SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
13 ta' Lulju 2006 (*)
“Direttiva 85/433/KEE – Rikonoxximent reċiproku tad-diplomi – Spiżjara – Rikonoxximent tad-diplomi ta’ l-ispiżjara li jaħdmu fi spiżeriji ġodda miftuħa għall-pubbliku – Portata tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-Istati Membri”
Fil-kawża C-221/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda), permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Mejju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Mejju 2005, fil-kawża
Sam Mc Cauley Chemists (Blackpool) Ltd,
Mark Sadja
vs
Pharmaceutical Society of Ireland,
Minister for Health and Children,
Ireland,
Attorney General,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský (Relatur), S. von Bahr, A. Borg Barthet u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: K. Sztranc-Slawiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Marzu 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Sam Mc Cauley Chemists (Blackpool) Ltd u M. Sadja, minn G. Hogan u M. Hayden, SC, kif ukoll min C. Maguire, BL,
– għall-Minister for Health and Children, Ireland u l-Attorney General, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn P. Sreenan, SC, u J. Heslin, BL, kif ukoll minn E. Neary, solicitor,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Støvlbæk u M. Shotter, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, li ttieħdet wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/433/KE tas-16 ta’ Settembru 1985 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fil-farmaċija, inklużi miżuri sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija (ĠU L 253. p. 37).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Sam Mc Cauley Chemists (Blackpool) Ltd (iktar ‘il quddiem “Sam Mc Cauley Chemists”) u s-Sur Sadja minn naħa waħda, u l-Pharmaceutical Society of Ireland, il-Minister for Health and Children (iktar ‘il quddiem il-“Ministru”), l-Irlanda u l-Attorney General, min-naħa l-oħra, rigward il-validità ta’ att leġiżlattiv li jittrasponi fid-dritt Irlandiż l-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/433.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Fis-seba’ premessa tad-Direttiva 85/443 jingħad kif ġej :
“Billi, taħt il-politi[k]i nazzjonali tagħhom fl-isfera tas-saħħa pubblika, li jfittxu inter alia li jassiguraw it-tqassim sodisfaċenti ta’ prodotti mediċinali tul it-territorji kollha tagħhom, ċerti Stati Membri jirrestrinġu n-numru ta’ spiżjeriji ġodda li jistgħu jiġu stabbiliti, waqt li oħrajn ma adottaw l-ebda dispożizzjonijiet ta’ din ix-xorta; billi f’dawn iċ-ċirkostanzi huwa prematur li jiġi previst li l-effetti tar-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fil-farmaċija għandhom jestendu wkoll għat-twettiq ta’ l-attivitajiet ta’ spiżjar bħala l-kontrollur ta’ spiżjerija miftuħa għall-pubbliku għal inqas minn tliet snin; billi din il-problema għandha tiġi eżaminata mill-ġdid mill-Kummissjoni u l-Kunsill fi żmien ċertu perijodu”.
4 L-Artikolu 2 ta’ l-istess Direttiva jipprovdi :
“1. Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-diplomi, ċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali stabbiliti fl-Artikolu 4 mogħtija lil ċittadini ta’ Stati Membri minn Stati Membri oħrajn skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/432/KEE billi jagħti lil dawn il-kwalifiki, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal u twettiq ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, l-istess effett fit-territorju tiegħu bħal dawk id-diplomi, ċ-ċertifikati u kwalifiki formali oħrajn, elenkati fl-Artikolu 4, li huwa stess jagħti.
2. Madankollu, l-Istati Membri m’għandhomx għalfejn japplikaw id-diplomi, ċ-ċertifikati u ċertifikati formali oħrajn imsemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward ta’ l-istabbiliment ta’ spiżeriji ġodda miftuħa għall-pubbliku. Għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-ispiżeriji li ilhom jaħdmu għal inqas minn tlitt snin għandhom ukoll jitqiesu bħala ġodda.
Ħames snin wara d-data stipulata fl-Artikolu 19(1), il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Kunsill dwar il-mod li bih l-Istati Membri jkunu mplementaw is-subparagrafu preċedenti u dwar il-possibbiltà li jiġu estiżi l-effetti tar-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, ċ-ċertifikati u ċertifikati formali oħrajn imsemmija fil-paragrafu 1. Hija għandha tagħmel kull proposti approprjata.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 L-Artikolu 15(2)(1) tal-Kostituzzjoni ta’ l-Irlanda jipprovdi :
“Is-setgħa esklużiva li jiġu adottati liġijiet f’isem l-Istat hija mogħtija lill-Oireachtas [Parlament ta’ l-Irlanda]; ebda awtorità leġiżlattiva oħra ma hija awtorizzata sabiex tadotta liġijiet f’isem l-Istat.”
6 Skond l-Artikolu 29(4)(10) ta’ l-istess Kostituzzjoni :
“Ebda dispożizzjoni ta’ din il-Kostituzzjoni ma tinvalida l-liġijiet, atti jew miżuri adottati mill-Istat li jirrikjedu l-obbligi li joħorġu mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea jew fil-Komunitajiet [...].”
7 Il-liġi ta’ l-1972 dwar il-Komunitajiet Ewropej (European Communities Act 1972) ġiet adottata sabiex tagħti effett lil din l-aħħar dispożizzjoni Kostituzzjonali. Minn naħa, is-Sezzjoni 2 ta’ din il-liġi tgħid li “t-Trattati li jirregolaw il-Komunitajiet Ewropej u l-atti eżistenti u futuri adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji jorbtu lill-Istat u huma parti integrali mis-sistema legali interna tiegħu skond il-kundizzjonijiet previsiti minn dawn it-Trattati”. Min-naħa l-oħra, is-Sezzjoni 3 ta’ l-imsemmija liġi tagħti lill-Minister of State is-setgħa “li jadotta regolamenti sabiex jagħti effett sħiħ lis-Sezzjoni 2 ta’ din il-liġi”. Dawn ir-regolamenti jistgħu jinkludu “dispożizzjonijiet li jħassru, jemendaw jew japplikaw, bi jew mingħajr emenda, liġi oħra [...]”.
8 Skond is-Sezzjoni 2 tal-Liġi ta’ 1962 dwar il-farmaċija (Pharmacy Act 1962):
“1. Persuna ma tistax tmexxi ħanut intiż għat-tqassim jew għall-preparazzjoni ta’ prodotti mediċinali ħlief jekk:
(a) hija persuna awtorizzata u jekk din il-persuna jew persuna awtorizzata tissorvelja personalment il-ħanut kif ukoll it-tqassim u l-preparazzjoni ta’ dawn il-prodotti mediċinali.
[...]
3. Għall-finijiet ta’ din is-Sezzjoni, ‘persuna awtorizzata’ tfisser spiżjar irreġistrat (‘registered pharmaceutical chemist’) [...]
3A. Għall-finijiiet ta’ din is-Sezzjoni, l-espressjonijiet ‘persuna awtorizzata’ u ‘spiżjar irreġistrat’ ma jinkludux il-persuni rreġistrati skond is-Sezzjoni 22 A tal-Liġi ta’ l-1875 dwar il-farmaċija [Pharmacy Act (Ireland) 1875] li jmexxu ħanut intiż għat-tqassim jew għall-preparazzjoni ta’ prodotti mediċinali jew għall-bejgħ ta’ veleni meta dan il-ħanut ikun ilu miftuħ għal inqas minn tliet snin.
[...]”
9 Is-Sezzjoni 22 A tal-Liġi ta’ 1875 dwar il-farmaċija tipprovdi għar-reġistrazzjoni bħala spiżjara tal-persuni titolari ta’ diploma, ta’ ċertifikat jew kull kwalifika oħra fil-farmaċija mogħtija fi Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/432/KEE tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 1985 li jikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija (ĠU L 253, p. 34).
10 Kemm is-Sezzjoni 2(3A) tal-Liġi ta’ 1962 dwar il-farmaċija kif ukoll is-Sezzjoni 22 A tal-Liġi ta’ l-1875 dwar il-farmaċija ddaħħlu fis-sistema legali Irlandiża, f'dak li jirrigwarda l-verżjonijiet tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali, permezz tar-Regolament ta’ l-1991 dwar ir-rikonoxximent tad-diplomi fil-farmaċija [European Communities (Recognition of Qualifications in Pharmacy) Regulations 1991, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament ta’ l-1991”], li kien ġie adottat mill-Ministru sabiex jittrasponi d-Direttiva 85/433 fid-dritt Irlandiż. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq is-Sezzjoni 3 tal-Liġi ta’ l-1972 dwar il-Komunitajiet Ewropej.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 Sam Mc Cauley Chemists hija proprjetarja ta’ spiżerija f’Cork (l-Irlanda) li nfetħet matul ix-xahar ta’ Ottubru tas-sena 2000 u kienet, fiż-żmien rilevanti għall-kawża prinċipali, spiżerija li kienet ilha miftuħa għal inqas minn tliet snin.
12 Is-Sur Sadja kiseb id-diploma tiegħu fil-farmaċija fir-Renju Unit. Huwa ġie nnominat bħala “persuna awtorizzata” għat-tmexxija ta’ l-imsemmija spiżerija. Meta l-Pharmaceutical Society of Ireland, li żżomm ir-reġistru ta’ l-ispiżjara fl-Irlanda u li hija wkoll l-awtorità regolatorja ta’ l-ispiżjara f’dan l-Istat Membru, saret taf, wara inkjesta, b’din in-nomina, hija sostniet li s-Sur Sadja ma kienx, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 2(3A) tal-Liġi ta’ 1962 dwar il-farmaċija, persuna awtorizzata skond din il-Liġi u li b’hekk ma kienx awtorizzat sabiex jissorvelja l-ispiżerija kkonċernata. Il-Pharmaceutical Society of Ireland eżiġiet li din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata, minħabba li l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ spiżjar mingħajr awtorizzazzjoni tikkostitwixxi reat fl-Irlanda.
13 Sabiex jikkontestaw din l-interpretazzjoni, Sam Mc Cauley Chemists u s-Sur Sadja fetħu kawża quddiem il-High Court, li ċaħdet ir-rikors tagħhom. Għalhekk huma appellaw quddiem is-Supreme Court fejn talbuha sabiex tipproċedi għall-konstatazzjoni ta’ l-invalidità, għal motivi bbażati fuq id-dritt Kostituzzjonali Irlandiż, ir-Regolament ta’ l-1991, inkwantu dan kien daħħal is-Sezzjoni 2(3A) tal-Liġi ta’ l-1962 dwar il-farmaċija.
14 Mhuwiex ikkontestat quddiem il-qorti tar-rinviju li l-Istat ma jistax jittrasponi d-Direttivi fid-dritt nazzjonali permezz ta’ regolament li jemenda dispożizzjonijiet leġiżlattivi ħlief jekk is-sħubija fil-Komunitajiet Ewropej tirrikjedi dan. Kull emenda ta’ tali dispożizzjonijiet li teċċedi dak li teżiġi Direttiva tista' tiġi adottata biss mill-Oireachtas.
15 F’dan il-kuntest, Sam Mc Cauley Chemistas u s-Sur Sadja jsostnu li, safejn ir-Regolament ta’ l-1991 għandu l-iskop li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu spiżjar irreġistrat li jeżerċita l-attività professjonali tiegħu fi spiżerija li ilha miftuħa għal inqas minn tliet snin, l-Istat qed juża d-diskrezzjoni li d-Direttiva 85/443 tagħti lill-Istati Membri. Jirriżulta ċar minn din id-Direttiva, moqrija fid-dawl tal-kuntest tagħha, li din is-setgħa diskrezzjonali hija marbuta ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ dritt purament intern.
16 Fil-fatt, l-Istat kien għamel użu mis-Sezzjoni 3 tal-Liġi ta’ l-1972 dwar il-Komunitajiet Ewropej. Huwa kellu l-intenzjoni li jittrasponi l-imsemmija Direttiva permezz ta’ att leġiżlattiv li jemenda liġi adottata mill-Oireachtas. Madankollu, huwa ma kienx awtorizzat li jagħmel dan, minħabba li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali ma kien meħtieġ minn ebda obbligu ta’ dritt Komunitarju skond l-Artikolu 29(4)(10) tal-Kostituzzjoni ta’ l-Irlanda.
17 Konsegwentement, is-setgħa esklużiva li jiġu adottati liġijiet f’isem l-Istat mogħtija lill-Oireachtas permezz ta’ l-Artikolu 15(2)(1) ta’ din il-Kostituzzjoni kienet ġiet użurpata. L-Oireachtas biss kien awtorizzat li jemenda liġi adottata minnu.
18 Min-naħa l-oħra, il-Ministru sostna li r-Regolament ta’ l-1991 kien meħtieġ minħabba l-obbligi li joħorġu mis-sħubija ta’ l-Irlanda fil-Komunitajiet skond l-Artikolu 29(4)(10) ta’ l-imsemmija Kostituzzjoni. Iż-żieda tas-Sezzjoni 2(3A) mill-istess Regolament ma tikkostitwixxix l-eżerċizzju mill-Istat ta’ setgħa diskrezzjonali tiegħu stess. Hija tirrifletti l-portata limitata ta’ l-obbligu impost fuq l-Istat Membru mid-Direttiva 85/433.
19 Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, jekk wieħed jassumi li l-att ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 85/433, inkwantu jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-attività ta’ xi spiżjara, jikkostitwixxi l-eżerċizzju ta’ setgħa proprja diskrezzjonali bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ dritt purament intern, hija jkollha l-obbligu tiddeċiedi li ma kienx permess li l-Liġi ta’ l-1962 dwar il-farmaċija tiġi emendata permezz ta’ att leġiżlattiv fid-dawl tat-termini ta’ l-Artikolu 15 tal-Kostituzzjoni ta’ l-Irlanda. B'hekk, ir-Regolament ta’ l-1991 ikun invalidu.
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikolu 2 tad-Direttiva [85/433]:
a) jimponi fuq l-Istati Membri obbligu wieħed li jeżiġi biss ir-rikonoxximent tal-kwalifiki msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, minbarra fir-rigward tal-ħolqien ta’ spiżeriji ġodda, kif definit fl-Artikolu 2(2) [ta’ l-imsemmija Direttiva] jew,
b) jimponi fuq l-Istati Membri obbligu distint li jirrikonoxxu l-kwalifiki msemmija fl-Artikolu 2(1), filwaqt li jagħtihom ukoll setgħa diskrezzjonali inkwantu għar-rikonoxximent ta’ dawn il-kwalifiki għal dak li jikkonċerna l-ħolqien ta’ spiżeriji ġodda miftuħa għall-pubbliku, kif huma definiti fl-Artikolu 2(2)?”
Fuq id-domanda preliminari
21 Permezz tat-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/443 jillimitax ruħu għal impożizzjoni fuq l-Istati Membri ta' obbligu ta’ rikonoxximent tad-diplomi, taċ-ċertifikati u tal-kwalifiki oħra (iktar ‘il quddiem id-“diplomi”) għall-attivitajiet fl-ispiżeriji li ilhom miftuħin ta’ l-inqas għal tliet snin jew jekk jagħtihomx, minbarra dan, setgħa diskrezzjonali in kwantu għar-rikonoxximent tad-diplomi għal dak li jikkonċerna l-ħolqien ta’ spiżeriji ġodda miftuħa għall-pubbliku, kif huma definiti fl-Artikolu 2(2) ta’ l-imsemmija Direttiva.
22 Skond l-Artikolu 43, huma pprojbiti, fil-qafas tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar id-dritt ta’ l-istabbiliment, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
23 Fost dawn id-dispożizzjonijiet hemm l-Artikolu 47 KE li jawtorizza lill-Kunsill sabiex jadotta Direttivi intiżi għar-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-professjonijiet farmaċewtiċi.
24 Barra minn hekk, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru għandhom l-obbligu, meta jeżaminaw it-talba ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jixtieq jikseb l-awtorizzazzjoni sabiex jeżerċita professjoni regolamentata, li jieħdu in kunsiderazzjoni l-kwalifiki professjonali tal-persuna kkonċernata filwaqt li jqabblu, minn naħa, il-kwalifiki attestati mid-diplomi tiegħu u mill-esperjenza professjonali rilevanti tiegħu ma', min-naħa l-oħra, il-kwalifiki professjonali mitluba mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-eżerċizzju tal-professjoni in kwistjoni, u dan indipendentement mill-adozzjoni jew le ta’ Direttiva li tipprovdi sistema speċifika tar-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Settembru 2000, Hocsman, C-238/98, Ġabra p. I-6623, punti 23 u 31, u tat-13 ta’ Novembru 2003, Morgenbesser, C-313/01, Ġabra p. I-13467, punti 57 u 58).
25 Kif jirriżulta mill-Artikolu 47(1) KE, tali Direttivi għandhom bħala skop li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, billi jistabbilixxu regoli u kriterji komuni li jwasslu, sakemm dan ikun possibbli, għar-rikonoxximent awtomatiku ta’ l-imsemmija diplomi (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2002, Dreesen, C-31/00, Ġabra p. I-663, punt 26).
26 Fir-rigward tal-portata ta’ l-imsemmija Direttivi, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 47 KE jagħti l-poter li tiġi effettwata, skond il-każ, armonizzazzjoni sħiħa tad-diplomi kkonċernati lil-leġiżlatur Komunitarju, filwaqt li tħalli għad-diskrezzjoni tiegħu l-mod kif għandu jipproċedi sabiex jilħaq tali skop. Għaldaqstant, huwa possibbli għalih li jirrikorri għall-armonizzazzjoni permezz ta’ diversi stadji, meta jitqies il-fatt li l-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni hija ġeneralment diffiċli, minħabba li teżiġi, min-naħa ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji kompetenti, it-tfassil, fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet nazzjonali diversi u kumplessi, ta' regoli komuni, li jkunu konformi ma' l-objettivi definiti mit-Trattat u approvati minn maġġoranza kkwalifikata tal-Membri tal-Kunsill, jew anke l-kunsens unanimu tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-233/94, Ġabra p. I-2405, punt 43, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Socridis, C-166/98, Ġabra p. I-3791, punt 26).
27 F'dan il-każ, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/443 jimponi fuq kull Stat Membru l-obbligu li jirrikonoxxi d-diplomi, imsemmija fl-Artikolu 4 tiegħu, mogħtija liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri mill-Istati Membri l-oħra, skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/432, filwaqt li jagħti lil tali diplomi l-istess effett fit-territorju ta’ dan l-Istat bħal dawk, imsemmija fl-Artikolu 4, li huwa jagħti.
28 Madankollu, l-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 85/433 jgħid li l-Istati Membri m’għandhomx l-obbligu li jagħtu effett lid-diplomi msemmija fil-pargrafu 1 ta’ l-istess Artikolu għall-istabbiliment ta’ spiżeriji ġodda miftuħa għall-pubbliku, peress li huma kkunsidrati bħala tali l-ispiżeriji li jkunu ilhom miftuħin għal inqas minn tliet snin.
29 Din id-dispożizzjoni għaldaqstant tirrestrinġi l-portata ta’ l-obbligu previst fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/433, u dan għar-raġuni msemmija fis-seba’ premessa tagħha, li tgħid li ċerti Stati Membri jirrestrinġu, fil-qasam tas-saħħa pubblika, in-numru ta’ spiżeriji ġodda li jistgħu jiġu stabbiliti, filwaqt li oħrajn ma adottaw ebda dispożizzjoni ta’ din ix-xorta u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa prematur li jiġi previst li l-effetti tar-rikonoxximent tad-diplomi fil-farmaċija japplikaw ukoll għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta’ spiżjar bħala titolari ta’ spiżeriji ġodda.
30 Minbarra dan, skond din l-istess premessa, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jeżaminaw mill-ġdid din il-problema f’ċertu terminu ta’ żmien. Għal dan il-għan, it-tieni sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 85/433 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha l-obbligu tippreżenta rapport lill-Kunsill fuq il-possibbiltà li jiġu estiżi l-effetti tar-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ l-istess Artikolu għad-diplomi għall-ħolqien ta’ spiżeriji ġodda, u skond il-każ, jimponilha li tagħmel proposti xierqa.
31 Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li, għal dak li jikkonċerna r-rikonoxximent tad-diplomi fil-farmaċija, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-ħsieb, meta adotta d-Direttiva 85/433, li jintroduċi biss armonizzazzjoni parzjali li tiggarantixxi livell minimu ta’ rikonoxximent ta’ l-imsemmija diplomi, jiġifieri rikonoxximent għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet fl-ispiżeriji li jkun ilhom miftuħin ta’ l-inqas għal tliet snin, filwaqt li jipprovdi l-fakultà għall-Istati Membri li jmorru lil hinn mill-eżiġenzi minimi imposti mill-imsemmija Direttiva.
32 Fid-dawl tat-termini tat-tielet sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jilħqu dan il-livell minimu ta’ rikonoxximent tad-diplomi, u b’mod partikolari li jipprovdi dan fid-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħhom, mingħajr ma għandhom marġni ta’ diskezzjoni inkwantu għal dan ir-riżultat. Fil-fatt, huwa l-leġiżlatur Komunitarju li ddeċieda f’termini preċiżi u inkondizzjonati, billi għamel użu mis-setgħat li huma kkonferiti lilu mit-Trattat, liema huma d-diplomi fil-farmaċija li huma suġġetti għas-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku prevista mid-Direttiva 85/433.
33 Jirriżulta mill-qari ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/433, kollu kemm hu, li din id-dispożizzjoni timponi obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku biss għal dak li jikkonċerna l-ispiżeriji li ilhom miftuħin minn ta’ l-inqas għal tliet snin. Għaldaqstant, meta Stat Membru jikkonforma ruħu biss ma' l-imsemmi livell minimu ta’ rikonoxximent tad-diplomi, huwa ma jeżerċita ebda setgħa diskrezzjonali li toħroġ mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/433.
34 Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/433 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jikkonforma ruħu biss mal-livell minimu ta’ rikonoxximent tad-diplomi previst minn din id-Direttiva ma jeżerċita ebda setgħa diskrezzjonali mogħtija minnha.
Fuq l-ispejjeż
35 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti ta’ rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqa’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/433/KE tas-16 ta’ Settembru 1985 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fil-farmaċija, inklużi miżuri sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jikkonforma ruħu biss mal-livell minimu ta’ rikonoxximent tad-diplomi previst minn din id-Direttiva ma jeżerċita ebda setgħa diskrezzjonali mogħtija minnha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy