Kawża C-299/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea
“Rikors għal annullament — Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 4(2a) u (10a) — Anness IIA — Regolament (KE) Nru 647/2005 — Benefiċċji speċjali mhux kontributorji”
Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2007
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2007
Sommarju tas-sentenza
1. Rikors għal annullament — Termini — Dekadenza
(Artikolu 230(5) KE)
2. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jmorru jaħdmu f’pajjiż ieħor — Benefiċċji speċjali mhux kontributorji — Kunċett
(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, kif emendat mir-Regolament Nru 647/2005, Artikolu 4(1)(a) u (2a)(a))
1. Mill-kliem stess ta’ l-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, kif ukoll mill-iskop tiegħu li huwa dak li jassigura ċ-ċertezza legali, jirriżulta li l-att li ma jkunx ġie kkontestat f’terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni jew min-notifikazzjoni tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ, isir definittiv. Dan il-karattru definittiv jirrigwarda mhux biss il-miżura nnfisha, iżda wkoll kull miżura sussegwenti li tkun ta’ natura purament konfermattiva. Din is-soluzzjoni, li hija ġġustifikata mill-ħtieġa ta’ stabbilità legali, tgħodd kemm għall-atti individwali kif ukoll għal dawk li huma ta’ natura leġiżlattiva, bħal regolament.
Min-naħa l-oħra, meta dispożizzjoni ta’ regolament tiġi emendata, ir-rikors jerġa’ jinfetaħ, mhux biss kontra din id-dispożizzjoni, iżda wkoll kontra dawk kollha li, għalkemm mhux emendati, jiffurmaw ħaġa waħda magħha.
(ara l-punti 28-30)
2. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji, skond l-Artikolu 4(2a)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill Nru 118/97, kif emendat mir-Regolament Nru 647/2005, benefiċċju ma jistax jiġi kkwalifikat bħala speċjali ħlief jekk iservi biss sabiex jassigura l-protezzjoni speċifika tal-persuni diżabbli, billi jkun marbut mill-qrib ma’ l-ambjent soċjali ta’ dawn il-persuni fl-Istat Membru kkonċernat. B’hekk, il-benefiċċji li ma għandhomx din il-funzjoni biss iżda li għandhom ukoll l-għan li jassiguraw il-kuri neċessarji u s-sorveljanza ta’ dawn il-persuni, meta din tkun indispensabbli, fil-familja tagħhom jew f’istituzzjoniji speċjalizzata, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala benefiċċji speċjali fid-dawl tad-dispożizzjoni msemmija.
Fit-tieni lok, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(2a)(a)(i) tar-regolament imsemmi, benefiċċju speċjali skond din id-dispożizzjoni huwa ddefinit ukoll mill-iskop tiegħu. Dan għandu jingħata minflok jew flimkien ma’ benefiċċju ta’ sigurtà soċjali, filwaqt li jibqa’ distint minnu, u għandu jkollu n-natura ta’ għajnuna soċjali ġġustifikata minn raġunijiet ekonomiċi u soċjali u deċiż minn liġi li tistabbilixxi kriterji oġġettivi.
Min-naħa l-oħra, benefiċċju jitqies bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali meta jingħata, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment definita u meta dan ikun relatat ma’ wieħed mir-riskji espliċitament imsemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71. B’hekk, benefiċċji mogħtija b’mod oġġettiv abbażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u li huma intiżi sabiex itejbu l-istat tas-saħħa kif ukoll tal-ħajja tal-persuni dipendenti għandhom essenzjalment l-iskop li jikkompletaw il-benefiċċji ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard u għandhom jitqiesu bħala “benefiċċji tal-mard” fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1)(a) tar-regolament imsemmi.
(ara l-punti 53-56, 61)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
18 ta’ Ottubru 2007 (*)
“Rikors għal annullament – Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikoli 4(2a) u (10a) – Anness IIA –Regolament (KE) Nru 647/2005 – Benefiċċji speċjali mhux kontributorji”
Fil-kawża C‑299/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fis-26 ta’ Lulju 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M.‑J. Jonczy, D. Martin u V. Kreuschitz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn G. Ricci u A. Troupiotis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Veiga, J. Leppo u G. Curmi, bħala aġenti,
konvenuti,
sostnuti minn:
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä, J. Heliskoski u E. Bygglin, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Renju ta’ l-Iżvezja, irrappreżentat minn A. Kruse u R. Sobocki, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. O’Neill u C. Vajda, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, J. Makarczyk, P. Kūris, J.‑C. Bonichot (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ April 2007,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tad-dispożizzjonijiet tal-punt 2 ta’ l-Anness I tar-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 647/2005, tat-13 ta’ April 2005, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru. 1408/71 (ĠU L 117, p. 1), taħt it-titoli “IL-FINLANDJA” (b), “L-IŻVEZJA” (ċ), u “IR-RENJU UNIT” (d) sa (f).
Il-kuntest ġuridiku
2 Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU L 28, 1997, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif emendat mir-Regolament Nru 647/2005 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71 kif emendat”), jieħu in kunsiderazzjoni, skond il-premessi tar-Regolament Nru 647/2005, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha relatati, b’mod partikolari, mal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tagħhom. Ir-Regolament Nru 647/2005 ġie adottat fuq proposta tal-Kummissjoni intiża sabiex, b’mod partikolari, temenda l-Anness IIA tar-Regolament Nru 1408/71 (iktar ’il quddiem l-“Anness IIA”).
3 Skond l-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat, it-termini “benefiċċji familjari/tal-familja” jfissru l-benefiċċji kollha materjali jew fi flus bil-ħsieb li jilħqu l-ispejjeż tal-familja.
4 Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(1)(h) tiegħu, dan ir-Regolament japplika għall-benefiċċji familjari/tal-familja.
5 Skond l-Artikolu 4(2a) ta’ l-imsemmi Regolament:
“Dan l-Artikolu għandu japplika għall-benefiċċji ta’ flus speċjali u mhux kontributorji provduti f’liġi li, minħabba l-ambitu personali tagħha, l-għanijiet tagħha u/jew il-kundizzjonijiet għal dritt taħtha, għandha l-karatteristiċi kemm tal-liġi dwar is-sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll ta’ assistenza soċjali.
‛Benefiċċji ta’ flus speċjali u mhux kontributorji’ tfisser dawk li:
a) huma ntiżi sabiex jipprovdu:
i) assigurazzjoni supplimentari, sostituttiva jew anċillari kontra r-riskji koperti mill-oqsma tas-sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1, u li jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati dħul minimu għas-sussistenza waqt li jittieħed kont tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru ikkonċernat; jew
ii) protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabbiltà, li jkollha x'taqsam mill-qrib ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna msemmija fl-Istat Membru kkonċernat, u
b) fejn il-finanzjament ikun derivat esklużivament minn tassazzjoni obbligatorja maħsuba sabiex tkopri l-infiq ġenerali pubbliku u l-kondizzjonijiet sabiex jipprovdu u jikkalkolaw il-benefiċċji mhumiex dipendenti minn kwalunkwe kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madankollu, il-benefiċċji provduti sabiex jiġi supplimentat benefiċċju kontributorju m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala benefiċċji kontributorji għal din ir-raġuni waħedha; u
ċ) huma elenkati fl-Anness IIa.”
6 Dawn id-dispożizzjonijiet issostitwew id-dispożizzjonijiet li ġejjin:
“Dan ir-Regolament ikun japplika wkoll għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li hemm ipprovduti taħt il-leġislazzjoni jew skemi oħra barra dawk li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1 jew esklużi minħabba l-paragrafu 4, fejn tali benefiċċji huma intenzjonati:
a) jew biex jipprovdu assigurazzjoni supplimentari, sostituta, jew anċillari kontra r-riskji koperti mill-friegħi tas-sigurtà soċjali li għalihom saret riferenza fil-paragrafu 1 (a) sa (h);
b) bħala protezzjoni speċifika biss għall-persuni b’diżabbiltà.”
7 L-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat jiddisponi:
“1. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 u tat-Titolu III m’għandhomx japplikaw għall-benefiċċji ta’ flus speċjali u mhux kontributorji msemmija fl-Artikolu 4(2a). Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom jirċievu dawn il-benefiċċji esklużivament fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn jirrisjedu u skond il-liġi ta’ dak l-Istat, sakemm dawn il-benefiċċji jkunu msemmija fl-Anness IIa. Il-benefiċċji għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza u bi spejjeż tagħha.
[…]”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
8 L-Anness IIA tar-Regolament Nru 1408/71 jagħti l-lista tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li l-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament jistgħu biss jibbenifikaw minnhom fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru tar-residenza tagħhom, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10a ta’ l-istess Regolament.
9 L-Istati Membri ma ppreżentaw l-ebda oġġezzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni intiża sabiex temenda l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 bil-għan li tiġi ppreċiżata d-definizzjoni ta’ benefiċċji speċjali mhux kontributorji fi flus, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Jauch (C‑215/99, Ġabra p. I‑1901), u tal-31 ta’ Mejju 2001, Leclere u Deaconescu (C‑43/99, Ġabra p. I‑4265).
10 Skond din il-ġurisprudenza, fil-lista li tinsab fl-Anness IIA jistgħu jiġu inklużi biss il-benefiċċji li jkollhom flimkien il-karatteristika doppja li jkunu speċjali u mhux kontributorji.
11 Wara li analizzat il-benefiċċji kollha li jistgħu jiġu deskritti bħala benefiċċji “speċjali mhux kontributorji” fid-dawl tal-kriterji ta’ l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 u ta’ l-interpretazzjoni tagħhom mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni stabbilixxiet u pproponiet lista ġdida tal-benefiċċji li jistgħu jiġu inklużi fl-Anness IIA.
12 L-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wasslet lill-Kummissjoni sabiex ma tinkludix f’din il-lista l-ġdida:
– il-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri “l-benefiċċji ta’ l-invalidità, inklużi dawk maħsuba għall-manteniment jew it-titjib fil-kapaċità tal-qligħ (tal-flus)”;
– il-benefiċċji mogħtija lil tfal li jbatu minn diżabbilità li l-iskop prinċipali tagħhom huwa dak li jikkumpensaw l-ispejjeż żejda tal-familja li jsiru minħabba l-preżenza ta’ tfal b’diżabilità fid-dar;
– il-benefiċċji ta’ dipendenza deskritti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Jauch, iċċitata iktar ’il fuq, bħala benefiċċji tal-mard fi flus li għandhom l-iskop li jtejbu l-istat tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni dipendenti, anki meta dawn il-benefiċċji jista’ jkollhom aspetti indipendenti mill-marda nfisha.
13 Madankollu, fuq talba tar-Repubblika tal-Finlandja, tar-Renju ta’ l-Iżvezja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea aċċetta li jerġa jintroduċi fil-lista ta’ l-Anness IIA, kif proposta mill-Kummissjoni, il-benefiċċji li ġejjin (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“benefiċċji kkontestati”):
– fir-rigward tar-Repubblika tal-Finlandja, l-benefiċċju għall-kura tat-tfal;
– fir-rigward tar-Renju ta’ l-Iżvezja, l-benefiċċju ta’ l-invalidità u l-benefiċċju għall-kura tat-tfal b’diżabilità;
– fir-rigward tar-Renju Unit, l-benefiċċju ta’ sussistenza għall-persuni b’diżabbiltà (iktar ’il quddiem id-“DLA”), l-benefiċċju għall-assistenza (iktar ’il quddiem l-“AA”) u l-benefiċċju għall-kura (iktar ’il quddiem il-“CA”).
14 Il-Parlament Ewropew, waqt it-tieni qari tal-proġett għal Regolament li jemenda, approva l-pożizzjoni tal-Kunsill u ħa nota ta’ dikjarazzjoni li biha l-Kummissjoni rriżervat id-dritt li tressaq talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li tippreżenta, jekk ikun il-każ, fuq il-bażi tas-sentenza mogħtija minn din il-Qorti, proposta għal reviżjoni ġdida tal-lista li tidher fl-Anness IIA.
15 Fit-13 ta’ April 2005, ġie adottat mill-Parlament u mill-Kunsill ir-Regolament Nru 647/2005, fid-dawl tat-talbiet tat-tliet Stati Membri msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza. Il-Kummissjoni titlob l-annullament ta’ dan ir-Regolament, safejn dan isemmi l-benefiċċji kkontestati fil-lista li tidher fl-Anness IIA tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat (iktar ’il quddiem l-“Anness IIA kif emendat”).
16 Il-Kummissjoni tqis, fil-fatt, li dawn id-diversi benefiċċji ma jissodisfawx il-kundizzjoniiet li jippermettu li l-għoti tagħhom jiġi limitat biss għall-persuni residenti fit-territorju ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati Membri.
Fuq ir-rikors
Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
17 B’ittra tad-19 ta’ Ġunju 2007, ir-Renju Unit ippreżenta osservazzjonijiet fuq il-konlklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali. Huwa jqis li huwa ma setax iwieġeb għat-teżi adottata f’dawn il-konklużjonijiet, li tgħid li r-referenza għad-DLA fil-lista li tidher fl-Anness IIA kif emendat għandha tiġi annullata fl-intier tagħha filwaqt li fl-istess ħin mhuwiex ikkontestat li l-komponent tal-“mobbilità” ta’ dan il-benefiċċju jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex dan jitqies bħala benefiċċju speċjali.
18 Konsegwentement, ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiftaħ il-proċedura orali mill-ġdid biex huwa jkun jista’ jinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-possibbiltà li tiġi annullata parzjalment dispożizzjoni legali. In sostenn ta’ l-argument tiegħu, huwa jinvoka r-regoli relatati ma’ l-annullament parzjali ta’ dispożizzjoni ta’ att, imsemmija fis-sentenza ta’ l-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-244/03, Ġabra p. I-4021, punti 13 sa 15).
19 Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta ta’ l-Avukat Ġenerali, jew inkella fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tkun tikkunsidra li m’għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kwistjoni għandha tkun deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, punt 42, kif ukoll ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, Arnold André, C‑434/02, Ġabra p. I‑11825, punt 27, u Swedish Match, C‑210/03, Ġabra p. I‑11893, punt 25).
20 Minn naħa, il-kwistjoni tad-diviżibbiltà tad-DLA kienet ġiet invokata fil-kitbiet tal-Kummissjoni, b’tali mod li r-Renju Unit seta’ jagħti risposta għaliha fl-osservazzjonijiet tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha fid-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha neċessarji sabiex twieġeb għad-domandi li tressqu quddiemha.
21 Konsegwentement, m’hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.
Fuq l-ammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
22 Il-Parlament iqis li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 230 KE kien diġà skada meta tressaq ir-rikors. Huwa jqis li dan it-terminu għandu jiġi kkalkulat mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-att li emenda r-Regolament Nru 1408/71 billi inkluda, għall-ewwel darba, fil-lista li tidher fl-Anness IIA, il-benefiċċji kkontestati. Id-DLA, l-AA u l-CA jissemmew f’din il-lista wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1247/92, tat-30 ta’ April 1992, li jemenda r-Regolament Nru 1408/71 (ĠU L 136, p. 1), filwaqt li l-benefiċċju Finlandiż u l-benefiċċji Żvediżi ġew miżjuda ma’ din permezz ta’ l-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja u dwar it-tibdil tat-trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU C 241, 1994, p. 21, u ĠU L 1, 1995, p. 1).
23 Il-Parlament isostni li, bis-sostituzzjoni, waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 647/2005, ta’ l-Anness IIA kollu, minflok ma saru fih biss l-emendi previsti, il-leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li jippermetti l-kontestazzjoni ta’ l-inklużjoni tal-benefiċċji li kienu diġà jinsabu f’dan l-Anness.
24 Il-Parlament jammetti li, permezz ta’ l-Artikolu 1(2), tar-Regolament Nru 647/2005, il-leġiżlatur Komunitarju emenda l-mod kif kien miktub l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71. Madankollu huwa jqis li huwa sempliċement ifformula mill-ġdid id-definizzjoni tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji. Min-naħa l-oħra, is-sostanza tad-definizzjoni pre-eżistenti ma ġietx emendata. In sostenn tal-pożizzjoni tiegħu, il-Parlament jenfasizza li kien permezz ta’ l-evalwazzjoni u ta’ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, fil-verżjoni tagħhom preċedenti għar-Regolament Nru 647/2005, li l-Qorti tal-Ġustizzja tat id-deċiżjoni tagħha fis-sentenzi Jauch kif ukoll Leclere u Deaconescu, iċċitati iktar ’il fuq.
25 Għaldaqstant, il-Parlament iqis li l-kriterji użati, kif ifformulati mill-ġdid mir-Regolament Nru 647/2005, kienu diġà jiffurmaw parti mill-elementi li kienu jirregolaw dawn il-benefiċċji u li l-leġiżlatur sempliċement inkludihom fit-test innifsu ta’ l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat.
26 Il-Kummissjoni tqis li, peress li huwa adotta test ġdid ta’ dritt sekondarju, minkejja li żamm mingħajr bdil il-kontenut ta’ Anness, il-leġiżlatur Komunitarju ħa “deċiżjoni” ġdida dwar dan l-Anness. Dan japplika iktar u iktar inkwantu l-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju għall-fatt li l-Anness preċedenti, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kien sar parzjalment inkompatibbli mad-dritt Komunitarju.
27 B’hekk, din id-deċiżjoni l-ġdida għandha tkun tista’ tiġi suġġetta għall-approvazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma jkun jista’ jingħad fil-kuntest ta’ rikors għal annullament li l-parti kkontestata tat-test baqgħet l-istess.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
28 Skond l-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, ir-rikors għal annullament għandu jitressaq fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ.
29 Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll mill-iskop tagħha li huwa dak li tassigura ċ-ċertezza legali, jirriżulta li l-att li ma jkunx ġie kkontestat f’dan it-terminu jsir definittiv. Dan il-karattru definittiv jirrigwarda mhux biss il-miżura nnfisha, iżda wkoll kull miżura sussegwenti li tkun ta’ natura purament konfermattiva. Din is-soluzzjoni, li hija ġġustifikata mill-ħtieġa ta’ stabbilità legali, tgħodd kemm għall-atti individwali kif ukoll għal dawk li huma ta’ natura leġiżlattiva, bħal regolament.
30 Min-naħa l-oħra, meta dispożizzjoni ta’ regolament tiġi emendata, ir-rikors jerġa jinfetaħ, mhux biss kontra din id-dispożizzjoni, iżda wkoll kontra dawk kollha li, għalkemm mhux emendati, jiffurmaw ħaġa waħda magħha.
31 L-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji twassal sabiex ir-rikors tal-Kummissjoni jiġi ddikjarat ammissibbli.
32 Fil-fatt, il-kliem ta’ l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat huwa essenzjalment differenti mill-kliem preċedenti u jbiddel b’mod ċar il-portata ta’ dan l-Artikolu, u l-fatt, imsemmi mill-Parlament, li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat it-test preċedenti f’sens li jaqbel mal-verżjoni l-ġdida m’għandux l-effett li jagħti lil din il-verżjoni natura konfermattiva tal-verżjoni preċedenti. Din l-emenda ġiet adottata speċifikament sabiex jiġi ddefinit mill-ġdid il-kontenut tal-lista tal-benefiċċji mhux esportabbli msemmija fl-Anness IIA.
33 Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat jifforma ħaġa waħda mal-lista li tidher fl-Anness IIA kif emendat. Dan jidher ukoll mill-kliem innifsu ta’ l-Artikolu 10a ta’ l-imsemmi Regolament li jgħid “Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom jirċievu [l-benefiċċji speċjali mhux kontributorji fi flus msemmija fl-Artikolu 4(2a)] esklużivament fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn jirrisjedu u skond il-liġi ta’ dak l-Istat, sakemm dawn il-benefiċċji jkunu msemmija fl-Anness IIa [emendat].”
34 Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa ammissibbli.
Fuq il-mertu
35 Il-Kummissjoni tqajjem motiv wieħed biss in sostenn tar-rikors tagħha. Hija ssostni li r-Regolament Nru 647/2005 huwa vvizzjat bi żball fid-dritt inkwantu dan jagħti lill-benefiċċji kkontestati, meta jinkludihom fil-lista li tidher fl-Anness IIA kif emendat, in-natura ta’ benefiċċji speċjali.
L-argumenti tal-partijiet
36 F’dak li jirrigwarda l-benefiċċju Finlandiż għall-kura tat-tfal, il-Kummissjoni tammetti li dan il-benefiċċju jista’ jiffavorixxi l-integrazzjoni tat-tfal b’diżabbiltà fl-ambjent soċjali tagħhom, iżda hija tqis li dan jista’jservi wkoll sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż li jirriżultaw, għall-familji ta’ dawn it-tfal, mid-diżabbilità jew mil-marda tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilit li benefiċċju intiż sabiex inaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-kura tat-tfal jifforma parti mill-kategorija tal-benefiċċji familjari/tal-familja ddefiniti fl-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 u tirreferi għar-riskju msemmi fl-Artikolu 4(1)(h) ta’ dan ir-Regolament (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2001, Offermanns, C‑85/99, Ġabra p. I‑2261, u tas-7 ta’ Novembru 2002, Maaheimo, C‑333/00, Ġabra p. I‑10087).
37 Il-Kummissjoni tqis li l-fatt li dan il-benefiċċju jingħata abbażi ta’ evalwazzjoni individwali tal-bżonnijiet tat-tfal diżabbli jew morda ma jistax jibdel in-natura ta’ dan il-benefiċċju.
38 Hija tagħti, għall-benefiċċju Żvediż għall-kura tat-tfal b’diżabbiltà, raġunament identiku għal dak li tagħti f’dak li jirrigwarda l-benefiċċju Finlandiż għall-kura tat-tfal; dawn it-tnejn huma simili taħt diversi aspetti. Hija tqis li, għall-istess raġunijiet, il-benefiċċju Żvediż ukoll għandu jitqies bħala “benefiċċju familjari/tal-familja”, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat.
39 Dwar il-benefiċċju Żvediż ta’ l-invalidità, il-Kummissjoni ssostni li dan essenzjalment għandu l-iskop li jikkumpensa għall-ispejjeż supplementari li persuna tista’ tidħol fihom minħabba d-diżabbiltà tagħha sabiex ittejjeb l-istat tas-saħħa u tal-kwalità tal-ħajja tagħha inkwantu persuna dipendenti.
40 B’hekk, din għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tas-sentenza Jauch, iċċitata iktar ’il fuq, bħala “benefiċċju tal-mard”, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat.
41 Fir-rigward tad-DLA, ta’ l-AA u tal-CA, il-Kummissjoni tqis li tali benefiċċji essenzjalment għandhom l-iskop li jikkumpensaw għall-ispejjeż supplementari li persuna tista’ tidħol fihom minħabba d-diżabbiltà tagħha sabiex ittejjeb l-istat tas-saħħa u tal-kwalità tal-ħajja tagħha bħala persuna dipendenti. B’hekk, kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Jauch, iċċitata iktar ’il fuq, dawn jikkompletaw il-benefiċċji ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard.
42 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm għandhom karatteristiċi li huma uniċi għalihom, tali benefiċċji għandhom jitqiesu bħala “benefiċċji tal-mard” fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat.
43 Il-Kunsill, il-Parlament, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ l-Iżvezja u r-Renju Unit isostnu li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tagħhom, b’mod partikolari l-elementi li jikkostitwuhom, l-iskop tagħhom u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom, dawn il-benefiċċji jikkostitwixxu “benefiċċji speċjali mhux kontributorji”, peress li huma jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat, hekk kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.
44 Dawn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jsostnu li, sabiex jiġi kkwalifikat bħala “speċjali”, benefiċċju għandu jkollu karatteristiċi li fl-istess ħin ikunu relatati mas-sigurtà soċjali u ma’ l-assistenza soċjali, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni personali tiegħu, l-għanijiet tiegħu u l-modi ta’ kif jiġi applikat. Il-benefiċċji kkontestati huma simili għall-benefiċċji ta’ assistenza soċjali peress li l-kunċett ta’ bżonn huwa kriterju essenzjali u peress li l-għoti tagħhom mhuwiex suġġett għal kundizzjoni ta’ kumulu ta’ perijodi ta’ attività professjonali jew ta’ kontribuzzjoni, filwaqt li, minħabba karatteristiċi oħra, dawn jixbhu lill-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, peress li l-organi kompetenti m’għandhom l-ebda setgħa ta’ evalwazzjoni fl-għoti tagħhom u minħabba l-fatt li l-għoti tagħhom iqiegħed lill-benefiċjarji f’pożizzjoni ddefinita legalment.
45 B’hekk, il-benefiċċji kkontestati huma benefiċċji “mħallta” li l-Kunsill iqis li huma marbuta b’mod strett mas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tat-tliet Stati Membri kkonċernati.
46 Il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar (C‑160/96, Ġabra p. I‑843), u fis-sentenzi Jauch, kif ukoll Leclere u Deaconescu, iċċitati iktar ’il fuq, ma tibdilx din l-evalwazzjoni, għaliex il-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji li kienu s-suġġett ta’ dawn is-sentenzi huma essenzjalment differenti minn dawk tal-benefiċċji kkontestati.
47 Barra minn hekk, il-Parlament iqis li l-fatt li minn xi wħud mill-aspetti tagħhom, il-benefiċċji kkontestati jistgħu jiġu kkwalifikati bħala benefiċċji ta’ sigurtà soċjali mhuwiex inkompatibbli man-natura tagħhom ta’ benefiċċju speċjali.
48 Tali approċċ huwa kkonfermat mis-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Skalka (C‑160/02, Ġabra p. I-5613, punt 25), li tgħid li benefiċċju speċjali fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa ddefinit mill-għan tiegħu. Dan għandu jingħata minflok jew flimkien ma’ benefiċċju ta’ sigurtà soċjali, għandu jkollu n-natura ta’ għajnuna soċjali ġġustifikata minn raġunijiet ekonomiċi u soċjali u għandu jiġi deċiż minn liġi li tistabbilixxi kriterji oġġettivi.
49 Fi kliem ieħor, benefiċċju jista’ fl-istess ħin jaqa’ taħt il-paragrafi (1) u (2a) ta’ l-Artikolu 4, tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat.
50 Ir-Renju Unit ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet, fis-sentenzi ta’ l-4 ta’ Novembru 1997, Snares (C‑20/96, Ġabra p. I‑6057) u tal-11 ta’ Ġunju 1998, Partridge (C‑297/96, Ġabra p. I‑3467), li d-DLA u l-AA huma benefiċċji li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2a)(b) tar-Regolament Nru 1408/71.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
51 Mill-kliem u mill-istruttura ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat jirriżulta li benefiċċju ma jistax jiġi kkwalifikat bħala benefiċċju familjari/tal-familja u bħala benefiċċju speċjali fl-istess ħin. Fil-fatt, il-benefiċċji familjari/tal-familja jissemmew fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li l-benefiċċji speċjali jissemmew fil-paragrafu 2a tiegħu, peress li din id-distinzjoni hija intiża sabiex tippermetti li jiġu identifikati s-sistemi rispettivi ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ benefiċċji (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Hosse, C‑286/03, Ġabra p. I-1771, punti 36 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
52 Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-benefiċċji kkontestati, li jissemmew fil-lista li tidher fl-Anness IIA kif emendat, humiex ta’ natura speċjali, peress li l-karattru non-kontributorju tagħhom mhuwiex ikkontestat.
53 Fl-ewwel lok, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(2a)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat, benefiċċju jista’ biss jiġi kkwalifikat bħala speċjali jekk iservi biss sabiex jassigura l-protezzjoni speċifika tal-persuni diżabbli, billi jkun strettament marbut ma’ l-ambjent soċjali ta’ dawn il-persuni fl-Istat Membru kkonċernat.
54 F’dan il-każ, il-benefiċċji kkontestati m’għandhomx biss din il-funzjoni. Fil-fatt, għalkemm huma mingħajr dubju jiffavorixxu l-awtonomija tal-persuni li jibbenifikaw minnhom u jassiguraw il-protezzjoni tal-persuni diżabbli fil-kuntest soċjali nazzjonali tagħhom, dawn għandhom ukoll l-iskop li jiggarantixxu l-kuri neċessarji u s-sorveljanza ta’ dawn il-persuni, meta din tkun indispensabbli, fil-familja tagħhom jew f’istituzzjoniji speċjalizzata. B’hekk, dawn ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala benefiċċji speċjali fid-dawl ta’ l-Artikolu 4(2a)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat.
55 Fit-tieni lok, minbarra l-każ speċifiku msemmi fil-punti preċedenti, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(2a)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat, benefiċċju speċjali skond din id-dispożizzjoni huwa ddefinit ukoll mill-iskop tiegħu. Dan għandu jingħata minflok jew flimkien ma’ benefiċċju ta’ sigurtà soċjali, filwaqt li jibqa distint minnu, u għandu jkollu n-natura ta’ għajnuna soċjali ġġustifikata minn raġunijiet ekonomiċi u soċjali u deċiż minn liġi li tistabbilixxi kriterji oġġettivi (ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Kersbergen-Lap u Dams-Schipper, C‑154/05, Ġabra p. I-6249, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 Min-naħa l-oħra, benefiċċju jitqies bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali meta jingħata, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment definita u meta dan ikun relatat ma’ wieħed mir-riskji espliċitament imsemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx, 249/83, Ġabra p. 973, punti 12 sa 14; ta’ l-20 ta’ Ġunju 1991, Newton, C‑356/89, Ġabra p. I‑3017; tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes, C‑78/91, Ġabra p. I‑4839, punt 15; Molenaar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20, u Jauch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25). Huwa b’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, li tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi li jikkostitwixxu l-benefiċċji ta’ l-assigurazzjoni ta’ dipendenza, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 25 tas-sentenza Molenaar, iċċitata iktar ’il fuq, li l-benefiċċji msemmija kellhom jitqiesu bħala “benefiċċji tal-mard” fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u, fil-punt 36 ta’ l-istess sentenza, bħala “benefiċċji fi flus” ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard imsemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 19(1)(b) ta’ l-imsemmi Regolament (ara wkoll is-sentenza Jauch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).
57 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-benefiċċji Finlandiżi u Żvediżi għall-kura tat-tfal, dawn, skond il-gvernijiet ikkonċernati, għandhom l-għan li jippermettu lill-ġenituri tat-tfal b’diżabbiltà li jiggarantixxu l-kuri, is-sorveljanza u, jekk ikun xieraq, l-edukazzjoni tagħhom mill-ġdid. Dawn huma previsti fil-Finlandja mil-liġi dwar il-benefiċċju għall-kura tat-tfal (laki lapsen hoitotuesta) u fl-Iżvezja mil-liġi dwar is-sigurtà soċjali (lag om allmän försäkring).
58 Il-fatt li d-dritt għal dawn il-benefiċċji mhuwiex suġġett għal perijodu ta’ żmien ta’ xogħol jew ta’ kontribuzzjonijiet, u li jingħataw fuq bażi individwali skond il-bżonnijiet tat-tfal u skond kriterji stabbiliti mil-liġi u li, barra minn hekk, dawn jiffurmaw parti minn grupp ta’ benefiċċji u ta’ servizzi intiżi għall-persuni b’diżabbiltà u huma, minħabba f’hekk, marbuta mill-qrib mal-kuntest ekonomiku u soċjali ta’ l-Istati Membri kkonċernati, mhuwiex tali li jaffettwa l-iskop prinċipali tagħhom li huwa ta’ natura medika.
59 Konsegwentement, peress li dawn il-benefiċċji għandhom jiġu kkwalifikati bħala benefiċċji tal-mard, il-Kummissjoni għandha raġun meta ssostni li r-Regolament Nru 647/2005 huwa vvizzjat bi żball fid-dritt inkwantu dawn jissemmew fil-lista li tidher fl-Anness IIA kif emendat, irriżervata għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji.
60 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-benefiċċju Żvediż ta’ l-invalidità, jirriżulta b’mod partikolari mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Żvediż li dan il-benefiċċju, previst mil-liġi dwar il-benefiċċju ta’ l-invalidità u tal-kura (lag om handickappersättning och vårdbigrad), jingħata lill-persuni b’diżabbiltà li t-tnaqqis tal-mobbiltà tagħhom seħħ bejn id-19 u l-65 sena. Huwa intiż sabiex jiffinanzja l-għajnuna ta’ terza persuna jew sabiex jippermetti lill-persuna diżabbli biex tlaħħaq ma’ l-ispejjeż ikkawżati mill-kundizzjoni tagħha u sabiex itejjeb l-istat tas-saħħa kif ukoll tal-kwalità tal-ħajja ta’ din il-persuna, inkwantu persuna dipendenti.
61 Benefiċċji mogħtija b’mod oġġettiv abbażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u li huma intiżi sabiex itejbu l-istat tas-saħħa kif ukoll tal-ħajja tal-persuni dipendenti għandhom essenzjalment l-iskop li jikkompletaw il-benefiċċji ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard u għandhom jitqiesu bħala “benefiċċji tal-mard” fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Molenaar, punti 24 u 25, Jauch, punt 28, u Hosse, punt 38).
62 Il-benefiċċju Żvediż ta’ l-invalidità li jissodisfa dawn il-karatteristiċi u għandu dan l-iskop, għandu, konsegwentement, jiġi kkwalifikat bħala benefiċċju tal-mard, hekk kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Molenaar, Jauch jew Hosse, iċċitati iktar ’il fuq, anki jekk is-sistema stabbilita mil-liġi Żvediża hija differenti minn dik li tirregola l-benefiċċji in kwistjoni f’dawn il-kawżi.
63 Kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ l-Iżvezja, il-fatt li t-tnaqqis fil-mobbiltà għandu jkun ta’ tul ta’ żmien konsiderevoli u li għandu jseħħ qabel l-età ta’ 65 sena ma jistax jibdel l-iskop tal-benefiċċju Żvediż ta’ l-invalidità li jissodisfa n-neċessitajiet li jirriżultaw mid-diżabbiltà u jkopri r-riskju kkawżat mill-marda li tat lok għal din id-diżabbiltà.
64 Konsegwentement, il-Kummissjoni ġustament issostni li r-Regolament Nru 647/2005 huwa vvizzjat bi żball fid-dritt inkwantu dan il-benefiċċju huwa inkluż fil-lista li tidher fl-Anness IIA kif emendat, li hija rriżervata għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji.
65 Fit-tielet lok, fir-rigward tad-DLA, ta’ l-AA u tal-CA, dawn il-benefiċċji kollha għandhom in-natura, li hija madankollu parzjali fil-każ tad-DLA, ta’ benefiċċji ta’ dipendenza.
66 Skond ir-Renju Unit dawn il-benefiċċji huma partikolari u għandhom l-iskop li jippromwovu l-awtonomija kif ukoll l-integrazzjoni soċjali tal-persuni b’diżabbiltà u wkoll, safejn huwa possibbli, sabiex jgħinu lil dawn biex jgħixu ħajja simili għal dik tal-persuni mhux diżabbli. In-neċessità ta’ għajnuna tikkostitwixxi l-kriterju li jiddetermina d-dritt għal dawn il-benefiċċji. Id-dritt għad-DLA jew għall-AA ma jiddependix minn inkapaċità għax-xogħol u t-tliet benefiċċji in kwistjoni jingħataw indipendentement mil-livell ta’ dħul tal-benefiċjarju tagħhom; hija biss ir-rata tagħhom li tista’ tkun differenti.
67 Kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju Unit, hija biss id-DLA li tista’ titqies li tinkludi komponent ta’ għajnuna soċjali. Iż-żewġ benefiċċji l-oħra in kwistjoni għandhom biss l-iskop li huwa simili għal dak tal-benefiċċju Żvediż ta’ l-invalidità, jiġifieri li jgħin lill-persuna b’diżabbiltà sabiex tegħleb, safejn huwa possibbli, id-diżabbiltà tagħha fl-atti tal-ħajja ta’ kuljum.
68 Konsegwentement, dawn it-tliet benefiċċji kif ukoll dawk preċedenti għandhom jitqiesu bħala benefiċċji tal-mard, anki jekk id-DLA tinkludi parti differenti li tirrigwarda l-mobbiltà.
69 Fil-fatt, kif wara kollox osservat il-Kummissjoni, il-komponent tal-“mobbiltà” tad-DLA, li tista’ titqies bħala benefiċċju speċjali non-kontributorju, tista’ tiġi individwalizzata, b’tali mod li dan il-komponent ikun jista’ jissemma fil-lista li tidher fl-Anness IIA kif emendat jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li joħloq benefiċċju li jikkonċerna biss dan il-komponent.
70 Il-fatt li d-DLA, l-AA u l-CA, kuntrarjament għall-benefiċċju in kwistjoni fis-sentenzi Jauch u Hosse, iċċitati iktar ’il fuq, m’għandhomx essenzjalment l-iskop li jikkompletaw benefiċċji ta’ assigurazzjoni kontra l-mard ma jaffettwax il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-benefiċċji.
71 Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenzi Snares u Partridge, iċċitati iktar ’il fuq, li d-DLA u l-AA kienu, fil-kuntest ġuridiku ta’ dak iż-żmien, benefiċċji li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2a)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, ma jaffettwax l-evalwazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħmel fir-rigward ta’ dawn il-benefiċċji fil-kuntest ġuridiku eżistenti wara li ngħatat is-sentenza Jauch, iċċitata iktar ’il fuq.
72 Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament issostni li r-Regolament Nru 647/2005 huwa vvizzjat bi żball fid-dritt inkwantu d-DLA, l-AA u l-CA jissemmew fil-lista li tidher fl-Anness IIA kif emendat, li hija rriżervata għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji.
73 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-punt 2 ta’ l-Anness I tar-Regolament Nru 647/2005, li jidhru taħt it-titoli “Il-Finlandja” (b), “L-Iżvezja” (ċ), u “Ir-Renju Unit” (d) sa (f), huma vvizzjati bi żball fid-dritt u għandhom, konsegwentement, jiġu annullati.
Fuq l-effetti ta’ din is-sentenza fiż-żmien
74 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tosserva li l-annullament pur u sempliċi ta’ l-inklużjoni tad-DLA fil-lista li tidher fl-Anness IIA kif emendat ikollu l-effett li jġiegħel lir-Renju Unit sabiex jagħti l-element tal-“mobbiltà” ta’ dan il-benefiċċju lil numru mhux determinat ta’ benefiċjarji fl-Unjoni Ewropea kollha, għalkemm in-natura ta’ benefiċċju non-kontributorju ta’ din il-parti tad-DLA ma tistax tiġi kkontestata u tista’ legalment tiġi inkluża fil-lista msemmija bħala benefiċċju mhux esportabbli.
75 Dan il-fatt jiġġustifika li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita s-setgħa mogħtija lilha espliċitament mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 231 KE fil-każ ta’ annullament ta’ regolament, li żżomm provviżorjament fis-seħħ l-effetti ta’ l-inklużjoni tad-DLA f’dak li jirrigwarda biss il-parti tal-mobbiltà, bil-għan li jittieħdu, fi żmien raġjonevoli, il-miżuri xierqa sabiex jassiguraw l-inklużjoni tagħha fl-Anness IIA kif emendat.
Fuq l-ispejjeż
76 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. B’mod konformi ma’ l-Artikolu 69(3)(i) ta’ l-istess Regolament, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li l-Parlament u l-Kunsill tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom u dawk tal-Kummissjoni f’partijiet indaqs. B’mod konformi ma’ l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-dispożizzjonijiet tal-punt 2 ta’ l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, taħt it-titoli “Il-Finlandja” (b), “L-Iżvezja” (ċ), u “Ir-Renju Unit” (d) sa (f) huma annullati.
2) L-effetti ta’ l-inklużjoni tal-benefiċċju għas-sussistenza għall-persuni b’diżabbiltà taħt it-titolu “Ir-Renju Unit” (d) ta’ l-Anness IIA tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat mir-Regolament Nru 647/2005, jinżammu biss fir-rigward tal-parti tal-“mobbiltà”, bil-għan li jittieħdu, fi żmien raġjonevoli, il-miżuri xierqa sabiex jassiguraw l-inklużjoni tagħha fl-Anness.
3) Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u dawk tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
4) Ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ l-Iżvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy