Kawża C-375/05
Erhard Geuting
vs
Direktor der Landwirtschaftskammer Nordrhein-Westfalen für den Bereich Landwirtschaft
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht)
“Laħam taċ-ċanga u vitella — Primjum sabiex tinżamm merħla ta’ baqar li jreddgħu”
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) ta’ l-4 ta’ Ottubru 2007
Sommarju tas-Sentenza
1. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Laħam taċ-ċanga u vitella — Primjum sabiex tinżamm merħla ta’ baqar li jreddgħu — Erħa — Assimilazzjoni ma’ baqra li tredda’
(Regolament tal-Kunsill Nru 805/68, l-punt (ii) tat-tielet inċiż (ii) ta’ l-Artikolu 4A))
2. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Laħam taċ-ċanga u vitella — Primjum sabiex tinżamm merħla ta’ baqar li jreddgħu
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 3886/92, Artikolu 33(2) u (4))
3. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Laħam taċ-ċanga u vitella — Primjum sabiex tinżamm merħla ta’ baqar li jreddgħu
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 3886/92, Artikolu 33(2))
4. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Laħam taċ-ċanga u vitella — Primjum sabiex tinżamm merħla ta’ baqar li jreddgħu
(Regolament tal-Kunsill Nru 805/68, Artikolu 4 F(4) ; Regolament tal-Kummissjoni Nru 3886/92, Artikolu 33(4))
1. Il-punt (ii) tat-tielet inċiż l-Artikolu 4(a) tar-Regolament Nru 805/68, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u vitella, kif emendat mir-Regolament Nru 2222/96, għandu jiġi interpretat fis-sens li erħa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala għoġla li għadha tredda’ skond l-ewwel sezzjoni ta’ dan ir-Regolament ħlief jekk hija tissostitwixxi, wara l-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ primjum għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, baqra li tredda’ li hija mniżżla f’din l-applikazzjoni.
Minbarra dan, erħa li, għal sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, tkun issostitwixxiet baqra li tredda’ li għaliha tkun saret applikazzjoni għal primjum u li kienet ġiet rikonoxxuta bħala eleġibbli għall-benefiċċju ta’ dan il-primjum tista’ tiġi kkunsidrata bħala baqra li tredda’ skond l-imsemmija dispożizzjoni meta hija tissodisfa, fis-sena segwenti, il-kundizzjonijiet sabiex tissostitwixxi mill-ġdid baqra li tredda’. Madankollu, erħa li għaliha tkun saret applikazzjoni għal primjum mhijiex eliġibbli għall-benefiċċju tal-primjum meta hija twelled qabel l-iskadenza tat-terminu previst sabiex tkun tista’ tiġi ppreżentata din l-applikazzjoni. Fil-fatt, billi l-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal primjum tiddetermina l-bidu tal-perijodu ta’ żamma u li n-numru ta’ baqar li jreddgħu huwa kkwantifikat f’dan il-mument partikolari, isegwi li huwa wkoll f’din id-data li l-annimali għandhom ikollhom il-karatteristiċi kollha neċessarji għall-eliġibbiltà tagħhom.
(ara l-punti 21, 26, 31, 33 u d-dispożittiv 1-3)
2. L-Artikolu 33(2) u (4) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 3886/92 li jistabbilixxi metodi ta’ applikazzjoni li jirrigwardaw l-iskemi ta’ primjum previsti mir-Regolament Nru 805/68, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u vitella, u li jħassar ir-Regolamenti Nru 1244/82 u Nru 714/89, kif emendat mir-Regolament Nru 2311/96, li jirrigwarda l-għoti lura fir-riżerva nazzjonali tad-drittijiet għal primjum mhux użati, għandu jiġi interpretat fis-sens li produttur għandu jitqies li ma użax id-drittijiet tiegħu għal primjum matul sena ta’ kummerċjalizzazzjoni meta huwa jkun ippreżenta applikazzjoni għal primjum, iżda din l-applikazzjoni tkun ġiet miċħuda għar-raġuni li l-annimali kkonċernati ma kinux eliġibbli, u dan anki jekk l-imsemmija applikazzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata abbużivament.
Interpretazzjoni bħal din mhijiex kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, l-għoti lura fir-riżerva nazzjonali tad-drittijiet mhux użati jikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jintlaħaq l-għan ta’ mobilizzazzjoni aħjar tad-drittijiet għal primjum disponibbli u mhux użati.
(ara l-punti 48, 50 u d-dispożittiv 4)
3. La d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3886/92, li jistabbilixxi l-metodi ta’ applikazzjoni li jirrigwardaw l-iskemi ta’ primjum previsti mir-Regolament Nru 805/68, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u vitella, u li jħassar ir-Regolamenti Nru 1244/82 u Nru 714/89, kif emendat mir-Regolament Nru 2311/96, u lanqas il-premessi tiegħu ma jiddeterminaw it-tipi ta’ kriterju li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġġustifikaw każ eċċezzjonali skond l-aħħar subinċiż ta’ l-Artikolu 33(2) ta’ dan ir-Regolament, li jippermetti deroga għar-regola ta’ l-għoti lura fir-riżerva nazzjonali tal-parti mhux użata tad-drittijiet għal primjum. Peress illi l-leġiżlatur Komunitarju ma xtaqx jippreċiża aktar dan il-kunċett u lanqas jirrelatah ma’ kriterji partikolari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha debitament iġġustifikati li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tar-rikorrent f’każ partikolari, jeżistix każ eċċezzjonali li jirrikjedi li ssir applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni derogatorja, filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni l-ħtieġa ta’ applikazzjoni restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni.
(ara l-punti 52, 54, 57u d-dispożittiv 5)
4. L-Artikolu 33(4) tar-Regolament Nru 3886/92, li jistabbilixxi l-metodi ta’ applikazzjoni li jirrigwardaw l-iskemi ta’ primjum previsti mir-Regolament Nru 805/68, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u vitella, u li jħassar ir-Regolamenti Nru 1244/82 u Nru 714/89, kif emendat mir-Regolament Nru 2311/96, moqri flimkien mal-paragrafu (4) ta’ l-Artikolu 4 (f) tar-Regolament Nru 805/68, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2222/96, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jagħtu lura taħt titolu preferenzjali lil produttur, wara perijodu ta’ sospensjoni ta’ sentejn, id-drittijiet għal primjum li jkunu ġew irtirati lilu għar-raġuni li dan il-produttur jkun għamel użu minn ta’ l-inqas 70 %, iżda inqas minn 90 % tad-drittijiet tiegħu matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni ma adottatx miżuri relatati mad-drittijiet individwali mhux użati fl-1997 u 1998 u ttrasferiti mill-ġdid fir-riżerva nazzjonali, l-Istati Membri għandhom marġni sħiħ ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ l-użu tar-riżerva nazzjonali tagħhom.
(ara l-punti 60-61 u d-dispożittiv 6)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
4 ta’ Ottubru 2007 (*)
“Laħam taċ-ċanga u vitella – Primjum sabiex tinżamm merħla ta’ baqar li jreddgħu”
Fil-kawża C‑375/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Awwissu 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ottubru 2005, fil-proċedura
Erhard Geuting
vs
Direktor der Landwirtschaftskammer Nordrhein-Westfalen für den Bereich Landwirtschaft,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, R. Schintgen, A. Borg Barthet (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– Għal E. Geuting, minn F. Schulze, Rechtsanwalt,
– għad-Direktor der Landwirtschaftskammer Nordrhein-Westfalen für den Bereich Landwirtschaft, devenu le Direktor der Landwirtschaftskammer Nordrhein-Westfalen, minn M. Günther, bħala aġent,
– għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Cattabriga u F. Erlbacher, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-parti (ii) tat-tielet inciż ta’ l-Artikolu 4a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u vitella (ĠU L 148, p. 24), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2222/96 tat-18 ta’ Novembru 1996 (ĠU L 296, p. 50, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament Nru 805/68”) dwar is-sostituzzjoni ta’ baqar li jreddgħu, kif ukoll l-Artikolu 33(2) u (4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3886/92 tat-23 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi l-metodi ta’ applikazzjoni dwar l-iskemi ta’ primjum previsti mir-Regolament Nru 805/68, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1244/82 u r-Regolament (KEE) Nru 714/89 (ĠU L 391, p. 20), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2311/96 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU L 313, p. 9, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament Nru 3886/92”), dwar l-għoti lura tad-drittijiet għal primjum fir-riżerva nazzjonali.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn E. Geuting kontra d-Direktor der Landwirtschaftskammer Nordrhein-Westfalen für den Bereich Landwirtschaft (Direttur tal-Kamra ta’ l-Agrikultura tar-Rhine-Westphalia ta’ Fuq għas-sezzjoni ta’ l-agrikoltura), li sar id-Direktor der Landwirtschaftskammer Nordrhein-Westfalen (direttur tal-Kamra ta’ l-Agrikultura tar-Rhine-Westphalia ta’ Fuq), dwar l-applikazzjoni għal primjum għal baqra li tredda’ ppreżentata minn E. Geuting għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998.
Il-kuntest ġuridiku
3 It-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4a tar-Regolament Nru 805/68 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “baqra li tredda’” kif ġej:
“i) baqra li tappartjeni għal razza tal-laħam jew imwielda minn inkroċju ma’ razza tal-laħam, u li tappartjeni għal merħla maħsuba għat-trobbija ta’ għoġġiela għall-produzzjoni tal-laħam
u
ii) erħa, li tissodisfa l-istess kundizzjonijiet, li tissostitwixxi baqra li tredda’”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4 L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4d(5) tar-Regolament Nru 805/68 jipprovdi li:
“Il-primjum jingħata lill-produttur li ma jikkunsinnax ħalib jew prodotti tal-ħalib mir-razzett tiegħu għal perijodu ta’ 12-il xahar mill-ġurnata li fiha ġiet sottomessa l-applikazzjoni u li jżomm matul mill-inqas sitt xhur mill-ġurnata li fiha ġiet sottomessa l-applikazzjoni, numru ta’ baqar li jreddgħu mill-inqas ugwali għal dak li għalih qed jintalab il-primjum.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 Il-paragrafi 1, 2 u 4 ta’ l-Artikolu 4f tar-Regolament Nru 805/68 jipprovdu li:
“1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi riżerva inizjali nazzjonali ugwali għal mhux inqas minn 1 % u ta’ massimu ta’ 3 % tan-numru totali ta’ annimali li għalihom ingħata primjum għal kull baqra li tredda’ skond is-sena ta’ referenza lill-produtturi fejn l-irziezet jinsabu fit-territorju tagħhom. […]
2. L-Istati Membri għandhom jużaw ir-riżervi nazzjonali tagħhom għall-għoti, fil-limiti tagħhom, ta’ drittijiet b’mod partikolari lill-produtturi msemmija hawn isfel:
a) produtturi li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għal primjum qabel l-1 ta’ Jannar 1993 u li kienu wrew, għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti, li l-applikazzjoni tal-limiti individwali skond l-Artikolu 4(d)(2) tipperikola l-vijabbiltà ta’ l-attività tagħhom, fid-dawl ta’ l-eżekuzzjoni ta’ programm ta’ investiment fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u vitella qabel l-1 ta’ Jannar 1993;
b) produtturi li jkunu ppreżentaw, skond is-sena ta’ referenza, applikazzjoni għal primjum li, sussegwentement għal ċirkustanzi eċċezzjonali, ma tikkorrispondix mas-sitwazzjoni reali kif stabbilita matul is-snin preċedenti;
ċ) produtturi li jkunu regolarment ippreżentaw applikazzjonijiet għal primjum mingħajr madankollu ma kienu ppreżentaw talba skond is-sena ta’ referenza;
d) produtturi li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għal primjum għall-ewwel darba matul is-sena li ssegwi s-sena ta’ referenza jew snin segwenti;
e) produtturi li jkunu kisbu parti mill-artijiet preċedentement utilizzati għat-trobbija ta’ l-ifrat minn produtturi oħra;
[...]
4. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-metodi ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 27.
Skond l-istess proċedura għandhom jiġu adottati:
– il-miżuri applikabbli fil-każ fejn, fi Stat Membru, ir-riżerva nazzjonali mhijiex utilizzata,
– il-miżuri relatati mad-drittijiet individwali mhux użati fl-1997 u 1998 u ttrasferiti mill-ġdid fir-riżerva nazzjonali.
– il-miżuri tranżitorji neċessarji biex jiffaċilitaw il-passaġġ bejn l-iskema preżistenti u dik prevista minn dan ir-Regolament, u b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-produtturi li jkunu bbenefikaw mill-primjum għall-baqra li tredda’ għall-ewwel darba għas-sena 1991 jew 1992, fil-każ fejn din is-sena tiġi direttament wara s-sena ta’ referenza magħżula mill-Istat Membru kkonċernat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 L-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 3886/92 fih dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni dwar ir-riżerva nazzjonali prevista fl-Artikolu 4f tar-Regolament Nru 805/68. Dan l-Artikolu 33 jipprovdi kif ġej:
“1. Produttur li għandu xi drittijiet jista’ jużahom billi jagħmel użu minnhom huwa stess, u/jew jagħti b’kera temporanja lil produttur ieħor.
2. Fil-każ li produttur ma jużax ta’ l-inqas 70 % tad-drittijiet tiegħu f’kull sena, il-parti mhux utilizzata tmur lura fir-riżerva nazzjonali, ħlief:
– fil-każ ta’ produttur li jżomm massimu ta’ seba’ drittijiet għal primjum. Meta dan il-produttur ma jużax ta’ l-inqas 70 % tad-drittijiet tiegħu matul kull waħda mis-sentejn kalendarji konsekuttivi, il-parti mhux użata matul l-aħħar sena ċivili kalendarja tmur fir-riżerva nazzjonali,
– fil-każ ta’ produttur li jipparteċipa fi programm ta’ estensjoni rrikonuxxut mill-Kummissjoni,
– fil-każ ta’ produttur li jipparteċipa fi programm ta’ irtirar minn qabel irrikonoxxut mill-Kummissjoni li ma jimponix it-trasferiment u/jew il-kerha temporanja ta’ drittijiet,
jew
– f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati.
[…]
4. Għas-snin 1997 u 1998, il-perċentwali ta’ 70 % imsemmi fil-paragrafu 2 u fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 huwa ssostitwit bil-perċentwali ta’ 90 %. F’dan il-każ, id-drittijiet mogħtija lura fir-riżerva nazzjonali ma jistgħux jiġu ddistribwiti mill-ġdid għas-snin 1998 u 1999.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 L-Artikolu 10 tar-Regolament KEE Nru 3887/92 tat-23 ta’ Diċembru 1992, dwar metodi ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnua Komunitarja (ĠU L 391, p. 36), jistabbilixxi l-bażi ta’ kalkolu għall-primjum li għal dan jeżisti limitu individwali kif ukoll it-tnaqqis ta’ dan il-primjum f’ċerti każijiet. Dan l-Artikolu jipprovdi:
“[...]
2. Meta huwa stabbilit li n-numru ta’ annimali ddikjarati f’applikazzjoni għall- għajnuna jaqbeż in-numru ta’ annimali stabbiliti matul il-kontroll, l-ammont ta’ l-għajnuna huwa kkalkulat abbażi tan-numru ta’ annimali kkonstatati.
[...]
4. L-ifrat huma meħuda in kunsiderazzjoni biss jekk huma dawk identifikati fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna, jew fil-każ ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafu 3, dawk identifikati fir-reġistru.
Madankollu, baqra li tredda’ ddikjarata għall-iskop ta’ primjum jew ifrat iddikjarat għal kumpens previst fir-Regolament (KEE) Nru 2328/91 tista’ tiġi ssostitwita rispettivament minn baqra li tredda’ oħra jew minn ifrat ieħor bil-kundizzjoni li din is-sostituzzjoni sseħħ fi żmien għoxrin ġurnata wara l-ħruġ mill-attività u li din is-sostituzzjoni tiġi rreġistrata fir-reġistru partikolari mhux aktar tard mit-tielet jum wara s-sostituzzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
8 Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, p. 1):
“1. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.
2. ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’nefqa mhux ġustifikata.”
9 L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1244/82 tad-19 ta’ Mejju 1982, li jipprovdi metodi ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ primjum għaż-żamma tal-merħla ta’ baqar li jreddgħu (ĠU L 143, p. 20), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2079/90 ta’ l-20 ta’ Lulju 1990 (ĠU L 190, p. 15, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1244/82”), jipprovdi kif ġej:
“L-applikazzjonijiet għal primjum taż-żamma tal-merħla ta’ baqar li jreddgħu għandhom isiru quddiem l-awtorità kompetenti maħtura minn kull Stat Membru bejn il-15 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Jannar tas-sena segwenti għall-baqar li jreddgħu miżmuma fil-jum meta ssir l-applikazzjoni. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw f’dan il-perijodu wieħed jew diversi perijodi biex jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet.
In-numru ta’ baqar li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-għoti tal-primjum huwa l-istess jew inqas min-numru ta’ baqar li jreddgħu, bl-esklużjoni ta’ l-erieħ preżenti fir-razzett fil-ġurnata li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni.
Bejn il-15 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Jannar tas-sena segwenti, produttur jista’ jressaq biss applikazzjoni waħda.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-fatti u d-domandi preliminari
10 Fl-20 ta’ April 1998, ir-rikorrent prinċipal, matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998, ippreżenta applikazzjoni għal primjum għal baqra li tredda’ għal total ta’ 64 baqar li jreddgħu billi jindika li l-limitu individwali tiegħu kien ta’ 65.3 drittijiet għal kull primjum. 47 minn dawn l-annimali kienu indiskutabbilment baqar li jreddgħu, 17 kienu erieħ li r-rikorrent prinċipali ppreżenta fl-applikazzjoni tiegħu bħala annimali ta’ sostituzzjoni għall-baqar li jreddgħu.
11 Fir-rigward ta’ dawn is-17-il erħa, 10 kienu diġà ġew indikati mir-rikorrent prinċipali matul il-perijodu ta’ żamma tas-sena preċedenti bħala annimali ta’ sostituzzjoni għall-baqar li jreddgħu li kinux għadhom parti mill-merħla tiegħu fil-21 ta’ Ottubru 1997. Is-7 l-oħra kellhom jissostitwixxu l-baqar li jreddgħu li ma kinux għadhom parti mill-merħla bejn il-21 ta’ Jannar u s-17 ta’ April 1998. 13 minn dawn l-erieħ welldu qabel il-15 ta’ Mejju 1998, data ta’ skadenza tal-perijodu previst sabiex titressaq l-applikazzjoni għal primjum.
12 B’deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 1999, il-konvenut prinċipali naqqas il-limitu individwali tad-drittijiet għal primjum tar-rikorrent prinċipali għal 47 baqar li jreddgħu, b’effett mill-10 ta’ Ġunju 1998, billi indika li l-erieħ ma setgħux jiġu aċċettati bħala baqar li jreddgħu. Fil-fehma tiegħu, ir-rikorrent prinċipali ma kienx utilizza fl-1998 ta’ l-inqas 90 % tad-drittijiet tiegħu għal primjum b’mod li l-parti mhux użata ta’ dawn id-drittijiet kellha tmur lura fir-riżerva nazzjonali.
13 B’deċiżjoni tat-23 ta’ Awwissu 2001, il-konvenut prinċipali ċaħad kompletament l-applikazzjoni għal primjum tar-rikorrent prinċipali għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998 u rrikjeda r-rifużjoni ta’ ħlas bil-quddiem mogħti b’dan il-għan, miżjud bl-interessi, għar-raġuni li d-differenza bejn in-numru ta’ annimali indikati u n-numru ta’ annimali stabbiliti kienet aktar minn 20 %.
14 It-talbiet ippreżentati mir-rikorrent prinċipali ġew miċħuda b’deċiżjonijiet tal-konvenut prinċipali tal-5 ta’ Novembru 1999 u tal-11 ta’ Jannar 2002. Il-Bundesverwaltungsgericht (qorti federali amministrattiva), li quddiemha ġew ippreżentati r-rikorsi kontra dawn id-deċiżjonijiet, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) [Dwar] l-interpretazzjoni tal-parti (ii) tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4a tar-[Regolament Nru 805/68]:
a) Erħa hija baqra li tredda’ skond il-paragrafu 1 ta’ l-ewwel Sezzjoni tar-Regolament [Nru 805/68] biss jekk hija tissostitwixxi baqra li tredda’ li għaliha tkun saret applikazzjoni għal primjum?
b) Erħa hija baqra li tredda’ skond l-ewwel sezzjoni ta’ dan ir-Regolament meta hija ssostitwixxiet, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, baqra li tredda’ li għaliha tkun saret applikazzjoni għal primjum u meta din tkun ġiet rikonoxxuta bħala eleġibbli għall-benefiċċju ta’ dan il-primjum?
ċ) Erħa li għaliha tkun saret applikazzjoni għal primjum hija eliġibbli għall-benefiċċju tal-primjum meta hija twelled qabel l-iskadenza tat-terminu previst sabiex tkun tista’ tiġi ppreżentata applikazzjoni għal primjum ?
2) [Dwar l-interpretazzjoni] ta’ l-Artikolu 33(2) u (4) tar-[Regolament Nru 3886/92]:
a) Bidwi huwa kkunsidrat bħala li ma għamilx użu mid-drittijiet tiegħu għall-primjum f’sena ta’ kummerċjalizzazzjoni meta jkun tassew applika sabiex jibbenefika minn dan il-primjum, iżda li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda għar-raġuni li l-annimali in kwistjoni ma kinux eliġibbli?
Dan japplika wkoll meta ma jeżisti ebda element ta’ natura li jagħti x’jaħseb li l-applikazzjoni in kwistjoni ġiet introdotta abużivament?
Din is-sitwazzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-dritt Komunitarju?
b) L-Artikolu 33(2) tar-[Regolament Nru 3886/92] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każijiet bħal dawk in eżami, bidwi jkompli jibbenefika minn drittijiet għal primjum għar-raġuni li hawnhekk ninsabu quddiem każ eċċezzjonali (debitament iġġustifikat)?
c) Id-drittijiet li jkunu ġew irtirati lil bidwi abbażi ta’ l-Artikolu 33(4) tar-[Regolament Nru 3886/92] għar-raġuni li dan il-bidwi jkun tassew għamel użu minn ta’ l-inqas 70 % tad-drittijiet tagħha, iżda inqas minn 90 % [minn dawn ta’ l-aħħar] matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998 għandhom jingħataw lura taħt titolu preferenzjali lil dan il-bidwi wara perijodu ta’ sospensjoni ta’ sentejn?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda, (a)
15 B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk erħa hijiex baqra li tredda’ skond il-punt (ii) tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4a tar-Regolament Nru 805/68 biss jekk tissostitwixxi baqra li tredda’ li għaliha tkun saret applikazzjoni għal primjum.
16 Għandu jiġi osservat l-ewwel nett li, skond din id-dispożizzjoni, hija biss erħa li tissostitwixxi baqra li tredda’ li tista’ tiġi kkunsidrata bħala baqra li tredda’ skond l-imsemmija dispożizzjoni. Din ta’ l-aħħar ma tippreċiżax madankollu jekk is-sostituzzjoni għandhiex tirrigwarda baqra li tredda’ li diġà hija mniżżla fl-applikazzjoni għal primjum jew jekk tistax tirrigwarda kull baqra li tredda’ li tkun ġejja mill-merħla tal-bidwi in kwistjoni.
17 Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Nru 3887/92 jipprovdi espliċitament li huma biss l-ifrat, identifikati fl-applikazzjoni għal għajnuna li jistgħu jiġu kkunsidrati, filwaqt li jippreċiża li dawn l-annimali jistgħu jiġu ssostitwiti minn oħrajn bil-kundizzjoni li din is-sostituzzjoni sseħħ fi żmien għoxrin ġurnata wara l-ħruġ tagħhom mill-attività u li din is-sostituzzjoni tiġi rreġistrata fir-reġistru partikolari fi żmien tliet ijiem. Huwa għaldaqstant impossibbli li erħa tissostitwixxi baqra li tredda’ mhux identifikata fl-applikazzjoni għal primjum.
18 Għal dak li jirrigwarda d-data ta’ sostituzzjoni, il-qorti tar-rinviju tirrileva ġustament li t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4a tar-Regolament Nru 805/68 ma jippreċiżax jekk is-sostituzzjoni għandha neċessarjament isseħħ wara l-introduzzjoni ta’ l-applikazzjoni għal primjum jew tistax issir ukoll matul il-perijodu preċedenti. L-iżvilupp ulterjuri tad-dritt Komunitarju applikabbli f’din il-materja jipprovdi madankollu xi kjarifiki f’dan ir-rigward. B’hekk, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-laħam taċ-ċanga u vitella (ĠU L 160, p. 21), li ssostitwixxa mill-1 ta’ Jannar 2000 ir-Regolament Nru 805/68, issa jippermetti li jingħata l-primjum għall-baqar li jreddgħu kif ukoll għall-erieħ. Madankollu, jirriżulta mis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 1254/1999 li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jagħti aktar flessibbiltà lill-produtturi billi l-eliġibbiltà għall-primjum ta’ baqar li jreddgħu għandha tiġi estiża għall-erieħ li jilħqu l-istess rekwiżiti tat-trobbija bħall-baqar li jreddgħu. Peress li l-għan espliċitu tal-leġiżlazzjoni l-ġdida huwa li jemenda dik preċedenti billi jagħmel l-erieħ eliġibbli għall-applikazzjoni għal primjum, jista’ jiġi dedott li dawn ta’ l-aħħar ma kinux jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti, li hija applikabbli fil-kawża prinċipali.
19 L-interpretazzjoni tal-parti (ii) tat-tielet inciż ta’ l-Artikolu 4a tar-Regolament Nru 805/68 li biha l-erieħ ma jistgħux l-ewwel nett ikunu s-suġġett ta’ applikazzjoni għal primjum hija wkoll ikkonfermata permezz tad-dritt preċedenti. Il-primjum għal baqra li tredda’ ġie introdott mir-Regolament tal-Kunsill tal-Kunsill (KEE) Nru 1357/80, tal-5 ta’ Ġunju 1980, li jistabbilixxi skema ta’ primjum sabiex tinżamm merħla ta’ baqar li jreddgħu, (ĠU L 140, p. 1), li r-Regolament Nru 1244/82 jikkompleta. It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1244/82 jipprovdi li “[i]n-numru ta’ baqar li għandhom jiġu kkunsidrati għall-għoti tal-primjum huwa ugwali għan-numru ta’ baqar li jreddgħu, bl-esklużjoni ta’ erħiet, li jinsabu fir-razzett fid-data meta ssir l-applikazzjoni”. Skond din id-dispożizzjoni, applikazzjoni għal primjum għal baqra li tredda’ ma tistax issir għall-erieħ. Sussegwentement, ir-Regolament Nru 3886/92 ħassar ir-Regolament Nru 1244/82 filwaqt li reġa’ adotta, essenzjalment, l-iskema ta’ primjum għal baqra li tredda’ kif irriżulta minn dan l-aħħar Regolament. Fil-fatt, is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 3886/92 tirrivela f’dan ir-rigward ir-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jkompli japplika r-regoli ta’ ġestjoni li kienu diġà applikabbli fis-sistema antika ta’ primjum għall-baqra li tredda’. Ċerti emendi ġew madankollu deliberatament introdotti, bħal dik relatata mar-razez eliġibbli. Billi d-dispożizzjoni dwar in-non-eliġibbiltà ta’ l-erieħ ma tinsabx f’numru minn dawn l-emendi, jista’ jiġi dedott li, f’dak iż-żmien, il-leġiżlatur Komunitarju ma kellux l-intenzjoni li jerġa’ lura għal din ir-regola.
20 Għaldaqstant, jirriżulta mill-iżvilupp tad-dritt Komunitarju applikabbli f’dan ir-rigward li, sabiex erħa tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala baqra li tredda’ skond il-punt (ii) tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4a, tar-Regolament Nru 805/68, is-sostituzzjoni għandha ssir wara l-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal primjum.
21 Hemm lok għaldaqstant li l-ewwel domanda inċiż (a) tingħata r-risposta li l-parti (ii) tat-tielet inciż ta’ l-Artikolu 4a tar-Regolament Nru 805/68 għandu jiġi interpretat fis-sens li erħa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala baqra li tredda’ skond il-paragrafu 1 ta’ l-ewwel sezzjoni ta’ dan ir-Regolament ħlief jekk hija tissostitwixxi, wara l-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ primjum għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, baqra li tredda’ li hija mniżżla f’din l-applikazzjoni.
Fuq l-ewwel domanda, inċiż ( b)
22 B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk erħa hijiex baqra li tredda’ skond ir-Regolament Nru 805/68 meta hija tkun issostitwixxiet, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, baqra li tredda’ li għaliha tkun saret applikazzjoni għal primjum u li kienet ġiet rikonoxxuta bħala eliġibbli għall-benefiċċju ta’ dan il-primjum.
23 Skond il-konvenut prinċipali, għandha tingħata risposta negattiva għal din id-domanda. Huwa jqis fil-fatt li risposta affermattiva timplika li s-sostituzzjoni hija stat sostenibbli sakemm l-erħa tkun welldet, anki jekk sadakittant tkun bdiet sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ġdida.
24 L-analiżi tal-konvenut prinċipali għandha madankollu tiġi miċħuda minħabba li hija bbażata fuq viżjoni wisq limitata tal-każijiet koperti minn din id-domanda preliminari. Minħabba l-perijodu ta’ ġestazzjoni ta’ disa’ xhur ta’ l-ifrat, fil-fatt jista’ jiġi kkunsidrat li erħa tissostitwixxi baqra li tredda’ fi tmiem is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni u li, matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni segwenti, billi ma tkunx għada welldet, hija tissostitwixxi mill-ġdid baqra li tredda’ oħra li kienet imniżżla fl-applikazzjoni għal primjum ta’ din it-tieni sena ta’ kummerċjalizzazzjoni.
25 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat ġustament li l-fatt waħdu li r-rikorrent prinċipali kien indika ċerti erieħ bħala annimali ta’ sostituzzjoni għas-sena 1997 ma jeskludix li dawn l-erieħ jkunu jistgħu jissostitwixxu mill-ġdid fl-1998 l-baqar li jreddgħu, b’mod li għandu jiġi vverifikat jekk, fl-1998, l-erieħ kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jissostitwixxu mill-ġdid l-baqar li jreddgħu. Fil-fatt, xejn fid-dispożizzjonijiet applikabbli ma jindika li l-istess erħa tkun tista’ tissostitwixxi l-baqar li jreddgħu matul sentejn ta’ kummerċjalizzazzjoni konsekuttivi sakemm din tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha għal dan il-għan u b’mod partikolari dawk imsemmija fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, inċiż (a).
26 Għaldaqstant l-ewwel domanda, inċiż (b) għandha tingħata r-risposta li erħa li, għal sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, tkun issostitwixxiet baqra li tredda’ li għaliha tkun saret applikazzjoni għal primjum u li kienet ġiet rikonoxxuta bħala eleġibbli għall-benefiċċju ta’ dan il-primjum tista’ tiġi kkunsidrata bħala baqra li tredda’ skond il-punt (ii) tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4a tar-Regolament Nru 805/68 meta hija tissodisfa, fis-sena segwenti, il-kundizzjonijiet sabiex tissostitwixxi mill-ġdid baqra li tredda’.
Fuq l-ewwel domanda, inċiż (ċ)
27 B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt (ii) tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4a tar-Regolament Nru 805/68 għandux jiġi interpretat fis-sens li erħa li għaliha tkun saret applikazzjoni għal primjum hijiex eliġibbli għall-benefiċċju tal-primjum meta hija twelled qabel ma jiskadi t-terminu previst sabiex tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal primjum.
28 Ir-rikorrent prinċipali jsostni li t-tlettax-il erħa li kienu welldu qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ żmien fil-15 ta’ Mejju 1998 għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala eliġibbli għall-benefiċċju tal-primjum, minħabba li l-fatt li huwa kien ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu aktar kmieni, jiġifieri fl-20 ta’ April 1998, m’għandux ikun ta’ dannu għalih.
29 B’hekk għandu jiġi ddeterminat jekk l-annimali li għalihom tkun saret applikazzjoni għal primjum għandhomx ikollhom il-karatteristiċi kollha meħtieġa għall-eliġibbiltà tagħhom, b’mod partikolari dik li ma tkunx iżjed erħa, iżda baqra li tredda’, fil-mument ta’ l-introduzzjoni ta’ l-applikazzjoni għal primjum jew jekk ikunx biżżejjed li huma jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet fid-data ta’ skadenza biex tkun tista’ ssir applikazzjoni. F’din id-data, fil-fatt, it-tlettax-il annimal in kwistjoni fil-kawża prinċipali kienu saru baqar li jreddgħu.
30 F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbilita permezz tar-Regolament Nru 3887/92 tirrikjedi li l-informazzjoni pprovduta minn applikant għal għajnuna tkun kompluta u eżatta mill-bidu nett, sabiex tippermettilu jippreżenta applikazzjoni korretta għal għoti ta’ ħlasijiet kumpensatorji u sabiex jiġi evitat li jiġu imposti penali fuqu. Meta jippreżenta applikazzjoni għal għajnuna, il-bidwi għandu l-obbligu li jiddikjara l-annimali li jissodisfaw id-diversi kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja għall-għoti ta’ l-imsemmija għajnuniet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Schilling u Nehring, C-63/00, Ġabra p. I-4483, punti 34 u 33).
31 Barra minn hekk, l-Artikolu 4d(5) tar-Regolament Nru 805/68 jippreċiża li l-primjum jingħata lill-produttur li ma jiddistribwixxix ħalib jew prodotti tal-ħalib li ġejjin mir-razzett tiegħu matul tnax-il xahar mill-ġurnata li l-applikazzjoni tiġi ppreżentata u li, matul dan il-perijodu, iżomm għall-anqas matul sitt xhur suċċessivi numru ta’ baqar li jreddgħu li jkun għallinqas l-istess bħal dak li għalih il-primjum huwa mitlub. Billi l-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal primjum tiddetermina l-bidu tal-perijodu ta’ żamma u li n-numru ta’ baqar li jreddgħu huwa kkwantifikat f’dan il-mument partikolari, isegwi li huwa wkoll f’din id-data li l-annimali għandhom ikollhom il-karatteristiċi kollha neċessarji għall-eliġibbiltà tagħhom.
32 Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 41(2) tar-Regolament Nru 3886/92, l-Istat Membru jista’ jipprovdi li l-produttur ikun awtorizzat jintroduċi mill-ġdid applikazzjoni għal primjum għal baqra li tredda’ ġdida fil-limitu individwali tiegħu, fit-terminu previst sabiex jintroduċi din l-applikazzjoni. Madankollu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlitx użu minn din il-fakultà, jirriżulta mill-inkartament imressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja li, f’dan il-każ, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu l-possibbiltà li jippreżenta l-applikazzjoni għal primjum wara li l-erħiet ikunu welldu, iżda qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ introduzzjoni ta’ din l-applikazzjoni, b’mod li din l-applikazzjoni kienet issodisfat l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tad-drittijiet għal primjum.
33 Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel domanda, inċiż (ċ) tingħata r-risposta li l-parti (ii) tat-tielet inciż ta’ l-Artikolu 4a tar-Regolament Nru 805/68 għandu jiġi interpretat fis-sens li erħa li għaliha tkun saret applikazzjoni għal primjum mhijiex eliġibbli għall-benefiċċju tal-primjum meta hija twelled qabel l-iskadenza tat-terminu previst sabiex din l-applikazzjoni tiġi ppreżentata.
Fuq it-tieni domanda, inċiż (a)
34 B’din id-domanda, li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 33(2) u (4) tar-Regolament Nru 3886/92, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-drittijiet għal primjum ta’ produttur għandhomx jiġu meqjusa bħala utilizzati meta dan ikun tassew talab li jibbenefika mill-primjum, izda li t-talba tiegħu ġiet miċħuda għar-raġuni li l-annimali in kwistjoni ma kinux eliġibbli. Alternattivament, hija tistaqsi jekk risposta negattiva eventwali għandhiex tingħata anki meta ma jeżisti ebda element ta’ natura li jagħti x’jaħseb li l-applikazzjoni in kwistjoni ġiet ippreżentata abużivament u, jekk iva, jekk din is- sitwazzjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
35 Ir-rikorrent prinċipali fil-fatt ippreżenta applikazzjoni għal primjum għal baqra li tredda’ għal 64 annimal, primjum li madankollu ġew mogħtija lilu biss għal 47 minnhom, li jirrappreżenta anqas minn 90 % tad-drittijiet li huwa kellu. Tqum għaldaqstant il-kwistjoni dwar jekk, meta ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu, huwa użax id-drittijiet tiegħu għal primjum għall-64 annimal kollha jew jekk, kif isostni l-konvenut prinċipali, ma kienx hemm, għal 17 minn dawn l-annimali, ħlief tentattiv ta’ użu ta’ dawn id-drittijiet, b’mod li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 33(2) u (4) tar-Regolament Nru 3886/92 huma sodisfatti u li d-drittijiet għandhom, konsegwentement, jingħataw lura fir-riżerva nazzjonali.
36 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-disa’ premessa tar-Regolament Nru 3886/92 tipprovdi li, “fid-dawl ta’ l-effett regolatorju fuq is-suq ta’ l-iskema ta’ livelli individwali, għandu jiġi previst l-għoti lura fir-riżerva nazzjonali tad-drittijiet għal primjum li ma ġewx użati minn min kellu dritt għalihom matul ċertu perijodu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minbarra dan, ir-raba’ premessa tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1846/95 tas-26 ta’ Lulju 1995, li jemenda r-Regolament Nru 3886/92 (ĠU L 177, p. 28), minn fejn jirriżultaw il-paragrafi 1 sa 3 ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 3886/92, tindika l-intenzjoni “li tiġi assigurata mobilizzazzjoni aħjar tad-drittijiet għal primjums disponibbli u mhux użati”. L-għan tas-sistema ta’ għoti lura tad-drittijiet mhux użati fir-riżerva nazzjonali huwa għalhekk li d-drittijiet kollha għal primjum eżistenti jiġu effettivament użati sabiex jiġi evitat li ċerti produtturi li ma jagħmlux użu immedjat minnhom milli jaħżnuhom u jimpedixxu minħabba dan il-fatt lil produtturi oħrajn milli jibbenefikaw minn dawn id-drittijiet. Għaldaqstant, id-drittijiet għal primjum miżmuma għandhom ikunu adegwati mas-sitwazzjoni reali u attwali tar-razzett.
37 Madankollu, fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal primjum huwa impossibbli li wieħed ikun jaf jekk is-sitwazzjoni deskritta f’din l-applikazzjoni tikkorrispondix effettivament ma’ dik tar-razzett. Minbarra dan, sabiex jeżisti użu tad-drittijiet għall-primjum, jeħtieġ li s-sitwazzjoni tar-razzett tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tal-primjums mitluba, li jeħtieġ evalwazzjoni minn naħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. F’kuntest bħal dak fil-kawża prinċipali fejn is-sitwazzjoni tar-razzett ma tikkorrispondix ma’ dawn il-kundizzjonijiet minħabba li l-annimali msemmija fl-applikazzjoni għal primjum ma kinux eliġibbli għall-primjums ikkonċernati, id-drittijiet għal primjum ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li ġew użati.
38 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-konformità ta’ din l-interpretazzjoni mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Din l-interpretazzjoni tista’ fil-fatt tkun ekwivalenti, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, għal penali addizzjonali għall-irregolaritajiet imwettqa matul il-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni, penali fil-fatt li huma iebsin, minħabba l-konsegwenzi għal żmien twil tat-tnaqqis tal-limitu individwali, u li din tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
39 Dan l-argument għandu madankollu jiġi miċħud. Jirriżulta fil-fatt mill-premessi fuq imsemmija tar-Regolamenti Nru 3886/92 u 1864/95 li l-għan tas-sistema ta’ għoti lura tad-drittijiet għal primjum fir-riżerva nazzjonali mhuwiex li jippenalizza l-abbużi. Għaldaqstant, għalkemm din il-miżura tista’ twassal għal konsegwenzi sfavorevoli għall-produttur ikkonċernat, hija m’għandhiex natura ta’ penali fin-nuqqas ta’ irregolarità, skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95, li din il-miżura hija maħsuba sabiex tipprekludi u tippenalizza. Fil-fatt, l-uniku ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku li għandu bħala effett li jippreġudika lill-baġit ġenerali tal-Komunità u li jista’ jikkostitwixxi irregolarità, skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, huwa l-introduzzjoni ta’ applikazzjoni ta’ primjum li jkun fiha informazzjoni żbaljata. Madankollu, produttur li jitlob, skond il-prinċipji stabbiliti tad-dritt Komunitarju, drittijiet għal primjum għal numru eżatt ta’ baqar li jreddgħu, iżda inqas mil-limitu individwali tiegħu, jitnaqqaslu dan il-limitu bl-istess mod bħal produttur li jkun ippreżenta applikazzjoni żbaljata. Għaldaqstant, il-konsegwenzi huma l-istess, kemm jekk ikun hemm aġir ħażin jew le. Peress illi jidher li hija mhijiex maħsuba sabiex tneħħi irregolarità, il-miżura kkonċernata ma tistax tiġi kkwalifikata bħala penali skond ir-Regolament Nru 2988/95.
40 Billi m’għandhomx in-natura ta’ penali skond ir-Regolament Nru 2988/95, il-konsegwenzi previsti fl-Artikolu 33(2) u (4) tar-Regolament Nru 3886/92 jikkostitwixxu biss miżura li hija maħsuba sabiex tadatta l-limitu individwali mas-sitwazzjoni reali tar-razzett.
41 Barra minn hekk, peress li t-tnaqqis tal-limitu individwali jirriżulta mill-għoti lura fir-riżerva nazzjonali u mhux minn penali, iżda sempliċi konsegwenza marbuta ma’ sitwazzjoni oġġettiva, l-intenzjoni abbażi ta’ l-aġir li jwassal għal dan it-tnaqqis u n-natura żbaljata jew le ta’ dan l-aġir huma fatturi irrilevanti, b’mod li mhemmx lok li wieħed jinterroga fuq il-punt dwar jekk applikazzjoni għal primjum parzjalment miċħuda ġiet ippreżentata abużivament jew le.
42 Minbarra dan, peress li din mhijiex penali, il-kwistjoni tal-konformità tal-miżura li tikkonsisti fi tnaqqis tal-limitu individwali mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tqum f’termini differenti minn dawk issuġġeriti mill-qorti tar-rinviju għax din ma tirrigwardax il-proporzjonalità ta’ penali doppja, iżda biss il-proporzjonalità ta’ l-imsemmija miżura li tirriżulta mit-tnaqqis tan-numru ta’ annimali eliġibbli.
43 F’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif applikat, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-politika agrikola komuni.
44 Il-leġiżlatur Komunitarju jiddisponi, f’dan il-qasam, minn diskrezzjoni wiesgħa li tikkorrispondi mar-responsabbiltajiet politiċi li l-Artikoli 34 KE sa 37 KE jattribwixxulu. Konsegwentement, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-verifika ta’ jekk il-miżura in kwistjoni hijiex ivvizzjata bi żball manifest jew b’abbuż ta’ poter jew jekk l-awtorità in kwistjoni qabżitx, b’mod manifest, il-limiti tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-304/01, Ġabra p. I‑7655, punt 23, u tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, Ġabra p. I‑7285, punt 96).
45 Fir-rigward ta’ l-istħarriġ ta’ proporzjonalità, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jitlob li l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa idoneu u neċessarju għat-twettiq ta’ l-għanijiet leġittimi li jridu jintħalqu mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu m’għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ l-għanijiet previsti (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 97).
46 Fir-rigward ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ tali prinċipju, fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-politika agrikola komuni, hija biss in-natura ċarament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-kamp, meta mqabbla ma’ l-għan li l-istituzzjoni kompetenti trid tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenzi ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 80, u tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 98).
47 B’hekk, il-kwistjoni mhijiex jekk il-miżura adottata mil-leġiżlatur kinitx l-unika waħda possibbli jew l-aħjar possibbli, iżda jekk kinitx manifestament inadegwata (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 99).
48 Jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza kif ukoll mill-premessi li huma msemmija fiha li l-għoti lura fir-riżerva nazzjonali tad-drittijiet mhux użati hu maħsub li jiggarantixxi li d-drittijiet kollha għal primjum jiġu effettivament użati. Madankollu, din il-miżura tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jintlaħaq l-għan ta’ mobilizzazzjoni aħjar tad-drittijiet għal primjum disponibbli u mhux użati. Barra minn hekk għandu wkoll jiġi rrilevat li l-possibbiltà li din il-miżura hija manifestament mhux xierqa ma ġietx issollevata minn ebda mill-persuni kkonċernati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
49 Peress illi l-għoti lura fir-riżerva nazzjonali ma jikkostitwixxix mezz manifestament inapproprjat sabiex jintlaħaq l-objettiv imsegwi, il-miżura kkontestata mhijiex għaldaqstant kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.
50 B’hekk it-tieni domanda inċiż (a) għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 33(2) u (4) tar-Regolament Nru 3886/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li produttur għandu jitqies li ma użax id-drittijiet tiegħu għal primjum matul sena ta’ kummerċjalizzazzjoni meta huwa jkun ippreżenta applikazzjoni għal primjum, iżda din l-applikazzjoni tkun ġiet miċħuda għar-raġuni li l-annimali kkonċernati ma kinux eliġibbli, u dan anki jekk l-imsemmija applikazzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata abbużivament. Interpretazzjoni bħal din mhijiex kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Fuq it-tieni domanda, inċiż (b)
51 B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sussidjarjament jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ każ eċċezzjonali debitament iġġustifikat skond l-aħħar subinċiż ta’ l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 3886/92 tistax tiġi ammessa.
52 Għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ każ eċċezzjonali debitament iġġustifikat tippermetti deroga għar-regola ta’ l-għoti lura fir-riżerva nazzjonali tal-parti mhux użata tad-drittijiet għal primjum u għandha, għal dan il-għan, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Din l-interpretazzjoni hija ddettata mill-użu, fl-imsemmija dispożizzjoni, tal-kelma “eċċezzjonali”.
53 L-aħħar subinċiż ta’ l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 3886/92 jidher fid-dawl ta’ l-istruttura ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni bħala klawżola ġenerali ta’ ekwità intiża sabiex tkopri sitwazzjonijiet oħra minn dawk imsemmija fis-subinċiżi preċedenti, li fihom l-applikazzjoni tar-regola ġenerali tinħass għal perijodu ta’ żmien eċċezzjonali, iżda li ma jistgħux kollha jkunu s-suġġett ta’ referenza partikolari. Bħall-każijiet imsemmija fis-subinċiżi preċedenti, dawn huma sitwazzjonijiet li fihom ikun ġust li l-produttur ikun awtorizzat jagħmel użu ulterjuri mid-drittijiet tiegħu għal primjum għalkemm huwa ma jkunx jista’, minħabba raġunijiet eċċezzjonali, jutilizzhom temporanjament.
54 La d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Regolament u lanqas il-premessi tiegħu ma jiddeterminaw it-tipi ta’ kriterju li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġġustifikaw tali każ eċċezzjonali. Għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur Komunitarju ma xtaqx jippreċiża aktar dan il-kunċett u lanqas jirrelatah ma’ kriterji partikolari. Għandhom għaldaqstant jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha, ta’ natura suġġettiva kif ukoll oġġettiva, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fosthom, jeżistix element wieħed jew diversi elementi li jistgħu jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ każ eċċezzjonali. Din l-evalwazzjoni tista’ tiġi mwettqa biss każ b’każ u mill-awtoritajiet inkarigati li japplikaw l-aħħar subinċiż ta’ l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 3886/92. B’hekk hija l-qorti tar-rinviju, li quddiemha tkun ressqet il-kawża prinċipali li hija kompetenza f’dan ir-rigard, u hija biss tista’ tikkonstata l-fatti rilevanti, u li tagħmel din l-evalwazzjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni l-ħtieġa ta’ applikazzjoni restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni.
55 F’kull każ, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari, interpretazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni applikabbli ma tistax tikkostitwixxi każ eċċezzjonali skond l-aħħar subinċiż ta’ l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 3886/92.
56 Hemm lok, minbarra dan, li jiġi rrilevat li, skond it-termini stess ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, sabiex tkun tista’ ssir applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, huwa neċessarju li l-produttur ikun debitament iġġustifikat dwar kif is-sitwazzjoni li jinsab fiha hija waħda eċċezzjonali.
57 Għalhekk it-tieni domanda, inċiż (b) għandha tingħata r-risposta li hija l-qorti tar-rinviju li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha debitament iġġustifikati li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tar-rikorrent prinċipali, jeżistix każ eċċezzjonali li jirrikjedi li ssir applikazzjoni tad-dispożizzjoni derogatorja ta’ l-aħħar subinċiż ta’ l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 3886/92, filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni l-ħtieġa ta’ applikazzjoni restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni.
Fuq it-tieni domanda, inċiż (ċ)
58 Fl-aħħar, sussidjarjament għal dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-drittijiet għall-primjum li jkunu ġew irtirati lil produttur abbażi ta’ l-Artikolu 33(4) tar-Regolament Nru 3886/92, għar-raġuni li l-imsemmi produttur jkun għamel użu minn għallinqas 70 %, iżda inqas minn 90 % tad-drittijiet tiegħu matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998, għandhomx jingħataw lura b’mod preferenzjali lil dan il-produttur wara perijodu sospiż ta’ sentejn. Hija tqis fil-fatt li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jista’ jimponi li jiġu pprivileġġati l-proprjetarji antiki, peress li s-sitwazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar ġiet affettwata b’mod partikolarment sinjifikanti minn żieda tal-perċentwali ta’ użu minn 70 % sa 90 % fil-kuntest tal-miżuri eċċezzjonali meħuda wara l-kriżi msejħa tal-“baqra miġnuna”.
59 L-għoti tad-drittijiet għal primjum li jagħmel parti mir-riżerva nazzjonali mill-Istati Membri huwa s-suġġett tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4f tar-Regolament Nru 805/68, li jelenka l-produtturi li jistgħu jibbenefikaw minnu. L-użu tal-kelma “b’mod partikolari” f’din id-dispożizzjoni jindika li din mhijiex lista eżawrjenti.
60 Il-Kummissjoni osservat ġustament li t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4f(4) tar-Regolament Nru 805/68 awtorizzaha tfassal il-miżuri relatati mad-drittijiet individwali mhux użati fl-1997 u 1998, u mogħtija lura lir-riżerva nazzjonali, iżda li dawn il-miżuri qatt ma ġew adottati. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom marġni sħiħ ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ l-użu tar-riżerva nazzjonali tagħhom. Huma jistgħu, għaldaqstant, jipprovdu għoti preferenzjali tad-drittijiet għal primjum lill-produtturi li kellhom jagħtu lura d-drittijiet tagħhom f’din ir-riżerva għar-raġuni li kienu għamlu użu minn għallinqas 70 %, iżda anqas minn 90 % tad-drittijiet tagħhom matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998.
61 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda, inċiż (ċ) għandha tkun li l-Artikolu 33(4) tar-Regolament Nru 3886/92, moqri flimkien mal-paragrafu (4) ta’ l-Artikolu 4(f) tar-Regolament Nru 805/68, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jagħtu lura taħt titolu preferenzjali lil produttur, wara perijodu ta’ sospensjoni ta’ sentejn, id-drittijiet għal primjum li jkunu ġew irtirati lilu għar-raġuni li dan il-produttur jkun għamel użu minn ta’ l-inqas 70 %, iżda inqas minn 90 % tad-drittijiet tiegħu matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998.
Fuq l-ispejjeż
62 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Il-punt (ii) tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u vitella, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2222/96 tal-Kunsill, tat-18 ta’ Novembru 1996, għandu jiġi interpretat fis-sens li erħa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala baqra li tredda’ skond il-paragrafu 1 ta’ l-ewwel sezzjoni ta’ dan ir-Regolament ħlief jekk hija tissostitwixxi, wara l-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ primjum għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, baqra li tredda’ li hija mniżżla f’din l-applikazzjoni.
2) Erħa li, għal sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, tkun issostitwixxiet baqra li tredda’ li għaliha tkun saret applikazzjoni għal primjum u li kienet ġiet rikonoxxuta bħala eleġibbli għall-benefiċċju ta’ dan il-primjum tista’ tiġi kkunsidrata bħala baqra li tredda’ skond il-punt (ii) tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4a tar-Regolament Nru 805/68 kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2222/96, meta hija tissodisfa, fis-sena segwenti, il-kundizzjonijiet sabiex tissostitwixxi mill-ġdid baqra li tredda’.
3) Il-punt (ii) tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4a tar-Regolament Nru 805/68 kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2222/96, għandu jiġi interpretat fis-sens li erħa li għaliha tkun saret applikazzjoni għal primjum mhijiex eliġibbli għall-benefiċċju tal-primjum meta hija twelled qabel l-iskadenza tat-terminu previst sabiex din l-applikazzjoni tiġi ppreżentata.
4) l-Artikolu 33(2) u (4) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 3886/92 li jistabbilixxi l-metodi ta’ applikazzjoni dwar l-iskemi ta’ primjum previsti mir-Regolament Nru 805/68, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1244/82 u r-Regolament (KEE) Nru 714/89, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2311/96 tat-2 ta’ Diċembru 1996, għandu jiġi interpretat fis-sens li produttur għandu jitqies li ma użax id-drittijiet tiegħu għal primjum matul sena ta’ kummerċjalizzazzjoni meta huwa jkun ippreżenta applikazzjoni għal primjum, iżda din l-applikazzjoni tkun ġiet miċħuda għar-raġuni li l-annimali kkonċernati ma kinux eliġibbli, u dan anki jekk l-imsemmija applikazzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata abbużivament. Interpretazzjoni bħal din mhijiex kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.
5) Hija l-qorti tar-rinviju li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha debitament iġġustifikati li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tar-rikorrent prinċipali, jeżistix każ eċċezzjonali li jirrikjedi li ssir applikazzjoni tad-dispożizzjoni derogatorja ta’ l-aħħar subinċiż ta’ l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 3886/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2311/96, filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni l-ħtieġa ta’ applikazzjoni restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni.
6) L-Artikolu 33(4) tar-Regolament Nru 3886/92, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2311/96, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 4f(4) tar-Regolament Nru 805/68, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 2222/96, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jagħtu lura taħt titolu preferenzjali lil produttur, wara perijodu ta’ sospensjoni ta’ sentejn, id-drittijiet għal primjum li jkunu ġew irtirati lilu għar-raġuni li dan il-produttur jkun għamel użu minn ta’ l-inqas 70 %, iżda inqas minn 90 % tad-drittijiet tiegħu matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1998.
Firem
** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy