SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
26 ta' Ottubru 2006 (*)
"Tariffa doganali komuni – Intestaturi tariffarji – Klassifika fin-nomenklatura maqgħuda tal-cartridges tal-linka kompatibbli mal-printers tat-trade mark Epson Stylus Color – Linka (intestatura 3215) – Partijiet u aċċessorji ta' magni ta' l-intestatura 8471 (intestatura 8473)"
Fil-kawża C-250/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hessisches Finanzgericht, Kassel (Il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-14 ta' April 2005, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta' Ġunju 2005, fil-proċedura
Turbon International GmbH, li qed tidher bħala suċċessur b'titolu universali ta' Kores Nordic Deutschland GmbH,
vs
Oberfinanzdirektion Koblenz,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta' l-Awla, R. Schintgen, J. Klučka, R. Silva de Lapuerta u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,
wara li l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-1 ta' Ġunju 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Turbon International GmbH, li qed tidher bħala suċċessur b'titolu universali ta' Kores Nordic Deutschland GmbH, minn D. Quednau u J. Metzner, Steuerberater,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Caudwell, C. White u T. Harris, bħala aġenti, assistiti minn O. Thomas, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux, bħala aġent, assistita minn B. Wägenbauer, Rechtsanwalt,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Ġunju 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għad-deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-intestaturi 3215 u 8473 tan-nomenklatura magħquda (iktar 'il quddiem in-"NM") li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, p.1), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1734/96, tad-9 ta' Settembru 1996 (ĠU L 238, p. 1).
2 Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Turbon International GmbH (iktar 'il quddiem "Turbon International") stabbilita f'Hattingen, li qed tidher bħala suċċessur b'titolu universali ta' Kores Nordic Deutschland GmbH, quddiem l-Oberfinanzdirektion Koblenz fir-rigward tal-klassifika tat-tariffa tal-cartridges tal-linka mingħajr print head integrat, intiżi sabiex jintużaw għall-ink jet printers tat-trade mark Epson Stylus Color.
Il-kuntest ġuridiku
In-NM
3 In-NM, stabbilita permezz tar-Regolament Nru 2658/87, hija intiża sabiex tissodisfa l-eżiġenzi tat-Tariffa Doganali Komuni kif ukoll ta' l-istatistiċi tal-kummerċ estern tal-Komunità. Hija bbażata fuq is-Sistema Armonizzata Dinjija għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (aktar 'il quddiem is-"SA"), imħejjija mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwani, u hija stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta' Ġunju 1983 u approvata f'isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta' April 1987 (ĠU L 198, p. 1).
4 Fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, li hija dik li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1734/96, in-NM kien fiha b'mod partikolari, fit-Taqsima VI, Kapitolu 32, intitolat "Estratti għall-ikkunzar jew għaż-żbigħ; tannini u derivattivi tagħhom; żebgħa, pigmenti u materjal ieħor taż-żbigħ; żebgħa u verniċi; stokk u gomom oħrajn; linek", l-intestatura 3215, intitolata "Linka ta’ l-istampar, linka għall-kitba jew għat-tpinġija u linek oħrajn, kemm jekk ikkonċentrati jekk solidi jew le", kif ukoll is-subintestaturi 3215 90 10 u 3215 90 80 intitolati "Linka għall-kitba u għat-tpinġija" u "oħrajn".
5 Fit-Taqsima XVI, Kapitolu 84, intitolat "Reatturi nukleari, bojlers, magni, apparat u magni mekkaniċi; partijiet minn dawn il-magni jew apparat", in-NM tinkludi, b'mod partikolari l-intestatura 8471, intitolata "Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom; apparat li jaqra b'sistema manjetika jew ottika, magni biex jittraskrivu data fuq mezzi ta' data f'għamla kodifikata u magni biex jipproċessaw din id-data, li m'humiex speċifikati jew inklużi band'oħra" u s-subintestatura 8471 60 40, intitolata "Printers". Hija tinkludi wkoll l-intestaura 8473, intitolata "Bċejjeċ [partijiet] u aċċessorji (ħlief għata, bagalji biex jinġarru fihom u bħal dawn) tajbin biss u prinċipalment għal użu ma’ magni ta’ l-intestaturi 8469 sa 8472" kif ukoll tas-subintestaura 8473 30 90, intitolata "oħrajn".
6 Ir-regoli ġenerali ta’ interpretazzjoni tan-NM, li jidhru fl-ewwel parti tat-Titolu I A tagħha, jipprovdu b'mod partikolari li:
"Il-klassifika ta' l-oġġetti fin-nomenklatura magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.
1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
2. (a) [...]
(b) Kwalunkwe referenza f’intestatura għal materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal taħlit jew kombinazzjonijiet ta’ dak il-materjal jew is-sustanza b’materjali jew sustanzi oħra. Kwalunkwe referenza għal oġġetti ta’ ċertu materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal oġġetti li jikkonsistu totalment jew parzjalment minn materjal jew sustanza bħal din. Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn iżjed minn materjal jew sustanza waħda għandha ssir skond il-prinċipji tar-regola 3.
3. Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu kklassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:
(a) l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk l-intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk waħda minnhom tagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;
(b) taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu kklassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu kklassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;
[...]"
In-noti spjegattivi tas-SA
7 Bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-14 ta' Ġunju 1983, il-kumitat imsemmi "Kumitat tas-Sistema Armonizzata", kompost mir-rappreżentanti ta' kull parti kontraenti, ġie mwaqqaf fi ħdan il-Kunsill ta' Kooperazzjoni Doganali. Ix-xogħol tiegħu jikkonsisti, b'mod partikolari, f'li jipproponi emendi għall-imsemmija konvenzjoni u f'li jifformula noti ta' spjegazzjoni, opinjonijiet ta' klassifikazzjoni u opinjonijiet oħra dwar l-interpretazzjoni tas-SA.
8 Skond il-punt VIII tan-nota ta' spjegazzjoni tas-SA dwar ir-regola ġenerali 3 (b), "[i]l-fattur li jiddetermina l-karattru essenzjali jvarja skond it-tip ta' merkanzija. Dan jista' jirriżulta, per eżempju, mill-karattru tal-materjal li tkun magħmula minnhom jew mill-komponenti tagħha, mill-volum tagħha, mill-kwalità tagħha, mill-piż tagħha jew mill-importanza ta' wieħed mill-materjali li tkun magħmula minnhom fid-dawl ta' l-użu tal-merkanzija" [traduzzjoni mhux uffiċjali].
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 Permezz tas-sentenza tas-7 ta' Frar 2002, Turbon International (C-276/00, Ġabra p. I‑1389), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat mir-Regolament Nru 1734/96, għandu jiġi interpretat fis-sens li cartridge tal-linka mingħajr print head integrat, li jikkonsisti f'kontenitur tal-plastik, fowm, skrin tal-metal, siġilli, tejp li jissiġilla, tabella, linka u materjal għall-ippakkjar, li, għal dak li jikkonċerna l-cartridge kif ukoll il-linka, jista' jintuża biss fi printer li għandu l-istess karatteristiċi ta' l-ink jet printers tat-trade mark Epson Stylus Color, għandu jiġi kklasifikat fis-subintestatura 3215 90 80 tan-NM.
10 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, wara din is-sentenza, Turbon International ikkontestat, quddiem il-qorti tar-rinviju, l-element ta' motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li jinsab fil-punt 30 ta' l-imsemmija sentenza li jipprovdi li t-tħaddim mekkaniku u elettroniku tal-printer ma jiddependix mill-preżenza ta' cartridge tal-linka bħal dak fil-kawża prinċipali. Turbon International issostni li tali ipoteżi hija fil-fatt ineżatta u li l-Qorti tal-Ġustizzja żbaljat meta ddeduċiet minnha li l-cartridge tal-linka bħal dak fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kklassifikat bħala "parti" ta' printer fis-sens ta' l-intestatura 8473 tan-NM.
11 Bis-saħħa ta' miżura ordnata fil-kuntest ta' l-investigazzjoni, il-qorti tar-rinviju assistit għal preżentazzjoni tat-tħaddim ta' printer Epson Stylus Color f'diversi kundizzjonijiet ta' tħaddim.
12 Skond l-imsemmija qorti, din id-demonstrazzjoni kkonfermat l-affermazzjonijiet ta' Turbon International, jiġifieri li, meta l-printer huwa kkonnektjat ma' kompjuter u ma jkunx fih cartridge jew ikun fih wieħed biss, dan ma jeżegwix l-ordni ta' l-istampar mogħti minn dan il-kompjuter. Id-data mhijiex ittrasferita mill-kompjuter għall-printer u l-print head ma jiċċaqlaqx minn naħa għall-oħra. Il-karta lanqas tiddaħħal. B'hekk, il-printer ma jagħti l-ebda sinjal ta' ħajja.
13 Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li, min-naħa l-oħra, meta l-cartridges jiġu inseriti, kemm jekk mimlija kif ukoll jekk vojta, il-printer jibda jinizjalizza, jiġifieri taffettwa operazzjoni mekkanika interna intiża sabiex tiġi eliminata l-arja preżenti bejn il-print head ta' l-apparat u l-cartridges inseriti fil-feeder. Id-data hija trasferita mill-kompjuter għall-printer u l-print head jibda jiċċaqlaq. Barra minn hekk, il-karta hija introdotta anki jekk jintużaw cartridges vojta, u d-differenza madankollu hija li, jekk jintużaw cartridges vojta, il-karta ovvjament toħroġ mill-printer mingħajr ma tiġi stampata.
14 Fid-dawl ta' dawn il-konstatazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minkejja dan, il-cartridges tal-linka kkonċernati xorta m'għandhomx jiġu kklassifikati bħala "parti" ta' printer u għaldaqstant jiġu kklasifikati fl-intestatura 8473 tan-NM.
15 Peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża mressqa quddiemha, kienet tiddependi fuq l-interpretazzjoni ta' l-intestatauri 3215 u 8473 tan-NM, il-Hessisches Finanzgericht, Kassel, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u tressaq is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"Għall-kuntrarju tad-deċiżjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha [Turbon International, iċċitata iktar 'il fuq], li l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 [...], kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1734/96 [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li cartridge tal-linka mingħajr print head integrat, li jikkonsisti f'kontenitur tal-plastik, fowm, skrin tal-metal, siġġilli, tejp li jissiġġilla, tabella, linka u materjal għall-ippakkjar, li, għal dak li jikkonċerna kemm il-cartridge kif ukoll il-linka, jista' jintuża biss fi printer li għandu l-istess karatteristiċi ta' l-ink jet printers tat-trade mark Epson Stylus Color, għandu jiġi kklasifikat fis-subintestatura 3215 90 80 tan-[NM], ma jkunx iktar eżatt li l-cartridge tal-linka msemmi hawn fuq jiġi kklasifikat fl-intestatura 8473 tan-NM bħala parti ta' jew aċċessorju ta' printer, peress li t-tħaddim elettroniku u mekkaniku tiegħu jiddependi mill-preżenza ta' tali cartridge?"
Fuq id-domanda preliminari
16 Skond ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u l-iffaċilitar ta' l-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffa ta' oġġetti għandu ġeneralment jinstab, b'mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħhom, kif definiti mit-termini ta' l-intestatura tan-NM. In-noti ta' spjegazzjoni mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, jgħinu ħafna fl-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tad-dwana mingħajr, madanakollu, m'għandhom setgħa vinkolanti (sentenza tat-13 ta' Lulju 2006, Anagram International, C-14/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20).
17 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li t-terminu "parti", fis-sens ta' l-intestatura 8473 tan-NM, jimplika l-preżenza ta' ħaġa kompleta u din tkun indispensabbli għat-tħaddim tagħha (sentenza tad-19 ta' Ottubru 2000, Peacock, C-339/98, Ġabra p. I-8947, punt 21).
18 F'dan il-każ, mill-informazzjoni ddettaljata kkomunikata mill-qorti tar-rinviju jidher li l-cartridge stess huwa indispensabbli għat-tħaddim tal-printer. Għaldaqstant, huwa jista' jiġi kklassifikat bħala "parti" u, b'hekk, jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8473 30 90 tan-NM.
19 Madankollu, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-linka li tinsab fil-cartridge ma tistax tiġi kklassifikata bħala parti minn printer. Cartridge tal-linka, bħal dak fil-kawża prinċipali, huwa magħmul minn żewġ elementi li, meta meqjusa separatement, jistgħu jaqgħu taħt intestaturi differenti, jiġifieri s-subintestauri 3215 90 80 u 8473 30 90 tan-NM, mingħajr ma wieħed minnhom ikun jista' jinkludi l-merkanzija fit-totalità tagħha.
20 Peress li l-prodott in kwistjoni huwa kompost minn materjali differenti u l-ebda waħda miż-żewġ intestaturi msemmija hawn fuq mhija iktar speċifika mill-oħra, l-unika dispożizzjoni li wieħed jista' jirrikorri għaliha għall-klassifika ta' dan il-prodott hija r-regola ġenerali 3(b) (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta' Ġunju 1988, Sportex, 253/87, Ġabra p. 3351, punt 7).
21 Skond din ir-regola ġenerali, sabiex issir il-klassifika tariffarja ta' prodott jeħtieġ li jiġi stabbilit liema fost il-materjali li huwa magħmul minnhom huwa dak li jagħtih il-karattru essenzjali tiegħu u dan jista' jsir billi jiġi stabbilit jekk il-prodott, meta jiġi pprivat minn xi wieħed mill-komponenti tiegħu, iżommx il-proprjetajiet li jikkaratterizzawh (sentenza Sportex, iċċitata iktar 'il fuq, punt 8; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-10 ta' Mejju 2001, VauDe Sport, C-288/99, Ġabra p. I-3683, punt 25 u Turbon International, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26).
22 Bl-istess mod, jekk kif jindika l-punt VIII tan-nota ta' spjegazzjoni tas-SA dwar ir-regola ġenerali 3(b), il-fattur li jiddetermina l-karattru essenzjali jista' jvarja skond it-tip ta' merkanizija. Dan jista' jirriżulta, per eżempju, mill-karattru tal-materjal li tkun magħmula minnhom jew mill-komponenti tagħha, mill-volum tagħha, mill-kwalità tagħha, mill-piż tagħha jew mill-importanza ta' wieħed mill-materjali li tkun magħmula minnhom fid-dawl ta' l-użu tal-merkanzija.
23 Madankollu, anki jekk cartridge tal-linka, bħal dak fil-kawża prinċipali, huwa maħdum b'mod illi l-printer ma jaħdimx mingħajr l-imsemmi cartridge, jibqa' l-fatt li l-linka li tinsab fil-cartridge hija ta' importanza kbira fid-dawl ta' l-użu tal-merkanzija in kwistjoni. Fil-fatt, il-cartridge tal-linka huwa inserit fil-printer, mhux eżattament sabiex iħaddem il-printer, iżda preċiżament sabiex jagħtih il-linka. Minn dan jirriżulta li l-linka għandha tiġi kkunsidrata bħala li tagħti lil cartridge tal-linka, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-karattru essenzjali tiegħu.
24 Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, li l-cartridges tal-linka li għandhom print head integrat huma kklassifikati fl-intestatura 8473 tan-NM. Fil-fatt, peress li tali cartridges tal-linka huma komposti minn materjali differenti minn dawk tal-cartridges tal-linka fil-kawża prinċipali, il-klassifika tariffarja ta' dawn ta' l-ewwel ma tiddeterminax neċessarjament il-klassifika tariffarja ta' dawn ta' l-aħħar.
25 Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1734/96, għandu jiġi interpretat fis-sens li cartridge tal-linka mingħajr print head integrat, li jikkonsisti f'kontenitur tal-plastik, fowm, skrin tal-metal, siġġilli, tejp li jissiġġilla, tabella, linka u materjal għall-ippakkjar, li, għal dak li jikkonċerna kemm il-cartridge kif ukoll il-linka jista' jintuża biss fi printer li għandu l-istess karatteristiċi ta' l-ink jet printers tat-trade mark Epson Stylus Color, għandu jiġi kklasifikat fis-subintestatura 3215 90 80 tan-NM.
Fuq l-ispejjeż
26 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
L-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1734/96 tad-9 ta' Settembru 1996, għandu jiġi interpretat fis-sens li cartridge tal-linka mingħajr print head integrat, li jikkonsisti f'kontenitur tal-plastik, fowm, skrin tal-metal, siġġilli, tejp li jissiġġilla, tabella, linka u materjal għall-ippakkjar, li, għal dak li jikkonċerna kemm il-cartridge kif ukoll il-linka jista' jintuża biss fi printer li għandu l-istess karatteristiċi ta' l-ink jet printers tat-trade mark Epson Stylus Color, għandu jiġi kklasifikat fis-subintestatura 3215 90 80 tan-nomenklatura magħquda.
Firem
*Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy