SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
8 ta' Marzu 2007(*)
“Ir-Regolament (KE) Nru 1685/2000– Anness – Punt 1.8 tar-Regola Nru 1 – Fondi Strutturali – Eliġibbiltà ta’ l-infiq – Kunsiderazzjoni ta' l-ispejjeż ġenerali”
Fil-kawża C-289/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Rovaniemen hallinto-oikeus (Il-Finlandja), permezz ta' deċiżjoni tal-15 ta' Lulju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Lulju 2005, fil-proċedura
Länsstyrelsen i Norrbottens län
vs
Lapin liitto,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) u K. Schiemann, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Länsstyrelsen i Norrbottens län, minn P.‑O. Eriksson, u L. Anttila, bħala aġenti,
– għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn P. Aalto u L. Flynn, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' Settembru 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1.8 tar-Regola Nru 1 ta' l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1685/2000, tat-28 ta’ Lulju 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eliġibbilità ta’ l-infiq ta’ operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali (ĠU L 193, p. 39), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2004 ta' l-10 ta' Marzu 2004 (ĠU L 72, p. 66, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1685/2000").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-kawża bejn il-Länsstyrelsen i Norrbottens län [il-gvern provinċjali ta' Norrbotten (L-Iżvezja), iktar 'il quddiem il-"Gvern provinċjali"] u l-Lapin liitto [kunsill reġjunali ta' Laponie (Il-Finlandja)] dwar talba gvern provinċjali ntiża sabiex jikseb kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż ta' għajnuna teknika tal-programm Interreg III A Nord, kofinanzjat Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), (iktar 'il quddiem il-"programm"), għas-snin 2001 u 2002.
Kuntest Ġuridiku
3 It-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 32(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1260/1999, tal-21 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p. 1) jipprovdi li:
"[…] Il-ħlasjiet provisorji jew il-ħlasijiet tal-bilanċ għandhom ikunu relatati ma’ l-ispiża attwalment imħallsa, li għandha tikkorrispondi mal-ħlasijiet li jsiru mill-benefiċjarji finali, sostanzjati b’riċevuti ta’ kontijiet jew dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probattiv."
4 L-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, fl-ewwel verżjoni tiegħu ntitolat "Regoli ta' eliġibbiltà", jipprovdi li:
"Ir-Regola Nru 1: infiq realment magħmul
1. Ħlasijiet minn benefiċjarji finali
1.1. Ħlasijiet magħmula minn benefiċjarji finali skond it-tifsira tat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 […] għandhom ikunu fil-forma ta' flus kontanti bla ħsara għall-eċċezzjonijiet indikati f'punt 1.4.
[...].
1.4. Taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’punti 1.5 sa 1.7, tnaqqis fil-valur, kontribuzzjonijiet f’oġġetti/servizzi u spejjeż ġenerali jistgħu wkoll jiffurmaw parti mill-ħlasijiet li hemm referenza għalihom f’punt 1.1. Madankollu, il-kofinanzjament tal-Fondi Strutturali ta’ kull ħidma ma għandux jaqbeż in-nefqa totali eleġibbli, eslużi l-kontribuzzjonijiet f’oġġetti/servizzi, fit-tmiem ta’ l-operat.
[...]
1.7. Spejjeż ġenerali jkunu nfiq eliġibbli kemm-il darba jkunu msejsa fuq spejjeż rejali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-implimentazzjoni tal-ħidma kofinanzjata mill-Fondi Strutturali u jkunu allokati pro rata għall-ħidma, skond metodu [ekwu u debitament iġġustifikat].
[...]
1.9. Stati Membri jistgħu japplikaw regoli nazzjonali aktar stretti sabiex jistabbilixxu nfiq eliġibbli taħt punti 1.5 sa 1.7.
2. Prova ta' nfiq
Bħala regola, ħlasijiet minn benefiċjarji finali għandhom ikunu sostenuti b’irċevuti. Meta dan ma jistax isir, ħlasijiet għandhom ikunu sostenuti b’dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet ta’ valur probattiv ekwivalenti.
[...]."
5 Skond l-Artikolu 2 u t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 448/2004, il-punti 1.4, 1.7 u 1.9 tar-Regola nru 1 ta' l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, fl-ewwel verżjoni tagħha, saru, b'effett mill-5 ta' Awwissu 2000, rispettivament il-punti 1.5, 1.8 u 1.10 tar-Regola Nru 1 ta' l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000.
6 L-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 438/2001, tat-2 ta’ Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU L 63, p. 21) jipprovdi li:
"Fil-każ ta’ forom ta’ assistenza fejn hemm benefiċċjarji f’aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri konċernati għandhom jiftehmu ma’ xulxin dwar l-arranġamenti komuni meħtieġa sabiex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba, waqt li jingħata kas tal-liġi nazzjonali, u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bl-arranġamenti miftehma. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri konċernati għandhom jipprovdu lil xulxin bl-assistenza amministrattiva neċessarja kollha."
7 Bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 19, iċċitat iktar 'il fuq, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Iżvezja ffirmaw, fl-24 u fl-31 ta' Ottubru 2002, "Memorandum of understanding on the implementation of the Community Initiative programm INTERREG III A North".
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 Permezz ta’ ittra li waslet għand il-Lapin liitto fit-30 ta' Ottubru 2002, il-gvern provinċjali talab sabiex jibbenifika minn kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta' għajnuna teknika tal-programm ta' SEK 95 880.72 għas-sena 2001. L-ammont ta' din il-kontribuzzjoni nkiseb bl-applikazzjoni għall-ispejjeż tas-salarji ġġenerati mill-għajnuna teknika ta' dan il-programm ta' perċentwali kkalkolata permezz tal-proporzjon ta' l-ispejjeż ġenerali mġarrba mill-amministrazzjoni nkarigata b'dan il-programm (spejjeż tas-salarji u spejjeż oħra sostenuti minħabba l-attivitajiet tagħha ta' natura orizzontali, li jinkludu l-imsemmija spejjeż li jirrigwardaw l-imsemmi programm) meta mqabbla ma' l-ispejjeż ta' salarji ġġenerati mill-attività ordinarja ta' l-imsemmija amministrazzjoni, liema spejjeż jikkorrispondu għad-differenza bejn l-ispiża totali tas-salarji mħallsa f'dan ir-rigward u l-ispejjeż tas-salarji msemmija iktar 'il fuq.
9 B'deċiżjoni ta' l-20 ta' Frar 2003, il-Lapin liitto ċaħad din it-talba. Fl-opinjoni tiegħu, il-pagamenti li saru kellhom ikunu ppruvati permezz ta' irċevuti u kontijiet jew permezz ta' dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet ta’ valur probatorju ekwivalenti. L-ispejjeż kellhom ikunu bbażati fuq spejjeż veri, filwaqt li l-ispejjeż in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkalkolati permezz ta' perċentwali, ma ġewx allokati għall-programm skond metodu ekwu u debitament iġġustifikat skond il-punt 1.8 tar-Regola Nru 1 ta' l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000.
10 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-Lapin liitto rċieva, fis-26 ta' Settembru 2003 talba mingħand il-Gvern provinċjali ntiża mill-ġdid sabiex totjeni kontribut għall-ispejjeż relatati mal-programm għas-snin 2001 u 2002, għal ammont ta' SEK 56 854 u ta' SEK 186 982 rispettivament. Dawn l-ispejjeż kienu jirrigwardaw l-ispejjeż ġenerali ta' l-informatika, tal-ġestjoni tal-persunal, tal-ġestjoni baġitarja u ta' l-immobbli.
11 B'deċiżjoni ta' l-24 ta' Novembru 2003, il-Lapin liitto ċaħad din it-talba safejn tirrigwarda l-ispejjeż ġenerali ta' l-informatika, tal-ġestjoni tal-persunal, tal-korrispondenza u tal-ġestjoni baġitarja kollha, minħabba li, anki wara li ntbagħtet talba għall-preċiżazzjonijiet idatata 2 ta' Ottubru 2003, il-gvern provinċjali la kien ipprovda spjegazzjonijiet ibbażati fuq rendikont tas-sigħat ta' xogħol fir-rigward tas-salarji u lanqas spjegazzjonijiet f'dak li jirrigwarda r-rabta ta' l-ispejjeż oħra mal-programm.
12 Skond il-Lapin liitto, lanqas ma ġew ipprovduti spjegazzjonijiet f'dak li jirrigwarda l-erja ta' l-uffiċċji tal-persuni li qegħdin jieħdu sehem f'dan il-programm sabiex jiġu kkalkolati l-ispejjeż li jikkonċernaw l-immobbli. Għal din ir-raġuni, huwa bbaża ruħu fuq erja ta' 15m² għal kull uffiċċju sabiex jevalwa l-ispejjeż ta' l-immobbli minflok l-20m² li jinsabu fit-talba. Konsegwentement, il-Lapin liitto ħallas bħala spejjeż li jirrigwardaw il-bini okkupat mill-parteċipanti fil-programm fl-2001 u fl-2002 SEK 6 558.98 u SEK 22 203.30 rispettivament.
13 Fl-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni ta' ċaħda ta' l-24 ta' Novembru 2003, il-gvern provinċjali sostna li, wara laqgħa li kellu mal-Lapin liitto u l-Ministeru ta' l-Intern, huwa kien uża mudell ġdid ta' kalkolu, fejn l-ispejjeż (spejjeż ġenerali) li għalihom ġie mitlub il-ħlas lura huma bbażati fuq l-ispejjeż veri mniżżla fil-kontabbiltà, liema spejjeż ġew allokati skond metodu proporzjonali, ekwu u debitament iġġustifikat, skond il-ħidma annwali.
14 Dan l-ilment ġie miċħud b'deċiżjoni tas-6 ta' Frar 2004, minħabba li gvern provinċjali kien uża bħala bażi ta' kalkolu ta' l-ispejjeż ġenerali eliġibbli, l-ispejjeż annwali ġġenerati mis-servizzi ta' l-informatika, il-prestazzjonijiet ekonomiċi u s-servizzi tal-persunal, liema spejjeż huma maqsuma skond in-numru medju ta' impjegati ta' l-amministrazzjoni responsabbli mill-programm matul is-sena in kwistjoni. Il-prezz ta' kull xahar ta' servizz huwa l-istess għal kollha. Fit-tieni talba għal kontribuzzjoni, l-ispejjeż kienu ġew allokati bħala spejjeż tal-programm b'sistema pro rata għaż-żmien ta' xogħol imwettaq minn kull persuna. B'dan il-mod, ma kienx possibili li jiġu identifikati l-ispejjeż bħala spejjeż iġġenerati minn dan il-programm. F'dak li jirrigwarda l-ispejjeż ta' salarji inklużi fl-ammont mitlub, safejn dawn l-ispejjeż ma ġewx individwalizzati skond rendikont tas-sigħat ta' xogħol, huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala spejjeż ta' għajnuna teknika ta' l-imsemmi programm.
15 Il-qorti tar-rinviju, li ħadet konjizzjoni tal-kawża permezz ta' azzjoni mressqa quddiemha mill-gvern provinċjali għall-ħlas ta' l-ispejjeż ikkontestati, tippreċiża li, fit-talba tiegħu, dan il-gvern qassam l-ispejjeż ta' għajnuna teknika msemmija permezz tal-medja ta' ħaddiema annwali ta' l-amministrazzjoni kollha kkonċernata, b'tali mod li kien possibbli li tiġi kkalkolata l-parti ta' l-ispejjeż għal kull persuna fis-sena u fix-xahar. L-użu ta' dan il-metodu ta' kalkolu permezz tal-medja ppermetta l-allokazzjoni ta' l-ispejjeż imsemmija hawn fuq bħala spejjeż tal-proġett skond iż-żmien ta' xogħol imwettaq konkretament minn kull persuna li ħadmet fil-kuntest tal-programm.
16 Skond il-Lapin liitto, il-gvern provinċjali ma ndikax b'mod preċiż biżżejjed x'parti kellha l-għajnuna teknika mill-ispejjeż iġġenerati minn dan il-programm. F'dak li jirrigwarda s-salarji, sabiex ikunu jistgħu jiġu allokati l-ispejjeż bħala spejjeż ta' dan il-programm konformement mar-Regolament Nru 1685/2000, il-Lapin liitto jeħtieġ rendikont tas-sigħat ta' xogħol imwettqa kuljum minn kull persona li tkun ħadmet part-time fil-kuntest tal-programm.
17 F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rovaniemen hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni tal-punt 1.8 tar-Regola Nru 1 ta' l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000.
Fuq id-domanda preliminari
18 Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tfittex li tkun taf jekk il-punt 1.8 tar-Regola Nru 1 ta' l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi metodu ta' kalkolu ta' l-ispejjeż ġenerali bħala nfiq eliġibbli fil-kuntest ta' proġett kofinanzjat mill-Fondi Strutturali minħabba biss il-fatt li dan il-metodu huwa bbażat fuq perċentwali jew fuq parti proporzjonali, b'mod partikolari, ta' l-ispejjeż tas-salarji jew taż-żmien ta' xogħol.
19 Skond din id-dispożizzjoni, l-ispejjeż ġenerali jammontaw għal infiq eliġibbli sakemm ikunu bbażati fuqspejjeż veri marbuta ma' l-implementazzjoni ta' l-operazzjoni kkofinanzjata mill-Fondi Strutturali u jkunu allokati pro rata għall-operazzjoni, skond metodu ekwu u debitament iġġustifikat.
20 Għalkemm il-verżjoni Finlandiża ta' l-imsemmija dispożizzjoni ma fiha ebda referenza għall-ħtieġa li l-ispejjeż għandhom ikunu s-suġġett ta' allokazzjoni "pro rata" ta' l-operazzjoni in kwistjoni, madankollu, din iċ-ċirkustanza ma jistax ikollha konsegwenzi, peress li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet Komunitarji għandhom jiġu interpretati u applikati b'mod uniformi fid-dawl tal-verżjonijiet eżistenti fil-lingwi l-oħra tal-Komunità Ewropea u peress li, f'din il-kawża, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra minbarra dik Finlandiża jsemmu espressament il-ħtieġa ta' allokazzjoni ta' l-ispejjeż ġenerali pro rata jew proporzjonalment għall-operazzjoni in kwistjoni (ara, b'analoġija, b'mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta' Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C 219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 15).
21 Skond il-punt 1.10 tar-Regola Nru 1 ta' l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, l-Istati Membri jistgħu japplikaw regoli nazzjonali aktar stretti sabiex jistabbilixxu l-infiq eliġibbli skond il-punti 1.6, 1.7 u 1.8. ta' din ir-Regola.
22 Bla ħsara għar-regoli nazzjonali li jipprevedu kundizzjonijiet aktar stretti, sakemm, skond il-punt 1.8 ta' l-imsemmija Regola Nru 1, jissodisfaw tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li jkunu bbażati fuq spejjeż reali, li jkunu marbuta ma' l-implementazzjoni ta’ l-operazzjoni kofinanzjata mill-Fondi Strutturali u li jkunu allokati pro rata għall-operazzjoni, skond metodu ekwu u debitament ġustifikat l-ispejjeż ġenerali ġġenerati mill-benifiċjarju finali jikkonsistu konsegwentement f'infiq eliġibbli.
23 F'dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni ta' eliġibbiltà, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif tindika l-Kummissjoni, l-ispejjeż li ġew effettivament imħallsa mill-benefiċjarji finali u li huma ġġustifikati permezz ta' irċevuti mħallsa jew ta' kontijiet jew ta' dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet ta’ valur probattiv ekwivalenti fis-sens tat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1260/1999 jkunu bbażati fuq ammonti reali.
24 Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni ta' eliġibbiltà, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, l-infiq marbut ma' operazzjonijiet huwa eliġibbli biss għall-kontribuzzjoni mill-Fondi jekk dawn l-operazzjonijiet jiffurmaw parti mill-għajnuna kkonċernata. Konsegwentement, l-infiq eliġibbli jkopri l-ispejjeż ġenerali ġġenerati minn riżorsi u servizzi li l-benefiċjarji finali tagħhom ikollhom bżonnhom għall-finijiet tar-realizzazzjoni ta' l-operazzjoni kofinanzjata minn dawn il-Fondi.
25 F'dak li jirrigwarda t-tielet kundizzjoni ta' eliġibbiltà, fuq il-portata ta' liema l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux, għandu jiġi kkonstatat li din m'għandhiex bħala għan li timponi metodu ta' kalkolu uniku, iżda hija tħalli lill-Istati membri marġni diskrezzjonali fil-kalkolu ta' l-infiq eliġibbli. Din il-kundizzjoni hija intiża biss biex tissuġetta l-kunsiderazzjoni ta' l-ispejjeż ġenerali bħala nfiq ġenerali għall-allokazzjoni ta' dawn l-ispejjeż "pro rata għall-allokazzjoni, skond metodu ekwu debitament ġustifikat".
26 Konsegwentement, il-punt 1.8 tar-Regola Nru 1 ta' l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 m'għandux jiġi nterpretat bħala li jipprekludi metodi ta' kalkolu ta' l-ispejjeż ġenerali eliġibbli bbażati fuq perċentwali jew fuq parti proporzjonali, b'mod partikolari, ta' l-ispejjeż tas-salarji jew taż-żmien ta' xogħol, bil-kundizzjoni madankollu li l-benefiċjarju finali jkun f'pożizzjoni li juri li dawn l-ispejjeż huma allokati għall-proġett skond metodu li jirrispetta l-kriterji msemmija f'din id-dispożizzjoni.
27 Għandu jiġi ppreċiżat li, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, l-allokazzjoni għall-proġett ikkonċernat ta' l-ispejjeż ġenerali bħalma huma, b'mod partikolari, l-ispejjeż tas-salarji, l-ispejjeż ta' l-immobbli jew dawk relatati ma' l-informatika għandhom, fir-rigward tal-kriterji msemmija iktar 'il fuq, jieħdu in kunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn in-numru ta' persuni li jaħdmu fit-twettiq ta' dan il-proġett, in-numru ta' sigħat ta' xogħol li dawn il-persuni ddedikaw għalih jew l-ammont tas-salarji mħallsa għal dan il-għan, u n-numru medju ta' persuni li jaħdmu fl-amministrazzjoni kkonċernata, in-numru medju ta' sigħat li dawn ħadmu jew l-ammont medju tas-salarji mħallsa.
28 Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 1.8 tar-Regola Nru ta' l-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 ma jipprekludix metodu ta' kalkolu ta' l-ispejjeż ġenerali bħala nfiq eliġibbli fil-kuntest ta' proġett kofinanzjat mill-Fondi Strutturali minħabba biss il-fatt li dan il-metodu huwa bbażat fuq perċentwali jew fuq parti proporzjonali, b'mod partikolari, l-ispejjeż tas-salarji jew taż-żmien ta' xogħol.
Fuq l-ispejjeż
29 .Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
IlIl-punt 1.8 tar-Regola Nru ta' l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1685/2000, tat-28 ta’ Lulju 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eliġibbilità ta’ l-infiq ta’ operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2004 ta' l-10 ta' Marzu 2004, ma jipprekludix metodu ta' kalkolu ta' l-ispejjeż ġenerali bħala nfiq eliġibbli fil-kuntest ta' proġett kofinanzjat mill-Fondi Strutturali minħabba biss il-fatt li dan il-metodu huwa bbażat fuq perċentwali jew fuq parti proporzjonali, b'mod partikolari, l-ispejjeż tas-salarji jew taż-żmien ta' xogħol.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.
Full & Egal Universal Law Academy