SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
23 ta' Novembru 2006 (*)
“Direttiva 91/628/KEE– Protezzjoni ta' l-annimali waqt it-trasport – Intervalli ta' tisqija, ta' tmigħ u l-ħinijiet tal-vjaġġ u tal-perijodi ta' mistrieħ – Kunċett ta' 'trasport' (‘Transportdauer’) – Teħid in kunsiderazzjoni tad-dewmien tat-tagħbija u l-ħatt ta' l-annimali”
Fil-kawża C-300/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Mejju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta' Lulju 2005, fil-proċedura
Hauptzollamt Hamburg-Jonas
vs
ZVK Zuchtvieh-Kontor GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, P. Kūris, J. Klučka (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta' Ottubru 2006,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għal ZVK Zuchtvieh-Kontor GmbH, minn K. Landry, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,
– għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Nolin u F. Erlbacher, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' "trasport" imsemmi fil-paragrafu 48(4)(d) ta' l-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE tad-19 ta’ Novembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport, liema direttiva temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE (ĠU L 340, p.17), kif emendati bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-29 ta' Ġunju 1995 (ĠU L 148, p. 52, iktar ‘il quddiem id-"Direttiva 91/628").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Hauptzollamt Hamburg-Jonas (iktar 'il quddiem "Hauptzollamt") kontra ZVK Zuchtvieh-Kontor GmbH (iktar 'il quddiem "ZVK") fir-rigward ta' akkont fuq rifużjoni għall-esportazzjoni ta' bovini ħajjin lejn l-Eġittu.
Kuntest Ġuridiku
3 It-tieni u t-tmien premessi tad-Direttiva 91/628, fil-verżjoni oriġinali tagħha, huma fformulati kif ġej:
"Billi sabiex jiġu eliminati l-intoppi tekniċi għall-kummerċ f’annimali ħajjin u biex ikun permess li l-organizzazzjonijiet tas-suq f’dan il-każ jaħdmu bla xkiel, waqt li jkun asigurat livell sodisfaċenti ta’ protezzjoni għall-annimali kkonċernati, il-Komunità addottat regoli f’dan il-qasam;
[…]
Billi għal raġunijiet tal-ħarsien ta’ l-annimali it-trasport ta’ l-annimali tul distanzi twal, inklużi annimali għall-qatla, għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun possibli"
4 Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 91/628, wieħed għandu jifhem dan il-kliem kif ġej:
"(a) "mezzi tat-trasport", dawk il-partijiet ta’ vetturi tat-triq, vaguni tal-ferrovija, vapuri w ajruplani wżati għat-tagħbija u l-ġarr ta’ l-annimali, kif ukoll kontenituri għat-trasport bl-art, bil-baħar jew bl-ajru;
(b) "trasport", kull ċaqlieq ta’ annimali, effettwat permezz ta’ trasport li jinvolvi t-tagħbija u l-ħatt ta’ l-annimali;
[…]
(e) "post tat-tluq", il-post li minnu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(2)(b), l-annimal jitgħabba għall-ewwel darba fuq il-mezz tat-trasport, jew kull post fejn l-annimali jkunu ġew maħtuta w akkommodati ta’ l-anqas għal 10 sigħat, mogħtija l-ilma, mitmugħa u, fejn meħtieġ, ikkurati, iżda eskluż kull punt ta’ waqfien jew ta’ trasferiment.
[…]
(f) "post tad-destinazzjoni", il-post li fih l-annimal jinħatt għall-aħħar darba mill-mezzi tat-trasport, iżda eskluż punt tal-waqfien jew il-punt tat-trasferiment;
(g) "vjaġġ", it-trasport mill-post tat-tluq sal-post tad-destinazzjoni."
5 Fil-Kapitolu VII ta' l-anness tad-Direttiva 91/628, il-paragrafu 48, intitolat "Interval ta' tisqija u ta' tmigħ, il-ħinijiet tal-vjaġġ u l-perjodi ta' mistrieħ", jgħid:
"[...]
4. L-intervalli ta' tmigħ u tat-tisqija, il-ħinijet tal-vjaġġ u l-perjodi ta' mistrieħ meta jintużaw l-vetturi tat-triq li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 3 huma definiti kif ġej:
[...]
(d) L-annimali l-oħra kollha ta' l-ispeċi li għalihom issir referenza fil-punt 1 iridu, wara 14-il siegħa ta' vjaġġ, jingħataw perjodu ta' mistrieħ ta' mill-inqas siegħa li tkun biżżejjed għalihom b'mod partikolari sabiex jingħataw likwidu u jekk ikun meħtieġ għalf. Wara dan il-perjodu ta' mistrieħ, jistgħu jiġu trasportati għal 14-il siegħa oħra.
5. Wara l-ħin tal-vjaġġ stabbilit, l-annimali jridu jinħattu, jingħataw x'jieklu u x'jixorbu u jitħallew jistrieħu għal mill-inqas 24 siegħa.
[…]"
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
6 Fil-ħarifa tas-sena 2000, ZVK esportat 28 bovin ħaj lejn l-Eġittu, u għal dawn irċeviet akkont fuq rifużjoni għall-esportazzjoni.
7 Madankollu, il-Hauptzollamt talab ir-rimbors ta' dan l-akkont b'żieda ta' 10%, minħabba li ZVK ma rrispettatx it-tul ta' żmien massimu ta' trasport awtorizzat mingħajr mistrieħ kif stipulat fil-paragrafu 48(4)(d) ta' l-anness tad-Direttiva. Fil-fatt, irriżulta mill-pjan ta' rotta li t-trasport tal-bovini bit-trakk, li beda fis-6 ta' Novembru 2000 fl-10:00 ta' filgħodu, ma waqaf qatt ħlief l-għada fis-1:00 ta' filgħodu, jiġifieri wara ħmistax-il siegħa.
8 ZVK u l-Hauptzollamt ma jaqblux f'dan ir-rigward. Fil-fatt, ZVK issostni li t-tul ta' żmien tat-trasport għandu jiġi kkalkulat mill-mument meta l-mezz ta' trasport ikun telaq mill-post tat-tluq, b'mod li t-trasport in kwistjoni ma jkunx dam aktar minn tlettax-il siegħa u tletin minuta. Min-naħa l-oħra, skond il-Hauptzollamt, l-imsemmi trasport, jinkludi wkoll il-perijodu ta' tagħbija u ta' ħatt, li jwasslu għal tul ta' żmien ta' iktar minn erbatax-il siegħa.
9 Il-Finanzgericht Hamburg (il-qorti tal-finanzi ta' Hamburg) laqgħet l-appell magħmul minn ZVK kontra d-deċiżjoni tal-Hauptzollamt.
10 Konsegwentament, din ressqet talba għar-"Reviżjoni" magħmula kontra d-deċiżjoni tal-Finanzgericht quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti federali tal-finanzi).
11 Il-Bundesfinanzhof qieset li s-soluzzjoni għall-kawża prinċipali tiddependi fuq il-punt jekk iż-żmien waqt it-tagħbija tal-bovini fuq it-trakk jagħmilx parti mit-trasport skond il-paragrafu 48(4)(b) ta' l-anness tad-Direttiva 91/628. Jekk ir-risposta għal din il-mistoqsija tkun fil-pożittiv, it-tul ta' żmien massimu ta' trasport awtorizzat ta' erbatax-il siegħa skond din id-dispożizzjoni jkun inqabeż. Kuntrarjament, dan it-tul ta' żmien ikun ġie rrispettat kemm-il darba ż-żmien waqt it-tagħbija ma jingħaddx fit-trasport skond din id-dispożizzjoni.
12 Il-qorti tar-rinviju tirrimarka, f'dan ir-rigward, li jekk jirriżulta b'mod ċar mill-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 91/628 li t-trasport jinkludi fih it-tagħbija u l-ħatt ta' l-annimali, il-paragrafu 48(5) ta' l-anness ta' din id-Direttiva kif ukoll id-differenzi li jirriżultaw mill-qari tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-paragrafu 48(4) ta' l-istess anness jwasslu għal inċertezza fir-rigward ta' l-estensjoni eżatta tal-kunċett ta' trasport.
13 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u tressaq is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"Il-perijodi ta’ tagħbija u ta’ ħatt jiffurmaw parti mit-'trasport' skond il-paragrafu 48(4)(d) ta' l-anness tad-[Direttiva 91/628]?"
Fuq id-domanda preliminari
14 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq, sostanzjalment, li tingħata interpretazzjoni tal-kunċett ta' trasport skond il-paragrafu 48(4)(d) ta' l-anness tad-Direttiva 91/628, fid-dawl ta' l-inċertezzi li jistgħu joħorġu mill-kliem tal-paragrafu 48(5) ta' dan l-anness u tad-diverġenzi lingwistiċi bejn il-verżjonijiet differenti tal-paragrafu 48(4) ta' l-imsemmi anness.
15 Preliminarjament, skond ġurisprudenza kostanti, għandu jiġi mfakkar li għall-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni ta' dritt komunitarju hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha hija parti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta' Mejju 2000, KVS International, C-301/98, Ġabra p. I-3583, punt 21, tad-19 ta' Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 50, u tas-6 ta' Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑53/05, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra).
16 Barra minn hekk, fir-rigward ta’ eventwali diverġenzi lingwistiċi, il-Qorti diġà ddeċidiet, minn naħa, li l-ħtieġa ta' interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju ma tippermettix li test determinat jiġi kkunsidrat b'mod iżolat, iżda titlob, fil-każ ta' dubju, li jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi l-oħra u, min-naħa l-oħra, li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta' test Komunitarju għandhom jiġu interpretati b'mod uniformi, u għalhekk, f'każ ta' differenza bejniethom, id-dispożizzjoni in kwistjoni tiġi interpretata skond il-kuntest ġenerali u ta' l-għan aħħari tar-regoli li tagħhom tifforma parti (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta' Marzu 1990, Cricket St Thomas, C‑372/88, Ġabra. p. I‑1345, punt 19; kif ukoll dik tad-9 ta' Marzu 2006, Zuid-Hollandse Milieufederatie u Natuur en Milieu, C‑174/05, Ġabra. p. I‑2443, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 F'dak li jirrigwarda l-kunċett ta' "trasport" imsemmi fil-paragrafu 48(4)(d) ta' l-anness tad-Direttiva 91/628, għandu jingħad li din id-dispożizzjoni ma tagħti l-ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk il-perijodu ta' tagħbija u ta' ħatt humiex inklużi f'dan il-kunċett jew le.
18 Madankollu, jirriżulta espressament mid-definizzjoni tal-kelma "trasport" li tidher fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 91/628 li t-trasport jinkludi fih it-tagħbija u l-ħatt ta' l-annimali.
19 Din id-definizzjoni tal-kunċett ta' "trasport" taqbel ma l-għanijiet tad-Direttiva 91/628, kif jirriżultaw b'mod ċar fit-tieni u t-tmien premessi tal-verżjoni oriġinali tagħha, li huma dawk li jiġi assigurat livell sodisfaċjenti ta' protezzjoni ta' l-annimali, kif ukoll, għal raġunijiet tal-ħarsien tagħhom, li jitqassar, safejn huwa possibbli, it-trasport tagħhom f'distanzi twal.
20 Peress li d-Direttiva ma tagħti l-ebda limitu ta' żmien għat-tagħbija u għall-ħatt ta' l-annimali, isegwi li, jekk il-paragrafu 48(4)(d) ta' l-anness tad-Direttiva 91/628 jiġi interpretat fis-sens li dan iż-żmien mhuwiex inkluż fit-tul ta' żmien tat-trasport, it-tul ta' żmien tat-tagħbija u tal-ħatt ma jittieħed bl-ebda mod in kunsiderazzjoni, liema interpretazzjoni ċċaħħad l-effett ta' l-imsemmija dispożizzjoni.
21 F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-kunċett ta' trasport jiġi interpretat fis-sens li jinkludi fih it-tagħbija u l-ħatt ta' l-annimali.
22 Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mit-tqabbil tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-paragrafu 48(4)(d) ta' l-anness tad-Direttiva 91/628. Fil-fatt, jirriżulta mill-maġġoranza ta' l-imsemmija verżjonijiet li t-trasport għandu jinftiehem li jinkludi t-tagħbija u l-ħatt ta' l-annimali.
23 F'kull każ, din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' trasport, li għandha tiġi applikata għad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva, ma tistax tiġi kkontestata biss minħabba li l-paragrafu 48(5) ta' l-anness tad-Direttiva 91/628 jgħid li l-annimali jridu jinħattu wara l-ħin tal-vjaġġ stabbilit.
24 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-kunċett ta' "trasport" imsemmi fil-paragrafu 48(4)(d) ta' l-anness tad-Direttiva 91/628 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi fih it-tagħbija u l-ħatt ta' l-annimali.
Fuq l-ispejjeż
25 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tgħid:
Il-kunċett ta' "trasport" imsemmija fil-paragrafu 48(4)(d) ta' l-anness tad-Direttiva tal-Kunsill Nru. 94/628/KEE, tad-19 ta' Novembru 1991, dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport, liema Direttiva temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE, kif emendati bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-29 ta' Ġunju 1995 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi fih it-tagħbija u l-ħatt ta' l-annimali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy