Kawża C-248/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
L-Irlanda
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ħarsien ta’ l-ilma ta’ taħt l-art mit-tniġġis ikkawżat minn sustanzi perikolużi — Direttiva 80/68/KEE”
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2007
Sommarju tas-sentenza
1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Ħarsien ta’ l-ilma ta’ taħt l-art — Direttiva 80/68
(Direttiva tal-Kunsill 80/68, Artikoli 3, 4 u 5)
2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Ħarsien ta’ l-ilma ta’ taħt l-art — Direttiva 80/68
(Direttiva tal-Kunsill 80/68, Artikoli 4, 5 u 7)
3. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Rikors kontra prassi amministrattiva li tikser id-dritt Komunitarju — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet
(Artikoli 10 KE, 211 KE u 226 KE)
4. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Ħarsien ta’ l-ilma ta’ taħt l-art — Direttiva 80/68
(Direttiva tal-Kunsill 80/68, Artikoli 2(a), 5(1), u 7)
1. Skond l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 80/68, dwar il-ħarsien ta’ ilma ta’ taħt l-art kontra tniġġis ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi, l-Istati Membri huma marbuta li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-ilma ta’ taħt l-art ta’ sustanzi elenkati fil-lista I.
It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva ta’ din l-istess dispożizzjoni timponi, għalhekk, illi awtorizzazzjoni għar-rimi indirett ta’ dawn is-sustanzi tista’ tingħata mill-Istat Mambru biss jekk ikunu ttieħdu l-prekawzjonijiet tekniċi kollha sabiex jiġi żgurat li dawn is-sustanzi ma jilħqux sistemi oħra ta’ l-ilma, u ma jagħmlux ħsara lil ekosistemi oħrajn.
Din il-kundizzjoni mhijiex issodisfata, peress li dan ir-rimi mhuwiex esklużivament limitat għall-ilma ta’ taħt l-art, meta s-sistema ta’ l-ilma li tifforma parti minnha x-xmara li m’għandhiex il-bidu tagħha fl-ilma ta’ taħt l-art li jgħaddi taħt is-sit ta’ miżbla muniċipali hija fil-fatt, milquta mir-rimi indirett ta’ sustanzi elenkati fil-lista I u li, skond l-istudju idroġeoloġiku, teżisti soluzzjoni oħra barra dik li hija adottat, li jippermetti li ma jiżdiedx il-livell ta’ tniġġis ta’ l-imsemmija xmara.
(ara l-punti 34-35, 37, 41-42)
2. L-ambjent li jirċievi r-rimi jikkostitwixxi s-suġġett ta’ investigazzjonijiet minn qabel imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 80/68, dwar il-ħarsien ta’ ilma ta’ taħt l-art kontra tniġġis ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi. Fir-rigward ta’ dan is-suġġett speċifiku, l-Artikolu 7 tad-Direttiva jeżiġi li l-imsemmija investigazzjonijiet ikollhom ukoll għan speċifiku, jiġifieri l-eżami tal-kundizzjonijiet idroġeoloġiċi taż-żona kkonċernata, tal-poteri possibbli tal-purifikazzjoni tal-ħamrija u tas-saff ta’ ħamrija ta’ taħt il-wiċċ kif ukoll tar-riskju ta’ tniġġis u tal-bidla fil-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art ikkawżata mir-rimi, u għandhom jistabbilixxu jekk ir-rimi ta’ sustanzi fl-ilma ta’ taħt l-art huwiex soluzzjoni sodisfaċenti għall-ambjent. Għalhekk, l-imsemmi Artikolu 7 jissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal kundizzjonijiet preċiżi u dettaljati li għandhom jitqiesu bħala obbligatorji sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva. Sabiex l-għan tal-leġiżlatur Komunitarju jintlaħaq b’mod sħiħ, l-investigazzjoni minn qabel, li hija kundizzjoni għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni, għandha twassal għal għarfien sħiħ u dettaljat dwar l-ambjent li jirċievi r-rimi, mingħajr ma neċessarjament tirreferi espressament għad-Direttiva.
(ara l-punti 53-54)
3. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata nuqqasijiet fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet ta’ direttiva minħabba l-fatt li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu allegatament adottaw prassi ġenerali kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet, u li din il-prassi tintwera permezz ta' sitwazzjonijiet speċifiċi. Sabiex imġiba ta’ Stat, li tikkonsisti fi prassi amministrattiva li tmur kontra l-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju, tista’ tkun ta’ natura li tikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, jeħtieġ li din il-prassi tippreżenta ċertu grad ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità.
(ara l-punti 64-65)
4. Kif jirriżulta wkoll, mingħajr ambigwità, mill-istess termini ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 80/68, dwar il-ħarsien ta’ ilma ta’ taħt l-art kontra tniġġis ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi, l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, jistabbilixxu, għas-sustanzi kollha li huma elenkati fil-lista II, inkluż fosthom dawk li ġejjin minn tankijiet settiċi, proċeduri ta’ investigazzjoni minn qabel u awtorizzazzjoni għall-azzjonijiet kollha ta’ tneħħija jew ta’ depożitu sabiex jitneħħew dawn is-sustanzi, li jistgħu jwasslu għal rimi indirett.
Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, fir-rigward tal-kapaċità li tilqa’ persuni ta’ l-istabbiliment ta’ lukanda, ma jqisux aktar id-drenaġġ mormi mill-imsemmi stabbiliment bħala li huwa ta’ natura domestika fis-sens ta’ l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva u li jissuġġettawh għall-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni dwar rimi ta’ drenaġġ, din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss fit-termini u skond il-proċeduri stabbiliti permezz ta’ l-imsemmija Direttiva.
Issa, meta lukanda, fir-rigward tan-numru ta’ kmamar u ta’ l-attivitajiet li jkollha, ma tistax legalment taħrab mill-applikazzjoni tad-direttiva u mhuwiex ikkontestat li s-sustanzi li huma elenkati fil-lista II joħorġu minn tank settiku li huwa għarmat bih u li huma mormija fl-ilma ta’ taħt l-art, għandha tkun suġġetta għall-proċedura ta’ investigazzjoni minn qabel u ta’ awtorizzazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva. Din l-investigazzjoni għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva, li teżiġi li din l-investigazzjoni jkollha għan speċifiku, jiġifieri l-eżami tal-kundizzjonijiet idroġeoloġiċi taż-żona kkonċernata, tal-poteri possibbli tal-purifikazzjoni tal-ħamrija u tas-saff ta’ ħamrija ta’ taħt il-wiċċ kif ukoll tar-riskju ta’ tniġġis u tal-bidla fil-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art ikkawżata mir-rimi, u għandhom jistabbilixxu jekk ir-rimi ta’ sustanzi fl-ilma ta’ taħt l-art huwiex soluzzjoni sodisfaċenti għall-ambjent.
(ara l-punti 53, 77, 86-87, 91-93)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
25 ta’ Ottubru 2007 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ħarsien ta’ l-ilma ta’ taħt l-art mit-tniġġis ikkawżat minn sustanzi perikolużi – Direttiva 80/68/KEE”
Fil-kawża C‑248/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-14 ta’ Ġunju 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn S. Pardo Quintillán u D. Recchia, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, L. Bay Larsen, J. Makarczyk (Relatur), P. Kūris u J.‑C. Bonichot, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li :
– billi ma ħaditx id-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikoli 4, 5, 7, 9 u 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/68/KEE, tas-17 ta’ Diċembru 1979, dwar il-ħarsien ta’ ilma ta’ taħt l-art kontra tniġġi[s] ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi (ĠU, L 20, 1980 p. 43, aktar ’il quddiem id-“Direttiva”), fil-miżbla ta’ Ballymurtagh (kontea ta’ Wicklow), u
– billi ma ħaditx id-dispożizzjonijiet neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikoli 5, 7, 8, 10, 12 u 13 tad-Direttiva għal dak li jikkonċerna r-rimi indirett minn tankijiet settiċi,
l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva.
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva jgħid:
“L-iskop ta’ din id-Direttiva hu [l-prevenzjoni tat]-tniġġi[s] ta’ l-ilma ta’ taħt l-art permez[z] ta’ sustanzi li jappartjenu għall-familji u gruppi ta’ sustanzi fil-listi I jew II fl-Anness, minn hawn [’il] quddiem imsejħa “sustanzi fil-listi I jew II”, u kemm jista’ jkun sabiex jiġu kkontrollati jew eliminati l-konsegwenzi tat-tniġġi[s] li diġà seħħ.”
3 Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
(a) “ilma ta’ taħt l-art” tfisser l-ilma kollu li jinsab taħt wiċċ l-art fiż-żona ta’ saturazzjoni u li huwa f’kuntatt dirett ma’ l-art jew mas-saff ta’ ħamrija ta’ taħt il-wiċċ;
(b) “skarikar [rimi] dirett” tfisser l-introduzzjoni ta’ sustanzi fl-ilma ta’ taħt l-art li jinsabu fil-listi I jew II mingħajr ma joskula mill-art jew mis-saff ħamrija ta’ taħt il-wiċċ;
(ċ) “skarikar [rimi] indirett” tfisser l-introduzzjoni ta’ sustanzi fl-ilma ta’ taħt l-art li jinsabu fil-listi I jew II wara li joskulaw minn ġo l-art jew mis-saff ħamrija ta’ taħt il-wiċċ;
(d) “tniġġi[s]” tfisser l-iskarikar [ir-rimi] mill-bniedem, direttament jew indirettament, ta’ sustanzi jew enerġiji fl-ilma ta’ taħt l-art, li r-ri[ż]ultati tagħhom huma tali li jipperikolaw s-saħħa tal-bniedem jew il-provvisti ta’ l-ilma, jagħmlu ħsara lir-ri[ż]orsi ħajjin u lill-ekosistema akkwatika jew jinterferixxu ma’ kull xorta ta’ użu leġittimu ieħor ta’ l-ilma.”
4 L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi li din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal:
“(a) skarikar [rimi] ta’ dr[a]naġġ domestiku minn djar iżolati li m’humiex imqabbdin ma’ sistema ta’ dranaġġ u li jinsabu [‘]l barra minn żoni protetti għat-teħid ta’ l-ilma għall-konsum tal-bniedem;
[…]”
5 Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha sabiex:
(a) jipprevjenu l-introduzzjoni fl-ilma ta’ taħt l-art tas-sustanzi elenkati fil-lista I;
(b) jillimitaw l-introduzzjoni fl-ilma ta’ taħt l-art tas-sustanzi elenkati fil-lista II sabiex jiġi evitat tniġġi[s] ta’ dan l-ilma minn dawn is-sustanzi.”
6 L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva jipprovdi:
“1. Sabiex jikkonformaw ma’ l-obbligazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(a), l-Istati Membri:
– għandhom jipprojbixxu kull skarikar dirett ta’ sustanzi fil-lista I,
– għandhom jagħmlu soġġett għal investigazzjoni minn qabel kull skarikar jew depożitu bl-iskop ta’ skarikar ta’ dawn is-sustanzi li jista’ jwassal għal skarikar indirett. Fid-dawl ta’ dik l-investigazzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu dan it-tip ta’ attività jew għandhom jagħtu l-awtorizzazzjoni, sakemm jiġu mħarsa l-prekawzjonijiet tekniċi kollha li huma meħtieġa sabiex jiġi evitat dan l-iskarikar,
– għand[h]om jieħdu l-miżuri kollha xierqa li huma jikkunsidraw meħtieġa sabiex jiġi evitat kull skarikar [rimi] indirett ta’ sustanzi fil-lista I li huwa dovut għal attivitajiet fuq jew taħt l-art, apparti minn dawk imsemmija fit-tieni inċiż. Għandhom jinnotifikaw dawn il-miżuri lill-Kummissjoni, li, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, tista’ tissottometti proposti lill-Kunsill għar-reviżjoni ta’ din id-Direttiva.
2. Madanakollu, jekk l-investigazzjoni minn qabel tiżvela li l-ilma ta’ taħt l-art li ġo fih huwa mbassar li sejrin jiġu skarikati [mormija] s-sustanzi elenkati fil-lista I huwa permanentament mhux xieraq għal ebda użu ieħor, speċjalment domestiku jew agrikolu, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-iskarikar [ir-rimi] ta’ dawn is-sustanzi, sakemm il-preżenza tagħhom ma timpedixxix l-isfruttament tar-ri[ż]orsi ta’ l-art.
Dawn l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jingħataw biss jekk ikunu ttieħdu l-prekawzjonijiet tekniċi kollha sabiex jiġi żgurat li dawn is-sustanzi ma jilħqux sistemi akkwatiċi oħrajn, u ma jagħmlux ħsara lil ekosistemi oħrajn.”
7 Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva:
“1. Sabiex iħarsu l-obbligazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(b), l-Istati Membri għandhom jagħmlu dawn li ġejjin soġġetti għal investigazzjoni minn qabel:
– kull skarikar [rimi] dirett ta’ sustanzi fil-lista II, sabiex jillimitaw skarikar [rimi] ta’ din ix-xorta,
– kull skarikar [rimi] jew depożitu bl-iskop ta’ skarikar [rimi] ta’ dawn is-sustanzi li jista’ jwassal għal skarikar [rimi] indirett:
Fid-dawl ta’ din l-investigazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni, sakemm jiġu mħarsa l-prekawzjonijiet tekniċi kollha għall-prevenzjoni ta’ tniġġi[s] ta’ ilma ta’ taħt l-art minn dawn is-sustanzi.
2. Inoltre, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa li huma jikkunsidraw bħala meħtieġa sabiex jiġi limitat l-iskarikar [ir-rimi] indirett kollu ta’ sustanzi elenkati fil-lista II, dovut għal attivitajiet fuq jew taħt l-art apparti minn dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu.”
8 L-Artikolu 7 tad-Direttiva huwa fformulat kif ġej:
“L-investigazzjonijiet minn qabel imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 għandhom jinkludu eżami tal-kundizzjonijiet idroġeoloġiċi taż-żona kkonċernata, tal-poteri possibbli ta’ purifikazzjoni tal-ħamrija u tas-saff ta’ ħamrija ta’ taħt il-wiċċ, u tar-riskju ta’ tniġġi[s] u alterazzjoni tal-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art ikkawżat mill-iskarikar [mir-rimi], u għandhom jistabbilixxu jekk ir-[rimi] skarikar ta’ sustanzi fl-ilma ta’ taħt l-art huwiex soluzzjoni sodisfaċenti mill-perspettiva ambjentali.”
9 L-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprovdi li:
“L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5, u 6 ma jistgħux jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri sakemm jiġi kkontrollat li l-ilma ta’ taħt l-art, u b’mod partikolari l-kwalità tiegħu, sejjer jgħaddi mis-sorveljanza meħtieġa.”
10 Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva:
“Meta jiġi awtorizzat l-iskarikar [ir-rimi] dirett b’mod konformi ma’ l-Artikolu 4(2) u (3) jew l-Artikolu 5, jew meta l-iskarikar [r-rimi] ta’ ilma maħmuġ li inevitabilment jikkawża skarikar [rimi] indirett jiġi awtorizzat b’mod konformi ma’ l-Artikolu 5, l-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika b’mod partikolari:
– il-post ta’ l-iskarikar [tar-rimi],
– il-metodu ta’ l-iskarikar [tar-rimi],
– prekawzjonijiet essenzjali, waqt li tingħata attenzjoni partikolari lix-xorta u lill-konċentrazzjoni tal-likwidi preżenti fid-dranaġġ, il-karatteristiċi ta’ l-ambjent li jirċivihom u l-prossimità ta’ żoni li jaqbdu l-ilma, b’mod partikolari dawk għall-ilma tax-xorb, termali u minerali,
– il-kwantità massima ta’ sustanza permissibbli fid-dr[a]naġġ waqt perjodu jew perjodi ta’ ħin speċifikati u r-rekwiżiti xierqa fir-rigward tal-konċentrazzjoni ta’’ dawn is-sustanzi,
– l-arranġamenti li jippermettu li d-dr[a]naġġ skarikat [mirmi] fl-ilma ta’ taħt l-art jiġi ssorvelljat;
– jekk ikun meħtieġ, il-miżuri għas-sorveljanza ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, u b’mod partikolari l-kwalità tiegħu.”
11 L-Artikolu 10 tad-Direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Meta jiġi awtorizzat disponiment jew depożitu bl-iskop ta’ disponiment li jista’ jwassal għal skarikar [rimi] indirett b’mod konformi ma’ l-Artikoli 4 jew 5, l-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika b’mod partikolari: il-post fejn isir dan id-disponiment jew depożitu,
– il-metodi ta’ skarikar [rimi] jew depożitu użati,
– prekawzjonijiet essenzjali, waqt li tingħata attenzjoni partikolari lix-xorta u lill-konċentrazzjoni tal-likwidi preżenti fl-materja li tkun se tiġi tipped [mormija] jew disponuta, il-karatteristiċi ta’ l-ambjent li jirċivihom u l-prossimità ta’ żoni li jaqbdu l-ilma, b’mod partikolari dawk għall-ilma tax-xorb, termali u minerali,
– il-kwantità massima permessibbli, waqt perjodu jew perjodi ta’ żmien speċifikati, tal-materja li fiha s-sustanzi fil-listi I jew II u, fejn possibbli, ta’ dawk is-sustanzi innifishom, li għandhom jiġu tipped [mormija] jew disponuti, u r-rekwiżiti xierqa fir-rigward tal-konċentrazzjoni ta’ dawk is-sustanzi,
– fil-ka[ż]ijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5(1), il-prekawzjonijiet tekniċi li jridu jiġu implimentati sabiex ma jsir ebda skarikar [rimi] ta’ sustanzi fil-lista I fl-ilma ta’ taħt l-art, u sabiex ma jkunx hemm tniġġi[s] ta’ dan l-ilma minn sustanzi fil-lista II,
– jekk ikun meħtieġ, il-miżuri għas-sorveljanza ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, u b’mod partikolari l-kwalità tiegħu.”
12 L-Artikolu 12 tad-Direttiva jipprevedi :
“1. Jekk il-persuna li titlob awtorizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikoli 4 u 5 tistqarr li hija m’hijiex kapaċi tikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati, jew jekk din is-sitwazzjoni tkun evidenti għall-awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rifjutata.
2. Jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-awtorizzazzjoni ma jiġux imħarsa, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat għandha tieħu passi xierqa sabiex taċċerta li dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti; jekk meħtieġ, hija għandha tirtira l-awtorizzazzjoni.”
13 Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 tad-Direttiva :
“L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jissorveljaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-awtorizzazzjonijiet u fl-effetti ta’ skarikar [rimi] fl-ilma ta’ taħt l-art; […]”
Il-proċedura prekontenzjuża
14 Matul is-sena 1999, il-Kummisjoni rreġistrat ilment dwar il-mina antika ta’ Ballymurtagh, żviluppata f’miżbla muniċipali mill-kunsill tal-kontea ta’ Wicklow.
15 Matul is-sena 2000, il-Kummissjoni rreġistrat ilment ieħor dwar rimi mhux awtorizzat fl-ilma ta’ taħt l-art minn lukanda fi Creacon Lodge (New Ross), fil-kontea ta’ Wexford, li fetħet matul is-sena 1995. Meta ittrattat dan l-ilment, il-Kummissjoni eżaminat problemi akbar relatati mad-dranaġġ li joħroġ minn tankijiet settiċi, li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fl-ambjent rurali Irlandiż għal dak li jikkonċerna bini għal użu kummerċjali jew mhux residenzjali u ta’ residenzi mhux iżolati li qegħdin f’żoni residenzjali differenti.
16 Barra minn dan, il-Kummissjoni saret taf b’rapport dwar il-problemi ta’ ewtrofikazzjoni fl-għadajjar ta’ Killarney, fil-kontea ta’ Kerry, li kien jipprovdi li l-istallazzjonijiet b’tankijiet settiċi huma fost il-kawżi tal-kontaminazzjoni kunsiderevoli ta’ dawn l-ilmijiet u li kien jenfassizza li spiss it-tankijiet settiċi ma kinux adegwati jew kienu f’kundizzjoni ħażina.
17 Għall-finijiet ta’ l-investigazzjoni tat-tieni lment, fit-8 ta’ Mejju 2001 il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Irlanda li fiha hija semmiet ir-rapport imsemmi aktar ’il fuq.
18 Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposti mogħtija fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni ta’ l-ewwel ilment u, fid-dawl tan-nuqqqas ta’ risposta għal dak li jikkonċerna t-tieni lment, fit-23 ta’ Ottubru 2001 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda, li fiha hija spjegat id-dubji tagħha dwar il-kundizzjonijiet li fihom dan l-Istat Membru kien qed japplika diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva u talbitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dan is-suġġett.
19 Fin-nuqqas ta’ risposta għal din l-imsemmija ittra, fis-17 ta’ Diċembru 2002 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru fejn talbitu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-imsemmija opinjoni f’terminu ta’ xahrejn, li jibda jiddekorri minn meta tiġi rċevuta.
20 Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Settembru 2003, l-awtoritajiet Irlandiżi bagħtu risposta għall-imsemmija opinjoni, li fiha huwa pprovdew informazzjoni dwar il-miżuri meħuda u ddikjaraw li kienu qegħdin josservaw id-Direttiva. Peress li l-Kummissjoni qieset li l-pożizzjoni adottata mill-Irlanda bħala insodisfaċenti, hija ressqet il-preżenti rikors.
Fuq ir-rikors
21 L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-Irlanda adottat il-leġiżlazzjoni neċessarja sabiex tittrasponi d-Direttiva fid-dritt intern.
Fuq l-ilmenti dwar il-miżbla munċipali ta’ Ballymurtagh
22 Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni lmentat li l-Irlanda ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikoli 4, 5, 7, 9 u 10 tad-Direttiva għal dak li jikkonċerna l-miżbla muniċipali ta’ Ballymurtagh.
23 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkritikat lil dan l-Istat Membru talli ma ta ebda awtorizzazzjoni uffiċjali qabel ma bdiet tintuża din il-miżbla, meta din l-awtorizzazzjoni kellha tintalab u tingħata qabel il-bidu ta’ l-attivitajiet f’impjant ġdid, u dan sabiex dawn l-attivitajiet ikunu jistgħu jiġu suġġetti għal kundizzjonijiet adegwati kif stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-prekawzjonijiet tekniċi meħtieġa ma ttiħdux sabiex jiġi evitat ir-rimi tas-sustanzi elenkati fil-listi I u II. Fit-tielet lok, hija ssostni li l-awtorizzazzjoni fir-rigward ta’ l-iskart mogħtija mill-Environmental Protection Agency (Aġenzija ta’ Ħarsien ta’ l-Ambjent, aktar ’il quddiem, l-“EPA”) fit-3 ta’ April 2001 għall-użu ta’ l-imsemmi skart mhijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva minħabba l-irregolarità kemm ta’ din l-awtorizzazzjoni kif ukoll ta’ l-investigazzjoni li saret minn qabel.
24 Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fir-replika li hija ppreżentat, abbandunnat l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni uffiċjali għall-miżbla qabel ma bdiet tintuża u fuq in-nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva.
Għal dak li jikkonċerna l-ilment dwar in-nuqqas ta’ ħarsien tad-Direttiva minħabba r-rimi ta’ sustanzi elankati fil-listi I u II
– L-argumenti tal-partijiet
25 Il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda ma ħarsitx l-obbligu li tieħu l-“prekawzjonijiet tekniċi” skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva meta ppermettiet il-ħolqien u l-użu tal-miżbla muniċipali ta’ Ballymurtagh għalkemm hija kienet taf illi s-sustanzi elankati fil-lista I, per eżempju l-kadmju, u fil-lista II, bħal metalli tqal kif ukoll il-fosfru, joħorġu inevittabbilment fix-xmara Avoca minħabba n-nuqqas ta’ membrane protettriċi taħt l-imsemmija miżbla.
26 Il-Kummissjoni ssostni li r-rimi ta’ dawn is-sustanzi huwa suġġett għal kundizzjonijiet li ma ġewx issodisfati fir-rigward tas-sit in kwistjoni. Fost dawn hemm l-eżiġenzi msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, li minnhom jirriżulta li r-rimi għandu jsir biss fl-ilma ta’ taħt l-art u li s-sustanzi elenkati fil-lista preżenti fl-imsemmi ilma m’għandhomx jaffettwaw sistemi oħra ta’ l-ilma.
27 Madankollu, skond il-Kummissjoni, l-ilma ta’ taħt l-art li jgħaddi minn taħt is-sit ta’ Ballymurtagh, minn naħa, u x-xmara Avoca, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jifforma parti mill-istess sistema ta’ l-ilma.
28 Fi kwalunkwe każ, skond il-Kummissjoni, anki jekk l-imsemmi ilma ta’ taħt l-art, li joħroġ fl-Avoca, kellu jiġi kkunsidrat bħala li jifforma parti, flimkien ma’ din ix-xmara, mill-istess sistema ta’ l-ilma, din ix-xmara ma tistax tiġi kkunsidrata b’mod kostanti bħala inadegwata għal użi oħrajn. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent tal-miżbla muniċipali ta’ Ballymurtagh (Environmental Impact Statement on Ballymurtagh Landfill, aktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent”), ppreżentata skond il-liġi nazzjonali dwar l-immaniġjar ta’ l-iskart, tippreċiża illi “l-Avoca, li tgħaddi fil-qrib ta’ mini u tal-miżbla, hija xmara bil-blat li tiġri rapidament u tista’ tiġi kkunsidrata bħala habitat tajjeb għas-salmonidi.”
29 Il-Kummissjoni sostniet, barra minn dan, illi l-kunsill tal-kontea ta’ Wicklow ma setax ma kienx jaf li, fin-nuqqas ta’ membrane protettiva, il-likwidu residwu li ġej mill-ilma li jgħaddi minn ġo l-iskart (aktar ’il quddiem il-“lissija”) jolqot l-Avoca, peress li l-istudju idroġeoloġiku magħmul fl-1987 (Cullen K. T., “Ballymurtagh Open Pit: Report on the Hydrogeological Survey of a Proposed Waste Disposal Site”, 10 ta’ Marzu 1987, aktar ’il quddiem, l-“istudju idroġeoloġiku”), qabel ma bdiet tintuża l-miżbla, kien fih, f’dan ir-rigward, għażla bejn, minn naħa, it-taħlit u t-tferrix tal-lissija, u min-naħa l-oħra, il-kisi tal-qiegħ tal-fosos. Il-kunsill tal-kontea ta’ Wicklow għażel it-taħlit u t-tferrix tal-lissija, li dan bilfors kien ser iwassal għat-tniġġis ta’ sistemi oħra ta’ l-ilma.
30 L-Irlanda ssostni li, skond l-Artikolu 4(2) stess tad-Direttiva, ir-rimi ta’ sustanzi elenkati fil-lista I jista’ jkun awtorizzat taħt ċerti kundizzjonijiet.
31 Dan l-Istat Membru jargumenta, abbażi tal-konklużjonijiet ta’ l-istudju idroġeoloġiku li “il-kwalità mniġġsa ħafna kemm ta’ l-ilma ta’ taħt l-art li jgħaddi taħt il-mina kif ukoll tax-xmara Avoca jippermetti li din il-parti ta’ l-għażla ,’it-taħlit u t-tferrix’, tittieħed serjament in kunsiderazzjoni peress li l-uniku effett fuq il-kwalità ta’ l-ilma li jgħaddi taħt il-mina jew l-ilma tax-xmara Avoca ser ikun it-tibdil tal-kulur skond il-kwalità u l-kompożizzjonijiet tal-lissija”.
32 Skond l-Irlanda, l-ilma ta’ taħt l-art li qiegħed ġewwa u fit-telgħa l-baxxa taż-żoni antiki ta’ mineralizzazzjoni huwa serjament imniġġes minħabba l-attività tal-mina li kienet issir qabel u mhuwiex adattat għall-użi domestiċi u agrikoli. Hija tindika illi, fi kwalunkwe każ, skond ir-rapport l-aktar reċenti ta’ l-EPA dwar il-kwalità ta’ l-ilmijiet, il-każ l-aktar serju ta’ tniġġis minn metalli huwa dak tax-xmara Avoca, li tbati minn tniġġis serju mir-ram, iż-żingu, u, ftit inqas, miċ-ċomb.
33 Barra minn dan, skond dan l-Istat Membru, is-sistema ta’ l-ilma hija kkostitwita minn ilma li ġej minn nixxiegħat tal-wiċċ kif ukoll minn ilma ta’ taħt l-art u għalhekk, f’din il-kawża, ma jistax ikun hemm żewġ sistemi separati li mhumiex relatati ma’ xulxin.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
34 Għandu jiġi osservat, minn naħa, li skond l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva, l-Istati Membri huma marbuta li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-ilma ta’ taħt l-art ta’ sustanzi elenkati fil-lista I.
35 Sabiex jaqdu dan l-obbligu, l-Istati Membri għandhom, skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, minn naħa, jipprojbixxu kull rimi dirett ta’ sustanzi elenkati fil-lista I u, min-naħa l-oħra, jissuġġettaw kull rimi jew depożitu bl-iskop ta’ rimi ta’ dawn is-sustanzi, li jistgħu jwasslu għal rimi indirett, għal investigazzjoni minn qabel, bil-għan li din it-tip ta’ attività tiġi pprojbita jew li tingħata awtorizzazzjoni bil-kundizzjoni li jiġu mħarsa l-prekawzjonijiet tekniċi kollha meħtieġa sabiex jiġi evitat dan ir-rimi.
36 Barra minn hekk, mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva jirriżulta li jekk l-investigazzjoni minn qabel tiżvela li l-ilma ta’ taħt l-art li fih ikunu ser jiġu mormija dawn is-sustanzi qatt ma jkun adegwat għal użu ieħor, speċjalment għal użu domestiku jew agrikolu, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rimi ta’ dawn is-sustanzi, sakemm il-preżenza ta’ dawn is-sustanzi ma timpedixxix l-isfruttament tar-riżorsi ta’ l-art.
37 Barra minn hekk, skond it-tieni paragrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni, din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss jekk ikunu ttieħdu l-prekawzjonijiet tekniċi kollha sabiex jiġi żgurat li dawn is-sustanzi ma jilħqux sistemi oħra ta’ l-ilma, u ma jagħmlux ħsara lil ekosistemi oħrajn.
38 Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 3(b) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-introduzzjoni ta’ sustanzi elenkati fil-lista II fl-ilma ta’ taħt l-art, sabiex jiġi evitat tniġġis ta’ dan l-ilma minn dawn is-sustanzi.
39 Sabiex jissodisfaw dan l-obbligu, l-Istati Membri għandhom, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 5(1) ta’ l-imsemmija Direttiva, jissuġġettaw kull rimi dirett ta’ sustanzi elenkati fil-lista II għal investigazzjoni minn qabel, sabiex jillimitaw rimi ta’ din ix-xorta kif ukoll kull rimi jew depożitu bl-iskop ta’ rimi ta’ dawn is-sustanzi li jista’ jwassal għal rimi indirett. Skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5(1), fid-dawl tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni, l-Istati Membri jistgħu joħorġu awtorizzazzjoni, sakemm jiġu mħarsa l-prekawzjonijiet tekniċi kollha meħtieġa sabiex jiġi evitat dan ir-rimi.
40 Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Irlanda tirrikonoxxi li l-ilma ta’ taħt l-art li fih jispiċċa r-rimi indirett ta’ sustanzi elenkati fil-lista I jista’ jgħaddi lejn ix-xmara Avoca, fejn il-preżenza ta’ wħud minn dawn is-sustanzi tista’ tipproduċi tibdil fil-kulur ta’ l-ilma.
41 Peress li s-sistema ta’ l-ilma li tifforma parti minnha x-xmara Avoca, li dwarha huwa stabbilit li m’għandhiex il-bidu tagħha fl-ilma ta’ taħt l-art li jgħaddi taħt is-sit ta’ Ballymurtagh, hija, fil-fatt, milquta mill-imsemmija rimi, il-kundizzjoni stabbilita fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva mhijiex issodisfatta, peress li dan ir-rimi mhuwiex esklużivament limitat għall-ilma ta’ taħt l-art. Il-konklużjonijiet ta’ diversi studji li din ix-xmara ilha ħafna mniġġsa huma irrilevanti fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-ħarsien ta’ din l-aħħar kundizzjoni.
42 Għaldaqstant billi, għall-miżbla muniċipali ta’ Ballymurtagh, għażel sistema bbażata fuq it-taħlit u t-tferrix tal-lissija, filwaqt li, skond l-istudju idroġeoloġiku, teżisti soluzzjoni oħra li tikkonsisti fil-kisi tal-qiegħ tal-fosos, li kieku kienet tippermetti li ma jiżdiedx il-livell ta’ tniġġis tax-xmara Avoca, fatt li mhuwiex ikkontestat mill-Irlanda, u billi rrenda possibbli li sustanzi elenkati fil-lista I jolqtu sistema ta’ l-ilma li hija differenti mill-ilma ta’ taħt l-art li jgħaddi taħt din il-miżbla, dan l-Istat Membru ma kkonformax ruħu ma’ l-obbligu tiegħu li jieħu l-prekawzjonijiet tekniċi kollha imposti mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva.
43 Fit-tieni lok, safejn l-introduzzjoni fl-ilma ta’ taħt l-art ta’ sustanzi elenkati fil-lista II, b’mod partikolari metalli tqal u fosfru, tifforma parti integrali mill-għażla teknika magħmula mill-Irlanda, din l-għażla ma tħarisx l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 3(b) tad-Direttiva, li l-introduzzjoni fl-ilma ta’ taħt l-art ta’ sustanzi elenkati fil-lista II tiġi limitata sabiex jiġi evitat tniġġis ta’ dan l-ilma minn dawn is-sustanzi, peress li l-prekawzjonijiet tekniċi kollha li jippermettu li jintlaħaq dan l-għan ma ttiħdux.
44 Konsegwentement, lanqas huma mħarsa l-eżiġenzi definiti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva li, kif ġie indikat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, huma intiżi li jissodisfaw biss l-obbligu msemmi fl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva.
45 Minn dak li ngħad preċedentement, jirriżulta li għandu jiġi kkonstatat li għal dak li jikkonċerna l-miżbla muniċipali ta’ Ballymurtagh, l-Irlanda ma ħarsitx l-eżiġenzi li jirriżultaw mill-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva fir-rigward tar-rimi ta’ sustanzi elenkati fil-listi I u II.
Għal dak li jikkonċerna l-ilment dwar in-nuqqas ta’ ħarsien tad-Direttiva minħabba l-għoti ta’ awtorizzazzjoni irregolari
– L-argumenti tal-partijiet
46 Il-Kummissjoni tenfasizza li l-awtorizzazzjoni fir-rigward ta’ l-iskart, mogħtija mill-EPA fit-3 ta’ April 2001, mhijiex konformi ma’ l-Artikoli 4, 5, 7 u 10 tad-Direttiva.
47 Skond il-Kummissjoni, l-eżiġenzi fir-rigward ta’ l-investigazzjoni qabel l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni ma ġewx imħarsa. F’dan ir-rigward, hija ssostni li mill-kliem stess ta’ l-imsemmija awtorizzazzjoni, li tipprovdi li, “f’terminu ta’ sitt xhur mid-data ta’ l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni, il-persuna li tingħata l-awtorizzazzjoni għandha tippreżenta proposta sabiex jiġi eżaminat jekk ikunx vijabbli li jiġi kkontrollat ir-rimi fl-ilma ta’ taħt l-art u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-Avoca”, jirriżulta li kienu ġew miksura l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva, safejn l-investigazzjoni dwar l-impatt fuq l-ilma ta’ taħt l-art u t-teħid ta’ prekawzjonijiet tekniċi ma kinux saru qabel l-għoti ta’ din l-imsemmija awtorizzazzjoni.
48 Il-Kummissjoni żżid tgħid li, jekk wieħed jassumi li l-istudju idroġeoloġiku seta’ jitqies bħala “investigazzjoni minn qabel” skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, din l-investigazzjoni kienet, fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti, peress li ma ġiex stabbilit, b’mod partikolari, li involviet il-ġbir ta’ informazzjoni sħiħa dwar is-sustanzi elenkati fil-listi I ui II, u peress li ma tinkludi ebda referenza espressa għall-Artikolu 4 tad-Direttiva.
49 Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni, il-lakuni ta’ l-imsemmi studju mhumiex ikkumpensati mid-dikjarazzjoni ta’ l-effett fuq l-ambjent.
50 Skond l-Irlanda, l-eżiġenzi tad-Direttiva fir-rigward ta’ l-investigazzjoni minn qabel ġew imħarsa, peress li saru l-investigazzjoni idroġeoloġika u l-istudju ta’ l-effett fuq l-ambjent.
51 Hija żżid tgħid li l-EPA, qabel ma tat l-awtorizzazzjoni fir-rigward ta’ l-iskart fit-3 ta’ April 2001, ħadet in kunsiderazzjoni l-konklużjonijiet ta’ diversi studji fuq l-ilma ta’ taħt l-art u investigazzjonijiet idroġeoloġiċi, fosthom l-istudju ġeoloġiku u idroġeoloġiku fuq il-miżbla muniċipali ta’ Ballymurtagh (Co. Wicklow B. J. Murphy & Associates, “Geological and Hydrogeological Study of the Ballymurtagh Landfill near Avoca, 1997”).
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
52 Kif ġie kkonstatat fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, billi, għall-miżbla muniċipali ta’ Ballymurtagh, l-Irlanda għażlet is-sistema bbażata fuq it- taħlit u t-tferrix tal-lissija, hija ma ħaditx il-miżuri tekniċi kollha mitluba, minn naħa, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva, għal dak li jikkonċerna s-sustanzi elenkati fil-lista I, u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 5 tiegħu, għal dak li jikkonċerna s-sustanzi elenkati fil-lista II. Għalhekk, dan l-Istat Membru ma setax, b’mod validu, jagħti awtorizzazzjoni skond dawn l-istess Artikoli, peress li l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni huwa fil-fatt suġġett għall-kundizzjoni li jiġu adottati l-prekawzjonijiet tekniċi meħtieġa minn dawn id-dispożizzjonijiet, iżda ma kinux.
53 Barra minn dan, għandu jiġi rrilevat li l-ambjent li jirċievi r-rimi jikkostitwixxi s-suġġett ta’ investigazzjonijiet minn qabel imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva. Fir-rigward ta’ dan is-suġġett speċifiku, l-Artikolu 7 tad-Direttiva jeżiġi li l-imsemmija investigazzjonijiet ikollhom ukoll għan speċifiku, jiġifieri l-eżami tal-kundizzjonijiet idroġeoloġiċi taż-żona kkonċernata, tal-poteri possibbli tal-purifikazzjoni tal-ħamrija u tas-saff ta’ ħamrija ta’ taħt il-wiċċ kif ukoll tar-riskju ta’ tniġġis u tal-bidla fil-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art ikkawżata mir-rimi, u għandhom jistabbilixxu jekk ir-rimi ta’ sustanzi fl-ilma ta’ taħt l-art huwiex soluzzjoni sodisfaċenti għall-ambjent. Għalhekk, l-imsemmi Artikolu 7 jissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal kundizzjonijiet preċiżi u dettaljati li għandhom jitqiesu bħala obbligatorji sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C‑360/87, Ġabra p. I‑791, punt 23).
54 Sabiex l-għan tal-leġiżlatur Komunitarju jintlaħaq b’mod sħiħ, l-investigazzjoni minn qabel, li hija kundizzjoni għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni, għandha twassal għal għarfien sħiħ u dettaljat dwar l-ambjent li jirċievi r-rimi, mingħajr ma neċessarjament tirreferi espressament għad-Direttiva.
55 Madankollu, f’din il-kawża, huwa paċifiku li ma nġabritx informazzjoni kompluta dwar l-elementi ta’ tniġġis, li l-preżenza tagħhom fil-lissija tal-miżbla muniċipali ta’ Ballymurtagh kienet meqjusa bħala possibbli fl-istudju idroġeoliġiku. Għalhekk, l-investigazzjoni idroġeoloġika ma telenkax, b’mod eżawrjenti, ir-riskji ta’ tniġġis u t-tibdil tal-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art marbut mar-rimi ta’ sustanzi li jinsabu fil-listi I u II.
56 Barra minn dan, mir-referenza li hemm fl-awtorizzazzjoni dwar l-iskart mogħtija mill-EPA fit-3 ta’ April 2001, u li hija msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-impatt ambjentali li l-miżbla għandha fuq l-ilma ta’ taħt l-art u l-ilma tal-wiċċ ma ġietx studjata b’mod sħiħ qabel l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni, kuntrarjament għall-eżiġenzi li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tad-Direttiva.
57 Fl-aħħar nett, l-imsemmija awtorizzazzjoni ma tissodisfax lanqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva.
58 Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 4, 5, 7 u 10 ta’ l-imsemmija Direttiva minħabba l-għoti ta’ awtorizzazzjoni irregolari għal dak li jikkonċerna l-miżbla muniċipali ta’ Ballymurtagh huwa fondat.
59 Minn dak kollu li ngħad preċedentement, jirriżulta li billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikoli 4, 5, 7 u 10 tad-Direttiva għal dak li jikkonċerna l-miżbla muniċipali ta’ Ballymurtagh, l-lrlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-Diretttiva.
Fuq l-ilment dwar ir-rimi indirett, fl-ilma ta’ taħt l-art, ta’ sustanzi elenkati fil-lista II u joħorġu minn tankijiet settiċi
60 Skond il-Kummissjoni, l-Irlanda ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva bil-għan li tħares l-ilma ta’ taħt l-art, fl-ambjent rurali tagħha, kontra r-rimi indirett ta’ sustanzi elenkati fil-lista II u li joħorġu minn tankijiet settiċi, jiġifieri sistemi ta’ trattament ta’ l-ilma intiżi għat-tneħħija ta’ ilma użat għal skopijiet domestiċi billi jgħaddu minn ġo l-art.
61 L-istallazzjonijiet li jiddependu minn tankijiet settiċi ma jistgħux ikunu sistematikament suġġetti għal proċeduri ta’ investigazzjonijiet minn qabel u ta’ awtorizzazzjoni adegwata, meta d-dranaġġ mit-tankijiet settiċi jkun fih kwantitajiet kbar ta’ fosfru u ta’ ammonja, li jikkostiwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligi taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva u, għalhekk, tad-dispożizzjonijiet relatati, jiġifieri l-Artikoli 7, 8, 10 u 13 tad-Direttiva.
62 Il-Kummissjoni, in sostenn ta’ dan l-ilment, tinvoka l-elementi li ġejjin bħala prova:
– l-interpretazzjoni restrittiva li l-Irlanda tagħti lill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva u l-fatt li hija ma ħaditx il-miżuri meħtieġa sabiex l-imsemmija dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni korretta;
– il-fatt li għal diversi snin l-Irlanda naqset milli tieħu azzjoni fir-rigward tar-rimi mhux awtorizzat li ġej minn lukanda fil-kontea ta’ Wexford;
– il-fatt li l-Irlanda naqset milli tħares l-eżiġenzi tad-Direttiva fir-rigward tat-tankijiet settiċi fir-reġjun ta’ l-għadajjar ta’ Killarney, u
– ir-rapporti uffiċjali dwar it-tniġġis ta’ l-ilmijiet u l-ksur tad-Direttiva 80/778/KEE, tal-15 ta’Lulju 1980, dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 229, p. 11).
63 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ din il-parti tar-rikors, il-Kummissjoni ma tippruvax tikseb dikjarazzjoni li tirrigwarda n-nuqqasijiet ta’ l-Irlanda fir-rigward ta’ l-obbligi tagħha taħt id-direttiva li jikkonċernaw sitwazzjonijiet ta’ fatt partikolari, iżda hija tirrapporta nuqqas li jirriżulta mill-eżistenza ta’ prattika amministrattiva kuntrarja għad-dritt Komunitarju, liema prassi hija murija permezz ta’ diversi eżempji.
64 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, illi l-Kummissjoni tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata nuqqasijiet fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet ta’ direttiva minħabba l-fatt li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu allegatament adottaw prassi ġenerali kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet, u li din il-prassi tintwera permezz ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑494/01, Ġabra p. I‑3331, punt 27).
65 B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk imġiba ta’ Stat, li tikkonsisti fi prassi amministrattiva li tmur kontra l-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju, tista’ tkun ta’ natura li tikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, jeħtieġ li din il-prassi amministrattiva tippreżenta ċertu grad ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑441/02, Ġabra p. I‑3449, punt 50, u ta’ l-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑342/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33).
66 Fit-tieni lok, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti prova ta’ l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas. Hija l-Kummissjoni li għandha tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 48).
67 Madankollu, skond l-Artikolu 10 KE, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità, li tikkonsisti, b’mod partikolari skond l-Artikolu 211 KE, fis-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tat-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata aktar ’il fuq, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
68 F’din il-perspettiva, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, fir-rigward tal-verifika ta’ l-applikazzjoni korretta, fil-prattika, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi sabiex jiżguraw l-implementazzjoni effettiva tad-Direttiva, il-Kummissjoni tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq informazzjoni pprovduta minn persuni li eventwalment jippreżentaw ilment u mill-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
69 Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li juru li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru żviluppaw prassi repetuta u persistenti li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, huwa dan l-Istat Membru li għandu jikkontesta, b’mod sostanzjali u fid-dettall, l-informazzjoni hekk ippreżentata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).
70 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jsir l-eżami ta’ dan l-ilment imressaq mill-Kummissjoni.
71 Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, safejn l-ilmenti fformulati hawnhekk ma jirreferux għall-kontenut ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, l-argumenti mressqa mill-Irlanda dwar l-effettività tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva u dwar in-natura komplimentari, meta mqabbla magħha, li għandha l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-iżvilupp tat-territorju, huma irrilevanti għall-eżami tal-fondatezza tagħha.
Fuq l-interpretazzjoni li l-Irlanda tat lill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva
– L-argumenti tal-partijiet
72 Il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda tat interpretazzjoni restrittiva ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva li jwassal sabiex ma tiġix implementata s-sistema ta’ awtorizzazzjoni stabbilita minn dan l-Artikolu għal dak li jikkonċerna r-rimi indirett ta’ sustanzi li huma elenkati fil-lista II, li ġejjin minn tankijiet settiċi, fuq it-territorju Irlandiż kollu, kuntrarjament għall-eżiġenzi tad-Direttiva.
73 Il-Kummissjoni żżid tgħid illi din l-analiżi kienet aċċettata fil-kontea ta’ Wexford għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ lukanda ta’ Creacon Lodge.
74 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet għar-rimi ta’ dranaġġ fl-ilma ta’ taħt l-art huwa żgħir wisq fil-kontea kollha meta mqabbel maċ-ċirkustanzi li fihom id-Direttiva hija applikabbli, li juri l-interpretazzjoni żbaljata tagħha.
75 L-Irlanda tirrispondi li, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ risposta għall-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni, hija reġgħet marret lura fuq għall-interpretazzjoni li hija tat lid-dispożizzjoni in kwistjoni.
76 Hija żżid tgħid li, min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet lokali responsabbli mill-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet id-direttiva, fil-prassi tagħhom dejjem taw interpretazzjoni konformi ma’ l-għan ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
77 Kif ġie indikat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza u kif jirriżulta wkoll, mingħajr ambigwità, mill-istess termini ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, jistabbilixxu, għas-sustanzi kollha li huma elenkati fil-lista II, inkluż fosthom dawk li ġejjin minn tankijiet settiċi, proċeduri ta’ investigazzjoni minn qabel u awtorizzazzjoni għall-azzjonijiet kollha ta’ tneħħija jew ta’ depożitu sabiex jitneħħew dawn is-sustanzi, li jistgħu jwasslu għal rimi indirett.
78 Illum l-Irlanda tirrikonoxxi l-bżonn li timplementa d-Direttva skond din l-interpetazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1) tagħha, li hija l-unika interpretazzjoni konformi ma’ l-eżiġenzi Komunitarji.
79 Jeħtieġ madankollu li jiġi eżaminat jekk l-interpretazzjoni restrittiva wisq ta’ din id-dispożizzjoni li l-Irlanda bbażat fuqha inizjalment, ġietx implementata konkretament minn prassi effettiva, u dan billi jiġu eżaminati l-elementi l-oħra ta’ prova mressqa mill-Kummissjoni li possibbilment juru l-imsemmija interpretazzjoni u li huma marbuta ma’ l-istess prassi amministrattiva kkritikata.
Fuq it-tneħħija ta’ ilma użat li ġej minn lukanda fi Creacon Lodge
– L-argumenti tal-partijiet
80 Skond il-Kummissjoni, it-tneħħija ta’ ilma użat li ġej minn lukanda fi Creacon Lodge, li tinsab fil-kontea ta’ Wexford, wassal, għal matul diversi snin, għar-rimi ta’ sustanzi li huma elenkati fil-lista II illi niġġes, permezz ta’ kanal li minnu jgħaddi l-ħmieġ tad-dranaġġ, ċerti żoni fil-qrib, b’mod partikolari, nixxiegħa ta’ l-ilma.
81 Bejn is-snin 1995 u 2001, dan l-istabbiliment, li skond il-Kummissjoni, seta’ jilqa’ sa 200 persuna, kien mgħammar b’tank settiku ta’ 250 gallun, bi ksur tal-klawsola tal-permess għal bini li kienet timponi l-installazzjoni ta’ tank settiku ieħor. Fix-xahar ta’ Jannar 1999 ġie installat stazzjon ta’ purifikazzjoni, mingħajr madankollu ma saret l-investigazzjoni minn qabel meħtieġa mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva u mingħajr ma ngħata l-awtorizzazzjoni għar-rimi ta’ l-ilma użat, meħtieġa minn din id-dispożizzjoni. Kien biss fix-xahar ta’ Novembru 2001 illi ngħatat awtorizzazzjoni definittiva għar-rimi ta’ ilma użat.
82 Filwaqt li kkontestat il-kapaċità tal-lukanda fi Creacon Lodge li tilqa’ persuni fiha, kif imressqa mill-Kummissjoni, l-Irlanda ppreċiżat li bejn l-1994 u s-sena 2000 saru erba’ applikazzjonijiet għal permess ta’ bini, u li kienu ġew imposti kundizzjonijiet u verifiki sinjifikattivi fir-rigward tat-trattament u t-tneħħija ta’ dranaġġ li ġej minn dan l-istabbiliment. Hija żżid tgħid li, matual is-sena 1996 beda jitħaddem tank settiku ta’ kapaċità ta’ 2 000 gallun.
83 L-Irlanda tippreċiża li, wara l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni definittiva ta’ rimi fit-30 ta’ Novembru 2001 mill-Board Pleana, awtorità indipendenti responsabbli li teżamina r-rikorsi fir-rigward tal-permessi għal bini, li jeżiġi l-installazzjoni ta’ apparat ta’ trattament ta’ dranaġġ, il-kunsill tal-kontea ta’ Wexford u l-EPA kienu għamlu ċerti verifiki li kienu jinkludu l-istudju ta’ kampjuni ta’ dranaġġ li ġejjin mis-sistema ta’ trattament ta’ ilma użat fil-lukanda ta’ Creacon Lodge, sabiex jiġi vverifikat jekk din is-sistema kinitx konformi mal-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din l-awtorizzazzjoni ta’ rimi.
84 Fl-aħħar nett, l-Irlanda tindika li ntbagħtu diversi ittri ta’ intimazzjoni lill-proprjetarju ta’ dan l-istabbiliment li jippreċiżaw il-miżuri li kellu jikkonforma ruħu magħhom, numru ta’ miżuri li juru l-isforzi li saru sabiex jiġi assigurat li l-persuni responsabbli mill-imsemmi stabbiliment ikunu suġġetti għall-kundizzjonijiet li stabbiliti fl-imsemmija awtorizzazzjoni ta’ rimi.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
85 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-provi hawn mressqa mill-Kummissjoni, illi din tammetti li ngħatat informazzjoni żbaljata dwar ċerti fatti li jikkonċernaw il-lukanda fi Creacon Lodge. Dan huwa l-każ fir-rigward ta’ l-installazzjoni ta’ tank settiku matula s-sena 1996, li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li huwa adattat għall-okkupazzjoni tal-lukanda, kemm fil-kuntest ta’ qagħdiet klassiċi f’lukanda kif ukoll fil-kuntest ta’ attivitajiet eċċezzjonali.
86 Barra minn hekk, mill-applikazzjonijiet differenti għal permess għal bini li saru mill-awtoritjiet kompetenti jirriżulta li, peress li l-istabbiliment ikkonċernat kellu massimu ta’ ħdax-il kamra, dawn l-awtoritajiet qiesu li d-dranaġġ li ġej minn dan l-istabbiliment jista’ jiġi meqjus bħala li huwa ta’ natura domestika fis-sens ta’ l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva.
87 Meta saru l-applikazzjonijiet għal permess għal bini sabiex tiżdied il-kapaċità ta’ dan l-istabbiliment sabiex jilqa’ numru akbar ta’ persuni, illi taw lok għall-ħruġ tal-permess fit-12 ta’ Frar 1997 u l-14 ta’ Settembru 2000, il-proprjetarji ta’ dan l-istabbiliment kienu ġew informati bl-obbligu li jkollhom awtorizzazzjoni għal dak li jikkonċerna r-rimi ta’ dranaġġ prodott mill-istabbiliment tagħhom.
88 Fl-aħħar nett, huwa aċċettat illi d-deċiżjoni tal-Board Pleana tat-30 ta’ Novembru 2001 tfisser, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali Irlandiża, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni definittiva fir-rigward tar-rimi ta’ dranaġġ.
89 Huwa fir-rigward ta’ din l-informazzjoni li għandha tiġi eżaminata r-rilevanza ta’ dan l-element ta’ prova.
90 Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 2(a) tad-Direttiva jirriżulta li din ma tapplikax għar-rimi ta’ dranaġġ domestiku minn djar iżolati li mhumiex imqabbdin ma’ sistema ta’ dranaġġ u li jinsabu ‘l barra minn żoni protetti għat-teħid ta’ l-ilma għall-konsum mill-bniedem.
91 Fir-rigward tal-kapaċità li tilqa’ persuni ta’ l-istabbiliment ta’ lukanda Creacon Lodge, b’mod partikolari fir-rigward tan-numru ta’ kmamar li għandha u ta’ l-attivitajiet li jkollha, din ma tistax b’mod validu taħrab mill-applikazzjoni tad-direttiva safejn id-dranaġġ illi joħroġ minnha ma jistax ikollu l-kwalifika ta’ “dranaġġ domestiku” li ġej minn djar iżolati skond l-Artikolu 2(a) tad-direttiva.
92 Fit-tieni lok, peress li l-imsemmi stabbiliment jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u mhuwiex ikkontestat li s-sustanzi li huma elenkati fil-lista II joħorġu minn tank settiku li huwa għarmat bih u li huma mormija fl-ilma ta’ taħt l-art, huwa kellu jiġi suġġett, kif jingħad fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, għall-proċedura ta’ investigazzjoni minn qabel u ta’ awtorizzazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva.
93 F’dan ir-rigward, l-investigazzjoni minn qabel li ssemmi l-imsemmija dispoiżizzjoni għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva u li huma msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza.
94 Għalkemm huwa paċifiku li ngħatat awtorizzazzjoni definittiva ta’ rimi fit-30 ta’ Novembru 2001, għal-lukanda fi Creacon Lodge, mill-argumenti mressqa mill-Irlanda ma jirriżultax li l-imsemmija awtorizzazzjoni hija konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 7. Dan l-Istat Membru, fil-fatt, jillimita lilu nnifsu li jsostni li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ rimi ta’ dranaġġ jeħtieġ investigazzjonijiet fuq il-post skond il-liġi nazzjonali li tassigura t-traspożizzjoni tad-Direttiva, mingħajr ma jagħti ebda indikazzjoni preċiża dwar l-investigazzjoni li saret fil-każ ta’ dan l-istabbiliment kkonċernat.
95 Fl-aħħar nett, l-Irlanda ma tistax tibbaża argument fuq il-fatt li l-proprjetarju ta’ l-imsemmi stabbiliment ma riedx jikkontesta l-elementi ta’ prova mressqa mill-Kummissjoni.
96 Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li huwa stabbilit b’mod suffiċjenti skond il-liġi li sar rimi indirett ta’ sustanzi elenkati fil-lista II mil-lukanda fi Creacon Lodge mingħajr ma ġew imħarsa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva kif ukoll għad-dispożizzjonijiet relatati, li huma l-Artikoli 8, 10, 12 u 13 tad-Direttiva.
Fuq it-tankijiet settiċi fir-reġjun ta’ l-għadajjar ta’ Killarney
– L-argumenti tal-partijiet
97 Il-Kummissjoni ssostni, preliminarjament, illi wara aktar minn għaxar snin, l-ewtrofissazzjoni ta’ l-ilma ħelu huwa problema kbira għall-awtoritajiet Irlandiżi fir-rigward tal-kwalità ta’ l-ilma tal-wiċċ. Dawn l-awtoritajiet wettqu diversi studji dwar l-implikazzjonijiet ta’ tniġġis f’ċerti żoni fejn jinġabar l-ilma u pproponew miżuri ta’ ġestjoni sabiex jiġu solvuti d-diversi problemi kkonstatati.
98 Fost dawn il-miżuri hemm il-proġett ta’ ġestjoni u sorveljanza taż-żona fejn jinġabar l-ilma f’Lough Leane, l-akbar żona ta’ għadajjar f’Killarney, immexxija fuq inizjattiva tal-kunsill tal-kontea ta’ Kerry, li l-elaborazzjoni tagħhom ħadet tliet snin, mix-xahar ta’ Lulju 1998 sax-xahar ta’ Lulju 2001. Fil-kuntest ta’ dan il-proġett, saru diversi rapporti (rapporti intermedjarji u finali, “A Catchment based approach for reducing nutrient inputs from all sources to the lakes of Killarney”, Diċembru 2000 u Novembru 2003).
99 Skond il-Kummissjoni, dawn ir-rapporti jagħtu prova ta’ nuqqas sistematiku mill-Irlanda, b’mod partikolari, safejn dan l-Istat Membru japplika d-Direttiva fil-prattika ma jistax jiġi kkunsidrat bħala konformi ma’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva. Hija żżid tgħid li jirriżulta mir-rapporti msemmija illi ma għamlet ebda verifika sabiex taċċerta illi, fiż-żona ġeografika in kwistjoni, it-tankijiet settiċi kienu ġew mibnija skond l-eżiġenzi tad-Direttiva.
100 L-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-livell ta’ fosfru misjub f’Lough Leane huwa prinċipalment tort tar-rimi ta’ dranaġġ li ġej minn tankijiet settiċi li għalihom tapplika d-Direttiva. Barra minn dan, l-Irlanda ssostni li l-maġġoranza tal-tankijiet settiċi taż-żoni ġeografika in kwistjoni jservu djar iżolati u, minħabba f’dan il-fatt, huma esklużi mill-applikazzjoni tad-Direttiva.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
101 Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li mir-rapport finali msemmi fil-punt 98 ta’ din is-sentenza jirriżulta li s-sustanzi ta’ l-ikel li ġejjin mid-dranaġġ ta’ tankijiet settiċi għandhom effett fuq il-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art li jalimentaw l-ilmijiet ta’ taħt l-art u jmorru direttament f’Lough Leane. F’dan ir-rigward, mit-tieni rapport provviżorju msemmi fil-punt 98 jirriżulta li 12 % tal-proviżjoni ta’ fosfru f’din l-għadira jista’ jiġi attribwit lit-tankijiet settiċi.
102 Fit-tieni lok, l-imsemmi rapport finali jindika illi “numru importanti ta’ bini residenzjali, ta’ bini tat-tip ‘bed and breakfast’ u ta’ artijiet għall-kkampjar jew għall-karavanijiet fiż-żona fejn jinġabar l-ilma f’Lough Leane mhumiex […] imqabbdin ma’ sistema ta’ drenaġġ urban u iżda huma dipendenti fuq tankijiet settiċi”. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fir-raħal ta’ Barraduff, fejn il-bini residenzjali jiddependi fuq tankijiet settiċi individwali.
103 Fit-tielet lok, kif ġie mfakkar fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 2(a) tad-Direttiva jirriżulta li din ma tapplikax għar-rimi ta’ dranaġġ domestiku li ġej minn djar iżolati, li mhumiex imqabbdin ma’ sistema ta’ dranaġġ u li jinsabu ‘l barra minn ċerti żoni.
104 Madankollu, fid-dawl ta’ l-indikazzjonijiet imfakkra aktar ’il fuq, illi jissemmew fir-rapport finali msemmi aktar ’il fuq, parti mid-djar taż-żona ġeografika in kwistjoni, b’mod partikolari l-irħula residenzjali, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala djar iżolati u għalhekk ma jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fl-imsemmi Artikolu 2(a).
105 Fir-rigward tad-dranaġġ mormi minn stabbilimenti bħal lukandi, dan ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “dranaġġ domestiku” skond l-istess dispożizzjoni.
106 Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li r-rimi ta’ sustanzi elenkati fil-lista II li joħorġu mit-tankijiet settiċi, li bihom huma mgħammra d-djar li qegħdin fiż-żona fejn jinġabar l-ilma f’Lough Leane, u li ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva, ġie prodotti mingħajr ma kienu mħarsa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) ta’ l-imsemmija Direttiva.
Fuq ir-rapporti uffiċjali dwar it-tniġġis ta’ l-ilma u l-ksur tad-Direttiva 80/778 attribwit lill-Irlanda
– L-argumenti tal-partijiet
107 Skond il-Kummissjoni, ir-rapporti uffiċjali ta’ l-EPA dwar it-tniġġis ta’ l-ilma jipprovdu provi addizzjonali tan-nuqqas ġenerali ta’ l-Irlanda għall-obbligu tagħha li tassigura li t-tneħħija ta’ l-ilma użat permezz ta’ tankijiet settiċi fl-ambjent rurali Irlandiż tkun suġġetta għal investigazzjoni minn qabel, għal awtorizzazzjoni u għal sorveljanza adegwata.
108 Il-Kummissjoni tippreċiża illi dawn ir-rapporti finali juru tniġġis mikrobioloġiku mifrux u persistenti li jolqot mijiet ta’ riżervi pubbliċi u privati, li ħafna minnhom huma alimentati minn ilma ta’ taħt l-art.
109 F’dan ir-rigward, filwaqt li fakkret li fis-sentenza ta’ l-14 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑316/00, Ġabra p. I‑10527), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Irlanda ma ħarsitx in-normi mikrobioloġiċi stabbiliti mid-Direttiva 80/778, il-Kummissjoni ssostni li teżisti rabta bejn it-tniġġis mikrobioloġiku u l-preżenza ta’ sustanzi li huma elenkati fil-lista II, b’mod partikolari, ta’ l-ammonja, tal-fosfru u tal-kloru.
110 L-Irlanda tikkontesta dawn l-istqarrijiet tal-Kummissjoni, peress li ssostni li dawn mhuma bbażati fuq ebda prova konkreta.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
111 Għandu jiġi kkonstatat li għalkemm is-siltiet tar-rapporti ċċitati mill-Kummissjoni jenfasizzaw it-tniġġis tar-riżervi ta’ l-ilma, huma ma jistabbilixxux, b’mod suffiċjenti skond il-liġi, ir-rabta kawżali bejn din il-kontaminazzjoni u l-preżenza ta’ sustanzi elenkati fil-lista II. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat illi r-rapport ta’ l-EPA li jirrigwarda l-perjodu 1998-2000 (Water Quality in Ireland, 1998-2000, Environmental Protection Agency, 2002) isemmi l-eżistenza ta’ diversi kawżi ta’ natura li jispjegaw il-livelli għolja ta’ nitrat osservati f’20 % tal-postijiet minn fejn ittieħdu l-kampjuni.
112 Fl-aħħar nett, ma tista’ tiġi dedotta ebda konklużjoni minn sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonstatat nuqqas mill-Irlanda li twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 80/778, li fi kwalukwe każ, m’għandhiex x’taqsam ma’ dan ir-rikors.
113 Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet ta’ natura ġenerali ppreżentati mill-Kummissjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala elementi ta’ prova rilevanti.
114 Konsegwentement, mill-eżami ta’ l-elementi ta’ prova mressqa mill-Kummissjoni, li sar aktar ’il fuq, jirriżulta, fl-ewwel lok, li r-rimi indirett ta’ sustanzi elenkati fil-lista II saru mil-lukanda fi Creacon Lodge, mingħajr ma ġew imħarsa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5, 7, 8, 10, 12 u 13 tad-Direttiva u, fit-tieni lok, illi ma jistax jiġi eskluż li rimi ta’ l-dawn is-sustanzi li ġejjin minn tankijiet settiċi li bihom huma mgħammra ċerti djar li qegħdin fiż-żona fejn jinġabar l-ilma f’Lough Leane sar bi ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva.
115 Madankollu, minn din it-tip ta’ applikazzjoni difettuża, ġeografikament limitata, ma jistax jiġi dedott li, fir-rigward ta’ l-ambjent rurali kollu Irlandiż, teżisti prassi amministrattiva dwar ir-rimi indirett, fl-ilma ta’ taħt l-art, ta’ dranaġġ li ġej minn tankijiet settiċi, li għandha l-karatteristiċi meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għaliex kieku tkun qed tingħata interpretazzjoni żbaljata ta’ l-Artikoli 5, 7, 8, 10, 12 u 13 tad-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-287/03, Ġabra p. I-3761, punt 30).
116 Minn dan jirriżulta li peress li l-Kummissjoni ma ġabitx prova li l-Irlanda ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikoli 5, 7, 8, 10, 12 u 13 tad-Direttiva, għal dak li jikkonċerna, fl-ambjent rurali kollu tagħha, ir-rimi indirett, fl-ilma ta’ taħt l-art, ta’ sustanzi elenkati fil-lista II u li ġejjin minn tankijiet settiċi, l-ilment dwar l-imsemmi rimi għandu jiġi miċħud.
117 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikoli 4, 5, 7 u 10 tad-Direttiva għal dak li jikkonċerna l-miżbla muniċipali ta’ Ballymurtagh (kontea ta’ Wicklow), l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija Direttiva.
Fuq l-ispejjeż
118 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 69(3) ta’ l-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet jitilfu kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.
119 F’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li r-rikors ma ntlaqax fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kollu, kif ġie definit mill-Kummissjoni.
120 Għaldaqstant, hemm lok li l-Irlanda tiġi kkundannata tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż kollha. Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati t-terz l-ieħor ta’ l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikoli 4, 5, 7, 9 u 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/68/KEE, tas-17 ta’ Diċembru 1979, dwar il-ħarsien ta’ ilma ta’ taħt l-art kontra tniġġi[s] ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi, għal dak li jikkonċerna l-miżbla muniċipali ta’ Ballymurtagh (kontea ta’ Wicklow), l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija Direttiva.
2) Ir-rikors huwa miċħud fir-rigward tal-kumplament.
3) L-Irlanda hija kkundannata tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż kollha. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati t-terz l-ieħor ta’ l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy