SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
19 ta’ Settembru 2006 (*)
"Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva 98/5/KE – Eżerċizzju permanenti tal-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru barra dak li fih inkisbet il-kwalifika – Verifika minn qabel tal-konoxxenza tal-lingwi ta’ l-Istat Membru ospitanti – Projbizzjoni li jiġu eżerċitati attivitajiet ta’domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji – Obbligu li kull sena jiġi ppreżentat ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini"
Fil-kawża C-193/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226KE, imressaq fid-29 ta’ April 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn D. Maidani u A. Bordes, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn S. Schreiner, bħala aġent, assistit minn L. Dupong, Avukat,
konvenut
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, K. Lenaerts (Relatur), E. Juhász, E. Levits, A. Ó Caoimh u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ Marzu 2006,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Mejju 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi żamm, fir-rigward ta’ l-avukati li kisbu l-kwalifika professjonali tagħhom fi Stat Membru ieħor u li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fit-territorju tiegħu taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tagħhom, rekwiżiti għal dak li jirrigwarda l-konoxxenza lingwistika, projbizzjoni li tiġi eżerċitata l-attività ta’ domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji u l-obbligu li kull sena jkun ippreżentat ċertifikat tar-reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond id-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri barra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU L 77, p. 36).
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 98/5
2 Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/5:
"Kull avukat għandu jkun intitulat li jsegwi fuq bażi permanenti, f’kull Stat Membru ieħor taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu, l-attivitajiet speċifikati fl-Artikolu 5."
3 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5, intitolat "Ir-reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti", jgħid:
"1. Avukat li jixtieq jipprattika fi Stat Membru [...] barra dak li fih kiseb il-kwalifika professjonali għandu jirreġistra ma’ l-awtorità kompetenti f’dak l-Istat.
2. L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha tirreġistra lill-avukat mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat li jixhed ir-reġistrazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu. Tista’ teħtieġ li, meta jkun ippreżentat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li hu pajjiżu, iċ-ċertifikat ma jkunx eqdem minn tliet xhur. Għandha tinforma bir-reġistrazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li hu l-pajjiż ta’ l-avukat.
[…]"
4 L-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/5, intitolata "Il-qasam ta’ attività", jgħid:
"1. Suġġett għall-paragrafi 2 u 3, avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu jwettaq l-istess attivitajiet professjonali bħala avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali relevanti wżat fl-Istat Membru ospitanti u jista’, inter alia, jagħti parir fuq il-liġi ta’ l-Istat Membru li hu pajjiżu, fuq il-liġi tal-Komunità, fuq il-liġi internazzjonali u fuq il-liġi ta’ l-Istat Membru ospitanti. Għandu f’kull każ ikun konformi mar-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qrati nazzjonali.
2. L-Istati Membri li jawtorizzaw fit-territorju tagħhom kategorija preskritta ta’ avukati sabiex iħejju atti sabiex jiksbu titolu biex jamministraw bini ta’ persuni mejta u sabiex joħolqu jew jitrasferixxu interessi fl-art li, fi Stati Membri oħra, huma rriservati għal professjonijiet barra dawk ta’ avukat jistgħu jeskludu minn dawn l-attivitajiet avukati li jipprattikaw taħt titolu professjonali ta’ pajjiżhom mogħtija f’wieħed mill-Istati Membri ta’ l-aħħar.
3. Għas-segwiment ta’ attivitajiet li jirrelataw mar-rappreżentazzjoni jew difiża ta’ klijent fi proċeduri legali u safejn il-liġi ta’ l-Istat Membru ospitanti tirriserva attivitajiet bħal dawn għal avukati li jipprattikaw taħt it-titoli professjonali ta’ dak l-Istat, dan ta’ l-aħħar jista’ jeħtieġ li avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżhom jaħdmu flimkien ma’ avukat li jipprattika quddiem l-awtorità ġudizzjarja in kwistjoni u li jkun, fejn meħtieġ, jwieġeb għal għemilu lil dik l-awtorità jew lill-’avoué’ li jipprattika quddiemha.
Madanakollu, sabiex ikun assigurat it-tħaddim tajjeb tas-sistema ġudizzjarja, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw ir-regoli speċifiċi għall-aċċess għall-qorti suprema, bħalma hu l-użu ta’ avukati speċjalisti."
5 L-Artikolu 7 tad-Direttiva 98/5, intitolat "Il-Proċeduri Dixxiplinari", jipprovdi, fil-paragrafu 2:
"Qabel ma jinbdew il-proċeduri dixxiplinari kontra avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha tinforma l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li tforniha bid-dettalji kollha relevanti.
L-ewwel paragrafu għandu japplika mutatis mutandis fejn proċeduri dixxiplinari jibdew mill-awtorità kompetenti ta’ l-istat Membru li hu pajjiżu, li għandha tinforma kif xieraq lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat(i) Membru(i) ospitanti(w)."
6 L-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/5, intitolat "Trattament simili bħal avukat ta’ l-Istat Membru ospitanti", jinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:
"1. Avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu li effettivament u regolarment segwa għal perijodu ta’ lanqas tliet snin attività fl-Istat Membru li ospitah fil-liġi ta’ l-Istat inkluża l-liġi tal-Komunità għandu, in-vista li jikseb dħul fil-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru li ospitah, ikun eżentat mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48/KEE [tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tlett snin (ĠU 1989, L 19, p. 16)], ‘l-eżerċizzju effettiv u regolari’ jfisser taħriġ attwali ta’ l-attività mingħajr interruzzjonijiet ħlief dik li tirriżulta mill-każijiet tal-ħajja ta’ kuljum.
[…]
3. Avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu li segwa effettivament u regolarment attività professjonali fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu ta’ mill-anqas tliet snin imma għal perijodu iqsar fil-liġi ta’ dak l-Istat Membru jista’ jikseb mingħand l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat dħul fil-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti u d-dritt li jipprattikaha taħt it-titolu professjonali li jikkorrispondi mal-professjoni f’dak l-Istat Membru, mingħajr il-ħtieġa li jilħaq il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48/ [...], taħt il-kundizzjonijiet u skond il-proċeduri stabbiliti hawn taħt:
a) L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti għandha tikkonsidra l-attività professjonali eżerċitata effettivament u regolarment matul il-perijodu hawn fuq imsemmi u kull tagħrif w esperjenza professjonali tal-liġi ta’ l-Istat Membru ospitanti, u kull attendenza għal lectures jew seminars dwar il-liġi ta’ l-Istat Membru ospitanti, inklużi r-regoli li jirregolaw il-prattika u l-kondotta professjonali.
[…]"
7 L-Artikolu 13 tad-Direttiva 98/5, intitolat "Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ospitanti u pajjiż u kunfidenzjalità", jipprovdi, fl-ewwel sentenza:
"Sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u sabiex jipprevjenu d-dispożizzjonijiet tagħha milli jkunu applikati ħażin għall-għan ewlieni li jkunu evitati r-regoli applikabbli fl-Istat Membr[u] ospitanti, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti u l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ pajjiżhom għandhom jikkollaboraw mill-qrib u jipprovdu assistenza komuni lil xulxin."
Id-dritt nazzjonali
8 L-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat u l-attività ta’ domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji huma rregolati fil-Lussemburgu rispettivament, mil-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 fuq il-professjoni ta’ avukat (Mémorial A 1991, p. 1110, iktar ’il quddiem "il-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991") u l-liġi tal-31 ta’ Mejju 1999 li tirregola d-domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji (Mémorial A 1999, p. 1681, iktar ’il quddiem "il-liġi ta’ l-31 ta’ Mejju 1999").
9 Dawn il-liġijiet kienu ġew immodifikati mil-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002 li titrasponi fid-dritt Lussemburgiż id-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri barra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni u li: 1. temenda l-liġi emendata ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 fuq il-professjoni ta’ avukat; 2. temenda l-liġi tal-31 ta’ Mejju 1999 li tirregola d-domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji (Mémorial A 2002, p. 3202 iktar ’il quddiem "il-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002").
10 Skond l-Artikolu 5 tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991:
"Ħadd ma jista’ jeżerċita l-professjoni ta’ avukat jekk ma jkunx ġie rreġistrat fl-avukatura ta’ kamra ta’ l-avukati stabbilita fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu."
11 L-Artikolu 6 tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 jipprovdi hekk:
"(1) Sabiex wieħed jiġi rreġistrat fl-avukatura, jeħtieġ li huwa:
a) jippreżenta l-garanzija neċessarja ta’ onorabiltà.
b) juri li ssodisfa l-kundizzjonijiet ta’ amissibiltà għall-istage.
Eċċezzjonalment, il-Kunsill tal-kamra ta’ l-avukati jista’ jeżenta lill-persuni li kkompletaw il-prattika professjonali tagħhom fl-Istat ta’ l-oriġini tagħhom u li jistgħu juru li ppratikkaw b’mod professjonali għal mill-inqas, b’ċerti kundizzjonijiet ta’ amissibiltà għall-istage.
c) ikun ta’ nazzjonalità Lussemburgiża jew ikun ċittadin ta’ Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej. Il-Kunsill tal-kamra ta’ l-avukati, wara li jkun ġie nnotifikat mill-Ministeru tal-Ġustizzja, jista’, fuq il-prova tar-reċiproċità minn naħa tal-pajjiż li mhux membru tal-Komunità Ewropea li tiegħu il-kandidat ikun ċittadin, jeżenta din il-kundizzjoni. L-istess japplika għall-kandidati li għandhom l-istatus ta’ refuġjat politiku u li jibbenefikaw mid-dritt ta’ ażilu fil-Gran Dukat tal-Lusssemburgu.
(2) Qabel ma jkunu rreġistrati fl-avukatura ta’ l-avukati, il-kandidati-avukati, fuq preżentazzjoni tal-President tal-kamra ta’ l-avukati jew ta’ persuna ddelegata minnu, għandhom jieħdu quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni l-ġurament segwenti ‘Naħlef fedeltà lill-Gran Duka, li nobdi l-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ l-Istat; li ma nonqosx mir-rispett dovut lill-qrati; li ma nagħtix parir jew li niddefendi l-ebda kawża li ma nikkunsidrax ġusta skond il-kuxjenza u l-konoxxenxza tiegħi’."
12 Dawn il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni kienu ġew emendati mill-Artikolu 14 tal-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002. Dan b’mod partikolari żied ma’ l-Artikolu 6(1), tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 punt d), li jimponi l-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni segwenti:
"għarfien tajjeb tal-lingwa tal-leġiżlazzjoni u tal-lingwi amministrattivi u ġudizzjarji skond il-liġi ta’ l-24 ta’ Frar 1984 fuq is-sistema tal-lingwi."
13 Il-lingwa tal-leġiżlazzjoni hija rregolata mill-Artikolu 2 tal-liġi ta’ l-24 ta’ Frar 1984 fuq is-sistema tal-lingwi (Mémorial A 1984, p. 196) fil-kliem segwenti:
"L-atti leġiżlattivi u r-regolamenti tagħhom ta’ eżekuzzjoni huma mħejjija bil-Franċiz. Meta l-atti leġiżlattivi u regolamentari huma akkumpanjati b’traduzzjoni, it-test Franċiż biss huwa awtentiku.
Fil-każ fejn xi regolamenti mhux msemmija fil-paragrafu preċedenti huma ppromulgati minn organu ta’ l-Istat, tal-kunsilli lokali jew ta’ stabbilimenti publiċi f’lingwa oħra barra l-Franċiż, it-test biss fil-lingwa wżata minn dan l-organu huwa awtentiku.
Dan l-artikolu ma jidderogax mid-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam ta’ konvenzjonijiet internazzjonali."
14 Il-lingwi amministrattivi u ġudizzjarji huma rregolati mill-Artikolu 3 tal-liġi ta’ l-24 ta’ Frar 1984 fuq is-sistema tal-lingwi fil-mod segwenti:
"Fil-qasam amministrattiv, kontenzjuż jew mhux kontenzjuż, u fil-qasam ġudizzjarju, jistgħu jintużaw il-Franċiż, il-Ġermaniż jew il-Lussemburgiż, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali dwar ċerti oqsma."
15 Skond l-Artikolu 3(1) tal-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002, l-avukat li kiseb il-kwalifika tiegħu fi Stat Membru ieħor minbarrra l-Gran Dukat tal-Lussemburgu (iktar ’il quddiem l-"avukat Ewropew") għandu jkun ġie rreġistrat fl-avukatura ta’ waħda mill-kmamar ta’ l-avukati ta’ dan l-aħħar imsemmi Stat Membru sabiex ikun jista’ jeżerċità hemmhekk taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tiegħu.
16 L-Artikolu 3(2) ta’ l-istess liġi jipprovdi:
"Le Conseil de l’Ordre des Avocats du Grande-Duche de Luxembourg (Il-Kunsill ta’ l-Kamra ta’ l-Avukati tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu) li quddiemu tressqet it-talba mill-avukat Ewropew sabiex ikun jista’ jeżerċità taħt it-titolu professjonali ta’ orġini tiegħu, jipproċedi bir-reġistrazzjoni ta’ l-avukat ewropew fir-reġistru ta’ l-avukati ta’ din il-Kamra wara eżami oral li jippermetti lill-Conseil de l-Ordre jivverifika li l-avukat ewropew jaf tajjeb mill-inqas il-lingwi skond l-Artikolu 6(1) (d) tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 u wara l-preżentazzjoni tad-dokumenti previsti fl-Artikolu 6(1)(a), fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(1)(c) u 6(1)(d) tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 kif ukoll taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ l-avukat ewropew ikkonċernat ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini. Dan iċ-ċertifikat ta’ l-Istat Membru ta’oriġini għandu jiġi ppreżentat kull sena fl-ewwel xahar tas-sena u għandu jkun inħareġ mħux iktar tard minn tliet xhur qabel.
[…]"
17 Fil-verżjoni inizzjali tiegħu, l-Artikolu 1(1) tal-liġi tal-31 ta’ Mejju 1999 kien jgħid:
"Meta kumpannija tistabbilixxi f’pajjiż ieħor l-uffiċċju prinċipali tagħa sabiex teżerċità hemmhekk attività fil-kuntest ta’ l-għan soċjali tagħha u dan il-pajjiż l-ieħor jipprovdi xi servizzi marbuta ma’ din l-attività, il-kumpannija u dan il-pajjiż l-ieħor, imsejjaħ domiċiljatur, huma marbuta li jikkonkludu bil-miktub ftehim magħruf bħala ta’ domiċiljazzjoni.
Biss membru ta’ waħda mill-professjonijiet irregolati segwenti, stabbilit fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jista’ jkun domiċiljatur: stabbiliment ta’ kreditu jew professjonista ieħor tas-settur finanzjarju u tas-settur ta’ l-assigurazzjonijiet, avukat, awditur ta’ kumpanniji, espert-kontabilist."
18 It-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni ġie emendat hekk kif ġej mill-Artikolu 15 tat-13 ta’ Novembru 2002:
"Biss membru rreġistrat ta’ waħda mill-professjonijiet irregolati segwenti, stabbilit fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jista’ jkun domiċiljatur: stabbiliment ta’ kreditu jew professjonista ieħor tas-settur finanzjarju u tas-settur ta’ l-assigurazzjonijiet, avukat awtorizzat jipprattika fil-qorti rreġistrat fil-lista I ta’ l-avukatura msemmija fl-Artikolu 8 (3) tal-liġi emendata ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 [...] awditur ta’ kumpanniji, espert-kontabilist."
19 Skond l-Artikolu 8(3) tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991, kif emendat mill-Artikolu 14, V, tal-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002, l-avukatura tinkludi erba’ listi, jiġifieri:
"1. Il-lista I ta’ l-avukati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6 u li għaddew mill-eżami ta’ l-aħħar ta’ l-istage previst mil-liġi;
2. Il-lista II ta’ l-avukati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6;
3. Il-lista III ta’ l-avukati onorarji;
4. Il-lista IV ta’ l-avukati li jeżerċitaw taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tagħhom."
Il-proċedura prekontenzjuża
20 Matul is-sena 2003, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar l-eżistenza ta’ ostakli għall-eżerċizzju permanenti, mill-avukati Ewropej, tal-professjoni ta’ avukat fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tagħhom. L-ostakli rrapurtati kienu jirreferu, fl-ewwel lok, għall-fatt li l-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002 tissuġġetta r-reġistrazzjoni ta’ l-avukati Ewropej fl-avukatura ta’ waħda mill-kmamar ta’ l-avukati stabbiliti fil-Lussemburgu għal verifika tal-konoxxenzi lingwistiċi, fit-tieni lok, għall-fatt li din il-liġi tissuġġetta ż-żamma ta’ din ir-reġistrazzjoni għal preżentazzjoni, kull sena, ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini u, fit-tielet lok, għall-projbizzjoni għall-avukati Ewropej li jeżerċitaw attivitajiet ta’ domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji fil-Lussemburgu.
21 Fis-17 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni bagħtet lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu ittra ta’ intimazzjoni u stednietu jirrispondi għal din l-ittra fi żmien xahrejn. Il-Gvern Lussemburgiż irrisponda permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2003.
22 Fid-9 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni bagħtet lill-imsemmi Stat Membru, skond l-Artikolu 226 KE, opinjoni motivita li tagħti wkoll lil dan ta’ l-aħħar terminu ta’ xahrejn sabiex jikkonforma ruħu magħha. Dan l-Istat Membru rrisponda għall-opinjoni motivata b’ittra tat-23 ta’ Settembru 2004.
23 Peress illi l-Kummissjoni kienet tikkunsidra li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu b’ripsosta għal din l-opinjoni motivata ma kinux sodisfaċenti hija ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ewwel ilment, dwar il-verifika minn qabel tal-konoxxenzi lingwistiċi
L-argumenti tal-partijiet
24 Il-Kummissjoni ssostni li, skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/5, ir-reġistrazzjoni ta’ avukat Ewropew ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti tista’ tkun suġġetta biss għal formalitajiet amministrattivi u mhux, kif jipprovdi barra minn hekk l-Artikolu 3(2) tal-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002, għal verifika minn qabel tal-konoxxenzi lingwistiċi tal-parti kkonċernata.
25 F’dan ir-rigward hija tirreferi għas-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2000, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑168/98, Gabra p. I‑9131), b’mod partikolari għall-punt 43 ta’ din is-sentenza.
26 Il-Kumissjoni ssostni wkoll li r-reġistrazzjoni ta’ l-avukati Ewropej li jridu jeżerċitaw taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tagħhom ma tistax tkun suġġetta għall-istess kundizzjonijiet, b’mod partikolari lingwistiċi, bħar-reġistrazzjoni ta’ l-avukati li jixtiequ jeżerċitaw taħt it-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti.
27 Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li, fid-dawl tan-natura tal-każijiet ġeneralment trattati mill-avukati Ewropej, mhuwiex indispensabbli li dawn ikollhom konoxxenza tal-lingwi ta’ l-Istat Membru ospitanti.
28 Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsosstni, l-ewwel nett, li r-rekwiżit ta’ konoxxenzi lingwistiċi tapplika mingħajr ebda distinzjoni għall-avukati kollha li jixtiequ jirreġistraw ma’ waħda mill-kmamar ta’ l-avukati stabbiliti fit-territorju tiegħu. Huwa jżid li avukat ma jistax jirrekorri għall-kwalità tiegħu ta’ barrani sabiex jisħaq id-dritt li jesprimi ruħu quddiem l-amministrazzjoni jew imħallef Lussemburgiż f’lingwa oħra għajr milli fil-lingwi amministrattivi u ġudizzjarji fis-seħħ fil-Lussemburgu.
29 Minbarra dan, billi jirreferi għas-sentenza ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Haim (C‑424/97, Gabra p. I‑5123), dwar il-professjoni ta’ dentist, l-imsemmi Stat Membru jsostni li l-motivi imressqa f’din is-sentenza, ibbażati fuq l-affidabbiltà neċcessarja tal-komunikazzjoni mal-klijenti, l-awtoritajiet amministrattivi u l-korpi professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti, jinkoraġġixxu l-impożizzjoni ta’ konoxxenzi lingwistiċi fuq l-avukati Ewropej.
30 Il-Gvern Lussemburgiż jafferma f’dan ir-rigward li, peress li l-avukat Ewropew huwa awtorizzat jagħti pariri legali dwar id-dritt Lussemburgiż, huwa ġġustifikat li huwa jkun mitlub ikollu għarfien tajjeb tal-lingwi li jippermettilu jaqra u jifhem it-testi ta’ dan id-dritt.
31 Huwa jinsisti fuq il-fatt li, fil-qasam kriminali, ir-rapporti tal-pulizija dwar l-inċidenti tat-traffiku huma ġeneralment imħejjija bil-Ġermaniż, bħal-liġijiet fiskali fis-seħħ fil-Lussemburgu, li jimplika l-konsultazzjoni ta’ ġurisprudenza u ta’ kummentarji mħejjija bil-Ġermaniż.
32 L-imsemmi Gvern jenfasizza wkoll li, quddiem il-qrati inferjuri, fejn l-intervent ta’ l-avukat awtorizzat jipprattika fil-qorti mhuwiex obbligatorju, il-lingwa Lussemburgiża hija ġeneralment użata mill-parti Lussemburgiża li tidher personalment sabiex tassigura d-difiża tagħha u li numru kbir ta’ ċittadini Lussemburgiżi jesprimu ruħhom esklussivament fil-lingwa materna tagħhom meta jikkonsultaw avukat.
33 Hija tosserva wkoll li r-regoli ta’ kondotta professjonali fis-seħħ fil-Lussemburgu huma mħejjija bil-lingwa Franċiża.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
34 Kif jirriżulta mis-sitt premessa tad-Direttiva 98/5, permezz ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur komunitairju ried b’mod partikolari jġib fi tmiem id-differenza bejn ir-regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti, li kienet l-oriġini ta’ l-inugwaljanzi u ta’ l-ostakoli għall-moviment liberu (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).
35 F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 jipprovdi li l-avukat li jixtieq jeżerċita fi Stat Membru ieħor barra minn dak fejn huwa kiseb il-kwalifika professjonali tiegħu huwa obbligat jirreġistra ruħhu ma’ l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, li hija obbligata twettaq din ir-reġistrazzjoni "mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat li jixhed ir-reġistrazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li hu pajjiżu".
36 Fid-dawl ta’ l-għan tad-Direttiva 98/5 imfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur komunitarju pproċeda, fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għal armonizzazzjoni kompluta tal-kundizzjonijiet meħtieġa minn qabel għall-użu tad-dritt mogħti minnha.
37 Il-preżentazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti, ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tidher għaldaqstant li hija l-unika kundizzjoni li, għaliha għandha tkun suġġetta r-reġistrazzjoni tal-parti kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti li tippermettilu jeżerċità hemmhekk taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tiegħu.
38 Din l-analiżi hija kkonfermata mill-ispjegazzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, intiża sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju permanenti tal-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru ieħor barra dak li fih inkisbet il-kwalifika [COM(94) 572 finali], li fiha, taħt il-kummentarju ta’ l-Artikolu 3, huwa ppreċiżat li "[ir]-reġistrazzjoni [ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti] għandha ssir bi dritt meta l-applikant jippreżenta ċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini".
39 Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġa rrilevat, il-leġiżlatur komunitarju, sabiex jiffaċilità l-eżerċizzju tal-libertà fundamentali ta’ stabbiliment ta’ kategorija speċifika ta’ avukati migranti, astjena milli jagħżel sistema ta’ verifika a priori tal-konoxxenzi tal-partijiet kkonċernati (ara s-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
40 Id-Direttiva 98/5 għalhekk ma tippermettix li r-reġistrazzjoni ta’ avukat Ewropew ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti tista’ tkun suġġetta għal eżami li huwa suppost li jippermetti lil imsemmija awtorità tevalwa l-għarfien tajjeb, tal-parti kkonċernata, tal-lingwi ta’ dan l-Istat Membru.
41 Kif issostni l-Kummissjoni, ir-rinunzja għal sistema ta’ verifika minn qabel tal-konoxxenzi, b’mod partikolari lingwistiċi, ta’ l-avukat Ewropew hija madankollu bbilanċjata, fid-Direttiva 98/5, b’serje ta’ regoli li għandhom l-għan li jassiguraw, fuq livell aċċettabbli fil-Komunità, il-protezzjoni tal-persuni suġġetti għall- ġurisdizzjoni tal-qrati u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara s-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 u 33).
42 B’hekk, l-obbligu impost mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/5 fuq l-avukati Ewropej li jeżerċitaw fl-Istat Membru ospitanti taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tagħhom huwa intiż, skond id-disa’ premessa ta’ din id-direttiva, sabiex jippermetti li ssir distinzjoni bejn dawn u l-avukati integrati fil-professjoni ta’ l-imsemmi Stat Membru, b’mod li l-persuna suġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tkun infurmata bil-fatt li l-professjonist li fidejh hija fdat id-difiża ta’ l-interessi tagħha ma kisibx il-kwalifika tiegħu f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34) u m’għandux neċessarjament il-konoxxenzi lingwistiċi xierqa sabiex jitratta l-każ tagħha.
43 Fir-rigward ta’ l-attivitajiet relatati mar-rappreżentanza u d-difiża ta’ klijent quddiem qorti, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-avukati Ewropej li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tagħhom, skond l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 98/5, li jaġixxu jew flimkien ma’ avukat li jipprattika quddiem il-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li jkun responsabbli, jekk ikun hemm lok, fir-rigward ta’ din il-qorti, jew flimkien ma’ 'avoué' li jipprattika quddiemha. Din il-possibbiltà, li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu għamel użu minnha għall-atti u l-proċeduri suġġetti mil-liġijiet u regolamenti ta’ dan l-Istat Membru għar-rappreżentanza ta’ avukat awtorizzat li jipprattika quddiem il-qorti, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(4) tal-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002, tippermetti li jittaffew in-nuqqasijiet eventwali ta’ l-avukat Ewropew fl-għarfien tajjeb tal-lingwi ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ospitanti.
44 Skond l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 98/5, l-avukat Ewropew huwa obbligat li josserva mhux biss ir-regoli ta’ kondotta professjonali ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini, iżda wkoll dawk ta’ l-Istat Membru ospitanti, u dan bil-piena li jbati sanzjonijiet dixxiplinari u li jkun responsabbli professjonalment (ara s-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 sa 41). Fost ir-regoli ta’ kondotta applikabbli għall-avukati jissemma l-iktar spiss l-obbligu, sanzjonat b’mod dixxiplinari, bħal dak li huwa previst fil-kodiċi ta’ kondotta adottat mill-Kunsill tal-Kmamar ta’ l-Avukati ta’ l-Unjoni Ewropea (CCBE), li ma jiġux trattati kawżi li l-professjonisti in kwistjoni jafu jew għandhom ikunu jafu li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħhom, per eżempju minħabba nuqqas ta’ konoxxenzi lingwistiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42). Fil-fatt, id-djalogu mal-klijenti, l-awtoritajiet amministrattivi u l-korpi professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti, bħall-osservanza tar-regoli tal-kondotta mħejjija mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, huwa tali li jeħtieġ li l-avukat Ewropew ikollu l-konoxxenzi lingwistiċi xierqa jew li jirrikorri għal għajnuna f’każ ta’ konoxxenzi insuffiċjenti.
45 Hekk kif għamlet il-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 98/5 huwa, skond il-ħames premessa tagħha, li, tilħaq "permezz ta’ l-possibbiltà li l-avukati jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżhom fuq bażi permanenti fi Stat Membru ospitanti, [... ] il-ħtiġijiet ta’ konsumaturi ta’ servizzi legali li, minħabba ż-żjieda ta’ kummerċ iċċirkulat li jirriżulta, partikolarment, mis-suq intern, ifittxu parir meta jwettqu transazzjonijiet transkonfini fejn il-liġi internazzjonali, l-liġi tal-Komunità u l-liġijiet domestiċi ħafna drabi jissovrapponu". Dawn il-kawżi internazzjonali, bħall-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt ta’ Stat Membru għajr milli l-Istat Membru ospitanti, jistgħu ma jeħtieġux livell ta’ konoxxenza tal-lingwi ta’ dan l-aħħar Stat Membru għoli daqs dak meħtieġ għall-ittrattar ta’ kawżi li għalihom id-dritt ta’ dan l-Istat Membru huwa applikabbli.
46 Fl-aħħar nett jeħtieġ li jingħad li l-assimilazzjoni ta’ l-avukat Ewropew ma’ l-avukat ta’ l-Istat Membru ospitanti, li d-Direttiva 98/5 hija intiża li tiffaċilita skond l-erbatax-il premessa tagħha, teħtieġ, skond l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, li l-parti kkonċernata tiġġustifika attività effettiva u regolari ta’ mill-inqas tliet snin fid-dritt ta’ dan l-Istat Membru jew, f’każ ta’ tul ta’ żmien ta’ inqas minn dan, ta’ kull konoxxenza, taħriġ jew esperjenza professjonali oħra fir-rigward ta’ dan id-dritt. Miżura bħal din tippermetti lill-avukat Ewropew li jixtieq jintegra fil-professjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti jiffamiljarizza ruħhu mal-lingwa jew il-lingwi ta’ l-imsemmi Stat Membru.
47 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, billi tissuggetta r-reġistrazzjoni ta’ avukat Ewropew ma’ l-awtorità nazzjonali kompetenti għall-verifika minn qabel tal-konoxxenzi lingwistiċi, il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża hija kuntrarja għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5.
48 Minn dan isegwi li l-ewwel ilment imressaq mill-Kummissjoni huwa fondat.
Fuq it-tieni ilment, dwar il-projbizzjoni għall-avukati Ewropej li jeżerċitaw attivitajiet ta’ domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji fil-Lussemburgu
L-argumenti tal-partijiet
49 Il-Kummissjoni ssostni li l-projbizzjoni fir-rigward ta’ l-avukati Ewropej li jeżerċitaw attivitajiet ta’ domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji tmur kontra l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/5.
50 Hija żżid li l-avukat Ewropew ma jistax ikun imqabbel ma’ l-avukat Lussemburgiż li jaqa’ taħt il-lista II ta’ l-avukatura, li fir-rigward tiegħu l-prattika ta’ dawn l-attivitajiet hija wkoll ipprojbita. Fil-fatt, filwaqt illi l-imsemmija lista tikkonċerna l-avukati li ġew ammessi għall-istage ġuridiku u li l-kwalifika definittiva tiddependi mis-suċċess ta’ l-eżami ta’ tmiem ta’ l-istage, l-avukat Ewropew huwa avukat totalment ikkwalifikat.
51 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-rekwiżit tal-konoxxenza tad-dritt nazzjonali Lussemburgiż ma tistax tiġġustifika limitazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-avukat Ewropew.
52 Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li, billi xtaq itemm ċertu abbużi, li huma ta’ ħsara għar-reputazzjoni tas-suq Lussemburgiż, marbuta ma’ prattiċi ta’ domiċiljazzjoni fittizzja ta’ kumpanniji, il-leġiżlatur Lussemburgiż, fil-liġi tal-31 ta’ Mejju 1999, ried jirreżerva, għal motivi ta’ ordni pubblika, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji għall-professjonisti familjari mal-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali fil-qasam.
53 Billi jsostni li, skond il-liġi tal-31 ta’ Mejju 1999, id-domiċiljatur għandu bħala missjoni li jivverifka l-osservanza, mill-kumpannija domiċiljata miegħu, tal-kundizzjonijiet legali ta’ aċċess għall-professjonijiet kummerċjalizzati kif ukoll tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ stabbiliment tal-kontijiet tal-kumpanniji u ta’ konvokazzjoni ta’ assemblea ġenerali, l-imsemmi Stat Membru jallega li l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji jippresupponi esperjenza professjonali u konoxxenza tajba tal-leġiżlazzjoni dwar id-dritt tal-kumpanniji, ħaġa li wasslet lil-leġiżlatur Lussemburgiż jeskludi minn din l-attività lill-avukati staġisti rreġistrati fil-lista II ta’ l-avukatura kif ukoll lill-avukati Ewropej.
54 Il-Gvern Lussemburgiż jsostni wkoll li, sakemm huma jippratikaw taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tagħhom, l-avukati totalment ikkwalifikati fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom mhumiex imqabbla ma’ dawk ta’ l-Istat Membru ospitanti, iżda li huwa possibbli li, skond id-Direttiva 98/5, jintegraw ruħhom fil-professjoni ta’ dan l-aħħar imsemmi Stat Membru wara t-tmiem ta’ perijodu meqjus bħala neċessarju għall-kisba ta’ esperjenza professjonali f’dan l-Istat Membru u skond il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
55 Kif jirriżulta mis-sitt premessa tad-Direttiva 98/5, wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li jiġu ffissati l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-professjoni minn avukati li jeżerċitaw taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tagħhom għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kamp ta’ l-attivitajiet tagħhom, u dan sabiex, minn naħa, tintemm id-differenza bejn is-sitwazzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam kif ukoll l- inugwaljanzi u l-ostakoli għall-moviment liberu li jirriżultaw minn dan, u, min-naħa l-oħra, jiġu offruti fl-Istati Membri kollha l-istess possibbiltajiet lill-avukati u lill-utengi tad-dritt.
56 Għal dan il-għan, id-Direttiva 98/5 tistipola fl-Artikoli 2 u 5, il-prinċipju li l-avukat Ewropew għandu d-dritt jippratika l-istess attivitajiet professjonali bħall-avukat li jeżerċita taħt it-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti, suġġett għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3).
57 F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif sosstniet il-Kummissjoni, l-Istati Membri mhumiex awtorizzati jipprovdu fid-dritt nazzjonali tagħhom eċċezzjonijiet oħra għal dan il-prinċipju minn dawk speċifikament u limitatament stipulati fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 98/5.
58 Issa, huwa kostanti li l-attivitajiet ta’ domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji mhumiex suġġetti li jaqaw la taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 98/5, u lanqas taħt dik imsemmija fl-Artikolu 5(3).
59 Għal dak li jikkonċerna r-riskju ta’ abbużi imsemmi mill-Gvern Lussemburgiż, element bħal dan ma jistax ikun invokat sabiex tiġi ġġustifikata l-introduzzjoni jew iż-żamma ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra l-prinċipju stipulat fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 98/5 u li l-eċċezzjonijiet għalih kienu s-suġġett ta’ regoli armonizzati fl-Aritkolu 5 (2) u (3) (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑59/01, Ġabra p. I‑1759, punt 38).
60 Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li d-Direttiva 98/5 tipprovdi, b’mod partikolari, ġabra tar-regoli ta’ kondotta professjonali li għandhom jiġu osservati mill-avukat Ewropew, obbligu ta’ assigurazzjoni għal indennizz professjonali jew ta’ affiljazzjoni ma’ fond ta’ assigurazzjoni professjonali kif ukoll sistema dixxiplinari li taqqgħad lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini u dawk ta’ l-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
61 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, billi tipprojbixxi fir-rigward ta’ l-avukati Ewropej l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji fil-Lussemburgu, il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża hija kuntrarja għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/5.
62 Minn dan jirriżulta li t-tieni ilment imqajjem mill-Kummissjoni huwa fondat.
Fuq it-tielet ilment, dwar l-obbligu li jiġi ppreżentat kull sena ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini
L-argumenti tal-partijiet
63 Il-Kummissjoni tafferma li, għalkemm il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien indika, fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata, li huwa kien ħa nota ta’ l-argumenti żviluppati f’din l-opinjoni, li tgħid li r-rekwiżit in kwistjoni jammonta għal piż amministrattiv mhux ġustifikat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/5, dan ir-rekwiżit baqa’ jeżisti fil-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002.
64 Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jillimta ruħhu li jagħmel referenza, fuq dan il-punt, għall-imsemmija risposta.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
65 Fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata kif ukoll matul il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Lussemburgiż ma jressaq ebda element li jqiegħed f’dubju l-fondatezza ta’ dan it-tielet ilment.
66 Fl-ittra tiegħu tat-23 ta’ Diċembru 2003 b’risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ottubru 2003, huwa kien sostna li l-miżura kkontestata hija neċessarja sabiex tiġi vverifikata l-osservanza permanenti, mill-avukat Ewropew, tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini.
67 Issa, kif sostniet il-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża, minn naħa, id-Direttiva 98/5 tipprovdi, fl-Artikolu 7(2) li l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri ospitanti f’każ ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-avukat li jeżerċita barra mill-ewwel Stat Membru taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tiegħu.
68 Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13 ta’ l-imsemmija direttiva jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini u ta’ l-Istat Membru ospitanti jikkolaboraw mill-qrib u jagħtu għajnuna reċiproka.
69 Miżuri bħal dawn jippermettu lill-awtorità ta’ l-Istat Membru ospitanti tassigura ruħha mill-osservanza permanenti, mill-avukat Ewropew, tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini.
70 Il-formalità imposta mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża għalhekk tidher bħala miżura amministrattiva sproporzjonata meta mqabbla ma’ l-għan previst u, għalhekk, inġustifikata fir-rigward tad-Direttiva 98/5.
71 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, billi timponi fir-rigward ta’ l-avukat Ewropew l-obbligu li jippreżenta kull sena ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża hija kuntrarja għad-Direttiva 98/5.
72 Minn dan jirriżulta li t-tielet ilment imqajjem mill-Kummissjoni huwa fondat.
73 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, billi ssuġġetta, għal kontroll minn qabel tal-konoxxenzi lingwistiċi, ir-reġistrazzjoni ma’ l-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ avukati Ewropej li jridu jeżerċitaw taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tagħhom fil-Lussemburgu, billi pprojbixxa fir-rigward ta’ dawn l-avukati l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji u billi obblighom jippreżentaw kull sena ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond id-Direttiva 98/5.
Fuq l-ispejjeż
74 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Billi ssuġġetta, għal kontroll minn qabel tal-konoxxenzi lingwistiċi, ir-reġistrazzjoni ma’ l-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ avukati li kisbu l-kwalifika tagħhom fi Stat Membru ieħor barra l-Gran Dukat tal-Lussemburgu u li jridu jeżerċitaw taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tagħhom f’dan l-aħħar Stat Membru, billi pprojbixxa fir-rigward ta’ dawn l-avukati l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji u billi obblighom jippreżentaw kull sena ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond id-Direttiva 98/5 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri barra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni.
2) Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy