SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
3 ta' Ottubru 2006 (*)
"Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen – Artikolu 20(1) – Kundizzjonijiet ta' moviment taċ-ċittadini ta' Stat terz li ma jeħtiġux viża – Żjara massima ta' tul ta' tliet xhur waqt perijodu ta' sitt xhur li jibda jiddekorri mid-data ta' l-ewwel dħul fiż-żona Schengen – Żjarat suċċessivi – Kunċett ta' l-'ewwel dħul'"
Fil-kawża C‑241/05
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Conseil d'État (Franza), b'deċiżjoni tad-9 ta' Mejju 2005, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Ġunju 2005, fil-kawża
Nicolae Bot
vs
Préfet tal-Val-de-Marne,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta' Awla, J.‑P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, P. Kūris, E. Juhász, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Tizzano,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet imressqa:
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J‑C. Niollet, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,
– għall-Gvern Slovakk, minn R. Procházka, bħala aġent,
– għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. O’Reilly u A.‑M. Rouchaud‑Joët, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' April 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Id-domanda għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod [gradwali] tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom (ĠU 2000, L 239, p. 19, iktar 'il quddiem il-"KIFS"), iffirmat fid-19 ta' Ġunju 1990 f'Schengen (il-Lussemburgu).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' rikors imressaq minn N. Bot, ċittadin Rumen, għall-annullament ta' l-ordni ta' deportazzjoni tal-Kummissarju tal-Val-de-Marne (Franza).
Il-kuntest ġuridiku
L-acquis ta' Schengen
Il-ftehim ta' Schengen
3 Il-ftehim bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod [gradwali] tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat f'Schengen fl-14 ta' Ġunju 1985 (ĠU 2000, L 239, p. 13, iktar 'il quddiem "il-ftehim ta' Schengen"), tqiegħed fis-seħħ bl-iffirmar tal-KIFS.
4 L-Artikolu 1 tal-KIFS jagħti definizzjoni tal-kunċett ta' "aljen" bħala "kull persuna apparti minn persuna ta' nazzjonalità ta' Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej".
5 L-Artikolu 5(1), inkluż taħt it-Titolu II tal-KIFS intitolat "Tneħħija ta' Kontrolli fil-Fruntieri Interni u fuq il-Moviment ta' Persuni, jipprovdi l-kundizzjonijiet sabiex aljeni jitħallew jidħlu fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti fil-ftehim ta' Schengen (iktar 'il quddiem iż-"żona Schengen") għal soġġorn li ma jaqbiżx tliet xhur.
6 Il-Kapitolu 3 ta' l-istess titolu jinkludi regoli rigward il-viżi.
7 L-Artikolu 11(1) tal-KIFS, li huwa parti mit-taqsima 1 ta' dan il-Kapitolu, intitolat "Viż[i] għal żjarat qosra", jipprovdi kif ġej:
"Il-viża msemmija fl-Artikolu 10 tista' tkun:
a) viża ta' l-ivvjaġġar għal dħul wieħed jew iżjed, sakemm la t-tul taż-żjara kontinwa u lanqas it-tul totali taż-żjarat suċċessivi ma jaqbżux it-tliet xhur f'kull nofs sena, mid-data ta' l-ewwel dħul;
[…]"
8 L-Artikolu 18 tal-KIFS, li jagħmel parti mit-taqsima 2 ta' l-istess Kapitolu, intitolat "Viżas għal żjarat [twal]" jipprovdi:
"Viż[i] għal żjarat [soġġorn] ta' iktar minn tliet xhur għandhom ikunu viżas maħruġa minn waħda mill-Partijiet Kontraenti skond il-liġi nazzjonali tagħha. […]"
9 Il-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-KIFS isemmi, fl-Artikoli 19 sa 24 tiegħu, il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-moviment ta' l-aljeni. B'mod partikolari, huwa jipprovdi kif ġej:
"Artikolu 19
1. Aljeni li jkollhom viżas uniformi u li jkunu daħlu legalment fit-territorju ta' Parti Kontraenti jistgħu jiċċaqalqu b'mod ħieles fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti kollha waqt il-perijodu ta' validità tal-viżas tagħhom, sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (ċ), (d) u (e).
[…]
Artikolu 20
1. Aljeni li ma jeħtiġux viża jistgħu jiċċaqalqu b'mod ħieles fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti għal perijodu massimu ta' tliet xhur waqt is-sitt xhur wara d-data ta' l-ewwel dħul, sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (ċ), (d) u (e).
[…]
Artikolu 23
1. Aljeni li ma jissodisfawx jew li m'għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal żjara qasira applikabbli fit-territorju ta' Parti Kontraenti huma normalment meħtieġa li jitilqu mit-territorji tal-Partijiet Kontraenti immedjatament.
[…]"
Il-Protokoll ta' Schengen
10 Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea bit-Trattat ta' Amsterdam (iktar 'il quddiem il-"Protokoll ta' Schengen"), tlettax-il Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Repubblika Franċiża, ġew awtorizzati jistabbilixxu kooperazzjoni iktar mill-qrib bejniethom fl-ambitu li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen, kif definit fl-Anness ta' l-imsemmi Protokoll. Din il-kooperazzjoni għandha titwettaq fil-qafas legali u istituzzjonali ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll tat-Trattati UE u KE.
11 Skond l-anness tal-Protokoll ta' Schengen, il-ftehim ta' Schengen u l-KIFS, b'mod partikolari, jagħmlu parti mill-acquis ta' Schengen hekk iddefinit.
12 Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll ta' Schengen, mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam, jiġifieri mill-1 ta' Mejju 1999, l-acquis ta' Schengen għandu japplika immedjatament għat-tlettax-il Stat Membru msemmija fl-Artikolu 1 ta' l-imsemmi Protokoll.
13 Bis-saħħa tat-tieni sentenza tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll ta' Schengen, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 1999/436/KE, ta' l-20 ta' Mejju 1999, li tiddetermina, b'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-Acquis ta' Schengen (ĠU L 176, p. 17). Mill-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni flimkien ma' l-Anness A tagħha, jirriżulta li l-Kunsill indika bħala bażi legali ta' l-Artikolu 20 tal-KIFS l-Artikolu 62(3) KE, li jagħmel parti mit-Trattat KE, intitolat "Il-Viża, l-asil, l-immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu ta' persuni".
Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001
14 Skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, tal-15 ta' Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2414/2001, tas-7 ta' Diċembru 2001 (ĠU L 327, p. 1), iċ-ċittadini Rumeni huma eżenti mill-obbligu ta' pussess ta' viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri għal soġġorn li b'kollox ma jdumx iktar minn tliet xhur.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
15 Id-digriet Nru 45-2658, tat-2 ta' Novembru 1945, dwar il-kundizzjonijiet għal dħul u għal soġġorn ta' l-aljeni fi Franza (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża ta' l-4 ta' Novembru 1945, p. 7225), kif emendat, b'mod partikolari, bil-liġi Nru 2003-1119, tas-26 ta' Novembru 2003, dwar il-kontroll ta' l-immigrazzjoni, tas-soġġorn ta' l-aljeni fi Franza u ċ-ċittadinanza (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża tas-27 ta' Novembru 2003, p. 20136, iktar 'il quddiem id-"digriet Nru 45-2658") kien jipprovdi kif ġej fl-Artikolu 22 tiegħu:
"I. Ir-rappreżentant ta' l-Istat fid-dipartiment u, f'Pariġi, il-Kummissarju tal-Pulizija jistgħu, b'ordni motivat, jiddeċiedu li aljen għandu jiġi ddeportat fil-każijiet li ġejjin:
1. Jekk l-aljen ma jistax jiġġustifika d-dħul legali tiegħu fit-territorju Franċiż, sakemm ma jkollux permess ta' soġġorn validu;
[…]
II. Id-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel paragarafu tal-punt I huma applikabbli għall-aljen li mhuwiex ċittadin ta' Stat Membru tal-Komunità Ewropea:
a) Jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta' dħul previsti fl-Artikolu 5 tal-[KIFS];
b) Jew jekk, filwaqt li jkun provenjenti direttament mit-territorju ta' Stat Kontraenti għal din il-konvenzjoni, u ma jkunx jista' jiġġustifika d-dħul tiegħu fit-territorju metropolitan skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 19(1) jew (2), 20(1) jew 21(1) jew (2), tal-[KIFS]."
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
16 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li N. Bot, ċittadin Rumen, kien residenti fiż-żona Schengen, u b'mod partikolari fi Franza, mill-15 ta' Awwissu sat-2 ta' Novembru 2002, imbagħad mit-tmiem tax-xahar ta' Novembru 2002 sat-tmiem tax-xahar ta' Jannar 2003. Wara, billi għadda mill-Ungerija fit-23 ta' Frar 2003 u mbagħad, skond ma jgħid hu, mill-Awstrija u mill-Ġermanja, huwa reġa' ġie fi Franza fejn ġie mwaqqaf fil-25 ta' Marzu 2003.
17 Fis-26 ta' Marzu 2003, il-Prefett tal-Val-de-Marne ħareġ ordni ta' deportazzjoni fir-rigward tiegħu fuq il-bażi ta' l-Artikolu 22, II(b) tad-Digriet Nru 45-2658.
18 It-talba mressqa minn Bot għal annullament ta' din l-ordni ġiet miċħuda b'sentenza tat-Tribunal amministrattiv ta' Melun ta' l-1 ta' April 2003, għar-raġuni, essenzjalment, li billi reġa' ġie lura fi Franza meta l-perijodu ta' sitt xhur previst fl-Artikolu 20(1) tal-KIFS kien għadu ma skadiex, N. Bot kiser ripetutament din id-dispożizzjoni u għaldaqstant ma jistax jitqies li pprovda ġustifikazzjoni għad-dħul legali tiegħu fi Franza fis-sens ta' l-imsemmi Digriet.
19 Fil-5 ta' Mejju, N. Bot talab lill-Conseil d’État jannulla din is-sentenza.
20 Peress li qies li t-tweġiba għall-kwistjoni ta' jekk, fid-data tad-digriet ta' deportazzjoni, N. Bot kienx legalment konformi ma' l-Artikolu 20(1) tal-KIFS tiddependi minn dak li għandha tfisser id-"data ta' l-ewwel dħul" fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
"X'tifsira għandha jkollha d-"data ta' l-ewwel dħul" fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta' […] paragrafu [1] ta' l-Artikolu 20 tal-[KIFS] u, b'mod partikolari, [għandux jitqies] bħala d-'data ta' l-ewwel dħul' fit-territorju ta' l-Istati Kontraenti ta' din il-konvenzjoni d-dħul kollu li jseħħ fit-tmiem ta' perijodu ta' sitt xhur li fih ma kien hemm ebda dħul ieħor f'dan it-territorju kif ukoll, fil-każ ta' aljen li jidħol kemm-il darba għal żjarat qosra, kull dħul li jseħħ immedjatament wara li jiskadi t-terminu ta' sitt xhur li jibda jiddekorri mid-data ta' l-'ewwel dħul' preċedenti magħruf[?]"
Fuq id-domanda preliminari
21 Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' l-'ewwel dħul' li jinsab fl-Artikolu 20(1) tal-KIFS sabiex tistabbilixxi jekk id-dritt ta' ċittadin ta' Stat terz li ma jeħtieġx viża sabiex jiċċaqlaq b'mod ħieles fiż-żona Schengen, b'mod konformi ma' din id-dispożizzjoni, għal perijodu massimu ta' tliet xhur waqt perijodu ta' sitt xhur ġiex eżawrit fil-każ tar-rikorrent prinċipali.
22 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan ta' l-aħħar, wara li għamel, fiż-żona Schengen, żjarat suċċessivi li b'kollox damu iktar minn tliet xhur waqt perijodu ta' sitt xhur li jibda jiddekorri mill-ewwel dħul tiegħu f'din iż-żona, daħal mill-ġdid f'din iż-żona wara li jkun għadda dan il-perijodu inizjali ta' sitt xhur u ġie suġġett għal kontroll inqas minn tliet xhur wara dan id-dħul mill-ġdid.
23 F'sitwazzjoni bħal din, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta' l-'ewwel dħul' ikoprix id-dħul ġdid kollu fiż-żona Schengen jew biss, minbarra l-ewwel dħul assolut f'dan it-territorju, id-dħul ulterjuri li jsir wara l-iskadenza ta' perijodu ta' sitt xhur li jibda jiddekorri minn dan l-ewwel dħul assolut.
24 Hekk kif jirriżulta mill-kliem ta' l-Artikolu 20(1) tal-KIFS, id-data ta' l-ewwel dħul fiż-żona Schengen ta' ċittadin ta' Stat terz li ma jeħtieġx viża tikkostitwixxi l-punt ta' tluq ta' perijodu ta' sitt xhur li matulu dan iċ-ċittadin għandu d-dritt, skond din id-dispożizzjoni, li jiċċaqlaq b'mod ħieles f'din iż-żona għal perijodu massimu ta' tliet xhur.
25 Minn dan jirriżulta li, hekk kif osservat l-qorti tar-rinviju, l-ewwel dħul assolut ta' dan iċ-ċittadin fiż-żona Schengen jikkostitwixxi l-ewwel dħul fis-sens ta' l-Artikolu 20(1) tal-KIFS, u huwa minn dan id-dħul li għandu jiġi stabbilit d-dritt ta' soġġorn tiegħu ta' tul massimu ta' tliet xhur waqt perijodu ta' sitt xhur.
26 Hekk kif irrikonoxxew dawk kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni tawtorizza f'dan ir-rigward, bħalma jipprovdi b'mod espliċitu l-Artikolu 11(1)(a) tal-KIFS fir-rigward taċ-ċittadini ta' Stati terzi li jeħtieġilhom viża għaż-żjarat qosra, kemm iż-żjara kontinwa ta' tul ta' tliet xhur kif ukoll iż-żjarat suċċessivi li, b'kollox ma jaqbżux tliet xhur.
27 Madankollu mill-kliem ta' l-Artikolu 20(1) tal-KIFS, moqri flimkien ma' l-Artikolu 23(1) tagħha, jirriżulta li, meta dan id-dritt ta' soġġorn ta' tul massimu ta' tliet xhur ġie eżawrit waqt il-perijodu ta' sitt xhur li jkun iddekorra mid-data ta' l-ewwel dħul assolut fiż-żona Schengen, iċ-ċittadin ikkonċernat għandu, bħala regola ġenerali, sabiex is-soġġorn tiegħu f'din iż-żona ma taqbiżx dan it-tul massimu, joħroġ minnha immedjatament.
28 Għaldaqstant, minkejja li xejn fl-Artikolu 20(1) tal-KIFS ma jipprojbixxi lil dan l-istess ċittadin milli jiċċaqlaq mill-ġdid sussegwentement fiż-żona Schengen, fatt li l-ebda wieħed minn dawk li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontesta, dan għandu jsir bil-kundizzjoni li huwa jidħol mill-ġdid f'din iż-żona u li dan id-dħul iseħħ wara li jiskadi perijodu ta' sitt xhur li jibda jiddekorri mid-data ta' l-ewwel dħul assolut fl-imsemmija żona.
29 Hekk kif sostnew il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ċek u l-Gvern Slovakk, tali dħul mill-ġdid għandu, għaldaqstant, ukoll jitqies bħala l-ewwel dħul fis-sens ta' l-Artikolu 20(1) tal-KIFS, bl-istess mod bħall-ewwel dħul fiż-żona Schengen. Din id-dispożizzjoni b'hekk tippermetti liċ-ċittadini ta' Stat terz li ma għandhomx bżonn viża ta' soġġorn li jibqgħqu f'din iż-żona għal tul massimu ta' tliet xhur waqt perijodi suċċessivi ta' sitt xhur, bil-kundizzjoni li kull wieħed minn dawn il-perijodi jibda bit-tali l-ewwel dħul.
30 Din l-interpretazzjoni hija korroborata mid-dispożizzjonijiet tal-KIFS applikabbli għall-viżi għaż-żjarat qosra. Fil-fatt, skond l-Artikoli 11(1)(a) u 19 ta' din il-konvenzjoni, iċ-ċittadini ta' Stat terz li jkollhom viża ta' l-ivvjaġġar u li jkunu daħlu legalment fiż-żona Schengen jistgħu jiċċaqalqu b'mod ħieles għal perijodu li ma jaqbiżx tliet xhur għal kull nofs sena li tibda tiddekorri mill-ewwel dħul, u b'hekk jippermettu espliċitament żjarat ta' tliet xhur waqt perijodi suċċessivi ta' sitt xhur.
31 Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, bħalma jsostnu ġustament il-Gvern Franċiż u l-Gvern Ċek kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, interpretat b'dan il-mod, il-kunċett ta' l-'ewwel dħul' inkluż fl-Artikolu 20(1) tal-KIFS bl-ebda mod ma jipprekludi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli jippenalizzaw, fir-rispett tad-dritt Komunitarju, ċittadin ta' Stat terz li s-soġġorn tiegħu fiż-żona Schengen qabeż it-tul massimu ta' tliet xhur waqt perijodu preċedenti ta' sitt xhur, anki jekk, fid-data tal-kontroll li dawn ġew suġġetti għalih, is-soġġorn tiegħu f'dan it-territorju, bħal dik ta' N. Bot fil-kawża prinċipali, ma jaqbiżx tliet xhur mid-data ta' l-ewwel dħul l-iktar riċenti.
32 Madankollu l-Kummissjoni ssostni li din l-interpretazzjoni letterali ta' l-Artikolu 20(1) tal-KIFS għandha mnejn twassal għal aġir abużiv intiż għall-evażjoni tar-regoli applikabbli għal żjarat twal, meta kemm l-Artikoli 62 KE u 63 KE kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-KIFS, b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 18 tiegħu, jistabbilixxu distinzjoni ċara bejn, minn naħa, żjarat ta' tul li jaqbeż tliet xhur, li jaqgħu taħt ir-regoli relatati mal-politika ta' immigrazzjoni, u, min-naħa l-oħra, iż-żjarat ta' tul inqas minn tliet xhur, li jaqgħu taħt ir-regoli relatati mal-moviment liberu tal-persuni.
33 B'hekk, il-Kummissjoni, bħall-Gvern Finlandiż, tosserva li ċittadin ta' Stat terz li ma jeħtieġx viża u li, wara li ħa ħsieb joħroġ miż-żona Schengen fil-jum stess ta' l-ewwel dħul tiegħu, għamel żjara ta' tliet xhur neqsin ġurnata fit-tmiem ta' l-ewwel perijodu ta' sitt xhur, jista', billi joħroġ jum wieħed biss minn din iż-żona fit-tmiem ta' dan l-ewwel perijodu u billi jerġa' jidħol fiha l-għada, ikollu residenza fl-imsemmija żona għal tliet xhur supplimentari waqt perijodu suċċessiv ta' sitt xhur, li b'hekk jippermettielu jiċċaqlaq b'mod ħieles fl-imsemmi territorju għal perijodu ta' sitt xhur, neqsin ġurnata, konsekuttivi.
34 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni u l-Gvern Finlandiż iqisu li l-Artikolu 20(1) tal-KIFS għandu, b'mod konformi ma' l-għanijiet ta' din il-konvenzjoni, jiġi interpretat b'tali mod li jiggarantixxi li ċ-ċittadini kollha ta' Stat terz li jikkunsidraw żjara jew diversi żjarat suċċessivi li b'kollox jaqbżu t-tul massimu ta' tliet xhur waqt kwalunkwe perijodu ta' sitt xhur għandhom ikunu suġġetti għall-iskema prevista mid-dritt Komunitarju għaż-żjarat twal.
35 Skond il-Kummissjoni, il-kunċett ta' l-'ewwel dħul' għandu għaldaqstant jiġi interpretat bħala wieħed li jkopri kull dħul ewwieli fiż-żona Schengen kif ukoll kull dħul ġdid bil-kundizzjoni li perijodu ta' iktar minn tliet xhur mingħajr żjara f'din iż-żona jkun iddekorra bejn l-aħħar ħruġ u dan id-dħul mill-ġdid. Jekk dan mhuwiex il-każ, għandha ssir distinzjoni skond jekk it-tul taż-żjara waqt il-perijodu ta' sitt xhur li jiġu qabel dan id-dħul ġdid huwiex itwal jew iqsar minn tliet xhur. Fl-ewwel każ, id-dritt ta' soġġorn huwa eżawrit. Fit-tieni każ, id-dritt ta' soġġorn għandu jiġi kkalkulat b'riferiment għat-tul akkumulat ta' żjarat matul dan il-perijodu ta' sitt xhur.
36 Il-Gvern Finlandiż, min-naħa tiegħu, isostni li l-kunċett ta' l-'ewwel dħul' għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-ewwel dħul fiż-żona Schengen li jseħħ waqt il-perijodu ta' sitt xhur li jiġi qabel dħul ġdid f'din iż-żona, u kull żjara li diġà seħħet fih f'dan il-perijodu tnaqqas b'tali żmien it-tul ta' żjara ta' tliet xhur awtorizzat.
37 Ċertament li mill-kliem innifsu ta' l-Artikolu 62(3) KE li skond id-Deċiżjoni 1999/436, jikkostitwixxi l-bażi legali ta' l-Artikolu 20(1) tal-KIFS jirriżulta li l-Kunsill jista' biss jadotta, fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni tat-Trattat KE, miżuri li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom iċ-ċittadini ta' Stat terz jistgħu jiċċaqalqu b'mod ħieles fiż-żona Schengen għal tul massimu ta' tliet xhur.
38 Minn dan jirriżulta li, indipendentament mill-osservazza ta' l-eżiġenza relattiva għall-perijodu ta' sitt xhur li jibda jiddekorri mid-data ta' l-ewwel dħul inkluża fl-Artikolu 20(1) tal-KIFS, is-soġġorn taċ-ċittadini ta' Stat terz fiż-żona Schengen skond din id-dispożizzjoni ma tista' bl-ebda mod taqbeż tul totali ta' tliet xhur konsekuttivi. Fir-rigward ċittadini ta' Stat terz li ma jeħtiġux viża, dan il-limitu massimu assolut jirriżulta b'mod ċar mill-Artikolu 5(1) tal-KIFS u mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 539/2001.
39 Madankollu, kontra ta' dak li jissuġġerixxu l-Kummissjoni u l-Gvern Finlandiż, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' l-'ewwel dħul', kif tinsab fl-Artikolu 20(1) tal-KIFS kif jirriżulta mill-punti 28 u 29 ta' din is-sentenza bl-ebda mod ma twassal li tippermetti liċ-ċittadini ta' Stat terz li ma jeħtieġux viża li jiċċaqalqu b'mod ħieles fiż-żona Schengen għal tul ta' iktar minn tliet xhur konsekuttivi, għaliex, hekk kif ġie kkonstatat f'dawn il-punti, kull l-'ewwel dħul' fis-sens ta' din id-dispożizzjoni jitlob neċessarjament dħul ġdid fl-imsemmija żona wara li jiskadi perijodu preċedenti ta' sitt xhur.
40 Barra minn hekk, minkejja li huwa minnu li, skond l-interpretazzjonijiet proposti mill-Kummissjoni u mill-Gvern Finlandiż, il-kunċett ta' l-'ewwel dħul' huwa, essenzjalment, tali li jiggarantixxi li ċittadin ta' Stat terz li ma jeħtieġx viża ma joqgħodx għal iktar minn tliet xhur fiż-żona Schengen waqt kwalunkwe perijodu ta' sitt xhur, għandu jiġi kkonstatat li din mhijiex ir-regola stabbilita bl-Artikolu 20(1) tal-KIFS, li sempliċement tipprojbixxi ż-żjarat li jaqbżu tliet xhur waqt perijodu ta' sitt xhur li jibda jiddekorri mad-data li tikkorrispondi għall-ewwel dħul f'din iż-żona. Issa, billi kkunsidraw dati ta' l-ewwel dħul li jinbidlu skond id-data ta' l-aħħar dħul, l-imsemmija interpretazzjonijiet jinjoraw il-fatt li l-Artikolu 20(1) tal-KIFS huwa strutturat madwar il-kunċett innifsu ta' l-'ewwel dħul', u jissostitwuh b'dak tad-data ta' l-aħħar dħul, li ma jidhirx fl-imsemmi Artikolu.
41 F'dawn iċ-ċirkustanzi, peress li mhumiex ibbażati fuq il-kliem ta' din id-dispożizzjoni, dawn l-interpretazzjonijiet, li l-kumplessità relattiva tagħha tista', għall-bqija, taffettwa l-applikazzjoni uniformi ta' l-Artikolu 20(1) tal-KIFS u, għaldaqstant, tippreġudika ċ-ċertezza legali ta' l-individwi, ma jistgħux jintlaqgħu.
42 Fir-rigward tar-riskju ta' evażjoni tar-regoli applikabbli għaż-żjarat twal allegat mill-Kummissjoni, biżżejjed jiġi osservat li, jekk l-Artikolu 20(1) tal-KIFS jippermetti fil-fatt, fl-istat attwali tal-formulazzjoni tiegħu, lil ċittadin ta' Stat terz li ma jeħtieġx viża, billi jakkumula żewġ żjarat suċċessivi li mhumiex konsekuttivi, li jagħmel żjara fiż-żona Schengen għal perijodu ta' kważi sitt xhur, huwa f'idejn il-leġiżlatur Komunitarju li jbiddel, jekk ikun il-każ, din id-dispożizzjoni jekk huwa jqis li kumulu bħal dan għandu mnejn jippreġudika r-regoli applikabbli għaż-żjarat li jaqbżu tliet xhur.
43 Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 20(1) tal-KIFS għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta' l-'ewwel dħul' li jinsab f'din id-dispożizzjoni jkopri, minbarra l-ewwel dħul assolut fiż-żona Schengen, l-ewwel dħul ulterjuri f'din iż-żona li jseħħ wara l-iskadenza ta' perijodu ta' sitt xhur li jibda jiddekorri minn dan l-ewwel dħul assolut kif ukoll kull dħul ewwieli ieħor li jseħħ wara l-iskadenza ta' kull perijodu ġdid ta' sitt xhur li jibda jiddekorri mid-data ta' l-ewwel dħul preċedenti.
Fuq l-ispejjeż
44 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja taqta' u tiddeċiedi:
L-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod [gradwali] tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata fid-19 ta' Ġunju 1990 f'Schengen, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta' l-'ewwel dħul' li jinsab f'din id-dispożizzjoni jkopri, minbarra l-ewwel dħul assolut fit-territorji ta' l-Istati Kontraenti fl-imsemmi ftehim, l-ewwel dħul f'dawn it-territorji li jseħħ wara l-iskadenza ta' perijodu ta' sitt xhur li jibda jiddekorri minn dan l-ewwel dħul assolut kif ukoll kull dħul ewwieli ieħor li jseħħ wara l-iskadenza ta' kull perijodu ġdid ta' sitt xhur li jibda jiddekorri mid-data ta' l-ewwel dħul preċedenti.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy