SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
18 ta’ Jannar 2007 (*)
"Moviment liberu tal-ħaddiema – Kalkolu ta’ l-ammont ta’ allowances ta’ kuljum tal-mard skond id-dħul nett, li huwa ddeterminat mill-klassi ta’ taxxa – Tniżżil ex officio ta’ ħaddiem migrant li l-konjuġi tiegħu jirrisjedi fi Stat Membru ieħor fi klassi ta’ taxxa inqas favorevoli – Bdil fil-klassi ta’ taxxa biss fuq talba tal-ħaddiem migrant – Non-kunsiderazzjoni ta’ modifika a posteriori tal-klassi ta’ taxxa mmotivata mis-sitwazzjoni familjari ta’ dan il-ħaddiem – Prinċipju ta’ trattament ugwali – Ksur"
Fil-kawża C-332/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundessozialgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Settembru 2005, fil-kawża
Aldo Celozzi
vs
Innungskrankenkasse Baden-Württemberg,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Schintgen (Relatur), P. Kūris, J. Makarczyk u G. Arestis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Innungskrankenkasse Baden-Württemberg, minn R. Kitzberger, Rechtsanwalt,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u I. Kaufmann-Bühler, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 3(1) u 23(3) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1, iktar ‘il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71"), kif ukoll ta’ l-Artikoli 7(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2) u 39 KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Celozzi u l-Innungskrankenkasse Baden-Württemberg (iktar ‘il quddiem l-"Innungskrankenkasse") minħabba r-rifjut ta’ din li tieħu in kunsiderazzjoni b’mod retroattiv, għall-kalkolu ta’ l-ammont ta’ allowances ta’ kuljum fil-każ ta’ mard (iktar ‘il quddiem l-"allowances ta’ kuljum") mogħtija lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali skond il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, il-bdil fil-klassi ta’ taxxa li fiha taqa’ din ta’ l-aħħar.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li:
"Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, il-persuni residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri li għalih japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi u jgawdu l-istess benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta’ dan l-Istat."
4 Skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru għandu jgawdi, fuq it-territorju ta’ Stati Membri oħra, "l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru".
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 L-Artikolu 47 tal-Ktieb V tas-Sozialgesetzbuch (iktar ‘il quddiem is-"SGB") jaqra kif ġej:
"(1) L-ammont ta’ l-allowances ta’ kuljum għandu jkun ta’ 70% tar-rimunerazzjoni u tad-dħul regolari mix-xogħol, safejn huma suġġetti għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet (rimunerazzjoni normali [Regelentgelt]). L-allowances ta’ kuljum ikkalkulati abbażi tar-rimunerazzjoni ma jistgħux jaqbżu 90% tar-rimunerazzjoni netta kkalkulata skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2. Ir-rimunerazzjoni normali hija kkalkulata skond il-paragrafi 2, 4 u 6. L-allowances huma mħallsa fuq bażi ta’ kuljum. Jekk dawn għandhom jiġu mħallsa għal xahar kalendarju sħiħ, dan għandu jitqies li jinkludi 30 ġurnata.
(2) Ir-rimunerazzjoni normali hija bbażata fuq l-ammont tar-rimunerazzjoni, bi tnaqqis ta’ kull rimunerazzjoni eċċezzjonali, li l-assigurat jirċievi taħt l-aħħar perijodu ta’ rendikont jew almenu taħt l-erba’ ġimgħat imħallsa (perijodu ta’ kalkolu) qabel il-bidu ta’ l-inkapaċità għax-xogħol, diviż bin-numru ta’ sigħat imħallsa. Din iċ-ċifra hija mmultiplikata bin-numru normali ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa stipulat fil-kuntratt tax-xogħol u diviż b’seba’ darbiet. Jekk ir-rimunerazzjoni hija kkalkulata fuq bażi ta’ xahar jew jekk mhuwiex possibbli li tiġi kkalkulata r-rimunerazzjoni normali skond l-ewwel u t-tieni sentenzi iktar ‘il fuq, din ta’ l-aħħar tikkorrispondi għal wieħed minn tletin parti tar-rimunerazzjoni, bi tnaqqis ta’ kull rimunerazzjoni eċċezzjonali, imħallsa għall-aħħar xahar ċivili imħallas qabel l-inkapaċità għax-xogħol.
[…]
(6) Ir-rimunerazzjoni normali tittieħed in kunsiderazzjoni sa l-ammont tal-limitu tal-kontribuzzjoni ta’ kuljum li sservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet."
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
6 Is-Sur Celozzi, ċittadin Taljan imwieled fl-1942, ħadem u rrisjeda għal perijodu twil fil-Ġermanja filwaqt li martu, ta’ nazzjonalità Taljana u mingħajr impjieg, kompliet tirrisjedi fl-Italja ma’ wliedhom.
7 Għall-aħħar xogħol tiegħu bħala bennej, is-Sur Celozzi kien assigurat ma’ l-Innungskrankenkasse. Waqt ix-xahar ta’ Mejju 1997, wara dħul fl-isptar, huwa kien inkapaċitat mix-xogħol għal żmien twil u ġie mħallas allowances ta’ kuljum għall-perijodi mill-20 ta’ Ġunju 1997 sas-27 ta’ Jannar 1998 u mis-26 ta’ Frar sal-5 ta’ Novembru 1998. Wara, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali rċieva benefiċċji tal-qgħad.
8 Għall-kalkolu ta’ dawn l-allowances ta’ kuljum, l-Innungskrankenkasse bbażat ruħha fuq ir-rimunerazzjoni mħallsa lis-Sur Celozzi minn min iħaddmu f’April 1997, li hija l-aħħar rimunerazzjoni li dan irċieva. Sa din id-data, iċ-ċertifikat tat-taxxa fuq il-pagi mħallsa kull sena mill-amministrazzjoni tal-komun kompetenti u mgħoddija mill-ħaddiem lil min iħaddmu (iktar ‘il quddiem iċ-"ċertifikat tat-taxxa") kien jgħid li s-Sur Celozzi kien jaqa’ taħt il-klassi ta’ taxxa II, jiġifieri dik li tapplika normalment għal ħaddiem bit-tfal li huwa permanentement isseparat minn martu, u minn tnaqqis ta’ taxxa għal żewġ itfal. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċieva rimunerazzjoni netta ta’ 2566.22 DEM u allowances ta’ kuljum ta’ 72.70 DEM. Kieku ġiet ikkalkulata abbażi tal-klassi ta’ taxxa III, jiġifieri dik li taħtha ġeneralment jaqa’ ħaddiem miżżewweġ, li jgħix ma’ martu, iżda li huwa biss għandu impjieg bi qliegħ, l-ammont tar-rimunerazzjoni netta kien jammonta għal 2903.52 DEM u l-allowances ta’ kuljum kienu ta’ 82.25 DEM.
9 Waqt ix-xahar ta’ Awwissu tas-sena 2000, is-Sur Celozzi talab l-Innungskrankenkasse teżamina mill-ġdid il-kalkolu ta’ l-allowances ta’ kuljum tiegħu billi tikkunsidrah li jaqa’ taħt il-klassi ta’ taxxa III, li hija iktar favorevoli minn dik li kienet ġiet attribwita lilu u li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tagħha minn meta sar intitolat għal dawn il-benefiċċji. Għal dan il-għan, huwa sostna li kien bbenefika a posteriori minn tnaqqis fuq it-taxxa fuq id-dħul u minn żieda tal-benefiċċji tal-qgħad tiegħu.
10 Minkejja li l-uffiċċju tat-taxxa Ġermaniż ikkonċernat ikkonferma li l-kundizzjonijiet ta’ tassazzjoni konġunta tas-Sur Celozzi u ta’ martu kienu sodisfatti mis-sena 1997, l-Innungskrankenkasse ċaħad li jħallsu retroattivment allowances ta’ kuljum ogħla, għar-raġuni li dawn kienu ġew ikkalkulati korrettament fil-mument meta r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien inkapaċitat mix-xogħol u li modifika retroattiva tal-klassi ta’ taxxa, skond il-ġurisprudenza eżistenti fil-qasam, ma kellha l-ebda effett fuq l-ammont ta’ dawn l-allowances.
11 Billi dan ġie miċħud preċedentement, is-Sur Celozzi ppreżenta rikors għal "Reviżjoni" quddiem il-Bundessozialgericht u sostnieh billi invoka l-ksur tad-dritt Komunitarju primarju u sekondarju. Huwa jsostni li, billi fil-fatt kien jaqa’ taħt il-klassi ta’ taxxa III u mhux taħt il-klassi ta’ taxxa II, li hija inqas favorevoli għalih u li ġiet attribwita lilu minħabba l-fatt li martu tirrisjedi fl-Italja, huwa vittma ta’ żvantaġġ speċifiku li jikkostitwixxi, fil-konfront tiegħu, diskriminazzjoni marbuta mal-kwalità tiegħu bħala ħaddiem migrant. Anki jekk il-bdil fil-klassi ta’ taxxa li ġiet attribwita lilu kienet possibbli taħt ċertu kundizzjonijiet u biss jekk iġib il-prova tas-sitwazzjoni familjari u finanzjarja tiegħu, hija madankollu kienet titlob applikazzjoni speċifika u espressa min-naħa tiegħu. Il-bżonn ta’ talba bħal din għandha bħala konsegwenza li l-ħaddiema migranti, li l-konjuġi tagħhom jgħix ta’ spiss fil-pajjiż li tiegħu huma oriġinarji, jiġu attribwiti, inizjalment, klassi ta’ taxxa ineżatta, jiġifieri dik li jaqgħu taħtha l-konjuġi separati, u jirċievu, fil-każ li jkunu inkapaċi li jaħdmu, allowances ta’ kuljum inqas għal dawk li kien ikollhom dritt għalihom li kieku jaqgħu taħt il-klassi ta’ taxxa li tikkorispondi għas-sitwazzjoni reali tagħhom, mingħajr ma din l-ineżattezza tkun tista’ tiġi rrimedjata a posteriori. Id-dritt Ġermaniż, għaldaqstant, jagħti lok għal diskriminazzjoni indiretta, u dan iktar u iktar billi l-ebda dipartiment ma ġibed l-attenzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali dwar din l-ineżattezza kif ukoll dwar il-possibbiltà li jinkiseb il-bdil fil-klassi ta’ taxxa li ġiet attribwita lilu ex officio.
12 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundessozialgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
"""Huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju primarju u/jew sekondarju [b’mod partikolari l-Artikolu 39 KE (l-ex Artikolu 48 tat-Trattat KE), l-Artikoli 3(1) u 23(3) tar-Regolament […] Nru 1408/71 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament […] Nru 1612/68] li ħaddiem migrant miżżewweġ, li jaħdem fil-Ġermanja u li martu tirrisjedi fi Stat Membru ieħor, jiriċievi benefiċċji ta’ kuljum fi flus mingħand l-assigurazzjoni tal-mard abbażi tar-rimunerazzjoni netta li tirriżulta mill-klassi ta’ taxxa fuq il-pagi mniżżla fiċ-ċertifikat ta’ taxxa fuq il-pagi tal-ħaddiem, mingħajr ma modifika ulterjuri u retroattiva, favorevoli għal dan ta’ l-aħħar, tal-karatteristiċi fiskali tiegħu marbuta mas-sitwazzjoni familjari tiegħu jiġu meħuda in kunsiderazzjoni?"
Fuq id-domanda preliminari
13 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, qabel kollox għandu jiġu mfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-ħaddiema, il-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 39(2) KE ġie implementat fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71.
14 Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk dan ir-regolament jippermettix, minnu nnifsu, li jforni lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ risposta neċessarji sabiex tkun f’pożizzjoni li ssolvi l-kawża li għandha quddiemha.
15 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk benefiċċji bħal dawk in kwistjoni jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.
16 Skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-distinzjoni bejn benefiċċji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u benefiċċji li jaqgħu f’dan il-kamp tistrieħ essenzjalment fuq l-elementi kostituttivi ta’ kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet tiegħu u l-kundizzjonijiet ta’ l-għoti tiegħu, u mhux fuq il-fatt li benefiċċju jkun jew ma jkunx ikklassifikat bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx, 249/83, Ġabra p. 973, punt 11; ta’ l-10 ta’ Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑111/91, Ġabra p. I‑817, punt 28; tat-2 ta’ Awwissu 1993, Acciardi, C‑66/92, Ġabra p. I‑4567, punt 13, u tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints, C-57/96, Ġabra p. I‑6689, punt 23).
17 Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll, diversi drabi, li benefiċċju jista’ jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali safejn, l-ewwel nett, huwa konċess lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment definita u safejn, it-tieni nett, hija tirreferi għal wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi iċċitati Hoeckx, punti 12 sa 14; Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punt 29; Acciardi, punt 14, u Meints, punt 24).
18 Mhuwiex ikkontestat li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti fil-kawża prinċipali.
19 Fil-fatt, minn naħa, dispożizzjonijiet bħal dawk previsti mill-Artikolu 47 tal-ktieb V tas-SGB jagħtu lill-benefiċċjarju, fil-każ li huwa inkapaċi li jaħdem minħabba mard, dritt għal allowances ta’ kuljum, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjoni tal-bżonnijiet personali tiegħu u, min-naħa l-oħra, benefiċċji ta’ din in-natura huma msemmija espliċitament fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.
20 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ġa ddeċidiet, fir-rigward tal-ħlas ta’ benefiċċji minn min iħaddem għaż-żamma tal-pagi, li l-benefiċċji, kif ukoll il-benefiċċji ta’ kuljum tal-mard li l-ħlas tagħhom huwa sospiż għal perijodu ta’ mhux iktar minn sitt ġimgħat minħabba f’dan il-ħlas, huma benefiċċji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 1992, Paletta, C‑45/90, Ġabra p. I-3423, punt 17).
21 Huwa għalhekk fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71, u b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 3(1) tiegħu, li għandha tiġi eżaminata d-domanda mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju.
22 Għandu jiġi mfakkar, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu bħala għan li jassigura, skond l-Artikolu 39 KE, favur il-persuni li għalihom japplika dan ir-regolament, l-ugwaljanza fil-qasam tas-sigurtà soċjali mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, billi telimina kull diskriminazzjoni f’dan ir-rigward li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri (is-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1997, Mora Romero, C-131/96, Ġabra p. I‑3659, punt 29, u tal-21 ta’ Settembru 2000, Borawitz, C‑124/99, Ġabra p. I‑7293, punt 23).
23 Hija ġurisprudenza kostanti li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif stabbilit fl-Artikolu 3(1), jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-benefiċċjarji tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, iżda wkoll kull forma dissimulata ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu għall-istess riżultat (is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Mora Romero, punt 32, u Borawitz, punt 24).
24 B’hekk, għandhom jiġu kkunsidrati bħala indirettament diskriminatorji l-kundizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, minkejja li huma applikabbli mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, jaffettwaw essenzjalment jew fil-biċċa l-kbira tagħhom il-ħaddiema migranti, kif ukoll il-kundizzjonijiet applikabbli mingħajr distinzjoni li jistgħu jiġu sodisfatti iktar faċilment mill-ħaddiema nazzjonali milli mill-ħaddiema migranti jew inkella li jirriskjaw li joperaw, b’mod partikolari, għad-dannu ta’ dawn ta’ l-aħħar (is-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1996, O’Flynn, C-237/94, Ġabra p. I-2617, punt 18, u Borawitz, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 25).
25 Dan ikun differenti biss meta dawn id-dispożizzjonijiet huma, minn naħa, iġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi, indipendenti min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati, u min-naħa l-oħra, proporzjonati għall-għan mfittex leġittimament mid-dritt nazzjonali (is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq O’Flynn, punt 19, u Borawitz, punt 26).
26 Jirriżulta minn din il-ġurisprudenza kollha li, sakemm mhijiex oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata ma’ l-għan imfittex, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala indirettament diskriminatorja meta hija suxxettibbli, min-natura tagħha stess, li taffettwa iktar liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli liċ-ċittadini nazzjonali u li tirriskja, konsegwentement, li tqiegħed fi żvantaġġ iktar partikolarment lil ta’ l-ewwel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq O’Flynn, punt 20; Meints, punt 45, u Borawitz, punt 27).
27 Mhuwiex neċessarju, f’dan ir-rigward, li jiġi stabbilit li d-dispożizzjoni in kwistjoni taffettwa, fil-prattika, proporzjon sostanzjalment iktar importanti ta’ ħaddiema migranti. Biżżejjed jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni hija suxxettibbli li tipproduċi effett bħal dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi O’Flynn, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 21, u tat-28 ta’ April 2004, Öztürk, C‑373/02, Ġabra p. I‑3605, punt 57).
28 Huwa paċifiku li dispożizzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali japplikaw indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati.
29 Fil-fatt, minnu nnifsu, l-Artikolu 47 tal-ktieb V tas-SGB ma jistabbilixxi, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont ta’ allowances ta’ kuljum, l-ebda differenza formali ta’ trattament bejn il-ħaddiema nazzjonali u dawk li ġejjin minn Stat Membru ieħor.
30 Jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni ma tistax titqies b’mod iżolat, iżda għandha, għall-kuntrarju, tiġi evalwata fl-usa’ kuntest li fih hija għandha tkun applikata.
31 F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi mfakkar li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-ammont ta’ l-allowances ta’ kuljum ivarja skond il-paga netta li wieħed jirċievi, li huwa ddeterminat, min-naħa tiegħu, mill-klassi ta’ taxxa mniżżla fuq iċ-ċertifikat tat-taxxa ta’ dan il-ħaddiem u li, skond prattika amministrattiva, il-ħaddiem migrant, li l-konjuġi tiegħu tibqa’ ta’ spiss tirrisjedi fl-Istat Membru ta’ oriġini, hija kklassifikata ex officio fi klassi ta’ taxxa li tqiegħdha fi żvantaġġ, jiġifieri dik applikabbli għall-ħaddiema miżżewġa iżda permanentement isseparati mill-konjuġi tagħhom, minflok ma jiġi attribwit, bħall-ħaddiema nazzjonali, il-klassi ta’ taxxa l-iktar favorevoli li hija applikabbli għall-ħaddiema miżżewġa, li jgħixu mal-konjuġi tagħhom li ma jeżerċitax impjieg bi qliegħ.
32 In segwitu, kull rettifika fil-klassi ta’ taxxa mniżżla fuq iċ-ċertifikat ta’ taxxa tippresupponi, minn naħa, applikazzjoni espliċita tal-ħaddiem migrant, anki meta dan ta’ l-aħħar fl-ebda mument ma huwa infurmat mill-awtoritajiet kompetenti bl-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ rettifika bħal din u lanqas bl-obbligu li jippreżenta applikazzjoni speċifika sabiex jikseb il-modifika ta’ din il-klassi ta’ taxxa kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ l-awtorità fiskali ta’ l-Istat Membru fejn il-ħaddiem huwa ċ-ċittadin u eżami dettaljat tas-sitwazzjoni familjari u finanzjarja tal-persuna kkonċernata.
33 Fl-aħħar nett, rettifika tal-klassi ta’ taxxa li ġiet attribwita lill-persuna kkonċernata tibqa’ bla effett fuq l-ammont ta’ l-allowances ta’ kuljum mogħtija minn dan ta’ l-aħħar. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-inkartament mgħoddi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 47 tal-ktieb V tas-SGB teskludi, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, modifika retroattiva ta’ l-ammont ta’ dawn l-allowances u tammetti dan biss fil-każ meta min iħaddem irrifjuta illegalment il-ħlas ta’ rimunerazzjoni lill-assigurat, iżda madankollu jirrispetta iktar tard dan l-obbligu fil-kuntest tat-twettiq tal-kuntratt.
34 Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ma hemm l-ebda dubju li l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali bħal dawk fil-kawża prinċipali huma tali li jqiegħdu lill-ħaddiem migrant f’sitwazzjoni ta’ dritt jew ta’ fatt inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik li kieku jinsab fiha, fl-istess kundizzjonijiet, il-ħaddiem nazzjonali.
35 Konsegwentement, skema bħal din fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi differenza ta’ trattament bi ħsara għall-ħaddiema migranti.
36 Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza ta’ trattament tistax tiġi ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u jekk hijiex proporzjonata għall-għan leġittimu mfittex minn din l-iskema. F’dan ir-rigward, l-Innungskrankenkasse invokat argumenti li jirrigwardaw is-semplifikazzjoni amministrattiva tal-proċeduri ta’ għoti ta’ l-allowances ta’ kuljum kif ukoll il-funzjoni mogħtija mil-leġiżlatur nazzjonali lil dawn, jiġifieri dik li tiggarantixxi lill-ħaddiema kkonċernati dħul li jippermettilhom jipprovdu għas-sostenn tagħhom. Skond dan l-argument, meta jipproċedu għal kalkolu ta’ l-ammont ta’ allowances dovuti skond il-kriterji ddefiniti minn qabel fid-dritt fiskali, mingħajr il-bżonn li tiġi vverifikata minn qabel l-eżattezza ta’ dawn il-kriterji, il-korpi ta’ sigurtà soċjali huma f’pożizzjoni li jħallsu rapidament dawn l-allowances u jippermettu lill-ħaddiema kkonċernati li jirċievu dħul garantit. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jeffettwaw rettifika a posteriori tal-klassi ta’ taxxa twassal għal emenda retroattiva importanti ta’ l-ammont ta’ dawn l-allowances u tissuġġetta kemm dawn il-korpi kif ukoll il-benefiċċjarji ta’ dawn għal kalkoli twal u kumplessi.
37 Mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li jiġi eżaminat fuq liema livell għanjiet għas-semplifikazzjoni amministrattiva, għall-garanzija ta’ dħul ta’ għajxien u tal-komplessità tal-kalkoli li għandhom jiġu effettwati sabiex il-ħlas ta’ l-allowances ta’ kuljum ikunu jistgħu jikkostitwixxu għanjiet leġittimi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-miżuri in kwistjoni jmorru lil hinn minn dak neċessarju sabiex jinkisbu dawn l-għanjiet.
38 Fil-fatt, hekk kif tosservah il-qorti tar-rinviju stess, oġġettivi bħal dawn ma jostakolawx li rettifika fl-ammonti ta’ l-allowances tiġi konċessa a posteriori, b’mod partikolari bl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu li skondu l-ammont ta’ dawn l-allowances huwa adattat retroattivament sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni reali tal-ħaddiem migrant ikkonċernat.
39 Din il-konklużjoni hija kkoroborata wkoll mill-fatt li l-ġurisprudenza Ġermaniża nfisha ammettiet, almenu f’każ, modifika retroattiva ta’ l-allowances ta’ kuljum, peress li l-implementazzjoni ta’ din ma tagħti lok għal ebda diffikultà partikolari, hekk kif irrikonoxxieh il-kunsill ta’ l-Innungskrankenkasse waqt is-seduta.
40 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprekludi l-applikazzjoni ta’ skema ta’ allowances ta’ kuljum tal-mard implementat minn Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali:
– li bis-saħħa tiegħu l-ħaddiem migrant, li l-konjuġi tiegħu jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, huwa mniżżel ex officio fi klassi ta’ taxxa inqas favorevoli minn dik li jibbenefika minnha ħaddiem nazzjonali miżżewweġ, li l-konjuġi tiegħu jirrisjedi fl-Istat Membru kkonċernat u li ma għandu l-ebda impjieg bi qliegħ,
u
– li ma tippermettix li tittieħed in kunsiderazzjoni b’mod retroattiv, f’dak li jirrigwarda l-ammont ta’ dawn l-allowances, li huwa kkalkulat skond id-dħul nett, li min-naħa tiegħu huwa ddeterminat mill-klassi ta’ taxxa, rettifika a posteriori ta’ din wara applikazzjoni espliċita ta’ ħaddiem migrant ibbażata fuq is-sitwazzjoni familjari reali tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
41 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, jipprekludi l-applikazzjoni ta’ skema ta’ allowances ta’ kuljum tal-mard imħaddma minn Stat Membru, bħal dak fil-kawża prinċipali:
– li permezz tiegħu l-ħaddiem migrant, li l-konjuġi tiegħu jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, huwa mniżżel ex officio fi klassi ta’ taxxa inqas favorevoli minn dik li jibbenefika minnha ħaddiem nazzjonali miżżewweġ, li l-konjuġi tiegħu jirrisjedi fl-Istat Membru kkonċernat u li ma għandu l-ebda impjieg bi qliegħ,
u
– li ma tippermettix li tittieħed in kunsiderazzjoni b’mod retroattiv, f’dak li jirrigwarda l-ammont ta’ dawn l-allowances, li huwa kkalkulat skond id-dħul nett, li min-naħa tiegħu huwa ddeterminat mill-klassi ta’ taxxa, rettifika a posteriori ta’ din wara applikazzjoni espliċita ta’ ħaddiem migrant ibbażata fuq is-sitwazzjoni familjari reali tiegħu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy