Kawża C-388/05
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Taljana
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Konservazzjoni tal-habitat naturali — Fawna u flora selvaġġa — Żona ta’ protezzjoni speċjali ‘Valloni e steppe pedegarganiche’”
Sommarju tas-sentenza
1. Ambjent — Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi — Direttiva 79/409
(Direttiva tal-Kunsill 79/409, Artikolu 4(4))
2. Ambjent — Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi — Direttiva 79/409
(Direttiva tal-Kunsill 79/409, Artikolu 4)
3. Ambjent — Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi — Direttiva 79/409
(Direttivi tal-Kunsill 79/409, Artikolu 4(4), u 92/43, Artikoli 6(2) u 7)
1. L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, jimponi lill-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, ġewwa ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali, it-tniġġis jew id-deterjorazzjoni tal-habitat kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn ikollhom effett sinjifikattiv fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-Artikolu.
L-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw b’mod partikolari minn din id-dispożizzjoni, anki meta ż-żona in kwistjoni ma tkunx ġiet ikklassifikata bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, meta din kellha tiġi hekk ikklassifikata.
(ara l-punti 17-18)
2. L-inventarju taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (Inventory of Important Bird Areas), għalkemm ma kienx jorbot legalment lill-Istati Membri kkonċernati, jinkorpora elementi ta’ prova xjentifika li jippermettu li jiġi evalwat jekk Stat Membru jirrispettax l-obbligu tiegħu li jikklassifika f’żona ta’ protezzjoni speċjali, iż-żoni l-aktar xierqa għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi prottetti, kemm bħala numru u bħala daqs.
(ara l-punt 19)
3. Peress li ż-żona tal-“Valloni e steppe pedegarganiche” kienet ġiet ikklassifikata bħala żona ta’ protezzjoni speċjali fit-28 ta’ Diċembru 1998, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u mhux l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, għandu japplika fir-rigward ta’ l-imsemmija żona wara din id-data.
Fil-fatt, fir-rigward taż-żoni kklassifikati bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43 jipprovdi li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409 huma ssostitwiti, b’mod partikolari mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, sa mid-data ta’ l-implementazzjoni ta’ din l-aħħar Direttiva jew mid-data ta’ klassifikazzjoni skond id-Direttiva 79/409, jekk din id-data ta’ l-aħħar hija sussegwenti.
(ara l-punti 24-25)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
20 ta’ Settembru 2007 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Konservazzjoni tal-habitat naturali – Fawna u flora selvaġġa – Żona ta’ protezzjoni speċjali ‘Valloni e steppe pedegarganiche’”
Fil-kawża C‑388/05,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-24 ta’ Ottubru 2005,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Aresu u D. Recchia, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk, L. Bay Larsen (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat- 3 ta’ Mejju 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Taljana
– qabel it-28 ta’ Diċembru 1998, id-data li fiha l-“Valloni e steppe pedegarganiche” ġiet magħżula bħala żona ta’ protezzjoni speċjali (aktar ’il quddiem “ŻPS”), naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p.1, aktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”), billi naqset milli tieħu l-mżuri xierqa biex jiġi evitat it-tniġġis jew id-deterjorazzjoni tal-habitat, kif ukoll kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar selvaġġi sakemm dan jista’ jkun sinjifikattiv, fir-rigward tal-pjan msejjaħ “il-ftehim reġjonali” u l-proġetti tiegħu, li setgħu kellhom impatt fuq il-habitat u l-ispeċi ġewwa ż-żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar, imsejħa ukoll Żona Importanti għall-Għasafar (aktar ’il quddiem ŻIGĦ), elenkata bin-Nru 94 fil-katalgu ŻIGĦ ta’ 1989 bħala “Promontorio del Gargano” u bin-Nru 129 fil-katalgu ŻIGĦ ta’ 1998 bħala “Promontorio del Gargano”, u li fil-fatt wasslu għal deterjorazzjoni tal-habitat u rriżultaw fi tfixkil li jaffettwa l-għasafar li kienu jinsabu ġewwa din iż-ŻIGĦ
– wara t-28 ta’ Diċembru 1998, id-data li fiha l-“Valloni e steppe pedegarganiche” ġiet magħżula bħala ŻPS, din naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 6(2), (3) u (4) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p.7 aktar ’il quddiem id-“Direttiva habitat”) safejn:
– kuntrarjament għall-Artikolu 6(2), ta’ din id-Direttiva, hija ma adottatx il-miżuri xierqa biex tevita, fiż-ŻPS “Valloni e steppe pedegarganiche”, id-deterjorazzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ l-ispeċi, kif ukoll it-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġiet magħżula din ż-ŻPS, fir-rigward tal-proġetti previsti mill-“ftehim reġjonali” li diġà tlestew u li huma l-kawża tad-deterjorazzjoni tal-habitats naturali, u tal-habitats ta’ l-ispeċi kif ukoll tat-tfixkil li jaffettwa l-ispeċi ġewwa ż-żona msemmija;
– kuntrarjament għall-Artikolu 6(3) ta’ l-imsemmija Direttiva, hija ma wettqitx, konformament mal-kundizzjonijet imsemmija f’dan l-Artikolu, evalwazzjoni ex ante ta’ l-implikazzjonijet tal-proġetti previsti mill-“ftehim reġjonali” li diġà tlestew u li setgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv iż-ŻPS “Valloni e steppe pedegarganiche”;
– kuntrarjament għall-Artikolu 6(4) ta’ din l-istess Direttiva, hija ma applikatx il-proċedura li tippermetti li jitwettaq proġett minkejja l-konklużjonijiet negattivi ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi oħra minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku akbar, inklużi dawk ta’ natura soċjali jew ekonomika, jew kunsiderazzjonijiet marbuta mas-saħħa tal-bniedem u mas-sigurtà pubblika, jew konsegwenzi benefiċi ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni tal-Kummissjoni, għal raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess pubbliku ta’ akbar, u lanqas ma kkomunikat lill-Kummissjoni l-miżuri kumpensatorji kollha adottati sabiex jiġi żgurat li tiġi protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000, fir-rigward tal-proġetti inklużi fil-“ftehim reġjonali” li ġew approvati - minkejja l-implikazzjonijiet tagħhom għaż-ŻPS “Valloni e steppe pedegarganiche” - biex jiġġieldu kontra l-kriżi soċjo-ekonomika u l-qgħad li qed jolqot ir-reġjun tal-Manfredonia;
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprovdi:
“1. L-ispeċi msemmija fl-anness 1 għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazz[j]oni li jikonċernaw il-habitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.
[…]
L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs bħala żoni speċjali tal-protezzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, b’konsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-anness 1, billi jżommu f’moħħom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva, rigward iż-żoni ta’ tagħmmir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu ix-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-istati membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni fl-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.
[…]
4. Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-istati membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-istati membri għandhom jistinkaw biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitats.”
3 L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva habitat jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.”
4 L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva habitat, jinstitwixxi proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijet fuq iż-żoni protetti ta’ pjanijiet jew proġetti li x’aktarx jaffettwaw dawn iż-żoni, filwaqt li l-Artikolu 6(4) ta’ din l-istess Direttiva jipprovdi l-adozzjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet, ta’ miżuri kumpensatorji meta pjan jew proġett għandu jiġi mwettaq minkejja l-konklużjonijiet negattivi ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijet fuq is-sit ikkonċernat.
5 L-Artikolu 7 tad-Direttiva habitat jipprovdi li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ din id-Direttiva “għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva [dwar l-għasafar] dwar iż-żoni kklassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva [dwar l-għasafar], meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża
6 Fi Frar 2001, il-Lega Italiana Protezione Uccelli (Lega Taljana għall-protezzjoni ta’ l-għasafar) ippreżentat ilment lill-Kummissjoni li bih iż-żona ġeografika msejħa “Valloni e steppe pedegarganiche”, ikklassifikata bħala ŻPS fit-28 ta’ Diċembru 1998, kienet is-suġġett ta’ bosta xogħlijiet industrijali u ta’ kostruzzjoni, li diġà kienu tlestew jew li kienu pendenti, li jheddu l-habitat naturali u l-konservazzjoni ta’ bosta speċi ta’ għasafar selvaġġi li jgħixu jew li jpassu minn din iż-żona.
7 B’ittra tat-22 ta’ Awwissu 2001, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Taljana informazzjoni dwar ix-xogħlijiet lesti u previsti ġewwa l-imsemmija żona, b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt il “ftehim reġjonali” għall-iżvilupp industrijali tar-reġjun tal-Manfredonia, konkluż bejn ir-reġjun tal-Pulja u l-komun ta’ Manfredonia.
8 L-awtoritajiet Taljani rrispondew permezz ta’ l-ittri tar-rappreżentanza permanenti tar-Repubblika Taljana għall-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Diċembru 2001 u tal-15 ta’ Frar 2002, kif ukoll b’ittra tar-reġjun tal-Pulja tat-13 ta’ Frar 2003.
9 B’ittra tad-19 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika Taljana sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ xahrejn li beda jiddekorri minn notifika ta’ din l-ittra.
10 Peress li dan l-Istat Membru ma’ rrispondiex għall-imsemmija ittra fid-9 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni indirizzatlu opinjoni motivata.
11 Ir-Repubblika Taljana rrispondiet għall-imsemmija opinjoni motivata b’ittra tad-9 ta’ Novembru 2004, li fiha hija indikat li kienet sejra tirrispondi fi żmien qrib għall-ilmenti tal-Kummissjoni.
12 Fin-nuqqas ta’ risposta ulterjuri, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
13 Madankollu, peresss illi l-Kummissjoni rtirat il-partijiet tar-rikors li jittrattaw il-ksur ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva habitat, m’hemmx aktar lok li dawn jiġu eżaminati.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
14 Il-Kummissjoni ssostni li l-“ftehim reġjonali” għall-iżvilupp industrijali tar-reġjun tal-Manfredonia ġie approvat fix-xahar ta’ Marzu 1998 u li l-proġetti inklużi kienu nbdew immedjatament, u rriżultaw f’dannu għall-konservazzjoni ta’ bosta speċi ta’ għasafar protetti li jgħixu jew jgħaddu miż-żona ġeografika msejħa “Valloni e steppe pedegarganiche”, klassifikata f’ŻPS fit-28 ta’ Diċembru 1998. Minbarra dan, dawn il-proġetti għadhom qegħdin jitwettqu.
15 Dan il-“ftehim reġjonali” għandu jiġi approvat mingħajr l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi biex jipprevjenu t-tniġġis u d-deterjorament tal-habitats kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa l-għasafar ġewwa ż-żona tal-“Valloni e steppe pedegarganiche”, u mingħajr evalwazzjoni exante ta’ l-impatt fuq din iż-żona.
16 Ir-Repubblika Taljana tirrikonoxxi li l-“ftehim reġjonali” ġie approvat fix-xahar ta’ Marzu 1998 mingħajr ebda proċedura preliminari ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt tiegħu fiż-żona ta’ “Valloni e steppe pedegarganiche”. Hija tammetti li l-istabbiliment industrijali kellu effett dirett fuq l-għajba ta’ habitat naturali ta’ interess Komunitarju f’ din iż-żona.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq is-sitwazzjoni qabel ma ż-żona ġeografika msejħa “Valloni e steppe pedegarganiche” ġiet ikklassifikata bħala ŻPS
17 L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar jimponi lill-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, ġewwa ż-ŻPS, it-tniġġis jew id-deterjorazzjoni tal-habitat kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu jkunu sinjifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-Artikolu.
18 Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, anki meta ż-żona in kwistjoni ma’ tkunx ġiet ikklassifikata bħala ŻPS, meta din kellha tiġi hekk ikklassifikata (ara sentenza tat-18 ta’ Marzu 1999, Il-Kummissjoni vs Franza, C-166/97, Ġabra p. I-1719, punt 38).
19 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li jekk l-inventarju taż-ŻIGĦ, għalkemm ma kienx jorbot legalment lill-Istati membri kkonċernati, jinkorpora elementi ta’ prova xjentifika li jippermettu li jiġi evalwat jekk Stat Membru jirrispettax l-obbligu tiegħu li jikklassifika f’ŻPS iż-żoni l-aktar xierqa għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi prottetti, kemm bħala numru u bħala daqs (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-374/98, Ġabra. p. I-10799, punt 25).
20 Madankollu, huwa paċifiku li ż-żona msejħa “Valloni e steppe pedegarganiche”, li tinsab fir-Regjun tal-Pulja, u aktar preċiżament fil-komun ta’ Manfredonia, tipprovdi kenn lill-ispeċi rari ta’ għasafar selvaġġi, bir-riżultat li fl-1989 ġiet ikklassifikata bħala ŻIGĦ taħt l-isem “Promontorio del Gargano”, mill-BirdLife International. Minbarra dan, hija ġiet ikklassifikata wkoll bħala ŻIGĦ fl-inventarju ta’ l-IBA ta’ l-1998.
21 B’konsegwenza ta’ dan, jidher li din iż-żona kellha tiġi kklassifikata bħala ŻPS qabel it-28 ta’ Diċembru 1998.
22 Barra dan, mhux ikkontestat li t-twettiq ta’ l-istabbiliment industrijali fil-kuntest tal-“ftehim reġjonali” wassal għad-distruzzjoni ta’ parti taż-żona tal-“Valloni e steppe pedegarganiche” li kienet fi stat ta’ konservazzjoni tajjeb, u kkawża dannu għall-konservazzjoni ta’ bosta speċi ta’ għasafar protetti li jżuru din iż-żona.
23 Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, qabel it-28 ta’ Diċembru 1998, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar u li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ fuq dan il-punt.
Dwar is-sitwazzjoni wara li ż-żona ġeografika msejħa “Valloni e steppe pedegarganiche” ġiet ikklassifikata bħala ŻPS
24 Fir-rigward taż-żoni kklassifikati bħala ŻPS, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7 tad-Direttiva habitats jipprovdi li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar huma ssostitwiti, b’mod partikolari mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva habitat sa mid-data ta’ l-implementazzjoni ta’ din l-aħħar Direttiva jew mid-data ta’ klassifikazzjoni skond id-Direttiva dwar l-għasafar, jekk din id-data ta’ l-aħħar hija sussegwenti (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-117/00, Ġabra p. I-5335, punt 25).
25 Peress illi ż-żona tal-“Valloni e steppe pedegarganiche” kienet ġiet ikklassifikata bħala ŻPS fit-28 ta’ Diċembru 1998, isegwi li fil-każ preżenti, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva habitat japplika fir-rigward ta’ imsemmija żona wara din id-data.
26 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva habitat, bħall-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa biex, fiż-ŻPS ikklassifikati skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-aħħar l-Artikolu, jiġi evitat id-deterjorament tal-habitat kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa b’manjiera sinjifikattiva l-ispeci li għalihom iż-ŻPS ġew ikklassifikati (ara, f’dan is-sens is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata aktar ’il fuq, punt 26).
27 Jirriżulta però mill-proċess li, wara t-28 ta’ Diċembru 1998, is-sitwazzjoni deskritta fil-punt 22 tas-sentenza preżenti tkompliet. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, sabiex jirrispondi għall-punti mqajma mill-Kummissjoni b’nota tas-7 ta’ Lulju 2004, ir-reġjun tal-Pulja indika li huwa kien ħa in kunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri kumpensatorji adegwati li jipprovdu jew għall-estensjoni taż-ŻPS in kwistjoni, jew għall-identifikazzjoni ta’ ŻPS ġdida li tippreżenta fawna u veġetazzjoni komparabbli ma’ dik tal-habitat li kien ikkawża dannu.
28 B’konsegwenza ta’ dan, l-ilment li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva habitat huwa fondat. Għalhekk, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ ukoll fuq dan il-punt.
29 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ma ħaditx il-miżuri xierqa biex tevita, fiż-ŻPS “Valloni e steppe pedegarganiche”, id-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitat ta’ l-ispeċi, kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa l-ispeċi li għalihom din iż-żona ġiet stabbilita, ir-Repubblika Taljana naqset, f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ qabel it-28 ta’ Diċembru 1998, milli twettaq l-obbligi li kienu ġew imposti fuqha skond l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, u, f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ wara din id-data, l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva habitat.
Fuq l-ispejjeż
30 Skond l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi :
1) Billi ma ħaditx il-miżuri xierqa biex tevita, fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali “Valloni e steppe pedegarganiche”, id-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitat ta’ l-ispeċi, kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa l-ispeċi li għalihom din iż-żona ġiet stabbilita, ir-Repubblika Taljana naqset, f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ qabel it-28 ta’ Diċembru 1998, milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, u, f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ wara din id-data, l-obbligi imposti tagħha skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.
2) Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy