SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
26 ta' Ottubru 2006 (*)
“Ħalib u prodotti tal-ħalib – Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 – Imposta addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib – Regolamenti (KEE) Nri 857/84, 590/85 u 1546/88 – Trasferiment tal-kwantità ta' referenza wara l-għoti lura ta' parti ta' impriża agrikola – Sid li mhuwiex hu stess produttur tal-ħalib jew tal-prodotti tal-ħalib – Kirja ta’ raba xolta volontarjament”
Fil-kawża C-275/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Sigmaringen (Il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tat-12 ta' Mejju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta' Lulju 2005, fil-proċedura
Alois Kibler jun.
vs
Land Baden-Württemberg,
fil-preżenza ta':
Manfred Ott,
Konrad Leiprecht,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann, u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Cattabriga u F. Erlbacher, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Mejju 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 857/84, tal-31 ta' Marzu 1984, li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta' l-imposta msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 13), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 590/85, tas-26 ta' Frar 1985 (ĠU L 68, p. 1, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 857/84"), u ta’ l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7 punti 2, 3 u 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1546/88 tat-3 ta' Ġunju 1988, li jipprovdi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 (ĠU L 139, p. 12)
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sur Kibler jun. (aktar 'il quddiem ir-"rikorrent fil-kawża prinċipali"), kerrej skond kirja ta’ raba’ tas-Sur Leiprecht (aktar 'il quddiem is-"sid"), u l-Land Baden-Württemberg (aktar 'il quddiem il-"konvenut fil-kawża prinċipali") dwar it-trasferiment, wara x-xoljiment volontarju ta' l-imsemmija kirja, tal-kwantità ta' referenza ta' ħalib lis-sid li mhuwiex hu stess produttur tal-ħalib jew tal-prodotti tal-ħalib. L-intervenjenti li jsostnu l-Land Baden-Württemberg huma s-Sur Ott, sub-konduttur tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u s-sid.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 857/84, li kien fis-seħħ fi żmien il-fatti fil-kawża prinċipali, jgħid:
"1. Fil-każ ta’ bejgħ, kiri jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ta’ impriża agrikola, il-kwantità ta’ referenza korrispondenti tiġi ttrasferita kollha jew in parti lix-xerrej, lill-kerrej jew lill-werriet skond il-metodi li jridu jiġu stabbiliti.
Fil-każ ta’ trasferiment ta’ art lill-awtoritajiet pubbliċi u/jew għal użu pubbliku, bla ħsara għat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kwantità ta’ referenza kollha jew parti minnha li tikkorrispondi għall-impriża agrikola jew għal parti mill-impriża agrikola trasferita titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-produttur uxxenti, jekk ikollu l-intenzjoni jkompli bil-produzzjoni tal-ħalib.
[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4 L-Artikolu 12 ta' l-imsemmi Regolament jippreċiża:
"Skond dan ir-regolament,:
[…]
d) "impriża agrikola" tfisser l-unitajiet ta' produzzjoni kollha mmexxija mill-produttur u li qegħdin fit-territorju ġeografiku tal-Komunità." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1546/88:
"Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 857/84, u bla ħsara għall-paragrafu 3 ta’ l-imsemmi Artikolu, il-kwantitajiet ta’ referenza tal-produtturi u tax-xerrejja, fil-kuntest tal-formuli A u B, u tal-produtturi li jbiegħu direttament għall-konsum jiġu ttrasferiti taħt il-kundizzjonijiet segwenti:
1) fil-każ ta’ bejgħ, kiri jew trasferiment b’suċċessjoni tat-totalità ta’ impriża agrikola, il-kwantità ta’ referenza korrispondenti hija ttrasferita lill-produttur li jieħu f’idejh l-impriża agrikola;
2) fil-każ ta’ bejgħ, kiri jew trasferiment b’suċċessjoni ta’ parti waħda jew ta’ diversi partijiet ta’ impriża agrikola, il-kwantità ta’ referenza korrispondenti hija mqassma bejn il-produtturi li jieħdu lura l-impriża agrikola skond l-erja użata għall-produzzjoni tal-ħalib jew kriterji oġġettivi oħrajn stabbiliti mill-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu ma jiħdux in kunsiderazzjoni l-partijiet trasferiti fejn l-erja użata għall-produzzjoni tal-ħalib hija inqas minn erja minima stabbilita. Il-parti tal-kwantità ta' referenza li tikkorrispondi għal din l-erja tista' tiżdied kollha kemm hi mar-riżerva;
3) id-dispożizzjonijiet tal-punti 1 u 2 u tar-raba’ subparagrafu huma applikabbli, skond il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti, b’analoġija għal każijiet oħra ta’ trasferiment li għandhom effetti ġuridiċi komparabbli għall-produtturi;
4) meta jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1) u ta’ l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KEE) Nru 857/84, li jitrattaw rispettivament it-trasferiment ta’ l-artijiet lill-awtoritajiet pubbliċi u/jew għal użu pubbliku minn naħa, u, il-kirjiet ta’ raba’ li jkunu waslu biex jiskadu mingħajr possibbiltà ta’ proroga, f’kundizzjonijiet simili, min-naħa l-oħra, il-kwantità ta’ referenza kollha jew parti minnha korrispondenti għall-impriża agrikola jew għall-parti ta’ l-impriża agrikola li hija s-suġġett, skond il-każ, ta’ trasferiment jew ta’ kirja mhux imġedda, titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-produttur ikkonċernat jekk huwa jkollu l-intenzjoni li jkompli l-produzzjoni tal-ħalib, bil-kundizzjoni li s-somma tal-kwantità ta’ referenza li b’hekk titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu u tal-kwantità korrispondenti għall-impriża agrikola li huwa jieħu f’idejh, jew li fuqha jkompli bil-produzzjoni, ma tkunx iktar mill-kwantità ta’ referenza li kienet disponibbli għalih qabel it-trasferiment jew l-iskadenza tal-kirja.
L-Istati Membri jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-punti 1, 2 u 4 għal trasferimenti li jkunu saru matul u wara l-perijodu ta' referenza.
F'każ ta' applikazzjoni ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KEE) Nru 857/84 u fil-limitu stabbilit minn din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jfasslu, skond kriterji konnessi mad-daqs ta' l-intrapriżi kkonċernati, il-parti tal-kwantità ta' referenza miżjuda mar-riżerva.
Il-kwantità ta' referenza li tikkorrispondi għal impriża agrikola jew għal parti waħda jew diversi partijiet ta' impriża agrikola, li x-xerrej, il-kerrej jew l-eredi mhux beħsiebhom jużaw għall-produzzjoni tal-ħalib, tista' tiżdied mar-riżerva." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92, tat-28 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxi imposta addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 405, p. 1):
"Il-kwantità ta' referenza disponibbli fuq impriża agrikola għandha tiġi trasferita ma' l-impriża agrikola fil-każ ta' bejgħ, kiri jew trasferiment b'suċċessjoni lill-produtturi li jeħduha f’idejhom, skond ir-regoli dettaljati li jiġu stabbiliti mill-Istati Membri li għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-erjas użati għall-produzzjoni tal-ħalib jew kriterji oħra oġġettivi, u, jekk ikun il-każ, ftehim bejn il-partijiet. Il-parti tal-kwantità ta' referenza illi, jekk ikun il-każ, ma tiġix trasferita ma’ l-impriża agrikola hija miżjuda mar-riżrva nazzjonali. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
[...]"
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 L-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-kwantitajiet garantiti ta' ħalib (Milchgarantiemengenverordnung) Bejgħ. Kiri. Eredità jiddisponi:
"F‘każ ta' kiri jew bejgħ ta' l-impriża agrikola kollha jew in parti bejn qraba jew miżżewġin, f'każ ta' trasferiment b'suċċessjoni antiċipata u f‘każ ta' trasferiment ta' l-użu ta’ l-impriża agrikola kollha jew in parti b'suċċessjoni skond il-liġi jew testamentarja, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-attti ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 1 għat-trasferiment tal-kwantitajiet ta' referenza għandhom japplikaw ukoll meta t-trasferiment ikun sar bejn l-1 ta' Jannar 1983 u l-1 ta' April 1984.
(la) Meta impriża agrikola sħiħa hija ttrasferita, ċeduta jew mogħtija lura abbażi ta' kuntratt ta' bejgħ jew ta' kiri, il-kwantità ta' referenza trasferita, safejn hija ġiet attribwita skond l-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 3a(1), u tat-tieni possibbiltà fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 3a(3) tar-Regolament (KEE) Nru 857/84, hija rilaxxata favur ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja meta t-trasferiment iseħħ qabel l-għeluq tat-terminu previst għal dan il-għan fl-atti ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 1.
(2) Meta partijiet ta' impriża agrikola użati għall-produzzjoni tal-ħalib huma trasferiti jew ċeduti abbażi ta' kuntratt ta' bejgħ jew ta' kiri wara l-1 ta' April 1984, parti żgħira tal-kwanitià ta' referenza proporzjonali għall-parti trasferita jew ċeduta, iżda ta' mhux aktar minn 12000 kg għal kull ettaru, hija wkoll trasferita lix-xerrej jew lill-kerrej mingħajr ħsara għall-paragrafu 3.
[…]
(3a) Meta l-partijiet ta' impriża agrikola użati għall-produzzjoni tal-ħalib jingħataw lura lis-sid wara t-30 ta' Settembru 1984 skond il-kuntratt ta' kiri li sar qabel it-2 ta' April 1984, ebda kwantità ta' referenza ma għandha tiġi trasferita fir-rigward ta’ erja ċeduta ta’ inqas minn 5 ettari [...] It-trasferiment tal-kwantitajiet ta' referenza skond l-ewwel frażi ma jinkludix il-kwantitajiet ta' referenza li ġew rilaxxati u ngħataw lill-kerrej b'mod oneruż abbażi tad-dipożizzjonijiet tal-ħames sentenza ta' l-Artikolu 2a(4), flimkien ma’ dawk ta' l-Artikolu 2a(3) tal- Milchaufgabevergütungsgesetz.
(3b) Meta partijiet ta' impriża agrikola jingħataw lura lis-sid wara t-30 ta' Ġunju 1986 skond kuntratt ta' kiri li sar wara l-1 ta' April 1984, il-kwantità ta' referenza li t-trasferiment tagħha waqt iċ-ċessjoni tal-beni mirki ġie attestat skond il-punt 3 ta’ l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 9(2) għandha tiġi trasferita sakemm ma jkunx il-każ li hija ma baqgħetx tintuża qabel ma ġie ċedut lura l-beni mikri jew rilaxxat bi ħlas għall-waqfien definittiv tal-produzzjoni tal-ħalib; madankollu l-kwantità ta' referenza trasferita hija limitata għal dik illi s-sid għad għandu dritt għaliha qabel iċ-ċessjoni lura.
(4) Il-paragrafi 1 sa 3 japplikaw ukoll għal relazzjonijiet ġuridiċi li jipproduċu effetti ġuridiċi paragunabbli."
Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 Is-sid, fl-1980, ta b'titolu ta’ kiri lil missier ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, erja ta' 4.01 ettari ta' medda art destinata għall-produzzjoni tal-ħalib. L-imsemmi rikorrent li kien sadattant wiret lil missieru, xolja l-kuntratt ta’ kiri ta’ raba fit-30 ta' Novembru 1992.
9 Wara dan, is-sid kera din il-medda art lil terz, li ma kienx produttur tal-ħalib.
10 Is-sid talab fl-2002 lill-Amt für Landwirtschaft, Landschafts-und Bodenkultur Rabensburg (Uffiċċju ta' l-Agrikoltura, aktar 'il quddiem l-"ALLB") li jinħariġlu ċertifikat dwar il-proporzjoni tal-kwantità ta' referenza tal-ħalib li kellha tingħatalu minħabba l-għoti lura tal-beni f'Novembru 1992. Fl-applikazzjoni tiegħu, huwa spjega illi hu stess ma kienx produttur tal-ħalib u żied illi ma kellux l-intenzjoni li jibda din l-attività.
11 Fl-2003, l-ALLB tat lis-sid ċertifikat li fih, minn naħa, ġie ddikajrat li, mill-1 ta' April 2003, kwantità ta' referenza ta' 4 391.28 kg għal kull ettaru minħabba l-għoti lura ta' 4.0166 ettari ta' medda art użata għall-produzzjoni tal-ħalib kienet ingħatat lilu u, min-naħa l-oħra, ġie ċċertifikat, b'mod tranżitorju, li kienet ġiet trasferita kwantità ta' referenza ta' kunsinna ta' 11 817 kg, b’rata ta' referenza ta’ l-ammont ta’ xaħam ta' 4,08%.
12 Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u s-sid, separatament, ippreżentaw oġġezzjonijiet kontra dan iċ-ċertifikat filwaqt li s-Sur Ott bagħat lill-ALLB ittra li fiha huwa għarraf lil dan ta' l-aħħar li r-referenza ta’ l-ammont ta’ xaħam kienet ġiet stabbilita ħażin.
13 Ir-Regierungspräsidium Tübingen, b'deċiżjoni tas-27 April 2004, ċaħad l-oġġezzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li biha dan ta' l-aħħar kien ikkontesta ċ-ċertifikat mogħti lis-sid. Sabiex isostni d-deċiżjoni tiegħu, huwa spjega l-ewwel nett illi l-evalwazzjoni f'dan il-każ għandha tkun ibbażata fuq ir-regoli ġuridiċi Komunitarji fis-seħħ fit-30 ta' Novembru 1992, li huma r-Regolament Nru 857/84. Barra dan, huwa ppreċiża illi s-sentenza ta' l-20 ta' Ġunju 2002 (Thomsen, C-401/99, Ġabra p. I-5775) ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 857/84 u għalhekk mhijiex applikabbli għal dan il-każ.
14 Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Sigmaringen. Huwa sostna, sabiex isostni r-rikors tiegħu, illi, meta ta lura l-medda art in kwistjoni, la s-sid u lanqas l-eredi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienu produtturi tal-ħalib. Skond hu, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 857/84 għandu jiġi interpretat skond is-sentenza Thomsen, iċċitata aktar 'il fuq, peress illi mis-sens ġenerali u mill-għan tar-leġiżlazzjoni relattiva għall-imposta addizzjonali għall-ħalib jirriżulta li kwantità ta' referenza tista’ tingħata lil bidwi biss jekk għandu l-kwalità ta' produttur. Għalkemm is-sentenza Thomsen, iċċitata aktar 'il fuq, tikkonċerna l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 3950/92, il-kunċett ta' "produttur" użat fih mhuwiex differenti minn dak illi jidher fir-Regolament Nru 857/84. Fl-aħħar nett, huwa talab li d-deċiżjonijiet ta' l-ALLB u tar-Regierungspräsidium Tübingen jiġu annullati.
15 Il-konvenut fil-kawża prinċipali talab li r-rikors jiġi miċħud. Huwa spjega li skond ir-Regolament Nru 857/84, il-kwalità ta' produttur tal-ħalib tal-persuna li tieħu lura l-kwantitajiet ta' referenza mhijiex determinanti f’każ ta' skadenza ta' kirja. Fil-fatt, rabta li teżiġi li l-persuna li tieħu lura l-kwantitajiet ta' referenza tkun il-produttur tal-ħalib tidher biss għall-ewwel darba fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 3950/92. Barra dan, skond il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u dik tal-Bundesverwaltungsgericht, il-bdiewa għandhom jippossjedu l-kwalità ta' produtturi tal-ħalib biss meta ssir l-ewwel attribuzzjoni ta' kwantità ta' referenza.
16 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Sigmaringen iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi għal deċiżjoni preliminari segwenti:
"1) Leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid illi, f’każ ta' għoti lura ta' parti mikrija ta' impriża agrikola, il-kwantità ta' referenza li tikkorrispondi għall-erjas ta' l-impriża agrikola tal-kerrej użati għall-produzzjoni tal-ħalib jerġgħu jmorru lura għand is-sid flimkien mal-parti ta' l-impriża agrikola li tingħatalu lura, anki meta fi żmien l-għoti lura, dan is-sid ma jkunx għadu produttur tal-ħalib, ma jkunx biħsiebu jerġa' jipproduċi l-ħalib u lanqas li jerġa' jikri din l-art agrikola lil produttur tal-ħalib, hija kompatibbli ma' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament [...] Nru 857/84 [...], u ma' l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7, punti 2, 3 u 4 tar-Regolament [...] Nru 1546/88?
2) F’każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda, leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid illi l-kwantità ta' referenza tibqa’ kompletament f'idejn il-kerrej ta' dik il-parti ta' l-impriża agrikola f’għeluq il-kuntratt ta' kiri ta’ raba’ hija kompatibbli ma' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament [...] Nru 857/84 [...] u ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(4) tar-Regolament [...] Nru 1546/88, ukoll meta l-kuntratt ta' kiri jkun ġie xolt volontarjament?"
Fuq l-ewwel domanda
17 Permezz tad-domanda tagħha, il-Qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 857/84, u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7, punti 2, 3 u 4 tar-Regolament Nru 1546/88, f‘każ ta' għoti lura ta' parti mikrija ta' impriża agrikola, il-kwantità ta' referenza marbuta ma' dik il-parti tistax tmur lura lis-sid anki jekk dan ta' l-aħħar m'għadux produttur tal-ħalib, u lanqas biħsiebu jeżerċita din l-attività jew jerġa' jikri l-impriża agrikola kkonċernata lil produttur tal-ħalib.
18 Għandu mill-ewwel jiġi mfakkar illi, fit-30 ta' Novembru 1992, jiġifieri fil-ġurnata tax-xoljiment tal-kirja fil-kawża prinċipali, is-sid ma kienx għadu produttur tal-ħalib, u lanqas ma kien biħsiebu jeżerċita din l-attività jew jerġa' jikri l-impriża agrikola kkonċernata lil produttur tal-ħalib.
19 Hemm lok għalhekk li jiġi eżaminat jekk il-kwantità ta' referenza marbuta ma' l-impriża agrikola in kwistjoni tistax madankollu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tgħaddi f’idejn is-sid, abbażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli fi żmien il-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
20 Għandu jiġi mfakkar illi r-Regolament Nru 1546/88 huwa miżura ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84 li għandu jiġi interpretat b’mod konsistenti miegħu għalkemm, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 857/84, din l-applikazzjoni hija prevista "skond proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti". F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat illi l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 857/84 ma jsemmix il-kunċett ta' "produttur" waqt illi dan jidher fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7, punti 2, 3 u 4, tar-Regolament Nru 1546/88.
21 Barra dan, għandu jiġi rilevat, minn naħa, illi jirriżulta mill-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward ta' l-imposta addizzjonali fuq il-ħalib li minnha jagħmel parti integrali r-Regolament Nru 857/84 li kwantità ta' referenza tista' tiġi attribwita lil impriża agrikola biss sakemm din ikollha l-kwalità ta' produttur (sentenza ta-15 ta' Jannar 1991, Ballmann, C-341/89, Ġabra p. I-25, punt 9), u, min-naħa l-oħra, illi l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan il-prinċipju fil-ġurisprudenza tagħha wara l-emendi li saru fir-Regolament Nru 857/84 meta ddeċidiet ripetutament illi, f‘każ ta' trasferiment ta' kwantità ta' referenza diġà attribwita, ċessjonarju li jieħu lura artijiet għandu jkollu l-kwalità ta' produttur sabiex ikun jista' jgawdi minn trasferiment tal-kwantità ta' referenza marbuta magħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta' April 1997, EARL de Kerlast, C-15/95, Ġabra p. I-1961, punt 24, u Thomsen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 33). Għalhekk, referenza espressa għall-kunċett ta' "produttur" fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 857/84 ma tistax tkun meħtieġa.
22 M’għandhomx jitqajmu dubji dwar din l-interpretazzjoni mill-argumenti tal-Gvern Ġermaniż li jgħidu li, minn naħa, il-kwantità ta' referenza dejjem tiġi trasferita ma' l-impriża agrikola, anki fil-każ fejn is-sid m'għandux il-kwalità ta' produttur, sakemm l-Istati Membri ma jkunux eżerċitaw id-dritt li jagħtu fis-sens ta' l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 857/84 il-kwantità ta’ referenza kollha jew parti minnha lill-kerrej li jkun se jitlaq, u, min-naħa l-oħra, illi, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Wachauf tat-13 ta' Lulju 1989 (5/88, Ġabra p. 2609), is-sid li ħa lura l-impriża agrikola ma kienx produttur. Issa, jirriżulta mill-kunċett ta' "impriża agrikola" imsemmi fl-Artikolu 12(1)(d) tar-Regolament Nru 857/84, illi l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ukoll fil-punt 11 tas-sentenza Wachauf, iċċitata aktar 'il fuq, illi, għall-għanijiet ta' l-imsemmi Regolament, l-impriża agrikola hija l- unitajiet ta' produzzjoni kollha mmexxija mill-produttur. Peress li l-istess kunċett huwa msemmi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 857/84, u fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7, punti 2, 3 u 4 tar-Regolament Nru 1546/88, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b'mod unformi. Barra dan, safejn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-istess għan u peress li t-tieni dispożizzjoni ċċitata hija l-miżura ta' applikazzjoni ta' l-ewwel waħda, għandu jiġi kkonstatat illi l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni uniformi fl-interess taċ-ċertezza legali.
23 Għalhekk, safejn ir-Regolamenti Nru 857/84 u Nru 1546/88 jipprovdi li t-trasferiment ta' kwantitajiet ta’ referenza għandu dejjem isir bejn produtturi u jirrigwarda impriża agrikola tal-ħalib, deroga espressa fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 857/84 dwar it-trasferiment tal-kwantità ta' referenza lir-riżerva nazzjonali jew lil persuna oħra li ma tkunx is-sid, kif issuġġerit mill-Gvern Ġermaniż, ma tistax tiġi aċċettata.
24 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula qabel, ir-risposta għad-domanda għandha tkun illi l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 857/84, u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7, punti 2, 3 u 4 tar-Regolament Nru 1546/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens illi, f‘każ ta' għoti lura ta' parti mikrija ta' impriża agrikola, il-kwantità ta' referenza marbuta magħha ma tistax tgħaddi f’idejn is-sid jekk dan ta' l-aħħar mhuwiex produttur tal-ħalib, u lanqas biħsiebu jeżerċita din l-attività jew jerġa' jikri l-impriża agrikola kkonċernata lil produttur tal-ħalib.
Fuq it-tieni domanda
25 Permezz tat-tieni domanda tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 857/84 u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7, punt 4, tar-Regolament Nru 1546/88 jipprekludux li l-kwantità ta' referenza tibqa’ f'idejn il-kerrej meta tispiċċa l-kirja ta’ raba’, anki jekk din tkun ġiet xolta volontarjament.
26 Kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7, punt 4, tar-Regolament Nru 1546/88, peress li l-kuntratt ta' kiri ġie xolt volontarjament. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolamenti in kwistjoni li tippermetti li l-kwantità ta' referenza tibqa’ f'idejn il-kerrej meta tispiċċa l-kirja tapplika f’dan il-każ. Peress li l-kwantità ta' referenza in kwistjoni ma tistax tiġi allokata, hija għandha, kif osservaw il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, tiżdied mar-riżerva nazzjonali.
27 Dan ir-riżultat mhuwiex, kif il-qorti tar-rinviju stess irrilevat, f'kontradizzjoni mad-dritt fundamentali għall-proprjetà peress li d-dritt għall-proprjetà ggarantit fl-ordinament ġuridiku Komunitarju ma jinkludix id-dritt li jinbiegħ vantaġġ, bħall-kwantitajiet ta' referenza allokati fil-kuntest ta' organizzazzjoni komuni tas-suq, li la joriġina minn beni proprji u lanqas mill-attività professjonali ta' l-interessat (sentenza ta' l-24 ta' Marzu 1994, Bostock, C-2/92, Ġabra p. I-995, punt 19).
28 Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun illi l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 857/84 u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7, punt 4 tar-Regolament Nru 1546/88 jipprekludu li l-kwantità ta' referenza tibqa’ f'idejn il-kerrej meta tispiċċa l-kirja ta’ raba’, meta din tkun ġiet xolta volontarjament.
Fuq l-ispejjeż
29 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 857/84 tal-31 ta' Marzu 1984, li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta' l-imposta msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 590/85, tas-26 ta' Frar 1985, u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7 punti 2, 3 u 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1546/88 tat-3 Ġunju 1988, li jipprovdi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68, għandhom jiġu interpretati fis-sens illi, f‘każ ta' għoti lura ta' parti mikrija ta' impriża agrikola, il-kwantità ta' referenza marbuta magħha ma tistax tgħaddi f’idejn is-sid jekk dan ta' l-aħħar mhuwiex produttur tal-ħalib, u lanqas biħsiebu jeżerċita din l-attività jew jerġa’ jikri l-impriża agrikola kkonċernata lil produttur tal-ħalib.
2) L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 857/84 kif emendat mir-Regolament Nru 590/85, u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7, punt 4 tar-Regolament Nru 1546/88 jipprekludu li l-kwantità ta' referenza tibqa’ f'idejn il-kerrej meta tispiċċa l-kirja ta’ raba’, meta din tkun ġiet xolta volontarjament.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy