nsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.
L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs bħala żoni speċjali tal-protezzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, b' k[u]nsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta' protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva."
3 Wara lment li jindika li ż-ŻPS ikkonċernata kienet ġiet immodifikata mingħajr ebda bażi xjentifika, il-Kummissjoni bagħtet lill-Gvern Portugiż, fis-17 ta' Ottubru 2003, ittra ta' intimazzjoni li għaliha l-awtoritajiet Portugiżi wieġbu permezz ta' ittra fid-19 ta' Settembru 2003.
4 Fid-9 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni bagħtet lill-Gvern Portugiż opinjoni motivata li kienet tgħid li, billi mmodifikat id-deliminazzjoni taż-ŻPS ikkonċernata u billi eskludiet, b'hekk, iż-żoni li jospitaw speċi ta' għasafar selvaġġi li l-protezzjoni tagħhom iġġustifikat id-deżinjazzjoni ta' l-imsemmija ŻPS, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) tad-direttiva, li jitlob lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma l-imsemmija opinjoni fi żmien xahrejn mid-data ta' meta rċeviha. Wara li ħadet in kunsiderazzjoni r-risposta mibgħuta mill-awtoritajiet Portugiżi fl-24 ta' Frar 2005, il-Kummissjoni, billi baqgħet tqis is-sitwazzjoni insodisfaċjenti, ressqet dan ir-rikors.
5 Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi ċekken, permezz tad-digriet leġiżlattiv Nru 141/2002 ta' l-20 ta' Mejju 2002 (Diário da República I, Serje A, Nru 116, ta' l-20 ta' Mejju 2002), iż-ŻPS ikkonċernata, kif kienet ġiet iddelimitata meta ġiet stabbilita mid-digriet leġiżlattiv Nru 384 B/99, tat-23 ta' Settembru 1999 (Diário da República I, Serje A, Nru 223, tad-29 ta' Settembru 1999), il-Gvern Portuġiż eskluda mill-protezzjoni diversi speċi ta' għasafar selvaġġi li huma mniżżla fuq il-formola standard ta' informazzjoni "Natura 2000" li intużat bħala bażi għall-ħolqien ta' din iż-ŻPS, speċi li, skond id-direttiva, għandhom jiġu protetti.
6 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li l-modifikazzjoni tal-limiti taż-ŻPS ikkonċernata m'għandha ebda bażi xjentifika, liema fatt huwa f'kontradizzjoni mar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
7 Min-naħa tiegħu, il-Gvern Protugiż jirrikonoxxi li, ikun xi jkun il-marġni ta' evalwazzjoni ta' l-Istat Membri, id-delimitazzjoni taż-ŻPS għandha tosserva l-kriterji previsti mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva, kif tenfasizza l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
8 L-imsemmi gvern isostni li delimitazzjoni xierqa ġdida taż-ŻPS ikkonċernata qegħda attwalment tiġi mfassla. Din id-delimitazzjoni ser tieħu in kunsiderazzjoni, minn naħa, in-neċessitajiet marbuta mal-protezzjoni xierqa ta' l-ispeċi li ġġustifikaw id-delimitazzjoni ta' l-imsemmija ŻPS, bħal per eżempju l-grewwa (Grus grus), il-kokka imperjali (Bubo bubo), l-avultun qassis (Aegypius monachus), l-ajkla tal-kalzetti (Hieraaetus pennatus) kif ukoll s-seqer avultun grifun (Gyps fulvus), u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni neċessarja ta' għasafar ta' l-isteppa f'żoni adatti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
9 Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 4 tad-direttiva jipprovdi sistema ta' protezzjoni intiża u msaħħa speċifikament kemm għall-ispeċi msemmija fl-Anness I kif ukoll għall-ispeċi migratorji, iġġustifikata bil-fatt li huma, rispettivament, l-ispeċi l-iktar mhedda u l-ispeċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Komunità (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta' Mejju 1990, Van den Burg, C-169/89, Ġabra p. I-2143, punt 11, u tal-11 ta' Lulju 1996, Royal Society for the Protection of Birds, C-44/95, Ġabra p. I-3805, punti 23 u 26).
10 Għandu jiġi enfassizzat ukoll li huma l-kriterji ornitoloġiċi mniżżla fl-Artikolu 4(1) u (2) li għandhom ikunu ta' gwida għall-Istati Membri meta jiġu jagħżlu u jiddelimitaw iż-ŻPS (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Royal Society for the Protection of Birds, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26).
11 Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-digriet leġiżlattiv Nru 141/2002, li d-delimitazzjoni taż-ŻPS ikkonċernata ġiet immodifikata minħabba li din iż-ŻPS inkludiet żoni li ma jikkostitwixxux ħabitat li huma rilevanti għall-għasafar ta' l-isteppa.
12 Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, jekk iż-żoni taż-ŻPS ikkonċernata esklużi mid-digriet leġiżlattiv ma jospitawx għasafar ta' l-isteppa, huma jilqgħu għasafar selvaġġi li huma mniżżla fl-Anness I tad-direttiva u li l-protezzjoni tagħhom kienet iġġustifikat id-deżinjazzjoni ta' l-imsemmija ŻPS, jiġifieri, b'mod partikolari, il-grewwa (Grus grus), il-kokka imperjali (Bubo bubo), l-avultun qassis (Aegypius monachus), l-ajkla tal-kalzetti (Hieraaetus pennatus) u s-seqer avultun grifun (Gyps fulvus).
13 F'dawn iċ-ċirkostanzi, Stat Membru ma jistax iċekken is-superfiċji ta' ŻPS jew jimmodifika d-delimitazzjoni, ħlief jekk iż-żoni esklużi miż-ZPS ma jikkorrispondux iktar għat-territorji l-iktar approprjati għall-konservazzjoni ta' speċi ta' għasafar selvaġġi, fis-sens ta' l-Artikolu 4(1) tad-direttiva.
14 Il-Gvern Portugiż ma weriex l-eżistenza ta' tali sitwazzjoni fil-kawża preżenti.
15 Għaldaqstant, ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.
16 Minn dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, billi mmodifikat id-delimitazzjoni taż-ŻPS ikkonċernata u billi eskludiet, b'hekk, iż-żoni li jospitaw speċi ta' għasafar selvaġġi li l-protezzjoni tagħhom iġġustifikat id-deżinjazzjoni ta' l-imsemmija ŻPS, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.
Fuq l-ispejjeż
17 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Billi mmodifikat id-delimitazzjoni taż-żona ta' protezzjoni speċjali ta' "Moura, Mourão, Barrancos" u billi eskludiet, b'hekk, iż-żoni li jospitaw speċi ta' għasafar selvaġġi li l-protezzjoni tagħhom iġġustifikat id-deżinjazzjoni ta' l-imsemmija żona, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/409/KEE, tat-2 ta' April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi.
2) Ir-Repubblika Portugiża għandha tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.
Full & Egal Universal Law Academy