Kawża C-366/05
Optimus - Telecomunicações SA
vs
Fazenda Pública
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula
mis-Supremo Tribunal Administrativo)
“Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital — Direttiva 69/335/KEE, kif emendata bid-Direttiva 85/303/KEE — Artikolu 7(1) — Taxxa kapitali — Eżenzjoni — Kundizzjonijiet — Sitwazzjoni fl-1 ta’ Lulju 1984”
Sommarju tas-sentenza
1. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Taxxa kapitali fuq il-kumpanniji
[Direttiva tal-Kunsill 69/335, Artikolu 7(1)]
2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Taxxa kapitali fuq il-kumpanniji
[Direttiva tal-Kunsill 69/335, Artikolu 7 (1) u (10)]
1. L-Artikolu 7(1), tad-Direttiva 69/335, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid-direttiva tal-Kunsill 85/303, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kaz ta’ Stat Membru li aderixxa mal-Komunitajiet Ewropej b’effett mill-1 ta’ Jannar 1986, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet derogatorji fl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ dan l-Istat jew f’Att Komunitarju ieħor, l-eżenzjoni obbligatorja stabbilita f’din id-dispożizzjoni tapplika għall-operazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 69/335 li, fl-1 ta’ Lulju 1984, kienu eżenti, fl-imsemmi Stat, mit-taxxa kapitali jew li kienu suġġetti għal din it-taxxa b’rata mnaqqsa ta’ 0,50 % jew inqas.
L-obbligu ċar u inkundizzjonat, għall-Istati Membri, li jeżentaw mit-taxxa kapitali l-imsemmija operazzjonijiet jorbot ukoll lill-Istat Membru kkonċernat, mill-1 ta’ Jannar 1986, id-data meta tkun saret effettiva l-adeżjoni tiegħu mal-Komunitajiet, li hija l-istess bħad-data finali stabbilita għat-traspożizzjoni tal-modifiki sostanzjali magħmula lid-Direttiva 69/335 bid-direttiva 85/303, b’tali mod li l-unika verżjoni tad-Direttiva 69/335 li tapplika għal dan l-Istat Membru hija dik stabbilita bid-direttiva 85/303.
Id-data ta’ l-1 ta’ Lulju 1984, li hija meħuda bħala data ta’ riferiment skond l-Artikolu 7(1), hija wkoll valida għal dan l-Istat Membru. Fil-fatt, fil-każ ta’ adeżjoni, riferiment għal data stabbilita fid-dritt Komunitarju, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja fl-Att ta’ Adeżjoni jew f’Att Komunitarju ieħor, tgħodd ukoll għall-Istat li jaderixxi, anki jekk din id-data hija qabel dik ta’ din l-adeżjoni.
(ara l-punti 28, 30, 32-33, u disp. 1)
2. Fil-każ ta’ Stat li aderixxa mal-Komunitajiet Ewropej b’effett mill-1 ta’ Jannar 1986, l-Artikoli 7(1) u 10 tad-Direttiva 69/335, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid-direttiva 85/303, jipprojbixxu l-introduzzjoni, wara l-1 ta’ Jannar 1986, ta’ taxxa tal-bolla fuq operazzjoni ta’ żieda fil-kapital ta’ kumpannija li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 69/335 li, fl-1 ta’ Lulju 1984, kienet eżenti mit-taxxa msemmija skond id-dritt nazzjonali.
(ara l-punt 46, u disp. 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
21 ta’ Ġunju 2007 (*)
“Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Direttiva 69/335/KEE, kif emendata bid-Direttiva 85/303/KEE – Artikolu 7(1) – Taxxa kapitali – Eżenzjoni – Kundizzjonijiet – Sitwazzjoni fl-1 ta’ Lulju 1984”
Fil-kawża C‑366/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Settembru 2005, fil-kawża
Optimus – Telecomunicações SA
vs
Fazenda Pública,
fil-preżenza ta’:
Ministério Público,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta’ Awla, E. Juhász (Relatur), R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Optimus – Telecomunicações SA, minn J. Vieira Peres u C. Botelho Moniz, advogados,
– għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u S. Vasques kif ukoll minn A. Ferreira, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Jannar 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 249, p. 25), kif emendata bid-direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE, ta’ l-10 ta’ Ġunju 1985 (ĠU L 156, p. 23, aktar ‘il quddiem id-“Direttiva 69/335”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentat fil-kuntest ta’ kawża bejn Optimus – Telecomunicações SA (aktar ‘il quddiem “Optimus”) u l-awtoritajiet fiskali Portugiżi, fir-rigward tal-ħlas ta’ taxxa msejħa “taxxa tal-boll” imposta minħabba żieda fil-kapital tal-kumpannija permezz ta’ ħlas fi flus kontanti.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 B’mod konformi ma’ l-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva 69/335 għandha bħala għan li tippromwovi l-moviment ħieles tal-kapital, meqjus bħala libertà fundamentali essenzjali għall-ħolqien ta’ suq intern. Għal dan il-għan, kif jirriżulta mis-sitt sat-tmien premessi, din id-Direttiva tfittex li tarmonizza t-taxxa li għalih huma suġġetti l-kontribuzzjonijiet lil kumpanniji fil-Komunità Ekonomika Ewropea billi tiġi stabbilita taxxa waħda fuq il-ġbir tal-kapital li jista’ jiġi applikat darba waħda biss fis-suq komuni u billi jitneħħew it-taxxi indiretti kollha l-oħra li għandhom l-istess karatteristiċi bħal din it-taxxa kapitali unika.
4 Għal dan il-għan, l-Artikoli 1 sa 9 tad-Direttiva 69/335 jipprovdu għall-impożizzjoni ta’ taxxa armonizzata fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital lil kumpanniji, imsejjaħ “dazju [taxxa] kapitali”.
5 L-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva fih lista ta’ operazzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jissuġġettaw għaa kapitali. F’din il-lista hemm imsemmija, taħt is-subparagrafu (ċ) iż-“żieda fil-kapital ta’ kumpannija kapitali bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip”. L-istess Artikolu 4 jinkludi, fil-paragrafu (2), lista ta’ operazzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw għat-taxxa kapitali. L-Istati Membri kellhom ukoll il-fakoltà, skond l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 69/335 fil-verżjoni inizjali tagħha, li fil-konfront ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) japplikaw rata mnaqqsa ta’ taxxa kapitali.
6 Ir-rati tat-taxxa kapitali huma stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 69/335. Dan l-Artikolu tad-Direttiva 69/335 fil-verżjoni inizjali tagħha kien jgħid, fil-paragrafu (1)(a) tiegħu, li r-rata ta’ taxxa kapitali “m’għandhiex [t]aqbez it-2 % jew [t]kun inqas minn 1 %” u, fis-subparagrafu (b), li “din ir-rata għandha tiġi mnaqqsa b’
50 % jew aktar meta kumpannija kapitali waħda jew aktar jittrasferixxu l-assi u r-responsabbiltajiet kollha, jew parti waħda jew iktar tan-negozju tagħhom lil kumpannija kapitali waħda jew iktar li huma fil-proċess li jiġu ffurmati jew li diġà jeżistu”. F’dan l-aħħar każ, dawn huma operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi u t-tnaqqis tar-rati ta’ taxxa kapitali huwa suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.
7 L-Artikolu 8 tad-Direttiva 69/335 jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw parzjalment jew totalment mit-taxxa kapitali l-operazzjonijijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) relattivi għal kumpanniji kapitali li jfornu servizzi pubbliċi, bil-kundizzjoni li l-Istat jew awtoritajiet reġjonali jew lokali oħra jippossjedu ta’ l-anqas nofs il-kapital tal-kumpannija, u relattivi għal kumpanniji kapitali li jwettqu objettivi kulturali, karitattevoli, ta’ relief jew edukattivi.
8 L-Artikolu 9 tad-Direttiva 69/335 fih klawżola ta’ eċċezzjoni ġenerali, li tistipula li “[ċ]erti tipi ta’ operazzjonijiet jew ta’ kumpanniji kapitali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżenzjonijiet, tnaqqis jew żidiet fir-rati sabiex tiġi miksuba imparzjalità fl-intaxxar, jew għal konsiderazzjonijiet soċjali, jew sabiex Stat Membru jkun jista’ jittratta sitwazzjonijiet speċjali”.
9 Fl-aħħar, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 69/335 jiddisponi:
“Barra d-dazju [taxxa] kapitali, l-Istati Membri m’għandhom jimponu ebda ntaxxar affattu, fir-rigward ta’ kumpanniji, ditti, assoċjazzjonijiet jew persuni ġuridiċi li jaħdmu għal profit:
a) fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4;
[…]
ċ) fir-rigward ta’ reġistrazzjoni jew kull formalità oħra meħtieġa qabel il-bidu ta’ negozju li għalih[a] kumpanija, ditta, assoċjazzjoni, jew persuna ġuridika li taħdem għall-profitt tista’ tkun suġġetta għar-raġuni tal-forma ġuridika tagħha”.
10 Id-Direttiva tal-Kunsill 73/79/KEE, tad-9 ta’ April 1973 (ĠU L 103, p. 13), wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rati mnaqqsa tat-taxxa kapitali. Din daħħlet il-punt (bb) ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 fil-verżjoni inizjali tagħha, li jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jirriżervaw l-istess trattament bħal dak mogħti lill-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni ta’ l-impriżi, jiġifieri li r-rati ta’ taxxa kapitali jitnaqqsu b’50 % jew aktar, “f’każ li kumpannija tal-kapital li tinsab fil-proċess li tiġi ffurmata jew li diġà teżisti takkwista ishma li jirrappreżentaw mill-inqas 75 % tal-kapital ta’ ishma maħruġin ta’ kumpannija tal-kapital oħra”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan it-tnaqqis tar-rati ta’ taxxa kapitali jew din l-eżenzjoni mit-taxxa kienu suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet.
11 Id-Direttiva tal-Kunsill 73/80/KEE, tad-9 ta’ April 1973, li tiffissa rati komuni ta’ dazju kapitali (ĠU L 103, p. 15), introduċiet, mill-1 ta’ Jannar 1976, tnaqqis ġenerali tar-rati ta’ taxxa kapitali. B’hekk, ir-rata sħiħa ġiet iffissata għal 1 % u l-Istati Membri kellhom il-fakoltà li jiffissaw ir-rati mnaqqsa stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) u (bb) tad-Direttiva 69/335, kif emendata bid-direttiva 73/79, għal bejn 0 % u 0,50 %.
12 Fl-aħħar, id-Direttiva 85/303 għamlet ċerti emendi sostanzjali għad-Direttiva 69/335. Id-Direttiva 85/303 hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li t-taxxa kapitali għandha effetti ekonomiċi sfavorevoli għar-raggruppament u għall-iżvilupp ta’ l-impriżi li kienu partikolarment sinjifikattivi fis-sitwazzjoni ekonomika ta’ dak iż-żmien, li kienet teħtieġ l-istimulazzjoni ta’ l-investimenti. It-tielet, ir-raba’ u l-ħames premessi ta’ din id-Direttiva jgħidu:
“Billi l-aħjar soluzzjoni sabiex jintlaħqu dawn l-oġġettivi tkun li jitneħħ[a] d-dazju kapitali; billi, madankollu, it-telf ta’ dħul li sussegwentement jirriżulta minn din il-miżura m’huwiex aċċettabbli għal ċerti Stati Membri; billi l-Istati Membri għandhom għalhekk jingħataw l-opportunità li jkunu jistgħu jeżentaw minn jew bla ħsara għad-dazju kapitali kull jew parti mit-transazzjonijiet li jsiru fi ħdanha […]
Billi għandu jkun hemm eżenzjoni mandatorja għat-transazzjonijiet li bħalissa huma bla ħsara għar-rata mnaqqsa ta’ dazju kapitali;
Billi fl-1 ta’ Lulju 1984 l-ebda dazju kapitali ma kien jeżisti fil-Greċja; billi, għal din ir-raġuni, disposizzjoni għandha ssir għall-possibbiltà li jiġi introdott dazju bħal dan fil-Greċja u li jiġu eżentati ċertu transazzjonijiet minnu”.
13 Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/303, l-emendi għad-Direttiva 69/335 huma s-segwenti:
“Fl-Artikolu 4(2):
– il-frażi introduttorja hija mibdula b’dan li ġej:
‘2. Is-segwenti transazzjonijiet jistgħu, sakemm kienu ġew intaxxati bir-rata ta’ 1 % sal-1 ta’ Lulju 1984, jissoktaw ikunu bla ħsara [suġġetti] għad-dazju kapitali’,
– is-segwenti sottoparagrafu għandu jiġi miżjud fl-aħħar:
‘Madankollu, ir-Repubblika Ellenika għandha tistabbilixxi liema mit-transazzjonijiet elenkati hawn fuq għandha tissoġġetta għad-dazju kapitali.’;
2) L-Artikolu 7 huwa mibdul b’dan li ġej:
‘Artikolu 7
1. L-Istati Membri għandhom jeżentaw mid-dazju kapitali transazzjonijiet, barra dawk li għalihom saret referenza fl-Artikolu 9, li huma sal-1 ta’ Lulju 1984, eżenti jew intaxxati b’[…] rata ta’ 0,50 % jew inqas.
L-eżenzjoni għandha tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet li kienu applikabbli, f’dik id-data, għall-għoti ta’ l-eżenzjoni jew, skond kif inhu l-każ, għal imposizzjoni ta’ rata ta’ 0,50 % jew inqas.
Ir-Repubblika Ellenika għandha tistabbilixxi liema transazzjonijiet għandha teżenta mid-dazju kapitali.
2. L-Istati Membri jistgħu jew jeżentaw mid-dazju kapitali kull transazzjoni barra dawk li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1, jew iżommu dazju fuqhom b’rata waħda li ma taqbiżx il-1 %.
[…]’
3) Fl-Artikolu 8, il-frażi intoduttorja għandha tinbidel b’dan li ġej:
‘Bla ħsara għall-Artikolu 7(1), l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mid-dazju kapitali t-transazzjonijiet li għalihom saret referenza fl-Artikolu 4(1) u (2) rigward: […]’”
14 It-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 85/303 kien iffissat għall-1 ta’ Jannar 1986.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
15 Mill-inkartament ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-liġi tar-Repubblika Portugiża dwar l-intaxxar tal-kumpanniji kapitali (tariffa ġenerali relattiva għat-taxxa tal-boll, annessa mal-kodiċi fuq it-taxxa tal-boll), kif emendata mid-digriet leġiżlattiv Nru 257/81, ta’ l-1 ta’ Settembru 1981, kienet tissuġġetta l-operazzjonijiet ta’ tkabbir jew żieda tal-kapital tal-kumpanniji kapitali għal taxxa, imsejħa “taxxa tal-boll”, ugwali għal 1 % ta’ l-ammont in kwistjoni.
16 Id-digriet leġiżlattiv Nru 154/84, tas-16 ta’ Mejju 1984, li daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Mejju 1984, stabbilixxa deroga favur xi operazzjonijiet ta’ żieda fil-kapital ta’ kumpannija fi flus kontanti, billi stabbilixxa l-eżenzjoni tagħhom mit-taxxa tal-boll.
17 Fl-aħħar, id-digriet leġiżlattiv Nru 322-B/2001, ta’ l-14 ta’ Diċembru 2001, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002, reġa’ introduċa l-intaxxar iġġeneralizzat ta’ l-operazzjonijiet ta’ żieda fil-kapital tal-kumpanniji kapitali miksuba bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip, sa massimu ta’ 0,40 % tal-valur reali nett ta’ l-assi kkontribwiti jew li għandhom jiġu kkontribwiti mill-azzjonisti.
18 Ir-Repubblika Portugiża ngħaqdet mal-Komunitajiet Ewropej fl-1 ta’ Jannar 1986.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 Optimus, li għandha s-sede tagħha fil-Portugall, żiedet il-kapital tagħha b’EUR 100 000 000, li kollha tħallsu fi flus kontanti. Meta fit-12 ta’ Novembru 2002 ġie ppubblikat l-att notarili li rreġistra din iż-żieda fil-kapital, din il-kumpannija kellha tħallas taxxa tal-boll ta’ 0,40 %, jiġifieri EUR 400 000, b’mod konformi mad-digriet leġiżlattiv Nru 322-B/2001.
20 Optimus ikkontestat l-att ta’ l-istima tat-taxxa tal-boll in kwistjoni quddiem it-Tribunal Tributário de Primeira Instância do Porto (Tribunal Fiskali tal-Prim’Istanza ta’ Porto), li ġie sostitwit mit-Tribunal administrativo e fiscal do Porto (Tribunal Amministrattiv u Fiskali ta’ Porto), billi qalet li, essenzjalment, dan kien imur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335. Fil-fatt, l-obbligu stabbilit f’din id-dispożizzjoni jipprekludi lir-Repubblika Portugiża milli tintaxxa, bl-applikazzjoni tad-digriet leġiżlattiv Nru 322-B/2001, iż-żieda tal-kapital tal-kumpannija in kwistjoni, peress li fl-1 ta’ Lulju 1984, id-data ta’ riferenza stabbilita mid-dispożizzjoni Komunitarja kkunsidrata, il-liġi Portugiża kienet teżenta mit-taxxa tal-boll l-operazzjonijiet ta’ żieda fil-kapital tal-kumpanniji kummerċjali mħallsa fi flus kontanti.
21 It-Tribunal administrativo e fiscal do Porto ċaħad ir-rikors minħabba li l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 ma japplikax fil-konfront ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva, iżda biss fil-konfront ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4(2) u 8 tagħha. Optimus appellat kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (Qorti Amministrattiva Suprema) li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 […], kif emendata bid-direttiva 85/303 […], għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv sabiex jimponi, bħala kundizzjoni għall-obbligu li jimponi fuq l-Istati Membri li jeżentaw ċerti operazzjonijiet li jinvolvu l-ġbir tal-kapital ir-rekwiżit li l-operazzjonijiet in kwistjoni għandhom ikunu dawk li, skond il-kliem tad-Direttiva qabel l-1985, setgħu jiġu eżentati mit-taxxa jew intaxxati b’rata mnaqqsa – jiġifieri dawk biss li huma msemmija fl-Artikoli 4(2) u 8, – u li, barra minn hekk, kienu f’dik is-sitwazzjoni fl-1 ta’ Lulju 1984?
2) L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 […], kif emendata bid-direttiva 85/303 […], u l-Artikolu 10 tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu l-impożizzjoni ta’ taxxa tal-boll, skond liġi nazzjonali bħad-digriet leġiżlattiv Nru 322-B/2001 ta’ l-14 ta’ Diċembru 2001, li daħħal il-paragrafu 26 – Dazju kapitali – fit-Tabella Ġenerali tat-Taxxa tal-Boll, fuq kumpannija b’responsabbiltà limitata regolata mil-liġi Portugiża minħabba li l-kapital tagħha jiżdied permezz ta’ ħlas fi flus kontanti, meta, fl-1 ta’ Lulju 1984, dik l-operazzjoni kienet suġġetta għal dik it-taxxa iżda kienet eżenti minnha?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
22 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni obbligatorja stabbilita fih hijiex limitata għal dawk l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva, u safejn dawn l-operazzjonijiet kienu eżenti jew intaxxati b’rata mnaqqsa ta’ 0,5 % jew inqas fl-1 ta’ Lulju 1984.
23 Il-Gvern Portugiż, flimkien mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, jgħid f’dan ir-rigward li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 69/335, fil-verżjoni inizjali tiegħu, kien jagħmel distinzjoni bejn l-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-paragrafu (1) tiegħu, li kienu suġġetti għat-taxxa kapitali b’mod obbligatorju, u dawk li jaqgħu taħt il-paragrafu (2) tiegħu, li kienu hekk suġġetti biss b’mod fakultattiv. B’hekk, l-obbligu ta’ eżenzjoni stabbilit fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, kif emendata bid-direttiva 85/303, japplika biss fil-konfront ta’ l-operazzjonijiet li, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva msemmija l-aħħar, setgħu jibbenifikaw minn eżenzjoni jew minn impożizzjoni ta’ taxxa b’rata mnaqqsa, jiġifieri l-operazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 69/335.
24 Min-naħa l-oħra, Optimus tgħid li, minn issa ‘l quddiem, wara l-emendi magħmula bid-direttiva 85/303, l-għan prinċipali tad-Direttiva 69/335 huwa l-eliminazzjoni tat-taxxa kapitali, u mhux biss l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali. B’hekk, fid-dawl ta’ dan l-għan u tal-prinċipju tal-moviment ħieles tal-kapital, l-imsemmi Artikolu 7(1) għandu jiġi interpretat b’mod wiesgħa, fis-sens li l-obbligu ta’ eżenzjoni stabbilit fih jgħodd ukoll għall-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335 li, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kienu eżenti mit-taxxa fl-1 ta’ Lulju 1984. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni toħroġ mill-kliem ta’ l-Artikolu 7(1) li f’dan ir-rigward jistabbilixxi obbligu ċar u mingħajr kundizzjonijiet fuq l-Istati Membri.
25 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda tal-qorti tar-rinviju, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni, fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni u ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 69/335, is-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat bħar-Repubblika Portugiża, li sar Membru tal-Komunitajiet Ewropej b’effett mill-1 ta’ Jannar 1986.
26 Fl-ewwel lok, minn din il-konstatazzjoni jirriżulta li d-Direttiva 69/335 ma kinitx tapplika f’dan l-Istat Membru qabel din id-data. Kull miżura dwar tassazzjoni jew eżenzjoni ta’ l-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ġbir tal-kapital kienet ittieħdet fis-sistema legali Portugiża, qabel id-data msemmija, abbażi tad-dritt nazzjonali biss.
27 Fit-tieni lok, minn dan jirriżulta li, għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni u ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 69/335 f’dak li jirrigwarda r-Repubblika Portugiża, interpretazzjoni storika ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma tistax tinfluwenza l-interpretazzjoni ta’ din kif kienet fis-seħħ wara l-adeżjoni ta’ dan l-Istat. B’hekk, ir-raġunijiet baġitarji li ma ħallewx lil ċerti Stati Membri, qabel l-1 ta’ Jannar 1986, jagħtu l-kunsens tagħhom għall-eliminazzjoni tat-taxxa kapitali ma jistgħux jiġu invokati fil-każ tar-Repubblika Portugiża.
28 Barra minn hekk, għandu jingħad li d-data meta l-adeżjoni tar-Repubblika Portugiża mal-Komunitajiet saret effettiva, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1986, hija l-istess bħad-data finali stabbilita għat-traspożizzjoni tal-modifiki sostanzjali magħmula lid-Direttiva 69/335 bid-Direttiva 85/303. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni ta’ l-Att li jikkonċerna l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża u l-emendi għat-Trattati (ĠU 1985, L 302, p. 23), u lanqas ta’ xi att ieħor ma tistabbilixxi, għal dan l-Istat imsemmi l-aħħar, skadenza għat-traspożizzjoni differenti mid-Direttiva 85/303. Konsegwentement, l-unika verżjoni tad-Direttiva 69/335 li tapplika għar-Repubblika Portugiża hija dik stabbilita bid-direttiva 85/303.
29 Din il-konstatazzjoni hija msaħħa mill-fatt li l-Artikolu 4(2) u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 jistabbilixxu derogi favur ir-Repubblika Ellenika fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dawn id-derogi mhumiex stabbiliti fil-konfront tar-Repubblika Portugiża.
30 L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 jistabbilixxi l-obbligu ċar u inkundizzjonat, għall-Istati Membri, li jeżentaw mit-taxxa kapitali l-operazzjonijiet li, fl-1 ta’ Lulju 1984, kienu eżenti jew intaxxati b’rata ugwali jew anqas minn 0,50 %. Dan l-obbligu, li huwa nieqes minn kull ambigwità, jorbot ukoll lir-Repubblika Portugiża mill-1 ta’ Jannar 1986.
31 Din l-interpretazzjoni mhux biss tikkorrispondi mal-kliem ċar ta’ l-imsemmi Artikolu 7(1), iżda wkoll ma’ l-ispirtu u l-għan ewlieni tad-Direttiva 69/335, li, kif tosserva b’mod tajjeb l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, tipprova tillimita kemm jista’ jkun l-effetti tat-taxxa kapitali fuq il-moviment ħieles tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Senior Engineering Investments, C‑494/03, Ġabra p. I‑525, punt 43).
32 Fl-aħħar nett, għandu jingħad li d-data ta’ l-1 ta’ Lulju 1984, li hija meħuda bħala data ta’ riferiment skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, hija valida għar-Repubblika Portugiża wkoll. Fil-fatt, fil-każ ta’ adeżjoni, riferiment għal data stabbilita fid-dritt Komunitarju, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja fl-Att ta’ l-Adeżjoni jew f’Att Komunitarju ieħor, tgħodd ukoll għall-Istat li jaderixxi, anki jekk din id-data tkun qabel dik ta’ din l-adeżjoni. F’dak li jirrigwarda r-Repubblika Portugiża, m’hemm l-ebda dispożizzjoni differenti f’dan ir-rigward, la fl-Att ta’ l-Adeżjoni u lanqas f’Att ieħor. Dispożizzjoni bħal din kienet tkun possibbli, kif juru d-dispożizzjonijiet derogatorji favur ir-Repubblika Ellenika.
33 Minn dak li ntqal jirriżulta li, fil-każ ta’ Stat bħar-Repubblika Portugiża, li aderixxa mal-Komunitajiet Ewropej b’effett mill-1 ta’ Jannar 1986, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet derogatorji fl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ dan l-Istat jew f’Att Komunitarju ieħor, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni obbligatorja stabbilita fih tapplika għall-operazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva li, fl-1 ta’ Lulju 1984, kienu eżenti, fl-imsemmi Stat, mit-taxxa kapitali jew li kienu suġġetti għal din it-taxxa b’rata mnaqqsa ta’ 0,50 % jew inqas.
Fuq it-tieni domanda
34 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk fil-każ ta’ Stat bħar-Repubblika Portugiża, li aderixxa mal-Komunitajiet b’effett mill-1 ta’ Jannar 1986, l-Artikoli 7(1) u 10 tad-Direttiva 69/335 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu l-introduzzjoni, wara l-1 ta’ Jannar 1986, ta’ taxxa tal-boll fuq operazzjoni ta’ żieda fil-kapital ta’ kumpannija li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva li, fl-1 ta’ Lulju 1984, kienet eżentata mit-taxxa msemmija skond id-dritt nazzjonali.
35 Huwa paċifiku li fl-1 ta’ Lulju 1984, żieda fil-kapital ta’ kumpannija fi flus kontanti kienet, b’mod konformi mad-dritt Portugiż, eżentata mit-taxxa tal-boll li kienet imposta normalment għaż-żidiet fil-kapital ta’ kumpannija miksuba b’mezzi oħra.
36 Madankollu, il-Gvern Portugiż jgħid li t-taxxa tal-boll imsemmija ma kinitx l-uniku strument ta’ intaxxar ta’ l-operazzjonijiet ta’ ġbir tal-kapital eżistenti dak iż-żmien fis-sistema legali Portugiża. Dawn l-operazzjonijiet kienu, fil-fatt, ukoll issuġġettati b’mod kumulattiv għal spejjeż ta’ reġistrazzjoni u għal spejjeż notarili. L-ewwel tip ta’ spejjeż, jiġifieri dawk imposti għar-reġistrazzjoni ta’ l-att relattiv għall-operazzjoni in kwistjoni fir-reġistru kummerċjali, kienu jikkostitwixxu tassazzjoni rigressiva b’rata li kienet tvarja minn 1 % għall-operazzjonijiet li ma kinux jaqbżu PTE 200 000 sa 0,30 % għal dawk li l-ammont kien jaqbeż PTE 10 000 000. L-ispejjeż notarili kellhom l-istess karattru rigressiv.
37 B’hekk, b’mod konformi ma’ l-argumentazzjoni tal-Gvern Portugiż, l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni u l-ispejjeż notarili, bl-effett kumulattiv tagħhom, kienu jirrappreżentaw, fl-1 ta’ Lulju 1984, imposta ekwivalenti għal 0,60 % ta’ l-ammonti kkonċernati u għaldaqstant kienu jaqbżu l-limitu ta’ 0,50 % stabbilit fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335. Konsegwentement, peress li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn l-ispejjeż kienu jikkostitwixxu taxxi bl-istess karatteristiċi bħat-taxxa kapitali, l-awtoritajiet Portugiżi setgħu jerġgħu jintroduċu, wara l-1 ta’ Jannar 1986, taxxa tal-boll ekwivalenti għat-taxxa kapitali.
38 Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.
39 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mit-tieni, mis-sitt, mis-seba’ u mit-tmien premessi tagħha, id-Direttiva 69/335 għandha bħala skop, sa mill-verżjoni inizjali tagħha, li jiġi stabbilit, minflok it-taxxa kapitali u t-taxxa tal-boll fis-seħħ fl-Istati Membri, taxxa unika u armonizzata fuq l-operazzjonijiet ta’ ġbir tal-kapital fi ħdan is-suq komuni kif ukoll it-tneħħija tat-taxxi indiretti l-oħra kollha li għandhom l-istess karatteristiċi bħat-taxxa kapitali jew it-taxxa tal-boll.
40 Din id-distinzjoni netta bejn it-taxxa kapitali, applikata b’rati armonizzati, u l-imposti l-oħra li għandhom l-istess karatteristiċi bħal din it-taxxa, li huma pprojbiti, hija stabbilita b’mod ċar fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 69/335 sa mill-adozzjoni tagħha. B’hekk, l-Artikolu 4 tagħha jsemmi l-operazzjonijiet li għandhom jew jistgħu jiġu ssuġġettati għat-taxxa kapitali u l-Artikolu 10 tagħha jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu, minbarra t-taxxa kapitali, xi taxxa oħra fuq l-operazzjonijiet, taħt kwalunkwe forma li tkun.
41 Id-distinzjoni in kwistjoni ġiet osservata kjarament matul l-istadji kollha ta’ l-evoluzzjoni leġiżlattiva tad-Direttiva 69/335. B’hekk, id-Direttiva 73/79 wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rati mnaqqsa tat-taxxa kapitali, id-Direttiva 73/80 ġabet tnaqqis ġenerali tar-rati ta’ din it-taxxa u d-Direttiva 85/303 turi tendenza ċara biex l-eżenzjoni tat-taxxa kapitali tiġi estiża għall-ikbar numru possibbli ta’ operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa msemmija. Min-naħa l-oħra, din l-evoluzzjoni leġiżlattiva bl-ebda mod ma bidlet l-iskop inizjali li jikkonsisti fit-tneħħija u l-projbizzjoni totali ta’ kull taxxa oħra li għandha l-istess karatteristiċi bħat-taxxa kapitali.
42 Barra minn hekk, għandu jingħad li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 huwa ddedikat biss għar-regolamentazzjoni dwar l-applikazzjoni tat-taxxa kapitali jew tat-taxxa tal-boll, u mhux l-applikazzjoni ta’ taxxi differenti minn dawn id-dazji. Għaldaqstant, meta din id-dispożizzjoni tagħmel riferenza għall-operazzjonijiet “li huma sa’ l-1 ta’ Lulju 1984, eżenti jew intaxxati b’[…] rata ta’ 0,50 % jew inqas.”, hija tirreferi għall-operazzjonijiet li, f’din id-data kienu eżentati mit-taxxa kapitali jew mit-taxxa tal-boll jew issuġġettati għal dawn it-taxxi b’rata inqas minn 0,50 %.
43 F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni u l-ispejjeż notarili li jagħmel riferenza għalihom il-Gvern Portugiż ma jikkostitwixxux taxxa kapitali u lanqas taxxa tal-boll, iżda tip ieħor ta’ taxxa.
44 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li fis-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2001, SONAE (C‑206/99, Ġabra p. I‑4679), u fid-digriet ta’ l-24 ta’ Jannar 2002, SONAE Turismo (C‑45/00, mhux ippubblikat fil-Ġabra), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tariffi applikabbli fil-Portugall għar-reġistrazzjoni f’reġistru nazzjonali kummerċjali ta’ żieda fil-kapital ta’ kumpannija kapitali li taqa’ taħt id-Direttiva 69/335 kienu jikkostitwixxu taxxa fis-sens ta’ din id-Direttiva u li, minħabba f’hekk, dawn kienu pprojbiti mill-Artikolu 10(ċ) tagħha. Fis-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1999, Modelo (C‑56/98, Ġabra p. I‑6427), u tal-21 ta’ Settembru 2000, Modelo (C‑19/99, Ġabra p. I‑7213), il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess konklużjoni fir-rigward tat-tariffi imposti fil-Portugall għat-tfassil ta’ att notarili li jistabbilixxi żieda fil-kapital ta’ kumpannija li taqa’ taħt id-Direttiva 69/335.
45 Għaldaqstant huwa kontra kemm il-kliem ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, kif ukoll l-iskop tagħha, li terġa’ tiġi introdotta fl-ordinament ġuridiku Portugiż, wara l-1 ta’ Jannar 1986, it-taxxa tal-boll fuq iż-żidiet fil-kapital ta’ kumpanniji kapitali fi flus kontanti, skond id-Direttiva 69/335, peress li din it-taxxa ma kinitx imposta fuq dawn l-operazzjonijiet fl-1 ta’ Lulju 1984, billi jiġi argumentat, bħala ġustifikazzjoni għal din l-introduzzjoni mill-ġdid, li f’dan l-Istat Membru, f’din id-data, l-operazzjonijiet imsemmija kienu jagħtu lok għall-impożizzjoni ta’ tariffi li ġew ikkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħal pprojbiti mid-Direttiva 69/335.
46 Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal, jirriżulta li fil-każ ta’ Stat bħar-Repubblika Portugiża, li aderixxa mal-Komunitajiet Ewropej b’effett mill-1 ta’ Jannar 1986, l-Artikoli 7(1) u 10 tad-Direttiva 69/335 jipprojbixxu l-introduzzjoni, wara l-1 ta’ Jannar 1986, ta’ taxxa tal-boll fuq operazzjoni ta’ żieda fil-kapital ta’ kumpannija li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva li, fl-1 ta’ Lulju 1984, kienet eżenti mit-taxxa msemmija skond id-dritt nazzjonali.
Fuq l-ispejjeż
47 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Fil-każ ta’ Stat bħar-Repubblika Portugiża, li aderixxa mal-Komunitajiet Ewropej b’effett mill-1 ta’ Jannar 1986, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet derogatorji fl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ dan l-Istat jew f’Att Komunitarju ieħor, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid-direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE, ta’ l-10 ta’ Ġunju 1985, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni obbligatorja stabbilita fih tapplika għall-operazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 69/335 li, fl-1 ta’ Lulju 1984, kienu eżenti, fl-imsemmi Stat, mit-taxxa kapitali jew li kienu suġġetti għal din it-taxxa b’rata mnaqqsa ta’ 0,50 % jew inqas.
2) Fil-każ ta’ Stat bħar-Repubblika Portugiża, li aderixxa mal-Komunitajiet Ewropej b’effett mill-1 ta’ Jannar 1986, l-Artikoli 7(1) u 10 tad-Direttiva 69/335, kif emendata bid-direttiva 85/303, jipprojbixxu l-introduzzjoni, wara l-1 ta’ Jannar 1986, ta’ taxxa tal-boll fuq operazzjoni ta’ żieda fil-kapital ta’ kumpannija li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 69/335 li, fl-1 ta’ Lulju 1984, kienet eżenti mit-taxxa msemmija skond id-dritt nazzjonali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.
Full & Egal Universal Law Academy