Kawża C-274/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Ellenika
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 89/48/KEE — Ħaddiema — Rikonoxximent ta’ diplomi”
Sommarju tas-sentenza
1. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Ħaddiema — Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin — Direttiva 89/48
(Direttiva tal-Kunsill 89/48, Artikoli 1 u 3)
2. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Ħaddiema — Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin — Direttiva 89/48
(Direttiva tal-Kunsill 89/48, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(b) u Artikolu 10)
3. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Ħaddiema — Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin — Direttiva 89/48
(Direttiva tal-Kunsill 89/48, Artikolu 8(1))
4. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Ħaddiema — Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin — Direttiva 89/48
(Direttiva tal-Kunsill 89/48, Artikolu 3)
1. Stat Membru li ma jirrikonoxxix id-diplomi mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor wara taħriġ ipprovdut fil-kuntest ta’ ftehim li bih taħriġ ipprovdut minn korp privat f’dan l-Istat Membru jiġi rrikonoxxut minn dawn l-awtoritajiet jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 89/48, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, l-inċiż (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jagħti lil kull applikant li jkollu “diploma”, fis-sens ta’ din id-direttiva, li tippermettilu jeżerċita professjoni rregolata fi Stat Membru, id-dritt li jeżerċita l-istess professjoni f’kull Stat Membru ieħor.
Filwaqt li huwa minnu li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “diploma”, li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 tagħmel ċerti riżervi, għall-applikabbiltà ta’ din id-direttiva, għall-kwalifiki miksuba fi Stati terzi, la l-Artikolu 1(a) ta’ din id-direttiva u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jinkludu xi tip ta’ limitazzjoni fir-rigward tal-Istat Membru li fih applikant għandu jkun jikseb il-kwalifiki professjonali tiegħu. Fil-fatt, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(a) jirriżulta espliċitament li huwa biżżejjed li t-taħriġ ikun inkiseb “prinċipalment fil-Komunità”. Din l-espressjoni tkopri kemm it-taħriġ miksub kompletament fl-Istat Membru li pprovda l-kwalifika ta’ taħriġ inkwistjoni kif ukoll dak parzjalment jew kompletament miksub fi Stat Membru ieħor.
Barra minn hekk l-ebda raġuni ma tista’ tiġġustifika t-tali limitazzjoni, peress li l-kwistjoni prinċipali, sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 89/48, hija dik dwar jekk l-applikant jistax jeżerċita professjoni rregolata fi Stat Membru jew le. Skont is-sistema stabbilita permezz ta’ din id-direttiva, diploma ma tiġix rikonoxxuta abbażi tal-valur intrinsiku tat-taħriġ li tiċċertifika, iżda minħabba li fl-Istat Membru fejn ingħatat jew fejn hija rikonoxxuta, tagħti l-opportunità ta’ aċċess għal professjoni rregolata. Differenzi fit-tul jew fil-kontenut tat-taħriġ miksub fi Stat Membru ieħor meta mqabbla ma’ dak mogħti fl-Istat Membru ospitanti mhumiex biżżejjed biex jiġġustifikaw rifjut ta’ rikonoxximent tal-kwalifika professjonali kkonċernata. L-iktar, jekk dawn id-differenzi jkunu ta’ natura sostanzjali, jista’ jkun ġustifikat li, skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, l-Istat Membru ospitanti jeżiġi li l-applikant jissodisfa waħda mill-miżuri kumpensattivi previsti minn din id-dispożizzjoni.
Barra minn hekk, skont il-kliem innifsu tad-Direttiva 89/48, it-taħriġ m’għandux neċessarjament jinkiseb f’università jew fi stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla. Fil-fatt, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a) ta’ din id-direttiva, huwa suffiċjenti li dan ikun “stabbiliment ta’ livell simili”. B’hekk, il-kundizzjoni imposta minn din id-dispożizzjoni mhijiex intiża sabiex tiżgura li l-istabbiliment ta’ edukazzjoni jissodisfa kundizzjonijiet formali rigward l-istatus tiegħu, iżda tirreferi essenzjalment għal-livell ta’ taħriġ mogħti. Din il-kundizzjoni hija strettament marbuta mal-karatteristiċi tal-kwalifika mogħtija. L-evalwazzjoni mogħtija f’dan ir-rigward għandha, għaldaqstant, issir mill-awtorità kompetenti li tagħti l-kwalifika, li għandha taċċerta ruħha li din tingħata biss lil persuni kwalifikati biżżejjed sabiex jeżerċitaw il-professjoni rregolata konnessa mal-kwalifika.
Is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tad-diplomi ta’ edukazzjoni ogħla prevista mid-Direttiva 89/48 hija fil-fatt ibbażata fuq il-kunfidenza reċiproka li l-Istati Membri għandhom fil-kwalifiki professjonali li huma jagħtu. Din is-sistema tistabbilixxi, essenzjalment, preżunzjoni li tgħid li l-kwalifiki ta’ applikant li jista’ jeżerċita professjoni rregolata fi Stat Membru ieħor huma suffiċjenti għall-eżerċizzju ta’ din l-istess professjoni fl-Istati Membri l-oħra. Huwa inerenti għal din is-sistema, li ma twettaq ebda armonizzazzjoni tat-taħriġ li jagħti aċċess għall-professjonijiet irregolati, li huma biss l-awtoritajiet kompetenti li jagħtu d-diplomi li jagħtu lok għal dan l-aċċess li għandhom jivverifikaw, fid-dawl tar-regoli applikabbli fil-kuntest tas-sistema tagħhom ta’ taħriġ professjonali, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tagħhom ġewx sodisfatti. L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 89/48 jobbliga espliċitament lill-Istat Membru ospitanti sabiex jaċċetta, f’kull każ, bħala prova li l-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent ta’ diploma ġew sodisfatti, iċ-ċertifikati u d-dokumenti mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra. L-Istat Membru ospitanti li ma jirrikonoxxix il-kwalifiki mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor wara taħriġ ipprovdut fil-kuntest ta’ ftehim li jipprovdi li taħriġ ipprovdut minn korp privat fl-Istat Membru ospitanti huwa rrikonoxxut minn dawn l-awtoritajiet, jonqos mill-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 89/48.
(ara l-punti 26-31, 34, 35, 76, u d-dispożittiv 1)
2. Stat Membru li jipprovdi għall-applikazzjoni ta’ miżuri kumpensattivi f’iktar każijiet milli tippermetti din id-direttiva jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 89/48, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE.
Minkejja l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, l-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva tippermetti lill-Istat Membru ospitanti jitlob lill-applikant, f’ċerti każijiet iddefiniti, sabiex jipprova li għandu esperjenza professjonali ta’ tul partikolari, li jikkompleta perijodu ta’ adattament li ma jaqbiżx it-tliet snin jew li jieħu aptitude test.
Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva, l-Istat Membru ospitanti li jimponi miżuri kumpensattivi għandu bħala prinċipju jippermetti lill-applikant l-għażla bejn il-perijodu ta’ adattament u l-aptitude test. B’deroga minn dan il-prinċipju, l-Istat Membru ospitanti jista’ jippreskrivi, jew perijodu ta’ adattament, jew aptitude test, għall-professjonijiet “li l-prattika tagħhom titlob tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali u li fir-rigward tagħhom il-provvista ta’ pariri u/jew assistenza li tikkonċerna l-liġi nazzjonali hija aspett essenzjali u kostanti”. L-introduzzjoni ta’ derogi fuq l-għażla tal-applikant għal professjonijiet oħra hija suġġetta għall-applikazzjoni tal-proċedura prevista mill-Artikolu 10 ta’ din l-istess direttiva, li tippreżupponi b’mod partikolari komunikazzjoni tal-abbozz ta’ deroga lill-Kummissjoni u tagħti lil din tal-aħħar il-possibbiltà li topponih f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tan-notifika tiegħu.
Barra minn hekk, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali tmur kontra t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(b) u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/48 meta tidderoga mill-prinċipju li jgħid li l-għażla tat-tip ta’ miżuri kumpensattivi tkun f’idejn l-applikant, mhux biss fir-rigward tal-professjonijiet li jimplikaw għarfien tad-dritt nazzjonali, iżda wkoll “għall-professjonijiet l-oħra kollha suġġetti għal dispożizzjonijiet speċifiċi differenti”.
(ara l-punti 42-43, 76, u d-dispozittiv 1)
3. Stat Membru li jattribwixxi lil awtorità tal-Istat Membru ospitanti l-kompetenza sabiex jevalwa jekk “l-istabbiliment tal-edukazzjoni li fih l-applikant ikkompleta t-taħriġ tiegħu huwiex stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla”, u kemm “l-applikant għandux l-esperjenza professjonali meħtieġa fil-każ fejn iż-żmien ta’ taħriġ ikun mill-inqas inferjuri minn sena milli meħtieġ fl-Istat Membru għall-eżerċizzju tal-istess professjoni”, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE.
Bis-saħħa tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, l-Istat Membru ospitanti għandu jaċċetta ċ-ċertifikati u d-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, li l-persuna interessata għandha tissottometti insostenn tal-applikazzjoni tagħha biex twettaq il-professjoni kkonċernata bħala prova li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva ġew sodisfatti. Barra minn hekk, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 89/48 sa fejn tagħti kompetenza lil awtorità tal-Istat Membru ospitanti sabiex iwettaq il-verifika ta’ elementi fattwali li huma, skont dan l-istess artikolu stabbiliti b’mod definittiv minn ċertifikati u dokumenti mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini.
(ara l-punti 46, 47, 76, u d-dispożittiv 1)
4. Stat Membru li ma jippermettix, fis-settur pubbliku, ir-riklassifikazzjoni mingħajr kundizzjonijiet għal grad ogħla ta’ persuni impjegati f’livell inferjuri minn dak li setgħu jistennew li kieku d-diplomi tagħhom kellhom jiġu rrikonoxxuti skont l-Artikolu 3 tal-imsemijja direttiva jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 89/48, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Drettiva 2001/19/KE.
Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma tiżgurax iċ-ċertezza legali meħtieġa għall-persuni interessati impjegati f’livell inferjuri minn dak li setgħu jistennew li kieku d-diplomi tagħhom kellhom jiġu rikonoxxuti skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, sa fejn uffiċjal li ġie kklassifikat b’mod żbaljat fi grad partikolari għandu jistenna tmien snin sabiex itemm ir-reklutaġġ tiegħu qabel ma jkun jista’ jiġi riklassifikat f’post ta’ kategorija ogħla u jista’ jitlob ir-riklassifikazzjoni tiegħu biss jekk post vakanti ta’ kategorija ogħla fi ħdan l-istess ministeru jew l-istess persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku tmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48.
(ara l-punti 54-59, 76 u d-dispożittiv 1)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
23 ta’ Ottubru 2008 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 89/48/KEE – Ħaddiema – Rikonoxximent ta’ diplomi”
Fil-kawża C-274/05,
li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-4 ta’ Lulju 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Zavvos u H. Støvlbæk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E. Skandalou, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, K. Schiemann (Relatur), J. Makarczyk u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2007,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ April 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li:
– billi ma rrikonoxxietx id-diplomi mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ taħriġ fir-rappreżentanza (franchise);
– billi pprovdiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri kumpensattivi f’iktar każijiet milli permess mid-direttiva;
– billi attribwiet lill-Kunsill inkarigat mir-rikonoxximent tal-ekwivalenza professjonali tad-diplomi ta’ studji ogħla (Symvoulio Anagnoriseos Epangelmatikis Isotimias Titlon Tritovathmias Ekpaidefsis, iktar ’il quddiem is-“Saeitte”) il-kompetenza sabiex jevalwa jekk “l-istabbiliment tal-edukazzjoni li fih l-applikant ikkompleta t-taħriġ tiegħu huwiex stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla” u jekk “l-applikant għandux l-esperjenza professjonali meħtieġa fil-każ fejn iż-żmien ta’ taħriġ ikun mill-inqas inferjuri minn sena milli meħtieġ fil-Greċja għall-eżerċizzju tal-istess professjoni”;
– billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rikonoxximent professjonali tad-diplomi fir-rigward tal-impjiegi eżerċitati fis-settur pubbliku u l-iskrizzjoni għall-Bord Tekniku tal-Greċja, u
– billi kienet teħtieġ, għall-iskrizzjoni f’dan il-Bord Tekniku, il-preżentazzjoni ta’ ċertifikati validati minn awtorità konsolari Griega u tradotta mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jew minn avukat,
ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 1, 3, 4, 7, 8 u 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU 1989 L 19, p. 16), kif emendata mid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001 (ĠU L 206, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/48”).
2 Il-kwistjoni prinċipali ta’ dritt magħmula f’din il-kawża hija analoga għal dik imqajma fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza reċenti Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑286/06, Ġabra p. I-0000). Iż-żewġ kawżi jikkonċernaw il-kwistjoni dwar sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/48 jistgħu jiġu invokati sabiex Stat Membru jkollu l-obbligu li jirrikonoxxi diplomi mogħtija, wara li jkunu saru l-verifiki meħtieġa fuq it-territorju tiegħu stess, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor.
Kuntest Ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Jirriżulta mit-tielet u mir-raba’ premessi tad-Direttiva 89/48 li din għandha bħala għan li timplementa sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ta’ diplomi intiżi sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju miċ-ċittadini Ewropej tal-attivitajiet professjonali kollha, suġġetti, fi Stat Membru ospitanti, għall-pussess ta’ taħriġ postsekondarju, dejjem sakemm ikunu fil-pussess ta’ diplomi li jippreparawhom għal dawn l-attivitajiet, li jiċċertifikaw ċiklu ta’ studji ta’ mill-inqas tliet snin u li ngħataw fi Stat Membru ieħor.
Il-kunċett ta’ “diploma”
4 L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 jipprovdi:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw
a) diploma: kull diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali jew kull sett ta’ dawn id-diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn:
– li ngħatat minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, maħtur skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi proprji,
– li turi li t-titolari ikun ikkompleta b’suċċess kors postsekondarju ta’ mill-inqas tliet snin, jew ta’ dewmien ekwivalenti part-time, f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla jew stabbiliment ieħor ta’ livell simili u, meta approprjat, li huwa jkun ikkompleta b’suċċess it-taħriġ professjonali meħtieġ minbarra l-kors postsekondarju, u
– li turi li t-titolari jkollu l-kwalifiki professjonali meħtieġa għall-bidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata f’dak l-Istat Membru,
sakemm l-edukazzjoni u t-taħriġ ivverifikati mid-diploma, iċ-ċertifikat jew provi oħrajn ta’ kwalifiki formali jkunu ġew irċevuti prinċipalment fil-Komunità, jew it-titolari tagħhom ikollu tliet snin esperjenza professjonali ċċertifikata mill-Istat Membru li rrikonoxxa diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali ta’ pajjiż terz.
Dan li ġej għandu jiġi trattat bl-istess mod bħal diploma, fis-sens tal-ewwel subparagrafu: kull diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali jew kull sett ta’ diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn bħal dawn mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru jekk din tkun ingħatat mal-kompletar b’suċċess ta’ edukazzjoni u taħriġ irċevut fil-Komunità u rikonoxxut minn awtorità kompetenti f’dak l-Istat Membru bħala ta’ livell ekwivalenti u jekk dan jagħti l-istess drittijiet fir-rigward tal-bidu u t-twettiq ta’ professjoni regolata f’dak l-Istat Membru”.
L-obbligu ta’ rikonoxximent
5 L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 jipprovdi li Stat Membru ospitanti li jissuġġetta l-aċċess għal professjoni għall-pussess ta’ diploma ma jistax, fuq il-bażi ta’ kwalifiki inadegwati, jirrifjuta ċittadin ta’ Stat Membru milli jkollu aċċess għal din il-professjoni, jekk l-applikant jipprovdi ċertu kwalifiki msemmija minn din id-dispożizzjoni. Dan hu b’mod partikolari l-każ fejn applikant ikun fil-pusses tad-diploma mitluba minn Stat Membru ieħor għall-aċċess jew l-eżerċizzju tal-istess professjoni fuq it-territorju tiegħu u li tkun inkisbet fi Stat Membru.
Il-miżuri kumpensattivi
6 Minkejja l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, l-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva jippermetti lill-Istat Membru ospitanti jitlob lill-applikant, f’ċerti każijiet iddefiniti, sabiex jipprovdi prova li għandu esperjenza professjonali ta’ perijodu determinat, li jikkompleta perijodu ta’ adattament li ma jaqbiżx it-tliet snin jew li jieħu aptitude test (iktar ’il quddiem il-“miżuri kumpensattivi”).
7 Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48, l-Istat Membru ospitanti li jimponi miżuri kumpensattivi għandu bħala prinċipju jippermetti lill-applikant l-għażla bejn il-perijodu ta’ adattament u l-aptitude test. B’deroga minn dan il-prinċipju, l-Istat Membru ospitanti jista’ jippreskrivi, jew perijodu ta’ adattament, jew aptitude test, għall-professjonijiet “li l-prattika tagħhom titlob tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali u li fir-rigward tagħhom il-provvista ta’ pariri u/jew assistenza li tikkonċerna l-liġi nazzjonali hija aspett essenzjali u kostanti”. L-introduzzjoni ta’ derogi fuq l-għażla tal-applikant għal professjonijiet oħra hija suġġetta għall-applikazzjoni tal-proċedura prevista mill-Artikolu 10 ta’ din l-istess direttiva, li tippreżupponi b’mod partikolari komunikazzjoni tal-abbozz ta’ deroga lill-Kummissjoni u tagħti lil din tal-aħħar il-possibbiltà li topponih f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tan-notifika tiegħu.
Id-dispożizzjonijiet dwar il-professjonijiet irregolati minn assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-Istat
8 L-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48 jagħmel distinzjoni bejn l-attivitajiet professjonali rregolati direttament jew indirettament mill-Istat u dawk irregolati minn assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-Istat. Skont din id-dispożizzjoni, wieħed jifhem b’:
“attività professjonali regolata: attività professjonali, sa fejn il-bidu jew it-twettiq ta’ din l-attività jew waħda mill-modi tat-twettiq tagħha fi Stat Membru hija soġġetta, direttament jew indirettament permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, għall-pussess ta’ diploma. Dan li ġej, b’mod partikolari għandu jikkostitwixxi mod tat-twettiq ta’ attività professjonali regolata:
– it-twettiq ta’ attività taħt titolu professjonali, safejn l-użu ta’ dan it-titolu huwa riservat għat-titolari ta’ diploma rregolata b’liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi,
– it-twettiq ta’ attività professjonali li tirrigwarda s-saħħa, safejn ir-remunerazzjoni u/jew ir-rimbors għal din l-attività jkunu soġġetti minħabba l-arranġamenti nazzjonali tas-sigurtà soċjali għall-pussess ta’ diploma.
Meta l-ewwel subparagrafu ma japplikax, attività professjonali għandha titqies bħala attività professjonali regolata jekk din tkun imwettqa mill-membri ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni li l-iskop tagħhom huwa, b’mod partikolari, li jippromwovu u jżommu standard għoli fil-qasam professjonali kkonċernat u li, biex jintlaħaq dak l-iskop, huma rikonoxxuti f’forma speċjali minn Stat Membru u:
– jagħtu diploma lill-membri tagħhom,
– [j]assiguraw li l-membri tagħhom jirrispettaw ir-regoli ta’ kondotta professjonali li jippreskrivu, u
– jagħtuhom id-dritt li jużaw titolu jew ittri ta’ deskrizzjoni, jew li jibbenefikaw minn status li jikkorrispondi ma’ dik id-diploma.
Lista mhux definittiva [eżawrjenti] ta’ assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet li, meta din id-Direttiva tiġi adottata, jissodisfaw il-kondizzjonijiet tat-tieni subparagrafu li jinsab fl-Anness. Kull meta Stat Membru jagħti r-rikonoxximent imsemmi fit-tieni subparagrafu lil assoċjazzjoni jew organizzazzjoni, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan, u din tippubblika din l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”
9 L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 89/48 li jipprovdi dispożizzjoni partikolari għall-professjonisti rregolati minn assoċjazzjoni jew organizzazzjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) ta’ din l-istess direttiva, huwa redatt kif ġej:
“Meta professjoni tkun regolata fi Stat Membru ospitanti minn assoċjazzjoni jew organizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(d), ċittadini ta’ Stati Membri għandhom ikunu ntitolati biss għall-użu tat-titolu professjonali jew ta’ ittri ta’ deskrizzjoni mogħtija minn dik l-organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mal-prova tas-sħubija.
Meta l-assoċjazzjoni jew l-organizzazzjoni jagħmlu s-sħubija soġġetta għal ċerti ħtiġiet ta’ kwalifiki, dawn jistgħu jiġu applikati għal ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li jkunu fil-pussess ta’ diploma fis-sens tal-Artikolu 1(a) jew kwalifika formali fis-sens tal-Artikolu 3(b) biss skont din id-Direttiva, b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 4.”
Il-provi li jistgħu jintalbu mill-Istat Membru ospitanti
10 Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 89/48, l-Istat Membru ospitanti għandu jaċċetta ċ-ċertifikati u d-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, li l-persuna kkonċernata għandha tissottometti insostenn tal-applikazzjoni tagħha biex twettaq il-professjoni kkonċernata bħala prova li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva ġew sodisfatti.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 Id-Digriet Presidenzjali 165/2000, tat-28 ta’ Ġunju 2000 (FEK A’ 149), kif emendat mid-Digrieti Presidenzjali 373/2001, tat-22 ta’ Ottubru 2001 (FEK A’ 251) u 385/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002 (FEK A’ 334, iktar ’il quddiem id-“Digriet 165/2000”), huwa intiż għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 89/48 fis-sistema legali Ellenika.
12 L-Artikolu 10 tad-Digriet 165/2000 attribwixxa kompetenza esklużiva lil Saeitte, li, skont l-Artikolu 11 ta’ dan l-istess Digriet, ingħatat il-kompetenza li tiddeċiedi dwar applikazzjonijiet ta’ rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/48.
13 Sa fejn il-Kummissjoni tikkontesta, permezz ta’ dawn l-ilmenti, dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt nazzjonali, dawn tal-aħħar se jiġu identifikati fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-ilmenti.
Il-proċedura prekontenzjuża
14 Wara lmenti minn 37 persuna, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni Ellenika ma kinitx tikkonforma mad-Direttiva 89/48 minn ħafna aspetti. Għaldaqstant hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika, fis-27 ta’ Lulju 2001, segwita, fil-21 ta’ Diċembru tal-istess sena, minn ittra ta’ intimazzjoni kumplementari. Ir-Repubblika Ellenika wieġbet dawn l-ittri rispettivament fit-12 ta’ Ottubru 2001 u t-13 ta’ Marzu 2002.
15 Peress li t-tweġibiet ma kinux sodisfaċenti, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Ellenika fl-1 ta’ Lulju 2002, u opinjoni motivata kumplementari fid-9 ta’ Lulju 2004, fejn stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ dawn l-opinjonijiet f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tagħhom. L-Istat Membru kkonċernat wieġeb għal dawn l-opinjonijiet permezz ta’ ittri tat-3 ta’ Settembru 2002, tas-26 ta’ Awwissu 2004 u tas-7 ta’ April 2005.
16 Filwaqt li ammettiet li l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Ellenika minn ċertu aspetti twieġeb l-ilmenti tagħha, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha, li tgħid li dan l-Istat Membru ma kienx adotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jittrasponi d-Direttiva 89/48. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
17 Fit-talbiet tagħha, il-Kummissjoni tinvoka seba’ lmenti insostenn tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fid-dawl tal-argumenti u tal-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Elleniku fir-risposta tiegħu, il-Kummissjoni waqqgħet ir-raba’ u s-seba’ lmenti fir-replika tagħha, u għaldaqstant m’hemmx lok li dawn jiġu eżaminati.
Fuq l-ewwel ilment, dwar in-nuqqas ta’ rikonoxximent tat-taħriġ mogħti fil-kuntest ta’ ftehim ta’ rikonoxximent
18 L-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni jikkonċerna r-rifjut sistematiku ta’ rikonoxximent tad-diplomi miksuba wara taħriġ mogħti fil-kuntest tal-ftehim li jgħid li taħriġ mogħti minn korp privat fil-Greċja huwa rikonoxxut minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor li jagħti diplomi lill-istudenti li jkunu segwew dan it-taħriġ (iktar ’il quddiem “ftehim ta’ rikonoxximent”).
19 Huwa paċifiku f’dan ir-rigward li r-Repubblika Ellenika tirriżerva l-possibbiltà li tiżgura l-edukazzjoni universitarja u ogħla lill-istabbilimenti pubbliċi biss. Hija tirrifjuta għaldaqstant li tirrikonoxxi t-taħriġ mogħti fil-kuntest ta’ ftehim ta’ rikonoxximent, kif ukoll id-diplomi mogħtija minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra fi tmiem dan it-taħriġ.
20 Skont il-Kummissjoni, dan ir-rifjut jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 1(a) u 3 tad-Direttiva 89/48. Din l-istituzzjoni ssostni li d-diploma mogħtija fi tmiem taħriġ mogħti fil-kuntest ta’ ftehim ta’ rikonoxximent hija diploma, hekk kif iddefinita fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48, mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor, li għandha għaldaqstant tiġi rikonoxxuta mir-Repubblika Ellenika skont l-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva.
21 Ir-Repubblika Ellenika, min-naħa l-oħra, issostni li Stat Membru ospitanti mhuwiex marbut jirrikonoxxi diploma mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor meta din id-diploma tiċċertifika taħriġ miksub, kompletament jew parzjalment, fl-Istat Membru ospitanti u li, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat, mhijiex rikonoxxuta bħala derivanti minn edukazzjoni ogħla.
22 Minn naħa, ir-Repubblika Ellenika tosserva li, skont l-Artikoli 149 KE u 150 KE, il-kontenut u l-organizzazzjoni kemm tas-sistema edukattiva kif ukoll tat-taħriġ professjonali jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. It-taħriġ mogħti fit-territorju ta’ Stat Membru huwa, għaldaqstant, irregolat mid-dritt intern ta’ dan l-Istat, li għandu l-libertà li jiddefinixxi b’mod partikolari l-forma ġuridika tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla, kif ukoll il-kontenut u l-livell tat-taħriġ universitarju jew ogħla żgurat mill-istabbilimenti pubbliċi jew privati li jeżistu fit-territorju tiegħu. L-obbligu impost fuq Stat Membru li jirrikonoxxi taħriġ miksub fit-territorju tiegħu bħala taħriġ universitarju jew ogħla, meta, skont id-dritt nazzjonali, dan ma jikkostitwixxix it-tali taħriġ, jikser id-diviżjoni tal-kompetenzi derivanti mill-Artikoli 149 KE u 150 KE.
23 Ir-Repubblika Ellenika tosserva f’dan il-kuntest li, skont l-Artikolu 16 tal-Kostituzzjoni Griega, l-edukazzjoni universitarja u ogħla għandha tiġi żgurata, f’dan l-Istat Membru, unikament u esklużivament minn stabbilimenti pubbliċi, fejn it-twaqqif ta’ skejjel li jipprovdu edukazzjoni ogħla minn persuni privati huwa espliċitament ipprojbit. Kull possibbiltà ta’ rikonoxximent, bħala diploma universitarja jew ta’ edukazzjoni ogħla, ta’ kwalifika ta’ studju mogħtija minn skola privata kwalunkwe fil-Greċja hija għaldaqstant eskluża.
24 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 89/48, il-kwistjoni dwar jekk stabbiliment ta’ edukazzjoni li jinsab fi Stat Membru huwiex “università jew stabbiliment ta’ edikazzjoni ogħla” jew “stabbiliment ieħor ta’ livell simili”, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48, għandu jiġi evalwat biss fir-rigward tad-dritt tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu qed jiġi żgurat it-taħriġ. F’dan il-każ, huwa għaldaqstant biss fir-rigward tal-liġi Griega li l-kwalità tal-istabbilimenti Griegi għandha tiġi evalwata. Sa fejn it-taħriġ mogħti fil-kuntest ta’ ftehim ta’ rikonoxximent jingħata fi stabbilimenti li jinsabu fil-Greċja li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa taħt il-liġi Griega, id-diplomi mogħtija wara dan it-taħriġ mhumiex għaldaqstant diplomi fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48. Għaldaqstant, l-ebda obbligu ta’ rikonoxximent ma jirriżulta, fir-rigward ta’ dawn id-diplomi, mid-Direttiva 89/48.
25 Il-Kummissjoni twieġeb f’dan ir-rigward li t-taħriġ mogħti fil-kuntest ta’ ftehim ta’ rikonoxximent kif ukoll id-diplomi mogħtija fi tmiem dan it-taħriġ jaqa’ kompletament taħt is-sistema edukattiva tal-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment li jagħti d-diploma, indipendentement mill-kwistjoni dwar f’liema Stat Membru sar it-taħriġ. Skont il-Kummissjoni, huwa għaldaqstant l-Istat Membru li fih l-istabbiliment li jagħti d-diploma jinsab li għandu, skont l-Artikoli 149 KE u 150 KE, jiddetermina l-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ kif ukoll li jevalwa l-livell tat-tagħlim mogħti. Bl-istess mod, l-Artikolu 16 tal-Kostituzzjoni Griega mhuwiex applikabbli għat-taħriġ mogħti fil-kuntest ta’ ftehim ta’ rikonoxximent ladarba dawn ma jaqgħux taħt is-sistema edukattiva Griega.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
26 B’riżerva għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/48, l-inċiż (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jagħti lil kull applikant li jippossjedi “diploma”, fis-sens ta’ din id-direttiva, li tippermettilu li jeżerċita professjoni rregolata fi Stat Membru, id-dritt li jeżerċita din l-istess professjoni f’kull Stat Membru ieħor.
27 Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “diploma”, li tinsab fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 tagħmel ċertu riżervi għall-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għad-diplomi miksuba fi Stati terzi.
28 Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 u l-ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jinkludu xi tip ta’ limitazzjoni fir-rigward tal-Istat Membru li fih applikant ikun jikseb il-kwalifiki professjonali tiegħu. Fil-fatt, jirriżulta espliċitament minn dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(a) li huwa biżżejjed li t-taħriġ ikun inkiseb “prinċipalment fil-Komunità”. Diġà ġie deċiż li din l-espressjoni tkopri kemm it-tagħlim miksub kompletament fl-Istat Membru li pprovda l-kwalifika ta’ taħriġ inkwistjoni kif ukoll dak parzjalment jew kompletament miksub fi Stat Membru ieħor (is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Beuttenmüller, C‑102/02, Ġabra p. I‑5405, punt 41).
29 Barra minn hekk, l-ebda raġuni ma tista’ tiġġustifika t-tali limitazzjoni, peress li l-kwistjoni prinċipali, sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 89/48, hija dik dwar jekk l-applikant jistax jeżerċita professjoni rregolata fi Stat Membru jew le. Skont is-sistema stabbilita permezz ta’ din id-direttiva, diploma ma tiġix rikonoxxuta abbażi tal-valur intrinsiku tat-taħriġ li tiċċertifika, iżda minħabba li fl-Istat Membru fejn ingħatat jew fejn hija rikonoxxuta, tagħti l-opportunità ta’ aċċess għall-professjoni rregolata. Differenzi fit-tul jew fil-kontenut tat-taħriġ miksub fi Stat Membru ieħor meta mqabbla ma’ dak mogħti fl-Istat Membru ospitanti mhumiex biżżejjed biex jiġġustifikaw rifjut ta’ rikonoxximent tal-kwalifika professjonali kkonċernata. L-iktar, jekk dawn id-differenzi jkunu ta’ natura sostanzjali, jista’ jkun ġustifikat li, skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, l-Istat Membru ospitanti jeżiġi li l-applikant jissodisfa waħda mill-miżuri kumpensattivi previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Beuttenmüller, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52, u tad-19 ta’ Jannar 2006, Colegio, C‑330/03, Ġabra p. I‑801, punt 19).
30 Is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tad-diplomi ta’ edukazzjoni ogħla prevista mid-Direttiva 89/48 hija filfatt ibbażata fuq il-kunfidenza reċiproka li l-Istati Membri għandhom fil-kwalifiki professjonali li huma jagħtu. Din is-sistema tistabbilixxi, essenzjalment, preżunzjoni li tgħid li l-kwalifiki ta’ applikant li jista’ jeżerċita professjoni rregolata fi Stat Membru ieħor huma suffiċjenti għall-eżerċizzju ta’ din l-istess professjoni fl-Istati Membri l-oħra.
31 Huwa inerenti għal din is-sistema, li ma twettaq ebda armonizzazzjoni tat-taħriġ li jagħti aċċess għall-professjonijiet irregolati, li huma biss l-awtoritajiet kompetenti li jagħtu diplomi li jagħtu lok għal dan l-aċċess li għandhom jivverifikaw, fid-dawl tar-regoli applikabbli fil-kuntest tas-sistema tagħhom ta’ taħriġ professjonali, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tagħhom ġewx sodisfatti. Jista’ jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 89/48 jobbliga espliċitament lill-Istat Membru ospitanti sabiex jaċċetta, għall-inqas kif previst meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent ta’ diploma, iċ-ċertifikati u d-dokumenti mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri oħra. Għaldaqstant, l-Istat Membru ospitanti ma jistax jeżamina l-bażi li fuqha ngħataw dawn id-dokumenti, filwaqt li għandu l-possibbiltà li jwettaq verifiki relatati mal-kundizzjonijiet iffissati fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 li kif jidher mill-kliem ta’ dawn id-dokumenti dawn ma jidhrux li ġew sodisfatti.
32 Għaldaqstant, huwa wkoll biss fid-dawl tar-regoli applikabbli fil-kuntest tas-sistema ta’ taħriġ professjonali tal-Istat Membru li taħtu hija suġġetta l-awtorità kompetenti li tagħti diploma li għandu jiġi evalwat jekk l-istabbiliment ta’ tagħlim li fih min għandu d-diploma ġie mħarreġ huwiex “università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla” jew “stabbiliment ieħor ta’ livell simili” skont it-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48.
33 Il-metodu pprattikat mir-Repubblika Ellenika f’dan ir-rigward, li jikkonsisti f’li tapplika regoli maħruġa mill-Istat Membru li fih sar it-taħriġ, effettivament iwassal sabiex jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti li jagħtu diplomi biex jitrattaw il-persuni kkonċernati li jkunu segwew taħriġ ta’ natura ekwivalenti b’mod differenti, skont l-Istat Membru li fih ikun sar it-taħriġ.
34 Barra minn hekk għandu jiġi osservat li, skont il-kliem innifsu tad-Direttiva 89/48, it-taħriġ m’għandux neċessarjament jinkiseb f’università jew fi stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla. Fil-fatt, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a) ta’ din id-direttiva, huwa suffiċjenti li dan ikun “stabbiliment ta’ livell simili”. B’hekk, il-kundizzjoni imposta minn din id-dispożizzjoni mhijiex intiża sabiex tiżgura li l-istabbiliment ta’ edukazzjoni jissodisfa kundizzjonijiet formali rigward l-istatus tiegħu, iżda tirreferi essenzjalment għal-livell ta’ taħriġ mogħti. Din il-kundizzjoni hija strattament marbuta mal-karatteristiċi tad-diploma mogħtija. L-evalwazzjoni mogħtija f’dan ir-rigward għandha, għaldaqstant, issir mill-awtorità kompetenti li tagħti d-diploma, li għandha taċċerta ruħha li din tingħata biss lil persuni kwalifikati biżżejjed sabiex jeżerċitaw il-professjoni rregolata konnessa mad-diploma.
35 Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Artikoli 1(a) u 3 tad-Direttiva 89/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru ospitanti huwa, ħlief fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, marbut jirrikonoxxi diploma mogħtija minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor meta din id-diploma tiċċertifika taħriġ miksub, kompletament jew parzjalment, fl-Istat Membru ospitanti u li, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat, mhijiex rikonoxxuta bħala derivanti minn edukazzjoni ogħla.
36 Għandu jingħad ukoll li din l-interpretazzjoni ma tikkontestax ir-responsabbiltà tar-Repubblika Ellenika għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva.
37 Qabel kollox, għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li d-Direttiva 89/48 ma tikkonċernax ir-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ taħriġ akkademiku, iżda tikkomporta biss il-kwalifiki professjonali li jagħtu aċċess għal professjonijiet irregolati.
38 Sussegwentement, bil-kontra tad-direttivi settorjali li jikkonċernaw professjonijiet speċifiċi, id-Direttiva 89/48 m’għandhiex bħala għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet ta’ aċċess jew ta’ eżerċizzju tad-diversi professjonijiet li fir-rigward tagħhom hija tapplika filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu, għaldaqstant, kompetenti sabiex jiddefinixxu dawn il-kundizzjonijiet fil-limiti imposti mid-dritt Komunitarju (is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Price, C‑149/05, Ġabra p. I‑7691, punt 54).
39 Fl-aħħar nett, il-metodu ta’ rikonoxximent stabbilit mid-Direttiva 89/48 ma jwassalx għal rikonoxximent awtomatiku u mingħajr kundizzjonijiet tad-diplomi kif ukoll tal-kwalifiki professjonali kkonċernati. Fil-fatt, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jippermetti espliċitament li jiġu imposti miżuri kumpensattiva jekk jirriżulta li t-taħriġ segwit minn applikant ikun differenti minn aspetti ta’ tul jew ta’ kontenut mit-taħriġ meħtieġ fil-Greċja.
40 Bl-istess mod, meta jingħataw mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra biss fid-dawl tar-regoli applikabbli fil-kuntest tas-sistemi rispettivi tagħhom ta’ taħriġ professjonali, id-diplomi li jiċċertifikaw taħriġ mogħti fil-kuntest ta’ ftehim ta’ rikonoxximent ma jaqgħux, fil-kuntest tad-Direttiva 89/48, taħt is-sistema edukattiva Griega. Għaldaqstant l-għan intiż sabiex jiġi żgurat livell għoli tat-taħriġ universitarju Grieg mhuwiex ippreġudikat minħabba dan it-taħriġ, peress li l-kwalità tiegħu hija żgurata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra li jagħtu d-diplomi li jiċċertifikaw dan it-taħriġ.
41 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.
Fuq it-tieni lment, dwar in-nuqqas ta’ għażla bejn it-tipi differenti ta’ miżuri kumpensattivi
42 L-Artikolu 5(1)(b)(bb) tad-Digriet 165/2000 jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li, meta jkun meħtieġ li jiġu imposti miżuri kumpensattivi fuq l-applikant, dan tal-aħħar għandu l-għażla bejn perijodu ta’ adattament jew aptitude test. Din l-istess dispożizzjoni tinkludi deroga għal dan il-prinċipju, imsemmija fil-kliem li ġejjin:
“Din il-possibbiltà ta’ għażla ma tapplikax għall-professjonijiet li l-eżerċizzju tagħhom jeżiġi għarfien preċiż tad-dritt nazzjonali u li element essenzjali u stabbilit tal-attività ta’ din il-professjoni hija l-provvista ta’ pariri u/jew għajnuna li tikkonċerna d-dritt nazzjonali, u lanqas għall-professjonijiet l-oħra kollha suġġetti għal dispożizzjonijiet speċifiċi differenti.”
43 Skont il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni tmur kontra t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(b) u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/48, peress li hija tidderoga mill-prinċipju li jgħid li l-għażla tat-tip ta’ miżuri kumpensattivi tappartjeni għall-applikant, mhux biss fir-rigward tal-professjonijiet li jimplikaw għarfien tad-dritt nazzjonali, iżda wkoll “għall-professjonijiet l-oħra kollha suġġetti għal dispożizzjonijiet speċifiċi differenti”.
44 Għandu jiġi kkonstatat li t-tieni lment invokat mill-Kummissjoni huwa fondat għar-raġuni esposta minn din tal-aħħar.
45 Ir-Repubblika Ellenika tirrikonoxxi wara kollox il-fondatezza ta’ dan l-ilment u tippreċiża li d-dispożizzjoni kontenzjuża taf l-oriġini tagħha minħabba “żball ta’ abbozzar”. Hija tindika li għandu jiġi adottat digriet presidenzjali li jħassar il-frażi kkonċernata.
Fuq it-tielet ilment, dwar il-kompetenzi ta’ Saeitte
46 Skont l-Artikolu 10(1)(b)(aa) u (bb) tad-Digriet 165/2000, Saette ingħatat b’mod partikolari l-kompetenzi li ġejjin:
“l-evalwazzjoni ta’ kull kwistjoni determinanti għar-rikonoxxenza ta’ ekwivalenza professjonali u, b’mod partikolari, ta’ kull kwistjoni dwar:
aa) jekk l-istabbiliment tal-edukazzjoni li fih l-applikant ikkompleta t-taħriġ tiegħu huwiex stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla,
bb) jekk l-applikant għandux l-esperjenza professjonali meħtieġa fil-każ fejn iż-żmien ta’ taħriġ ikun mill-inqas inferjuri minn sena milli meħtieġ fil-Greċja għall-eżerċizzju tal-istess professjoni.”
47 Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjoni msemmija ’l fuq tmur kontra l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 89/48 peress li hija tagħti kompetenza lil awtorità tal-Istat Membru ospitanti sabiex iwettaq il-verifika ta’ elementi fattwali li huma, skont dan l-Artikolu 8(1) stabbiliti b’mod definittiv minn ċertifikati u dokumenti mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini.
48 Għandu jiġi kkonstatat li t-tielet ilment invokat mill-Kummissjoni huwa bbażat minħabba r-raġuni esposta minn din tal-aħħar.
49 Ir-Repubblika Ellenika tirrikonoxxi wara kollox il-fondatezza ta’ dan l-ilment u tindika li għandu jiġi adottat digriet presidenzjali li jabriga l-Artikolu 10(1)(b)(aa) u (bb) tad-Digriet 165/2000.
Fuq il-ħames ilment, dwar nuqqas ta’ rikonoxximent tad-diplomi tal-persuni reklutati fis-settur pubbliku
50 Fir-raba’ inċiż tat-talbiet fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni qajmet il-ħames ilment dwar l-iżvilupp tal-pagi u tal-karriera tal-persuni reklutati fis-settur pubbliku.
51 Skont il-Kummissjoni, l-prassi amministrattiva ta’ Saeitte u tad-diversi servizzi tas-settur pubbliku tmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, sa fejn iċċaħħad lil min għandu diplomi skont din id-direttiva, li jaħdmu fis-settur pubbliku, m’għandhomx il-possibbiltà li tiġi rikonoxxuta fil-konfront tagħhom l-ekwivalenza professjonali tal-kwalifiki tagħhom għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni ġerarkika jew ta’ paga ogħla u, għaldaqstant, mill-possibbiltà li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom taħt kundizzjonijiet identiċi għal dawk li minnhom jibbenefika minn għandu diplomi nazzjonali.
52 Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. Fil-kontroreplika tagħha, hija ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tas-Servizz Pubbliku derivanti mil-Liġi 2683/1999 (FEK A’19) jagħtu lill-persuni impjegati wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet 165/2000 u li jqisu li ġew ikklassifikati b’mod żbaljat f’kategorija ta’ uffiċjali partikolari, il-possibbiltà li jiġu riklassifikati fi gradi ogħla, dejjem sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ.
53 Bi tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Ellenika indikat li d-dritt li wieħed jiġi riklassifikat japplika għall-persuni impjegati kemm qabel ma daħal fis-seħħ id-Digriet 165/2000 kif ukoll wara dan.
54 L-Artikolu 70(1) u (2) tal-Kodiċi tas-Servizz Pubbliku, iċċitat f’dan ir-rigward mir-Repubblika Ellenika, jgħid li ġej:
“Riklassifikazzjoni għal kategorija ogħla
1. Uffiċjal jista’, fuq talba tiegħu stess, jiġi riklassifikat f’post vakanti ta’ kategorija ogħla fi ħdan l-istess ministeru jew l-istess persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku. L-uffiċjal għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet formali u materjali meħtieġa biex jokkupa l-kariga li fiha ġie riklassifikat. Uffiċjal fuq perijodu ta’ prova ma jistax jiġi riklassifikat.
2. L-uffiċjali li jissodisfaw, meta ssir it-talba tagħhom għal reklutaġġ, il-kundizzjonijiet formali biex jiġu rreklutati f’kariga ta’ kategorija ogħla ma jistgħux jiġu riklassifikati qabel ma jiddekorru tmien snin wara r-reklutaġġ tagħhom.”
55 Il-Kummissjoni ssostni, matul is-seduta, li din id-dispożizzjoni ma tiżgurax iċ-ċertezza legali neċessarja għall-persuni kkonċernati impjegati qabel ma daħal fis-seħħ id-Digriet 165/2000 f’livell inferjuri għal dak li kien ikollhom dritt li kieku d-diplomi tagħhom kienu ġew rikonoxxuti skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat, b’mod partikolari, li skont l-Artikolu 70(2) tal-Kodiċi tas-Servizz Pubbliku, uffiċjal li ġie kklassifikat b’mod żbaljat fi grad partikolari għandu jistenna tmien snin mid-data tar-reklutaġġ tiegħu qabel ma jkun jista’ jiġi riklassifikat f’kariga ta’ kategorija superjuri.
56 Barra minn hekk, bħala tweġiba għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, ir-Repubblika Ellenika kkonfermat li, skont il-kliem tal-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi tas-Servizz Pubbliku, il-persuni li diġà ġew ikklassifikati b’mod żbaljat jistgħu jitolbu r-riklassifikazzjoni tagħhom biss jekk kariga ta’ kategorija ogħla fi ħdan l-istess ministeru jew persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku tkun vakanti.
57 Fuq dawn il-punti, ir-Repubblika Ellenika ddikjarat, matul is-seduta, li hija “[kellha] timpenja ruħha sabiex tirregola t-talbiet kollha ta’ riklassifikazzjoni bl-aħjar mod possibbli” u li hija kellha tibqa’ tagħmel l-aħjar li tista’ biex tirriklassifika l-persuni li kellhom jiġu riklassifikati skont id-dritt Komunitarju. Fir-rigward tal-perijodu ta’ stennija ta’ tmien snin previst fl-Artikolu 70(2) tal-Kodiċi tas-Servizz Pubbliku, din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax il-persuni li, minħabba żball amministrattiv, ma ġewx, mill-bidu nett, ikklassifikati fil-grad mistenni minnhom. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika indikat li hija kienet lesta tirregolarizza, b’effett retroattiv, is-sitwazzjoni tal-persuni li ma ġewx irreklutati fi grad partikolari minħabba t-traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva 89/48 fis-sistema legali nazzjonali.
58 Għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali. F’dan ir-rigward ma jistgħux jiġu aċċettati sempliċi dikjarazzjonijiet, bħal dawk magħmula mir-Repubblika Ellenika matul is-seduta, li, quddiem dispożizzjonijiet espliċiti tal-Kodiċi tas-Servizz Pubbliku, iħallu fil-konfront tas-suġġetti ġuridiċi kkonċernati stat ta’ inċertezza rigward il-firxa tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom f’qasam irregolat mid-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑80/92, Ġabra p. I‑1019, punt 20; tas-26 ta’ Ottubru 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑151/94, Ġabra p. I‑3685, punt 18, u tas-27 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑415/01, Ġabra p. I‑2081, punt 21).
59 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ħames ilment invokat mill-Kummissjoni huwa fondat peress li huwa dovut għall-fatt li r-Repubbika Ellenika ma tippermettix, fis-settur pubbliku, ir-riklassifikazzjoni għal grad ogħla ta’ persuni li ġew impjegati fuq livell inferjuri għal dak li mistenni minnhom li kieku d-diplomi tagħhom kienu ġew rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48.
Fuq is-sitt ilment, dwar il-proċeduri għall-iskrizzjoni fil-Kamra Teknika tal-Greċja
60 Il-Kummissjoni qajmet ukoll, fir-raba’ inċiż tat-talbiet fir-rikors tagħha, is-sitt ilment, dwar il-proċedura għall-iskrizzjoni fil-Kamra Teknika tal-Greċja (Techniko Epimelitirio Ellados, iktar ’il quddiem it-“TEE”).
61 Fil-Greċja, il-professjoni ta’ inġinier hija professjoni rregolata fejn l-eżerċizzju tagħha hija riżervata għall-membri tat-TEE. Din tal-aħħar hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku suġġetta għall-kontroll tal-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi, stabbilita mid-Digriet Presidenzjali tas-27 ta’ Novembru u tal-14 ta’ Diċembru 1926, li jikkodifika d-dispożizzjonijiet u t-testi relatati mal-kompożizzjoni tat-TEE (FEK A’ 430), kif emendat mil-Liġi 1486/1984 (FEK A’ 161) u mid-Digriet Presidenzjali 512/1991, tat-30 ta’ Novembru u tat-12 ta’ Diċembru 1991 (FEK A’ 190).
62 L-Artikolu 4(3) tal-Liġi 1486/1984 jipprovdi, b’mod partikolari, li t-TEE torganizza l-eżamijiet, tagħti l-permessi sabiex tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ inġinier skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ u żżomm ir-reġistri tal-inġinjiera.
63 Id-Digriet interministerjali ED 5/4/3399 tal-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u tal-Ministeru tal-Edukazzjoni Nazzjonali u tal-Kulturi, tal-14 ta’ Settembru 1984 (FEK B’ 713), iddefinixxa l-proċedura tal-għoti, mit-TEE, tal-awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ inġinier. Dan id-Digriet interministerjali jipprovdi dan li ġej, fl-Artikolu waħdieni tiegħu (1) u (2):
“1. L-awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata l-professjoni hija mogħtija lill-inġiniera ggradwati mill-iskejjel ogħla nazzjonali kif ukoll lill-inġiniera ggradwati mill-iskejjel simili stabbiliti barra mill-pajjiż, mit-TEE, wara eżami orali.
2. Il-persuni kkonċernati għandhom jipprovdu d-dokumenti li ġejjin lit-TEE:
[…]
d) (għal min iggradwa barra mill-pajjiż): ċertifikat ta’ konformità tad-diploma ppreżentata, mogħtija miċ-ċentru interuniversitarju ta’ rikonoxximent ta’ diplomi barranin [(Diapanepistimiako Kentro Anagnoriseos Titlon Spoudon tis Allodapis, iktar ’il quddiem id-‘Dikatsa’)];
[…]”
L-argumenti tal-partijiet
64 Skont il-Kummissjoni, it-TEE tissuġġetta l-iskrizzjoni, fir-reġistri tagħha, ta’ inġiniera kwalifikati fi Stat Membru ieħor, u li għandhom diploma skont id-Direttiva 89/48, minn naħa, għal konkors li jintemm b’suċċess u, min-naħa l-oħra, għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ konformità ta’ din id-diploma, mogħtija mid-Dikatsa. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq il-kliem tad-Digriet interministerjali ED 5/4/3399 u ssemmi lmenti li jsostnu li għexieren ta’ talbiet għal iskrizzjoni għat-TEE baqgħu mingħajr tweġiba.
65 Dawn ir-rekwiżiti huma, skont il-Kummissjoni, kontra l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 89/48, filwaqt li, skont din id-dispożizzjoni, assoċjazzjoni jew organizzazzjoni professjonali ma tistax tissuġġetta l-kisba tal-kwalità ta’ membru għal ċertu kwalifiki ħlief għall-kundizzjonijiet previsti f’din id-direttiva, b’mod partikolari fl-Artikoli 3 u 4 tagħha.
66 Ir-Repubblika Ellenika tirrikonoxxi espliċitament li t-TEE ma tistax tissuġġetta l-iskrizzjoni fir-reġistri tagħha ta’ inġiniera li għandhom diploma skont id-Direttiva 89/48 għat-tmiem b’suċċess ta’ kompetizzjoni jew għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat mogħti mid-Dikatsa. Minħabba li s-Saeitte, li hija l-unika kompetenti f’dan ir-rigward, irrikonoxxiet id-diploma kkonċernata, it-TEE hija marbuta tiskrivi lill-persuna kkonċernata awtomatikament fir-reġistri tagħha.
67 Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta min-naħa l-oħra l-ilment invokat mill-Kummissjoni mil-aspett fattwali. Il-prassi tat-TEE inbidlet wara l-adozzjoni tad-Digriet 165/2000, fejn l-iskrizzjoni tal-persuni kkonċernati saret awtomatika abbażi ta’ rikonoxximent tad-diploma minn Saeitte.
68 Rigward id-Digriet interministerjali ED 5/4/3399, dan ma japplikax għal min għandu diplomi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/48 u rikonoxxuti skont id-Digriet 165/2000. Il-kompetizzjonijiet inkwistjoni jikkonċernaw biss il-kategoriji l-oħra ta’ applikanti li jixtiequ jaċċedu għall-professjoni ta’ inġinier fil-Greċja. Min għandu diplomi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/48 huma rikonoxxuti permezz tad-Digriet 165/2000 u m’għandhomx, għalhekk, jipparteċipaw f’kompetizzjoni. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-avviż ta’ kompetizzjon ma jsemmix espliċitament min għandu t-tali diplomi ma jistax jagħti lok għal ksur tad-Direttiva 89/48. Ir-Repubblika Ellenika żżid, fil-kontroreplika tagħha, li t-TEE għandha l-intenzjoni li temenda l-avviżi ta’ kompetizzjonijiet sabiex tneħħi kull dubju.
69 Fir-rigward tal-ilmenti rċevuti mill-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika tinsisti fuq il-fatt li kull każ huwa partikolari u hija tiċċita barra minn hekk sitt każijiet individwali li fihom it-TEE irreaġixxiet immedjatament għat-talbiet billi iskriviet lill-persuni kkonċernati fir-reġistru tagħha.
70 Il-Kummissjoni twieġeb li l-Artikolu 1 tad-Digriet interministerjali ED 5/4/3399 jirreferi b’mod ġenerali għal “inġiniera ggradwati mill-istabbilimenti edukattivi ogħla nazzjonali kif ukoll għal inġiniera ggradwati minn stabbilimenti edukattivi simili barra mill-pajjiż” mingħajr ma tagħmel distinzjoni dwar jekk id-diplomi inkwistjoni ġewx rikonoxxuti jew le skont id-Digriet 165/2000. Anki jekk il-prassi tat-TEE inbidlet, is-sitwazzjoni attwali hija sors ta’ inċertezza legali għall-ħaddiema li jemigraw.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
71 Kif tirrikonoxxi r-Repubblika Ellenika, u kif jirriżulta wara kollox mill-ġurisprudenza, it-TEE ma tistax tissuġġetta l-iskrizzjoni fir-reġistri tagħha ta’ inġiniera li għandhom diploma skont id-Direttiva 89/48 għat-tmiem b’suċċess ta’ kompetizzjoni jew għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat maħruġ mid-Dikatsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Peros, C-141/04, Ġabra p. I 7163, punti 35 u 39). Dawn ir-rekwiżiti jmorru kontra l-inċiż (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48.
72 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li f’dan ir-rigward il-Kummissjoni tibbaża l-ilment tagħha kompletament fuq l-Artikolu 7(3) ta’ din l-istess direttiva.
73 Għandu jingħad ukoll, li dan l-Artikolu 7(3) japplika biss għall-professjonijiet irregolati fl-Istat Membru ospitanti minn assoċjazzjoni jew organizzazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48.
74 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-attivitajiet professjonali taħt ir-responsabbiltà tat-TEE jaqgħu mhux taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48, iżda taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(d). Fil-fatt, fil-Greċja, l-aċċess u l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ inġinier huma direttament suġġetti, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, għar-rekwiżit ta’ diploma.
75 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt ilment imqajjem mill-Kummissjoni ma jistax jiġi milqugħ ladarba jirreferi biss għal dispożizzjoni tad-Direttiva 89/48 li mhijiex applikabbli f’dan il-każ. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud is-sitt ilment invokat mill-Kummissjoni.
76 Rigward il-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika,
– billi ma rrikonoxxietx id-diplomi mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor wara taħriġ mogħti fil-kuntest ta’ ftehim ta’ rikonoxximent;
– billi pprovdiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri kumpensattivi f’iktar każijiet milli permess mid-Direttiva 89/48;
– billi attribwixxiet lil Saeitte il-kompetenza sabiex jevalwa jekk “l-istabbiliment tal-edukazzjoni li fih l-applikant ikkompleta t-taħriġ tiegħu huwiex stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla” u jekk “l-applikant għandux l-esperjenza professjonali meħtieġa fil-każ fejn iż-żmien ta’ taħriġ ikun mill-inqas inferjuri minn sena milli meħtieġ fil-Greċja għall-eżerċizzju tal-istess professjoni”, u
– billi ma ppermettietx, fis-settur pubbliku, ir-riklassifikazzjoni għal grad ogħla ta’ persuni impjegati f’livell inferjuri minn dak li setgħu jistennew li kieku d-diplomi tagħhom kellhom jiġu rikonoxxuti skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48,
naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 1, 3, 4, 8 u 10 tad-Direttiva 89/48.
Fuq l-ispejjeż
77 Skont l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet ikunu telliefa fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 69(5) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li tirrinunzja għall-atti għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Ellenika għandha tiġi kkundannata għal żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kummissjoni u, fir-rigward tal-bqija, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-Repubblika Ellenika,
– billi ma rrikonoxxietx id-diplomi mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor wara taħriġ mogħti fil-kuntest ta’ ftehim li jipprevedi r-rikonoxximent minn dawn l-awtoritajiet ta’ taħriġ mogħti minn korp privat fil-Greċja;
– billi pprovdiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri kumpensattivi f’iktar każijiet milli permess mid-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata mid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001;
– billi attribwixxiet lill-Kunsill inkarigat mir-rikonoxximent tal-ekwivalenza professjonali tal-kwalifiki ta’ studji ogħla l-kompetenza sabiex jevalwa jekk “l-istabbiliment tal-edukazzjoni li fih l-applikant ikkompleta t-taħriġ tiegħu huwiex stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla” u jekk “l-applikant għandux l-esperjenza professjonali meħtieġa fil-każ fejn iż-żmien ta’ taħriġ ikun mill-inqas inferjuri minn sena milli meħtieġ fil-Greċja għall-eżerċizzju tal-istess professjoni”, u
– billi ma ppermettietx, fis-settur pubbliku, ir-riklassifikazzjoni għal grad ogħla ta’ persuni impjegati f’livell inferjuri minn dak li setgħu jistennew li kieku d-diplomi tagħhom kellhom jiġu rikonoxxuti skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, kif emendata mid-Direttiva 2001/19,
naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 1, 3, 4, 8 u 10 tad-Direttiva 89/48, kif emendata mid-Direttiva 2001/19.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għal żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u għandha ssostni l-ispejjeż tagħha.
4) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati t-terz tal-ispejjeż tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.
Full & Egal Universal Law Academy