SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
21 ta’ Ġunju 2007
Kawża C-424/05 P
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Sonja Hosman-Chevalier
“Appell – Remunerazzjoni – Benefiċċju ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Kunċett ta’ ‘xogħol li sar għal Stat ieħor’”
Suġġett : Appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta’ Settembru 2005, Hosman-Chevalier vs Il-Kummissjoni (T-72/04, Ġabra p. II-3265), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni : Ċaħda ta’ l-appell.
Sommarju
Uffiċjali – Remunerazzjoni – Benefiċċju ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet ta’ għoti
[Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(a)]
Il-kunċett ta’ Stat fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti jinkludi bilfors ir-rappreżentanza permamenti ta’ Stat Membru ma’ l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-persunal ta’ tali rappreżentanza permanenti, inkluż il-persunal amministrattiv u tekniku, għandu jitqies, minħabba li huwa parti mill-istruttura ta’ din ir-Rappreżentazzjoni, fis-servizz ta’ l-Istat Membru kkonċernat u, konsegwentement, f’sitwazzjoni ta’ “espatrijazzjoni” skond din id-dispożizzjoni, indipendentement mill-funzjonijiet partikolari u speċifiċi eżerċitati minnha ġewwa l-imsemmija organizzazzjoni, peress li l-benefiċċju ta’ espatrijazzjoni mhuwiex suġġett għall-eżistenza ta’ rabta ġuridika diretta bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat in kwistjoni. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni timxi ma’ l-awtonomija li jgawdu minnha l-Istati Membri fl-organizzazzjoni interna tar-rappreżentanzi permanenti tagħhom. Fil-fatt, huwa l-Istat Membru li jagħżel l-organizzazzjonijiet maħtura li jagħmlu parti mir-rappreżentanzi permanenti kif ukoll l-interessi pubbliċi li d-diversi organi preżenti fi ħdan dawn ir-rappreżentanzi għandhom jippromwovu fir-relazzjonijiet ma’ l-istituzzjonijiet Komunitarji.
Full & Egal Universal Law Academy