SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
8 ta' Ġunju 2006 (*)
"Tariffa Komuni ta' Dwana – Klassifikazzjoni tat-tariffi – Nomenklatura maqgħuda – Subintestatura 0406 10 (ġobon frisk) – Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 emendat mir-Regolament (KE) Nru 1832/2002 – Klassifikazzjoni tat-tariffi tal-mozzarella f'biċċiet għal pizza li ġiet maħżuna, wara l-produzzjoni tagħha, bejn ġimgħa u ġimagħtejn f'temperatura baxxa"
Fil-kawża C-196/05
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht München (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Frar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta' Mejju 2005, fil-kawża
Sachsenmilch AG
vs
Oberfinanzdirektion Nürnberg,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn J. Malenovský, President ta' l-Awla, S. von Bahr u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Frar 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Sachsenmilch AG, minn O. Dörfler u W. Haarmann, Rechtsanwälte, kif ukoll minn M. Hundebeck, conseil,
– għall-Oberfinanzdirektion Nürnberg, minn S. Junker, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux, bħala aġent, assistita minn B. Wägenbaur, avocat,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura 0406 10 tan-nomenklatura maqgħuda (iktar 'il quddiem in-"NM") li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, ta' l-1 ta' Awwissu 2002 (ĠU L 290, p. 1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Sachsenmilch AG (iktar 'il quddiem "Sachsenmilch") u l-Oberfinanzdirektion Nürnberg (l-amministrazzjoni tal-finanzi ta' Nuremberg, iktar 'il quddiem l-"Oberfinanzdirektion") rigward il-Klassifikazzjoni fin-NM tal-mozzarella f'biċċiet għal pizza li ġiet maħżuna, wara l-produzzjoni tagħha, bejn ġimgħa u ġimagħtejn f'temperatura baxxa.
Il-kuntest ġuridiku
3 In-NM, imwaqqfa bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta' oġġetti (iktar 'il quddiem is-"SA"), magħmula mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u mwaqqfa b'Konvenzjoni Internazzjonali fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1). Hija adottat l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, filwaqt li s-seba’ u t-tmien ċifri biss jiffurmaw is-subintestaturi proprji tagħha. In-NM kif ukoll ir-rati ta’ dazju awtonomi u dawk konvenzjonali u qisien statistiċi supplementari jinsabu fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.
4 L-intestatura 0406 tan-NM, prevista mit-tieni parti ta' l-ewwel sezzjoni tal-Kapitolu 4 ta' l-Anness I ta' l-imsemmi Regolament, tikkonċerna l-"[ġ]obon u baqta". Din l-intestatura tinkludi, b'mod partikolari:
– is-subintestatura 0406 10 dwar il-"[ġ]obon frisk (mhux misjur jew konservat), inkluż ġobon tax-xorrox u baqta", li tinkludi s-subintestatura 0406 10 20 dwar dak "b'kontenut ta' xaħam bil-piż, mhux aktar minn 40 %";
– is-subintestatura 0406 90 dwar "ġobon ieħor", li tinkludi s-subintestatura 0406 90 87 dwar il-ġobon l-ieħor, b'kontenut ta' ilma, bil-piż, fil-materjal mhux xaħmi ta' "aktar minn 52 % iżda mhux aktar minn 62 %".
5 L-Anness 7 tan-NM, intitolat "[k]woti tat-tariffa WTO [Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ] biex jinfetħu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Komunità", tikklassfika, fl-ordni numeriku 36, il-"[ġ]obon għall-pizza, iffriżat, imqatta' f'biċċiet b'kull waħda minnhom mhux itqal minn 1 g, f'kontenituri li jesgħu 5 kg, jew aktar netti, b'kontenut ta' ilma, bil-piż, ta' 52 % jew aktar, u kontenut ta' xaħam, bil-piż fil-materjal xott ta' 38 % jew aktar" fis-subintestatura 0406 10 tan-NM. Fl-ordni numeriku 44 ta' l-imsemmi Anness, il-"[ġ]obon frisk (mhux misjur jew ikkurat) inkluż ġobon tax-xorrox, u baqta, ħlief ġobon għall-pizza ta’ ordni Nru 36" huwa kklassifikat fl-istess subintestatura tan-NM.
6 In-nota ta' spjegazzjoni tas-SA fuq l-intestatura 0406 tipprovdi: "[i]l-ġobon frisk huwa ġobon li ma għaddiex minn proċess ta' maturazzjoni (sajran) u li huwa lest għall-konsum ftit wara l-manifattura tiegħu (per eżempju Ricotta, Broccio, cottage cheese, cream cheese, Mozzarella)
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 Fis-7 ta' Ġunju 1999, Saschsenmilch ingħatat informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa, li tgħid li l-mozzarella f'biċċiet għal pizza li tinħażen, wara l-produzzjoni tagħha, għal madwar erbatax-il jum f'temperatura ta' bejn 2 u 4 °C ġiet ikklassifikata, fir-rigward ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, fil-verżjoni li kienet fis-seħħ dak iż-żmien, fis-subintestatura 0406 90 87 tan-NM. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deskrizzjoni ta' dan il-prodott hija kif ġej: kontenut ta' ilma ta' mhux aktar minn 47 %, kontenut fil-piż ta' xaħam ta' mhux aktar minn 40 %, kontenut ta' ilma fil-materjal xott ta' aktar minn 52 % iżda ta' mhux aktar minn 62 %.
8 Permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta' Ottubru 2003, l-Oberfinanzdirektion irrevokat din l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa minħabba li l-kundizzjonijiet ta' Klassifikazzjoni tas-subintestatura 0406 90 87 tan-NM ma kinux sodisfatti.
9 L-Oberfinanzdirektion, li quddiemha Sachsenmilch ressqet ilment, ħadet, fit-8 ta' Ġunju 2004, din id-deċiżjoni minħabba li "ir-riżultati ta’ l-analiżi fuq l-proprjetajiet ta' "sezzjoni bajda ta' blokka ta' ġobon mingħajr toqob" ma jiġġustifikawx il-klassifikazzjoni fis-subintestatura 0406 90 [tan-]NM; ebda riċerka fuq il-karatteristiċi tat-togħma tal-kampjun ta' mozzarella ma kienet saret, u għalhekk il-klassifikazzjoni kienet saret fuq il-bażi ta' fatti mhux kompluti; is-sensazzjoni tat-togħma stabbilita fil-kuntest ta' eżami organolettiku tikkostitwixxi l-kriterju essenzjali għall-finijiet tad-distinzjoni bejn il-mozzarella mhux misjura jew ikkonservata tas-subintestatura 0406 10 [tan-]NM u l-mozzarella misjura jew ikkonservata tas-subintestatura 0406 90 [tan-]NM".
10 Sachsenmilch ressqet rikors fis-7 ta' Lulju 2004 kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht München. Hija ssostni li l-mozzarella f'biċċiet għal pizza għandha massa xotta ta' 51.5 sa 53.5 % u tista' tiġi kkonservata almenu għal erba' xhur peress li hija intiża għall-industrija tal-pizza. Min-naħa l-oħra, il-mozzarella li hija intiża għall-konsum hija prodott tipikament frisk, għandha tul ta' żmien ta' konservazzjoni ta' erba' ġimgħat biss u massa xotta inferjuri ta' madwar 10 %. Konsegwentament, il-mozzarella f'biċċiet għal pizza għandha proprjetajiet funzjonali partikolari, tista' tiġi mħakka u għandha konsistenza li tinħall u elastika. Hija għalhekk mhijiex ġobon frisk u mhux misjur jew ikkonservat. Barra minn hekk, fl-Olanda u fir-Renju Unit, hija ġiet kklassifikata fil-kategorija tal-ġobon misjur jew ikkonservat.
11 Min-naħa l-oħra, skond l-Oberfinanzdirektion, il-mozzarella f'biċċiet għal pizza, wara li tinħażen għal madwar ġimagħtejn bejn 2 u 4 °C, għandha xorta waħda karatteristiċi ta' ġobon frisk. Il-proċess bijokimiku li jsir matul dan il-perijodu ta' ħażna jinvolvi fil-fatt bidliet minimi. F'dan ir-rigward, peress li ma jeżistux proċeduri kimiċi jew fiżjokimiċi standardizzati sabiex tiġi ddeterminata d-dekompożizzjoni tal-materji grassi u tal-proteini, għandha tingħata prijorità lill-proċeduri ta' eżami tas-sensi, li huma rikonoxxuti bħala metodi ta' analiżi oġġettivi u huma mniżżlin f'regoli nazzjonali (regola L.00.90/36 fil-Ġermanja) u internazzjonali (regola DIN 10964), minflok il-metodi kimiċi u l-indikazzjonijiet fuq it-tul taż-żmien tas-sajran. Skond l-eżami tas-sensi, huwa biss wara tnax-il xhar ta' ħażna li wieħed jista' jikkonstata bidla fil-proprjetajiet tal-mozzarella, jiġifieri togħma ftit qarsa u ġobnija. Il-materja xotta mhijiex, min-naħa l-oħra, kriterju oġġettiv ta' klassifikazzjoni. Għaldaqstant, il-mozzarella f'biċċiet għal pizza tikkostitwixxi ġobon misjur jew ikkonservat biss jekk hija differenti b'mod ċar, fil-proprjetajiet tagħha, minn ta' ġobon frisk, ħaġa li teħtieġ perijodu ta' sajran twil biżżejjed. Barra minn hekk, kemm fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża kif ukoll fl-abbozz ta' 2003 tal-kummissjoni tal-Codex alimentarius, stabbilit mill-Organizzazzjoni ta' l-Istati Uniti għall-Ikel u l-Agrikoltura u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-mozzarella hija definita bħala ġobon mhux misjur jew ikkonservat.
12 Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li jirriżulta mill-eżamijiet organolettiċi u l-kundizzjonijiet li filhom hija manifatturata u maħżuna l-mozzarella in kwistjoni fil-kawża prinċipali li, wara ħażna ta' ġimgħa sa ġimagħtejn, din ma tkunx għada nbidlet b'mod li titlef il-proprjetajiet tagħha ta' ġobon frisk. Għall-kuntrarju, il-kundizzjonijiet ta' din il-ħażna jimpedixxu jew idewmu l-proċess tas-sajran. Il-mozzarella in kwistjoni tista' tiġi kkunsmata immedjatament wara l-manifattura. Hija tinbidel biss wara ġimagħtejn ta' ħażna peress f'dan il-mument biss il-karatteristika tagħha li tinħall, l-elasticità tagħha u l-kulur tagħha jilħqu l-aħjar livell tagħhom. In-noti ta spjegazzjoni tas-SA jsemmu bħala eżempju l-mozzarella bħala ġobon frisk u l-Anness 7 tan-NM tikklassifika wkoll "il-ġobon għall-pizza" f'din il-kategorija. Madnakollu, peress li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ilha tittollera għal diversi snin il-koeżistenza ta' klassifikajiet differenti ta' l-imsemmija mozzarella skond l-Istati Membri, b'tali mod li l-fabbrikanti stabbiliti fl-Istati fejn il-mozzarella hija kklassifikata bħala ġobon frisk isofru minn żvantaġġ kompetittiv fir-rigward tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, ikun xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi permezz ta' deċiżjoni preliminari, sabiex tiġi stabbilita prattika ta' klassifikazzjoni uniformi fis-suq intern.
13 Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht München iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) In-[NM], li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta' Settembru 2003, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 […] (ĠU L 281, p. 1) għandha tiġi interpretata fis-sens li l-ġobon għall-pizza (mozzarella) li, wara l-manifattura tiegħu, kien ġie maħżun għal ġimgħa jew ġimagħtejn bejn 2 u 4 °C, għandu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 0406 10?
2) L-eżami tal-kwistjoni ta' jekk mhuwiex ġobon frisk fis-sens tas-subintestatura 0406 10 tan-[NM] jista', fin-nuqqas ta' dispożizzjoni Komunitarja, isir fuq il-bażi ta' karatteristiċi organolettiċi?"
Fuq il-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
14 Fis-seduta, Sachsenmilch ikkontestat, għall-ewwel darba, l-utilità ta' l-ewwel domanda għall-eżitu tal-kontroversja fil-kawża prinċipali. Hija ssostni li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artiklu 234 KE, toriġina mid-deċiżjoni li biha l-Oberfinanzdirektion kienet irrevokat, fl-2003, informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa li kienet ġiet mogħtija lilha għal dak li jikkonċerna l-mozzarella f'biċċiet għal pizza li, wara l-manifattura tagħha tinħażen għal madwar ġimagħtejn bejn 2 u 4 °C. Peress li din id-deċiżjoni kienet ġiet motivata mill-fatt li l-imsemmija informazzjoni kienet ingħatat mingħajr ma kien sar eżami organolettiku, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss, fil-kuntest ta' dawn il-proċedimenti, tirrispondi għat-tieni domanda mressqa.
15 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE hija strument ta' kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha, ta' l-ewwel tipprovdi lil ta' l-aħħar b'interpretazzjoni ta' dawk il-partijiet tad-dritt Komunitarju meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom. Minn dan isegwi li huma biss il-qrati nazzjonali, li qed jisimgħu l-kawża u li għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jaqtgħu s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Jannar 2001, Monte Arcosu, C-403/98, Ġabra p. I-103, punt 21 u tas-16 ta' Frar 2006, Proxxon, C-500/04, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 17).
16 F'dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, għall-kuntrarju ta' dak sostnut minn Sachsenmilch, il-qorti li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali tqis li huwa neċessarju, sabiex tiddeċiedi fuq din ta' l-aħħar, mhux biss li tivverifika jekk il-karatteristiċi organolettiċi tal-mozzarella f'biċċiet għal pizza jikkostitwixxux kriterju rilevanti sabiex tipproċedi għall-klassifikazzjoni tat-tariffa tagħha, iżda qabel kollox, b'mod iktar ġenerali, li tiddetermina jekk l-imsemmija mozzarella għandhiex tiġi kklassifikata bħala ġobon frisk taħt is-subintestatura 0406 10 tan-NM. Għalhekk mhemmx lok, għal Qorti tal-Ġustizzja, li tillimita ruħha li tirrispondi għat-tieni domanda mressqa.
Fuq l-interpretazzjoni tas-subintestatura 0406 10 tan-NM
17 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-mozzarella f'biċċiet għal pizza li, wara l-manifattura tagħha, tinħażen bejn ġimgħa u ġimagħtejn bejn 2 u 4 °C, għandhiex tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 0406 10 tan-NM u jekk, f'dan ir-rigward, karatteristiċi organolettiċi ta' l-imsemmija mozzarella jikkostitwixxux kriterju rilevanti.
18 Għandu mill-ewwel jiġi osservat li, kif osservat ġustament il-Kummisjoni, dawn id-domandi għandhom jiġu eżaminati fid-dawl, mhux tad-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1789/2003, kif jissuġġerixxu l-kliem ta' l-ewwel domanda, iżda fid-dawl ta' dawk tar-Regolament Nru 1832/2002, peress li d-deċiżjoni nazzjonali li tirrigwarda l-klassifikazzjoni tat-tariffa kkontestata kienet ġiet adottata taħt dan l-aħħar Regolament. Mandankollu, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dawn ir-Regolamenti huma essenzjalment identiċi għal dak li jikkonċerna s-subintestaturi tan-NM in kwistjoni.
19 Wara, għandu jiġi enfasizzat li peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha hu li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista' tikklassifika b'mod korrett il-prodotti in kwistjoni fin-NM, iktar milli li tikklassifikhom hi stess, u dan a fortiori minħabba li hi mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f'dan ir-rigward. B'hekk, jidher li l-qorti nazzjonali fi kwalunkwe każ hi f'pożizzjoni aħjar biex tagħmel dan (sentenza tas-7 ta' Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C-260/00 sa C-263/00, Ġabra p. I-10045, punt 26 u Proxxon, iċċitat iktar 'il fuq, punt 23).
20 Għalhekk, id-domandi mressqa għandhom jinftiehmu fis-sens li huma intiżi sabiex jiġi vverifikat jekk prodott bħal mozzarella f'biċċiet għal pizza in kwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi kklassifikata bħala ġobon frisk fis-subintestatura 0406 10 tan-NM.
21 Għandu jiġi kkonstatat li l-intestatura 0406 tinkludi l-"[ġ]obon u baqta" u li mhuwiex ikkontestat, fil-kawża prinċipali, li l-mozzarella f'biċċiet għal pizza taqa' taħt din l-intestatura. Mandankollu, filwaqt li l-Oberfinanzdirektion, bħal fil-każ tal-qorti tar-rinviju u tal-Kummissjoni, iqis li l-imsemmija mozzarella għandha tiġi kklassifikata fis-subintestatura 0406 10 tan-NM intitolata "[ġ]obon frisk (mhux misjur jew konservat), inkluż ġobon tax-xorrox u baqta", Sachsenmilch tqis li din taqa' taħt is-subintestatura 0406 90 tan-NM intitolata "ġobon ieħor".
22 Hija ġurisprudenza kostanti, li sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-faċilità ta’ kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffi ta' oġġetti għandu jkun imfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif definiti fl-intestatura tal-NM u fin-noti tas-sezzjonijiet jew tal-kapitoli (sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS, C-396/02, Ġabra. p. I-8439, punt 27, u tat-8 ta' Diċembru 2005, Possehl Erzkontor, C-445/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 19).
23 In-noti ta' spjegazzjoni tal-NM kif ukoll dawk tal-SA jikkontribwixxu, min-naħa tagħhom, għall-interpretazzjoni tal-portata ta' l-intestaturi differenti tat-tariffi mingħajr, madankollu ma jkollhom is-setgħa vinkolanti tal-liġi (sentenza Possehl Erzkontor, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20).
24 F'dan il-każ, it-termini tan-noti tas-sezzjonijiet jew tal-kapitoli ma fihom ebda indikazzjoni rigward il-klassifikazzjoni dwar it-tariffa tal-mozzarella f'biċċiet għal pizza.
25 Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-imsemmija mozzarella mhijiex prevista speċifikament mill-kliem tas-subintestaturi rilevanti tan-NM, jirriżulta mit-termini tas-subinstestatura 0406 10 intitolata "[ġ]obon frisk (mhux misjur jew konservat) […]" li l-kunċett ta' "ġobon frisk" huwa konfuż ma' dak tal-"ġobon mhux misjur jew konservat".
26 Din is-subinstestatura, li għandha natura iktar speċifika mis-subinstestatura 0406 90 tan-NM li tipprevedi "ġobon ieħor", għandha, bħala prinċipju, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jikkonċerna s-subintestatura 0406 20 tan-NM fuq "ġobon maħkuk jew trab ta' kull tip", li qiegħda ħdejn is-subintestatura 0406 10 tan-NM, ikollha prijorità fuq l-imsemmija subintestatura 0406 90 tan-NM (sentenza tas-17 ta' Ġunju 1997, Eru Portuguesa, C‑164/95, Ġabra p. I‑3441, punt 17).
27 Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk il-mozzarella f'biċċiet għal pizza tistax tikkostitwixxi ġobon mhux misjur jew ikkonservat fis-sens tas-subintestatura 0406 10 tan-NM u dan jimplika li jrid jiġi ppreċiżat il-kunċett ta' "sajran".
28 Filwaqt li n-noti ta' spjegazzjoni tan-NM ma jinkludu ebda indikazzjoni f'dan ir-rigward, jirriżulta, min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju min-noti ta' spjegazzjoni tas-SA, li s-sajran jimplika maturità wara ħażna għal ċertu perijodu, ġobon misjur jew ikkonservat li mhuwiex lest għall-kunsum "ftit taż-żmien" wara l-manifattura tiegħu.
29 F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-regola ġenerali għall-ġobon (Codex Stan A-6-1978, Rev. 1-1999, emendat fl-2003) stabbilita fil-kuntest tal-Codex alimentarius, li għandu bħala għan li jagħti indikazzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jiġu ddefiniti l-karatteristiċi ta' ċerti prodotti ta' l-ikel (sentenza tat-22 ta' Settembru 1988, Deserbais, 286/86, Ġabra p. 4907, punt 15), tipprevedi li l-ġobon misjur jew ikkonservat huwa ġobon li għandu jinżamm matul ċertu perijodu fit-temperatura u fil-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jitwettqu l-bidliet fil-karatteristiċi bijokimiċi u fiżiċi tal-ġobon.
30 Min dan jirriżulta li l-kunċett ta' sajran jeħtieġ li l-ġobon ikkonċernat jgħaddi minn, matul ħażna għal ċertu perijodu u f'ċerta temperatura, proċess ta' bidla li bih huwa jasal jikseb wieħed jew diversi karatteristiċi ġodda u proprjetajiet oġġettivi, b'mod partikolari fil-qasam tal-kompożizzjoni, tal-preżentazzjoni u tat-togħma.
31 Għandu jiġi kkonstatat, f'dan ir-rigward, li l-Anness 7 tar-Regolament Nru 1832/2002 jikklassifika espressament il-"ġobon għall-pizza" fis-subintestatura 0406 10 tan-NM dwar il-ġobon frisk u li l-mozzarella hija msemmija fin-noti ta' spjegazzjoni tas-SA bħala eżempju ta' ġobon frisk mingħajr ma ssir ebda distinzjoni bejn it-tipi ta' mozzarella.
32 Mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar in-NM jirriżulta li l-fatt li l-mozzarella f'biċċiet għal pizza hija maħżuna bejn ġimgħa u ġimagħtejn bejn 2 u 4 ° C, dan mhuwiex neċessarjament ta' natura li jagħtiha l-kwalità ta' ġobon misjur jew ikkonservat, sakemm din il-ħażna mhijiex biżżejjed sabiex hija tgħaddi minn proċess ta' bidla li bih hija tasal tikseb wieħed jew diversi karatteristiċi ġodda u proprjetajiet oġġettivi, b'mod partikolari fil-qasam tal-kompożizzjoni, tal-preżentazzjoni u tat-togħma.
33 Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 ta' din is-sentenza, mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta' dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tiddetermina jekk dawn il-kundizzjonijiet kinux sodisfatti fid-dawl tal-fatti invokati quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija din ta' l-aħħar, li, barra minn hekk, ikkonstatat fid-deċiżjoni tagħha li l-mozzarella f'biċċiet għal pizza ma tilfitx il-kwalitajiet tagħha ta' ġobon frisk, li l-ħażna tagħha ddewwem u anzi timpedixxi l-proċess ta' sajran, għandha tapplika l-imsemmija kriterji sabiex tasal għall-eżitu tal-kontroversja fil-kawża prinċipali.
34 Għal dan l-iskop, xejn ma jipprekludi, għall-kuntrarju ta' dak sostnut minn Sachsenmilch, li l-qorti tar-rinviju tieħu in kunsiderazzjoni, jekk dawn jeżistu, analiżi tas-sensi oġġettivi mmexxijja minn regoli nazzjonali jew internazzjonali, peress li tali regoli jippermettu li jiġi stabbilit jekk ġobon għaddiex minn proċess ta' bidla li effettwat waħda mil-karatteristiċi tiegħu u l-proprjetajiet oġġettivi tal-ġobon frisk (ara f'dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta' Frar 1990, Van de Kolk, C‑233/88, Ġabra p. I‑265, punt 13). F'dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hemm regoli ta' dan it-tip għall-analiżi tal-mozzarella f'biċċiet għal pizza.
35 Min-naħa l-oħra, it-tul taż-żmien u t-temperatura tal-ħażna tal-ġobon misjur jew ikkonservat ma jikkostitwixxux neċessarjament, għall-kuntrarju ta' dak li qed tafferma l-Kummissjoni mingħajr ma ressqet elementi ta’ prova rigward dan, kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-mozzarella f'biċċiet għal pizza tikkostitwixxix ġobon misjur jew ikkonservat. Fil-fatt, hekk kif enfasizzat Sachsenmilch mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt, it-tul taż-żmien tal-perijodu ta' ħażna, per eżempju, jista' jvarja b'mod kunsiderevoli skond il-varjetà tal-ġobon ikkonċernat. B'hekk, ma kienx ġie kkontestat li, anki jekk il-brie u l-camembert jaqgħu taħt is-subintestatura 0406 90 tan-NM, it-tul taż-żmien tas-sajran tagħhom ma jaqbiżx għaxart ijiem.
36 Rigward il-fatt allegat minn Sachsenmilch li l-mozzarella f'biċċiet għal pizza jkollha, fi tmien il-ħażna tagħha, karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi bħall-karatteristika li tinħall u l-kapaċità li tkun imħakka, li huma differenti minn dawk tal-mozzarella li tiġi kkunsmata kif inhi, li fiha huwa kostanti li hija tikkostitwixxi ġobon frisk, dan mhuwiex fattur determinanti. Effettivament, dan il-fatt, anki kieku ġie pprovat, ma jipprovax li l-imsemmija mozzarella kienet neċessarjament kisbet il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi suffiċjenti sabiex tiġi kklassifikata bħala ġobon misjur jew ikkonservat.
37 Għaldaqstant ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li s-subintestatura 0406 10 tan-NM li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal- Nru 2658/87, kif emendat mir-Regolament Nru 1832/2002, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika għall-mozzarella f'biċċiet għal pizza li, wara l-manifattura tagħha, kienet ġiet maħżuna bejn ġimgħa u ġimagħtejn bejn 2 u 4 °C, sakemm din il-ħażna mhijiex biżżejjed sabiex hija tgħaddi minn proċess ta' bidla li bih hija tasal tikseb wieħed jew diversi karatteristiċi ġodda u proprjetajiet oġġettivi, b'mod partikolari fil-qasam tal-kompożizzjoni, tal-preżentazzjoni u tat-togħma. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet kinux sodisfatti.
Fuq l-ispejjeż
38 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta' u tiddeċiedi:
Is-subintestatura 0406 10 tan-nomenklatura maqgħuda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta' Dwana, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, ta' l-1 ta' Awwissu 2002 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika għall-mozzarella f'biċċiet għal pizza li, wara l-manifattura tagħha, kienet ġiet maħżuna bejn ġimgħa u ġimagħtejn bejn 2 u 4 °C, sakemm din il-ħażna mhijiex biżżejjed sabiex hija tgħaddi minn proċess ta' bidla li bih hija tasal tikseb wieħed jew diversi karatteristiċi ġodda u proprjetajiet oġġettivi, b'mod partikolari fil-qasam tal-kompożizzjoni, tal-preżentazzjoni u tat-togħma. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet kinux sodisfatti.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy