SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
9 ta’ Novembru 2006 (*)
"Appell – Uffiċjal – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evoluzzjoni fil-karriera – Sena ta’ evalwazzjoni 2001/2002 – Drittijiet tad-difiża – It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 26 tar-Regolament"
Fil-kawża C-344/05 P
li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fil-21 ta’ Settembru 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Lozano Palacios u H. Kraemer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
il-parti l-oħra fil-kawża li hija
Joël De Bry, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li joqgħod fi Woluwe-St-Lambert (il-Belġju), irrappreżentat minn S. Orlandi, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Schintgen, J. Klučka, R. Silva de Lapuerta u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Lulju 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Lulju 2005, De Bry vs Il-Kummissjoni (T‑157/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ‘il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li biha annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2003 (iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata") li jagħmel definittiv ir-rapport ta’ evoluzzjoni fil-karriera (iktar ‘il quddiem ir-"REC") ta’ J De Bry, uffiċjal, dwar il-perijodu li jmur mill-1 ta’ Lulju 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2002.
Il-kuntest ġuridiku
2 L-ewwel u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża (iktar ‘il quddiem ir-"regolament"), jiddisponi:
"Il-fajl personali ta’ uffiċjal għandu jkun fih:
a) id-dokumenti kollha dwar l-istat amministrattiv tiegħu u r-rapporti kollha relatati ma’ l-abilità, l-effiċjenza u l-kondotta tiegħu;
b) kull kumment mill-uffiċjal dwar tali dokumenti.
Id-dokumenti għandhom ikunu reġistrati, numerati u merfugħa f’serje; id-dokumenti msemmija fil-paragrafu (a), ma jistgħux jintużaw jew ikunu kkwotati mill-istituzzjoni kontra uffiċjal sakemm ma kinux kkomunikati lilu qabel ma kienu ffajljati."
3 L-Artikolu 43 tar-regolament jgħid:
"L-abilità, l-effiċjenza u l-kondotta fis-servizz ta’ kull uffiċjal, ħlief għal dik fi gradi A1 u A2, għandhom ikunu suġġetti għal rapport perjodiku, li jsir mill-anqas darba kull sentejn kif ipprovdut għal kull istituzzjoni skond l-Artikolu 110.
Ir-rapport għandu jkun ikkomunikat lill-uffiċjal. Għandu jkun intitolat li jagħmel kull kumment dwaru li jikkunsidra rilevanti."
4 L-ewwel u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 110 tar-regolament, jipprovdu li d-dispożizzjonijiet ġenerali biex idaħħlu fis-seħħ dan għandhom ikunu adottati minn kull istituzzjoni, wara li jiġu kkonsultati l-Kumitat tal-Persunal u l-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal tagħhom, u wara jinġiebu għall-attenzjoni tal-persunal.
5 Fis-26 ta’ April 2002, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali biex idaħħlu fis-seħħ l-Artikolu 43 tar-regolament (iktar ‘il quddiem id-"Deċiżjoni DĠE 43"), li biha ġiet introdotta sistema ġdida ta’ evalwazzjoni.
6 L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni DĠE 43 jipprovdi t-twaqqif, kull sena, ta’ REK.
7 L-Artikoli 7 u 8 jirrigwardaw il-proċedura ta’ evalwazzjoni. Wara evalwazzjoni mwettqa mill-uffiċjal evalwat u djalogu bejn dan u l-evalwatur, il-kap tad-diviżjoni, ir-REK jiġi fformulat mill-evalwatur u l-validatur, superjur dirett ta’ dan, li jgħaddi dan lill-interessat. L-uffiċjal evalwat għandu d-dritt jitlob djalogu mal-validitur, li għandu l-fakultà kemm li jimmodifika, kemm li jikkonferma r-REK. Dan ta’ l-aħħar jingħadda għal darba oħra lill-interessat. Wara, l-uffiċjal evalwat jista’ jitlob lill-validitur li jressaq dan quddiem il-kumitat konġunt ta’ evalwazzjoni (iktar ‘il quddiem il-"KKE"). Il-KKE jiżgura li r-REK twettaq ekwament, oġġettivament u skond ir-regoli normali ta’ evalwazzjoni. Jivverifika wkoll li l-proċedimenti ġew korrettament segwiti, b’mod partikolari fir-rigward tad-djalogi/intervisti u tat-termini. Huwa jagħti opinjoni motivata. Din l-opinjoni, li tiġi nnotifikata lill-uffiċjal evalwat, lill-evalwatur u lill-validatur, tingħadda lill-evalwatur ta’ l-appell, superjur dirett tal-validatur, li jista’ kemm jikkonferma, kemm jimmodifika r-REK, qabel ma jgħaddiha lill-interessat. Jekk l-evalwatur ta’ appell ma jsegwix ir-rakkomandazzjonijiet fl-opinjoni tal-KKE, huwa jrid jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu.
8 Matul ix-xahar ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni ppubblikat dokument intitolat "Sistema ta’ evalwazzjoni tal-persunal iċċentrat fuq l-evoluzzjoni tal-karriera – Gwida" (iktar ‘il quddiem il-"gwida ta’ evalwazzjoni"). Skond din il-gwida, ir-REK jirrigwarda l-kompetenzi, ir-rendiment u l-kondotta fis-servizz ta’ kull uffiċjal. It-tliet oqsma ta’ evalwazzjoni hawn stabbiliti jeffettwaw skali distinti li rispettivament fihom, l-iktar sitta, għaxra u erba’ punti.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
9 J De Bry, uffiċjal fil-grad A 5 mas-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni, kien is-suġġett ta’ REK fid-data tat-18 ta’ Frar 2003, għall-perijodu li jmur bejn l-1 ta’ Lulju 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2002.
10 B’applikazzjoni tad-deċiżjoni DĠE 43, huwa talab reviżjoni ta’ l-evalwazzjoni tiegħu. Fid-19 ta’ Marzu 2003, ċerti emendi ddaħħlu mill-validatur fil-kummentarji deskrittivi, iżda n-noti lilu mogħtija baqgħu mhux mibdula.
11 Fil-qasam "Kondotta fis-servizz", il-kummentarju li ġej ġie miżjud:
"J De Bry għadu sallum disponibbli [biex] jiffinalizza xogħlu permezz ta’ sigħat supplementari matul il-ġimgħa, kif ukoll fi tmiem il-ġimgħa. Madankollu, din id-disponibbiltà barra mis-sigħat normali tas-servizz spiss iseħħ flimkien man-nuqqas ta’ rispett mal-ħinijiet normali tiegħu."
12 Fis-26 ta’ Marzu 2003, J De Bry talab li jressaq dan quddiem il-KKE. L-appell tiegħu ġie miċħud mid-deċiżjoni kkontestata, adottata mill-evalwatur ta’ appell.
13 Fis-26 ta’ Awwissu 2003, J De Bry ippreżenta lment skond l-Artikolu 90(2) tar-regolament. Dan ġie miċħud mill-awtorità tal-ħatra (iktar ‘il quddiem l-"AIPN") fis-6 ta’ Jannar 2004.
Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata
14 B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ April 2004, J De Bry ippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
15 Fis-sustanza, huwa bbażat fuq erba’ lmenti, li rispettivament jirriżultaw minn:
– ksur ta’ l-Artikolu 14 tar-regolament, li permezz tiegħu kull uffiċjal li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, huwa mitlub li jiddeċiedi dwar materja li fir-rigward tagħha għandu interess personali fit-tmexxija jew fir-riżultati li jfixkel l-indipendenza tiegħu għandu jinforma lill-awtorità dwarha;
– ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni;
– inkoerenza bejn ċerti kummentarji deskrittivi u l-evalwazzjoni numerika korrispondenti;
– ksur tad-drittijiet tad-difiża.
16 Fil-kuntest tar-raba’ lment, huwa jsostni li l-akkuża tan-nuqqas ta’ rispett tas-sigħat ta’ ħidma ma jistax jinżamm fir-REK ħlief jekk l-uffiċjal kellu l-okkażjoni jifformula minn qabel l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din l-akkuża, li ma kienx il-każ f’din il-kawża. L-allegat nuqqas ta’ puntwalità kellu jwassal, fil-mument li fih dan twettaq, għal twissijiet biex iżomm l-ordni li kienu jippermettuh isostni l-opinjoni tiegħu.
17 Il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lill-Kummissjoni tiddeċiedi fuq ir-rilevanza eventwali, tal-proċedura ta’ evalwazzjoni kontenzjuża, ta’ l-Artikolu 26 tar-regolament u l-ġurisprudenza li skond din l-għan tad-dispożizzjoni kien li jiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-uffiċjal.
18 Il-Kummissjoni rrispondiet li l-Artikolu 26 tar-regolament jippreżupponi l-eżistenza ta’ "dokumenti" u ma jimponix il-ħolqien tagħhom, b’mod partikolari, taħt il-forma ta’ twissija bil-miktub għall-uffiċjal.
19 Fil-punt 94 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħat ir-raba’ lment billi ddeċidiet, f’dak li jirrigwarda l-akkuża dwar is-sigħat ta’ ħidma, li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 26 tar-regolament.
20 Konsegwentement, fil-punti 95 u 96 ta’ l-istess sentenza, laqgħat it-tielet ilment f’dak li jgħid, peress li l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ puntwalità ġiet deċiża li kienet illegali, li l-akkuża korrispondenti kellha tiġi kkunsidrata bħala li ma tirriżultax fir-REK, b’mod li l-koerenza bejn nota ta’ "suffiċjenza" u l-kummentarji li jidhru fil-qasam "Kondotta fis-servizz" ġiet effettwata b’mod mhux negliġibbli.
21 Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet, għall-bqija, l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti.
22 Fl-aħħar nett, hija annullat id-deċiżjoni kkontestata u kkundannat lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
23 Fil-punt 83 tas-sentenza kkontestata, ġie deċiż li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-uffiċjal evalwat jimplika li elementi ta’ fatt bħal dawk f’din il-kawża, biex ikun jista’ jikkontestahom, iridu jingħataw bħala "dokumenti", fis-sens ta’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 26 tar-regolament, minn qabel imdaħħla fil-fajl personali tiegħu jew, għallinqas, minn qabel minnu magħrufa.
24 Fil-punt 86 ta’ l-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-uffiċjal, bil-periklu li jara d-drittijiet tiegħu tad-difiża miksura, li huma lilu ggarantiti mill-Artikolu 26 tar-regolament, kellu jiġi kkonfrontat, bi twissija bil-miktub, bil-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ puntwalità, u dan fi żmien utli, jiġifieri f’terminu raġjonevoli li jibda mill-fatt li bih jiġi akkużat, li b’mod partikolari jippermettilu jiddefendi b’mod utli l-interessi tiegħu meta jikkontesta din l-akkuża, kemm li jieħdu in kunsiderazzjoni biex itejjeb il-kondotta tiegħu fis-servizz, ikun mod kif jikseb nota tajba.
25 Minn naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset fil-punt 91 tas-sentenza kkontestata, li l-punt 3.1 tal-gwida ta’ evalwazzjoni, li l-Kummissjoni imponiet fuqha stess bħala regola ta’ kondotta, tistieden lill-evalwaturi jiżguraw, matul il-perijodu ta’ evalwazzjoni, li jiġbru eżempji ta’ xogħol, li jżommu kopji jew li jifformulaw noti. Fl-istess punt tas-sentenza kkontestata, hija qieset li, skond il-punt 3.2 tal-gwida ta’ evalwazzjoni, l-informazzjoni lilu mogħtija għandha tirreferi għal elementi preċiżi fil-kondotta u wkoll isseħħ mill-iktar fis possibbli wara l-ħidma.
It-talbiet tal-partjiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
26 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza kkontestata;
– tiddeċiedi l-kawża hija stess, billi tilqa’ t-talbiet ippreżentati minnha quddiemha fl-ewwel istanza u, għaldaqstant, tiċħad ir-rikors;
– sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;
– tordna lil J De Bry ibati l-ispejjeż ta’ l-istanza, inklużi l-ispejjeż tiegħu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
27 De Bry jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell bħala manifestament mhux fondat;
– tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Fuq l-appell
28 Ir-rikorrenti tqajjem ilment wieħed għall-annullment, maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati fuq żball ta’ dritt imwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-applikazzjoni, minn naħa, tal-prinċpju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u, min-naħa l-oħra, tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 26 tar-regolament.
L-argumenti tal-partijiet
29 Fil-kuntest ta’ l-ewwel parti ta’ l-ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-portata tal-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.
30 Dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati biss fl-istess proċedimenti li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ att li jaffettwa li jqajjem ilment.
31 Dan ma jimplikax obbligu, lill-awtur ta’ l-att li jqajjem ilment, li jindirizza minn qabel twissija, lill-persuna kkonċernata, tal-ftuħ ta’ proċedimenti.
32 Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ l-ilment tagħha, il-Kummissjoni tafferma li l-obbligu, li dwaru ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, li tagħti bil-miktub element ta’ fatt li uffiċjal jista’ jiġi akkużat bih ma jirriżultax mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 26 tar-regolament.
33 Din l-aħħar dispożizzjoni tissupponi l-eżistenza ta’ "dokumenti", fis-sens tas-subparagrafu (a) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ dan l-istess Artikolu. Dan ma jimponix l-obbligu li jinħolqu tali dokumenti.
34 J De Bry iqis li l-Artikolu 26 tar-regolament jiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-uffiċjal. Dan l-Artikolu għandu bħala għan li jevita li deċiżjonijiet ta’ l-AIPN li jaffettwaw is-sitwazzjoni amministrattiva u l-karriera ta’ l-uffiċjal ikkonċernat ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ fatt li jirrigwardaw il-kondotta li la kienu inklużi fil-fajl tiegħu u la ġew ikkomunikati lill-interessat.
35 Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza, skond ġurisprudenza kostanti, ġustament annullat id-deċiżjoni kkontestata.
36 J De Bry iżid li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha effettivament tivverifika jekk il-Kummissjoni applikatx, waqt it-twaqqif tar-REK, id-direttivi interni l-ġodda li b’mod partikolari jirriżultaw mill-punt 3.1 tal-gwida ta’ evalwazzjoni, li għandha tosserva.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
37 Skond ġurisprudenza kostanti, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedimenti kollha mibdija kontra persuna li jistgħu jwasslu għal att li jista’ jeffettwa lil din ta’ l-aħħar jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi ggarantit anki fin-nuqqas ta’ kull regolamentazzjoni dwar il-proċedimenti in kwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra. p. 2263, punt 27, u tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 99).
38 Dan il-prinċipju jitlob li l-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tista’ tgħarraf il-punt tagħha fir-rigward ta’ l-elementi li jistgħu jitressqu kontriha fl-att in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 27 fl-aħħar, u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C-458/98 P, Ġabra p. I-8147, punt 99).
39 Madankollu, in kwantu garanzija tal-proċedimenti, il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża m’għandux jiġi interpretat, fil-qasam ta’ l-evalwazzjoni tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej, li jimponi, qabel il-proċedimenti li jwasslu għal tali evalwazzjoni, obbligu ta’ twissija minn qabel.
40 Din il-konstatazzjoni mhijiex effettwata mill-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 26 tar-regolament, in kwantu tissuġġetta l-kontestatazzjoni lill-uffiċjal tar-rapporti kollha relatati ma’ l-abilità, l-effiċjenza u l-kondotta tiegħu għall-ikkomunikar tagħhom lill-interessat qabel ma jiddaħħlu fil-fajl personali tiegħu.
41 Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet korrispondenti, li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw id-dritt ta’ difiża ta’ l-uffiċjal (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 1972, Brasseur vs Il-Parlament, 88/71, Ġabra p. 499, punt 11, u tat-12 ta’ Frar 1987, Bonino vs Il-Kummissjoni, 233/85, Ġabra p. 739, punt 11), jirrigwardaw id-dokumenti ġa eżistenti. Huma jmorru kontra li, waqt il-proċedura ta’ evalwazzjoni, tali dokumenti jinżammu kontra l-uffiċjal evalwat mingħajr ma dawn ikunu ġew lilu kkomunikati qabel ma jiddaħħlu fil-fajl personali tiegħu. Huma ma jimponux it-tħejjija minn qabel tad-dokumenti li jifformalizzaw kull allegazzjoni tal-fatti akkużati lill-interessat.
42 Mhux iktar mill-prinċipju fundamentali stess, l-Artikolu 26 tar-regolament għalhekk ma jimponix obbligu ta’ twissija minn qabel.
43 IIl-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jippermetti lill-interessat , waqt il-proċedura ta’ evalwazzjoni, li jiddefendi lilu nnifsu mill-allegazzjoni tal-fatti li jistgħu jitressqu kontrih. Dan il-għan, b’mod partikolari jitwettaq mill-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 26 tar-regolament, kif ukoll bid-deċiżjoni DĠE 43, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jiżguraw ir-rispett tas-smigħ tal-partijiet matul il-proċedimenti, hekk kif jirriżulta mill-punt 7 ta’ din is-sentenza.
44 Ir-rwol tal-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża mhuwiex li jippermetti bl-istess mod lill-uffiċjal jaddatta għall-ġejjieni l-kondotta tiegħu sabiex jevita li fatti stabbiliti effettivament jinzammu kontrih. Għalhekk, hekk kif l-Avukat Ġenerali sostna fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-titjib fil-kondotta fis-servizz jikkostitwixxi għan li jmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, billi dan il-għan fir-realtà jitwettaq mir-rapport ta’ evalwazzjoni stess.
45 Għalhekk, billi kkonstatat, fil-punti 83 u 86 tas-sentenza kkontestata, ksur tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 26 tar-regolament mill-fatt tan-nuqqas ta’ twissija bil-miktub minn qabel, fl-istess ħin il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u dan l-Artikolu 26 tar-regolament.
46 Din il-konklużjoni mhijiex effettwata mill-motivazzjoni fil-punt 91 tas-sentenza kkontestata, dwar il-gwida ta’ evalwazzjoni, li l-Kummissjoni imponiet fuqha stess, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, bħala regola ta’ kondotta.
47 Fil-fatt, jekk il-kapitolu 3 tal-gwida ta’ evalwazzjoni jirrakkomanda "informazzjoni kostruttiva lilu […] mogħtija regolarment u fil-ħin", b’riferiment "għal elementi preċiżi ta’ kondotta", "mill-iktar fis possibbli wara l-ħidma", u jekk tistieden lill-evalwaturi "li jiġbru eżempji ta’ ħidma […], billi jżommu kopji jew jifformulaw noti", din tgħid ukoll li l-informazzjoni lilu mogħtija għandha tingħata "permezz, per eżempju, ta’ l-evalwazzjoni formali u informali u ta’ djalogu individwali". Għalhekk, dan ma jimponix it-twaqqif sistematiku ta’ twissija bil-miktub għal kull fatt li jista’ jkun is-suġġett ta’ akkuża.
48 Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, minħabba fi żbalji ta’ dritt imwettqa fl-interpretazzjoni tal-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ l-Artikolu 26 tar-regolament, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 95 u 96 tas-sentenza kkontestata, iddeduċiet wara irregolarment l-eżistenza ta’ inkoerenza li taffettwa l-kontenut ta’ REK, u wara laqgħat it-tielet ilment mqajjem quddiemha (ara l-punt 20 ta’ din is-sentenza).
49 Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li s-sentenza kkontestata għandha tiġi annullata in parti, safejn annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 26 tar-regolament u, konsegwentement, minħabba inkoerenza bejn ċerti kummentarji deskrittivi u l-evalwazzjoni numerika korrispondenti, f’dak li jirrigwarda l-akkuża tan-nuqqas ta’ rispett tas-sigħat ta’ ħidma.
Fuq il-konsegwenzi ta’ l-annulament tas-sentenza kkontestata
50 Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hija tista’ definittivament tiddeċiedi fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.
51 Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kawża, billi l-kawża effettivament hija fi stat li tiġi deċiża.
Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża
52 Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 37 sa 44 ta’ din is-sentenza, la l-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u lanqas l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 26 tar-regolament, jissuġġettaw il-possibbiltà li jqisu fatt mressaq kontrih fir-REK ta’ uffiċjal, qabel il-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ dan ir-rapport, li tiġi stabbilita twissija bil-miktub kif ukoll il-komunikazzjoni tagħha lill-interessat.
53 Għalhekk, ir-rikorrenti mhuwiex iġġustifikat meta jikkontesta lill-Kummissjoni li żammet, fir-REK ikkontestat, l-akkuża tan-nuqqas ta’ rispett tas-sigħat ta’ ħidma mingħajr ma indirizzatlu twissijiet biex jimxi kif suppost qabel il-proċedura ta’ evalwazzjoni.
54 Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, konsegwentement, għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ilment ibbażat fuq inkoerenza bejn ċerti kummentarji deskrittivi u l-evalwazzjoni numerika korrispondenti, f’dak li jirrigwarda l-ilment tan-nuqqas ta’ rispett tiegħu tal-ħinijiet ta’ ħidma
55 Billi l-konstatazzjoni ta’ puntwalità ma ġietx iddikjarata illegali, l-akkuża bbażata fuq din il-konstatazzjoni għandha titqies li tidher regolarment fit-test tar-REK ikkontestat.
56 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-koerenza bejn in-nota ta’ "suffiċjenza" u l-kummentarji li jidhru fil-qasam "Kondotta fis-servizz" mhuwiex effettwat.
57 Isegwi li l-ilment bbażat fuq inkoerenza bejn ċerti kummentarji deskrittivi u l-evalwazzjoni numerika korrispondenti għandha wkoll tiġi miċħuda f’dak li jirrigwarda l-akkuża tan-nuqqas ta’ rispett tas-sigħat ta’ ħidma.
58 Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
59 L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(2) ta’ l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 122 ta’ dawn l-imsemmija Regoli, l-Artikolu 70 mhuwiex applikabbli f’każ ta’ appell imressaq minn uffiċjal jew impjegat ieħor ta’ istituzzjoni kontra l-istess istituzzjoni.
60 F’din il-kawża, J De Bry tilef u l-Kummissjoni talbet li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż. Skond id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura fuq iċċitati, hemm lok li kull parti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha marbuta ma’ din il-proċedura u dawk fil-kuntest tal-proċedura ta’ l-ewwel istanza.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Lulju 2005, J De Bry vs Il-Kummissjoni (T-157/04), hija in parti annullata, safejn annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2003 li jagħmel definittiv ir-rapport ta’ evoluzzjoni fil-karriera ta’ J De Bry dwar il-perijodu li jmur mill-1 ta’ Lulju 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2002, minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u, konsegwentement, minħabba inkoerenza bejn ċerti kummentarji deskrittivi u l-evalwazzjoni numerika korrispondenti, f’dak li jirrigwarda l-akkuża tan-nuqqas ta’ rispett tas-sigħat ta’ ħidma.
2) Ir-rikors huwa miċħud.
3) Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha marbuta ma’ din il-proċedura u dawk fil-kuntest tal-proċedura ta’ l-ewwel istanza.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy