Kawża C-254/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Renju tal-Belġju
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 28 KE u 30 KE — Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni — Miżuri b’effett ekwivalenti — Sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors — Rekwiżit ta’ konformità ma’ standard nazzjonali — Proċedura nazzjonali ta’ approvazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri b’effett ekwivalenti
(Artikoli 28 KE u 30 KE)
Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 28 KE Stat Membru li jeżiġi li s-sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors legalment immanifatturati jew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor li ma jkollhomx il-marka CE
– ikunu konformi ma’ standard nazzjonali li jinkludi fih speċifikazzjonijiet tekniċi li magħhom għandhom ikunu konformi ċerti komponenti ta’ dawn is-sistemi;
– ikunu suġġetti għal approvazzjoni minn organizzazzjoni ta’ ċertifikazzjoni, ostaklu li hu mkabbar bl-ispejjeż sproporzjonati li tinvolvi dik l-approvazzjoni, u
– jkunu suġġetti għal testijiet u verifiki meta tkun qed titwettaq l-approvazzjoni tat-tip li, essenzjalment, jirduppjaw il-kontrolli li jkunu diġà saru taħt proċeduri oħra fi Stat Membru ieħor.
Għalkemm japplika mingħajr distinzjoni għall-prodotti kollha, ir-rekwiżit ta’ konformità ma’ standard nazzjonali jostakola l-kummerċ intrakomunitarju u jikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, ipprojbita mill-Artikolu 28 KE, safejn dan jista’ jkollu l-effett li jobbliga lill-operaturi ekonomiċi ta’ l-Istati Membri l-oħra jadattaw l-apparati u t-tagħmir tagħhom għar-rekwiżiti ta’ l-istandards jew regoli tekniċi ta’ l-Istat Membru ta’ importazzjoni u li jbatu l-ispejjeż żejda marbuta ma’ dan l-adattament, u anki li jiddiswadihom milli jikkummerċjalizzaw il-prodotti in kwistjoni f’dan l-Istat Membru.
Barra minn hekk, il-ħtieġa ta’ approvazzjoni minn qabel ta’ prodott sabiex tiġi ċċertifikata l-idoneità tiegħu għal użu partikolari, tillimita l-aċċess għas-suq ta’ l-Istat Membru ta’ importazzjoni u għalhekk għandha titqies li hija miżura b’effett ekwivalenti għal limitazzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni skond l-Artikolu 28 KE. Dan ir-rekwiżit mhuwiex proporzjonat jekk l-organizzazzjoni ta’ ċertifikazzjoni ma tiħux in kunsiderazzjoni, fin-nuqqas ta’ ftehim bilaterali ma’ l-organizzazzjoni ta’ ċertifikazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tal-prodott, il-kontrolli magħmula f’dan l-Istat Membru l-ieħor. Rigward l-ispejjeż maħluqa minn din il-proċedura ta’ approvazzjoni, marbuta mat-testijiet u l-verifiki, dawn għandhom jitqiesu li mhumiex proporzjonati safejn din il-proċedura ma teskludix li t-testijiet u l-verifiki li jkunu diġà saru fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-prodotti in kwistjoni jkunu imposti.
Għalkemm l-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ regoli ta’ armonizzazzjoni, għandhom jistabbilixxu l-livell safejn ikollhom l-intenzjoni jassiguraw il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, xorta jibqa’ l-fatt li eċċezzjoni għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija tista’ tiġi ġġustifikata taħt l-Artikolu 30 KE biss jekk l-awtoritajiet nazzjonali jipprovaw li l-eċċezzjoni msemmija hija neċessarja sabiex jintlaħaq wieħed jew aktar mill-għanijiet imsemmija hemmhekk u li tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, flimkien mar-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom jingħataw provi xierqa jew analiżi tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat u analiżi ta’ kemm hija xierqa, kif ukoll elementi ta’ prova preċiżi li jippermettu li jsaħħu l-argumentazzjoni tiegħu.
(ara l-punti 29-30, 32, 35-36, 41-42, 45 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
7 ta’ Ġunju 2007(*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu –Artikoli 28 KE u 30 KE –Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni – Miżuri b’effett ekwivalenti ‑ Sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors – Rekwiżit ta’ konformità ma’ standard nazzjonali – Proċedura nazzjonali ta’ approvazzjoni”
Fil-kawża C‑254/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-16 ta’ Ġunju 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Stromsky, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn M. Wimmer, bħala aġent,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, E. Juhász, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Frar 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li, billi jeżiġi li s-sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors li jkunu ġew legalment immanifatturati jew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor iżda li m’għandhomx il-marka CE:
– ikunu konformi ma’ l-istandard Belġjan NBN S 21-100, dwar l-iddiżinjar ta’ sistemi ġeneralizzati ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors, tax-xahar ta’ Settembru 1986, kif emendat mill-addendum nru 2 tiegħu tax-xahar ta’ Awwissu 1996 (aktar ‘il quddiem l-“istandard NBN S 21-100”),
– ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tat-tip minn BOSEC (Belgian Organisation for Security Certification), ostaklu li hu mkabbar mill-ispejjeż sproporzjonati li tinvolvi dik l-approvazzjoni, u
– jiġu ssuġġettati għal testijiet u verifiki meta tkun qed titwettaq l-approvazzjoni tat-tip li, essenzjalment, jirduppjaw il-kontrolli li jkunu diġà saru taħt proċeduri oħra fi Stat Membru ieħor,
ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 28 KE.
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 2 ta’ l-Ordni ta’ l-Eżekuttiv tal-Komunità Franċiża, ta’ l-24 ta’ Diċembru 1990, li jispeċifika r-regoli u l-proċedura sabiex jinkiseb ċertifikat ta’ sigurtà għal stabbilimenti li jipprovdu l-akkomodazzjoni li kienu jeżistu fl-1 ta’ Jannar 1991, u li jistipula standards ta’ sigurtà dwar il-protezzjoni min-nar speċifikament għal dawn l-istabbilimenti li jipprovdu l-akkomodazzjoni (Moniteur belge tal-21 ta’ Ġunju 1991, p. 13999, aktar ‘il-quddiem, “l-Ordni ta’ l-24 ta’ Diċembru 1990”), jgħid:
“Stabbiliment li jipprovdi l-akkomodazzjoni jista’ jopera biss wara li jikseb ċertifikat ta’ sigurtà”.
3 Skond l-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi Ordni, dan iċ-ċertifikat jinkiseb kemm-il darba jkunu ġew milħuqa l-istandards ta’ sigurtà dwar il-protezzjoni min-nar, li jirrigwardaw lill-istabbilimenti li jipprovdu l-akkomodazzjoni, kif stabbiliti fl-Anness I ta’ l-istess Ordni.
4 Skond il-punt 7.4.4 ta’ l-imsemmi Anness, l-installazzjoni ġeneralizzata ta’ tagħmir għad-detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors għandha ssir u tkun ikkontrollata skond l-istandard NBN S 21-100 u t-tagħmir għandu jkollu ċertifikat ta’ konformità ma’ dak l-istandard.
5 L-Artikolu 158 tad-Digriet Leġiżlattiv tar-Reġjun tal-Vallonja, tat-18 ta’ Diċembru 2003, dwar l-istabbilimenti li jipprovdu akkomodazzjoni għat-turisti (Moniteur belge tal-11 ta’ Marzu 2004, p. 13669), ħassar, fir-rigward tar-Reġjun tal-Vallonja, l-Ordni ta’ l-24 ta’ Diċembru 1990. Id-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Ordni baqgħu japplikaw fir-rigward tar-Reġjun ta’ Brussell.
6 L-Artikolu 27 ta’ l-Ordni tal-Gvern tal-Vallonja, tat-3 ta’ Diċembru 1998, li jimplementa d-Digriet Leġiżlattiv tal-5 ta’ Ġunju 1997 dwar djar għall-konvalexxenti, residenzi għall-anzjani u ċentri għall-anzjani ta’ matul il-ġurnata u li joħloq il-Kunsill tal-Vallonja għall-Irtirar (Moniteur belge tas-27 ta’ Jannar 1999, p. 2221, aktar ‘il quddiem l-“Ordni tat-3 ta’ Diċembru 1998”), jistabbilixxi li:
“L-istandards rigward il-protezzjoni min-nar u l-paniku stabbiliti fl-Anness I għandhom japplikaw fil-konfront ta’ djar għall-konvalexxenti, residenzi għall-anzjani u ċentri għall-anzjani ta’ matul il-ġurnata.
[…]”
7 Skond il-punt 0.5 ta’ l-Anness I ta’ l-Ordni tat-3 ta’ Diċembru 1998:
“Jekk jiġi stabbilit permezz ta’ dokumenti probatorji li prodott ikun konformi mar-rekwiżit ta’ dan l-Ordni skond metodi ta’ testijiet u ta’ klassifikazzjoni ekwivalenti fis-seħħ fi Stat Membru ieħor tal-Komunità Ekonomika Ewropea, dan il-prodott għandu jkun ikkunsidrat bħala konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dan l-Anness”.
8 Il-punt 7.7.1 ta’ l-imsemmi Anness jgħid:
“Sistemi ġeneralizzati ta’ detezzjoni awtomatika għandhom ikunu kkontrollati skond l-istandard Belġjan NBN S21-100 ‘Disinn ta’ sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors’. Madankollu, il-kontrolli għandhom isiru fil-konfront tal-partijiet kollha tas-sistema (ditekters, exchanges, pannelli għas-sinjali minn ripetituri, servomekkaniżmi, eċċ.)”.
9 L-istandard NBN S 21-100 jistipula r-regoli għall-iddiżinjar ta’ sistemi ġeneralizzati ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors.
10 Il-punt 4.2 ta’ dak l-istandard, intitolat “Deskrizzjoni”, jgħid kif ġej:
“Sistema ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar għandha prinċipalment tinkludi:
– sensuri, li jkunu sensittivi għal waħda mill-karatteristiċi speċifiċi għall-kombustjoni, imsejħa ditekters,
– netwerk ta’ wajers u kejbils ta’ l-elettriku,
– pannell ta’ kontroll, iddiżinjat sabiex jagħti l-allarm u juri ż-żona ta’ detezzjoni u n-natura tal-problema,
– sistemi ta’ proviżjoni ta’ l-elettriku.
Dan it-tagħmir għandu jkun ta’ tip li jkun konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tas-CEN Ewropew jew standards Belġjani, u kemm min jinstalla t-tagħmir kif ukoll is-sistema għandhom ikunu ċċertifikati mill-BOSEC. Il-komponenti kollha fl-istess sistema għandhom ikunu kumpatibbli.
Ripetituri, tagħmir manwali ta’ twissjia jew kull servomekkaniżmu ieħor jista’ jiġi miżjud mas-sistema, kemm-il darba dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan l-istandard.
Id-ditekter u l-bażi tiegħu jew il-konnettur għandhom ikunu mgħammra b’sinjal ottiku ta’ allarm”.
11 Skond il-punt 4.3.1 ta’ l-istandard imsemmi, bit-titolu “Tipi ta’ ditekters”:
“Kull tip ta’ ditekter għandu jkun konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-istandards Belġjani”.
12 Il-punti 4.4.6 u 4.4.8.2 ta’ l-istandard NBN S 21-100, intitolati rispettivament “Sorsi ta’ provvista ta’ l-elettriku” u “Kejbils”, jistabbilixxu rispettivament il-kwalitajiet neċessarji, minn naħa, għas-sors sekondarju tal-provvista ta’ l-elettriku u, min-naħa l-oħra, għall-kejbils għas-sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors.
Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża
13 Wara li ġiet infurmata bid-diffikultajiet li kien esperjenza operatur ekonomiku Britanniku fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ sistemi ta’ detezzjoni tan-nar ġewwa l-Belġju, fil-21 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Belġju, sabiex dan jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-metodi ta’ importazzjoni u kummerċjalizzazzjoni, f’dan l-Istat Membru, ta’ sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors.
14 L-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Settembru 2003.
15 Wara li kkunsidrat li r-Renju tal-Belġju kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 28 KE, il-Kummissjoni, fid-9 ta’ Lulju 2004, bagħtet opinjoni motivata li biha stiednet lir-Renju tal-Belġju jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn mill-ġurnata tan-notifika tagħha.
16 L-awtoritajiet Belġjani rrispondew l-imsemmija opinjoni motivata b’ittra tad-9 ta’ Settembru 2004.
17 Peress li l-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta bir-risposta li rċeviet mill-awtoritajiet Belġjani, din iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
18 Il-Kummissjoni ssostni li l-Ordnijiet ta’ l-24 ta’ Diċembru 1990 u tat-3 ta’ Diċembru 1998 jostakolaw il-moviment liberu tas-sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors li m’għandhomx il-marka CE iżda li kienu legalment immanifatturati jew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor.
19 Fil-fatt, bir-rekwiżit ta’ konformità ma’ l-istandard NBN S21-100, ir-regoli Belġjani jeskludu minn parti mis-suq Belġjan l-użu, mill-istabbilimenti li jipprovdu l-akkomodazzjoni u residenzi għall-anzjani, tas-sistemi in kwistjoni li ma jkunux konformi ma’ l-istandard imsemmi. B’hekk, operaturi ekonomiċi li jimmanifatturaw jew jikkummerċjalizzaw dawn il-prodotti jistgħu jiddeċiedu li ma jikkummerċjalizzawx il-prodotti tagħhom fis-suq Belġjan, jew ikunu obbligati jimmodifikawhom sabiex ikollhom aċċess għas-suq in kwistjoni.
20 L-istess jgħodd għar-regolamenti muniċipali dwar il-protezzjoni min-nar li, skond l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani, jirrikjedu li d-ditekters tan-nar ikunu konformi ma’ l-istandard NBN S 21-100, kif ukoll għall-prattika amministrattiva tas-servizzi tat-tifi tan-nar jagħmlu riferenza għal dan l-istess standard meta jiddeterminaw il-miżuri ta’ prevenzjoni tan-nar.
21 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-obbligu ta’ konformità ma’ l-istandard NBN S 21-100 impost mil-liġi Belġjana għandu l-effett li jissuġġetta s-sistemi msemmija għal approvazzjoni mill-BOSEC.
22 Proċedura ta’ approvazzjoni bħal din mhux biss tikkostitwixxi fiha nfisha miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva pprojbita mill-Artikolu 28 KE, iżda, barra minn hekk, dan l-ostaklu huwa aggravat min-natura sproporzjonata tad-dewmien u ta’ l-ispejjeż li jirriżultaw mill-proċedura msemmija kif ukoll min-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni, mill-BOSEC, tat-testijiet u tal-verifiki li jkunu diġà saru fil-kuntest ta’ proċeduri oħra fi Stat Membru ieħor.
23 Mingħajr ma jikkontesta l-fatt li l-konformità ma’ l-istandard NBN S 21-100 hija imposta kemm mil-liġi msemmija mill-Kummissjoni kif ukoll mill-prattika tas-servizzi tat-tifi tan-nar, ir-Renju tal-Belġju jqis li fid-dawl ta’ l-emendi proposti li kienu s-suġġett ta’ inkjesta pubblika bejn it-30 ta’ Marzu u t-30 ta’ Settembru 2005, b’mod partikolari dik dwar it-tneħħija tar-riferenza għall-BOSEC bħala awtorità ta’ ċertifikazzjoni, l-istandard NBN S21-100 huwa konformi ma’ l-Artikolu 28 KE u m’għadux ta’ ostaklu għall-moviment liberu ta’ sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors li kienu legalment immanifatturati jew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li m’għandhomx il-marka CE.
24 Barra minn hekk, l-awtoritajiet Belġjani jgħidu li dan l-istandard huwa konformi ma’ l-istandards Ewropej u li dan ma jinkludi fih l-ebda rekwiżiti addizzjonali li jeħtieġu l-adattament jew il-modifika tal-prodotti li jiffurmaw is-sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar. Fil-fatt, il-verifiki imposti mill-imsemmi standard ma jirrigwardawx il-komponenti li jiffurmaw dawn is-sistemi, iżda biss il-mod kif taħdem is-sistema sħiħa.
25 F’kull każ, dawn il-verifiki huma ġġustifikati mir-rekwiżiti ta’ sigurtà pubblika kif ukoll tal-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tal-persuni u ta’ l-annimali.
26 F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Belġjani jsostnu li d-dispożizzjonijiet ta’ l-istandard NBN S 21-100 japplikaw mingħajr distinzjoni u li l-verifika imposta minnhom fuq l-installazzjonijiet u s-sistemi ta’ detezzjoni tan-nar hija neċessarja u proporzjonata għall-għan imfittex
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
27 Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ konformità ma’ l-istandard NBN S 21-100 imposta mil-liġi Belġjana u mill-prattika amministrattiva ta’ xi servizzi pubbliċi Belġjani, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, kull liġi kummerċjali ta’ l-Istati Membri li hija kapaċi li tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra Komunitarju għandha titqies bħala miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, ipprojbita mill-Artikolu 28 KE (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5, u tal-5 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑270/02, Ġabra p. I‑1559, punt 18).
28 B’hekk, l-ostakli għall-moviment liberu tal-merkanziji li jirriżultaw, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni, mill-applikazzjoni fil-konfront tal-merkanziji li ġejjin minn Stati Membri oħra fejn jiġu manifatturati u mqiegħda fis-suq, ta’ regoli li jistabbilixxu rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti minn tali merkanziji, anki jekk dawn ir-regoli huma applikabli, mingħajr distinzjoni, għall-prodotti kollha jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti u li huma pprojbiti mill-Artikolu 28 KE (sentenzi ta’ l-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard, C‑267/91 u C‑268/91, Ġabra p. I‑6097, punt 15, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑217/99, Ġabra p. I‑10251, punt 16).
29 F’dan il-każ, mill-kliem stess tal-punti 4.2, 4.3.1, 4.4.6 u 4.4.8.2 ta’ l-istandard NBN S 21-100 jirriżulta li dan mhux biss jinkludi fih regoli dwar kontroll relattivi għat-tħaddim ta’ installazzjonijiet sħaħ ta’ sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors, iżda wkoll speċifikazzjonijiet tekniċi li magħhom għandhom ikunu konformi ċerti komponenti ta’ dawn is-sistemi.
30 Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni fi Stat Membru ta’ prodotti jew ta’ komponenti legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor, u fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, ir-rekwiżit ta’ konformità ma’ l-istandard NBN S 21-100 impost mil-liġi Belġjana jista’ jkollu l-effett li jobbliga lill-operaturi ekonomiċi ta’ l-Istati Membri l-oħra jadattaw l-apparati u t-tagħmir tagħhom għar-rekwiżiti ta’ l-istandards jew regoli tekniċi ta’ l-Istat Membru ta’ importazzjoni u li jbatu l-ispejjeż żejda marbuta ma’ dan l-adattament (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 17; tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C‑14/02, Ġabra p. I‑4431, punt 63, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 19), u anki li jiddiswadihom milli jikkummerċjalizzaw il-prodotti in kwistjoni fil-Belġju (sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, 45/87, Ġabra p. 4929, punt 19, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 18).
31 F’dan ir-rigward, l-argument tar-Renju tal-Belġju li ma teżisti l-ebda neċessità li l-prodotti legalment immanifatturati jew ikkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra jiġu adattati għas-suq Belġjan minħabba li l-istandard NBN S 21-100 ma jagħmel xejn ħlief jirrepeti r-rekwiżiti tekniċi li huma stabbiliti fl-istandards Ewropej tas-serje EN‑54 ma jistax jiġi aċċettat peress li, hekk kif jirriżulta b’mod ċar kemm mill-opinjoni motivata kif ukoll mir-rikors tal-Kummissjoni, dan ir-rikors jirrigwarda biss is-sistemi ta’ detezzjoni tan-nar bil-point detectors li m’għandhomx il-marka CE.
32 Konsegwentement, għalkemm japplika mingħajr distinzjoni għall-prodotti kollha, ir-rekwiżit ta’ konformità ma’ standard nazzjonali bħall-istandard NBN S 21-100 jostakola l-kummerċ intrakomunitarju u jikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, ipprojbita mill-Artikolu 28 KE.
33 Miżura bħal din tista’ tiġi ġġustifikata biss minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess pubbliku mniżżla fl-Artikolu 30 KE jew minn waħda mill-ħtiġijiet mandatorji rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bil-kundizzjoni li f’kull każ, din il-miżura tkun tajba sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex u li ma tmurx oltre dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenzi ATRAL, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 64, u ta’ l-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑432/03, Ġabra p. I‑9665, punt 42).
34 Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-obbligu ta’ konformità ma’ l-istandard NBN S 21-100 huwa ġġustifikat minn raġunijiet ta’ sigurtà pubblika kif ukoll mill-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tal-persuni u ta’ l-annimali.
35 Għalkemm m’hemmx dubju li dawn ir-raġunijiet jidhru fost dawk li, skond l-Artikolu 30 KE, jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru sabiex jiġġustifika dan l-obbligu u li, fin-nuqqas ta’ regoli ta’ armonizzazzjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-livell safejn ikollhom l-intenzjoni jassiguraw il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni (sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1996, Brandsma, C‑293/94, Ġabra p. I‑3159, punt 11, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 44), xorta jibqa’ l-fatt li eċċezzjoni għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija tista’ tiġi ġġustifikata taħt l-imsemmi artikolu biss jekk l-awtoritajiet nazzjonali jipprovaw li l-eċċezzjoni msemmija hija neċessarja sabiex jintlaħaq wieħed jew aktar mill-għanijiet imsemmija hemmhekk u li tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1983, Van Bennekom, 227/82, Ġabra p. 3883, punt 40; tat-13 ta’ Marzu 1997, Morellato, C‑358/95, Ġabra p. I‑1431, punt 14; ATRAL, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 67, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 22).
36 F’dan ir-rigward, flimkien mar-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom jingħataw provi xierqa jew analiżi tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat u analiżi ta’ kemm hija xierqa, kif ukoll elementi ta’ prova preċiżi li jippermettu li jsaħħu l-argumentazzjoni tiegħu (sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2003, Lindman, C‑42/02, Ġabra p. I‑13519, punt 25; tat-18 ta’ Marzu 2004, Leichtle, C‑8/02, Ġabra p. I‑2641, punt 45; tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑147/03, Ġabra p. I‑5969, punt 63; tas-16 ta’ Frar 2006, Rockler, C‑137/04, Ġabra p. I‑1441, punt 25, u Öberg, C‑185/04, Ġabra p. I‑1453, punt 22).
37 F’dan il-każ, għandu jingħad li prova bħal din mhijiex biżżejjed. Fil-fatt, l-awtoritajiet Belġjani jillimitaw ruħhom biex jgħidu li l-obbligu in kwistjoni japplika mingħajr distinzjoni għall-prodotti nazzjonali u dawk importati u li dan l-obbligu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità msemmija aktar ‘il fuq kif ukoll biex jgħidu li l-għan ta’ l-istandard NBN S 21-100 huwa dak li jiġi vverifikat li d-disinn ta’ l-installazzjoni huwa tajjeb u biex jiġi ggarantit li s-sistema taħdem tajjeb.
38 Fit-tieni lok, rigward l-issuġġettar tas-sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors għal approvazzjoni mill-BOSEC, ir-Renju tal-Belġju jsemmi proposta għal emenda ta’ l-istandard NBN S 21-100 intiża sabiex tneħħi r-riferenza għal din l-organizzazzjoni.
39 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru kif ippreżentata fl-aħħar taż-żmien stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑423/00, Ġabra p. I‑593, punt 14, u ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑433/03, Ġabra p. I‑6985, punt 32).
40 F’dan il-każ, jinsab stabbilit li, sa meta skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, ir-Renju tal-Belġju ma kienx adotta l-emenda proposta fir-rigward ta’ l-istandard NBN S 21-100 dwar it-tneħħija tar-riferenza għall-BOSEC bħala organizzazzjoni ta’ ċertifikazzjoni għas-sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors.
41 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxietet li l-ħtieġa ta’ approvazzjoni minn qabel ta’ prodott sabiex tiġi ċċertifikata l-idoneità tiegħu għal użu partikolari, tillimita l-aċċess għas-suq ta’ l-Istat Membru ta’ importazzjoni u għalhekk għandha titqies li hija miżura b’effett ekwivalenti għal limitazzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni skond l-Artikolu 28 KE (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 41).
42 Fir-rigward tan-natura mhux proporzjonata ta’ dan l-obbligu, għandu jingħad li, matul il-proċedura prekontenzjuża, ir-Renju tal-Belġju ammetta li, minn ta’ l-anqas fiż-żmien li jirrigwrda dan ir-rikors, fil-kuntest ta’ approvazzjoni mogħtija taħt l-istandard NBN S 21-100, fin-nuqqas ta’ ftehim bilaterali ma’ l-organizzazzjoni ta’ ċertifikazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tal-prodott, il-BOSEC ma kienx jieħu in kunsiderazzjoni l-kontrolli magħmula f’dan l-Istat Membru l-ieħor. Kif tgħid il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju ma ppreżenta l-ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li din il-prattika ġiet abbandunata.
43 Rigward l-ispejjeż maħluqa minn din il-proċedura ta’ approvazzjoni, biżżejjed jingħad li, safejn din il-proċedura ma teskludix li t-testijiet u l-verifiki li jkunu diġà saru fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-prodotti in kwistjoni jkunu imposti, l-ispejjeż marbuta ma’ dawn it-testijiet u l-verifiki għandhom jitqiesu li mhumiex proporzjonati.
44 Għaldaqstant, ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jitqies li huwa fondat.
45 Konsegwentement, għandu jingħad li, billi jeżiġi li s-sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors legalment immanifatturati jew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li ma jkollhomx il-marka CE:
– ikunu konformi ma’ l-istandard NBN S 21-100,
– ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tat-tip minn BOSEC, ostaklu li hu mkabbar mill-ispejjeż sproporzjonati li tinvolvi dik l-approvazzjoni, u
– ikunu suġġetti għal testijiet u verifiki meta tkun qed titwettaq l-approvazzjoni tat-tip li, essenzjalment, jirduppjaw il-kontrolli li jkunu diġà saru taħt proċeduri oħra fi Stat Membru ieħor,
ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 28 KE.
Fuq l-ispejjeż
46 Skond l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Billi jeżiġi li s-sistemi ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors legalment immanifatturati jew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor li ma jkollhomx il-marka CE:
– ikunu konformi ma’ l-istandard Belġjan NBN S 21-100 dwar l-iddiżinjar ta’ sistemi ġeneralizzati ta’ detezzjoni awtomatika tan-nar bil-point detectors, tax-xahar ta’ Settembru 1986, kif emendat mill-addendum nru 2 tiegħu tax-xahar ta’ Awwissu 1996,
– ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tat-tip minn BOSEC (Belgian Organisation for Security Certification), ostaklu li hu mkabbar mill-ispejjeż sproporzjonati li tinvolvi dik l-approvazzjoni, u
– ikunu suġġetti għal testijiet u verifiki meta tkun qed titwettaq l-approvazzjoni tat-tip li, essenzjalment, jirduppjaw il-kontrolli li jkunu diġà saru taħt proċeduri oħra fi Stat Membru ieħor,
ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 28 KE.
2) Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat ibati l-ispejjeż
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy